Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2190(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0128/2019

Testi mressqa :

A8-0128/2019

Dibattiti :

PV 26/03/2019 - 12
CRE 26/03/2019 - 12

Votazzjonijiet :

PV 26/03/2019 - 13.26

Testi adottati :

P8_TA(2019)0267

Testi adottati
PDF 162kWORD 55k
It-Tlieta, 26 ta' Marzu 2019 - Strasburgu
Kwittanza 2017: L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA)
P8_TA(2019)0267A8-0128/2019
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2019 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) għas-sena finanzjarja 2017 (2018/2190(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Awtorità(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2019 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Awtorità fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017 (05825/2019 – C8-0080/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 70 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0128/2019),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità għas-sena finanzjarja 2017;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 434, 30.11.2018, p. 132.
(2) ĠU C 434, 30.11.2018, p. 132.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(5) ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2019 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2017 (2018/2190(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Awtorità(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2019 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Awtorità fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017 (05825/2019 – C8-0080/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 70 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0128/2019),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2017;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 434, 30.11.2018, p. 132.
(2) ĠU C 434, 30.11.2018, p. 132.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(5) ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2019 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2017 (2018/2190(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2019 dwar il-proċedura tal-Unjoni għall-awtorizzazzjoni tal-pestiċidi(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0128/2019),

A.  billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha(2), il-baġit finali tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem l-"Awtorità") għas-sena finanzjarja 2017 kien ta' EUR 79 558 730,31, ammont li jirrappreżenta żieda ta' 0,08 % meta mqabbel mal-2016; billi l-baġit tal-Awtorità huwa prinċipalment derivat mill-baġit tal-Unjoni;

B.  billi l-Qorti tal-Awdituri (minn hawn 'il quddiem "il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità għas-sena finanzjarja 2017 (minn hawn 'il quddiem "ir-rapport tal-Qorti"), tistqarr li kisbet assigurazzjoni raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Awtorità huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2017 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 99,98 %, li meta mqabbla mal-2016 tirrappreżenta tnaqqis żgħir ta' 0,02 %; jinnota, barra minn hekk, li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 92,31 % u li din tirrappreżenta żieda ta' 2,65 % meta mqabbla mal-2016;

2.  Itenni t-tħassib tiegħu li jirriżulta mil-livell ripetutament baxx ta' approprjazzjonijiet finanzjarji mill-baġit tal-Unjoni għall-Awtorità;

3.  Jiddispjaċih għad-diskrepanza li qed tikber bejn kompiti li qed jiżdiedu u riżorsi li qed jonqsu, li wasslet għal dewmien sinifikanti fit-twassil ta' ċerti proġetti;

Kanċellazzjoni tar-riporti

4.  Jinnota li l-kanċellazzjonijiet tar-riporti mill-2016 għall-2017 kienu jammontaw għal EUR 291 011,86, ċifra li tirrappreżenta 3,55 % tal-ammont totali riportat u li turi tnaqqis ta' 2,31 % meta mqabbla mal-2016;

Prestazzjoni

5.  Jinnota b'sodisfazzjon li, fl-approċċ ta' ġestjoni tagħha, li huwa wieħed komprensiv u bbażat fuq il-prestazzjoni, l-Awtorità introduċiet diversi indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għall-impatt u għall-eżitu biex tkejjel il-valur miżjud ipprovdut mill-attivitajiet tagħha; jinnota, barra minn hekk, li l-Awtorità tuża indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni oħrajn biex ittejjeb il-ġestjoni baġitarja tagħha;

6.  Jirrikonoxxi li l-2017 kienet l-ewwel sena tal-implimentazzjoni tal-pjan tal-Awtorità mfassal biex iwettaq l-istrateġija tagħha għall-2020 u tal-politika l-ġdida stabbilita biex tiżgura l-indipendenza tal-professjonisti involuti fl-Awtorità; jilqa' l-fatt li l-prestazzjoni tagħha kienet sodisfaċenti u li disa' indikaturi biss jippreżentaw devjazzjoni moderata filwaqt li tnejn biss jippreżentaw devjazzjoni sinifikanti mit-total ta' 65 indikatur;

7.  Jilqa' l-kontribut tal-Awtorità għas-sikurezza tal-katina tal-ikel u l-għalf tal-Unjoni, kif ukoll l-isforzi konsiderevoli tagħha biex tipprovdi konsulenza xjentifika komprensiva, indipendenti u aġġornata dwar kwistjonijiet marbuta mal-katina tal-ikel lill-maniġers tar-riskju tal-Unjoni, biex tikkomunika b'mod ċar ir-riżultati tagħha – u l-informazzjoni li fuqha huma bbażati – lill-pubbliku u biex tikkoopera ma' partijiet ikkonċernati u sħab istituzzjonali bil-għan li tippromwovi l-koerenza u l-fiduċja fis-sistema tas-sikurezza tal-ikel tal-Unjoni;

8.  Jemmen li l-Awtorità għandha tibqa' tagħti attenzjoni speċjali lill-opinjoni pubblika u timpenja ruħha li tkun miftuħa u trasparenti;

