Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 14 ta' Marzu 2019 - StrasburguVerżjoni finali
Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Każakistan
 L-Iran, b'mod partikolari l-każ tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem
 Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Gwatemala
 Il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri u dwar sekwestru internazzjonali ta' minuri *
 Implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP)
 Kopertura minima għat-telf għal skoperturi improduttivi ***I
 Is-salvagwardja tal-kompetizzjoni fit-trasport bl-ajru ***I
 Linji gwida għall-Baġit 2020 - Taqsima III
 Bilanċ bejn is-sessi fin-nomini fis-settur tal-affarijiet ekonomiċi u monetarji tal-UE
 Ħatra ta' Sebastiano Laviola bħala membru ġdid tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni
 Ħatra ta' membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew
 Ħatra ta' José Manuel Campa bħala President tal-Awtorità Bankarja Ewropea
 Reġim Ewropew ta' sanzjonijiet għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem
 Urġenza għal lista sewda tal-UE tal-pajjiżi terzi konformi mad-Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus
 It-tibdil fil-klima
 L-istabbiliment tal-Fond Monetarju Ewropew
 Is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa
 Rapport strateġiku annwali dwar l-implimentazzjoni u t-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli

Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Każakistan
PDF 137kWORD 55k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Każakistan (2019/2610(RSP))
P8_TA(2019)0203RC-B8-0204/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, ta' Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Każakistan, min-naħa l-oħra(1), kif ukoll ir-riżoluzzjoni tal-10 ta' Marzu 2016 dwar il-libertà tal-espressjoni fil-Każakistan(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, ta' Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Każakistan, min-naħa l-oħra(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Każakistan, fosthom dawk tat-18 ta' April 2013(4) u tal-15 ta' Marzu 2012(5), u dik tas-17 ta' Settembru 2009 dwar il-każ ta' Yevgeny Zhovtis fil-Każakistan(6),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni (EPCA) iffirmat f'Astana fil-21 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali(7), u tat-13 ta' April 2016 dwar implimentazzjoni u rieżami tal-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali(8),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2015 u tad-19 ta' Ġunju 2017 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali,

–  wara li kkunsidra d-Djalogi annwali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-Każakistan,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, fil-21 ta' Diċembru 2015, l-Unjoni Ewropea u l-Każakistan iffirmaw Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni (EPCA) maħsub biex jipprovdi qafas wiesa' għal djalogu politiku u kooperazzjoni msaħħa fl-oqsma tal-ġustizzja u tal-affarijiet interni, kif ukoll f'bosta oqsma oħra; billi dan il-ftehim jagħmel enfasi qawwija fuq id-demokrazija u l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, il-prinċipji tal-ekonomija tas-suq u l-iżvilupp sostenibbli, kif ukoll il-kooperazzjoni tas-soċjetà ċivili, inkluż l-involviment tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-politika pubblika;

B.  billi l-Każakistan issieħeb fil-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tal-Liġi (Il-Kummissjoni ta' Venezja), f'Marzu 2012;

C.  billi jidher li l-gvern tal-Każakistan ma ħa ebda pass biex jirrevedi d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 174 tal-Kodiċi Kriminali, li huma fformulati b'mod wiesa'u li jipprojbixxi "l-inċitament" ta' diżgwid soċjali, nazzjonali jew ta' xorta oħra, u tal-Artikolu 274, li jipprojbixxi "t-tixrid ta' informazzjoni li hija magħrufa li hija falza", iżda għadu juża dawk id-dispożizzjonijiet bħala bażi biex jixli lil attivisti tas-soċjetà ċivili u ġurnalisti u jibgħathom il-ħabs;

D.  billi l-għadd ta' priġunieri politiċi li qed jinżammu fil-Każakistan kiber; billi fl-2016 f'reġjuni differenti tal-Każakistan saru dimostrazzjonijiet paċifiċi kontra bidliet fil-Kodiċi tal-Art, li wasslu għad-detenzjoni ta' aktar minn 1 000 parteċipant (fosthom 55 ġurnalist), li minnhom aktar minn 30 persuna sussegwentement ġew arrestati; billi l-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja rrikonoxxa n-natura arbitrarja tad-detenzjoni, in-nuqqas ta' proċess ġust u vjolazzjonijiet goffi tad-drittijiet f'xi każijiet; billi l-attivist tas-soċjetà ċivili Maks Bokayev qed jiskonta sentenza ta' ħabs għall-parteċipazzjoni leġittima tiegħu f'din id-dimostrazzjoni paċifika tal-massa;

E.  billi l-gvern tal-Każakistan ikkoopera mal-missjoni ta' livell għoli tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), u kkommetta ruħu li jimplimenta l-pjan direzzjonali biex jindirizza l-preokkupazzjonijiet tal-ILO, iżda ma ħa ebda pass sinifikanti biex jimplimenta d-dispożizzjonijiet tal-pjan direzzjonali, bħal emendar tal-Liġi dwar it-Trade Unions;billi, bl-istess mod, ma implimentax ir-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-Kumitat tal-ILO dwar l-Applikazzjoni ta' Standards, jiġifieri li jirrevedi l-Liġi dwar it-Trade Unions u l-Kodiċi tax-Xogħol u li jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżgura li l-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Indipendenti tal-Każakistan (CITUK) u l-affiljati tagħha jkunu jistgħu jeżerċitaw bis-sħiħ drittijiethom bħala trade unions;

F.  billi l-attivisti tat-trade unions Nurbek Kushakbaev u Amin Eleusinov inħelsu fuq libertà kondizzjonali f'Mejju 2018, iżda għad għandhom projbizzjoni li jieħdu sehem f'attivitajiet tat-trade unions; billi l-attivista Larisa Kharkova qed tiffaċċja restrizzjonijiet simili, kif ukoll fastidju ġudizzjarju kontinwu, u Erlan Baltabay, attivist ta' trade union oħra minn Shymkent, jinsab taħt investigazzjoni kriminali fuq akkużi dubjużi;

G.  billi leġiżlazzjoni ġdida dwar l-NGOs issikkat ir-regoli tal-kontabilità għas-soċjetà ċivili; billi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem huma soġġetti għal pressjoni fiskali b'rabta ma' għotjiet li jirċievu minn donaturi internazzjonali;

H.  billi l-libertà tar-reliġjon u tat-twemmin ġiet imminata b'mod gravi; billi t-twemmin reliġjuż jintuża mill-awtoritajiet bħala skuża għal detenzjoni arbitrarja; billi Saken Tulbayev intbagħat il-ħabs wara li ġie akkużat li kien wettaq "inċitament għall-mibegħda reliġjuża";

I.  billi, fit-13 ta' Marzu 2018, l-awtoritajiet ipprojbew il-moviment ta' oppożizzjoni paċifika Għażla Demokratika tal-Każakistan (DCK) u aktar minn 500 persuna li wrew forom differenti ta' appoġġ għad-DCK; billi l-attivisti ċivili Almat Zhumagulov u l-poeta Kenzhebek Abishev saru vittmi tal-ġlieda tal-awtoritajiet tal-Każakistan kontra d-DCK u ġew ikkundannati għal 8 snin u 7 snin ħabs rispettivament; billi Ablovas Dzhumayev ġie kkundannat għal tliet snin ħabs u Aset Abishev għal erba' snin ħabs talli kkritikaw lill-awtoritajiet online u talli appoġġjaw lid-DRK;

J.  billi d-dritt għal-libertà ta' assoċjazzjoni, minkejja li huwa protett fil-kostituzzjoni tal-Każakistan, fil-parti l-kbira għadu ristrett fil-pajjiż, u billi l-Liġi dwar l-Assoċjazzjoni Pubblika għadha tirrikjedi li l-assoċjazzjonijiet pubbliċi jirreġistraw mal-Ministeru tal-Ġustizzja; billi, f'Diċembru 2015, emendi ġodda għal dik il-liġi imponew obbligi ta' rappurtar onerużi u regolazzjoni statali tal-finanzjament permezz ta' korp maħtur mill-gvern; billi min jieħu sehem f'attivitajiet f'organizzazzjonijiet mhux reġistrati jista' jiffaċċja sanzjonijiet amministrattivi u kriminali;

K.  billi l-attivisti tas-soċjetà ċivili u tad-drittijiet tal-bniedem għadhom jiffaċċjaw rappreżalji u restrizzjonijiet fl-attivitajiet tagħhom, fost l-oħrajn Elena Semenova, li tinsab taħt projbizzjoni tal-ivvjaġġar talli "xerrdet informazzjoni li kienet taf li ma kenitx minnha", u Ardak Ashim, attivista ibbażata fi Shykment, li ġiet mixlija li "inċitat id-diżgwid" għall-kontribuzzjonijiet kritiċi tagħha fil-media u ntbagħtet f'detenzjoni psikjatrika furzata; billi, fl-10 ta' Mejju 2018, matul iż-żjara ta' delegazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-Każakistan, il-pulizija rrikorriet għall-użu ta' forza eċċessiva kontra dimostranti paċifiċi li kienu qed jippruvaw jiltaqgħu ma' Membri tal-Parlament Ewropew; billi aktar minn 150 ruħ inżammu mill-pulizija, u aktar minn 30 dimostrant tqiegħdu taħt arrest amministrattiv; billi, fis-17 u t-18 ta' Settembru 2018, il-pulizija tal-Każakistan żammew diversi attivisti li riedu jiltaqgħu ma' membri tad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew;

L.  billi emendi restrittivi ġodda għal-Liġi dwar il-Media u l-Informazzjoni daħlu fis-seħħ f'April 2018, filwaqt li l-aċċess għall-informazzjoni fil-media soċjali għadu bblukkat u Forbes Kazakhstan u Ratel.kz qed jiffaċċjaw investigazzjoni kriminali li nfetħet kontrihom fuq akkużi li "xerrdu informazzjoni li kienu jafu li ma kenitx minnha"; billi l-użu ta' networks soċjali huwa kkontrollat u ristrett mill-awtoritajiet; billi bloggers u utenti ta' networks soċjali, fosthom Ruslan Ginatullin, Igor Chupina u Igor Sychev, ingħataw sentenzi ta' priġunerija; Billi l-blogger Muratbek Tungishbayev ġie estradit mill-Kirgiżistan għal-Każakistan bi ksur flagranti tal-liġi, u ġie soġġett għal maltrattament fil-Każakistan;

M.  billi l-impunità għat-tortura u għall-maltrattament ta' priġunieri u ta' persuni suspettati għadha n-norma, minkejja li l-gvern ikkommetta ruħu favur tolleranza żero għat-tortura; billi l-awtoritajiet naqsu milli jwettqu investigazzjoni kredibbli dwar l-allegazzjonijiet ta' tortura matul l-istrajk estiż fis-settur taż-żejt f'Zhanaozen fl-2011;

N.  billi l-Uffiċċju tal-Prosekutur f'Almaty ma sab ebda evidenza kredibbli li tirfed l-allegazzjonijiet ta' tortura fir-rigward tan-negozjant Iskander Yerimbetov, li ġie kkundannat għal seba' snin ħabs fuq akkużi li wettaq frodi fuq skala kbira f'Ottubru 2018; billi l-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja fl-2018 ikkonkluda li l-arrest u d-detenzjoni tiegħu kienu arbitrarji, talab li jinħeles, u esprima tħassib dwar l-allegazzjonijiet ta' tortura matul id-detenzjoni tiegħu qabel il-proċess;

O.  billi livelli għoljin ta' vjolenza kontra n-nisa u normi u sterjotipi patrijarkali tradizzjonali jirrappreżentaw ostakli maġġuri għall-ugwaljanza bejn is-sessi fil-Każakistan; billi NGOs jistqarru li l-vjolenza kontra n-nisa hija sottorappurtata, u li hemm rata baxxa ta' prosekuzzjonijiet f'każijiet ta' vjolenza kontra n-nisa kif ukoll f'każijiet ta' fastidju sesswali;

P.  billi l-persuni LGBTI fil-Każakistan jiffaċċjaw sfidi legali u diskriminazzjoni; billi l-attività sesswali bejn persuni tal-istess sess, kemm bejn in-nisa kif ukoll bejn l-irġiel, hija legali fil-Każakistan, iżda koppji tal-istess sess u unitajiet domestiċi mmexxija minn koppji tal-istess sess mhumiex eliġibbli għall-istess protezzjonijiet legali li huma disponibbli għal koppji miżżewġa ta' sessi opposti;

Q.  billi l-Każakistan huwa kklassifikat fil-143 post minn 167 pajjiż fl-Indiċi Dinji tad-Demokrazija, hekk li l-pajjiż huwa ddefinit bħala reġim awtoritarju;

1.  Iħeġġeġ lill-Każakistan biex iżomm mal-obbligi internazzjonali tiegħu u jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; jitlob l l-awtoritajiet tal-Każakistan itemmu l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u kull forma ta' repressjoni politika, fi qbil mal-prinċipji tal-Artikoli 1, 4, 5 u 235 tal-EPCA;

2.  Jenfasizza li t-tisħiħ tar-relazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u kulturali bejn l-UE u l-Każakistan irid ikun ibbażat fuq impenji komuni favur valuri universali, b'mod partikolari d-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, jistenna li l-EPCA jippromwovi tisħiħ tal-istat tad-dritt u tal-parteċipazzjoni demokratika miċ-ċittadini kollha, pajsaġġ politiku aktar varjat, ġudikatura indipendenti u imparzjali li taħdem aħjar, aktar trasparenza u responsabbiltà tal-gvern, u titjib tal-liġijiet tax-xogħol;

3.  Jilqa' r-rilaxx ta' għadd ta' priġunieri politiċi, jiġifieri: Vladimir Kozlov, Gyuzyal Baydalinova, Seytkazy Matayev, Edige Batyrov, Yerzhan Orazalinov, Sayat Ibrayev, Aset Matayev, Zinaida Mukhortova, Talgat Ayan u l-ħaddiema taż-żejt ta' Zhanaozen, kif ukoll l-uffiċjali tat-trade unions Amin Eleusinov u Nurbek Kushakbayev, li l-libertà tagħhom, madankollu, għadha soġġetta għal restrizzjonijiet; jilqa' d-deċiżjoni li Ardak Ashim tinħeles mill-klinika psikjatrika; jikkundanna miżura hekk brutali bħall-psikjatrija punittiva, u jitlob li Ashim ma tibqax soġġetta għal kura psikjatrika ambulatorja obbligatorja, u l-irtirar tal-miżuri mediċi obbligatorji kollha kontra l-attivista Natalia Ulasik;

4.  Jitlob li l-attivisti u l-priġunieri politiċi li jinsabu l-ħabs bħalissa, b'mod partikolari Mukhtar Dzhakishev, Maks Bokayev, Iskander Yerimbetov, Aron Atabek, Sanat Bukenov, Makhambet Abzhan u Saken Tulbayev, jiġu riabilitati bis-sħiħ u jinħelsu minnufih, u wkoll li jitneħħew ir-restrizzjonijiet kollha fuq il-movimenti ta' persuni oħra;

5.  Iħeġġeġ lill-gvern tal-Każakistan biex jemenda l-Artikolu 174 tal-Kodiċi Kriminali dwar "l-inċitament tad-diżgwid soċjali, nazzjonali, razzjali, reliġjuż, bejn il-clans jew bejn il-klassijiet" billi jirrestrinġih aktar ħalli jipprevjeni prosekuzzjonijiet arbitrarji li jiksru n-normi tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll l-Artikolu 274 tal-Kodiċi Kriminali, li jipprojbixxi b'mod wiesa' "t-tixrid ta' informazzjoni li tkun magħrufa li mhijiex minnha", u biex jeħles lill-attivisti, il-ġurnalisti u l-individwi kritiċi oħra li bħalissa qed jinżammu fuq akkużi taħt dawk l-artikoli;

6.  Iħeġġeġ lill-gvern tal-Każakistan biex itemm ir-repressjoni tat-trade unions indipendenti u jneħħi r-restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet tagħhom, itemm il-prosekuzzjonijiet kriminali ta' mexxejja ta' trade unions għal raġunijiet politiċi, u jħassar il-kundanni ta' Larissa Kharkova, Nurbek Kushakbaev u Amin Eleusinov u jħalli lil dawn il-persuni jerġgħu jqbdu l-attivitajiet tagħhom fil-unions mingħajr indħil jew fastidju; iħeġġeġ ukoll lill-gvern biex jindirizza l-preokkupazzjonijiet tal-Parlament Ewropew rigward l-investigazzjoni kriminali kontra Erlan Baltabay, u jirrevedi l-Liġi dwar it-Trade Unions tal-2014 u l-Kodiċi tax-Xogħol tal-2015 biex jagħmilhom konformi mal-istandards tal-ILO;

7.  Iħeġġeġ lill-gvern tal-Każakistan biex jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-libertà ta' għaqda paċifika u l-libertà ta' assoċjazzjoni, u biex jirrevedi l-Liġi dwar l-Assoċjazzjoni Pubblika u l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-finanzjament;

8.  Iħeġġeġ lill-gvern tal-Każakistan biex itemm kull forma ta' detenzjoni arbitrarja, ta' rappreżalji u ta' fastidju kontra attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u movimenti tal-oppożizzjoni politika, inkluż kontra partitarji reali jew perċepiti tad-DVK;

9.  Iħeġġeġ lill-gvern tal-Każakistan biex jirrevedi l-emendi għal-Liġi dwar il-Media u l-Informazzjoni li daħlet fis-seħħ din is-sena, jimponi moratorju fuq il-libell kriminali, jieħu l-passi kollha meħtieġa biex jirrevoka l-artikoli rilevanti fil-Kodiċi Kriminali l-ġdid li huma relatati mal-libell kriminali, jistabbilixxi limitu massimu fuq danni f'każijiet ta' malafama ċivili, itemm il-fastidju u r-rappreżalji kontra l-ġurnalisti li jikkritikaw il-gvern, u jtemm l-imblukkar tal-aċċess għal informazzjoni kemm online u kemm offline;

10.  Jitlob li tittieħed azzjoni dwar il-komunikazzjonijiet mill-Kumitat tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, mill-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja u mir-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tortura; jitlob li l-vittmi ta' tortura jiġu protetti, li jingħataw kura medika tajba u li l-inċidenti ta' tortura jiġu investigati sewwa; jitlob li jintemm l-abbuż mill-proċeduri ta' estradizzjoni tal-Interpol u li l-fastidju tal-oppożizzjoni politika jieqaf; iħeġġeġ lill-gvern tal-Każakistan biex iwettaq il-wegħdiet tiegħu ta' tolleranza żero għat-tortura u biex jiżgura li l-allegazzjonijiet ta' tortura, inklużi dawk li saru fil-kuntest tal-ġrajjiet ta' Zhanaozen, jiġu investigati bis-sħiħ; iħeġġeġ lill-gvern biex jirrevedi l-każ ta' Iskander Yerimbetov fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja, u jiżgura li l-allegazzjonijiet ta' tortura jiġu investigati debitament;

11.  Josserva n-natura multietnika u multireliġjuża tal-Każakistan, u jisħaq fuq il-ħtieġa tal-protezzjoni tal-minoranzi u ta' drittijiethom, partikolarment fir-rigward tal-użu tal-lingwi, tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin, tan-nondiskriminazzjoni u tal-ugwaljanza tal-opportunitajiet; jilqa' l-koeżistenza paċifika ta' komunitajiet differenti fil-Każakistan; iħeġġeġ lill-Każakistan biex ma jibqax jippersegwita lin-nies talli jeżerċitaw b'mod leġittimu l-libertà tagħhom ta' kuxjenza u ta' reliġjon; jesiġi li l-persuni kkundannati għax iħaddnu twemmin jinħelsu minnufih;

12.  Jitlob li l-awtoritajiet jikkumbattu kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa; jitlob, barra minn hekk, li tittieħed azzjoni li tiżgura li jkun hemm kanali effikaċi u aċċessibbli ta' rapportar kif ukoll miżuri ta' protezzjoni li jkunu sensittivi għall-ħtiġijiet u għall-kunfidenzjalità tal-vittmi; iħeġġeġ li tintemm l-impunità u li tittieħed azzjoni li tiżgura sanzjonijiet kriminali adatti kontra l-awturi tar-reati;

13.  Jinsisti li d-drittijiet tal-komunità LGBTI jiġu rispettati bis-sħiħ; jitlob li l-gvern tal-Każakistan jiggarantixxi li l-komunità LGBTI ma tħabbat wiċċha ma' ebda diskriminazzjoni ;

14.  Jitlob li l-Każakistan jimplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-missjoni ta' osservazzjoni elettorali OSKE/ODIHR għall-elezzjonijiet tal-20 ta' Marzu 2016, skont liema l-pajjiż għad fadallu ħafna biex jissodisfa l-impenji mal-OSKE rigward elezzjonijiet demokratiċi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Każakistan biex jevitaw li jirrestrinġu l-attività ta' kandidati indipendenti; iħeġġeġ, barra minn hekk, li d-drittijiet elettorali taċ-ċittadini jiġu rispettati;

15.  Itenni li l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-OSKE fit-titjib tal-prattiki tajba ta' governanza demokratika fil-pajjiż huma importanti, b'mod partikolari fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Każakistan, għalhekk, biex jespandu l-mandat tal-OSKE fil-pajjiż, u b'mod partikolari biex iroddu liċ-Ċentru tal-OSKE f'Astana l-mandat tiegħu, bħala kundizzjoni importanti għal aktar kooperazzjoni bejn l-UE u l-Każakistan;

16.  Jitlob li l-UE u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) b'mod partikolari jwettqu monitoraġġ mill-qrib tal-iżviluppi fil-Każakistan, iqajmu kwistjonijiet ta' tħassib mal-awtoritajiet tal-Każakistan fejn ikun meħtieġ, joffru assistenza, u jirrapportaw regolarment lill-Parlament; jitlob li d-Delegazzjoni tal-UE f'Astana tkompli taqdi rwol attiv fil-monitoraġġ tas-sitwazzjoni u li tqajjem il-kwistjoni tal-libertà ta' espressjoni fil-laqgħat bilaterali kollha rilevanti mal-Każakistan; iħeġġeġ lis-SEAE biex jinvolvi ruħu b'mod proattiv f'missjonijiet ta' osservazzjoni tal-proċessi, bil-għan li jissorvelja proċessi politikament sensittivi u prosekuzzjonijiet politikament motivati u jivverifika li d-dritt għal proċess ġust japplika għal kulħadd;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Asja Ċentrali, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-gvern u lill-parlament tal-Każakistan.

(1) ĠU C 369, 11.10.2018, p. 2.
(2) ĠU C 50, 9.2.2018, p. 38.
(3) ĠU C 369, 11.10.2018, p. 179.
(4) ĠU C 45, 5.2.2016, p. 85.
(5) ĠU C 251 E, 31.8.2013, p. 93.
(6) ĠU C 224 E, 19.8.2010, p. 30.
(7) ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 91.
(8) ĠU C 58, 15.2.2018, p. 119.


L-Iran, b'mod partikolari l-każ tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem
PDF 131kWORD 54k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2019 dwar l-Iran, partikolarment is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (2019/2611(RSP))
P8_TA(2019)0204RC-B8-0186/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran, b'mod partikolari dawk tat-13 ta' Diċembru 2018 dwar l-Iran, b'mod partikolari l-każ ta' Nasrin Sotoudeh(1), u tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar l-istrateġija tal-UE rigward l-Iran wara l-ftehim nukleari(2),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Iran tal-4 ta' Frar 2019,

–  wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran tat-30 ta' Jannar 2019, u d-dikjarazzjoni tiegħu dwar l-Iran tad-29 ta' Novembru 2018,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-17 ta' Diċembru 2018 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li l-Iran huwa firmatarju tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Karta tal-President Iranjan dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-29 ta' Novembru 2018 minn esperti tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU, bit-titolu "l-Iran irid iħares lid-difensuri tad-drittijiet tan-nisa",

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-piena tal-mewt, il-Linji Gwida tal-UE dwar it-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, u l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-libertà tal-espressjoni online u offline,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' April 2018 li jestendi l-miżuri restrittivi tiegħu għal 12-il xahar ulterjuri b'reazzjoni għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kelliem għas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tat-12 ta' Marzu 2019 dwar il-kundanna tal-avukatessa Iranjana tad-drittijiet tal-bniedem Nasrin Sotoudeh,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135 (5) u 123 (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti, l-avukati u l-attivisti online fl-Iran għadhom qed jiffaċċjaw fastidju, arrest arbitrarju, detenzjoni u prosekuzzjoni għal xogħolhom; billi, f'dawn l-aħħar xhur, il-Ministeru tal-Intelligence Iranjan u forzi oħra wettqu ripressjoni severa fuq is-soċjetà ċivili;

B.  billi r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar l-istrateġija tal-UE rigward l-Iran wara l-ftehim nukleari tenfasizza l-importanza li jiġu rispettati l-linji gwida tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, fil-kuntest tar-relazzjonijiet UE-Iran;

C.  billi l-avukatessa magħrufa tad-drittijiet tal-bniedem Nasrin Sotoudeh reċentement ġiet ikkundannata għal mill-inqas seba' snin ħabs; billi matul iż-żewġ proċessi ġie rrappurtat li s-sentenza kkombinata tagħha tista' tkun itwal b'mod sinifikanti, għalkemm it-tul eżatt ta' kemm se tqatta' l-ħabs għadu mhux ċar; billi r-raġuni vera għall-priġunerija tagħha tidher li kienet id-difiża paċifika tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran; billi l-proċessi tagħha ma sarux skont standards internazzjonali bażiċi ta' proċess ġust;

D.  billi Reza Khandan, ir-raġel ta' Nasrin Sotoudeh, kien miżmum f'detenzjoni b'konnessjoni mas-sostenn tiegħu ta' nisa li għamlu kampanja paċifika kontra l-fatt li kienu mġiegħla jilbsu l-hijab u favur ir-rilaxx ta' martu mill-ħabs; billi f'Jannar 2019, il-Qorti Rivoluzzjonarja f'Tehran ikkundannatu għal sitt snin ħabs;

E.  billi l-attivisti ambjentali Taher Ghadirian, Niloufar Bayani, Amirhossein Khaleghi, Houman Jokar, Sam Rajabi, Sepideh Kashani, Abdolreza Kouhpayeh u Morad Tahbaz, li kienu qed jirrappreżentaw lill-Persian Wildlife Heritage Foundation, ġew arrestati matul il-perjodu ta' Jannar u Frar 2018, ġew miżmuma mingħajr aċċess għal avukat, u ffaċċjaw proċess matul dawn l-aħħar ġimgħat fi proċedimenti li ma laħqux l-istandards ta' proċess ġust; billi membru ieħor tal-grupp, il-professur universitarju tal-università Iranjan-Kanadiż Kavous Seyed-Emami, miet f'kustodja s-sena li għaddiet f'ċirkostanzi misterjużi;

F.  billi l-attivisti tat-trade unions Esmaeil Bakhshi, Sepideh Gholian u Mohammad Habibi ġew arrestati fl-2018 u fl-2019 wara li mexxew protesti favur id-drittijiet tal-ħaddiema u tal-għalliema; billi d-difensur tad-drittijiet tal-bniedem, Maryam Akbari Monfared, ġiet ikkundannata għal 15-il sena ħabs fl-2010 għall-hekk imsejħa 'mibegħda kontra Alla' u ġiet miċħuda kura medika waqt li kien qed tbati minn mard varju;

G.  billi l-attivisti Arash Sadeghi, Narges Mohammadi u Farhad Meysami kollha rċevew sentenzi twal ta' priġunerija għall-kampanji tagħhom dwar id-drittijiet tan-nisa, l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt u d-drittijiet tal-bniedem;

H.  billi l-qrati Iranjani jonqsu regolarment milli jipprovdu proċessi ġusti, u jużaw konfessjonijiet miksuba permezz tat-tortura bħala evidenza fil-qorti; billi l-awtoritajiet qed ikomplu jikkriminalizzaw l-attiviżmu tad-drittijiet tal-bniedem u jużaw l-Artikolu 48 tal-Liġi dwar il-Proċedura Kriminali Iranjana biex jirrestrinġu l-aċċess tad-detenuti għal avukat; billi m'hemm l-ebda mekkaniżmu indipendenti biex tiġi żgurata r-responsabbiltà fi ħdan il-ġudikatura;

I.  billi l-prattika kontinwa ta' arresti ta' ċittadini doppji tal-UE u Iranjani, inkluż il-Britannika Iranjana Nazanin Zaghari-Ratcliffe, hija segwita minn iżolament fit-tul u interrogazzjonijiet, nuqqas ta' proċess ġust, u sentenzi twal ta' ħabs ibbażati fuq akkużi vagi jew mhux speċifikati ta' "sigurtà nazzjonali" u "spjunaġġ", kif ukoll kampanji ta' malafama sponsorjati mill-Istat kontra l-individwi li jinsabu l-ħabs;

J.  billi ġew irrappurtati diversi każijiet ta' kundizzjonijiet inumani u degradanti fil-ħabsijiet u nuqqas ta' aċċess adegwat għall-kura medika matul id-detenzjoni fl-Iran, bi ksur tar-Regoli Minimi Standard tan-NU għat-Trattament tal-Priġunieri;

K.  billi hu stmat li l-Iran wettaq eżekuzzjonijiet ta' 273 persuna fl-2018, it-tieni l-akbar numru fid-dinja għal dik is-sena, skont rapport mill-NGO Iran Human Rights;

L.  billi fl-2018 eluf ta' persuni organizzaw dimostrazzjonijiet paċifiċi u strikes bi protesta kontra pagi mhux imħallsa, kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena, korruzzjoni, ripressjoni politika u ilmenti oħra; billi l-awtoritajiet arrestaw mijiet minnhom, u ħafna minnhom irċevew sentenzi ta' ħabs twil u swat;

M.  billi l-ġudikatura Iranjana tkompli trażżan l-atti ta' reżistenza paċifika min-naħa tad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa li kienu qed jipprotestaw kontra l-użu obbligatorju tal-hijab; billi fl-2018 mill-inqas 39 mara kienu arrestati b'konnessjoni mal-protesti u 55 oħra ġew detenuti għax-xogħol tagħhom b'rabta mad-drittijiet tan-nisa;

