Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2217(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0163/2019

Testi mressqa :

A8-0163/2019

Dibattiti :

PV 26/03/2019 - 12
CRE 26/03/2019 - 12

Votazzjonijiet :

PV 26/03/2019 - 13.53
CRE 26/03/2019 - 13.53

Testi adottati :

P8_TA(2019)0294

Testi adottati
PDF 176kWORD 57k
It-Tlieta, 26 ta' Marzu 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Kwittanza 2017: Impriża Konġunta Shift2Rail (SHIFT2RAIL)
P8_TA-PROV(2019)0294A8-0163/2019
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2019 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Shift2Rail għas-sena finanzjarja 2017 (2018/2217(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta Shift2Rail għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Shift2Rail għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Impriża Konġunta(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2019 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017 (05827/2019 – C8-0106/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 209 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 71 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 642/2014 tas-16 ta' Ġunju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Shift2Rail(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 110/2014 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar il-Mudell tar-Regolament Finanzjarju għal korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit kif ukoll l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0163/2019),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta Shift2Rail għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2017;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta Shift2Rail, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 452, 14.12.2018, p. 10.
(2) ĠU C 452, 14.12.2018, p. 12.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 193, 30.07.2018, p. 1.
(5) ĠU L 177, 17.6.2014, p. 9.
(6) ĠU L 38, 7.2.2014, p. 2.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2019 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta Shift2Rail għas-sena finanzjarja 2017 (2018/2217(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta Shift2Rail għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Shift2Rail għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Impriża Konġunta(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2019 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017 (05827/2019 – C8-0106/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 209 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 71 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 642/2014 tas-16 ta' Ġunju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Shift2Rail(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 110/2014 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar il-Mudell tar-Regolament Finanzjarju għal korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit kif ukoll l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0163/2019),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta Shift2Rail għas-sena finanzjarja 2017;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta Shift2Rail, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 452, 14.12.2018, p. 10.
(2) ĠU C 452, 14.12.2018, p. 12.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 193, 30.07.2018, p. 1.
(5) ĠU L 177, 17.6.2014, p. 9.
(6) ĠU L 38, 7.2.2014, p. 2.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2019 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Shift2Rail għas-sena finanzjarja 2017 (2018/2217(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Shift2Rail għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit kif ukoll l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0163/2019),

A.  billi l-Impriża Konġunta Shift2Rail (l-"Impriża Konġunta") ġiet stabbilita f'Ġunju 2014 għal perjodu ta' 10 snin mir-Regolament tal-Kunsill (UE) 642/2014(1);

B.  billi l-membri fundaturi huma l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, u s-sħab fl-industrija ferrovjarja (il-partijiet interessati ewlenin, inklużi l-manifatturi ta' tagħmir ferrovjarju, il-kumpaniji ferrovjarji, l-amministraturi tal-infrastruttura jistgħu u ċ-ċentri tar-riċerka) bil-possibbiltà li entitajiet oħra jistgħu jipparteċipaw fl-Impriża Konġunta bħala membri assoċjati;

C.  billi l-objettivi tal-Impriża Konġunta huma li: (a) tikseb Żona Ferrovjarja Unika Ewropea; (b) ittejjeb l-attraenza u l-kompetittività tas-sistema ferrovjarja Ewropea u tmexxi 'l quddiem it-teknoloġiji u s-soluzzjonijiet innovattivi tagħha; (c) tiżgura bidla modali mit-trasport bit-triq u (d) iżżomm il-pożizzjoni ta' tmexxija li l-industrija ferrovjarja Ewropea tokkupa fis-suq globali;

D.  billi jisħaq li l-Impriża Konġunta jeħtieġ li tingħata r-riżorsi finanzjarji, materjali u umani meħtieġa biex tilħaq dawn l-objettivi ewlenin b'mod effikaċi u effiċjenti;

E.  billi l-Impriża Konġunta bdiet topera b'mod awtonomu f'Mejju 2016;

Informazzjoni ġenerali

1.  Jirrikonoxxi li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet tal-Impriża Konġunta għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2017 (ir-"rapport tal-Qorti") jippreżenta b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-Impriża Konġunta fil-31 ta' Diċembru 2016, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha, u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar, skont ir-Regolament Finanzjarju u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni;