9.  Jenfasizza li l-Awtorità ffinalizzat 779 mistoqsija permezz ta' opinjonijiet xjentifiċi, rapporti tekniċi u pubblikazzjonijiet ta' sostenn;

10.  Jinnota li l-evalwazzjoni esterna tal-Awtorità bdiet fl-2017 u li r-riżultati saru disponibbli fl-2018; jistieden lill-Awtorità tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-konklużjonijiet ta' din l-evalwazzjoni u l-miżuri rispettivi meħuda bħala segwitu għal kwalunkwe rakkomandazzjoni;

11.  Jinnota b'apprezzament li l-Awtorità tikkondividi r-riżorsi u l-attivitajiet mal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard fl-oqsma tal-ġbir, tal-analiżi u tal-bażijiet tad-data u fil-valutazzjonijiet xjentifiċi;

Politika dwar il-persunal

12.  Jinnota li, fil-31 ta' Diċembru 2017, it-tabella tal-persunal kienet eżegwita fil-livell ta' 96,28 %, bil-ħatra ta' 311-il uffiċjal u aġent temporanju mit-323 post tax-xogħol awtorizzat skont il-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel ma' 330 post awtorizzat fl-2016); jinnota li, barra minn hekk, 120 aġent kuntrattwali u 12-il espert nazzjonali sekondat kienu qed jaħdmu għall-Awtorità fl-2017;

13.  Jinnota li l-Awtorità adottat il-mudell tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-politika għall-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u għall-prevenzjoni tal-fastidju; jirrikonoxxi li organizzat sessjonijiet ta' taħriġ u ppermettiet konsulenza kunfidenzjali;

14.  Jinnota bi tħassib li fl-2017 waslu żewġ ilmenti formali, li talbu l-ftuħ ta' proċedura formali għal fastidju; jieħu nota tal-konklużjoni tal-Awtorità li ma kien hemm l-ebda bidu ta' prova, li huwa meħtieġ għall-ftuħ ta' inkjesta amministrattiva;

Akkwist

15.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-Awtorità aġġudikat tliet kuntratti qafas f'kaskata f'isem disa' aġenziji li kienu qed jipparteċipaw fis-sejħa miftuħa għall-offerti; jinnota li l-Qorti osservat li kuntratti qafas permezz tal-ftuħ mill-ġdid tal-kompetizzjoni għal kull kuntratt speċifiku huma aktar xierqa minn kuntratti qafas f'kaskata biex jinkiseb valur tajjeb għall-flus f'każ ta' akkwisti fejn is-servizzi reali li jkunu jridu jiġu pprovduti ma jkunux magħrufa fiż-żmien meta titnieda s-sejħa; jieħu nota tal-ġustifikazzjoni tal-Awtorità u jinnota wkoll mir-risposta tagħha li l-Awtorità tqis li l-mekkaniżmu ta' kuntratti qafas f'kaskata huwa aktar adatt minħabba n-natura fit-tul tal-kuntratt qafas speċifiku;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza

16.  Jirrikonoxxi l-miżuri eżistenti u l-isforzi kontinwi tal-Awtorità biex tiżgura l-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u t-trasparenza; jilqa' d-deċiżjoni reċenti tal-Awtorità dwar l-implimentazzjoni ta' regoli li jistabbilixxu linji gwida għall-protezzjoni tal-informaturi u għall-kunfidenzjalità tal-identità tagħhom; jilqa' l-politika aġġornata tal-Awtorità dwar l-indipendenza, li ġiet adottata fl-2017 wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u mal-pubbliku u li għandha l-għan li tibni fuq il-politika li qiegħda tissostitwixxi sabiex tiżgura li l-Awtorità tkun tista' tilħaq bilanċ tajjeb bejn li tattira l-għarfien espert rilevanti mill-komunità xjentifika u li fl-istess ħin tħares l-attivitajiet tagħha minn kwalunkwe influwenza mhux xierqa; jilqa' wkoll id-definizzjoni l-ġdida ta' dak li jikkostitwixxi kunflitt ta' interess, adottata fil-politika l-ġdida tal-Awtorità dwar l-indipendenza; jilqa' wkoll il-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta' interess mill-membri tal-Bord ta' Ġestjoni fis-sit web tal-Awtorità; jiddispjaċih li l-pubblikazzjoni tas-CVs tagħhom għadha ma saritx; jinnota b'apprezzament li sa minn Lulju 2018 l-Awtorità implimentat regoli dwar il-ġestjoni ta' interess kompetittiv, li jissostitwixxu r-regoli dwar id-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-2014;

17.  Jinnota li l-Parlament stieden ripetutament lill-Awtorità, permezz tar-rapporti annwali ta' kwittanza tiegħu, biex timplimenta perjodu ta' preklużjoni ta' sentejn li jipprevjeni lill-esperti b'interessi finanzjarji marbuta ma' kumpaniji li s-sustanzi tagħhom jiġu evalwati mill-Awtorità milli jagħmlu parti mill-kumitati xjentifiċi jew mill-gruppi ta' ħidma tal-Awtorità;