N.  billi l-libertà tal-istampa, kemm online kif ukoll offline, il-libertà ta' assoċjazzjoni u l-libertà tal-ħsieb huma mrażżna fl-Iran;

O.  billi l-awtoritajiet Iranjani sistematikament immiraw lill-ġurnalisti, inklużi dawk li jaħdmu għas-servizz Persjan tal-BBC, u lill-familji tagħhom, permezz tal-użu ta' investigazzjonijiet kriminali, l-iffriżar tal-assi, l-arrest arbitrarju, id-detenzjoni, is-sorveljanza, il-fastidju, u billi jxerrdu informazzjoni falza, malizzjuża u diffamatorja; billi tal-anqas tmien ġurnalisti bħalissa jinsabu f'detenzjoni fl-Iran;

P.  billi l-President Iranjan Hassan Rouhani nieda Karta dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini f'Diċembru 2016; billi din il-karta mhijiex legalment vinkolanti;

Q.  billi membri ta' minoranzi reliġjużi u etniċi, inklużi membri ta' twemmin Baha' i u l-komunitajiet tal-Ażerbajġani, Kurdi, Għarab u Baluch, Musulmani Sunniti, Kristjani u dawk li m'għandhomx twemmin, jiffaċċjaw diskriminazzjoni fl-impjieg, l-edukazzjoni, il-libertà tal-qima' u l-attivitajiet politiċi fl-Iran;

1.  Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jeħilsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lid-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem, il-priġunieri ta' kuxjenza u l-ġurnalisti detenuti u kkundannati sempliċiment għaliex eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta' espressjoni u tal-assemblea paċifika; jenfasizza li l-awtoritajiet Iranjani għandhom fiċ-ċirkostanzi kollha jiżguraw li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-avukati u l-ġurnalisti jkunu jistgħu jwettqu xogħolhom ħielsa minn theddid, intimidazzjoni u impediment;

2.  Itenni t-talba tiegħu lill-Gvern tal-Iran biex jeħles minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lir-rebbieħa tal-Premju Sakharov Nasrin Sotoudeh, u jfaħħar il-kuraġġ u l-impenn tagħha favur id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tan-nisa fl-Iran; iqis il-proċess u s-sentenza inġusti għall-aħħar ta' Nasrin Sotoudeh bħala nuqqas gravi ta' ġustizzja u jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Kelliem tas-SEAE tat-12 ta' Marzu 2019 dwar din il-kwistjoni;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jemendaw l-Artikolu 48 tal-Liġi dwar il-Proċedura Kriminali tal-pajjiż biex jiżguraw li l-konvenuti kollha jkollhom id-dritt li jkunu rappreżentati minn avukat tal-għażla tagħhom u għal proċess ġust skont l-impenji tal-Iran taħt il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

4.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani jiżguraw is-sikurezza u l-benessri tad-detenuti kollha, inkluż l-aċċess għal kura medika adegwata; jitlob ukoll li ssir investigazzjoni indipendenti dwar il-mewt ta' Kavous Seyed-Emami, u dwar allegazzjonijiet ta' tortura ta' attivisti oħra f'detenzjoni, u jikkundanna l-prattika tar-rifjut deliberat ta' kura medika lill-priġunieri politiċi;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani biex, bħala kwistjoni ta' urġenza, iwaqqfu s-sorveljanza, l-arrest, il-fastidju u l-prosekuzzjoni ta' ġurnalisti, attivisti online u l-familji tagħhom, u biex itemmu ċ-ċensura online, u jitlob li jinħolqu kundizzjonijiet li jittolleraw il-libertà ta' espressjoni u l-libertà tal-midja, kemm online kif ukoll offline;

6.  Jistieden lill-Gvern tal-Iran jikkoopera mar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, inkluż billi jippermettilu jidħol fil-pajjiż;

7.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-istituzzjonijiet tal-UE jkomplu jqajmu l-każijiet ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem arrestati mal-kontropartijiet Iranjani tagħhom, u matul il-laqgħa li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU f'Ġinevra;

8.  Jistieden lis-SEAE jkompli jinkludi d-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, fil-kuntest tad-Djalogu ta' Livell Għoli bejn l-UE u l-Iran; jistieden ukoll lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tafferma mill-ġdid pubblikament li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huwa komponent ewlieni għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Iran;

9.  Iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lill-Kunsill jesploraw il-possibbiltà li jiġi stabbilit djalogu formali dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-Iran f'konformità mal-Linji Gwida tal-UE dwar id-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi;

10.  Iħeġġeġ lill-uffiċjali tal-UE jitolbu lill-awtoritajiet Iranjani biex jiggarantixxu s-sikurezza u l-benessri tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem f'detenzjoni u jwettqu investigazzjonijiet sħaħ dwar rapporti ta' tortura;

11.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha bi preżenza diplomatika f'Tehran jużaw il-mekkaniżmi previsti fil-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem biex jappoġġaw u jipproteġu lil dawn l-individwi, inklużi dikjarazzjonijiet pubbliċi, proċeduri diplomatiċi, monitoraġġ tal-proċessi u żjarat fil-ħabs;

12.  Iħeġġeġ lill-Iran ma jibqax jikkriminalizza l-ħidma tad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa, inklużi dawk li jipprotestaw b'mod paċifiku kontra l-ilbies obbligatorju tal-hijab, u jitlob li din il-prattika diskriminatorja u umiljanti tiġi abolita;

13.  Jistieden lill-Gvern tal-Iran jipproteġi d-drittijiet tal-persuni kollha li jappartjenu għal minoranzi reliġjużi u etniċi, u jindirizza l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom;

14.  Jilqa' l-emendi għal-liġi dwar it-traffikar tad-drogi, li naqqsu l-impożizzjoni tal-piena kapitali, u jitlob li ssir reviżjoni tas-sentenzi kollha għall-mewt sabiex jiġi żgurat li l-proċessi rilevanti twettqu skont l-istandards internazzjonali; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jintroduċu moratorju immedjat fuq l-użu tal-piena tal-mewt, bħala pass lejn l-abolizzjoni tagħha;

15.  Jirrakkomanda li tintbagħat fl-Iran delegazzjoni ad hoc mis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem qabel tmiem il-mandat attwali sabiex iżżur lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu l-ħabs u torganizza l-laqgħat meħtieġa mal-awtoritajiet Iranjani;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Mexxej Suprem tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, lill-President tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran u lill-Membri tal-Majlis Iranjan.

(1) Testi adottati, P8_TA(2018)0525.
(2) ĠU C 215, 19.6.2018, p. 86.


Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Gwatemala
PDF 139kWORD 56k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Gwatemala (2019/2618(RSP))
P8_TA(2019)0205RC-B8-0182/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Marzu 2007 dwar il-Gwatemala(1), tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Amerka Ċentrali, min-naħa l-oħra(2), u tas-16 ta' Frar 2017 dwar il-Gwatemala, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem(3),

–  wara li kkunsidra ż-żjara tas-sottokumitat tiegħu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-Messiku u fil-Gwatemala ta' Frar 2016 u r-rapport finali tiegħu relattiv,

–  wara li kkunsidra r-rapport tad-delegazzjoni tiegħu għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali dwar iż-żjara tagħha fil-Gwatemala u fil-Honduras mis-16 sal-20 ta' Frar 2015,

–  wara li kkunsidra ż-żjara fil-Gwatemala tad-delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali bejn it-28 ta' Ottubru u l-1 ta' Novembru 2018,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar ir-responsabbiltà tal-kumpaniji għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi(4),

–  wara li kkunsidra l-Programm Indikattiv Pluriennali 2014-2020 għall-Gwatemala, u l-impenn tiegħu li jikkontribwixxi għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti u għall-paċi u għas-sigurtà,

–  wara li kkunsidra l-programmi ta' appoġġ tal-Unjoni Ewropea għas-settur tal-ġustizzja fil-Gwatemala, b'mod partikolari s-SEJUST,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, u l-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li jagħtu impenn li jkun attiv fil-qasam tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Programm ta' Azzjoni Annwali 2018 tal-UE favur il-Gwatemala għal tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv fiż-żona mal-fruntiera tal-Gwatemala u tal-Belize (Guatemalan adjacency zone) u l-viċinanza tagħha u għall-appoġġ għall-mandat estiż tal-Kummissjoni Internazzjonali kontra l-Impunità fil-Gwatemala (CICIG),

–  wara li kkunsidra l-iffirmar ta' ftehim ta' konsultazzjoni bejn is-CICIG u l-Qorti Suprema tal-Gwatemala f'Awwissu 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tat-2 ta' Settembru 2018 dwar id-deċiżjoni tal-Gvern tal-Gwatemala li ma jġeddidx il-mandat CIGIC,

–  wara li kkunsidra l-ittra konġunta mill-President tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar l-Għajbien Furzat jew Involontarju u tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni tal-verità, il-ġustizzja, il-kumpens u l-garanziji tan-nonrikorrenza, lill-President tal-Gwatemala, tas-6 ta' April 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-10 ta' Settembru 2018 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, dwar id-deċiżjoni tal-Gvern tal-Gwatemala li ma jestendix il-mandat tas-CICIG,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-6 ta' Marzu 2019 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, dwar il-Liġi tal-Gwatemala dwar l-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi għall-Iżvilupp,

–  wara li kkunsidra l-aktar rapport riċenti tal-Human Rights Watch dwar il-Gwatemala,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Gwatemala,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, minħabba l-kollaborazzjoni fil-parti l-kbira bejn l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali tal-Gwatemala u l-Kummissjoni Internazzjonali kontra l-Impunità fil-Gwatemala (CICIG), appoġġata min-NU, li ġiet stabbilita fl-2007 biex tinvestiga l-kriminalità organizzata u ssaħħaħ l-isforzi lokali biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt, il-Gwatemala kienet kompliet tagħmel xi progress fil-prosekuzzjoni tal-każijiet tad-drittijiet tal-bniedem u tal-korruzzjoni;

B.  billi n-numru ta' qtil u ta' attakki kontra d-difensuri, l-organizzazzjonijiet u l-komunitajiet li jaħdmu fuq id-drittijiet ekonomiċi, soċjali, kulturali u ambjentali żdied fil-Gwatemala matul dawn l-aħħar ftit snin; billi fl-2018 l-għadd globali ta' attakki kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-popli indiġeni, b'mod partikolari l-attakki kontra dawk li jaħdmu fuq id-drittijiet tal-art u territorjali, kien ta' 391, skont rapport mill-Unità għall-Protezzjoni tad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Gwatemala (UDEFGUA), inklużi 147 każ ta' kriminalizzazzjoni u 26 każ ta' omiċidju, żieda ta' 136 % fuq l-2017;

C.  billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jiffaċċjaw ukoll theddid, intimidazzjoni, stigmatizzazzjoni, kampanji ta' malafama minn atturi privati u mill-awtoritajiet tal-Gwatemala, u persekuzzjoni ġudizzjarja; billi l-użu ħażin ta' proċeduri kriminali kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem sabiex jipprevjenu jew jissanzjonaw ix-xogħol tagħhom jibqa' kwistjoni ta' tħassib;

D.  billi l-għadd ta' attakki kontra l-ġurnalisti huwa wkoll inkwetanti ħafna, b'93 attakk, inklużi erba' każijiet ta' qtil, irreġistrati fl-2017; billi minħabba l-konċentrazzjoni kontinwa tas-sjieda tal-midja f'idejn ftit kumpaniji, l-istabbilimenti tal-midja indipendenti u l-ġurnalisti għadhom qed ikunu soġġetti għal attakki u theddid;

E.  billi l-vjolenza kontra n-nisa għadha problema gravi fil-Gwatemala, kif jidher mill-fatt li l-imwiet vjolenti tan-nisa żdiedu bi 8 % għal 662 każ; billi fil-Jum Internazzjonali tan-Nisa 2017, 41 tifla mietu, meta ġew maqfula wara protesta kontra abbużi min-naħa tal-gwardjani, meta kien hemm xi nirien f'dar għall-minorenni mmexxija mill-istat; billi r-rata ta' impunità għad-delitti fil-Gwatemala hija ta' 97 %;

F.  billi, mill-2007, is-CICIG kienet qed tiġġieled kontra l-korruzzjoni u l-impunità fuq stedina tal-Gvern tal-Gwatemala u f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-istituzzjonijiet nazzjonali fil-pajjiż, sabiex tidentifika u tgħin biex jiżżarmaw l-istituzzjonijiet parastatali, u kkontribwixxiet għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji u tas-sigurtà tal-pajjiż;

G.  billi wara erba' estensjonijiet ta' mandati suċċessivi ta' sentejn tas-CICIG, il-Gvern tal-Gwatemala talab lis-Segretarju Ġenerali tan-NU li l-mandat tagħha jerġa' jiġġedded għal darb'oħra sa Settembru 2019, biex b'hekk tissaħħaħ aktar il-governanza permezz tal-investigazzjonijiet u l-appoġġ b'impatt għoli tas-CICIG favur l-istat tad-dritt fil-Gwatemala, u jiġu kkonsolidati l-kisbiet tagħha fit-tnaqqis sinifikanti tal-korruzzjoni u tiġi sfidata l-impunità ta' attivitajiet mhux statali b'rabtiet mal-Istat (CIACS);

H.  billi f'April 2018, is-CICIG u l-Ministeru Pubbliku ppreżentaw ir-riżultati ta' investigazzjonijiet ġodda dwar il-finanzjament illegali tal-partit fil-gvern, l-FCN, matul il-kampanja elettorali tiegħu; billi f'Lulju 2018, il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja ppjanat investigazzjoni fl-attivitajiet tal-President Jimmy Morales fir-rigward tal-finanzjament illegali tal-kampanja elettorali tiegħu;

I.  billi fl-aħħar ta' Awwissu 2018, il-Gvern tal-Gwatemala ħabbar il-kanċellazzjoni tal-mandat tas-CICIG sa minn Settembru 2019; billi ftit wara, il-gvern ipprojbixxa wkoll ir-ritorn lejn il-pajjiż tad-direttur tas-CICIG Iván Velásquez u sussegwentement ikkanċella l-viżi għal 11-il impjegat tas-CICIG li kienu qed jinvestigaw każijiet ta' korruzzjoni ta' livell għoli; billi f'Jannar 2019, il-gvern unilateralment ħassar il-ftehim man-NU dwar is-CICIG b'effett immedjat u talab li s-CICIG titlaq mill-pajjiż; billi Iván Velásquez qed jiffaċċja wkoll akkużi u huwa s-suġġett ta' kampanji kontinwi ta' tfigħ ta' tajn;

J.  billi dawn il-miżuri ġew ikkontestati u annullati mill-Qorti Kostituzzjonali tal-Gwatemala; billi l-Qorti Kostituzzjonali ordnat, b'vot unanimu, li l-gvern kellu jippermetti lil Iván Velásquez jidħol fil-pajjiż; billi dawn id-deċiżjonijiet ġew injorati mill-gvern; billi l-Kungress ħejja azzjoni kontra l-Qorti Kostituzzjonali u l-membri tagħha, u dan ta lok għal kunflitt sfaċċat mal-istat tad-dritt;

K.  billi l-Abbozz ta' Riforma 5377 li jemenda l-Liġi dwar ir-Rikonċiljazzjoni Nazzjonali, li għadda mill-Kungress fit-tieni qari minn tlieta, fil-bidu ta' Marzu 2019, jestendi amnestija għad-delitti kollha mwettqa mill-forzi tas-sigurtà domestika u individwi li jaġixxu f'isem il-gvern, inklużi delitti kontra l-umanità, bħalma huma t-tortura, l-għajbien furzat u l-ġenoċidju; billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR) esprimew it-tħassib tagħhom dwar l-abbozz ta' liġi u appellaw biex il-liġi eżistenti ma tiġix emendata;

L.  billi skont l-IACHR, l-Abbozz ta' Riforma 5377 jonqos milli jikkonforma mal-impenji internazzjonali tal-Gwatemala, allegatament jikser id-dritt internazzjonali, u jikser l-Artikolu 171(g) tal-Kostituzzjoni tal-Gwatemala, billi l-persuni kollha fil-ħabs li kienu nstabu ħatja ta' delitti politiċi u ta' delitti kontra l-umanità li twettqu matul il-kunflitt armat, u li ġew ikkundannati għalihom, jinħelsu fi ftit sigħat;

M.  billi l-persuni fil-Gwatemala qed ikollhom iħabbtu wiċċhom ma' livell estremament għoli ta' nuqqas ta' sigurtà, u billi l-Pulizija Ċivili Nazzjonali (PNC) f'dawn l-aħħar snin iddgħajfet serjament; billi kien hemm allegazzjonijiet ta' intimidazzjoni u theddid kontra maġistrati, imħallfin, prosekuturi u atturi ġudizzjarji li kkooperaw mas-CICIG;

N.  billi l-aċċess għall-ġustizzja, il-kundizzjonijiet tal-ħabs, il-kondotta tal-pulizija u l-allegazzjonijiet ta' tortura, kwistjonijiet aggravati minn korruzzjoni mifruxa, kollużjoni u impunità, jibqgħu kwistjonijiet ta' tħassib serju;

O.  billi tal-Ombudsman tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Gwatemala, li l-baġit tiegħu tnaqqas, il-Ministeru Pubbliku, u l-Ġudikatura ħadu passi importanti kontra l-impunità u favur ir-rikonoxximent tad-drittijiet tal-bniedem; billi hemm tentattivi ċari mill-awtoritajiet tal-Gwatemala biex jagħmlu ħsara lill-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-impunità u l-istat tad-dritt;

P.  billi skont l-UDEFEGUA, il-vittmi tal-attakki "kienu fil-parti l-kbira tagħhom mexxejja indiġeni li jiddefendu d-dritt għall-art u għat-territorju"; billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU esprima tħassib dwar id-drittijiet indiġeni wara lmenti dwar proġetti tal-enerġija idroelettrika, tal-estrazzjoni mill-minjieri u agroindustrijali, li l-liċenzji u l-operazzjonijiet tagħhom ikkawżaw il-ksur tad-drittijiet tal-popli indiġeni; billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU ddikjara wkoll li huwa inkwetanti li l-protesti paċifiċi mill-komunitajiet qed jiġu trattati mill-istat u mill-partijiet terzi involuti bħala sitwazzjonijiet ta' kunflitt kriminali li jaffettwaw is-sikurezza pubblika; billi Aura Lolita Chávez, id-difensur ambjentali indiġenu mill-Gwatemala u l-finalista tal-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew tal-2017, telqet minn pajjiżha wara attakki serji, theddid ta' qtil u malafama, u qed taffaċċja diversi proċessi ġudizzjarji li kieku kellha tirritorna;

Q.  billi fid-9 ta' Ottubru 2018, membri tar-Reżistenza Paċifika tal-Mikroreġjun ta' Ixquisis, fost manifestanti oħra, ġew attakkati minn aġenti kontra l-irvellijiet tal-PNC, u dan ħalla sitt dimostranti midruba;

R.  billi l-Ambaxxatur Żvediż għall-Gwatemala ġie ddikjarat persona non grata (dikjarazzjoni sussegwentement annullata mill-Qorti Kostituzzjonali) talli allegatament għen lis-CICIG fil-ħidma tagħha fil-pajjiż;

S.  billi l-elezzjonijiet presidenzjali u ġenerali fil-Gwatemala huma ppjanati għas-16 ta' Ġunju u l-11 ta' Awwissu 2019;

T.  billi l-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali jridu jkunu parti integrali mill-politiki esterni tal-UE, inkluż il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni ffirmat bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali fl-2012; billi dan il-ftehim jinkludi klawsola demokratika, li hija element essenzjali minnu; billi l-Gwatemala hija t-tielet l-akbar riċevitur ta' assistenza bilaterali għall-iżvilupp mill-UE fl-Amerka Ċentrali, u billi din l-għajnuna, fl-ammont ta' EUR 167 miljun fil-perjodu 2014-2020, tiffoka fuq is-sigurtà tal-ikel, ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti, il-paċi, is-sigurtà u l-kompetittività;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar iż-żieda fil-qtil u l-atti vjolenti u n-nuqqas ta' sigurtà għaċ-ċittadini kollha u, b'mod aktar speċifiku, għan-nisa u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar fl-importanza ta' sistema ġudizzjarja indipendenti u effettiva u l-bżonn li tintemm l-impunità; jiddeplora l-fatt li l-Gvern tal-Gwatemala qed ikompli jinjora l-istat tad-dritt u s-separazzjoni tas-setgħat; ifakkar li fost il-prinċipji essenzjali tad-demokraziji liberali hemm is-separazzjoni tas-setgħat u r-rispett tal-istat tad-dritt;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Gwatemala jwaqqfu kull att ta' intimidazzjoni kontra s-soċjetà ċivili fil-Gwatemala – b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem – filwaqt li jirrispettaw l-ordni kostituzzjonali u jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini kollha tal-Gwatemala; jenfasizza l-fatt li soċjetà ċivili vibranti hija essenzjali biex l-istat isir aktar responsabbli, reattiv, inklużiv u effettiv fil-livelli kollha, u allura aktar leġittimu; jinsisti li l-istituzzjonijiet kollha li jiddefendu d-demokrazija kostituzzjonali u d-drittijiet tal-bniedem fil-Gwatemala jeħtieġ ikunu appoġġjati u msaħħa; ifakkar li ġudikatura indipendenti u r-rispett tal-indipendenza tagħha, flimkien ma' ordinament ġuridiku imparzjali, jikkostitwixxu garanzija essenzjali; jenfasizza li dawn huma kruċjali għall-konsolidazzjoni tal-isforzi biex jiġu miġġielda l-korruzzjoni u l-impunità; iqis li l-allegazzjonijiet ta' intimidazzjoni u theddid kontra l-maġistrati, l-imħallfin u l-prosekuturi għandhom iwasslu għal azzjoni immedjata biex jiġu mħarsa l-istituzzjonijiet ġudizzjarji tal-pajjiż u r-rappreżentanti tagħhom; iħeġġeġ lill-Eżekuttiv tal-Gwatemala jiżgura l-indipendenza tal-ġudikatura minnufih u jiggarantixxi l-libertà tal-istampa u tal-midja;

3.  Huwa konvint li s-CICIG kellha rwol fundamentali fil-Gwatemala u li l-ħidma tagħha fil-ġlieda kontra l-impunità u l-korruzzjoni u t-tħejjija ta' investigazzjonijiet għall-proċessi mwettqa mill-istituzzjonijiet tal-Gwatemala hija kruċjali biex jiġi rispettat l-istat tad-dritt; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni attwali li s-CICIG qed tiffaċċja fil-Gwatemala u jitlob lill-Gvern Gwatemalan iwaqqaf l-attakki illegali kollha kontriha u kontra l-membri tal-persunal nazzjonali u internazzjonali tagħha;

4.  Jilqa', f'dan il-kuntest, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni ta' Settembru 2018 biex l-estensjoni tal-mandat tas-CICIG tingħata appoġġ permezz ta' EUR 5 miljun oħra mill-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) għall-Programm ta' Azzjoni Annwali tal-Gwatemala tal-2018; jistieden lill-Kummissjoni tiżborża b'urġenza l-EUR 5 miljun miftiehma u tkompli l-programmi kollha approvati mas-CICIG; jitlob lill-Kummissjoni tlesti ruħha biex, wara Settembru 2019, tkompli tikkoopera mas-CICIG u tkompli tiffinanzjaha, u jappoġġja attivament tali estensjoni;

5.  Huwa konvint li l-emenda proposta għal-Liġi dwar ir-Rikonċiljazzjoni Nazzjonali tikkostitwixxi theddida sinifikanti għall-istat tad-dritt fil-Gwatemala u timmina drastikament il-progress importanti magħmul bil-ħidma tal-qrati nazzjonali fil-ġlieda kontra l-impunità; jaqbel mal-fehma tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti li l-amnestija prevista fl-abbozz ta' liġi għal min jikser id-drittijiet tal-bniedem, għall-awturi ta' delitti kontra l-umanità u għall-kriminali tal-gwerra tista' tkompli żżid il-vjolenza fil-pajjiż; jinnota li l-priġunieri rilaxxati jistgħu jirritaljaw, azzjoni li tista' twassal għad-destabbilizzazzjoni tas-soċjetà; iħeġġeġ lill-Kungress tal-Gwatemala, għalhekk, biex ma jadottax l-abbozz ta' liġi;

6.  Jitlob li jsir studju indipendenti, taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti, li jirrifletti l-impatt aħħari tal-ħidma tas-CICIG fuq is-sistema ġudizzjarja fil-Gwatemala u l-kontribut tagħha għall-istabbiltà politika tal-pajjiż, kif ukoll ir-riżultat tal-ftehim iffirmat bejn is-CICIG u l-Qorti Elettorali Suprema;

7.  Jesprimi tħassib dwar il-proposta ta' liġi dwar l-organizzazzjonijiet mhux governattivi fil-qasam tal-iżvilupp; jitlob lill-Kungress tal-Gwatemala biex, bi qbil mal-parir tekniku pprovdut mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, ma jadottax dan l-abbozz li, jekk jgħaddi, jista' jxekkel il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-għaqda tal-NGOs, jillimitalhom l-aċċess għall-finanzjament u jċekknilhom id-definizzjoni tagħhom, u b'hekk jillimita l-kamp ta' applikazzjoni ta' dawn l-organizzazzjonijiet u jfixkel l-attivitajiet tagħhom, minbarra li jwitti t-triq għall-interdizzjoni arbitrarja tagħhom; ifakkar lill-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet tal-Gwatemala fil-ħtieġa li jinħoloq u jinżamm ambjent sikur u favorevoli biex l-NGOs jesprimu liberament l-opinjonijiet tagħhom u jwettqu l-ħidma tagħhom għall-benefiċċju tas-soċjetà kollha kemm hi;

8.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-ilmenti li saru dwar in-nuqqas ta' konsultazzjonijiet liberi u infurmati minn qabel (il-Konvenzjoni 169 tal-ILO); ifakkar fir-rakkomandazzjoni tar-Rapporteur Speċjali tan-NU li d-drittijiet tal-popli indiġeni għandhom jiġu rispettati bis-sħiħ skont l-istandards internazzjonali, li jinkludu d-dritt għal konsultazzjoni libera u infurmata minn qabel; ifakkar li l-korporazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali huma marbutin direttament bi trattati u regoli nazzjonali u internazzjonali oħrajn dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet ambjentali tul il-katina tal-valur tagħhom, u li, jekk jinstab li jkunu kkawżaw jew ikkontribwew għall-ħsara, il-kumpaniji għandhom joffru jew jipparteċipaw fi proċessi ta' rimedju effettiv għall-individwi u l-komunitajiet affettwati; jinnota li dan jinkludi r-restituzzjoni, il-kumpens, ir-riabilitazzjoni u garanziji ta' nonripetizzjoni; ifakkar li l-gvernijiet għandhom ir-responsabbiltà li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u li jressqu lil min jiksirhom quddiem il-ġustizzja;

9.  Itenni t-talba tiegħu għall-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari n-nisa; jilqa' u jappoġġja l-azzjoni meħuda s'issa mill-ambaxxati Ewropej u d-Delegazzjoni tal-UE għall-Gwatemala; jitlob li l-Unjoni Ewropea żżomm u, jekk ikun meħtieġ, tintensifika l-proġetti ta' appoġġ għall-ħidma tal-organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali fil-Gwatemala;

10.  Jinsisti li l-awtoritajiet tal-Gwatemala għandhom jiddikjaraw u jiżguraw is-sikurezza fiżika u legali ta' Lolita Chávez, finalista tal-Premju Sakharov, jekk tiddeċiedi li tmur lura f'pajjiżha;

11.  Jitlob li l-elezzjonijiet fil-Gwatemala jsiru b'mod paċifiku u trasparenti, u li tiġi żgurata s-sigurtà tal-kandidati kollha; jenfasizza li l-Qorti Suprema Elettorali għandha taġixxi b'mod indipendenti u mingħajr ebda ndħil mill-istituzzjonijiet jew l-aġenti tal-istat; joffri li jibgħat Missjoni ta' Esperti Elettorali mill-UE;

12.  Jiddeplora l-fatt li, aktar minn 20 sena wara, il-Ftehimiet ta' Paċi tal-Gwatemala għadhom ma ġewx implimentati, u anzi qegħdin f'riskju li jiżżarmaw; iħeġġeġ bis-sħiħ lill-parteċipanti nazzjonali u internazzjonali kollha jagħmlu kulma jistgħu biex jaċċeleraw l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom; jistieden lill-Gvern tal-Gwatemala, għal dan il-għan, jiżgura l-kontroll demokratiku u politiku u l-professjonalizzazzjoni tal-PNC u ta' istituzzjonijiet oħra bħall-CONRED, il-koordinatur nazzjonali għat-tnaqqis tad-diżastri, sabiex jimpedixxi l-militarizzazzjoni tagħhom u tiġi evitata r-ridirezzjoni ta' fondi umanitarji permezz tal-armata, billi dan mhuwiex konsistenti mal-għanijiet tal-Ftehimiet ta' Paċi;

13.  Ifakkar lill-Gvern tal-Gwatemala li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerka Ċentrali fih klawsola dwar id-drittijiet tal-bniedem li hija element essenzjali u li, jekk tiġi injorata, tista' twassal għas-sospensjoni tas-sħubija; jitlob lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jagħmlu użu mill-mekkaniżmi stabbiliti fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u fil-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni biex iħeġġu bis-sħiħ lill-Gwatemala twettaq aġenda ambizzjuża dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda kontra l-impunità;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President, il-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tal-Gwatemala, lill-Kummissjoni Internazzjonali Kontra l-Impunità fil-Gwatemala (CICIG), lis-Segretarjat għall-Integrazzjoni Ekonomika tal-Amerka Ċentrali (SIECA), lill-Parlament tal-Amerka Ċentrali u lill-kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana.