2.  Jirrikonoxxi li r-rapport tal-Qorti jiddikjara li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2017 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha;

3.  Jinnota li l-kontribuzzjoni massima tal-Unjoni għall-attivitajiet tal-Impriża Konġunta hija ta' EUR 450 000 000, li għandha titħallas mill-programm Orizzont 2020; jinnota li l-membri industrijali tal-Impriża Konġunta għandhom jikkontribwixxu riżorsi ta' mill-inqas EUR 470 000 000, li jikkonsistu f'mill-inqas EUR 350 000 000 għall-kontribuzzjonijiet in natura u flus kontanti għall-attivitajiet operattivi u l-ispejjeż amministrattivi tal-Impriża Konġunta u mill-inqas EUR 120 000 000 għall-kontribuzzjonijiet in natura għall-attivitajiet addizzjonali tal-Impriża Konġunta;

4.  Ifakkar li r-riċerka u l-innovazzjoni mhumiex proċess iżolat li juża regola sempliċi għall-ġestjoni tal-proċessi; jisħaq għalhekk fuq il-fatt li huwa ta' importanza sinifikanti li jiġu identifikati, fost il-proġetti ta' riċerka u innovazzjoni, dawk li jistgħu jwasslu għal soluzzjonijiet innovattivi għas-suq; jenfasizza li l-bidliet fir-Regolament li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta u fl-Istatuti tiegħu se jkunu importanti ħafna għall-iżvilupp li jmiss tal-Impriża Konġunta sabiex itejbu l-effiċjenza tagħha; jisħaq, b'mod partikolari, li hemm bżonn li jiġi previst l-użu tal-prinċipju ta' finanzjament pluriennali u li jiġu adottati kalendarji flessibbli għall-pubblikazzjoni ta' proposti għal proġetti;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

5.  Jinnota li l-baġit finali tal-2017 disponibbli għall-implimentazzjoni kien jinkludi EUR 68 600 000 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u EUR 44 100 000 f'approprjazzjonijiet ta' pagament; jisħaq fuq il-fatt li r-rati ta' użu tal-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament kienu ta' 94 % u 79 % rispettivament, li jirrappreżentaw livell baxx speċjalment għall-approprjazzjonijiet ta' pagament; jinnota, barra minn hekk, li fl-2017, il-parti l-kbira tal-pagamenti li saru mill-Impriża Konġunta kienu pagamenti ta' prefinanzjament għall-proġetti tal-Orizzont 2020, li ntgħażlu permezz tas-sejħiet għal proposti tal-2017; jinnota li l-approprjazzjonijiet ta' pagament tal-Impriża Konġunta li ma ntużawx mis-snin preċedenti ammontaw għal EUR 7,6 miljun; jinnota li, skont ir-risposta tal-Impriża Konġunta, l-ammont sħiħ kien meqjus li jkopri l-ewwel trimestru tal-2018 minħabba ż-żmien tal-pagament tal-Kummissjoni;

6.  Josserva li mill-EUR 411 500 000 (inklużi EUR 398 000 000 bħala l-limitu massimu tal-kontribuzzjoni fi flus tal-Unjoni u l-kontribuzzjoni fi flus tal-membri industrijali għall-ispejjeż amministrattivi tal-Impriża Konġunta fl-ammont ta' EUR 13 5000 000) sa tmiem l-2017, l-Impriża Konġunta kienet ħadet impenji ta' EUR 158 800 000 u pagamenti ta' EUR 78 600 000 (19,1 % tal-fondi allokati), għall-implimentazzjoni tal-ewwel mewġa ta' proġetti; dan juri li l-Impriża Konġunta attwalment iffirmat ftehimiet ta' għotja pluriennali interdipendenti u kuntratti għall-akkwist għall-implimentazzjoni ta' 39 % tal-programm ta' riċerka u innovazzjoni tal-Impriża Konġunta, f'konformità mal-programm ta' ħidma pluriennali tal-Impriża Konġunta.

