Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2218(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0102/2019

Testi mressqa :

A8-0102/2019

Dibattiti :

PV 26/03/2019 - 12
CRE 26/03/2019 - 12

Votazzjonijiet :

PV 26/03/2019 - 13.48

Testi adottati :

P8_TA(2019)0289

Testi adottati
PDF 168kWORD 55k
It-Tlieta, 26 ta' Marzu 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Kwittanza 2017: L-Impriża Konġunta "Komponenti u Sistemi Elettroniċi għat-Tmexxija Ewropea" (ECSEL)
P8_TA-PROV(2019)0289A8-0102/2019
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2019 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta ECSEL għas-sena finanzjarja 2017 (2018/2218(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta ECSEL għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta ECSEL għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Impriża Konġunta(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2019 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017 (05827/2019 – C8-0107/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 209 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(4)4, u b'mod partikolari l-Artikolu 71 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 561/2014 tas-6 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta ECSEL(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 110/2014 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar il-Mudell tar-Regolament Finanzjarju għal korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0102/2019),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta ECSEL għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2017;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta ECSEL, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 452,14.12.2018 p.10.
(2) ĠU C 452,14.12.2018 p.12.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 193, 360.7.2018, p. 1.
(5) ĠU L 169, 7.6.2014, p. 152.
(6) ĠU L 38, 7.2.2014, p. 2.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2019 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta ECSEL għas-sena finanzjarja 2017 (2018/2218(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta ECSEL għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta ECSEL għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Impriża Konġunta(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-12 ta' Frar 2019 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017 (05827/2019 – C8-0107/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 209 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/20124, u b'mod partikolari l-Artikolu 71 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 561/2014 tas-6 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta ECSEL(4)(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 110/2014 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar il-Mudell tar-Regolament Finanzjarju għal korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0102/2019),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta ECSEL għas-sena finanzjarja 2017;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta ECSEL, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 452,14.12.2018 p.10.
(2) ĠU C 452,14.12.2018 p.12.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(5) ĠU L 169, 7.6.2014, p. 152.
(6) ĠU L 38, 7.2.2014, p. 2.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2019 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta ECSEL għas-sena finanzjarja 2017 (2018/2218(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta ECSEL għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0102/2019),

A.  billi fis-7 ta' Ġunju 2014 l-Impriża Konġunta ECSEL dwar Komponenti u Sistemi Elettroniċi għal Tmexxija Ewropea (l-"Impriża Konġunta") ġiet stabbilita fis-sens tal-Artikolu 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-għan li timplimenta l-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar "Komponenti u Sistemi Elettroniċi għal Tmexxija Ewropea" ("ECSEL") għal perjodu sal-31 ta' Diċembru 2024;

B.  billi l-Impriża Konġunta ġiet stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 561/2014(1) f'Ġunju 2014 biex tissostitwixxi u tieħu post l-Impriżi Konġunti ARTEMIS u ENIAC;

C.  billi l-Impriża Konġunta għandha approċċ tripartitiku speċifiku u l-membri tal-Impriża Konġunta huma l-Unjoni, l-Istati Membri u, fuq bażi volontarja, il-pajjiżi assoċjati mal-programm Orizzont 2020 ("Stati Parteċipanti") u assoċjazzjonijiet ta' membri privati ("Membri Privati") li jirrappreżentaw il-kumpaniji kostitwenti tagħhom u organizzazzjonijiet oħra li huma attivi fil-qasam tal-komponenti u tas-sistemi elettroniċi fl-Unjoni; billi l-Impriża Konġunta għandha tkun miftuħa għal membri ġodda;

D.  billi l-objettiv ewlieni tal-Impriża Konġunta huwa li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' industrija ta' komponenti u sistemi elettroniċi b'saħħitha u kompetittiva globalment fl-Unjoni, li tibnu fuq strateġiji allinjati tal-Istati Membri biex jattiraw investimenti privati;

E.  billi l-kontribuzzjonijiet lill-Impriża Konġunta previsti għall-perjodu kollu tal-programm Orizzont 2020 jammontaw għal EUR 1 184 874 000 mill-Unjoni, EUR 1 170 000 000 mill-Istati Parteċipanti u EUR 1 657 500 000 mill-Membri Privati;