(1) ĠU C 301 E, 13.12.2007, p. 257.
(2) ĠU C 434, 23.12.2015, p. 181.
(3) ĠU C 252, 18.7.2018, p. 196.
(4) ĠU C 215, 19.6.2018, p. 125.


Il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri u dwar sekwestru internazzjonali ta' minuri *
PDF 116kWORD 48k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2019 dwar l-abbozz ta’ regolament tal-Kunsill dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri u dwar sekwestru internazzjonali ta' minuri (riformulazzjoni) (15401/2018 – C8-0023/2019 – 2016/0190(CNS))
P8_TA(2019)0206A8-0056/2019

(Proċedura leġiżlattiva speċjali – konsultazzjoni mill-ġdid)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Kunsill (15401/2018),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2016)0411),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-18 ta' Jannar 2018(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 81(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0023/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 78c u 78e tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0056/2019),

1.  Japprova l-abbozz tal-Kunsill;

2.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

3.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-abbozz tiegħu mill-Parlament b'mod sustanzjali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) Testi adottati, P8_TA(2018)0017.


Implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP)
PDF 166kWORD 61k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2019 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 dwar is-SĠP (2018/2107(INI))
P8_TA(2019)0207A8-0090/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 607/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 552/97 li jirtira temporanjament l-aċċess għal preferenzi tariffarji ġeneralizzati mill-Myanmar/Burma(2), u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2013 dwar ir-ristabbiliment tal-aċċess tal-Myanmar/Burma għas-sistema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati(3),

–  wara li kkunsidra l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tar-regolament SĠP attwali ta' Lulju 2018(4) u r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 978/2012(5) akkumpanjat mid-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-4 ta' Ottubru 2018(6),

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni tat-28 ta' Jannar 2016 u tad-19 ta' Jannar 2018 dwar l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi li jkopru l-perjodi 2014-2015(7) u 2016-2017(8) rispettivament, li jivvalutaw l-effetti tas-SĠP b'fokus fuq il-prestazzjoni tal-benefiċjarji tas-SĠP+,

–  wara li kkunsidra s-Smigħ Pubbliku dwar is-SĠP organizzat mill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (INTA) fis-16 ta' Frar 2016, l-iskambju ta' fehmiet dwar l-għoti tas-SĠP+ lis-Sri Lanka fil-21 ta' Marzu 2017; u l-iskambju ta' fehmiet dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament SĠP fid-19 ta' Frar 2018,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 5 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew fil-każ 1409/2014/MHZ dwar in-nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea li twettaq minn qabel valutazzjoni tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Vjetnam(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar l-implementazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2010 tal-Parlament dwar l-istandards soċjali u ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem u r-responsabbiltà korporattiva(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2018 dwar ir-rapport annwali tal-2017 dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2017 dwar inizjattiva ewlenija tal-UE għas-settur tal-ħwejjeġ(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà fil-Bangladesh(13),

–  wara li kkunsidra sħubijiet volontarji speċifiċi għall-pajjiżi, bħall-inizjattiva tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà fil-Bangladesh u l-inizjattiva tad-Drittijiet tax-Xogħol fil-Myanmar,

–  wara li kkunsidra l-istrateġija konġunta tal-2007 tal-UE u tal-Istati Membri tagħha bit-titolu "Għajnuna għall-Kummerċ: It-tisħiħ tal-appoġġ tal-UE għall-ħtiġijiet relatati mal-kummerċ f'pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp",

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU għall-2030,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar it-tħaddim tat-tfal, ix-xogħol furzat, id-diskriminazzjoni, il-libertà ta' assoċjazzjoni u n-negozjar kollettiv,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2016 dwar l-UE u dwar il-katini ta' valur mondjali responsabbli,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-12 ta' Settembru 2017 dwar l-impatt tal-kummerċ internazzjonali u tal-politiki kummerċjali tal-UE fuq il-ktajjen ta' valur mondjali(14),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) ta', u l-Anness 3 għad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja(15),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar il-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0090/2019),

A.  billi l-UE kienet l-ewwel li implimentat skema SĠP fl-1971 wara r-rakkomandazzjoni tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) li skontha l-pajjiżi industrijalizzati jagħtu preferenzi kummerċjali ġeneralizzati, mhux reċiproċi u mhux diskriminatorji lil pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, b'hekk jgħinuhom biex jiġġeneraw dħul addizzjonali permezz ta' kummerċ internazzjonali bi sforz biex jitnaqqas il-faqar, tiġi promossa l-governanza tajba, u jitrawwem l-iżvilupp sostenibbli;

B.  billi l-Artikolu 207 tat-TFUE jistipula li l-politika kummerċjali tal-UE jeħtiġilha tkun imsejsa fuq il-prinċipji u l-objettivi tal-politika esterna tal-UE u tippromwovi l-valuri li l-Unjoni tiddefendi, kif stabbilit fl-Artikolu 2 tat-TUE u għall-kisba tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 21, bħat-tisħiħ tad-demokrazija u l-istat tad-dritt, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, l-ugwaljanza, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem u l-ħarsien tal-ambjent u tad-drittijiet soċjali;

C.  billi fil-konklużjonijiet tiegħu, l-Ombudsman tal-UE stqarr li: amministrazzjoni tajba tfisser li jiġu osservati u rrispettati d-drittijiet fundamentali; meta d-drittijiet fundamentali ma jiġux irrispettati m'hemmx lok għal amministrazzjoni tajba; l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE jeħtiġilhom dejjem jikkunsidraw li l-azzjonijiet tagħhom ikunu konformi mad-drittijiet fundamentali u għandhom ifittxu wkoll li jtejbu l-argument tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi sħab.

D.  billi l-iskema SĠP attwali ġiet stabbilita taħt ir-Regolament (UE) Nru 978/2012, li ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 2017 tat-TFUE skont il-proċess leġiżlattiv ordinarju mal-Parlament Ewropew li għall-ewwel darba aġixxa bħala koleġiżlatur għal regolament SĠP;

E.  billi skont l-Artikolu 40 tar-Regolament SĠP, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament SĠP lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ħames snin wara l-adozzjoni, li għandu r-Regolament SĠP li jmiss u li ser jiġi adottat sal-2022; billi dan ir-Regolament ilu fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2014; billi saret evalwazzjoni indipendenti bir-reqqa tal-funzjonament tar-Regolament attwali bħala sforz sabiex tiġi pprovduta informazzjoni fl-ambitu tal-eżerċizzju ta' rieżami mill-Kummissjoni u billi tfasslet lista ta' rakkomandazzjonijiet konkreti;

F.  billi l-iskema fiha tliet arranġamenti: l-iskema SĠP ġenerali, l-iskema ta' inċentivi SĠP+; u l-iskema Kollox ħlief Armi (EBA); billi l-pajjiżi benefiċjarji tas-SĠP standard – attwalment 18-il pajjiż – jibbenefikaw minn tnaqqis fid-dazji doganali f'66 % tal-kategoriji tal-prodotti kollha tal-UE; billi t-tmien benefiċjarji tas-SĠP+ jesportaw madwar 66 % tal-kategoriji tal-prodotti kollha mingħajr dazju għall-impenn tagħhom biex jimplimentaw effettivament 27 konvenzjoni ewlenija internazzjonali li jkopru d-drittijiet tal-ħaddiema, id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba u t-tħassib ambjentali; billi d-49 pajjiż l-anqas żviluppati (LDCs) fl-ambitu tal-arranġament tal-EBA tas-SĠP jingħataw aċċess mingħajr dazju għall-UE għall-prodotti kollha, ħlief għall-armi u l-munizzjon; billi l-pajjiżi benefiċjarji kollha huma marbuta minn konvenzjonijiet internazzjonali fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet tax-xogħol skont ir-Regolament SĠP, filwaqt li l-pajjiżi SĠP+ huma marbuta wkoll minn konvenzjonijiet internazzjonali dwar l-ambjent u governanza tajba; billi hija biss l-iskema SPĠ+ li toffri djalogu strutturat fejn tiġi vvalutata l-implimentazzjoni effikaċi ta' dawn il-konvenzjonijiet mill-pajjiżi benefiċjarji; billi l-pajjiżi benefiċjarji tas-SPĠ għandhom ikunu jistgħu jimplimentaw ukoll standards u normi internazzjonali, inklużi t-tfassil, l-implimentazzjoni u l-infurzar ta' leġiżlazzjoni xierqa, b'mod partikolari fil-qasam tal-istabbiliment tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

G.  billi l-objettivi ewlenin tar-riforma tas-SĠP tal-2012 kienu li jkun hemm aktar enfasi fuq il-pajjiżi fil-bżonn – LDCs u pajjiżi oħra bi fejn id-dħul huwa aktar baxx – fejn jiġu promossi aktar il-prinċipji ewlenin tal-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba, jissaħħu l-istabbiltà u l-prevedibbiltà filwaqt li tittejjeb iċ-ċertezza għall-operaturi kummerċjali;

H.  billi bosta konvenzjonijiet internazzjonali, linji gwida u regoli għandhom l-għan li jipprevjenu l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem; billi, b'mod partikolari, il-pajjiżi benefiċjarji tas-SĠP għandhom l-obbligu li jimplimentaw dawn il-linji gwida u joħolqu l-kundizzjonijiet ġuridiċi u ekonomiċi xierqa li fihom in-negozji jistgħu joperaw u jsibu posthom fil-katini ta' provvista mondjali;

I.  billi l-UE jenħtieġ li twieġeb b'mod saħansitra aktar effettiv għad-dumping soċjali u ambjentali u għal prattiki kummerċjali u ta' kompetizzjoni inġusti fl-istess waqt li tassigura kundizzjonijiet ekwi;

J.  billi f'diversi pajjiżi, iż-żoni ta' pproċessar tal-esportazzjonijiet (EPZs) huma eżentati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar ix-xogħol u b'hekk dan ma jippermettix id-dritt komplut ta' parteċipazzjoni fl-attività ta' trade union jew ta' tiftix ta' rimedju legali; billi l-ewwel istanza tikkostitwixxi ksur tal-istandards ewlenin tal-ILO u tista' twassal għal aktar impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem;

K.  billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politiki kollha tal-UE hija stabbilita sew fl-Artikolu 8 tat-TFUE; billi l-ftehimiet ta' kummerċ u ta' investiment għandhom ħabta jaffettwaw lin-nisa u lill-irġiel b'mod differenti minħabba l-inugwaljanzi strutturali bejn il-ġeneri; billi skont l-ILO, fl-2012 21 miljun persuna madwar id-dinja, li minnhom 55 % kienu nisa u bniet, sfaw vittmi ta' xogħol furzat u 90 % minnhom kienu fis-settur tal-ekonomija privata;

L.  billi l-Artikolu 19(6) tar-Regolament SĠP jirrikjedi li l-Kummissjoni tqis "l-informazzjoni rilevanti kollha" meta tiddetermina jekk il-pajjiżi benefiċjarji tas-SĠP humiex debitament konformi mal-obbligi tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-informazzjoni pprovduta mis-soċjetà ċivili; billi l-involviment tas-soċjetà ċivili u tas-sħab soċjali fl-implimentazzjoni tal-iskema SĠP jista' jsaħħaħ il-leġittimità u l-effikaċja tal-politika kummerċjali komuni tal-UE;

M.  billi r-Regolament SĠP jippermetti lill-UE tissospendi l-preferenzi fl-aktar każijiet serji ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, abbażi tal-Kapitolu V, Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament SĠP, li jipprevedi l-irtirar temporanju ta' trattament preferenzjali għal għadd ta' raġunijiet, inkluż il-ksur sistematiku tal-prinċipji stabbiliti fil-konvenzjonijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness VIII;

N.  billi l-Kummissjoni nediet il-proċess fil-każ tal-Kambodja u tinsab fil-proċess li tniedi investigazzjonijiet fil-każ tal-Myanmar rigward abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fi ħdan il-qafas ta' irtirar possibbli mill-arranġamenti Kollox ħlief Armi;

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet ewlenin

1.  Jilqa' r-Rapport ta' Nofs it-Terminu li dwar l-applikazzjoni tar-Regolament SĠP attwali li jivvaluta jekk l-objettivi li stabbilixxa għandhomx probabbiltà li jinkisbu; jilqa' l-fatt li r-Regolament il-ġdid ra żieda fl-esportazzjonijiet mill-benefiċjarji tal-arranġamenti Kollox ħlief Armi (EBA) u SĠP+, li huwa fattur importanti li jikkontribwixxi għall-qerda tal-faqar;

2.  Jinnota b'sodisfazzjon li fl-2016 EUR 62.6 biljun f'importazzjonijiet daħlu fl-UE skont il-preferenzi tas-SĠP (tendenza li qiegħda tiżdied), imqassma kif ġej: EUR 31.6 biljun minn benefiċjarji tas-SĠP standard, madwar EUR 7.5 biljun mill-benefiċjarji tas-SĠP+ u EUR 23.5 biljun mill-benefiċjarji tal-EBA (data tal-Eurostat minn Settembru 2017);

3.  Ifakkar li s-SĠP tgħin lill-industriji fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp jegħlbu d-diffikultajiet li dawn il-pajjiżi jiffaċċjaw fis-swieq tal-esportazzjoni bħala riżultat ta' spejjeż inizjali għoljin; ifakkar li, f'konformità mal-objettivi tal-UNCTAD, l-għanijiet tas-SĠP huma li jiżdied id-dħul mill-esportazzjoni u li tiġi promossa l-industrijalizzazzjoni ta' pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u konsegwentement tal-LDCs u li jiġi aċċellerat it-tkabbir tagħhom bil-għan li jinqered il-faqar;

4.  Jenfasizza li s-SĠP+ hija strument importanti tal-politika kummerċjali tal-UE li tipprovdi aċċess aħjar għas-suq u hija akkumpanjata minn mekkaniżmu ta' monitoraġġ strett għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, il-ħarsien tal-ambjent u l-governanza t-tajba fil-pajjiżi vulnerabbli fil-fażi tal-iżvilupp;

5.  Jinnota li r-Regolament SĠP attwali ilu fis-seħħ għal tliet snin, mill-bidu tal-proċess ta' evalwazzjoni ta' nofs it-terminu, li diġà identifika elementi li fir-Regolament SĠP ser jitqies li jkun hemm riforma tagħhom; jilqa' r-rakkomandazzjonijiet previsti fir-rapport finali tal-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu;

6.  Jenfasizza li s-SĠP, bħala parti mill-politika kummerċjali tal-UE għandha tinbena fuq il-prinċipji tal-politika esterna tal-UE (effikaċja, trasparenza u valuri) kif minquxa fl-Artikolu 21 tat-TUE; jisħaq li l-Artikolu 208 tat-TFUE jistabbilixxi l-prinċipju ta' koerenza tal-politiki għall-iżvilupp u jistabbilixxi l-qerda tal-faqar bħala l-objettiv ewlieni; jisħaq li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Kummerċ għal Kulħadd" tirriafferma dawn il-prinċipji;

7.  Jirrikonoxxi l-fatt li s-SĠP+ għandha rwol importanti fil-promozzjoni tad-drittijiet internazzjonali tax-xogħol, tad-drittijiet tal-bniedem, tal-governanza tajba u tal-istandards għall-ħarsien tal-ambjent fil-pajjiżi benefiċjarji tagħha, mhux biss billi toffri inċentivi biex jikkonformaw ma' dawn l-istandards iżda wkoll billi tistabbilixxi pjattaforma għal djalogu regolari fl-oqsma koperti mill-konvenzjonijiet u billi tippromwovi l-involviment f'riformi sostantivi;

8.  Jirrikonoxxi li l-iskema SĠP ġabet gwadanji ekonomiċi għall-pajjiżi benefiċjarji u għall-UE, b'żieda fl-esportazzjonijiet lejn l-UE u b'rati ta' utilizzazzjoni ta' preferenza mtejba mill-benefiċjarji tal-EBA u tas-SĠP+; iħeġġeġ lill-UE taħdem biex iżżid l-għarfien dwar ir-regoli tas-SĠP fil-pajjiżi benefiċjarji sabiex tippromwovi implimentazzjoni saħansitra aħjar tal-iskema; jitlob lill-Kummissjoni biex, fejn possibbli, tivvaluta d-distribuzzjoni tal-qligħ fir-rigward tal-iskema SĠP abbażi tad-disponibbiltà tad-data; jieħu nota li, f'xi każijiet, iż-żieda fl-esportazzjonijiet u fl-opportunitajiet ekonomiċi kellha impatti indiretti negattivi mhux intenzjonati fuq id-drittijiet fundamentali u l-iżvilupp soċjali, pereżempju f'każijiet fejn wasslu għall-ħtif tal-art jew għal nonkonformità mad-drittijiet tax-xogħol; jisħaq, għaldaqstant, li jeħtieġ li l-preferenzi kummerċjali jiġu segwiti mill-implimentazzjoni ta' konvenzjonijiet internazzjonali u riformi sabiex jiġi evitat li l-programmi SĠP potenzjalment iwasslu għal livelli ogħla ta' dumping ambjentali u soċjali;

9.  Jilqa' l-mekkaniżmu ta' dħul tas-SĠP+ issimplifikat biex jagħmlu aktar attraenti għall-pajjiżi benefiċjarji tas-SĠP standard; jaċċentwa l-fatt li ħafna mill-pajjiżi kandidati għas-SĠP+ irratifikaw bosta mill-konvenzjonijiet internazzjonali meħtieġa għal dħul fis-SĠP+; jisħaq li l-monitoraġġ imtejjeb, kostanti u sistematiku tal-proċess ta' implimentazzjoni huwa ta' importanza kbira u jista' jinkiseb billi tiżdied il-kooperazzjoni bejn l-atturi kollha sabiex il-ġbir ta' informazzjoni u l-analiżi fil-fond isiru aħjar bl-użu tal-informazzjoni u r-riżorsi kollha disponibbli, bħar-rapporti tal-korpi ta' monitoraġġ internazzjonali, inkluż in-NU, l-ILO, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) u inkluż l-involviment dirett tas-soċjetà ċivili u tas-sħab soċjali fil-proċess; jisħaq li dan huwa meħtieġ sabiex jiġi żgurat il-potenzjal sħiħ li l-iskema SĠP+ ittejjeb is-sitwazzjoni fir-rigward tad-drittijiet tal-ħaddiema, il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-qerda tax-xogħol tat-tfal u x-xogħol furzat permezz tal-implimentazzjoni effettiva tas-27 konvenzjoni;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza l-kwistjonijiet tal-ispazju li qiegħed jiċkien għas-soċjetà ċivili u l-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu f'riskju meta taħdem ma' pajjiżi benefiċjarji tas-SĠP+ u permezz ta' involviment aħjar permezz tal-EBA hekk kif dawn il-kwistjonijiet huma relatati direttament mal-obbligi fl-ambitu tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO, skont il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Kummerċ għal Kulħadd"; jitlob lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tesplora possibilitajiet oħra għal parteċipazzjoni strutturata, formali u indipendenti tas-soċjetà ċivili, tar-rappreżentanti tat-trade unions u tas-settur privat fejn kollha jistgħu jservu bħala mezzi potenzjali biex jissaħħaħ il-proċess ta' monitoraġġ;

11.  Jenfasizza li, b'mod globali, l-iskema SĠP tidher li ħolqot inċentivi għar-ratifika tal-konvenzjonijiet internazzjonali u għalhekk ħolqot qafas aħjar għal progress; jisħaq fuq l-importanza li jiġu implimentati aktar miżuri preċiżi biex jiżguraw li s-SĠP irawwem żvilupp ambjentali pożittiv; jirrakkomanda li l-Ftehim ta' Pariġi jiżdied mal-lista ta' 27 konvenzjoni internazzjonali fundamentali li l-pajjiżi benefiċjarji tas-SĠP+ jeħtiġilhom ikunu konformi magħhom; jisħaq li għad irid isir ħafna aktar progress fil-pajjiżi benefiċjarji sabiex jinkiseb mudell ta' żvilupp sostenibbli;

12.  Jirrikonoxxi l-progress li sar dwar l-implimentazzjoni effettiva, miksub permezz ta' żieda fil-monitoraġġ u djalogu bejn l-UE u l-pajjiżi benefiċjarji, b'mod partikolari fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tas-27 konvenzjoni fundamentali; jisħaq fuq il-ħtieġa għal aktar koordinazzjoni bejn is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), id-delegazzjonijiet tal-Unjoni, il-missjonijiet diplomatiċi tal-Istati Membri, il-gvernijiet tal-pajjiżi benefiċjarji, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, in-negozji, is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili sabiex jittejjeb il-ġbir tal-informazzjoni u tiġi pprovduta analiżi aktar fil-fond tal-eżerċizzju ta' monitoraġġ; jirrakkomanda li, kemm jista' jkun, jkun hemm aktar trasparenza u komunikazzjoni bejn il-koleġiżlaturi u l-partijiet ikkonċernati fil-proċessi tal-irtirar tas-SĠP, b'mod partikolari matul il-proċedura ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni;

13.  Jirrikonoxxi li r-ratifika u l-progress fir-rigward tal-implimentazzjoni effettiva ta' konvenzjonijiet rilevanti huma punti ta' riferiment importanti sabiex jinkiseb il-progress meħtieġ fi ħdan l-iskema; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-azzjonijiet meħuda rigward il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet, mill-pajjiżi benefiċjarji, ikunu kompletament konformi mad-dokumenti ta' strateġija għall-pajjiż, bil-għan li tiġi żgurata l-koerenza tal-politiki, il-konsistenza u l-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-politiki kummerċjali;

14.  Jisħaq fuq il-bżonn ta' involviment kontinwu u aktar titjib tat-trasparenza fil-monitoraġġ tas-SĠP+ filwaqt li jiġi żgurat li l-UE tkun tista' żżomm l-ingranaġġ kollu tagħha mal-pajjiżi benefiċjarji f'dan id-djalogu, b'mod partikolari fl-eżerċizzju ta' valutazzjoni; jappella lill-Kummissjoni tikkunsidra passi ulterjuri f'dan il-qasam u fil-qasam tad-djalogu mal-pajjiżi benefiċjarji sabiex tiżdied it-trasparenza, is-sorveljanza u l-effikaċja tal-iskema;

15.  Iqis li kwalunkwe deċiżjoni li jiġu sospiżi l-preferenzi trid tkun konsistenti fl-intier tagħha mal-objettiv sovrastanti li jittaffa l-faqar u jenfasizza li atti tad-dritt sekondarju tal-UE jridu jitfasslu u jiġu interpretati skont id-dritt primarju tal-UE u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE f'dan ir-rigward; jisħaq, għaldaqstant, fuq il-ħtieġa li jinżamm l-approċċ speċjalizzat użat attwalment għall-irtirar tal-preferenzi u jiġi żgurat li dan l-irtirar ikun limitat għal setturi speċifiċi u mfassal b'tali mod li jillimita għall-inqas possibbli l-effetti negattivi għall-popolazzjoni lokali; jappella lill-Kummissjoni biex, fejn xieraq, tagħmel użu minn irtirar gradwali fir-rigward tal-preferenzi kummerċjali jew miżuri oħra ta' rtirar li huma marbuta b'perjodu ta' żmien; jisħaq, fl-aħħar nett, li l-irtirar ta' preferenzi kummerċjali għandu jitqies bħala miżura tal-aħħar rikors li tiġi applikata biss f'każijiet ta' nuqqasijiet serji fl-implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet internazzjonali u nuqqas ċar ta' rieda u involviment min-naħa tal-pajjiż benefiċjarju sabiex jindirizzahom; jisħaq, fl-istess waqt, fuq in-natura kundizzjonali tal-iskemi u li din il-kundizzjonalità għandha tintuża biex tiġi ppreservata l-kredibilità ta' kull skema u biex tiġi żgurata azzjoni f'każijiet ta' ksur serju u sistematiku tal-konvenzjonijiet;

16.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjonijiet reċenti tal-Kummissjoni li tniedi l-proċess għall-irtirar tal-preferenzi fi ħdan l-EBA għall-Kambodja u li tibgħat missjoni tal-UE ta' emerġenza u ta' livell għoli fil-Myanmar b'reazzjoni għas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiż-żewġ pajjiżi; jistenna li l-Kummissjoni żżomm lill-Parlament informat mill-qrib u involut fil-passi sussegwenti, inkluż fir-rigward tas-sospensjoni tal-preferenzi;

17.  Jinnota li n-numru ta' pajjiżi benefiċjarji naqas konsiderevolment minħabba r-riforma fil-kriterji ta' eliġibilità li, flimkien mal-kwalifika tal-prodott, irriżultat fi tnaqqis globali fil-volum tal-importazzjonijiet tal-UE minn pajjiżi SĠP; jirrikonoxxi li dawn ir-riformi jippermettu li l-preferenzi jiġu ffukati fuq il-pajjiżi li huma l-aktar fil-bżonn; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura koerenza u konsistenza bejn is-sistemi SĠP u FTA fil-valutazzjoni tal-impatt għar-Regolament li jmiss sabiex jiġi żgurat ir-rwol ċentrali tas-SĠP għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp fi ħdan il-politika kummerċjali tal-UE; jinnota f'dan ir-rigward li l-pajjiżi benefiċjarji tal-EBA qegħdin jiffaċċjaw pressjoni kompetittiva dejjem akbar minn pajjiżi li stabbilew FTAs mal-UE; jinnota, barra minn hekk, li xi pajjiżi li qabel kienu soġġetti għall-monitoraġġ tas-SĠP+ issa huma koperti minn FTAs li jinkludu kapitli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, li għandhom ikunu effettivi u infurzabbli;

18.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-iskema SĠP, b'mod partikolari fil-każ tad-29 pajjiż fl-EBA, ma wasslet għal ebda bidla u, f'xi każijiet, kien hemm deterjorament fil-profili tagħhom tad-diversifikazzjoni tal-esportazzjonijiet fil-livell tal-prodott; jiddispjaċih ukoll mill-fatt li din ma kkontribwietx biżżejjed għad-diversifikazzjoni ekonomika; jappella biex jittieħdu aktar miżuri sabiex tittejjeb id-diversifikazzjoni tal-esportazzjonijiet mill-pajjiżi SĠP; jiddispjaċih mill-fatt li d-diversifikazzjoni fost il-benefiċjarji tidher li xxekklet mit-tneħħija tal-possibbiltà ta' kumulazzjoni ma' pajjiżi li ggradwaw mis-SĠP, peress li ma jistgħux jibqgħu jibbenefikaw mir-regoli tal-oriġini għall-benefiċjarji tas-SĠP; jappella bis-sħiħ li din il-possibbiltà tiġi riintrodotta, b'mod partikolari għall-pajjiżi l-aktar vulnerabbli; jinnota t-tnaqqis sinifikanti fid-diversifikazzjoni tal-esportazzjonijiet fil-livelli settorjali kollha għall-benefiċjarji tas-SĠP standard; jappella wkoll lill-Kummissjoni tqis riforma u espansjoni tal-lista ta' prodotti li għandhom jiġu koperti mir-Regolament fir-rigward, b'mod partikolari, ta' prodotti nofshom lesti u prodotti lesti u, fejn meħtieġ, tiffaċilita r-regoli tal-oriġini għall-pajjiżi l-aktar vulnerabbli; jinkoraġġixxi aktar lill-pajjiżi benefiċjarji tas-SĠP sabiex jintroduċu miżuri effettivi maħsuba għad-diversifikazzjoni tal-prodotti; f'dan ir-rigward, jissottolinja l-ħtieġa li jinħoloq aċċess għall-għarfien u għat-teknoloġija sabiex b'hekk il-prodotti jiġu diversifikati b'tali mod li l-esportazzjonijiet ikunu awtosuffiċjenti fil-kompetizzjoni globali u b'mod partikolari fl-Ewropa;

19.  Jappella lill-pajjiżi benefiċjarji tas-SPĠ biex jadottaw u jimplimentaw b'mod effettiv miżuri legali biex jipproteġu l-proprjetà intellettwali;

20.  Jilqa' l-fatt li r-rata tal-utilizzazzjoni tal-preferenzi għall-benefiċjarji tal-EBA hija għolja; jisħaq fuq l-importanza tal-bini ta' kapaċità fil-pajjiżi benefiċjarji biex jiġu megħjuna jibbenefikaw l-aktar possibbli mill-iskema; jappella biex il-miżuri fl-ambitu tal-inizjattiva Għajnuna għall-Kummerċ jintużaw b'mod aktar effettiv f'dan ir-rigward; jemmen li għandha tingħata kunsiderazzjoni biex jiġu inklużi servizzi fir-regolament SĠP li jmiss sabiex tiġi promossa ulterjorment diversifikazzjoni akbar; jisħaq, barra minn hekk, f'dan il-kuntest dwar l-importanza ta' approċċ minn negozju għal negozju; jappella għall-istabbiliment ta' pjattaformi u faċilitajiet online għas-setturi u għad-diversi partijiet ikkonċernati, li jlaqqgħu flimkien kumpaniji tal-esportazzjoni minn pajjiżi benefiċjarji tas-SPĠ, kumpaniji tal-importazzjonijiet fl-UE u parteċipanti ġodda potenzjali fiż-żewġ naħat – dawk li attwalment mhumiex qegħdin jesportaw jew jimportaw – sabiex isir skambju tal-aħjar prattiki u jkun hemm sensibilizzazzjoni dwar ir-regoli, il-kundizzjonijiet u l-perspettivi ekonomiċi li s-SĠP toffri;

21.  Jilqa' l-konklużjoni tal-ewwel investigazzjoni ta' salvagwardja taħt ir-Regolament u huwa tal-fehma li din il-klawżola għandha tiżgura li l-interessi finanzjarji, ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-UE jiġu protetti; jisħaq fuq li meta jiġu offruti preferenzi għal prodotti sensittivi, hemm bżonn li jkun possibbli li dawn jingħataw trattament speċjali sabiex jiġi evitat li ċerti setturi jitqiegħdu f'riskju;

22.  Jenfasizza li l-partijiet kollha tat-territorju tal-pajjiżi benefiċjarji, inkluż l-EPZs, ikunu koperti mill-iskema u l-obbligi li jirriżultaw mir-ratifika tal-konvenzjonijiet rilevanti; iħeġġeġ lill-pajjiżi benefiċjarji jimplimentaw b'mod effettiv l-istandards tax-xogħol u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tindirizza l-ksur tal-istandards tal-ILO, inkluż in-negozjar kollettiv u l-libertà ta' assoċjazzjoni fl-EPZs li jinsabu f'pajjiżi benefiċjarji attwali jew potenzjali u biex tiżgura li titneħħa kwalunkwe konċessjoni; jappella lill-Kummissjoni tesplora mezzi biex tiżgura li l-prodotti mill-EPZs ma jaqgħux fl-ambitu tal-iskema ta' preferenzi billi dawn huma eżentati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u huma bi ksur tal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti;

23.  Jaċċentwa li s-SĠP għamlet is-settur korporattiv aktar dinamiku, ikkontribwiet, sa ċertu punt, għall-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa u kienet ta' vantaġġ għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-forza tax-xogħol, b'mod partikolari fl-industriji tal-pajjiżi ta' esportazzjoni li għandhom kummerċ mal-UE; jisħaq, f'dan ir-rigward, li huwa importanti li jinħolqu ambjenti tan-negozju adegwati għan-nisa sabiex dawn jagħmlu użu tajjeb minn dawn il-ħiliet u esperjenzi ġodda u jkunu jistgħu javvanzaw fl-istrutturi tal-kumpaniji jew ikunu jistgħu jistabbilixxu intrapriżi proprji ġodda; madankollu jinnota li n-nisa għadhom qegħdin jiġu diskriminati u jinsab imħasseb dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tan-nisa speċjalment fis-settur tat-tessuti u tal-ilbies; itenni r-riżoluzzjoni tas-27 ta' April 2017 , u jappella lill-Kummissjoni tipprovdi segwitu rigward din;

24.  Jilqa' l-effett li s-SĠP kellha fuq l-adozzjoni ta' teknoloġiji aktar nodfa u sikuri u fuq inizjattivi volontarji tar-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji, li ħalla impatt pożittiv dirett fuq il-ħaddiema u fuq l-ambjent; huwa tal-fehma li għandhom jiġu ppjanati miżuri biex ikomplu jħeġġu u jivvalutaw b'mod affidabbli dan l-iżvilupp; jirrikonoxxi l-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ tajjeb bejn l-azzjoni regolatorja u dik volontarja dwar id-diliġenza dovuta tal-kumpaniji f'dan ir-rigward, u jappella lill-Kummissjoni tfittex modi kif tistabbilixxi obbligi ta' diliġenza dovuta;

25.  Iqis li l-UE għandha tiżgura koerenza politika billi tinkoraġġixxi atturi internazzjonali oħra, bħall-intrapriżi multinazzjonali, biex jipparteċipaw bis-sħiħ fit-titjib tad-drittijiet tal-bniedem, tad-drittijiet soċjali u tal-istandards ambjentali fid-dinja kollha, kif ukoll billi tobbliga operaturi ekonomiċi jdaħħlu fis-seħħ prattiki ta' diliġenza dovuta f'konformità mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; jappella lill-Kummissjoni turi sens ta' tmexxija sabiex tiżgura li d-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tax-xogħol jiġu rispettati fil-ktajjen tal-valur globali, u tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-2016 dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar l-istandards soċjali u ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem u r-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR), inkluż l-appell tiegħu biex ir-responsabbiltà soċjali korporattiva tiġi inkluża fir-Regolament u biex jiġu riformati r-regoli tad-WTO sabiex jiġu stabbiliti rekwiżiti ta' diliġenza dovuta u trasparenza, abbażi tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem;

26.  Ifakkar li l-UE għandha tinkoraġġixxi, fl-interessi tal-koerenza mal-politiki ta' atturi internazzjonali oħra, bħal kumpaniji multinazzjonali, parteċipazzjoni sħiħa fit-titjib tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tat-tfal, id-drittijiet soċjali, id-drittijiet ambjentali u s-saħħa pubblika fid-dinja; jappella lill-UE tiżgura li d-drittijiet tal-bniedem jiġu rispettati fir-rigward tad-dritt għax-xogħol f'katini ta' valur mondjali, jiġifieri tul il-katina ta' provvista;

27.  Jappella lill-Kummissjoni, fir-rigward tar-Regolament SĠP li jmiss, biex tesplora l-possibbiltà li tintroduċi preferenzi tariffarji addizzjonali għal prodotti li ġew prodotti b'mod sostenibbli u li hemm evidenza ta' dan; iqis li l-oġġetti għandhom jiġu ppreżentati fuq bażi volontarja għaċ-ċertifikazzjoni ta' tip ta' produzzjoni sostenibbli tagħhom u li l-prova tagħhom għandha tiġi prodotta fuq l-importazzjoni fl-UE;

o
o   o

28.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1.
(2) ĠU L 181, 29.6.2013, p. 13.
(3) ĠU C 55, 12.2.2016, p. 112.
(4) http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2018/october/tradoc_157434.pdf
(5) COM(2018)0665.
(6) SWD(2018)0430.
(7) COM(2016)0029.
(8) COM(2018)0036.
(9) https://www.ombudsman.europa.eu/mt/decision/en/64308
(10) ĠU C 101, 16.3.2018, p. 19.
(11) Testi adottati, P8_TA(2018)0515.
(12) ĠU C 298, 23.8.2018, p. 100.
(13) ĠU C 331, 18.9.2018, p. 100.
(14) ĠU C 337, 20.9.2018, p. 33.
(15) http://www.europarl.europa.eu/RegData/organes/conf_pres_groupes/proces_verbal/2002/12-12/CPG_PV(2002)12-12(ANN01)_EN.doc


Kopertura minima għat-telf għal skoperturi improduttivi ***I
PDF 130kWORD 51k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emendar tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward tal-kopertura minima għat-telf għal skoperturi improduttivi (COM(2018)0134 – C8-0117/2018 – 2018/0060(COD))
P8_TA(2019)0208A8-0440/2018

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0134),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0117/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta' Lulju 2018(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-11 ta' Lulju 2018(2),

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tas-7 ta' Jannar 2019, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0440/2018),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-14 ta' Marzu 2019 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward tal-kopertura minima għat-telf għal skoperturi improduttivi

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Regolament (UE) 2019/630).

(1) ĠU C 79, 4.3.2019, p. 1.
(2) ĠU C 367, 10.10.2018, p. 43.


Is-salvagwardja tal-kompetizzjoni fit-trasport bl-ajru ***I
PDF 128kWORD 60k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-salvagwardja tal-kompetizzjoni fit-trasport bl-ajru, li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 868/2004 (COM(2017)0289 – C8-0183/2017 – 2017/0116(COD))
P8_TA(2019)0209A8-0125/2018

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0289),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0183/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta' Jannar 2018(1),

–  wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-12 ta’ Diċembru 2018 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0125/2018),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-14 ta' Marzu 2019 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-salvagwardja tal-kompetizzjoni fit-trasport bl-ajru, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 868/2004

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Regolament (UE) 2019/712).

(1) ĠU C 197, 8.6.2018, p. 58.


Linji gwida għall-Baġit 2020 - Taqsima III
PDF 171kWORD 60k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Marzu 2019 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2020, Taqsima III – Kummissjoni (2019/2001(BUD))
P8_TA(2019)0210A8-0172/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(1) (minn issa 'l quddiem "ir-Regolament Finanzjarju"),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2) (minn issa 'l quddiem "ir-Regolament dwar il-QFP"),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019(5) u d-dikjarazzjonijiet komuni maqbula bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni li huma annessi miegħu,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 70/1 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-25 ta' Settembru 2015, bit-titolu "Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli", li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2016, u d-dokument ta' riflessjoni bit-titolu "Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030" li ġie ppreżentat reċentement mill-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2019 dwar il-linji gwida baġitarji għall-2020 (06323/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 86a tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0172/2019),

A.  billi n-negozjati dwar il-baġit tal-Unjoni għall-2020 se jsiru b'mod parallel man-negozjati dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss u r-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-UE; billi s-sena 2019 se tkun is-seba' sena tal-QFP 2014-2020;

B.  billi, tul dawn l-aħħar snin, il-Kunsill ripetutament ikkontradixxa lilu nnifsu, billi ppreżenta prijoritajiet politiċi ġodda għall-UE iżda fl-istess ħin wera li ma kienx lest jipprevedi approprjazzjonijiet ġodda biex jiffinanzjahom; billi l-prijoritajiet politiċi ġodda u l-isfidi futuri għall-UE għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta' approprjazzjonijiet ġodda, u mhux billi jitnaqqas l-ammont tal-approprjazzjonijiet għall-programmi eżistenti;

C.  billi lejn tmiem il-perjodu attwali ta' programmazzjoni finanzjarja, l-implimentazzjoni tal-programmi pluriennali se tirrikjedi riżorsi finanzjarji xierqa u għalhekk se tantiċipa l-pagamenti meħtieġa fl-2020 sabiex tiġi evitata kriżi oħra tal-pagamenti fl-ewwel snin tal-QFP 2021-2027;

Baġit 2020: pont għall-Ewropa futura – Ninvestu fl-innovazzjoni, fl-iżvilupp sostenibbli u fil-protezzjoni u s-sigurtà taċ-ċittadini

1.  Jissottolinja li l-baġit tal-Unjoni għall-2020 huwa pont għall-QFP għall-perjodu 2021-2027 u għandu jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' viżjoni komuni u fit-tul dwar il-prijoritajiet politiċi futuri tal-Unjoni u jipprovdi l-ogħla valur miżjud Ewropew; jistenna li, fil-mument tal-adozzjoni tal-baġit 2020, jkun involut f'negozjati komprensivi dwar il-QFP mal-Kunsill, wara ftehim politiku fil-Kunsill Ewropew; jemmen li baġit 2020 b'saħħtu, responsabbli u li jħares 'il quddiem se jiffaċilita l-ftehim u t-tranżizzjoni lejn il-QFP li jmiss; għandu l-ħsieb għalhekk li jagħmel użu sħiħ mill-flessibbiltà eżistenti u minn dispożizzjonijiet oħra stabbiliti fir-Regolament dwar il-QFP u r-Regolament Finanzjarju, sabiex jissaħħu l-programmi ewlenin tal-UE fil-baġit 2020, filwaqt li jitqies kif xieraq l-approċċ baġitarju bbażat fuq il-prestazzjoni fil-baġit tal-UE;

2.  Jitlob li jkun hemm programmi agrikoli speċifiċi biex jippromwovu, min-naħa waħda, il-ktajjen tal-provvista qosra, il-prezzijiet ġusti għall-produtturi, qligħ stabbli u aċċettabbli għall-bdiewa u, min-naħa l-oħra, it-tqassim mill-ġdid ġust tal-pagamenti bejn il-pajjiżi, it-tipi ta' produzzjoni u produtturi, jiġu eliminati d-differenzi attwali u jibbenefikaw l-Istati Membri bl-akbar nuqqasijiet fil-produzzjoni, kif ukoll il-produtturi żgħar u ta' daqs medju;

3.  Iqis, għalhekk, li l-baġit tal-UE għas-sena d-dieħla għandu jiddefinixxi prijoritajiet politiċi ċari u jippermetti lill-Unjoni toħloq tkabbir ekonomiku u impjiegi sostenibbli u inklużivi, tkompli tinvesti fil-kapaċitajiet ta' innovazzjoni u riċerka għal soluzzjonijiet futuri, tagħti spinta lill-kompetittività, tiżgura Ewropa sikura, sigura u paċifika, issaħħaħ il-kundizzjonijiet ta' xogħol u ta' għajxien għaċ-ċittadini, issaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, tqawwi lill-Unjoni fil-ġlieda tagħha kontra l-isfidi ambjentali u t-tibdil fil-klima bil-għan li jintlaħqu l-obbligi tagħha skont il-Ftehim ta' Pariġi, tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, u twettaq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;

4.  Jirrimarka li, peress li l-2020 hija l-aħħar sena tal-QFP attwali, l-implimentazzjoni tal-programmi tal-UE, u b'mod partikolari dawk taħt ġestjoni kondiviża fil-politika ta' koeżjoni, fil-politika agrikola komuni u fil-politika komuni tas-sajd, jeħtieġ li tiġi aċċellerata sabiex tikkumpensa għal dewmien preċedenti u tilħaq il-fażi ta' għeluq; jistenna li din tiġi riflessa f'żieda sostanzjali fit-talbiet għal pagament u jantiċipa, għalhekk, qabża 'l fuq fil-livell annwali ta' approprjazzjonijiet ta' pagament għall-2020; jenfasizza l-impenn tal-Parlament li jiżgura l-pagamenti meħtieġa fl-2020 u li jipprevjeni kriżi oħra tal-pagamenti fl-ewwel snin tal-QFP 2021-2027, kif seħħ matul il-perjodu kurrenti attwali; jissottolinja l-ħtieġa li jitjiebu kontinwament il-mekkaniżmi ta' kontroll u ta' korrezzjoni, sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni xierqa u rapida tal-programmi tal-UE;

5.  Jirrimarka l-importanza ta' aġenziji deċentralizzati li jiżguraw l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE u b'hekk jintlaħqu l-objettivi ta' politika tal-UE, bħal dawk relatati mal-kompetittività, it-tkabbir sostenibbli, l-impjiegi u l-ġestjoni tal-flussi attwali tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati; jistenna li n-negozjati dwar il-baġit 2020 jwasslu għal finanzjament operattiv u amministrattiv xieraq tal-aġenziji tal-UE, filwaqt li jippermettilhom iwettqu l-kompiti dejjem akbar tagħhom u jagħtu l-aħjar riżultati possibbli; itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-2018 kienet l-aħħar sena tal-implimentazzjoni tat-tnaqqis tal-persunal b'5 % u tal-hekk imsejħa "riżerva ta' riallokazzjoni"; jistenna li l-Kummissjoni u l-Kunsill jżommu lura milli jagħmlu aktar tnaqqis fir-riżorsi tal-aġenziji fil-baġit 2020;

Innovazzjoni u riċerka għal soluzzjonijiet futuri: appoġġ għal tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv sabiex tiġi antiċipata l-bidla u tingħata spinta lill-kompetittività

6.  Jissottolinja l-importanza tal-pretensjoni tal-Ewropa li hija l-mexxejja f'teknoloġiji ewlenin f'oqsma bħall-ispazju, il-kura tas-saħħa, l-ambjent, l-agrikoltura, is-sikurezza u t-trasport; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni jkomplu jipprovdu soluzzjonijiet għall-ħtiġijiet, l-isfidi u l-kompetittività tal-Ewropa, u jfakkar, f'dan il-kuntest, ir-rwol importanti tar-riċerka fundamentali; jenfasizza li t-tranżizzjoni minn Orizzont 2020 għal Orizzont Ewropa għandha tkun mingħajr intoppi bil-għan li tiġi żgurata l-istabbiltà għan-negozji, il-faċilitajiet ta' riċerka u l-akkademiċi; jinsab allarmat min-nuqqas sustanzjali ta' finanzjament għal Orizzont 2020 matul il-perjodu kollu, li jirriżulta f'rata ta' suċċess baxxa għal applikazzjonijiet eċċellenti; biħsiebu, għalhekk, jiżgura l-akbar allokazzjoni annwali possibbli għal Orizzont 2020 fil-baġit tas-sena d-dieħla, billi jagħmel użu sħiħ mid-dispożizzjonijiet ta' flessibbiltà eżistenti tar-Regolament QFP u r-Regolament Finanzjarju; jenfasizza madankollu, l-importanza tal-approfondiment tas-sinerġiji mal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej;

7.  Jenfasizza l-potenzjal għat-tkabbir ekonomiku li jirriżulta mit-trasformazzjoni teknoloġika tal-Ewropa u jitlob li l-baġit tal-UE jwettaq il-kontribut xieraq fl-appoġġ għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea u fil-promozzjoni tal-ħiliet u tal-intraprenditorija diġitali; jissottolinja l-importanza li jsir investiment addizzjonali f'kapaċitajiet diġitali, inkluż il-computing ta' prestazzjoni għolja tal-UE, l-intelliġenza artifiċjali u ċ-ċibersigurtà; jenfasizza li l-Programm Ewropa Diġitali huwa mistenni li jiżgura allokazzjoni ferm ogħla fil-QFP 2021-2027 u, għalhekk, biħsiebu jżid il-finanzjament f'dan il-qasam fil-baġit tas-sena d-dieħla;

8.  Jenfasizza s-suċċess tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) fl-iskattar ta' investimenti addizzjonali fl-UE bil-għan li tintlaħaq mira ta' investiment ta' mill-inqas EUR 500 biljun sal-2020, wara l-estensjoni tad-durata tagħha; jirrimarka, madankollu, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bil-għan li titjieb aktar l-implimentazzjoni tiegħu fir-rigward tal-addizzjonalità tal-proġetti magħżula; ifakkar li l-fond ta' garanzija tal-FEIS kien iffinanzjat parzjalment permezz ta' riallokazzjonijiet minn Orizzont 2020 u mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, u jikkonferma mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu li ilha stabbilita li inizjattivi ġodda għandhom ikunu ffinanzjati kompletament b'finanzjament ġdid;

9.  Jinsab konvint bis-sħiħ li t-titjib tal-ġustizzja u l-għoti ta' opportunitajiet indaqs fi ħdan l-ekonomija soċjali tas-suq Ewropea huma prerekwiżiti għall-iżvilupp sostenibbli tal-Unjoni; biħsiebu jiżgura finanzjament suffiċjenti għall-programmi bħall-COSME u t-Teknoloġiji Futuri u Emerġenti (FET) li jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għas-suċċess ta' negozji ġodda u intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), li huma s-sinsla tal-ekonomija Ewropea u l-ixpruni ewlenin tat-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi, l-innovazzjoni u l-integrazzjoni soċjali; jissottolinja l-livell għoli ta' implimentazzjoni ta' dawn il-programmi, u jirrimarka dwar il-kapaċità tagħhom li jassorbu saħansitra aktar minn hekk;

Sikurezza, sigurtà u paċi għaċ-ċittadini Ewropej

10.  Iqis li l-protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-UE u tas-sigurtà interna bl-appoġġ ta' Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta msaħħa, u l-Europol, Unjoni Ewropea mingħajr fruntieri interni u l-funzjonament tajjeb taż-żona Schengen u l-libertà ta' moviment fi ħdan l-UE, huma marbutin inseparabbilment u huma ta' benefiċċju reċiproku; jenfasizza fl-istess ħin l-importanza ta' investimenti sodi tal-UE fil-qasam tas-sigurtà interna, bil-għan li, fost affarijiet oħra, jissaħħu l-infurzar tad-dritt tal-Unjoni u r-rispons ġudizzarju għat-theddid kriminali transkonfinali u għall-promozzjoni ta' skambju ta' informazzjoni, bl-appoġġ imsaħħaħ għall-Eurojust u għall-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew; iqis li huwa obbligu li jiġu żgurati finanzjament, persunal u taħriġ adegwati għall-persunal tal-aġenziji kollha li joperaw fil-qasam tas-sigurtà, il-ġustizzja u l-kontroll tal-fruntiera huwa insuffiċjenti fid-dawl taż-żieda konsiderevoli fir-responsabbiltajiet tagħhom, l-importanza tal-kooperazzjoni bejniethom, il-ħtieġa u għal innovazzjonijiet u l-adattament teknoloġiċi u r-rwol vitali tagħhom fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fost l-Istati Membri;

11.  Jenfasizza fl-istess ħin, ir-responsabbiltà umanitarja tal-UE fil-politika ta' migrazzjoni u jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil u tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali biex jiġu żviluppati u implimentati prattiki komuni tal-asil fl-Istati Membri; iqis li huwa obbligu li jiġu żgurati finanzjament, persunal u taħriġ tal-persunal adegwati għall-aġenziji kollha li joperaw fil-qasam tal-migrazzjoni, l-asil u d-drittijiet tal-bniedem, b'riżorsi finanzjarji u umani adegwati biex iwettqu r-rwol tagħhom kif xieraq;

12.  Jilqa' bi pjaċir l-impenn tal-Istati Membri għal aġenda tad-difiża mġedda tal-UE u r-rieda tagħhom għal aktar kooperazzjoni dwar id-difiża Ewropea; jenfasizza l-importanza tal-varar tal-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża (EDIDP), bħala l-ewwel fażi tal-Fond Ewropew għad-Difiża; jitlob żieda ulterjuri fil-baġit tad-difiża tal-Unjoni, li għandu jiġi ffinanzjat b'mod esklussiv minn approprjazzjonijiet ġodda, sabiex jittejbu l-kompetittività u l-innovazzjoni tal-industrija tad-difiża Ewropea;

13.  Jappoġġja bis-sħiħ it-tisħiħ tal-isforzi tal-UE li tindirizza t-theddid dejjem akbar għas-sigurtà bħar-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti fl-Ewropa u fil-pajjiżi tal-viċinat kif ukoll koordinazzjoni aħjar ta' tali programmi fil-livell tal-UE;

14.  Jenfasizza li ċ-ċibersigurtà hija kruċjali għall-prosperità u s-sigurtà tal-Unjoni, kif ukoll għall-privatezza taċ-ċittadini tagħha, li l-attakki ċibernetiċi, il-kriminalità ċibernetika u l-manipulazzjoni qed jheddu s-soċjetajiet miftuħa, u li l-ispjunaġġ ekonomiku qed ixekkel il-funzjonament tas-suq uniku diġitali u qed jipperikola l-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej; jitlob riżorsi finanzjarji adegwati biex l-aġenziji rilevanti kollha jiġu mgħammra b'fondi adegwati biex ikopru l-kompiti operattivi u amministrattivi tagħhom ħalli jgħinu jiżguraw sistemi ta' netwerks u ta' informazzjoni, jibnu reżiljenza ċibernetika b'saħħitha, u jiġġieldu ċ-ċiberkriminalità; jappoġġja, f'dan il-kuntest, il-kooperazzjoni strateġika bejn l-Aġenzija tal-UE dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) u l-Europol;

15.  Ifakkar li l-paċi u l-istabbiltà huma valuri fundamentali li huma appoġġjati mill-baġit tal-Unjoni Ewropea u jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-kontribut sinifikanti li l-Unjoni għamlet għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni fil-gżira tal-Irlanda, b'mod partikolari permezz tal-appoġġ muri għall-ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira u l-finanzjament għall-programmi PEACE u INTERREG; jissottolinja l-importanza li jinżamm il-finanzjament għal dawn il-programmi wara l-Brexit;

16.  Jemmen, b'referenza għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar l-użu ta' data tal-utenti ta' Facebook minn Cambridge Analytica u l-impatt fuq il-protezzjoni tad-data(6), li l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, b'mod partikolari it-traċċar u l-iżvelar ta' diżinformazzjoni u kwalunkwe tip ieħor ta' interferenza barranija hija prijorità biex jiġu żgurati elezzjonijiet ġusti u demokratiċi, b'mod partikolari fis-sena tal-elezzjonijiet Ewropej; jitlob riżorsi finanzjarji addizzjonali biex jittejjeb l-użu sistematiku ta' għodod ta' komunikazzjoni strateġiċi li jippermettu rispons koordinat b'saħħtu tal-UE; jappoġġja l-linji gwida li stabbiliet il-Kummissjoni dwar kif għandhom jintużaw ir-regoli eżistenti tal-UE biex jiġi indirizzat l-użu tad-data personali bil-għan li ċ-ċittadini jkunu fil-mira fuq il-midja soċjali matul il-perjodi tal-elezzjoni u tiġi ggarantita l-ġustizzja tal-proċess elettorali;

17.  Jinsab imħasseb li mhux biżżejjed ċittadini Ewropej għandhom l-impressjoni li l-Unjoni Ewropea taħdem għalihom u tipprovdilhom benefiċċji sostanzjali; jitlob għalhekk riżorsi finanzjarji addizzjonali għall-Kummissjoni biex tinvesti f'għodod, bħall-inizjattivi riċenti tal-Parlament "X'qed tagħmel għalija l-Ewropa" u l-"Applikazzjoni taċ-Ċittadini" biex iċ-ċittadini jiġu infurmati dwar il-ħidma tal-Unjoni u jenfasizza l-isforzi mwettqa għall-promozzjoni tal-paċi, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-libertà tal-espressjoni; iqis li tali għodod għandhom jinxterdu aħjar fil-livell nazzjonali;

18.  Jirrimarka li l-politika agrikola komuni u l-politika komuni tas-sajd huma l-pedamenti tal-integrazzjoni Ewropea, li għandhom l-għan li jiżguraw provvista tal-ikel sikura u ta' kwalità għolja għaċ-ċittadini Ewropej, il-funzjonament xieraq tas-suq uniku agrikolu, is-sostenibbiltà tar-reġjuni rurali għal bosta snin u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali; ifakkar li dawn il-politiki jikkontribwixxu għall-vijabbiltà u għall-istabbiltà tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġja lill-produtturi madwar l-Ewropa biex ikunu jistgħu jilqgħu għall-volatilità mhux mistennija tas-suq u jiżguraw provvisti tal-ikel sikuri u ta' kwalità għolja; jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lill-agrikoltura fuq skala żgħira u lis-sajd fuq skala żgħira;

Tisħiħ tas-solidarjetà u fehim reċiproku

19.  Jitlob riżorsi finanzjarji addizzjonali biex tiġi ssodisfata d-domanda futura għal Erasmus+, il-programm primarju għall-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluża l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, iż-żgħażagħ u l-isport fl-Ewropa, filwaqt li titqies ukoll id-dimensjoni esterna tiegħu; jissottolinja li hemm bżonn ta' riżorsi adegwati biex jiġi "demokratizzat" il-programm, billi l-finanzjament tiegħu jkun aċċessibbli għal kulħadd u li jaħdem lejn il-Qafas Ewropew għal Apprendistati ta' Kwalità u Effettivi bħala mezz biex jiġi miġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ; ifakkar li l-Parlament talab li l-pakkett finanzjarju għal dan il-programm jiġi triplikat fil-QFP li jmiss; jitlob li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-edukazzjoni, l-apprendistati, il-kultura u r-riċerka;

20.  Ifakkar li, fi żmien meta qed jitqajmu dubji dwar il-proġett Ewropew, huwa essenzjali li jiġi mġedded impenn b'saħħtu għall-Ewropa permezz tal-kultura, l-għarfien, il-ħolqien u l-innovazzjoni; jemmen għalhekk li l-programmi Ewropa Kreattiva u MEDIA għandhom jiġu appoġġjati fil-livell xieraq;

21.  Jenfasizza li l-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ tirrikjedi sforzi finanzjarji addizzjonali sostanzjali biex jinħolqu opportunitajiet għall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjiegi; jissottolinja, f'dan ir-rigward, l-impatt pożittiv tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, li kienet appoġġjat madwar 1,7 miljun żagħżugħ u żagħżugħa sa tmiem l-2017; jilqa' bi pjaċir il-fatt li, fuq talba qawwija tal-Parlament, ir-riżultat tan-negozjati dwar il-baġit 2019 kien li l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ tinġieb għal ammont totali ta' EUR 350 miljun fl-2019; jistenna li l-abbozz tal-baġit 2020 jixhed ambizzjoni akbar għal dan il-programm biex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel lejn il-programm tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) fil-QFP li jmiss; jissottolinja l-ħtieġa li tiġi aċċellerata l-implimentazzjoni ta' dan il-programm u li tittejjeb aktar l-effiċjenza tiegħu, bil-għan li jiġi żgurat li jġib aktar valur miżjud Ewropew għall-politiki nazzjonali dwar l-impjiegi;

22.  Jemmen li l-koeżjoni soċjali fl-Ewropa trid tikkontribwixxi għal soluzzjonijiet sostenibbli fil-ġlieda kontra l-faqar, l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni u ħalli jkun hemm inklużjoni aħjar tal-persuni b'diżabbiltà, u għat-tibdil demografiku strutturali fit-tul; jenfasizza l-ħtieġa għal riżorsi finanzjarji għall-programmi rilevanti tal-UE li jgħinu biex il-popolazzjonijiet li qed jixjieħu fl-Ewropa jingħataw appoġġ adegwat f'termini ta' aċċess għall-mobbiltà, il-kura tas-saħħa u s-servizzi pubbliċi;

23.  Ifakkar fil-ħtieġa għas-solidarjetà u l-kondiviżjoni tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-migrazzjoni u l-asil u jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu tajjeb mill-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) permezz ta' programmi nazzjonali; jitlob ibbaġitjar xieraq għal dan il-fond fl-2020 sabiex jiġu appoġġjati l-akkoljenza ta' persuni li jfittxu l-asil fl-Istati Membri, l-istrateġiji ta' ritorn effettivi, il-programmi ta' risistemazzjoni, il-politiki tal-migrazzjoni legali u l-promozzjoni ta' integrazzjoni effikaċi ta' ċittadini minn pajjiżi terzi; iqis li l-appoġġ tal-bliet u l-muniċipalitajiet fis-sistema Ewropea tal-asil għandu jissaħħaħ;

24.  Ifakkar li s-soluzzjoni ta' natura dejjiema għall-fenomenu attwali tal-migrazzjoni tinsab fl-iżvilupp politiku, ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-pajjiżi li minnhom joriġinaw il-flussi tal-migrazzjoni; jitlob li l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u l-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp jingħataw riżorsi finanzjarji suffiċjenti biex jappoġġjaw din il-prijorità u jippromwovu l-iżvilupp ulterjuri ta' sħubijiet sostenibbli u ta' benefiċċju reċiproku, pereżempju mal-pajjiżi Afrikani; f'dan il-kuntest, jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li l-organizzazzjonijiet internazzjonali, inkluża l-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA), l-Aġenzija tan-NU għar-Refuġjati (UNHCR) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), jiġu fornuti b'appoġġ finanzjarju suffiċjenti u kontinwu; jitlob appoġġ finanzjarju u organizzattiv imsaħħaħ għall-programmi li jikkontribwixxu għall-iskambji bejn l-UE u l-pajjiżi sħab f'oqsma bħat-taħriġ professjonali, il-ħolqien ta' negozji ġodda, l-appoġġ għall-SMEs, il-kura tas-saħħa, u l-edukazzjoni, u għall-politiki relatati mal-ilma nadif, it-trattament tal-ilma mormi u r-rimi tal-iskart;