18.  Jinsab konvint li l-Awtorità għandha tiġi allokata baġit u riżorsi suffiċjenti biex jiġi żgurat li tkun tista' tqabbad esperti indipendenti ħielsa minn kunflitti ta' interess;

19.  Jinnota b'apprezzament l-impenn tal-Awtorità favur l-adozzjoni ta' rapport annwali dwar l-attivitajiet relatati mal-indipendenza, li se jiġi inkluż fir-rapport annwali konsolidat bħala anness u li se jkun fih is-sejbiet tal-awditi kif ukoll tal-kontrolli ta' konformità u ta' veraċità;

20.  Jilqa' l-fatt li l-esperti mill-Istati Membri issa se jkollhom jippreżentaw dikjarazzjoni pubblika ta' interess lill-Awtorità; jinsisti li dawk id-dikjarazzjonijiet jiġu vverifikati mill-Awtorità u jiġu ppubblikati;

21.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, hemm bżonn li tissaħħaħ l-indipendenza tal-uffiċjal tal-kontabbiltà billi dan isir direttament responsabbli quddiem id-Direttur Eżekuttiv u l-Bord ta' Ġestjoni tal-Awtorità; jinnota li, skont ir-risposta tal-Awtorità, diġà għandha rekwiżiti formali fis-seħħ biex tiżgura l-indipendenza tal-uffiċjal tal-kontabbiltà;

22.  Ifakkar fir-rakkomandazzjonijiet tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-16 ta' Jannar 2019 dwar il-proċedura tal-Unjoni għall-awtorizzazzjoni tal-pestiċidi, u b'mod partikolari l-istedina li għamel lill-Awtorità: biex ittejjeb il-komunikazzjoni tagħha rigward ir-riskju, sabiex tinforma lill-pubbliku b'mod xieraq, li jinftiehem u aċċessibbli faċilment; biex taġġorna b'mod regolari d-dokumenti ta' gwida tagħha f'konformità mal-iżviluppi l-aktar reċenti fl-oqsma rilevanti kollha, bil-ħsieb li jiġu vvalutati l-effetti fil-qosor u fit-tul tal-livelli ta' residwi ta' sustanzi attivi, formulazzjonijiet u taħlitiet fl-ilmijiet tal-wiċċ, fil-ħamrija, fir-riħ u fit-trab; biex tagħmel l-informazzjoni pprovduta fuq is-sit web tagħha aktar faċli għall-utent u biex tiffaċilita l-estrazzjoni tad-data; biex tippubblika l-opinjonijiet tagħha f'ġurnali soġġetti għal evalwazzjoni bejn il-pari, sabiex tintensifika diskussjonijiet kostruttivi u tinċentivizza u tħeġġeġ lil aktar esperti nazzjonali u xjenzjati oħra biex jipparteċipaw f'xogħolha;

23.  Jinnota li grupp ta' Membri tal-Parlament Ewropew fetħu kawża kontra l-Awtorità talli ma tatx aċċess sħiħ għal ċerti dokumenti fil-każ tal-glifosat; jistieden lill-Awtorità timplimenta d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta' Marzu 2019 bla riżervi u mingħajr aktar dewmien;

Kontrolli interni

24.  Jinnota b'apprezzament li l-Awtorità rrevediet il-proċess tagħha tal-ġestjoni tar-riskju biex tiżgura li r-riskji kollha jkunu koperti u li, barra minn hekk, żviluppat strateġija kontra l-frodi, wara valutazzjoni tar-riskju interna mwettqa skont il-metodoloġija u l-gwida tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi;

25.   Jirrikonoxxi li l-Awtorità implimentat strateġija ta' kontroll finanzjarju ex post fil-forma ta' approċċ ta' kontroll proporzjonat f'konformità mal-obbligi legali u li, barra minn hekk, iddefiniet il-governanza tal-assigurazzjoni u rrevediet il-qafas ta' kontroll intern tagħha bil-ħsieb li tadotta approċċ imsejjes fuq il-prinċipji;

26.  Jieħu nota li s-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni eżamina l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni mfassal insegwitu ta' rakkomandazzjoni tal-IAS biex il-governanza tal-IT tal-Awtorità tiġi aġġornata u kkonkluda li r-rakkomandazzjonijiet kollha tal-awditjar kienu ġew implimentati b'mod adegwat u effikaċi;

27.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-IAS ħareġ rapport tal-awditjar dwar il-proċess għall-evalwazzjoni ta' prodotti rregolati li kopra l-fażi ta' valutazzjoni fl-awtorizzazzjoni tal-pestiċidi u ġew identifikati żewġ osservazzjonijiet importanti ħafna; jinnota li l-Awtorità qed tħejji pjan ta' azzjoni korrispondenti; jistieden lill-Awtorità tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni ta' dak il-pjan ta' azzjoni;

o
o   o

28.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Marzu 2019(3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) Testi adottati, P8_TA(2019)0023.
(2) ĠU C 311, 19.9.2017, p. 9.
(3) Testi adottati, P8_TA-PROV(2019)0254.

Aġġornata l-aħħar: 20 ta' April 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza