Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2188(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0130/2019

Testi mressqa :

A8-0130/2019

Dibattiti :

PV 26/03/2019 - 12
CRE 26/03/2019 - 12

Votazzjonijiet :

PV 26/03/2019 - 13.32

Testi adottati :

P8_TA(2019)0273

Testi adottati
PDF 171kWORD 54k
It-Tlieta, 26 ta' Marzu 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Kwittanza 2017: L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA)
P8_TA-PROV(2019)0273A8-0130/2019
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2019 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) għas-sena finanzjarja 2017 (2018/2188(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2019 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017 (05825/2019 – C8-0078/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 70 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0130/2019),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2017;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 434,30, 21.12.2013, p. 75.
(2) ĠU C 434,30, 21.12.2013, p. 75.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(5) ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2019 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2017 (2018/2188(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2019 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017 (05825/2019 – C8-0078/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 70 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0130/2019),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2017;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 434,30, 21.12.2013, p. 75.
(2) ĠU C 434,30, 21.12.2013, p. 75.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(5) ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2019 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2017 (2018/2188(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0130/2019),

A.  billi skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha(1), il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (l-"Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2017 kien jammonta għal EUR 86 276 654,33, li jfisser żieda ta' 22,87 % meta mqabbel mal-2016; billi ż-żieda kienet prinċipalment relatata mal-mandat imsaħħaħ tal-Aġenzija; billi l-baġit tal-Aġenzija huwa kompletament derivat mill-baġit tal-Unjoni;

B.  billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2017 ("ir-rapport tal-Qorti"), sostniet li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-isforzi ta' monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2017 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni baġitarja ta' 98,04 %, li tfisser tnaqqis żgħir ta' 0,03 % meta mqabbel mal-2016, u li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 96,25 %, li tfisser tnaqqis ta' 1,55 %;

Kanċellazzjoni tar-riporti

2.  Jiddispjaċih ħafna għal-livell għoli ta' kanċellazzjonijiet tar-riporti mill-2016 għall-2017 li kienu jammontaw għal EUR 792 182, jiġifieri 23,30 % tal-ammont totali riportat, li jfisser żieda konsiderevoli ta' 12,12 % meta mqabbel mal-2016;

Prestazzjoni

3.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Aġenzija tuża għadd ta' Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni speċifiċi biex tkejjel l-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma annwali tagħha u li l-evalwazzjoni tal-Aġenzija tirrappreżenta l-istrument ewlieni għall-valutazzjoni tal-valur miżjud ipprovdut mill-attivitajiet tagħha; jirrikonoxxi l-approċċ kostruttiv tal-Aġenzija, li jenfasizza kemm l-objettivi pluriennali kif ukoll dawk annwali u l-evalwazzjoni xierqa tal-kisba ta' dawk l-objettivi; jinnota li l-Aġenzija tuża biss ir-rata ta' eżekuzzjoni baġitarja bħala l-Indikatur Ewlieni tal-Prestazzjoni biex ittejjeb il-ġestjoni baġitarja tagħha;

4.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Aġenzija rnexxielha fl-operazzjonijiet relatati mal-estensjoni tal-mandat tagħha u li s-sistema ta' kwalità tagħha għal żjarat u spezzjonijiet ġiet ikkonsolidata;

5.  Josserva li l-kwalità għolja tas-sistemi ta' informazzjoni u tal-bażijiet tad-data żviluppati mill-Aġenzija taw lok għal interess dejjem akbar min-naħa ta' pajjiżi terzi biex tiġi eżaminata l-possibbiltà li jiġi esportat l-għarfien tal-Aġenzija u, b'konsegwenza ta' hekk, l-istandards u s-soluzzjonijiet tal-Unjoni lill hinn mid-dimensjoni ġeografika tagħha, filwaqt li fl-istess ħin jiġu salvagwardjati r-riżorsi tal-Aġenzija u l-interessi tal-Unjoni;

6.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Aġenzija taħdem f'sinerġija maċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga f'servizzi korporattivi u ta' appoġġ u fil-ġestjoni ta' bini komuni f'Lisbona; jinnota b'sodisfazzjon li l-Aġenzija tikkoopera mal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għal dak li jikkonċerna l-funzjoni ta' gwardja tal-kosta Ewropea;

7.  Jilqa' pożittivament il-fatt li l-Aġenzija qiegħda tfittex sinerġiji ta' azzjonijiet ma' aġenziji oħra tal-Unjoni, sabiex jinkisbu aktar effikaċja u effiċjenza kif ukoll jitnaqqsu l-ispejjeż; jilqa' u jħeġġeġ f'dan ir-rigward il-kollaborazzjoni tal-Aġenzija ma' Aġenziji oħrajn tal-Unjoni b'appoġġ għall-Aġenda tal-UE dwar il-Migrazzjoni, bħall-forniment min-naħa tal-Aġenzija, ta' għadd dejjem akbar ta' servizzi lil Frontex; iħeġġeġ lill-Aġenzija tikkoopera ma' Aġenziji oħra tal-Unjoni fir-rigward tal-indirizzar tal-kriżi tar-rifuġjati, inkluż fit-twettiq ta' attivitajiet ta' importanza kritika lil hinn mill-mandat oriġinali tagħha, bħal pereżempju l-kontribut tal-għarfien espert, l-appoġġ operattiv u l-persunal biex jgħinu fl-indirizzar tal-kriżi tar-rifuġjati;