25.  Jemmen li d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneri hija intollerabbli u inkompatibbli mal-valuri tal-UE; jirrimarka li r-rata ta' suċċess tal-applikazzjonijiet għall-programm Daphne u għal fondi oħra mmirati lejn il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, b'mod allarmanti, hija baxxa, u għandha l-ħsieb li tiżgura aktar finanzjament għall-programm; barra minn hekk, iqis l-integrazzjoni tal-ġeneri bħala strateġija effettiva biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni u jitlob li l-perspettiva tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri tiġi integrata fil-politiki rilevanti tal-UE u l-programmi ta' nfiq; jistenna lill-Kummissjoni tippreżenta mill-aktar fis possibbli qafas għall-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-baġit tal-Unjoni;

26.  Itenni l-importanza tal-Politika Ewropea tal-Viċinat li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet mal-pajjiżi ġirien, tiffavorixxi l-proċessi ta' paċi, u tagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku u soċjali u l-kooperazzjoni transkonfinali sostenibbli; jirrimarka li r-relazzjonijiet b'saħħithom bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent huma essenzjali għall-istabbilizzazzjoni taż-żona u għall-proċess ta' qabel l-adeżjoni tagħhom; ifakkar li l-finanzjament mill-baġit tal-Unjoni jrid ikun imfassal apposta biex jissaħħu l-kapaċità tal-pajjiżi li jkomplu jwettqu r-riformi legali, politiċi, soċjali u ekonomiċi meħtieġa, b'mod partikolari jtejbu l-funzjonament xieraq tal-amministrazzjonijiet pubbliċi kif ukoll jappoġġjaw l-istabbiltà u r-reżiljenza tal-istituzzjonijiet demokratiċi u l-implimentazzjoni tal-istat tad-dritt;

Nindirizzaw l-isfidi ambjentali u t-tibdil fil-klima

27.  Jenfasizza li l-baġit 2020 għandu jikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex jiġu indirizzati l-isfidi ambjentali u t-tibdil fil-klima fit-tpaċija tal-akkumulazzjoni eżistenti u biex l-UE tissodisfa l-impenji tagħha; ifakkar fl-impenn tal-Unjoni li tkun minn ta' quddiem fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari b'livell baxx ta' karbonju u b'livell newtrali ta' emissjonijiet ta' karbonju, iżda jiddispjaċih li l-Unjoni qed tonqos milli tilħaq l-għanijiet tagħha dwar il-klima, b'mod partikolari fir-rigward li 20 % tal-infiq tal-Unjoni jsir wieħed relatat mal-klima fl-2014-2020; iqis, għalhekk, li żieda sinifikanti fl-infiq relatat mal-klima hija essenzjali ħalli jsir progress lejn il-kisba tal-objettivi tal-politika tal-Unjoni dwar il-klima u tal-Ftehim ta' Pariġi; jemmen li l-integrazzjoni tal-klima fis-setturi kollha tal-politika tal-Unjoni għandha tkompli tiġi promossa u ottimizzata u għandha tiġi introdotta protezzjoni għall-klima u għas-sostenibbiltà, fejn applikabbli; jitlob li r-riżorsi finanzjarji jiżdiedu għall-programmi kollha rilevanti tal-Unjoni bil-għan li jiġu appoġġjati proġetti b'valur miżjud Ewropew li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u l-effiċjenza fir-riżorsi, il-promozzjoni tal-ekonomija ambjentali u nadifa u l-konservazzjoni tan-natura, b'enfasi partikolari fuq il-bijodiversità, il-ħabitats u l-ispeċijiet fil-periklu;

28.  Jenfasizza li, bil-għan li jkun hemm approċċ koerenti u effettiv għat-trattament tat-tibdil fil-klima, l-UE għandha tara li r-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi jkunu kundizzjoni fi ftehimiet kummerċjali futuri; ifakkar, f'dan ir-rigward, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2018 dwar id-diplomazija dwar il-klima(7) u fit-talba tiegħu lill-Kummissjoni għal valutazzjoni komprensiva tal-konsistenza bejn il-ftehimiet ta' kummerċ ħieles eżistenti u mal-impenji tal-Ftehim ta' Pariġi; iqis li f'każ li dawn l-impenji ma jiġux issodisfati minn sieħeb tal-UE, il-Kummissjoni tista' timponi sospensjoni temporanja tal-impenji tal-UE relatati mal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fil-konfront ta' dawk is-sħab;

Kwistjonijiet pendenti għall-proċedura 2020

29.  Jistenna li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni f'Marzu 2019 ma jkollux impatt dirett fuq il-baġit 2020, peress li r-Renju Unit se jikkontribwixxi għal u jipparteċipa fl-implimentazzjoni tal-baġit; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, madankollu, tivvaluta u tħejji għax-xenarji kollha possibbli biex tiżgura ġestjoni finanzjarja soda tal-baġit tal-Unjoni u tiżgura pjan ta' kontinġenza, tiddefinixxi impenji ċari u tiddeskrivi l-mekkaniżmi, u tipproteġi l-baġit tal-UE fl-eventwalità li r-Renju Unit ma jikkontribwixxix, jew ma jipparteċipax fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE għall-2020;

30.  Ifakkar li, wara d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar ir-rinfurzar tal-Intestatura 1a permezz ta' baġit emendatorju li nħareġ fil-konklużjonijiet konġunti dwar il-baġit 2019, il-Kummissjoni se tippreżenta baġit emendatorju li jżid il-livelli tal-approprjazzjonijiet għall-programmi Erasmus+ u H2020 ladarba jitlesta l-aġġustament tekniku tal-QFP għall-2020 fir-rebbiegħa tal-2019 sabiex il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jipproċessawh malajr;

31.  Jissottolinja li l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Finanzjarju jippermetti li jerġgħu jsiru disponibbli l-ammonti diżimpenjati li saru b'riżultat ta' nuqqas ta' implimentazzjoni totali jew parzjali tal-proġetti ta' riċerka korrispondenti fil-proċedura baġitarja annwali, u ma jistipulax aktar prekundizzjonijiet fl-implimentazzjoni tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta speċifikament dwar l-ammonti diżimpenjati għall-programmi ta' riċerka u tipprovdi l-informazzjoni u d-dettalji kollha rilevanti li jikkonċernaw dan l-Artikolu; jitlob lill-presidenza tal-Kunsill tikkjarifika jekk dan l-Artikolu issa huwiex mifhum għalkollox mill-Istati Membri kollha; jitlob, fi kwalunkwe każ, li din id-dispożizzjoni u l-proċedura korrispondenti jiġu attivati fil-kuntest tal-proċedura baġitarja tal-2020, ibda mill-inklużjoni tagħha fl-abbozz ta' baġit;

32.  Jemmen li, bħala l-fergħa tal-awtorità baġitarja li hija eletta direttament miċ-ċittadini, il-Parlament għandu jaqdi r-rwol politiku tiegħu u jressaq proposti għal Proġetti Pilota u Azzjonijiet Preparatorji li jesprimu l-viżjoni politika tiegħu għall-ġejjieni; jimpenja ruħu, f'dan il-kuntest, li jipproponi pakkett ta' Proġetti Pilota u Azzjonijiet Preparatorji żviluppati f'kooperazzjoni mill-qrib ma' kull wieħed mill-kumitati tiegħu sabiex jinstab bilanċ ġust bejn ir-rieda politika u l-fattibilità teknika, kif ivvalutata mill-Kummissjoni Ewropea;

o
o   o

33.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri.

(1) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105.
(5) ĠU L 67, 7.3.2019.
(6) Testi adottati, P8_TA(2018)0433.
(7) Testi adottati, P8_TA(2018)0280.


Bilanċ bejn is-sessi fin-nomini fis-settur tal-affarijiet ekonomiċi u monetarji tal-UE
PDF 126kWORD 51k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2019 dwar il-bilanċ bejn is-sessi fin-nomini fis-settur tal-affarijiet ekonomiċi u monetarji tal-UE (2019/2614(RSP))
P8_TA(2019)0211RC-B8-0171/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Impenn Strateġiku għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (Strategic Engagement for Gender Equality) 2016-2019, tal-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2019 dwar il-ħatra ta' Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 283(2), it-tieni subparagrafu, tat-TFUE, skont liema artikolu l-Kunsill Ewropew ikkonsulta l-Parlament,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 4 dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 11.2 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0144/2019),

–  wara li kkunsidra l-għażla mill-Bord tas-Superviżuri tal-Awtorità Bankarja Ewropea tad-19 ta' Frar 2019, ta' José Manuel Campa bħala President tal-Awtorità Bankarja Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48(2) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE(1),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0146/2019),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-30 ta' Jannar 2019 għall-ħatra ta' Sebastiano Laviola bħala membru tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 56(6) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0148/2019),

–  wara li kkunsidra l-ittra mibgħuta lill-President tal-Kummissjoni u lill-President fil-Kariga tal-Kunsill tal-UE mill-President tal-Parlament Ewropew fil-5 ta' Marzu 2019,

–  wara li kkunsidra l-ittra mibgħuta lill-President tal-Kummissjoni mill-President tal-Parlament Ewropew fil-5 ta' Marzu 2019 u t-tweġiba mill-President tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2019,

–  wara li kkunsidra l-ittra mibgħuta lill-President tal-Kunsill mill-President tal-Parlament Ewropew fit-23 ta' Marzu 2018,

–  wara li kkunsidra l-ittra mibgħuta lill-President tal-Grupp tal-Euro mill-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament Ewropew fit-8 ta' Marzu 2018,

–  wara li kkunsidra l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2017 tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) u l-Artikolu 228a tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Artikolu 8 tat-TFUE jistabbilixxi l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi bħala prinċipju orizzontali, u l-Artikolu 2 tat-TUE jistabbilixxi l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi bħala valur tal-Unjoni;

B.  billi l-aċċess ugwali għall-opportunitajiet u n-nondiskriminazzjoni huma valuri integrali tal-Unjoni Ewropea;

C.  billi, fis-7 ta' Marzu 2011, il-Kunsill adotta l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għall-perjodu mill-2011 sal-2020;

D.  billi l-Parlament jiddispjaċih għall-fatt li n-nisa għadhom sottorappreżentati f'karigi eżekuttivi fil-qasam tas-servizzi bankarji u finanzjarji; billi l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE u dawk nazzjonali għandhom jimplimentaw miżuri konkreti biex jiżguraw il-bilanċ bejn is-sessi;

E.  billi l-Presidenti tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tiegħu, f'isem il-gruppi politiċi, f'diversi okkażjonijiet matul is-snin infurmaw lill-Presidenti tal-Kunsill, tal-Grupp tal-Euro u tal-Kummissjoni u lill-Presidenti fil-Kariga tal-Kunsill tal-UE dwar in-nuqqas ta' diversità tal-ġeneru fil-BĊE iżda anke fl-istituzzjonijiet ekonomiċi, finanzjarji u monetarji l-oħra tal-UE;

F.  billi l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2017 maħruġ mill-EIGE osserva li t-teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi għadu l-qasam fejn l-UE għandha l-aktar rata baxxa f'termini ta' ugwaljanza bejn is-sessi u rappreżentanza tan-nisa;

G.  billi Membru wieħed biss minn sitt Membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE hija mara; billi żewġ Membri biss mill-25 Membru tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE huma nisa;

H.  billi l-Presidenti tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) u tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) huma rġiel;

I.  billi l-President tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku għadu kif ġie sostitwit minn raġel, fatt li ħalla lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni bħala l-uniku korp tal-UE fl-isfera usa' tal-istituzzjonijiet finanzjarji u ekonomiċi tal-UE ppresedut minn mara;

J.  billi minkejja d-diversi talbiet li għamel il-Parlament lill-Kunsill biex jirrimedja n-nuqqas ta' bilanċ bejn is-sessi fil-Bord Eżekuttiv tal-BĊE, il-Kunsill ma ħax din it-talba bis-serjetà;

K.  billi minkejja d-diversi talbiet magħmula mill-Parlament fir-rigward tan-nomini preċedenti li għandu jiġi rispettat il-bilanċ bejn is-sessi meta tiġi preżentata lista ta' kandidati, il-kandidati kollha għall-kariga ta' President tal-EBA kienu rġiel;

L.  billi, filwaqt li l-proċeduri tal-għażla għall-President, il-Viċi President u l-Membri tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni s'issa qiesu l-prinċipju ta' bilanċ ġenerali bejn is-sessi, f'dan il-każ il-lista mqassra ppreżentata lill-Parlament kienet magħmula biss minn irġiel, minkejja l-obbligi stipulati fl-Artikolu 56(4) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014;

M.  billi, filwaqt li ma jistax jiġi eskluż li fi proċedura tal-għażla unika bbażata fuq applikazzjonijiet individwali ma jkunx hemm kandidati kwalifikati taż-żewġ sessi, il-kriterju ġenerali tal-bilanċ bejn is-sessi għandu jiġi rispettat għall-kompożizzjoni tal-bordijiet tal-BĊE u tal-awtoritajiet superviżorji;

N.  billi l-kandidati attwali għall-pożizzjonijiet tal-ekonomista ewlieni tal-BĊE, il-President tal-EBA u l-membru tal-SRB kollha tqiesu li kellhom esperjenza u kwalifiki mill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament, u ġew approvati b'maġġoranzi sinifikanti f'votazzjonijiet sigrieti;

O.  billi l-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi mhijiex kwistjoni tan-nisa, iżda waħda li għandha tinvolvi lis-soċjetà kollha kemm hi;

1.  Jisħaq li l-bilanċ bejn is-sessi fil-bordijiet u fil-gvernijiet jiżgura kompetenza usa' u perspettivi aktar miftuħa, u li n-nuqqas ta' bilanċ bejn is-sessi jfisser li l-istituzzjonijiet għandhom ir-riskju li jitilfu kandidati potenzjalment eċċellenti;

2.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni u l-maġġoranza l-kbira tal-gvernijiet tal-UE s'issa naqsu milli jippromwovu bilanċ akbar bejn is-sessi fl-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward ta' ħatriet ta' livell għoli f'affarijiet ekonomiċi, finanzjarji u monetarji; jistenna li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE jtejbu malajr il-bilanċ bejn is-sessi fl-ogħla pożizzjonijiet;

3.  Jistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Grupp tal-Euro u lill-Kummissjoni jaħdmu b'mod attiv favur il-bilanċ bejn is-sessi fil-proposti futuri tagħhom għal listi mqassra u għal ħatriet, u jagħmlu sforz biex jinkludu tal-anqas kandidat mara waħda u kandidat raġel wieħed għal kull proċedura ta' nomina;

4.  Jissottolinja li fil-ġejjieni, il-Parlament jimpenja ruħu li ma jikkunsidrax il-listi tal-kandidati fejn il-prinċipju tal-bilanċ bejn is-sessi ma jkunx ġie rispettat flimkien mar-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kwalifiki u l-esperjenza fil-proċess tal-għażla;

5.  Jissuġġerixxi l-introduzzjoni ta' rekwiżit fil-Pjan ta' Azzjoni futur dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-Parlament, li huwa previst skont l-Artikolu 228a tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, biex ma jiġux approvati ħatriet għal bordijiet u korpi oħra tal-aġenziji tal-UE jekk il-lista mqassra ta' kandidati proposti mill-istituzzjoni jew mill-korp inkwistjoni ma tirrispettax il-bilanċ bejn is-sessi;

6.  Jirrikonoxxi li l-Parlament innifsu ma kienx issodisfa dawn l-istandards u jwiegħed li jtejjeb ir-rekord tiegħu stess ta' promozzjoni tal-bilanċ bejn is-sessi fil-qasam tal-affarijiet ekonomiċi u monetarji;

7.  Jirrikonoxxi li l-bilanċ bejn is-sessi fil-livell eżekuttiv fl-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni jirrikjedi kandidati kwalifikati mill-Istati Membri; jistieden għalhekk lill-Istati Membri jieħdu passi konkreti biex itejbu l-bilanċ bejn is-sessi fl-istituzzjonijiet nazzjonali u b'hekk iwittu t-triq għal kandidati ta' kwalità għolja kemm irġiel kif ukoll nisa għal pożizzjonijiet għolja tal-UE fil-qasam tas-servizzi bankarji u finanzjarji;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iżidu t-trasparenza tal-proċeduri ta' reklutaġġ u ta' ħatra għal diretturi eżekuttivi ta' aġenziji tal-UE billi jippubblikaw il-lista ta' applikanti u l-kandidati fil-lista mqassra, u r-raġunijiet għaliex dawn il-kandidati jkunu tqiegħdu fuqha, biex jippermettu skrutinju pubbliku tal-ftuħ, il-kompetittività u s-sensittività għall-ugwaljanza bejn is-sessi ta' dawn il-proċessi;

9.  Jappella għal kooperazzjoni aktar mill-qrib fost l-istituzzjonijiet tal-UE biex jiġi żgurat li dawn il-miżuri jkunu effettivi;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni, lill-Awtorità Bankarja Ewropea, lill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq u lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12.
(2) ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1.


Ħatra ta' Sebastiano Laviola bħala membru ġdid tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni
PDF 120kWORD 48k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta tal-Kummissjoni għall-ħatra ta' Membru tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (N8-0021/2019 – C8-0042/2019 – 2019/0901(NLE))
P8_TA(2019)0212A8-0148/2019

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-30 ta' Jannar 2019 għall-ħatra tas-Sur Sebastiano Laviola bħala Membru tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (N8-0021/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 56(6) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122a tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0148/2019),

A.  billi l-Artikolu 56(4) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 jipprevedi li l-Membri tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni msemmi fl-Artikolu 43(1)(b) tar-Regolament għandhom jinħatru fuq il-bażi tal-mertu, il-ħiliet, l-għarfien ta' kwistjonijiet bankarji u finanzjarji, u l-esperjenza rilevanti għas-superviżjoni finanzjarja, ir-regolamentazzjoni u r-riżoluzzjoni bankarja;

B.  billi minkejja l-obbligi stipulati fl-Artikolu 56(4) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 u minkejja d-diversi talbiet magħmula mill-Parlament biex ikun rispettat il-bilanċ bejn is-sessi meta tiġi preżentata lista ta' kandidati, il-Parlament jiddeplora l-fatt li l-kandidati kollha kienu rġiel; billi l-Parlament jiddispjaċih li n-nisa għadhom sottorappreżentati f'karigi eżekuttivi fil-qasam tas-servizzi bankarji u finanzjarji u jitlob li din it-talba tiġi rispettata għan-nomina li jmiss; billi l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE u dawk nazzjonali għandhom jimplimentaw miżuri konkreti biex jiżguraw il-bilanċ bejn is-sessi;

C.  billi skont l-Artikolu 56(6) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, fis-7 ta' Diċembru 2018 il-Kummissjoni adottat lista mqassra ta' kandidati għall-kariga ta' Membru tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni msemmi fl-Artikolu 43(1)(b) ta' dak ir-Regolament;

D.  billi skont l-Artikolu 56(6) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, il-lista mqassra ġiet mgħoddija lill-Parlament;

E.  billi fit-30 ta' Jannar 2019, il-Kummissjoni adottat proposta biex taħtar lis-Sur Sebastiano Laviola bħala Membru tal-Bord u Direttur tal-Iżvilupp u l-Koordinazzjoni tal-Politika tar-Riżoluzzjoni fil-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni u ttrażmettiet dik il-proposta lill-Parlament;

F.  billi l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji mbagħad ipproċeda bl-evalwazzjoni tal-kredenzjali tal-kandidat propost għall-funzjonijiet ta' Membru tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni, b'mod partikolari fid-dawl tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 56(4) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014;

G.  billi fis-26 ta' Frar 2019, il-Kumitat organizza smigħ mas-Sur Sebastiano Laviola, li fih għamel dikjarazzjoni preliminari u mbagħad wieġeb għall-mistoqsijiet li sarulu mill-membri tal-Kumitat;

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni għall-ħatra tas-Sur Sebastiano Laviola bħala Membru tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni għal perjodu ta' ħames snin;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1.


Ħatra ta' membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew
PDF 119kWORD 49k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2019 dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-ħatra ta' Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (05940/2019 – C8-0050/2019 – 2019/0801(NLE))
P8_TA(2019)0213A8-0144/2019

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2019 (05940/2019)(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 283(2), it-tieni inċiż, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill Ewropew (C8‑0050/2019),

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 4 dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 11.2 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0144/2019),

A.  billi, permezz tal-ittra tal-14 ta' Frar 2019, il-Kunsill Ewropew ikkonsulta lill-Parlament Ewropew dwar il-ħatra tas-Sur Philip R. Lane bħala membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew għal mandat ta' tmien snin, b'effett mill-1 ta' Ġunju 2019;

B.  billi l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji evalwa l-kwalifiki tal-kandidat propost, b'mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 283(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, kif jirriżulta mill-Artikolu 130 tat-Trattat, tal-ħtieġa tal-indipendenza totali tal-BĊE; billi, fil-qafas ta' din l-evalwazzjoni, il-Kumitat irċieva curriculum vitae kif ukoll it-tweġibiet tiegħu għall-kwestjonarju miktub li kien indirizzat lilu;

C.  billi l-Kumitat sussegwentement kellu seduta ta' smigħ mal-kandidat nominat fis-26 ta' Frar 2019, li matulha l-kandidat għamel stqarrija preliminari u mbagħad wieġeb għall-mistoqsijiet li sarulu mill-membri tal-Kumitat;

D.  billi minkejja d-diversi talbiet li għamel il-Parlament Ewropew lill-Kunsill biex jerġa' jindirizza n-nuqqas ta' bilanċ bejn is-sessi fil-Bord Eżekuttiv tal-BĊE, il-Parlament jiddeplora l-fatt li l-Kunsill Ewropew ma ħax din it-talba bis-serjetà u jitlob li din it-talba tiġi rispettata għan-nomina li jmiss; billi n-nisa għadhom sottorappreżentati f'karigi eżekuttivi fil-qasam tas-servizzi bankarji u finanzjarji; billi l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE u dawk nazzjonali għandhom jimplimentaw miżuri konkreti biex jiżguraw il-bilanċ bejn is-sessi;

1.  Jagħti opinjoni favorevoli dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-ħatra tas-Sur Philip R. Lane bħala Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill kif ukoll lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) Għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.


Ħatra ta' José Manuel Campa bħala President tal-Awtorità Bankarja Ewropea
PDF 119kWORD 48k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2019 dwar il-ħatra tal-President tal-Awtorità Bankarja Ewropea (N8-0028/2019 – C8-0052/2019 – 2019/0902(NLE))
P8_TA(2019)0214A8-0146/2019

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-għażla mill-Bord tas-Superviżuri tal-Awtorità Bankarja Ewropea tad-19 ta' Frar 2019, ta' José Manuel Campa bħala President tal-Awtorità Bankarja Ewropea (C8–0052/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48(2) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122a tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0146/2019),

A.  billi l-Artikolu 48(2) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 jipprevedi li l-President tal-Awtorità Bankarja Ewropea għandu jinħatar fuq il-bażi tal-mertu, il-ħiliet, l-għarfien tal-istituzzjonijiet u tas-swieq finanzjarji, u tal-esperjenza rilevanti għas-superviżjoni u r-regolamentazzjoni finanzjarja, wara proċedura miftuħa ta' għażla;

B.  billi l-Awtorità Bankarja Ewropea fit-12 ta' Diċembru 2018 ippubblikat avviż ta' post battal għall-pożizzjoni ta' President tal-Awtorità; billi d-data tal-għeluq għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet kienet il-11 ta' Jannar 2019;

C.  billi fil-5 ta' Frar 2019 il-Bord tas-Superviżuri tal-Awtorità Bankarja Ewropea adotta lista mqassra ta' kandidati għall-pożizzjoni ta' President tal-Awtorità;

D.  billi fid-19 ta' Frar 2019, il-Bord tas-Superviżuri tal-Awtorità Bankarja Ewropea għażel lil José Manuel Campa bħala President tal-Awtorità u informa lill-Parlament kif xieraq;

E.  billi l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji imbagħad ipproċeda bl-evalwazzjoni tal-kredenzjali tal-kandidat magħżul mill-Bord tas-Superviżuri tal-Awtorità Bankarja Ewropea, b'mod partikolari fid-dawl tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 48(2) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010;

F.  billi, fis-26 ta' Frar 2019, il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji kellu seduta ta' smigħ ma' José Manuel Campa, li fiha hu għamel dikjarazzjoni preliminari u mbagħad wieġeb għal mistoqsijiet li saru mill-membri tal-Kumitat;

G.  billi minkejja d-diversi talbiet magħmula mill-Parlament Ewropew f'nomini preċedenti biex jiġi rispettat il-bilanċ bejn is-sessi meta tiġi preżentata lista ta' kandidati, il-Parlament jiddeplora l-fatt li l-kandidati kollha kienu rġiel u jitlob li din it-talba tiġi rispettata għan-nomina li jmiss; billi n-nisa għadhom sottorappreżentati f'karigi eżekuttivi fil-qasam tas-servizzi bankarji u finanzjarji; billi l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE u dawk nazzjonali għandhom jimplimentaw miżuri konkreti biex jiżguraw il-bilanċ bejn is-sessi;

1.  Japprova l-ħatra ta' José Manuel Campa bħala l-President tal-Awtorità Bankarja Ewropea għal perjodu ta' ħames snin;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Awtorità Bankarja Ewropea u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12.


