Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2207(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0152/2019

Testi mressqa :

A8-0152/2019

Dibattiti :

PV 26/03/2019 - 12
CRE 26/03/2019 - 12

Votazzjonijiet :

PV 26/03/2019 - 13.29

Testi adottati :

P8_TA(2019)0270

Testi adottati
PDF 172kWORD 54k
It-Tlieta, 26 ta' Marzu 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Kwittanza 2017: Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT)
P8_TA-PROV(2019)0270A8-0152/2019
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2019 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) għas-sena finanzjarja 2017 (2018/2207(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Istitut(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2019 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Istitut fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017 (05825/2019 – C8-0097/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 70 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 294/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2008 li jistabbilixxi l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 21 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0152/2019),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-direttur interim tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut għas-sena finanzjarja 2017;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur interim tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 434, 30.11.2018, p. 64.
(2) ĠU C 434, 30.11.2018, p. 64.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1
(5) ĠU L 97, 9.4.2008, p. 1.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2019 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2017 (2018/2207(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Istitut(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2019 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Istitut fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017 (05825/2019 – C8-0097/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 70 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 294/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2008 li jistabbilixxi l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 21 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0152/2019),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2017;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur interim tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 434, 30.11.2018, p. 64.
(2) ĠU C 434, 30.11.2018, p. 64.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1
(5) ĠU L 97, 9.4.2008, p. 1.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2019 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2017 (2018/2207(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0152/2019),

A.  billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u n-nefqa tiegħu(1), il-baġit finali tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija ("l-Istitut") għas-sena finanzjarja 2017 kien jammonta għal EUR 338 465 181, li jirrappreżenta żieda ta' 15,20 % meta mqabbel mal-2016, prinċipalment minħabba ż-żieda fl-għotjiet lill-Istitut biex jalloka fost il-Komunitajiet ta' Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI); billi, l-kontribuzzjoni kumplessiva tal-Unjoni għall-baġit tal-Istitut għall-2017 tammonta għal EUR 315 147 801,58;

B.  billi l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Istitut għas-sena finanzjarja 2017 (ir-"rapport tal-Qorti"), tiddikjara li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Istitut huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.  Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2017 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni baġitarja ta' 91,23 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta' 3,8 % meta mqabbla ma' dik tal-2016; josserva li dan in-numru baxx huwa marbut mar-rata ta' implimentazzjoni baxxa tal-approprjazzjonijiet għall-impenji tal-għotjiet; jirrikonoxxi mill-Istitut li se jipprova jtejjeb il-proċessi baġitarji tiegħu biex itejjeb l-implimentazzjoni; jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 99,5 %, li tirrappreżenta żieda żgħira ta' 0,36 % meta mqabbla mal-2016; jinnota li kien hemm rata baxxa ta' implimentazzjoni minħabba dewmien mhux previst fl-introduzzjoni tas-Sysper għall-ġestjoni tar-riżorsi umani kif ukoll stima eċċessiva ta' spejjeż oħra ta' manutenzjoni; jistieden, b'mod partikolari, lill-Istitut biex itejjeb l-implimentazzjoni f'dan il-qasam;

2.  Jinnota bi tħassib mir-rapport tal-Qorti li l-komunitajiet ta' konoxxenza u innovazzjoni (KKI), ma użawx bis-sħiħ l-għotjiet mogħtija mill-Istitut, prinċipalment minħabba implimentazzjoni mhux kompluta tal-pjanijiet ta' direzzjoni tan-negozju; jirrikonoxxi mit-tweġiba tal-Istitut li biħsiebu jindirizza din il-kwistjoni billi jersaq lejn ftehimiet ta' għotjiet pluriennali ma' KKI fil-perjodu wara l-2020; jistieden lill-Istitut jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-passi li ttieħdu f'dan ir-rigward;

3.  Jinnota bi tħassib mir-rapport tal-Qorti li kien hemm żieda fir-rati uniċi ta' rimborż (SRRs) f'diversi KKI, bil-għan li jħeġġeġ lill-KKI biex isibu sorsi ta' finanzjament proprji u jinċentivizzahom biex gradwalment isiru indipendenti mill-Istitut; jieħu nota tat-tweġiba tal-Istitut li l-aġġustament tal-SRRs huwa konformi mal-bażi legali applikabbli, u jqis li xi KKI jistgħu jiksbu proporzjon sinifikanti ta' riżorsi waħedhom;

4.  Jiddispjaċih li xi attivitajiet ġew miżjuda ma' żewġ KKI, li jemendaw il-pjanijiet ta' negozju inizjali u l-għotjiet allokati lilhom, li jmur kontra r-Regoli ta' Applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju, peress li jdgħajjef it-trattament ugwali tal-KKI; jinnota mit-tweġiba tal-Istitut li huma ma jqisux li dan huwa l-każ, peress li teżisti l-possibbiltà li jiżdiedu l-kompiti tal-KKI u li l-bidliet fl-għotjiet mhumiex importanti (3,9 % u 0,6 %);

5.  Jinnota b'sodisfazzjon li r-rata ta' żball misjuba matul il-verifika ex-post tal-għotjiet tal-2016, imwettqa minn fornitur estern tas-servizzi, kienet ta' 0,98 % u r-rata ta' żball residwu hija ta' 0,95 %, li hija ferm taħt il-livell ta' materjalità ta' 2 %.