7.  Jirrikonoxxi l-fatt li mill-kontribuzzjonijiet ta' EUR 350 000 000 li għandhom isiru mill-membriindustrijali għall-attivitajiet operattivi u l-ispejjeż amministrattivi tal-Impriża Konġunta, sa tmiem l-2017, jiġifieri erba' xhur wara li l-Impriża Konġunta kienet nediet l-ewwel proġetti tagħha fl-ambitu tal-programm Orizzont 2020, il-membri industrijali kienu rrappurtaw kontribuzzjonijiet in natura ta' EUR 34 900 000 għall-attivitajiet operattivi, li minnhom EUR 3 000 000 kienu ġew iċċertifikati; jinnota li l-Bord ta' Tmexxija kien ivvalida kontribuzzjonijiet ta' EUR 4 900 000 fi flus kontanti għall-ispejjeż amministrattivi tal-Impriża Konġunta;

8.  Jiddispjaċih li, sal-iskadenza tal-31 ta' Jannar 2018, ħadd mill-membri l-oħra ma kien f'pożizzjoni li jkollu l-ispejjeż tiegħu relatati mal-kontribuzzjonijiet operattivi in natura (IKOP) tal-2017 u l-kontribuzzjonijiet ta' attivitajiet oħra in natura (IKAA) iċċertifikati; jinnota li l-istimi IKOP tal-2017 ammontaw għal EUR 21,3 miljun, li rrappreżenta andament pożittiv konformi mal-kurva S tas-soltu tal-Ġestjoni tal-Programm; jinsab sodisfatt li l-IKAA kumulattivi ddikjarati mill-membri l-oħra sa tmiem l-2017 ammontaw għal EUR 130 miljun, somma akbar mill-ammont minimu ta' EUR 120,0 miljun stabbilit skont ir-Regolament li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta;

9.  Josserva li sa tmiem l-2017, il-kontribuzzjonijiet totali mill-membri industrijali ammontaw għal EUR 169 800 000, meta mqabbla mal-kontribuzzjoni fi flus kontanti mill-Unjoni li ammontat għal EUR 83 200 000;

10.  Jinnota li, fl-2017, l-Impriża Konġunta ffirmat 17-il ftehim ta' għotja li rriżultaw mis-sejħiet għal proposti tal-2017, u li l-valur tal-attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni ta' dawk is-sejħiet għal proposti ammontaw għal EUR 110 900 000, li għandhom jiġu kofinanzjati mill-Impriża Konġunta sa massimu ta' EUR 60 100 000;

11.  Jinnota wkoll li l-Membri Fundaturi, minbarra l-Unjoni u l-membri assoċjati, qablu li jillimitaw it-talba għall-kofinanzjament tagħhom għal 44,44 % tal-ispejjeż totali tal-proġett, li, kumplessivament, hija l-aktar waħda baxxa għall-Programm Orizzont 2020; jilqa' l-fatt li 120 SME ħadu sehem fis-sejħa għal proposti tal-2017 u 50 SME ntgħażlu biex jingħataw finanzjament (25 %);

Prestazzjoni

12.  Jilqa' l-fatt li fl-ambitu ta' Orizzont 2020, in-nuqqas ta' indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) stabbiliti ma għadux problema; jiddispjaċih li l-informazzjoni dwar it-tielet ġabra ta' KPIs għadha mhijiex disponibbli minħabba n-natura tal-proġetti; jinnota li l-esperti talbu aktar attività ta' monitoraġġ u analiżi, biex issir distinzjoni ċara bejn il-KPIs li effettivament ikunu nkisbu fi tmiem kull sena u l-KPIs previsti;

13.  Josserva li l-proporzjon tal-ispejjeż tal-ġestjoni (il-baġit amministrattiv u operattiv) baqa' taħt il-5 %, u b'hekk jindika struttura organizzattiva semplifikata u effiċjenti tal-Impriża Konġunta;

14.  Jinnota bi tħassib il-valur interim tal-effett ta' ingranaġġ ta' 0,9 fi tmiem l-2016; jitlob lill-Impriża Konġunta tieħu miżuri biex tikseb l-effett ta' ingranaġġ fil-mira fuq il-perjodu kollu 2014-2020 ta' 1,18;

15.  Jinnota li l-esperti jsemmu li l-Impriża Konġunta diġà għenet biex tinħoloq kontinwità u viżjoni kondiviża komuni għar-riċerka ferrovjarja fi ħdan il-komunità ferrovjarja; jilqa' bi pjaċir li, barra minn hekk, l-Impriża Konġunta għenet biex tinbena l-fiduċja bejn l-atturi li kieku ma jkollhomx l-opportunità li jaqsmu l-ideat u l-interessi komuni 'l barra minn sitwazzjoni kummerċjali; josserva li l-preżenza tal-operaturi ferrovjarji fl-Impriża Konġunta għandha maż-żmien tissaħħaħ;