Reġim Ewropew ta' sanzjonijiet għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem
PDF 136kWORD 57k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Marzu 2019 dwar reġim Ewropew ta' sanzjonijiet għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem (2019/2580(RSP))
P8_TA(2019)0215RC-B8-0177/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li talbu għal mekkaniżmu fil-livell tal-UE għall-impożizzjoni ta' sanzjonijiet immirati fil-konfront ta' individwi involuti fi ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar ir-Rapport Annwali 2009 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika tal-UE dwar il-kwistjoni(1) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-qerda tat-tortura fid-dinja(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu fl-ambitu tal-Artikolu 135 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu li talbu l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet immirati fil-konfront ta' individwi involuti fi ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk tad-19 ta' Jannar 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi(3), tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-Burundi(4), tat-18 ta' Mejju 2017 dwar is-Sudan t'Isfel(5), tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo(6), tat-18 ta' Jannar 2018 dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo(7), tal-14 ta' Settembru 2017 dwar il-Gabon: trażżin tal-oppożizzjoni(8), tal-5 ta' Ottubru 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Maldivi(9), tal-5 ta' Ottubru 2017 dwar il-każijiet tal-mexxejja tat-Tatari tal-Krimea, Akhtem Chiygoz u Ilmi Umerov, u tal-ġurnalista Mykola Semena(10), tat-30 ta' Novembru 2017(11) u tal-4 ta' Ottubru 2018(12) dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen, tal-14 ta' Diċembru 2017 dwar il-Kambodja: b'mod partikolari x-xoljiment tal-Partit tas-Salvataġġ Nazzjonali tal-Kambodja (CNRP)(13), tal-14 ta' Diċembru 2017 dwar is-sitwazzjoni tar-Rohingya(14), tal-15 ta' Marzu 2018 dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja(15), tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(16), tat-13 ta' Settembru 2018 dwar il-Myanmar, b'mod partikolari l-każ tal-ġurnalisti Wa Lone u Kyaw Soe Oo(17), tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Baħar ta' Azov(18), tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar il-qtil tal-ġurnalist Jamal Khashoggi fil-konsulat Sawdi f'Istanbul(19) u tal-14 ta' Frar 2019 dwar is-sitwazzjoni fiċ-Ċeċenja u l-każ ta' Oyub Titiev(20),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill, tat-2 ta' April 2014, dwar l-istabbiliment ta' restrizzjonijiet komuni rigward il-viża għal uffiċjali Russi involuti fil-każ ta' Sergei Magnitsky(21);

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2018 dwar ir-rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja 2017 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(22),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2017 dwar il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi(23),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2019 dwar l-istat tar-relazzjonijiet politiċi UE-Russja(24),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2016 dwar il-qtil tal-massa sistematiku ta' minoranzi reliġjużi mill-hekk imsejħa 'ISIS/Da'esh'(25),

–  wara li kkunsidra t-Titolu V, Kapitolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), rigward l-adozzjoni ta' sanzjonijiet fl-ambitu tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar l-adozzjoni ta' sanzjonijiet kemm fil-konfront ta' pajjiżi terzi kif ukoll fil-konfront ta' individwi, gruppi u entitajiet mhux statali,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni 25 tat-Trattat ta' Lisbona dwar il-ħtieġa li jiġu żgurati d-drittijiet ta' proċess ġust ta' individwi jew entitajiet ikkonċernati minn miżuri restrittivi tal-UE jew minn miżuri tal-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-protokolli tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (2015-2019),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni fl-okkażjoni tad-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni mill-President Jean-Claude Juncker fit-12 ta' Settembru 2018 li fiha jipproponi li l-Istati Membri jagħmlu użu mir-regoli eżistenti tal-UE biex jimxu minn unanimità għal votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata f'ċerti oqsma tal-PESK tal-UE, bħar-rispons kollettiv għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-applikazzjoni ta' sanzjonijiet effikaċi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-10 ta' Diċembru 2018 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) wara l-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE ta' Diċembru 2018,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tat-22 ta' Jannar 2019 intitolata "Sergei Magnitsky and beyond – fighting impunity by targeted sanctions" (Sergei Magnitsky u każijiet simili – il-ġlieda kontra l-impunità permezz ta' sanzjonijiet immirati),

–  wara li kkunsidra l-istudju tiegħu ta' April 2018 intitolat "Targeted sanctions against individuals on grounds of grave human rights violations – impact, trends and prospects at EU level" (Sanzjonijiet immirati fil-konfront ta' individwi responsabbli għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem – l-impatt, ix-xejriet u l-prospetti fil-livell tal-UE),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-14 ta' Novembru 2018 għal Kummissjoni Ewropea għall-Projbizzjoni fuq id-Dħul minħabba Ksur tad-Drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-laqgħa tal-20 ta' Novembru 2018 fin-Netherlands dwar ir-reġim globali ta' sanzjonijiet tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Artikolu 21 tat-TUE jistipula li l-azzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu ggwidati mid-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u tas-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali;

B.  billi l-UE hija impenjata għall-implimentazzjoni sistematika ta' sanzjonijiet deċiżi mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU skont il-Kapitolu VII tal-Karta tan-NU, u fl-istess waqt timponi sanzjonijiet awtonomi fl-assenza ta' mandat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU f'każijiet fejn il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ma jkollux is-setgħa li jieħu azzjoni jew ikun imċaħħad milli jagħmel dan minħabba nuqqas ta' ftehim fost il-membri tiegħu;

C.  billi matul dawn l-aħħar għoxrin sena s-sanzjonijiet tal-UE (magħrufa wkoll bħala miżuri restrittivi) saru parti integrali mis-sett ta' għodod tal-UE fil-qasam tar-relazzjonijiet barranin, b'aktar minn 40 miżura restrittiva differenti attwalment fis-seħħ fil-konfront ta' 34 pajjiż; billi huwa stmat li żewġ terzi tas-sanzjonijiet tal-UE speċifiċi għall-pajjiż ġew imposti b'appoġġ għal għanijiet fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija;

D.  billi s-sanzjonijiet immirati b'mod personali huma mfassla biex jimminimizzaw il-konsegwenzi negattivi għal dawk li mhumiex responsabbli għall-politiki jew l-azzjonijiet li wasslu għall-adozzjoni tagħhom, b'mod partikolari fuq il-popolazzjonijiet ċivili lokali u fuq attivitajiet leġittimi fil-pajjiż ikkonċernat jew mal-pajjiż ikkonċernat; billi dawn jolqtu b'mod dirett lill-persuni responsabbli għall-ksur, u jservu ta' deterrent;

E.  billi s-sanzjonijiet kollha adottati mill-UE huma konformi għalkollox mal-obbligi skont id-dritt internazzjonali, inklużi dawk relatati mad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; billi s-sanzjonijiet għandhom jiġu rieżaminati b'mod regolari bl-għan li jiġi żgurat li qed jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi ddikjarati tagħhom;

F.  billi, minbarra s-sanzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li għandhom l-għan li jwasslu għal bidliet fl-imġiba tal-Istati, l-UE reċentement introduċiet miżuri restrittivi kontra l-proliferazzjoni u l-użu ta' armi kimiċi u l-attakki ċibernetiċi, kif ukoll miżuri speċifiċi biex jiġi miġġieled it-terroriżmu;

G.  billi s-sanzjonijiet eżistenti tal-UE jolqtu kemm l-atturi statali kif ukoll dawk mhux statali, bħalma huma t-terroristi u l-gruppi terroristiċi;

H.  billi f'dawn l-aħħar xhur kien hemm bosta każijiet ta' ksur tas-sanzjonijiet tal-Unjoni min-naħa ta' kumpaniji tal-UE jew saħansitra ta' Stati Membri tal-UE; billi dawn l-eżempji jispjegaw l-bżonn li jiġu ċċarati ulterjorment il-kamp ta' applikazzjoni u l-portata tas-sanzjonijiet attwalment fis-seħħ, kif ukoll jiġi ċċarat sa liema punt il-pajjiżi u l-kumpaniji huma responsabbli milli jiżguraw li l-użu finali jew id-destinazzjoni tal-prodotti u tas-servizz tagħhom ma jkunux sottoposti għal sanzjonijiet;

I.  billi l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-UE huma responsabbli mill-infurzar tas-sanzjonijiet, filwaqt li tali miżuri huma deċiżi f'livell Ewropew;

J.  billi fl-2016 il-Kungress tal-Istati Uniti adotta il-Global Magnitsky Act, b'segwitu għas-Sergei Magnitsky Rule of Law Accountability Act tal-2012, li kien maħsub biex jissanzjona lill-persuni responsabbli mill-mewt ta' Sergej Magnitsky meta kien taħt arrest preventiv f'ħabs Russu qabel is-smigħ tal-kawża, wara li bata kundizzjonijiet diżumani, negliġenza deliberata u tortura;

K.  billi l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, ir-Renju Unit, il-Kanada u l-Istati Uniti adottaw liġijiet fil-materja ta' sanzjonijiet għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem, jiġifieri l-liġijiet tat-tip Magnitsky; billi l-Parlament f'diversi okkażjonijiet talab li jitwaqqaf reġim globali simili ta' sanzjonijiet tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li jkun jiżgura l-konsistenza u l-effikaċja tal-iffriżar tal-assi, tal-projbizzjonijiet ta' viża u ta' sanzjonijiet oħrajn imposti fuq il-persuni u l-entitajiet tal-Istati Membri u f'livell tal-UE;

L.  billi l-Gvern Netherlandiż ta bidu għal diskussjoni fost l-Istati Membri tal-UE f'Novembru 2018 dwar l-opportunità politika ta' reġim ta' sanzjonijiet immirati fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell tal-UE; billi għadhom għaddejjin diskussjonijiet preliminari fil-livell tal-grupp ta' ħidma tal-Kunsill;

1.  Jikkundanna bil-qawwa kull ksur tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha; jistieden lill-Kunsill jistabbilixxi malajr reġim ta' sanzjonijiet awtonomu, flessibbli u reattiv fil-livell tal-UE, li jkun jippermetti li jiġu mmirati dawk il-persuni, l-atturi statali u mhux statali u entitajiet oħrajn responsabbli minn ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem jew involuti fih;

2.  Jenfasizza li reġim ta' sanzjonijiet tal-UE għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem għandu jiżviluppa ulterjorment il-proposti għal riżoluzzjonijiet preċedenti, li fihom intalab mekkaniżmu fil-livell tal-UE għall-impożizzjoni ta' sanzjonijiet immirati; huwa tal-fehma li reġim ta' sanzjonijiet tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem dirett lejn il-persuni involuti fil-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fi kwalunkwe parti tad-dinja għandu simbolikament iġib l-isem ta' Sergei Magnitsky; jilqa' pożittivament il-fatt li f'diversi pajjiżi ġiet attwata leġiżlazzjoni simili kontra dawk responsabbli minn ksur tad-drittijiet tal-bnidem fid-dinja kollha; jisħaq fuq il-bżonn ta' kooperazzjoni trans-Atlantika biex dawk responsabbli mill-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jagħtu kont ta' għemilhom; iħeġġeġ lill-Istati l-oħra jiżviluppaw strumenti simili;

3.  Jemmen bis-sħiħ li reġim bħal dan huwa parti essenzjali mis-sett ta' għodod eżistenti tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-politika barranija, u jkun isaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala attur globali tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fil-ġlieda tagħha kontra l-impunità u fl-appoġġ tagħha lill-vittmi ta' abbużi u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha;

4.  Jisħaq fuq il-punt li dan ir-reġim għandu jippermetti l-impożizzjoni ta' miżuri restrittivi, b'mod partikolari l-iffriżar tal-assi u l-projbizzjonijiet fuq id-dħul fl-UE, fil-konfront ta' kwalunkwe persuna jew entità responsabbli mill-ippjanar, mit-tmexxija jew mit-twettiq ta' ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem jew abbużi u atti ta' korruzzjoni sistemika marbuta ma' ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem jew li kienet involuta f'dawn l-atti, tat assistenza, iffinanzjathom jew tat kontribut fihom; jenfasizza l-bżonn li tiġi definita b'mod ċar il-portata tal-ksur kif ukoll li jiġu stabbiliti mezzi legali xierqa li permezz tagħhom ikun jista' jiġi kkontestat it-tniżżil f'lista;

5.  Huwa konvint mill-effett pożittiv li dan ir-reġim il-ġdid se jkollu fuq l-imġiba tal-persuni u tal-entitajiet ikkonċernati, kif ukoll mill-effett ta' deterrent tiegħu; jenfasizza, għal dan l-għan, il-ħtieġa li l-Istati Membri kollha tal-UE jinterpretaw, jispjegaw u jinfurzaw l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet bl-istess mod konsistenti; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jsaħħu l-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni u jiżviluppaw mekkaniżmu Ewropew ta' sorveljanza u infurzar;

6.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-President tal-Kummissjoni biex imorru lil hinn mill-unanimità fil-proċess deċiżjonali tal-Kunsill fl-oqsma tal-PESK, u jħeġġeġ lill-Kunsill jadotta dan l-istrument ta' sanzjonijiet il-ġdid b'tali mod li l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem tkun x'aktarx tista' tiġi adottata b'maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill;

7.  Jappoġġa d-diskussjonijiet preliminari fil-livell tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' tali strument ta' sanzjonijiet; iħeġġeġ lir-RGħ u lis-servizzi tagħha jadottaw approċċ kostruttiv u proattiv biex dawn id-diskussjonijiet jaslu għal konklużjoni pożittiva qabel it-tmiem ta' din il-leġiżlatura u jistenna li tirrapporta lura lill-Parlament; jenfasizza l-importanza tar-rwol ta' skrutinju tal-Parlament fuq dan ir-reġim futur, b'mod partikolari fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni u d-definizzjoni tal-kriterji għat-tniżżil fil-listi, kif ukoll il-possibbiltajiet għal rimedju ġudizzjarju;

8.  Jistieden lill-Istati Membri kollha jiżguraw li l-awtoritajiet tagħhom, il-kumpaniji u l-atturi reġistrati fit-territorji tagħhom jikkonformaw b'mod sħiħ mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar miżuri restrittivi fil-konfront ta' persuni u entitajiet, u, b'mod partikolari, l-iffriżar tal-assi tal-persuni mniżżlin fil-listi u r-restrizzjonijiet fuq l-ammissjoni fit-territorji rispettivi tagħhom bħala konsegwenza ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jesprimi tħassib dwar rapporti reċenti ta' ksur ta' dawn id-deċiżjonijiet u jfakkar lill-Istati Membri fl-obbligu tagħhom, skont id-dritt internazzjonali, li jiżguraw l-arrest u l-prosekuzzjoni ta' dawk preżenti fit-territorju tagħhom li jkunu suspettati li wettqu reati li jinvolvu atroċitajiet;

9.  Jissottolinja li kooperazzjoni akbar u kondiviżjoni akbar tal-informazzjoni bejn dawn l-awtoritajiet, kif ukoll mekkaniżmu Ewropew ta' infurzar, huma essenzjali biex jiġi żgurat li l-miżuri restrittivi tal-UE fis-seħħ jiġu infurzati u interpretati b'mod uniformi u li l-kumpaniji Ewropej ikunu jistgħu joperaw f'kundizzjonijiet ekwi;

10.  Jinsisti fuq l-importanza tal-konsistenza u l-komplementarjetà tar-reġim ta' sanzjonijiet fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem mal-politiki eżistenti tal-UE u mal-miżuri restrittivi orizzontali u speċifiċi għall-pajjiż fis-seħħ; jinsisti, f'dan ir-rigward, li r-reġim il-ġdid ma għandux jissostitwixxi l-kamp ta' applikazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-miżuri attwali speċifiċi għall-pajjiż; iqis, barra minn hekk, li kwalunkwe reġim futur jeħtieġ li jkun totalment komplementari u konsistenti mal-qafas internazzjonali eżistenti fil-qasam tas-sanzjonijiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti;

11.  Jissottolinja li l-kredibbiltà u l-leġittimità ta' dan ir-reġim jiddependu mill-konformità sħiħa tiegħu mal-ogħla standards possibbli f'termini ta' protezzjoni u rispett tad-drittijiet għal proċess ġust tal-persuni u tal-entitajiet ikkonċernati; jinsisti, f'dan ir-rigward, li d-deċiżjonijiet li persuni jew entitajiet jitniżżlu fil-listi, jew li jitħassru minnhom, ikunu bbażati fuq kriterji ċari, trasparenti u distinti u jkunu marbuta direttament mar-reat kommess, bil-għan li jiġu garantiti stħarriġ ġudizzjarju bir-reqqa u d-drittijiet għal rimedju; jitlob l-inklużjoni sistematika ta' parametri referenzjarji ċari u speċifiċi u ta' metodoloġija għat-tneħħija tas-sanzjonijiet u għat-tneħħija mil-lista;

12.  Jisħaq fuq il-punt li l-prosekuzzjoni kriminali tal-awturi ta' ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem u atroċitajiet minn ġurisdizzjonijiet nazzjonali jew internazzjonali għandha tibqa' l-objettiv ewlieni tal-isforzi mwettqa mill-UE u mill-Istati Membri tagħha fil-ġlieda kontra l-impunità; itenni l-prinċipju tal-ġurisdizzjoni universali f'dan ir-rigward; jistieden lill-Kunsill jinkludi l-ksur transfruntier fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-reġim; jisħaq fuq il-bżonn ta' kooperazzjoni multilaterali koordinata biex tiġi evitata l-evażjoni tas-sanzjonijiet;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tiddedika riżorsi u għarfien espert adegwati għall-infurzar u għall-monitoraġġ ta' dan ir-reġim ladarba dan ikun fis-seħħ, kif ukoll tagħti attenzjoni partikolari lill-komunikazzjoni pubblika dwar il-listi, kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi kkonċernati;

14.  Jagħti ġieħ lill-isforzi bla heda tal-attivisti tas-soċjetà ċivili favur tali reġim; jinkoraġġixxi l-ħolqien ta' kumitat konsultattiv fil-livell tal-UE;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.

(1) ĠU C 169E, 15.6.2012, p. 81.
(2) ĠU C 378, 9.11.2017, p. 52.
(3) ĠU C 242, 10.7.2018, p. 10.
(4) Testi adottati, P8_TA(2018)0305.
(5) ĠU C 307, 30.8.2018, p. 92.
(6) ĠU C 331, 18.9.2018, p. 97.
(7) ĠU C 458, 19.12.2018, p. 52.
(8) ĠU C 337, 20.9.2018, p. 102.
(9) ĠU C 346, 27.9.2018, p. 90.
(10) ĠU C 346, 27.9.2018, p. 86.
(11) ĠU C 356, 4.10.2018, p. 104.
(12) Testi adottati, P8_TA(2018)0383.
(13) ĠU C 369, 11.10.2018, p. 76.
(14) ĠU C 369, 11.10.2018, p. 91.
(15) Testi adottati, P8_TA(2018)0090.
(16) Testi adottati, P8_TA(2018)0436.
(17) Testi adottati, P8_TA(2018)0345.
(18) Testi adottati, P8_TA(2018)0435.
(19) Testi adottati, P8_TA(2018)0434.
(20) Testi adottati, P8_TA(2019)0115.
(21) ĠU C 408, 30.11.2017, p. 43.
(22) Testi adottati, P8_TA(2018)0515.
(23) ĠU C 337, 20.9.2018, p. 82.
(24) Testi adottati, P8_TA(2019)0157.
(25) ĠU C 35, 31.1.2018, p. 77.


Urġenza għal lista sewda tal-UE tal-pajjiżi terzi konformi mad-Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus
PDF 130kWORD 52k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2019 dwar l-urġenza għal lista sewda tal-UE tal-pajjiżi terzi konformi mad-Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus (2019/2612(RSP))
P8_TA(2019)0216B8-0176/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament delegat tal-Kummissjoni (UE) .../... tat-13 ta' Frar 2019 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidentifika pajjiżi terzi b'riskju kbir b'nuqqasijiet strateġiċi,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ir-raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus), u b'mod partikolari l-Artikoli (2) u 64(5) tagħha(1), u kif emendata mid-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, u li temenda d-Direttivi 2009/138/KE u 2013/36/UE (il-ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus), b'mod partikolari l-Artikolu 1(5)(2),

–  wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni "Lejn metodoloġija ġdida għall-valutazzjoni min-naħa tal-UE ta' pajjiżi terzi b'riskju kbir skont id-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu"(3),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-22 ta' Ġunju 2018, "Metodoloġija għall-identifikazzjoni ta' pajjiżi terzi b'riskju kbir skont id-Direttiva (UE) 2015/849" (SWD(2018)0362), li inter alia jiddefinixxi l-pajjiżi terzi ta' Prijorità 1 u ta' Prijorità 2,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-25 ta' Frar 2019 mill-President tal-Kumitat Speċjali dwar il-Kriminalità Finanzjarja, l-Evażjoni tat-Taxxa u l-Evitar tat-Taxxa (TAX3) lill-Kummissarju Jourova dwar l-att delegat dwar pajjiżi terzi b'riskju kbir b'nuqqasijiet strateġiċi fil-ġlieda tagħhom kontra l-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra s-sistemi ta' finanzjament,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-5 ta' Marzu 2019 mill-President tat-TAX3 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar il-lista tal-Kummissjoni ta' pajjiżi terzi b'riskju kbir li jippreżentaw nuqqasijiet fir-rigward tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu,

–  wara li kkunsidra l-iskambju ta' fehmiet li sar fis-6 ta' Marzu 2019 bejn il-Kummissarju Jourova u l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament (ECON) u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kunsill 6964/1/19 dwar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) tat-13 ta' Frar 2019 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidentifika pajjiżi terzi b'riskju kbir b'nuqqasijiet strateġiċi (C(2019)1326),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-regolament delegat, l-anness tiegħu u r-regolamenti delegati emendatorji huma maħsuba biex jidentifikaw pajjiżi terzi b'riskju kbir u b'nuqqasijiet strateġiċi f'dak li jirrigwarda l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, li jirrappreżentaw theddida għas-sistema finanzjarja tal-UE u li għalihom l-entitajiet tal-UE li għandhom obbligi skont ir-raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus jeħtiġilhom jieħdu miżuri msaħħa ta' diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti;

B.  billi att iddelegat adottat skont l-Artikolu 9 tar-raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahar min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw;

C.  billi l-Parlament ċaħad tnejn minn ħames regolamenti delegati li jemendaw (C(2016)07495 u C(2017)01951) fuq il-bażi li l-proċess tal-Kummissjoni għall-identifikazzjoni ta' pajjiżi terzi b'riskju kbir ma kienx awtonomu biżżejjed;

D.  billi l-Parlament jappoġġa l-istabbiliment mill-Kummissjoni ta' metodoloġija ġdida li ma tiddependix biss fuq sorsi ta' informazzjoni esterni biex tidentifika ġurisdizzjonijiet li għandhom nuqqasijiet strateġiċi fl-indirizzar tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

E.  billi l-għan tal-lista huwa li tipproteġi l-integrità tas-sistema finanzjarja u tas-suq intern tal-Unjoni; billi l-inklużjoni ta' pajjiż fil-lista ta' pajjiżi terzi b'riskju kbir ma twassalx għall-impożizzjoni ta' kwalunkwe sanzjoni ekonomika jew diplomatika, iżda, minflok, tirrikjedi li entitajiet marbutin b'obbligu bħall-banek, il-każinòs u l-aġenziji immobiljari japplikaw miżuri msaħħa ta' diliġenza dovuta fuq tranżazzjonijiet li jinvolvu lil dawn il-pajjiżi, u li jiżguraw li s-sistema finanzjarja tal-UE tkun mgħammra biex tipprevjeni riskji ta' ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu minn pajjiżi terzi;

F.  billi l-pajjiżi jistgħu jitneħħew mil-lista jekk huma jirrimedjaw in-nuqqasijiet tagħhom fir-rigward tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu;

G.  billi fit-13 ta' Frar 2019 il-Kummissjoni adottat l-att delegat tagħha, inkluża lista ta' 23 pajjiż u territorju: l-Afganistan, is-Samoa Amerikana, il-Bahamas, il-Botswana, ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea, l-Etjopja, il-Ghana, il-Guam, l-Iran, l-Iraq, il-Libja, in-Niġerja, il-Panama, il-Pakistan, Puerto Rico, is-Samoa, l-Arabja Sawdija, is-Sri Lanka, is-Sirja, Trinidad u Tobago, it-Tuneżija, il-Gżejjer Verġni tal-Istati Uniti u l-Jemen;

H.  billi l-Kunsill, fid-Dikjarazzjoni tiegħu tas-7 ta' Marzu 2019, iddikjara li oġġezzjona għall-att delegat peress li l-proposta ma ġietx stabbilita bi proċess trasparenti u reżiljenti li attivament jagħti l-inċentiv lill-pajjiżi milquta biex jieħdu azzjoni deċiżiva waqt li wkoll jirrispetta d-dritt li dawn jesprimu fehmiethom;

I.  billi l-metodoloġija l-ġdida ġiet stabbilita f'Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni ppubblikat fit-22 ta' Ġunju 2018, li japplika l-kriterji riveduti għall-identifikazzjoni ta' pajjiżi terzi b'riskju kbir;

J.  billi l-Kummissjoni bdiet tikkonsulta lill-pajjiżi terzi elenkati fl-att delegat sa mit-23 ta' Jannar 2019, u ltaqgħet ma' dawk il-pajjiżi kollha li talbu aktar informazzjoni dwar ir-raġunijiet għall-inklużjoni tagħhom;

K.  billi fis-7 ta' Marzu 2019 il-Kunsill irrifjuta l-att delegat fil-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni;

1.  Jilqa' l-fatt li fit-13 ta' Frar 2019, il-Kummissjoni adottat lista ġdida ta' 23 pajjiż terz b'nuqqasijiet strateġiċi fl-oqfsa tagħhom tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

2.  Jiddispjaċih li l-Kunsill oġġezzjona għall-att delegat propost mill-Kummissjoni;

3.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis it-tħassib kollu espress u tfassal att delegat ġdid malajr kemm jista' jkun;

4.  Ifaħħar il-ħidma mwettqa mill-Kummissjoni biex tadotta lista awtonoma bbażata fuq kriterji stretti maqbula mill-koleġiżlaturi; jenfasizza l-importanza għall-Unjoni li jkun hemm lista awtonoma ta' pajjiżi terzi b'riskju kbir li jippreżentaw nuqqasijiet fir-rigward tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, u jilqa' l-metodoloġija l-ġdida tal-Kummissjoni għall-identifikazzjoni ta' pajjiżi b'riskju kbir skont ir-raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus u l-ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus;

5.  Ifakkar li l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva (UE) 2015/849 kif emendat bil-ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus jobbliga lill-Kummissjoni biex b'mod indipendenti tivvaluta n-nuqqasijiet strateġiċi f'diversi oqsma;

6.  Iqis li sabiex tiġi salvagwardjata l-integrità tal-lista ta' pajjiżi b'riskju kbir, il-proċess ta' skrinjar u ta' teħid ta' deċiżjonijiet għandu jitwettaq abbażi tal-metodoloġija waħedha, u ma għandux jiġi affettwat minn kunsiderazzjonijiet li jmorru lil hinn mill-qasam tan-nuqqasijiet tagħhom fir-rigward tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu;

7.   Jinnota li l-lobbying u l-pressjoni diplomatika mill-pajjiżi inklużi fil-lista kienu u se jkunu parti mill-proċess ta' identifikazzjoni ta' pajjiżi b'riskju kbir; jissottolinja li tali pressjoni m'għandhiex iddgħajjef il-kapaċità tal-istituzzjonijiet tal-UE li jindirizzaw il-ħasil tal-flus u li jiġġieldu l-finanzjament tat-terroriżmu marbut mal-UE b'mod effikaċi u awtonomu;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika l-valutazzjonijiet tagħha tal-pajjiżi inklużi fil-lista sabiex tiżgura l-iskrutinju pubbliku b'tali mod li dawn ma jkunux jistgħu jiġu abbużati;

9.   Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura proċess trasparenti b'punti ta' riferiment ċari u konkreti għal pajjiżi li jimpenjaw ruħhom li jwettqu riformi sabiex jevitaw li jiġu inklużi fil-lista;

10.  Jinnota li l-valutazzjoni tal-Federazzjoni Russa għadha għaddejja; jistenna li l-Kummissjoni tinkludi l-aħħar rivelazzjonijiet "Troika Laundromat" fil-valutazzjoni tagħha; ifakkar li l-ħidma tal-kumitati ECON, LIBE u TAX3 matul din il-leġiżlatura qajmet tħassib dwar l-oqfsa kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu tal-Federazzjoni Russa;

11.  Jitlob lill-Kummissjoni timpenja ruħha mal-Istati Membri biex iżżid is-sjieda tal-Kunsill fuq il-metodoloġija proposta tal-Kummissjoni;

12.  Jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex jittrasponu r-raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus u l-ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom;

13.  Jitlob li jiġu ddedikati aktar riżorsi umani u finanzjarji lill-unità rilevanti fid-Direttorat Ġenerali kompetenti tal-Kummissjoni, jiġifieri d-DĠ għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi (DĠ JUST);

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tavvanza b'mod sostanzjali fil-fażi ta' valutazzjoni għall-pajjiżi terzi ta' Prijorità 2;

15.  Ifakkar li l-att delegat tal-UE huwa proċess separat mil-lista tal-FATF u għandu jibqa' esklussivament kwistjoni tal-UE;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73.
(2) ĠU L 156, 19.6.2018, p. 43.
(3) Ara: https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-11189-2017-INIT/en/pdf


It-tibdil fil-klima
PDF 192kWORD 68k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2019 dwar it-tibdil fil-klima – viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi (2019/2582(RSP))
P8_TA(2019)0217RC-B8-0195/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2018 intitolata "Pjaneta Nadifa għal kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima" (COM(2018)0773),

–  wara li kkunsidra l-analiżi fil-fond b'appoġġ għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni(1),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Protokoll ta' Kjoto anness magħha,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi u d-Deċiżjoni 1/CP.21, kif ukoll il-21 Konferenza tal-Partijiet (COP21) għall-UNFCCC u l-11-il Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP11), li saru f'Pariġi, Franza, bejn it-30 ta' Novembru u l-11 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-24 Konferenza tal-Partijiet (COP24) għall-UNFCCC, l-14-il sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP14), u t-tielet parti tal-ewwel sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim ta' Pariġi (CMA1.3), li saru f'Katowice, il-Polonja, bejn it-2 u l-14 ta' Diċembru 2018,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima 2018 f'Katowice, il-Polonja (COP24)(2),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Marzu 2018,

–  wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) intitolat "Global Warming of 1.5°C" (It-Tisħin Globali b'1,5°C), il-ħames rapport ta' valutazzjoni tiegħu (AR5) u r-rapport ta' sinteżi tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-disa' edizzjoni tar-Rapport tan-NU dwar id-Diskrepanza fl-Emissjonijiet Ambjentali, adottat fis-27 ta' Novembru 2018,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.  Jilqa' l-pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Pjaneta Nadifa għal kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima", li tissottolinja l-opportunitajiet u l-isfidi li t-trasformazzjoni lejn ekonomija b'newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra ġġib liċ-ċittadini Ewropej u lill-ekonomija Ewropea, u tistabbilixxi l-bażi għal dibattitu wiesa' li jinvolvi lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-parlamenti nazzjonali, lis-settur tan-negozji, lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi, lill-ibliet u lill-komunitajiet, kif ukoll liċ-ċittadini; japprova l-objettiv ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra sal-2050 u jħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu l-istess bħala parti mid-dibattitu dwar il-Futur tal-Ewropa waqt is-summit speċjali tal-UE f'Sibiu f'Mejju 2019; jistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom favur l-ambizzjoni meħtieġa sabiex jinkiseb dan il-għan;

2.  Jirrikonoxxi li r-riskji serji tat-tibdil fil-klima jinsabu fil-qalba tat-tħassib taċ-ċittadini tagħna; jilqa' l-fatt li n-nies madwar l-Ewropa, b'mod partikolari l-ġenerazzjonijiet żgħażagħ, qed isiru dejjem aktar attivi biex jiddimostraw favur il-ġustizzja klimatika; jilqa' l-appelli ta' dawn l-attivisti għal ambizzjoni akbar u għal azzjoni rapida sabiex ma jinqabiżx il-limitu klimatiku ta' 1,5°C; jemmen li l-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll l-UE, għandhom jagħtu widen għal dawn l-appelli;

3.  Jenfasizza li ċ-ċittadini Ewropej diġà qed iħabbtu wiċċhom mal-impatti diretti tat-tibdil fil-klima; jissottolinja li, skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, it-telf annwali medju kkawżat mill-estremitajiet b'rabta mat-temp u mal-klima fl-Unjoni kien jammonta għal madwar EUR 12,8-il biljun bejn l-2010 u l-2016, u li, jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni ulterjuri, id-danni kkawżati mill-klima fl-UE jistgħu mill-anqas jilħqu l-ammont ta' EUR 190 biljun sal-2080, li huwa ekwivalenti għal telf nett ta' 1,8 % tal-PDG attwali tagħha; jenfasizza li, f'xenarju ta' livelli għolja ta' emissjonijiet, sal-2100 l-ispejjeż annwali kkawżati mill-għargħar fl-UE jistgħu jiżdiedu għal EUR 1 triljun u li sal-2100 d-diżastri relatati mat-temp jistgħu jaffettwaw madwar żewġ terzi taċ-ċittadini Ewropej, meta mqabbla ma' 5 % llum il-ġurnata; ikompli jenfasizza li, skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, sal-2030, 50 % taż-żoni popolati fl-UE se jsofru minn skarsezza severa tal-ilma;

4.  Jissottolinja li r-rapport speċjali tal-IPCC dwar it-tisħin globali b'1,5°C jirrappreżenta l-aktar valutazzjoni komprensiva u aġġornata tal-perkorsi ta' mitigazzjoni f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi;