Kanċellazzjoni tar-riporti

6.  Jiddispjaċih li l-kanċellazzjonijiet tar-riporti mill-2016 għall-2017 kienu jammontaw sa EUR 95 721, ċifra li tirrappreżenta 16,26 % tal-ammont totali riportat u li turi żieda notevoli ta' 5,33 % meta mqabbla mal-2016; jinnota bi tħassib li dan l-ammont għoli huwa prinċipalment minħabba l-impossibbiltà li l-KKI jassorbu l-għotjiet trasferiti 'l quddiem;

Prestazzjoni

7.  Jirrikonoxxi li l-Istitut juża ċerti indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex ikejjel il-prestazzjoni tal-KKI, kif ukoll l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni ta' Orizzont 2020 biex jivvaluta l-prestazzjoni tiegħu stess fil-ġestjoni tal-KKI u l-indikaturi stabbiliti fid-dokument uniku ta' programmazzjoni biex ikejjel attivitajiet operattivi oħra; jinnota barra minn hekk li juża indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni addizzjonali biex itejjeb il-ġestjoni baġitarja tiegħu;

8.  Jilqa' l-fatt li l-Istitut wettaq proċeduri ta' akkwist pubbliku konġunti u waqqaf kumitati tal-għażla komuni għall-persunal mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi, filwaqt li japprofitta mill-fatt li t-tnejn li huma jinsabu Budapest;

9.  Josserva li evalwazzjoni esterna biex tivvaluta l-impatt, il-governanza, il-proċessi u l-progress lejn is-sostenibbiltà finanzjarja tal-ewwel mewġa ta' KKI għall-perjodu 2010 sa 2016 saret fl-2017, u matul l-2018 l-Istitut se jikkonkludi r-rieżami; jistieden lill-Istitut jinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-konklużjonijiet ta' dan ir-rieżami;

Politika dwar il-persunal

10.  Jinnota li fil-31 ta' Diċembru 2017, it-tabella tal-persunal kienet mimlija sa 92,68 %, bil-ħatra ta' 38 aġent temporanju minn 41 aġent temporanju li kienu awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni (39 post awtorizzat fl-2016); jinnota wkoll li, fl-2017, l-Istitut ħaddem 20 aġent kuntrattwali u żewġ esperti nazzjonali sekondati; iħeġġeġ lill-Istitut joqgħod lura milli jiddependi wisq fuq kuntratti temporanji;

11.  Jinnota li l-Istitut adotta politika dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju; jirrikonoxxi li huwa pparteċipa fis-sejħa għal espressjoni ta' interessi għal konsulenti kunfidenzjali bejn l-aġenziji;

12.  Jieħu nota tal-fatt li strutturalment l-Istitut nieqes mill-persunal, kif ġie magħruf ukoll mill-Qorti fir-Rapport Speċjali tiegħu Nru 4/2016; jiddispjaċih li t-talbiet tal-Istitut biex iżid b'mod sinifikanti l-kapaċità tal-persunal tiegħu ġew miċħuda mill-Kummissjoni; jistieden lill-Istitut jinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar kull żvilupp f'dan ir-rigward;

13.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li, skont l-istatuti tal-Istitut, jista' biss joffri kuntratti ta' aġenti temporanji għal massimu ta' ħames snin, li jistgħu jiġu estiżi għal ħames snin oħra, u peress li hemm membri ewlenin tal-persunal li se jilħqu l-massimu ta' għaxar snin fl-2020, jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-kontinwità tal-operazzjonijiet tista' tkun potenzjalment imfixkla; jinnota mit-tweġiba tal-Istitut li huwa konxju mill-problema u għal dik ir-raġuni talab l-opinjoni legali tal-Kummissjoni permezz ta' ittra; jistieden lill-Istitut jinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar kif tiżvolġi dik il-kwistjoni;

14.  Jiddispjaċih li jinnota, mir-rapport tal-Qorti, li d-direttur interim attwali tal-Istitut inħatar fl-2014, u li minn dak iż-żmien 'l hawn kellu l-kariga ad interim; jindika li dik il-prattika tmur kontra r-Regolamenti tal-Persunal li jillimitaw id-durata għal massimu ta' sena. jiddispjaċih li l-proċedura tal-għażla biex jiġi nnominat direttur ġdid li tnediet fl-2016 ma rnexxietx; jieħu nota li għal darb' oħra ġie ppubblikat avviż ta' post battal f'Ġunju 2018; iħeġġeġ lill-Istitut jissostitwixxi lid-direttur interim b'direttur ġdid mingħajr aktar dewmien; jistieden lill-Istitut jinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar ir-riżultati tal-proċess ta' għażla għaddej bħalissa;