16.  Jinnota l-opinjoni tal-esperti skont liema hemm ċertu periklu li l-Impriża Konġunta titqies bħala "ħanut magħluq", parzjalment għal raġunijiet storiċi li jibqgħu f'moħħ in-nies; jitlob lill-Impriża Konġunta tindirizza dan u li jinbnew il-progress u l-fiduċja, speċjalment permezz tal-proċessi miftuħa għall-għażla ta' suġġetti futuri ta' innovazzjoni u sħab ġodda.

Selezzjoni u reklutaġġ tal-persunal

17.  Jinnota li, fl-2017, l-Impriża Konġunta rreklutat seba' membri tal-persunal skont it-tabella tal-persunal tagħha: uffiċjal legali, assistent amministrattiv u finanzjarju, uffiċjal operattiv u ta' appoġġ għall-għotjiet u erba' maniġers tal-Programm;

18.  Jinnota li fl-aħħar tas-sena 2017, il-persunal tal-Impriża Konġunta kien magħmul minn 20 membru mit-23 previsti fit-tabella tal-persunal;

Kontroll intern

19.  Jinnota li l-Impriża Konġunta stabbiliet proċeduri ta' kontroll ex ante affidabbli, ibbażati fuq ir-rieżamijiet dokumentarji finanzjarji u operattivi, u li s-Servizz tal-Awditjar Komuni tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (is-"Servizz tal-Awditjar Komuni") huwa responsabbli għall-awditjar ex post tad-dikjarazzjonijiet ta' spiża ta' proġetti tal-Programm Orizzont 2020; jinnota, barra minn hekk, li s-sitwazzjoni fi tmiem l-2017 uriet li l-aktar standards ta' kontroll intern importanti, fil-parti l-kbira kienu ġew implimentati, iżda għad fadal xi azzjonijiet oħra; jistieden lill-Impriża Konġunta tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar dawn l-implimentazzjonijiet;

20.  Jilqa' r-rieda tal-Impriża Konġunta li tesperimenta fl-2018 semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi permezz tal-implimentazzjoni tal-Għotja pilota ta' Somma f'Daqqa f'qafas ta' kontroll tal-Programm limitat;

21.  Jieħu nota li r-rata tal-iżball residwu għall-Programm Orizzont 2020 kienet taħt il-materjalità skont il-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), u kienet tammonta għal 1,44 %, għalkemm hija mistennija li tiżdied għal madwar 2,24 % meta jitqiesu l-abbozzi tar-rapporti tal-awditjar;

22.  Jinnota li għall-kontrolli ex post fl-2017, il-kampjun rappreżentattiv tal-Impriża Konġunta ġie identifikat bħala 15-il parteċipazzjoni li jirrappreżentaw EUR 1,3 miljun f'termini ta' kofinanzjament ivvalidat tal-Impriża Konġunta; jiddispjaċih li ma ngħatat ebda rata ta' żball speċifika fir-rigward tal-awditi mwettqa għall-kampjun rappreżentattiv tal-Impriża Konġunta;

23.  Jirrikonoxxi l-fatt li s-Servizz tal-Awditjar Intern jiżvolġi r-rwol ta' Awditur Intern tal-Impriża Konġunta u, f'dan ir-rigward, jirrapporta indirettament lill-Bord ta' Tmexxija u lid-Direttur Eżekuttiv; jinnota li l-ewwel missjoni ta' awditjar kienet tikkonsisti fit-twaqqif ta' profil tar-riskju tal-Impriża Konġunta bil-għan li jiġi stabbilit pjan ta' ħidma triennali ta' awditjar intern; josserva li l-Pjan Strateġiku tas-Servizz tal-Awditjar Intern 2017-2019 ġie ppreżentat f'Ġunju 2017 u dan se jiġi rieżaminat kull sena;

24.  Jieħu nota tal-fatt li fl-2017, l-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2, flimkien mas-Servizz tal-Awditjar Komuni, varaw l-ewwel awditu ex post ta' kampjun aleatorju ta' dikjarazzjonijiet ta' spiża interim tal-Programm Orizzont 2020; jistieden lill-Impriża Konġunta tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar ir-riżultati ta' dan l-awditu;