Il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.  Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri (il-Qorti), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2017 (ir-"rapport tal-Qorti"), sabet li l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta, fl-aspetti materjali kollha, jippreżentaw b'mod ġust il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta' Diċembru 2016 kif ukoll ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi ta' flus tagħha għas-sena li kienet għadha kemm intemmet, f'konformità mar-regoli finanzjarji tagħha u mar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni;

2.  Jinnota li l-baġit finali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2017 jinkludi approprjazzjonijiet ta' impenn ta' EUR 183 900 000 u approprjazzjonijiet ta' ħlas ta' EUR 290 100 000; jinnota li r-rati ta' użu għall-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament kienu ta' 98 % u ta' 83 % rispettivament;

3.  Jirrikonoxxi li r-rapport tal-Qorti jiddikjara li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2017 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha;

4.  Jinnota li l-Qorti ħarġet opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet li hija riżultat ta' proġetti meħuda mill-predeċessuri legali tal-Impriżi Konġunti Artemis u ENIAC; jistieden lill-Qorti tikkunsidra mill-ġdid il-metodoloġija tar-riżultati f'opinjonijiet kwalifikati ripetittivi bbażati fuq din il-kwistjoni rikorrenti li ma tistax tissolva sakemm jintemmu l-proġetti tas-Seba' Programm Qafas;

5.  Jinnota l-kumplessità tal-mudell baġitarju u kontabilistiku tal-Impriża Konġunta li jirriżulta min-natura tripartitika tagħha; jinnota li l-Impriża Konġunta tilqa' simplifikazzjoni u standardizzar ulterjuri tal-kontabilità u tal-awditjar;

6.  Jinnota li mill-EUR 1 204 700 000 ta' fondi tal-programm Orizzont 2020 allokati lill-Impriża Konġunta, inklużi EUR 19 700 000 f'kontribuzzjoni fi flus ta' membru tal-industrija għall-ispejjeż amministrattivi tal-Impriża Konġunta sa tmiem l-2017, l-Impriża Konġunta kienet għamlet impenji ta' EUR 455 000 000 u pagamenti ta' EUR 314 000 000 (31,81 % tal-fondi allokati), l-aktar pagamenti ta' prefinanzjament għall-ewwel mewġa ta' proġetti tal-programm Orizzont 2020;

7.  Jinnota li mill-kontribuzzjonijiet ta' EUR 1 657 500 000 li kellhom isiru mill-membri tal-industrija għall-attivitajiet tal-Impriża Konġunta, fi tmiem l-2017, l-Impriża Konġunta stmat li l-membri kienu għamlu kontribuzzjonijiet in natura li jammontaw għal EUR 421 000 000, meta mqabbel mal-kontribuzzjoni fi flus tal-Unjoni ta' EUR 377 000 000;

Prestazzjoni

8.  Jilqa' l-fatt li l-assenza ta' indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni stabbiliti ma għadhiex problema taħt il-programm Orizzont 2020; josserva li l-biċċa l-kbira tat-tielet sett ta' miri dwar l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni kienu diġà ntlaħqu;

9.  Josserva li l-proporzjon tal-ispejjeż tal-ġestjoni (baġit amministrattiv u operattiv) baqgħet taħt il-5 %, b'hekk tipponta lejn struttura organizzattiva simplifikata u effiċjenti tal-Impriża Konġunta;

10.  Jilqa' l-valur tal-2017 tal-effett ta' ingranaġġ ta' 3.0 li jaqbeż il-mira tal-effett ta' ingranaġġ fuq il-perjodu kollu kemm hu mill-2014 sal-2020;

11.  Jinnota b'apprezzament li l-Impriża Konġunta għamlet sforzi tajbin ħafna biex tkun trasparenti, b'kull sejħa għal proposti magħmula disponibbli għall-pubbliku;

12.  Jilqa' l-pożizzjoni qawwija tal-Impriża Konġunta fil-qasam tagħha ta' għarfien espert madwar l-Ewropa kollha u l-ħila tagħha li toħloq ekosistema interkonnessa ta' partijiet ikkonċernati; jieħu nota tal-fatt li l-esperti jenfasizzaw li l-Impriża Konġunta tattira l-aqwa atturi Ewropej fl-oqsma tas-semikondutturi u tas-sistemi; jistieden lill-ECSEL biex tinvolvi aktar SMEs;