5.  Jenfasizza li, skont ir-rapport speċjali tal-IPCC dwar it-tisħin globali b'1,5°C, il-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1,5°C mingħajr ebda eċċess jew b'eċċess limitat timplika li n-newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fil-livell globali se tintlaħaq sa mhux aktar tard mill-2067 u li sal-2030 l-emissjonijiet globali tal-gassijiet b'effett ta' serra annwali se jitnaqqsu għal massimu ta' 27,4 GtCO2eq kull sena; jenfasizza li, fid-dawl ta' dawn is-sejbiet, bħala mexxejja globali u sabiex ikollha opportunità tajba li żżomm it-temperatura globali ferm anqas minn 1,5°C sal-2100, jeħtieġ li l-Unjoni tagħmel ħilitha biex tikseb newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra malajr kemm jista' jkun u sa mhux aktar tard mill-2050;

6.  Jesprimi tħassib dwar ir-Rapport tan-NU tal-2018 dwar id-Diskrepanza fl-Emissjonijiet Ambjentali, li jsib li l-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali (NDCs) bla kundizzjonijiet fil-preżent jaqbżu bil-bosta l-limitu għat-tisħin stabbilit fil-Ftehim ta' Pariġi ta' ferm anqas minn 2°C u li, minflok, dan iwassal għal stima ta' tisħin ta' 3,2°C (3) sal-2100; jisħaq fuq il-bżonn urġenti li l-Partijiet kollha għall-UNFCC jaġġornaw l-ambizzjoni klimatika tagħhom sal-2020;

Perkorsi għall-istrateġija Ewropea għal newtralità f'termini ta' emissjonijiet sa nofs is-seklu

7.  Jemmen li l-Ewropa tista' tindika t-triq lejn in-newtralità klimatika billi tinvesti f'soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi, billi tagħti s-setgħa liċ-ċittadini u billi tikkoordina l-azzjoni f'oqsma ewlenin bħall-enerġija, il-politika industrijali u r-riċerka, filwaqt li tiżgura l-ekwità soċjali għal tranżizzjoni ġusta;

8.  Jinnota li l-istrateġija tippreżenta tmien perkorsi għat-trasformazzjoni ekonomika, teknoloġika u soċjali meħtieġa biex l-Unjoni tikkonforma mal-għan fit-tul b'rabta mat-temperatura stabbilit fil-Ftehim ta' Pariġi; jinnota li tnejn biss minn dawn il-perkorsi jippermettu lill-Unjoni tikseb newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra sa mhux aktar tard mill-2050; jenfasizza li dan jirrikjedi azzjoni rapida u sforzi konsiderevoli fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE, anki bl-involviment tal-atturi mhux pubbliċi kollha; ifakkar fl-obbligu tal-Istati Membri li jadottaw strateġiji nazzjonali fit-tul kif stabbilit fir-Regolament dwar il-Governanza; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jistabbilixxu miri u politiki ċari fuq terminu qasir u fit-tul li jkunu konsistenti mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi u jistedinhom jipprovdu appoġġ ta' investiment għall-perkorsi ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet;

9.  Jenfasizza li l-ewwel kategorija ta' perkorsi ppreżentata fl-istrateġija għandha l-għan li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra sal-2050 b'madwar 80 % biss, meta mqabbel mal-livelli tad-disgħinijiet; jinnota bi tħassib li din l-ambizzjoni hija pjuttost baxxa u timmira lejn iż-żamma tat-tisħin globali taħt 2°C u għalhekk mhijiex konformi mal-objettiv ta' Pariġi li t-tisħin globali jinżamm sew taħt 2°C, u lanqas ma hija konformi mal-għan ulterjuri li jinżamm taħt 1,5°C;

10.  Jirrimarka li, skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-PDG tal-UE huwa mistenni jiżdied aktar f'xenarji newtrali f'termini ta' emissjonijiet milli f'xenarji bi tnaqqis iżgħar ta' emissjonijiet u, fiż-żewġ każijiet, l-effetti ma jkunux uniformi fl-UE kollha minħabba d-differenzi li jeżistu fost l-Istati Membri, fosthom f'termini ta' PDG per capita u ta' intensità tal-karbonju fit-taħlita tal-enerġija; iqis li n-nuqqas ta' azzjoni jkun bil-bosta x-xenarju li l-aktar iqum flus u mhux biss iwassal għal telf sinifikanti ta' PDG fl-Ewropa, iżda jkompli jżid ukoll l-inugwaljanzi ekonomiċi bejn l-Istati Membri u r-reġjuni u fi ħdanhom, peress li xi wħud huma mistennija jintlaqtu aktar minn oħrajn mill-konsegwenzi tan-nuqqas ta' azzjoni;

11.  Jinnota bi tħassib li bħalissa d-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija hija ta' madwar 55 %; jenfasizza li, f'xenarju ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet, din id-dipendenza tonqos għal 20 % sal-2050 u dan ikollu impatt pożittiv fuq il-bilanċ kummerċjali u l-pożizzjoni ġeopolitika tal-UE; jinnota li l-iffrankar kumulattiv fl-ispejjeż tal-importazzjonijiet tal-karburanti fossili bejn l-2031 u l-2050 ikun ta' madwar EUR 2-3 triljun, li jistgħu jintefqu fuq prijoritajiet oħra għaċ-ċittadini Ewropej;

12.  Jilqa' l-inklużjoni ta' żewġ perkorsi mmirati lejn in-newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra sal-2050, kif ukoll l-appoġġ espress mill-Kummissjoni għal dawn iż-żewġ perkorsi, u jqis li l-objettiv ta' nofs is-seklu huwa l-uniku wieħed kompatibbli mal-impenji tal-Unjoni skont il-Ftehim ta' Pariġi; jiddeplora l-fatt li fl-istrateġija ma tqies l-ebda perkors ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra qabel l-2050;

13.  Jinnota li l-perkorsi proposti fl-istrateġija jinvolvu l-użu ta' għadd ta' teknoloġiji ta' tneħħija tal-karbonju, inkluż permezz tal-ġbir u l-ħżin tal-karbonju (CCS) jew il-ġbir u l-użu tal-karbonju (CCU) u l-ġbir dirett mill-arja, li għad iridu jintużaw fuq skala kbira; iqis, madankollu, li l-istrateġija tal-UE għal newtralità f'termini ta' emissjonijiet għandha tipprijoritizza t-tnaqqis dirett tal-emissjonijiet u l-azzjonijiet maħsuba biex jikkonservaw u jsaħħu l-bjar u r-riżervi naturali tal-UE, u għandha timmira li t-teknoloġiji tal-assorbiment tal-karbonju tużahom biss meta ma tkun disponibbli l-ebda għażla ta' tnaqqis dirett fl-emissjonijiet; jemmen li hija meħtieġa azzjoni ulterjuri sal-2030 sabiex l-Unjoni tevita li sserraħ fuq teknoloġiji ta' tneħħija tal-karbonju li jkunu jinvolvu riskji sinifikanti għall-ekosistemi, il-bijodiversità u s-sigurtà tal-ikel, kif ikkonfermat ukoll mir-rapport speċjali tal-IPCC dwar it-tisħin globali b'1,5°C;

L-aspetti soċjali tat-tibdil fil-klima u ta' tranżizzjoni ġusta

14.  Jilqa' l-valutazzjoni tal-Kummissjoni li n-newtralità f'termini ta' emissjonijiet hija possibbli mingħajr telf nett ta' impjiegi u jieħu nota pożittiva tal-valutazzjoni dettaljata tat-tranżizzjoni fl-industriji intensivi fl-enerġija; jenfasizza s-sejba li, jekk tiġi ġestita tajjeb b'appoġġ xieraq għar-reġjuni, is-setturi u ċ-ċittadini l-aktar vulnerabbli, tranżizzjoni ġusta lejn newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra għandha l-potenzjal li toħloq żieda netta fl-impjiegi fl-Unjoni – l-impjiegi fl-ekonomija kollha se jiżdiedu b'2,1 miljun impjieg addizzjonali sal-2050 f'xenarju ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet meta mqabbla maż-żieda fl-impjiegi ta' 1,3 miljun impjieg addizzjonali fix-xenarju ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' 80 %; iqis, għalhekk, li l-Kummissjoni għandha tiżviluppa awditu mġedded tal-ħiliet fil-qafas tal-Panorama ta' Ħiliet tal-UE, b'data reġjonali dwar il-ħiliet meħtieġa għal Ewropa newtrali għall-klima biex ir-reġjuni, is-setturi u ċ-ċittadini l-aktar vulnerabbli jiġu appoġġjati fit-taħriġ mill-ġdid għal impjiegi ta' kwalità għolja li jibqgħu validi fil-futur f'dawn l-istess reġjuni;

15.  Jisħaq fuq id-diversi kobenefiċċji li se jkollha soċjetà newtrali għall-klima fuq is-saħħa pubblika, inkluż f'termini ta' ffrankar fuq l-ispiża tal-kura u piż eħfef fuq is-sistemi ta' assigurazzjoni u tas-saħħa pubblika, iżda wkoll f'termini ta' benessri ġenerali taċ-ċittadini Ewropej bis-saħħa ta' titjib fil-bijodiversità, tnaqqis tat-tniġġis tal-arja u esponiment imtaffi għal sustanzi niġġiesa; jinnota li, f'tali xenarju, id-danni fuq is-saħħa jitnaqqsu b'madwar EUR 200 biljun fis-sena;

16.  Jisħaq fuq l-importanza li jinħoloq fond għal tranżizzjoni ġusta, speċjalment għar-reġjuni l-aktar milquta mid-dekarbonizzazzjoni, bħar-reġjuni tal-minjieri tal-faħam, flimkien ma' kunsiderazzjoni ġenerali tal-impatti soċjali fil-finanzjament eżistenti b'rabta mal-klima; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li l-istrateġija fit-tul tiġi aċċettata mill-pubbliku b'mod mifrux, meta wieħed iqis it-trasformazzjonijiet li huma meħtieġa f'xi setturi;

17.  Jenfasizza li se jkunu meħtieġa azzjonijiet ulterjuri u sforzi akbar favur it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa f'ċerti reġjuni tal-UE, bħalma huma r-reġjuni tal-faħam; itenni, f'dan il-kuntest, l-appell tiegħu biex tiġi introdotta allokazzjoni speċifika ta' EUR 4.8 biljun għal Fond ġdid għal Tranżizzjoni Enerġetika Ġusta fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 sabiex jappoġġa lill-ħaddiema u lill-komunitajiet f'tali reġjuni li jintlaqtu b'mod negattiv minn din it-tranżizzjoni;

18.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' approċċ antiċipatorju biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta għaċ-ċittadini tal-UE u biex jiġu appoġġjati r-reġjuni l-aktar milquta mid-dekarbonizzazzjoni; jemmen li t-tranżizzjoni klimatika tal-Ewropa trid tkun ekoloġikament, ekonomikament u soċjalment sostenibbli; jenfasizza li, sabiex tiġi żgurata l-aċċettazzjoni politika miċ-ċittadini kollha, huwa importanti li jitqiesu l-effetti distributtivi tal-politiki dwar il-klima u dwar id-dekarbonizzazzjoni, speċifikament fuq il-persuni b'introjtu baxx; jemmen, għalhekk, li fil-politiki kollha dwar il-klima, kemm dawk nazzjonali kif ukoll f'dawk tal-UE, għandu jitqies bis-sħiħ l-impatt soċjali bil-għan li tiġi żgurata trasformazzjoni soċjali u ekoloġika fl-Ewropa; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li se jkun hemm bżonn jinħolqu strateġiji mfassla apposta u ffinanzjati biżżejjed fil-livelli kollha abbażi ta' proċessi inklużivi u f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet pubbliċi lokali u reġjonali, it-trade unions, l-istituzzjonijiet edukattivi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u s-settur privat, sabiex jiġi żgurat li f'din it-tranżizzjoni ċ-ċittadini Ewropej kollha jingħataw opportunitajiet indaqs u ġusti;

19.  Ifakkar li attwalment, bejn 50 u 125 miljun ċittadin Ewropew jinsabu f'sogru ta' faqar enerġetiku(4); jaċċentwa li t-tranżizzjoni tal-enerġija jista' jkollha effett sproporzjonat fuq il-persuni bi dħul baxx u żżid aktar il-faqar enerġetiku; jistieden lill-Istati Membri jivvalutaw l-għadd ta' unitajiet domestiċi f'faqar enerġetiku fil-pjanijiet integrati nazzjonali tagħhom dwar l-enerġija u l-klima u jieħdu azzjonijiet ta' segwitu jekk ikun meħtieġ, kif jirrikjedi r-Regolament dwar il-Governanza; jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni li tħares 'il quddiem biex jiżguraw tranżizzjoni ġusta tal-enerġija u aċċess għall-enerġija għaċ-ċittadini kollha tal-UE;

20.  Jemmen li ż-żgħażagħ qed ikunu dejjem aktar konxji minn kwistjonijiet soċjali u ambjentali, u din is-sensibilizzazzjoni għandha s-setgħa li tittrasforma lis-soċjetajiet tagħna b'tali mod li jkollhom futur reżiljenti għat-tibdil fil-klima, u li l-edukazzjoni taż-żgħażagħ tirrappreżenta waħda mill-aktar għodod effikaċi għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-ġenerazzjonijiet aktar żagħżugħa jiġu involuti b'mod attiv fil-bini ta' relazzjonijiet internazzjonali, interkulturali u interġenerazzjonali, li jservu ta' bażi għall-bidla kulturali li se tappoġġa l-isforzi globali għal futur aktar sostenibbli;

Il-miri intermedji

21.  Jirrikonoxxi l-fatt li d-deċennju bejn l-2020 u l-2030 se jkun wieħed ta' importanza kruċjali jekk l-UE għandha tikseb emissjonijiet netti żero sal-2050; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw mira għal terminu medju qawwija għall-2030, peress li din hi meħtieġa biex tingħata biżżejjed stabbiltà tal-investiment lis-suq, biex jiġi sfruttat għalkollox il-potenzjal tal-innovazzjoni teknoloġika u biex jissaħħu l-opportunitajiet għan-negozji Ewropej biex isiru mexxejja tas-suq dinji fil-produzzjoni b'emissjonijiet baxxi;

22.  Jenfasizza li sabiex tintlaħaq il-mira ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fl-2050 bl-aktar mod effiċjenti għan-nefqa, jeħtieġ li l-livell ta' ambizzjoni għall-2030 jogħla u jiġi allinjat max-xenarji ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet sal-2050; jemmen li huwa tal-ikbar importanza li l-Unjoni tibgħat messaġġ ċar, sa matul is-Summit dwar il-Klima tan-NU fi New York f'Settembru 2019, li hija tinsab lesta li tirrevedi l-kontribut tagħha għall-Ftehim ta' Pariġi;

23.  Jappoġġja aġġornament tal-NDC tal-Unjoni bil-mira li, fl-ekonomija kollha, l-emissjonijiet ta' gassijiet serra jonqsu bil-55 % sal-2030, meta mqabbla mal-livelli tal-1990; jistieden, għalhekk, lill-mexxejja tal-UE jappoġġaw żieda fil-livell ta' ambizzjoni tal-NDC tal-Unjoni skont dan fis-Summit speċjali tal-UE f'Sibiu f'Mejju 2019, fid-dawl tas-Summit dwar il-Klima tan-NU f'Settembru 2019;

24.  Iqis li l-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard minn waqt ir-rieżamijiet ta' bejn l-2022 u l-2024 tal-pakkett dwar il-klima tal-2030 u ta' leġiżlazzjoni rilevanti oħra, tippreżenta proposti leġiżlattivi li jgħollu l-livell ta' ambizzjoni f'konformità mal-NDC aġġornat u mal-mira ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet; jemmen li ambizzjoni insuffiċjenti għall-2030 tillimita l-għażliet futuri, fosthom, possibilment, id-disponibbiltà ta' ċerti għażliet għal dekarbonizzazzjoni effiċjenti għan-nefqa; iqis dawn ir-rieżamijiet bħala pass importanti biex jiġu żgurati l-impenji klimatiċi tal-UE;

25.  Jemmen li, bħala mezz biex tiġi żgurata aktar stabbiltà akbar għas-swieq, se jkun ta' benefiċċju għall-UE li tistabbilixxi mira interim ulterjuri ta' tnaqqis fl-emissjonijiet sal-2040, li tista' tipprovdi stabbiltà addizzjonali u tiżgura li tintlaħaq il-mira fit-tul tal-2050;

26.  Iqis li l-istrateġija tal-UE għal newtralità f'termini ta' emissjonijiet għandha tkun infurmata mir-rendikont globali ta' kull 5 snin kif stabbilit fil-Ftehim ta' Pariġi, u li għandha tqis l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-soċjetà, kif ukoll l-input minn atturi mhux statali u mill-Parlament Ewropew;

Kontribuzzjonijiet settorjali

27.  Jenfasizza li l-emissjonijiet netti se jkollhom jitnaqqsu għal kważi żero fis-setturi kollha tal-ekonomija, li kollha kemm huma għandhom jikkontribwixxu għall-isforzi konġunti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tiżviluppa perkorsi għan-newtralità klimatika għas-setturi kollha; jenfasizza l-importanza tal-prinċipju ta' min iniġġes iħallas f'dan ir-rigward;

28.  Jenfasizza l-importanza tad-diversi miżuri u tal-leġiżlazzjoni dwar il-klima introdotti f'oqsma differenti ta' politika, iżda jwissi li approċċ frammentat jaf iwassal għal inkonsistenzi u jżomm lill-UE milli tilħaq ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra sal-2050; jemmen li hemm bżonn li jittieħed approċċ globali;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-possibbiltà ta' armonizzazzjoni tal-ipprezzar tal-karbonju u tal-enerġija fl-UE b'appoġġ għat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet, b'mod partikolari għas-setturi li mhumiex koperti mis-sistema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet; jitlob lill-Kummissjoni tistudja l-aħjar mod possibbli biex jiġu evitati każijiet ta' nies ibatu, u jinsisti li l-piż ġenerali fuq iċ-ċittadini m'għandux jiżdied;

30.  Jirrikonoxxi r-rwol attribwit lis-CCS fil-maġġoranza tax-xenarji b'1,5 C fir-rapport speċjali tal-IPCC dwar il-1,5°C; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tfittex ambizzjoni akbar f'dan il-qasam; jinnota wkoll il-miri stabbiliti mill-Istati Membri fil-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija (SET) biex jiġi implimentat CCS fuq skala kummerċjali fis-settur industrijali u tal-enerġija Ewropew bejn l-2020 u l-2030; iqis li hemm bżonn jiżdied l-użu ta' CCU u CCS ambjentalment siguri fil-proċessi industrijali, billi dan jirriżulta fi tnaqqis nett fl-emissjonijiet permezz tal-evitar tal-emissjonijiet jew il-ħżin permanenti ta' CO2; jinnota bi tħassib li ħafna teknoloġiji tas-CCU fil-preżent mhux qed iwasslu għal tnaqqis permanenti tal-emissjonijiet; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa kriterji tekniċi li jiżguraw appoġġ unikament lil dawk it-teknoloġiji li jagħtu riżultati verifikabbli;

31.  Jirrimarka li l-istrateġija tikkonferma li l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra mis-settur tat-trasport għadhom qed jiżdiedu, u li l-politiki kurrenti mhux se jkunu biżżejjed biex is-settur tat-trasport jiġi dekarbonizzat sal-2050; jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata bidla modali minn vjaġġar bl-ajru għal vjaġġar bil-ferrovija, inkluż permezz ta' twettiq rapidu ta' netwerk ferrovjarju interoperabbli fi ħdan l-UE u l-mobilizzazzjoni ta' investimenti msaħħa, u lejn it-trasport pubbliku u l-mobbiltà kondiviża; jinnota li t-trasport bit-triq jikkontribwixxi għal madwar għoxrin fil-mija tal-emissjonijiet totali tas-CO2 tal-UE; jistieden għalhekk, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu l-passi meħtieġa biex jippermettu l-aċċess għal vetturi b'emissjonijiet żero jew baxxi għall-konsumaturi fl-Istati Membri kollha, filwaqt li jevitaw żieda fl-użu ta' vetturi qodma, li jniġġsu ħafna fi Stati Membri bi dħul iktar baxx; jissottolinja wkoll ir-rwol tat-teknoloġiji intelliġenti, bħall-infrastruttura tal-iċċarġjar intelliġenti, fl-istabbiliment ta' sinerġiji bejn l-elettrifikazzjoni tat-trasport u l-użu ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli;

32.  Jissottolinja li sabiex tinkiseb in-newtralità klimatika għall-ekonomija tal-UE kollha kemm hi, is-setturi kollha inklużi l-avjazzjoni u t-tbaħħir internazzjonali, għandhom jikkontribwixxu għal dan; jinnota li l-analiżi tal-Kummissjoni turi li l-miri u l-miżuri globali attwali previsti rispettivament mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, anke jekk jiġu implimentati għalkollox, jonqsu milli jiksbu t-tnaqqis meħtieġ tal-emissjonijiet, u li hija meħtieġa azzjoni ulterjuri sinifikanti li tikkonforma mal-objettiv mifrux mal-ekonomija kollha ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet; jenfasizza l-ħtieġa li jsiru investimenti f'teknoloġiji u fi fjuwils b'emissjonijiet tal-karbonju żero u baxxi f'dawn is-setturi; jistieden lill-Kummissjoni tpoġġi fil-prattika l-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas" f'dawn is-setturi; ifakkar li hija prevista żieda tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra mit-tbaħħir internazzjonali saħansitra ta' sa 250 % sal-2050; jilqa' l-fatt li s-settur tat-tbaħħir internazzjonali stabbilixxa għalih innifsu mira ta' tnaqqis assoluta tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra; jikkonstata bi tħassib in-nuqqas ta' progress fir-rigward tal-bidla ta' din il-mira f'miżuri fuq terminu qasir u medju u f'azzjonijiet konkreti oħra; jinnota l-piż differenti fuq mezzi tat-trasport differenti; jitlob li l-introjtu akbar mis-sistema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet jintuża biex jiġu promossi mezzi tat-trasport b'inqas ħsara għall-ambjent, bħax-xarabanks jew il-ferroviji;

33.  Jikkonstata li madwar 60 % tal-metan globali huwa rilaxxat minn sorsi bħall-agrikoltura, il-landfills u l-ilma mormi, u mill-produzzjoni u t-trasport bil-pipeline tal-karburanti fossili; ifakkar li l-metan huwa gass b'effett ta' serra potenti b'potenzjal ta' tisħin globali ta' mitt sena, 28 darba aktar qawwi mis-CO2(5); itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tistudja malajr kemm jista' jkun għażliet politiċi għall-indirizzar rapidu tal-emissjonijiet tal-metan bħala parti minn pjan strateġiku tal-Unjoni għall-metan, u tippreżenta proposti leġiżlattivi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal dan il-għan;

34.  Jissottolinja li l-agrikoltura se tkun wieħed mis-sorsi ewlenin li fadal ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra tal-UE fl-2050, b'mod partikolari minħabba l-emissjonijiet tal-metan u tal-ossidu nitruż; jissottolinja l-potenzjal tas-settur agrikolu fl-indirizzar tal-isfidi tat-tibdil fil-klima, pereżempju b'innovazzjonijiet ekoloġiċi u teknoloġiċi kif ukoll bil-qbid tal-karbonju fil-ħamrija; jitlob għal politika agrikola komuni li tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra f'konformità mat-tranżizzjoni lejn l-ekonomija newtrali għall-klima; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-politiki agrikoli, b'mod partikolari l-fondi tal-UE u nazzjonali, jikkonformaw mal-objettivi u l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi;

35.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-ambizzjoni klimatika tiġi integrata fil-politiki tal-UE kollha, inkluża fil-politika kummerċjali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-ftehimiet kummerċjali kollha ffirmati mill-UE jkunu kompatibbli bis-sħiħ mal-Ftehim ta' Pariġi, peress li dan mhux biss isaħħaħ l-azzjoni globali fir-rigward tat-tibdil fil-klima iżda jiggarantixxi wkoll ambjent ekwu għas-setturi milquta;

36.  Jappoġġa l-ġestjoni attiva u sostenibbli tal-foresti fil-livell nazzjonali, flimkien ma' mezzi konkreti għall-inċentivar ta' bijoekonomija tal-UE effiċjenti u sostenibbli, b'kunsiderazzjoni tal-potenzjal konsiderevoli tal-foresti li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-isforzi klimatiċi tal-Ewropa (permezz tas-sekwestru, il-ħżin u s-sostituzzjoni) u għall-ilħuq tal-mira ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet sal-2050; jirrikonoxxi l-ħtieġa għal adattament għat-tibdil fil-klima u l-waqfien tat-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi fl-UE sal-2020, kif ukoll il-ħtieġa li jiġu żviluppati politiki bbażati fuq l-evidenza li jgħinu l-implimentazzjoni u l-finanzjament ta' miżuri ta' konservazzjoni tal-bijodiversità tal-UE;

37.  Jenfasizza l-fatt li hemm aktar karbonju maħżun fil-ħamrija milli fil-bijosfera u fl-atmosfera flimkien; jissottolinja għalhekk l-importanza li titwaqqaf id-degradazzjoni tal-ħamrija fl-UE, u li tiġi żgurata azzjoni tal-UE komuni biex jiġu ppreservati u mtejba l-kwalità tal-ħamrija u l-kapaċità tagħha ta' ħżin tal-karbonju;

ll-politika tal-enerġija

38.  Jenfasizza l-kontribut tal-effiċjenza enerġetika għas-sigurtà tal-provvista, il-kompetittività ekonomika, il-ħarsien tal-ambjent, it-tnaqqis fil-kontijiet tal-enerġija u t-titjib fil-kwalità tad-djar; jikkonferma r-rwol importanti tal-effiċjenza enerġetika fil-ħolqien tal-opportunitajiet ta' negozju u tal-impjiegi kif ukoll il-benefiċċji globali u reġjonali tagħha; ifakkar, f'dan ir-rigward, l-introduzzjoni tal-prinċipju "l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel" skont ir-Regolament dwar il-Governanza, u li l-implimentazzjoni tiegħu għandha tiġi sfruttata għalkollox b'mod effiċjenti għan-nefqa tul il-katina tal-enerġija kollha u meqjusa bħala l-bażi għal kwalunkwe perkors lejn il-mira ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet sal-2050;

39.  Jenfasizza r-rwol ċentrali tal-enerġija fit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra; Ifakkar li l-Unjoni rnexxielha tiddiżakkoppja b'suċċess l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra mit-tkabbir ekonomiku f'dawn l-aħħar għexieren ta' snin, u naqqset l-emissjonijiet, b'mod partikolari permezz tal-effiċjenza enerġetika u d-diffużjoni tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli; jenfasizza li t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa għandha tkompli tixpruna l-modernizzazzjoni tal-ekonomija Ewropea, tistimola t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u ġġib benefiċċji soċjali u ambjentali għaċ-ċittadini Ewropej;

40.  Jemmen li t-tmexxija tal-UE fl-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika turi lill-partijiet l-oħra tad-dinja li t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa hija kemm possibbli kif ukoll ta' benefiċċju, lil hinn mill-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

41.  Jirrimarka li l-kisba ta' ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra se tirrikjedi investimenti addizzjonali konsiderevoli fis-sistema tal-enerġija tal-UE u fl-infrastruttura relatata, meta mqabbla mal-linja bażi tal-lum, fil-medda ta' bejn EUR 175 biljun u 290 biljun fis-sena;

42.  Jenfasizza li, fid-dawl tal-punti ta' tluq differenti fit-tranżizzjoni tal-enerġija, l-isforzi biex jitnaqqsu l-gassijiet serra sabiex tinkiseb in-newtralità klimatika fil-livell tal-UE jistgħu jkunu mifruxa b'mod xejn uniformi fl-UE;

43.  Jitlob lill-Istati Membri jimplimentaw il-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa mingħajr dewmien; ifakkar fil-kompetenza tal-Istati Membri li jiddeċiedu dwar it-taħlita tal-enerġija tagħhom fi ħdan il-qafas tal-UE għall-klima u l-enerġija;

44.  Jitlob li tiġi stabbilita sistema tal-enerġija effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija u bbażata fuq sorsi tal-enerġija rinnovabbli u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu kull azzjoni meħtieġa f'dak ir-rigward billi dan se jkollu effetti konsegwenzjali fuq is-setturi ekonomiċi kollha; jenfasizza li l-perkorsi kollha preżentati mill-Kummissjoni jassumu tnaqqis drastiku tal-karburanti fossili u żieda qawwija fl-enerġiji rinnovabbli;

45.  Jenfasizza li d-Direttiva dwar l-Ekodisinn(6) ikkontribwiet b'mod sinifikanti għall-miri klimatiċi tal-UE billi naqqset l-emissjonijiet tal-gassijiet serra bi 320 miljun tunnellata ta' ekwivalenti għas-CO2 fis-sena, u li huwa stmat li sal-2020 il-konsumaturi tal-UE se jiffrankaw total ta' EUR 112 biljun b'kollox, jew madwar EUR 490 fis-sena għal kull unità domestika b'riżultat tad-Direttiva; jitlob li jiġu rregolati prodotti addizzjonali skont id-Direttiva dwar l-Ekodisinn, inklużi t-tablets u s-smartphones, u li l-istandards eżistenti jinżammu aġġornati biex jirriflettu l-iżviluppi teknoloġiċi;

46.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata integrazzjoni ulterjuri tas-suq tal-enerġija Ewropew sabiex is-settur tal-enerġija jiġi dekarbonizzat bl-aktar mod effettiv, sabiex jiġu ffaċilitati l-investimenti fejn tkun tista' tinkiseb l-aktar produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini sabiex titħaffef it-tranżizzjoni tal-enerġija lejn ekonomija sostenibbli u newtrali f'termini tal-emissjonijiet tal-karbonju; iqis li huwa essenzjali li jiżdied il-livell ta' interkonnettività bejn l-Istati Membri u jitħeġġu aktar skemi ta' appoġġ transfruntier;