15.  Jilqa' s-suġġeriment tal-Qorti li l-avviżi ta' pożizzjonijiet battala jiġu ppubblikati anke fuq is-sit web tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal sabiex tiżdied il-pubbliċità; jifhem ir-risposta tal-Istitut rigward l-ispejjeż għolja tat-traduzzjoni li jirriżultaw minn din il-pubblikazzjoni;

Akkwist

16.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li, sa tmiem l-2017, l-Istitut kien għadu ma implimenta l-ebda għodda mnedija mill-Kummissjoni bil-għan li tiġi introdotta soluzzjoni waħda għall-iskambju elettroniku ta' informazzjoni ma' partijiet terzi li jipparteċipaw fi proċeduri ta' akkwist (akkwist elettroniku); jinnota mit-tweġiba tal-Istitut li biħsiebu jadotta għodod ta' sejħiet għal offerti elettroniċi u ta' sottomissjoni elettronika, li għalihom għaddejjin azzjonijiet preparatorji; jappella lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni tal-għodod meħtieġa kollha;

17.  Jinnota b'dispjaċir kwistjoni pendenti mir-rapport tal-Qorti tal-2016, meta sab dgħufijiet sinifikanti fl-awditjar tal-proċeduri ta' akkwist tal-Entitajiet Legali tal-KKI, li kienu kkunsidrati bħala żona ta' riskju kbir, inklużi irregolaritajiet bħall-għoti dirett ta' kuntratti, u estensjonijiet sinifikanti ta' kuntratti inizjali jew kuntratti mingħajr limiti ta' żmien, volum, kwalità jew prezz, li jikkwantifikaw il-proċeduri ta' akkwist irregolari fl-2016 sa EUR 2 200 000; jilqa' l-miżuri meħuda u r-rakkomandazzjonijiet mogħtija mill-Istitut biex jindirizza din il-kwistjoni; jistieden lill-Istitut jgħaddi rapport lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' azzjoni tal-entitajiet legali tal-KKI;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza

18.  Jagħraf il-miżuri eżistenti tal-Istitut u l-isforzi kontinwi biex jiġu żgurati t-trasparenza, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, u l-protezzjoni tal-informaturi; jieħu nota tal-fatt li fl-2017 ġew identifikati u vvalutati bosta każijiet ta' kunflitti ta' interess u li ttieħdu miżuri adegwati; jinnota li fl-2017, żewġ każijiet ta' suspett ta' frodi ġew miċħuda mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, u dan ħalla inkjesta waħda miftuħa mill-2016;

Kontrolli interni

19.  Jinnota li s-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni ffinalizza l-Awditjar dwar il-Monitoraġġ tal-Ftehimiet ta' Għotja u kkonkluda li l-qafas huwa adegwat iżda l-implimentazzjoni għandha tittejjeb; jiddispjaċih li r-rieżamijiet tal-KKI mill-Istitut ma kinux ibbażati fuq ir-rapporti annwali tagħhom, u li l-Istitut ma kopriex b'mod sistematiku xi riskji, li ma kienx indirizza r-rekwiżiti kollha ta' governanza fid-dettall u li ma pprovdiex feedback dwar il-governanza tajba għat-tieni mewġa ta' KKI; jirrimarka, barra minn hekk, li għalkemm huwa ddikjarat fil-Programm ta' Ħidma għall-2016, l-Istitut ma ħariġx rapport dwar il-governanza tajba tal-KKI;

20.  Jiddispjaċih għan-numru ta' kwistjonijiet pendenti u miżuri korrettivi li għaddejjin b'reazzjoni għall-kummenti tal-Qorti fl-2014, 2015 u 2016 relatati b'mod partikolari mal-kondizzjoni ta' finanzjament, il-finanzjament minn sorsi pubbliċi, għotjiet u sorsi privati; jistieden lill-Istitut jikkompleta l-azzjonijiet korrettivi kemm jista' jkun malajr u jinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni tagħhom;

21.  Jinnota bi tħassib li fl-2017, ġew irreġistrati żewġ rapporti ta' eċċezzjoni (stmati għal EUR 5 318 720) relatati ma' kontrolli prevalenti jew devjazzjonijiet mill-proċessi u l-proċeduri stabbiliti u ħames avvenimenti ta' nuqqas ta' konformità (stmati għal EUR 2 250); jirrikonoxxi madankollu mill-Istitut li l-avvenimenti kollha ġew ivvalutati u ttieħdu miżuri korrettivi;

Kummenti oħra

22.  Jinnota li l-mira oriġinali stabbilita mill-Kummissjoni biex l-Istitut jikseb l-awtonomija finanzjarja kienet sal-2010; jirrikonoxxi li l-Kummissjoni finalment tat lill-Istitut awtonomija finanzjarja sħiħa f'Diċembru 2017, peress li dan kiseb konformità mal-istandards ta' kontroll intern;

o
o   o

23.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Marzu 2019(2) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) ĠU C 166/14, 24.05.2017, p. 14
(2) Testi adottati, P8_TA-PROV(2019)0254.

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' Marzu 2019Avviż legali