8.  Jiddispjaċih li d-dewmien fl-operazzjonijiet tas-sistemi ta' inġenju tal-ajru ppilotat mill-bogħod ta lok għal emenda tal-baġit li kienet tinkludi tnaqqis tas-sussidju tal-Unjoni korrispondenti għall-ammont mhux użat fl-2017 u li kienet tirreferi għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tal-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta; jilqa' madankollu l-isforzi tal-Aġenzija, permezz ta' dawn il-proġetti, biex tagħti servizzi operattivi, analiżi, għarfien espert u appoġġ tekniku lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-utenti tas-settur marittimu; iħeġġeġ għaldaqstant lill-Aġenzija tintensifika l-isforzi tagħha biex tegħleb il-problemi organizzattivi, tekniċi, ġuridiċi u kuntrattwali marbuta mal-operazzjonijiet tas-sistemi ta' inġenju tal-ajru ppilotat mill-bogħod;

9.  Jistieden lill-Aġenzija tisfrutta kemm jista' jkun l-użi potenzjali tas-sistemi ta' inġenju tal-ajru ppilotat mill-bogħod; jenfasizza li s-sistemi ta' inġenju tal-ajru ppilotat mill-bogħod għandhom natura b'użi għal skopijiet multipli u jistgħu jintużaw f'firxa ta' attivitajiet, fosthom l-għajnuna lill-opri tal-baħar u lill-persuni fil-periklu, il-monitoraġġ u l-lokalizzazzjoni tat-tniġġis tal-baħar, inklużi ħruġ ta' żejt u l-iskart, kif ukoll l-identifikazzjoni ġenerali u s-segwiment tal-opri tal-baħar ta' kull daqs u tal-attivitajiet tagħhom, inkluż l-identifikazzjoni ta' attivitajiet potenzjalment illegali (pereżempju, is-sajd illegali, it-traffikar tad-droga, il-migrazzjoni illegali, eċċ.);

10.  Jenfasizza li l-għarfien espert u l-kapaċitajiet interni tal-Aġenzija jagħtuha l-opportunità li tespandi l-azzjoni u l-għoti ta' servizz tagħha fuq skala aktar globali, u b'hekk tikkontribwixxi biex iżżid l-portata tal-oqsfa regolatorji u l-istandards tas-sikurezza u dawk ambjentali tal-Unjoni;

11.  Jinnota li l-evalwazzjoni esterna indipendenti dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament Fundatur tal-Aġenzija seħħet fl-2017; jinnota b'sodisfazzjon li r-riżultat kien pożittiv, u kkonkluda li "l-EMSA b'mod ġenerali qed tipprovdi valur miżjud fl-oqsma kollha tagħha u għall-partijiet ikkonċernati kollha tagħha";

Politika dwar il-persunal

12.  Jinnota li, fil-31 ta' Diċembru 2017, 98,58 % tat-tabella tal-persunal kienet eżegwita, u li, mit-total ta' 212-il aġent temporanju awtorizzat mill-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel ma' 202 postijiet tax-xogħol awtorizzati fl-2016) kienu nħatru 205; jinnota li, barra minn hekk, 44 aġent kuntrattwali u dsatax-il espert nazzjonali sekondati kienu qed jaħdmu għall-Uffiċċju fl-2017;

13.  Jiddispjaċih għall-iżbilanċ bejn is-sessi fost il-membri tal-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija, fejn 46 membru minn 56 huma rġiel filwaqt li għaxra huma nisa; jieħu nota mill-Aġenzija li n-nomina tal-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija taqa' taħt il-kompetenza tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri; jitlob f'dan ir-rigward lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-importanza li jiġi żgurat bilanċ bejn is-sessi meta jippreżentaw in-nomini tagħhom għall-membri tal-Bord;

14.  Jinnota li l-Aġenzija adottat il-mudell tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-politika għall-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju, u li konsulenti kunfidenzjali huma maħtura u mħarrġa;

15.  Jilqa' s-suġġeriment tal-Qorti li l-avviżi ta' postijiet battala jiġu ppubblikati anke fuq is-sit web tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal sabiex tiżdied il-pubbliċità; jifhem ir-risposta tal-Aġenzija rigward l-ispejjeż għolja tat-traduzzjoni li jirriżultaw minn din il-pubblikazzjoni;