25.  Jinnota b'dispjaċir li fi tmiem l-2017, l-għodod komuni tal-Kummissjoni għall-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-għotjiet fl-ambitu tal-Programm Orizzont 2020, kienu għadhom ma temmewx l-iżviluppi speċifiċi meħtieġa biex jiġu pproċessati l-kontribuzzjonijiet in natura tal-Impriża Konġunta. jistieden lill-Impriża Konġunta tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar dawn l-iżviluppi;

26.  Josserva li twettqet l-Evalwazzjoni Interim Finali tal-Kummissjoni dwar l-attivitajiet operattivi tal-Impriża Konġunta skont Orizzont 2020 li tkopri l-perjodu bejn l-2014 u l-2016; jinnota li tħejja Pjan ta' Azzjoni li ġie adottat mill-Bord ta' Tmexxija f'Ġunju 2018; jinnota li diġà bdew xi azzjonijiet u jqis li mhux ir-rakkomandazzjonijiet kollha se jiġu indirizzati fl-ambitu tal-Programm tal-Qafas Finanzjarju attwali;

Akkwist u għotjiet operattivi

27.  Jinnota li ġew osservati xi nuqqasijiet kwalitattivi fil-proċedura miftuħa tal-Impriża Konġunta għall-akkwist ta' servizzi relatati mas-servizzi tal-komunikazzjoni u l-avvenimenti b'baġit stmat ta' EUR 1 200 000 fuq perjodu ta' erba' snin. jinnota li skont ir-risposta tal-Impriża Konġunta, din tal-aħħar iddeċidiet li ma tintroduċix kapaċità finanzjarja minima sabiex ma tiskoraġġix il-parteċipazzjoni tal-SMEs għas-sejħa għal offerti;

Kwistjonijiet oħra

28.  Jilqa' l-fatt li l-Impriża Konġunta stabbiliet l-istrateġija tagħha u l-pjan ta' azzjoni tagħha kontra l-frodi, bħala azzjoni korrettiva għall-kummenti ewlenin tal-Qorti fil-qafas tal-kwittanza tal-2016;

29.  Jinnota li l-Impriża Konġunta adottat regoli li jirregolaw il-kunflitti ta' interess fir-rigward tal-membri, tal-korpi, tal-persunal u l-persunal issekondat tagħha, kif ukoll tal-membri tal-Bord ta' Tmexxija, u stabbiliet strateġija mfassla apposta kontra l-frodi li tikkomplementa l-istrateġija Orizzont 2020 u tinkludi valutazzjoni tar-riskji u tal-opportunitajiet tagħha;

30.  Jinsisti fuq l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-Impriża Konġunta u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (ERA); jilqa' bi pjaċir l-involviment tal-ERA fil-laqgħat tal-Bord ta' Tmexxija tal-Impriża Konġunta u fil-gruppi li abbozzaw il-Pjan ta' Azzjoni Pluriennali; jinnota, barra minn hekk, li l-Impriża Konġunta vvalutat it-talba għar-riċerka u l-innovazzjoni tal-ERA biex tevita attivitajiet li jikkoinċidu.

31.  Jilqa' s-sinerġiji tal-Impriża Konġunta ma' programmi u fondi oħra tal-Unjoni, pereżempju l-Proġett Pilota tal-Parlament Ewropew "Skala tal-Eċċellenza", u jilqa' l-kooperazzjoni ma' proġetti rilevanti oħra, bħall-Proġett SESAR jew Rail Baltica;

32.  Jilqa' l-attivitajiet li saru biex tiżdied il-viżibbiltà online tal-Impriża Konġunta; jinnota r-ristrutturar tas-sit web, l-introduzzjoni tal-bullettin ta' kull xahrejn, iż-żieda fl-għadd ta' viżitaturi, il-followers tal-midja soċjali u l-kopertura tal-istampa;

33.  Jilqa' l-fatt li l-Impriża Konġunta implimentat strateġija mfassla apposta kontra l-frodi li tikkomplementa l-istrateġija Orizzont 2020 u tinkludi valutazzjoni tar-riskji u tal-opportunitajiet tagħha.

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 642/2014 tas-16 ta' Ġunju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Shift2Rail (ĠU L 177, 17.6.2014, p. 9).

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' Marzu 2019Avviż legali