13.  Jilqa' l-fatt li s-sejħiet kollha għal proposti ġew ippubblikati u ngħalqu skont il-pjanijiet ta' ħidma rispettivi u li r-riżultati rigward "żmien għall-għotja" u "żmien għall-ħlas" baqgħu ferm taħt il-miri definiti;

Akkwist

14.  Jinnota b'dispjaċir li l-Qorti nnutat nuqqasijiet sinifikanti fil-ġestjoni tal-proċeduri ta' akkwist għal servizzi amministrattivi; jinnota mit-tweġibiet tal-Impriża Konġunta li ġie nnominat assistent baġitarju, tal-akkwist u tal-kuntratti biex jittratta din il-problema;

Kontrolli interni

15.  Jilqa' l-fatt li l-Impriża Konġunta ħadet passi biex tivvaluta l-implimentazzjoni tal-awditi ex post imwettqa mill-Awtoritajiet ta' Finanzjament Nazzjonali (NFAs) u kisbet dikjarazzjonijiet bil-miktub mill-NFAs li jistqarru li l-implimentazzjoni tal-proċeduri nazzjonali tagħhom tipprovdi assigurazzjoni raġonevoli dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet;

16.  Jinnota b'sodisfazzjoni li l-kwistjoni dwar il-varjazzjoni fil-metodoloġiji u fil-proċeduri użati mill-NFAs ma għadhiex rilevanti għall-implimentazzjoni tal-proġetti taħt il-programm Orizzont 2020, peress li l-awditi ex post se jitwettqu jew mill-Impriża Konġunta jew inkella mill-Kummissjoni; jinnota li f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-pjan komuni ta' awditjar ex post għall-programm Orizzont 2020, bħalissa hemm 17-il awditu ex post li diġà nbdew fuq tranżazzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta;

17.  Jinnota b'dispjaċir li fl-2017 l-Impriża Konġunta ma kinitx iddokumentat tajjeb, fir-reġistru tagħha tal-eċċezzjonijiet, każijiet fejn il-maniġment kien evita l-kontrolli jew ma kienx mexa mal-proċessi u mal-proċeduri stabbiliti; josserva mit-tweġibiet tagħhom li l-Impriża Konġunta ħadet azzjonijiet biex tindirizza din il-kwistjoni, bħar-reviżjoni tal-Istandard tal-Kontroll Intern 8, li għandha reġistru ta' eċċezzjonijiet u li saret sessjoni ta' taħriġ għall-persunal tagħha fl-2018;

18.  Josserva li twettqet l-Evalwazzjoni Finali tal-Kummissjoni dwar l-Impriżi Konġunti ARTEMIS u ENIAC għall-perjodu 2008 sa l-2013, flimkien mal-Evalwazzjoni Interim dwar l-Impriża Konġunta li topera taħt il-programm Orizzont 2020 li tkopri l-perjodu 2014 sa l-2016; jinnota li l-Impriża Konġunta ħejjiet u adottat pjan ta' azzjoni biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet ta' dawn l-evalwazzjonijiet u li diġà nbdew xi attivitajiet;

Awditu intern

19.  Jinnota li fl-2017 is-Servizzi tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni wettqu verifika fuq il-ġestjoni tal-prestazzjoni u talbu lill-Impriża Konġunta tifformula pjan ta' azzjoni biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet f'dak ir-rapport(2); jinnota li l-Pjan ta' Azzjoni ġie adottat mill-Bord ta' Tmexxija tal-Impriża Konġunta f'April 2018;

Ġestjoni tar-riżorsi umani

20.  Jinnota li fil-31 ta' Diċembru 2017, l-Impriża Konġunta impjegat 29 membru tal-persunal, l-istess numru bħal fis-sena ta' qabel; jinnota li l-Impriża Konġunta mliet pożizzjoni ta' komunikazzjoni waħda u rreklamat żewġ karigi, waħda għall-ġestjoni tal-kontroll intern u tal-awditjar u l-oħra għal kap ta' amministrazzjoni u finanzjament, kif ukoll pożizzjoni ta' espert nazzjonali ssekondat;

21.  Jilqa' l-fatt li, bil-ħsieb li tiġi adattata l-istruttura tal-organizzazzjoni għal prijoritajiet u ħtiġijiet għal kompetenzi, l-organigramma tal-Impriża Konġunta ġiet aġġornata fl-1 ta' Ġunju 2017.

(1) ĠU L 169, 7.6.2014, p. 152.
(2) AAR, p. 51.

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' Marzu 2019Avviż legali