Akkwist

16.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li, sa tmiem l-2017, l-Aġenzija kienet għadha mhix qed tuża l-għodod kollha varati mill-Kummissjoni bil-għan li tiġi introdotta soluzzjoni waħda għall-iskambju elettroniku ta' informazzjoni ma' partijiet terzi li jipparteċipaw fi proċeduri ta' akkwist (akkwist elettroniku); jinnota mir-risposta tal-Aġenzija li hija introduċiet il-moduli tal-akkwist elettroniku mill-bidu tal-2018;

17.  Jinnota bi tħassib mir-rapport tal-Qorti li l-Aġenzija ma qabblitx sistematikament il-prezzijiet u ż-żidiet debitati mal-istimi u l-fatturi li nħarġu mill-fornituri lill-kuntrattur qafas għall-akkwist tal-liċenzji tas-software; jinnota mir-risposta tal-Aġenzija li se tfakkar lill-Uffiċjali tal-Proġett biex b'mod konsistenti jqabblu dawn il-prezzijiet u se jitlob lill-Awtorità Kontraenti titlob lill-kuntrattur jipprovdi informazzjoni dwar il-prezzijiet; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar kwalunkwe żvilupp dwar din il-kwistjoni;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza

18.  Jirrikonoxxi l-miżuri eżistenti u l-isforzi kontinwi tal-Aġenzija biex tiżgura t-trasparenza, il-prevenzjoni, il-ġestjoni tal-kunflitti ta' interessi, u l-protezzjoni tal-informaturi; jinnota b'sodisfazzjon li l-Aġenzija timplimenta l-istrateġija tagħha għall-prevenzjoni u d-detezzjoni tal-frodi, u li għadhom jiġu implimentati għadd ta' azzjonijiet speċifiċi, inklużi korsijiet ta' taħriġ dwar l-Etika u l-Integrità;

19.  Jinnota li fl-2017 ma ġie rrapportat l-ebda każ ta' kunflitti ta' interess; jilqa' pożittivament l-kontrolli interni b'saħħithom immirati biex il-membri tal-persunal kollha jkunu jafu bl-obbligi relatati mad-dikjarazzjonijiet ta' assenza ta' kunflitt ta' interess;

Kontrolli interni

20.  Jieħu nota li s-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni awditja l-azzjonijiet iffinanzjati mill-proġetti tal-Aġenzija, u kkonkluda li s-sistemi ta' ġestjoni u kontroll imfassla għal dan is-suġġett huma mfassla b'mod adegwat u implimentati b'mod effikaċi u effiċjenti; jirrimarka, b'ċertu tħassib, li l-IAS ħareġ tliet rakkomandazzjonijiet, li minnhom l-Aġenzija aċċettat waħda biss, minkejja l-fatt li ż-żewġ rakkomandazzjonijiet rifjutati ġew ikkategorizzati bħala "Importanti ħafna"; jieħu nota tal-ġustifikazzjoni tar-rifjut tal-Aġenzija, fejn talab lill-Kummissjoni tiżviluppa gwida orizzontali dwar l-azzjonijiet iffinanzjati mill-proġetti u l-kalkolu tal-ispejjeż tal-aġenziji relatati ma' dawn l-azzjonijiet;

21.  Jinnota li l-IAS awditja s-sistemi ta' ġestjoni u kontroll tar-Riżorsi Umani tal-Aġenzija, u kkonkluda li huma adegwati u kapaċi jappoġġjaw lill-Aġenzija fil-kisba tal-objettivi strateġiċi tagħha; jinnota li l-IAS ħareġ tliet rakkomandazzjonijiet ikklassifikati bħala "Importanti" u tnejn bħala "Mixtieqa", li l-Aġenzija aċċettat u li għalihom żviluppat pjan ta' azzjoni biex tindirizza l-ħtiġijiet għat-titjib; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-evoluzzjoni tal-miżuri meħuda;

22.  Jinnota li, konformement mal-politika ta' ġestjoni tar-riskji, ir-reġistru tar-riskji ġie aġġornat fl-2017 u li dan l-aġġornament ma rriżultax f'riskji kritiċi li setgħu wasslu għal riżerva formali fir-rigward tad-dikjarazzjoni annwali ta' assigurazzjoni tal-uffiċjal awtorizzanti; josserva wkoll li l-ebda riskju identifikat qabel ma kkonkretizza ruħu fl-2017;

Kummenti oħra

23.  Jinnota l-isforzi preliminari tal-Aġenzija biex tiżgura post tax-xogħol kosteffikaċi u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent; jirrimarka madankollu li l-Aġenzija ma għandhiex miżuri addizzjonali fis-seħħ biex tnaqqas jew tinnewtralizza l-emissjonijiet tas-CO2;

o
o   o

24.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Marzu 2019(2) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) ĠU C 108/44, 22.03.2018, p. 225.
(2) Testi adottati, P8_TA-PROV(2019)0254.

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' Marzu 2019Avviż legali