47.  Jinnota li s-settur tal-kostruzzjoni tal-UE attwalment jammonta għal 40 % tal-konsum tal-enerġija finali u 36 % tal-emissjonijiet tagħha tas-CO2 tal-Ewropa(7); jitlob biex jiġi żblukkat il-potenzjal tas-settur għall-iffrankar tal-enerġija u t-tnaqqis tal-marka tal-karbonju, skont l-objettiv stabbilit fid-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija(8) li jintlaħaq stokk tal-bini effiċjenti ħafna fl-enerġija u dekarbonizzat sal-2050; jenfasizza li konsum tal-enerġija aktar effiċjenti fil-bini għandu potenzjal sostanzjali għal tnaqqis ulterjuri tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra tal-Ewropa; iqis, barra minn hekk, li l-kostruzzjoni ta' bini b'rata baxxa ta' użu tal-enerġija, fornut bis-sħiħ b'enerġija rinnovabbli, hija sine qua non għall-Ftehim ta' Pariġi u għal aġenda tal-UE fir-rigward tat-tkabbir, l-impjiegi lokali u t-titjib fil-kundizzjonijiet tal-għajxien għaċ-ċittadini madwar l-Ewropa;

48.  Jistieden lil-livelli kollha ta' gvern, kemm jekk nazzjonali, reġjonali jew lokali, biex idaħħlu fis-seħħ miżuri li jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-tranżizzjoni tal-enerġija u biex jistimolaw l-iskambju tal-aħjar prattiki; jenfasizza li l-involviment taċ-ċittadini fis-sistema tal-enerġija tul l-awtoġenerazzjoni deċentralizzata tal-enerġija rinnovabbli, tal-ħżin tal-elettriku u tal-parteċipazzjoni fl-iskemi tar-rispons fin-naħa tad-domanda u tal-effiċjenza fl-enerġija se tkun kruċjali fit-tranżizzjoni lejn in-newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra; jitlob, għalhekk, li l-involviment attiv taċ-ċittadini jiġi integrat bis-sħiħ f'dawn il-perkorsi, b'mod partikolari fin-naħa tad-domanda;

Il-Politika Industrijali

49.  Jemmen li l-prosperità ekonomika, il-kompetittività industrijali globali u l-politika dwar il-klima jsaħħu lil xulxin; itenni li t-tranżizzjoni lejn ekonomija ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju ta' gassijiet b'effett ta' serra tippreżenta sfidi u opportunitajiet għall-UE, u li se jkunu meħtieġa investimenti fl-innovazzjoni industrijali, inkluż f'teknoloġiji diġitali, u se tkun meħtieġa teknoloġija nadifa biex jiġi stimolat it-tkabbir, tissaħħaħ il-kompetittività, tingħata spinta lill-ħiliet futuri u jinħolqu miljuni ta' impjiegi, pereżempju f'ekonomija ċirkolari u f'bijoekonomija dejjem akbar;

50.  Jissottolinja li qafas ta' politika stabbli u prevedibbli dwar l-enerġija u l-klima huwa essenzjali biex jipprovdi l-fiduċja tant meħtieġa fost l-investituri u biex l-industriji Ewropej ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet ta' investiment fit-tul fl-Ewropa, billi t-tul tal-ħajja tal-parti l-kbira tal-installazzjonijiet industrijali jaqbeż l-20 sena;

51.  Jenfasizza l-irwol tal-industriji li jużaw ħafna enerġija biex jinkiseb tnaqqis fit-tul tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra tal-UE; iqis li ż-żamma ta' pożizzjoni fuq quddiem fl-iżvilupp u l-produzzjoni industrijali b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-UE, il-preservazzjoni tal-kompetittività tal-industriji Ewropej, l-imminimizzar tad-dipendenza fuq il-karburanti fossili u l-esponiment għal prezzijiet volatili u prezzijiet fuq l-importazzjonijiet ta' karburanti fossili li qed jiżdiedu, u l-evitar tar-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju jinneċessitaw oqfsa ta' politika intelliġenti u mmirati; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija ġdida u integrata għall-klima industrijali tal-UE fir-rigward tal-industriji li jużaw ħafna enerġija b'appoġġ għal tranżizzjoni lejn industrija peżanti kompetittiva ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija industrijali b'miżuri li jippermettu lill-industrija Ewropea tikkompeti globalment f'kundizzjonijiet ekwi; iqis li bħala parti minn din il-politika, il-Kummissjoni għandha teżamina l-effikaċja u l-kompatibbiltà mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, ta' miżuri addizzjonali għall-protezzjoni tal-industriji f'riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju fir-rigward tal-importazzjoni ta' prodotti, li jissostitwixxu, jadattaw jew jikkomplementaw kwalunkwe miżura eżistenti dwar ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju;

53.  Jinnota li għadd ta' swieq emerġenti qed jippożizzjonaw lilhom infushom biex jaqdu rwol importanti fl-issodisfar tal-ħtiġijiet tas-suq globali matul it-tranżizzjoni lejn ekonomija ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet, pereżempju fir-rigward tat-trasport b'newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju u l-enerġija rinnovabbli; jenfasizza li l-UE għandha tibqa' l-aqwa ekonomija fl-innovazzjoni ekoloġika u fl-investimenti fit-teknoloġija ekoloġika;

54.  Jinnota li r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija fl-Ewropa, maħruġ fl-2018 (COM(2019)0001)(9), jenfasizza l-esponiment kontinwament għoli tal-UE għal prezzijiet tal-karburanti fossili volatili u ogħla u li, fil-futur, l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-elettriku huma mistennija jiżdiedu għall-elettriku ġġenerat mill-karburanti fossili u jonqsu għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli; jenfasizza li, fl-2017, l-ispejjeż tal-importazzjoni tal-enerġija fl-UE żdiedu b'26 % għal EUR 266 biljun, l-aktar minħabba ż-żieda fil-prezzijiet taż-żejt; jinnota wkoll li skont l-istimi tar-rapport, iż-żidiet fil-prezz taż-żejt kellhom impatt negattiv fuq it-tkabbir tal-UE (-0.4 % tal-PDG fl-2017) u fuq l-inflazzjoni (+0.6);

Riċerka u innovazzjoni

55.  Jenfasizza li l-UE u r-riċerka nazzjonali u l-programmi tal-innovazzjoni huma kruċjali għall-appoġġ tal-Unjoni fir-rwol fuq quddiem tagħha fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u jemmen li l-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima għandha ssir b'mod adegwat fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni ta' programmi ta' riċerka u innovazzjoni;

56.  Iqis li matul l-għoxrin sena li ġejjin se jkunu meħtieġa sforzi sostanzjali ta' riċerka u innovazzjoni biex isiru disponibbli soluzzjonijiet dwar livelli baxxi u żero tal-karbonju għal kulħadd u li jkunu soċjalment u ekonomikament vijabbli u jwasslu għal soluzzjonijiet ġodda biex tinkiseb ekonomija b'newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju b'effett ta' serra;

57.  Jissottolinja l-pożizzjoni tiegħu li Orizzont Ewropa jeħtieġlu jikkontribwixxi mill-inqas 35 % tan-nefqa tiegħu għall-objettivi klimatiċi kif xieraq kif ukoll bħala parti mill-objettiv ġenerali tal-Unjoni favur l-integrazzjoni tal-azzjonijiet klimatiċi;

Finanzjament

58.  Jitlob implimentazzjoni rapida tal-Fond ta' Innovazzjoni tal-UE ETS u li jingħata bidu għall-ewwel sejħa għal proposti fl-2019 sabiex jittejbu l-investimenti fid-dimostrazzjoni ta' teknoloġiji rivoluzzjonarji industrijali b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju f'firxa wiesgħa ta' setturi, mhux biss il-produzzjoni tal-elettriku, iżda anke fit-tisħin distrettwali u fil-proċessi industrijali; jitlob li l-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 u l-programmi tiegħu jkunu konsistenti bis-sħiħ mal-Ftehim ta' Pariġi;

59.  Iqis li sabiex l-Unjoni tilħaq newtralità f'termini ta' emissjonijiet sa mhux aktar tard mill-2050, jeħtieġ li jiġu mobilizzati investimenti privati sostanzjali; jemmen li dan se jirrikjedi ppjanar u stabbiltà regolatorja fit-tul u prevedibbiltà għall-investituri u, b'mod korrispondenti, konsiderazzjoni dovuta fir-regolamenti futuri tal-UE; jenfasizza għalhekk li l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar Finanzi Sostenibbli adottat f'Marzu 2018 għandha tingħata prijorità;

60.  Iqis li l-QFP 2021-2027 għandu, qabel ma jiġi adottat, jiġi evalwat fid-dawl tal-objettiv li tinkiseb ekonomija newtrali għall-klima sal-2050 u li jrid jiġi stabbilit test standard biex jiġi żgurat li n-nefqa taħt il-baġit tal-UE ssir reżiljenti għall-klima;

61.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li s-sussidji fuq il-karburanti fossili għadhom qed jiżdiedu u jammontaw għal madwar EUR 55 biljun fis-sena(10); jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jeliminaw immedjatament is-sussidji Ewropej u nazzjonali fuq il-karburanti fossili kollha;

62.  Jenfasizza l-importanza ta' tranżizzjoni ġusta għal ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju u jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu politiki u finanzjament xierqa f'dan ir-rigward; jenfasizza li n-nefqa tal-UE minn fondi rilevanti tista' tipprovdi appoġġ addizzjonali fejn xieraq;

Ir-rwol tal-konsumaturi u l-ekonomija ċirkolari

63.  Jenfasizza l-impatt sinifikanti ta' bidla fl-imġiba fil-kisba tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra; jistieden lill-Kummissjoni tesplora malajr kemm jista' jkun għażliet ta' politika, inkluż dwar it-tassazzjoni ambjentali, biex tħeġġeġ bidla fl-imġiba; jissottolinja l-importanza ta' inizjattivi minn isfel għal fuq, bħall-Patt tas-Sindki, fil-promozzjoni ta' bidla fl-imġiba;

64.  Jissottolinja li parti kbira ħafna mill-użu tal-enerġija, u għalhekk, mill-emissjonijiet ta' gassijiet serra, hija marbuta direttament mal-akkwist, l-ipproċessar, it-trasport, il-konverżjoni, l-użu u r-rimi tar-riżorsi; jenfasizza li jista' jkun hemm iffrankar sinifikanti ferm f'kull stadju fil-katina tal-ġestjoni tar-riżorsi; jenfasizza, għalhekk, li ż-żieda fil-produttività tar-riżorsi permezz ta' effiċjenza aħjar u t-tnaqqis tal-iskart tar-riżorsi permezz ta' miżuri bħall-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u l-manifattura mill-ġdid jistgħu jnaqqsu ħafna kemm il-konsum tar-riżorsi kif ukoll l-emissjonijiet ta' gassijiet serra, filwaqt li jtejbu l-kompetittività u joħolqu opportunitajiet ta' negozju u impjiegi; jenfasizza l-kosteffiċjenza tal-miżuri tal-ekonomija ċirkolari; jissottolinja li approċċi mtejba dwar il-ġestjoni tar-riżorsi u l-ekonomija ċirkolari kif ukoll disinn tal-prodott ċirkolari se jgħinu biex iġibu bidla fix-xejriet tal-produzzjoni u tal-konsum u se jnaqqsu l-ammont ta' skart;

65.  Jenfasizza l-importanza ta' politika għall-prodotti, bħall-akkwist pubbliku ekoloġiku u l-ekodisinn, li tista' tagħti kontribut sinifikanti għall-iffrankar fl-enerġija u għat-tnaqqis tal-marka tal-karbonju tal-prodotti, filwaqt li fl-istess ħin ittejjeb l-marka tal-materjali użati u l-impatt ambjentali ġenerali; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti rekwiżiti tal-ekonomija ċirkolari bħala parti mill-istandards tal-ekodisinn tal-UE u li l-metodoloġija attwali tal-ekodisinn tespandi għal kategoriji ta' prodotti oħra minbarra l-prodotti relatati mal-enerġija;

66.  Jikkunsidra li għandha titkompla l-ħidma fuq mudell affidabbli biex jitkejjel l-impatt klimatiku bbażat fuq il-konsum; jinnota l-konklużjoni fl-analiżi dettaljata tal-Kummissjoni li l-isforzi tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-produzzjoni tagħha huma xi ftit jew wisq stabbilizzati mill-importazzjonijiet ta' beni b'marka tal-karbonju ogħla, iżda li minkejja dan, l-UE kkontribwiet b'mod sinifikanti għat-tnaqqis fl-emissjonijiet f'pajjiżi oħra minħabba ż-żieda fil-fluss kummerċjali u fit-titjib fl-effiċjenza tal-karbonju tal-esportazzjonijiet tagħha;

L-UE u l-azzjoni globali dwar il-klima

67.  Jissottolinja l-importanza ta' aktar inizjattivi u ta' djalogu sostnut fil-fora internazzjonali rilevanti, u diplomazija klimatika effettiva bil-għan li jiġu xprunati deċiżjonijiet ta' politika simili li jżidu l-ambizzjoni f'reġjuni u pajjiżi terzi oħra; jistieden lill-UE żżid il-finanzjament tagħha għall-klima u taħdem b'mod attiv biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-għajnuna klimatika tagħhom (għajnuna għall-iżvilupp aktar milli self) lil pajjiżi terzi, li għandha tiġi b'żieda mal-assistenza barranija għall-iżvilupp, u ma għandhiex tingħadd darbtejn kemm bħala għajnuna għall-iżvilupp kif ukoll bħala għajnuna klimatika finanzjarja;

68.  Jenfasizza li s-Summit dwar it-Tibdil fil-Klima tan-NU li se jsir f'Settembru 2019 se jkun il-mument it-tajjeb biex il-mexxejja jħabbru ambizzjoni akbar f'termini tal-NDCs; iqis li l-UE għandha tadotta pożizzjoni dwar l-aġġornament minn qabel sew tal-NDC, sabiex tasal għas-summit imħejjija sew u f'kooperazzjoni mill-qrib ma' koalizzjoni internazzjonali ta' Partijiet f'appoġġ għal ambizzjoni klimatika msaħħa;

69.  Jenfasizza l-mertu tat-tisħiħ tal-interoperabbiltà bejn l-istrumenti ta' politika tal-UE u l-ekwivalenti ta' pajjiżi terzi, b'mod partikolari l-mekkaniżmi tal-ipprezzar tal-karbonju; jistieden lill-Kummissjoni tkompli u tintensifika l-kooperazzjoni u l-appoġġ fl-iżvilupp ta' mekkaniżmi tal-ipprezzar tal-karbonju barra mill-Ewropa sabiex issegwi aktar tnaqqis tal-emissjonijiet u kondizzjonijiet ekwivalenti mtejba ta' kompetizzjoni fuq livell dinji; jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti salvagwardji ambjentali sabiex jiġi żgurat tnaqqis reali u addizzjonali tal-gassijiet serra; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex tippromwovi regoli internazzjonali stretti u robusti biex timpedixxi lakuni fil-kontabbiltà u fl-għadd doppju tat-tnaqqis tal-emissjonijiet;

o
o   o

70.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) https://ec.europa.eu/clima/sites/clima/files/docs/pages/com_2018_733_analysis_in_support_en_0.pdf
(2) Testi adottati, P8_TA(2018)0430.
(3) Il-Programm Ambjentali tan-NU, "Emissions Gap Report 2018" (Ir-Rapport dwar id-Diskrepanza fl-Emissjonijiet 2018), p. 10.
(4) http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2015/563472/IPOL_STU(2015)563472_EN.pdf
(5) Van Dingenen, R., Crippa, M., Maenhout, G., Guizzardi, D., Dentener, F., "Global trends of methane emissions and their impacts on ozone concentrations" (Xejriet globali tal-emissjonijiet tal-metan u l-impatti tagħhom fuq il-konċentrazzjonijiet tal-ożonu), EUR 29394 EN, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2018, ISBN 978-92-79-96550-0, doi:10.2760/820175, JRC113210.
(6) Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta' rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10).
(7) https://ec.europa.eu/energy/en/topics/energy-efficiency/buildings
(8) Id-Direttiva (UE) 2018/844 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 75).
(9) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?qid=1548155579433&uri=CELEX:52019DC0001
(10) Il-Prezzijiet u l-Kostijiet tal-Enerġija fl-Ewropa, paġni 10-11.


L-istabbiliment tal-Fond Monetarju Ewropew
PDF 133kWORD 54k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-Fond Monetarju Ewropew (COM(2017)08272017/0333R(APP))
P8_TA(2019)0218A8-0087/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' Fond Monetarju Ewropew (COM(2017)0827),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar evoluzzjonijiet u aġġustamenti possibbli tal-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar it-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona(2),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-proposti għal riforma tal-Unjoni Ekonomika Monetarja (UEM),

–  wara li kkunsidra l-ittra mingħand il-President tal-Grupp tal-Euro lill-President tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta' Ġunju 2018 dwar l-approfondiment ulterjuri tal-UEM, u d-dikjarazzjoni tas-Summit tal-Euro tad-29 ta' Ġunju 2018 dwar ir-riforma tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp tal-Euro lill-Mexxejja dwar l-approfondiment tal-UEM tal-4 ta' Diċembru 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Summit tal-Euro tal-14 ta' Diċembru 2018,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni konġunta dwar il-kooperazzjoni futura bejn il-Kummissjoni u l-MES tal-14 ta' Novembru 2018,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) tal-11 ta' April 2018 dwar proposta għal regolament fuq it-twaqqif ta' Fond Monetarju Ewropew(3),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 2/2018 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tat-18 ta' Settembru 2018 dwar il-kunsiderazzjonijiet tal-awditjar u tal-obbligu ta' rendikont fir-rigward tal-proposta tas-6 ta' Diċembru 2017 għall-ħolqien ta' Fond Monetarju Ewropew fi ħdan il-qafas legali tal-Unjoni,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Ħames Presidenti tat-22 ta' Ġunju 2015 dwar il-kompletament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa, il-White Paper tal-Kummissjoni tal-1 ta' Marzu 2017 dwar il-futur tal-Ewropa, u d-dokument ta' riflessjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta' Mejju 2017 dwar l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar it-tisħiħ tad-demokrazija Ewropea fl-UEM futura(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2014 dwar l-inkjesta dwar ir-rwol u l-attivitajiet tat-Trojka (BĊE, Kummissjoni, FMI) fir-rigward tal-pajjiżi tal-programm taż-żona tal-euro(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar il-kapaċità baġitarja għaż-żona tal-euro(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Mejju 2018 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 u r-riżorsi proprji(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport interim tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji kif ukoll l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kontroll Baġitarju u tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0087/2019),

A.  billi l-introduzzjoni tal-euro hija waħda mill-kisbiet politiċi l-aktar importanti tal-proġett Ewropew u element fundamentali tal-kostruzzjoni tal-UEM;

B.  billi l-kriżi finanzjarja u ekonomika żvelat id-dgħufijiet tal-arkitettura tal-euro, filwaqt li enfasizzat il-ħtieġa urġenti tal-approfondiment rapidu tal-UEM u tat-tisħiħ tal-obbligu ta' rendikont demokratiku u tat-trasparenza tagħha;

C.  billi liċ-ċittadini tal-UE l-euro joffrilhom protezzjoni u opportunitajiet; billi żona tal-euro b'saħħitha u stabbli hija essenzjali għall-membri tagħha u għall-UE kollha kemm hi;

D.  billi l-adeżjoni ma' żona monetarja komuni tirrikjedi r-rispett ta' regoli u obbligi komuni, bħal dawk stabbiliti fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, kif ukoll strumenti komuni biex jirrispondu għall-iskossi ekonomiċi u finanzjarji gravi u għall-promozzjoni tar-responsabbiltà, tas-solidarjetà u tal-konverġenza soċjoekonomika 'l fuq; billi t-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (Trattat dwar il-MES) jipprevedi rabta ċara mal-mekkaniżmi Ewropej ta' sorveljanza makroekonomika, b'mod partikolari r-rispett tar-regoli tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, inklużi l-klawsoli ta' flessibbiltà tiegħu, u l-implimentazzjoni ta' riformi strutturali sostenibbli u inklużivi; billi t-tnaqqis tar-riskju u l-kondiviżjoni tar-riskju għandhom jimxu id f'id fl-approfondiment tal-UEM;

E.  billi l-ħolqien tal-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja (EFSF) u t-trasformazzjoni sussegwenti tagħha fil-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES) irrappreżentaw pass importanti lejn il-ħolqien ta' mekkaniżmu Ewropew għall-ġestjoni tal-kriżijiet, li jgħin biex tissaħħaħ l-UEM u jagħti assistenza finanzjarja lil diversi pajjiżi Ewropej milquta mill-kriżi;

F.  billi n-natura intergovernattiva tal-MES għandha implikazzjonijiet fuq il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tiegħu u, b'mod partikolari, fuq il-kapaċità tiegħu li jirrispondi malajr għall-iskossi ekonomiċi u finanzjarji;

G.  billi l-inkorporazzjoni futura tal-MES fil-qafas ġurifiku tal-UE għandha tkompli titqies bħala parti mill-proġett ta' kompletament tal-UEM;

H.  billi d-dibattitu li għaddej dwar il-futur tal-Ewropa u tal-UEM enfasizza fehmiet politiċi differenti fost l-Istati Membri dwar il-futur fit-tul tal-MES, iżda jipprovdi wkoll bażi tajba għal pass inizjali importanti lejn it-tisħiħ tar-rwol tiegħu, l-iżvilupp tal-għodod finanzjarji tiegħu u t-titjib tal-effiċjenza u tal-obbligu ta' rendikont demokratiku tiegħu bħala parti mir-riforma tal-MES; billi d-diskussjoni dwar l-approfondiment tal-UEM għandha tipproduċi soluzzjoni politika għar-riforma tal-MES;

I.  billi fuq terminu qasir, ir-riforma tal-MES għandha tikkontribwixxi għall-unjoni bankarja, u tipprovdi garanzija ta' kontinġenza fiskali komuni xierqa għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRF);

1.  Jilqa' pożittivament il-proposta tal-Kummissjoni tas-6 ta' Diċembru 2017 għal regolament tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-Fond Monetarju Ewropew u jqis li dan huwa kontribut utli għad-dibattitu li għaddej dwar il-futur tal-Ewropa, l-approfondiment tal-UEM u r-riforma tal-MES; jilqa' b'sodisfazzjon, b'mod partikolari, il-proposta tal-Kummissjoni għal integrazzjoni tal-MES fl-ordinament ġuridiku tal-UE;

2.  Jinnota li l-funzjonijiet li għandhom jiġu eżerċitati mil-MES riformat se jappartjenu għall-qasam tal-politika ekonomika, u li l-isem "Fond Monetarju Ewropew" (FME) jista' jkun qarrieqi; jinnota li fl-opinjoni tiegħu tal-11 ta' April 2018, il-BĊE ssuġġerixxa li s-suċċessur tal-MES iżomm l-isem "MES"; jitlob, fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, li ssir evalwazzjoni adegwata u bir-reqqa tal-implikazzjonijiet tal-għażla ta' isem għall-MES riformat, bil-għan li jiġi żgurat l-inqas impatt possibbli għall-funzjonament bla problemi tal-MES riformat; jissuġġerixxi li l-MES iżomm l-isem attwali tiegħu, li huwa rikonoxxut fis-swieq tal-kapital, b'hekk jagħmilha ċara li l-politika monetarja taż-żona tal-euro tibqa' l-kompetenza tal-BĊE;

3.  Jenfasizza li l-funzjonament korrett tal-UEM huwa appoġġat mill-eżistenza ta' istituzzjoni li sservi bħala "sellief tal-aħħar istanza"; jinnota, f'dan il-kuntest, il-kontribut pożittiv tal-MES lejn l-indirizzar tad-dgħufijiet tal-qafas istituzzjonali tal-UEM, l-aktar billi jagħti assistenza finanzjarja lil diversi Stati Membri milquta mill-kriżi finanzjarja dinjija u mill-kriżi tad-dejn sovran;

4.  Ifakkar il-pożizzjonijiet preċedenti tiegħu favur l-inkorporazzjoni tal-MES fil-qafas ġuridiku tal-UE, biex b'hekk isir organu tal-UE veru u proprju; jinsisti li din l-inkorporazzjoni għandha tqis ukoll ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali u tkompli titqies bħala parti mill-proġett ta' kompletament tal-UEM; jemmen li tali integrazzjoni tkun tippermetti ġestjoni konformi mal-metodu Komunitarju, tiżgura l-konsistenza sħiħa tar-regoli u l-obbligi fiskali, tiffaċilita l-koordinament tal-politika ekonomika u fiskali, u ssaħħaħ il-leġittimità demokratika u l-obbligu ta' rendikont permezz tal-Parlament Ewropew;

5.  Jissottolinja l-fatt li jekk, fil-futur, ir-riżorsi baġitarji tal-UE jkunu involuti, il-Parlament għandu jkollu l-poter politiku li jeżerċita d-drittijiet applikabbli kollha marbuta mal-kontroll baġitarju fil-konfront tal-MES fi ħdan il-proċedura tal-kwittanza; jinnota li f'din l-eventwalità, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri għandha titqies bħala l-awditur estern indipendenti u tingħata rwol ċar u formali fil-proċedura tal-kwittanza;

6.  Ifakkar il-prerogattivi ta' sorveljanza fiskali u demokratika tal-parlamenti nazzjonali; iqis li għandu jkompli jitjieb l-iskrutinju fuq il-MES riformat min-naħa tal-parlamenti nazzjonali u tal-Parlament Ewropew; jemmen li l-parlamenti nazzjonali għandhom ikollhom id-dritt li jiksbu informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-MES riformat, u jinvolvu ruħhom fi djalogu mad-Direttur Maniġerjali tal-MES;

7.  Jinnota li l-proposta tal-Kummissjoni ġġenerat diskussjoni vivaċi dwar l-implikazzjonijiet politiċi, finanzjarji u ġuridiċi tagħha; jenfasizza, madankollu, li dan id-dibattitu dwar il-viżjoni fit-tul tal-qafas istituzzjonali tal-MES ma għandux idewwem l-azzjonijiet meħtieġa b'mod urġenti biex isaħħu u jinfurzaw l-obbligu ta' rendikont tal-UEM u l-kapaċità tagħha li tippromwovi l-istabbiltà finanzjarja u l-konverġenza u tirrispondi għall-iskossi ekonomiċi; jitlob, għalhekk, li jkun hemm riforma sinifikattiva tal-MES permezz ta' reviżjoni tat-Trattat dwar il-MES, mingħajr preġudizzju għal żviluppi aktar ambizzjużi fil-futur;

8.  Jenfasizza li l-missjoni primarja tal-MES riformat għandha tkompli tkun dik li jagħti assistenza finanzjarja ta' tranżizzjoni lill-Istati Membri fil-bżonn, abbażi ta' kundizzjonalità speċifika maqbula fi programmi ta' aġġustament u fid-dawl tat-tagħlimiet meħudin mill-programmi ta' assistenza finanzjarja preċedenti ġestiti mill-Kummissjoni, mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u mill-BĊE; jenfasizza li l-MES riformat irid ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-kapaċitajiet adegwati għal dak l-iskop; jopponi, għalhekk, kwalunkwe tentattiv biex il-MES riformat jinbidel fi strument għall-banek biss, jew li titnaqqas il-kapaċità finanzjarja tiegħu li jappoġġa lill-Istati Membri;

9.  Ifakkar li l-firxa ta' strumenti finanzjarji disponibbli għall-MES għandha tkun disponibbli u mtejba għall-MES riformat, inkluża l-possibbiltà li tingħata biżżejjed assistenza finanzjarja ta' prekawzjoni, b'hekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jaċċedu għall-assistenza qabel ma jiltaqgħu ma' diffikultajiet kbar biex jiġbru l-fondi fis-suq tal-kapital; jiddefendi l-fatt li l-aċċess għal-linja tal-kreditu b'kundizzjonijiet prekawzjonarji (PCCL) għandu jkun disponibbli abbażi ta' ittra ta' intenzjoni u suġġett għall-kriterji applikabbli; jinnota li dawn l-istrumenti finanzjarji jridu jintużaw biex tingħata għajnuna lill-Istati Membri fil-każ ta' skossi ekonomiċi u finanzjarji gravi; ifakkar li l-assistenza finanzjarja mogħtija lill-Istati Membri tista' tkun ikkomplementata bi strument baġitarju futur għall-konverġenza u l-kompetittività biex jiġu promossi l-istabbilizzazzjoni ekonomika u finanzjarja, l-investiment u l-konverġenza soċjoekonomika 'l fuq fiż-żona tal-euro;

10.  Jenfasizza li l-UEM hija magħmula lill-Istati Membri kollha tal-UE, li kollha kemm huma, ħlief id-Danimarka u r-Renju Unit, huma meħtieġa jadottaw l-euro u jaderixxu maż-żona tal-euro, u li kwalunkwe MES għandu għalhekk ikun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-Istati Membri kollha tal-UE;

11.  Jemmen li l-MES riformat għandu jkollu rwol aktar prominenti fil-ġestjoni tal-programmi ta' assistenza finanzjarja, flimkien mal-Kummissjoni u f'kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊE, filwaqt li jiżgura li l-qafas istituzzjonali tal-UE jkollu aktar awtonomija kull meta jkun meħtieġ, mingħajr preġudizzju għal sħubijiet xierqa ma' istituzzjonijiet oħra, partikolarment il-FMI;

12.  Jenfasizza li l-MES riformat għandu jkollu l-għarfien espert tiegħu stess biex jipproduċi u jivvaluta l-elementi meħtieġa mill-istatut tiegħu; jenfasizza, madankollu, li l-evalwazzjoni tat-talbiet għall-assistenza finanzjarja magħmula mill-MES, kif ukoll it-teħid ta' deċiżjonijiet tiegħu dwar it-tfassil tal-programmi ta' aġġustament, f'kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet oħrajn, m'għandhom bl-ebda mod jissostitwixxu s-sorveljanza makroekonomika u fiskali normali prevista fir-regoli u r-regolamenti fiskali tal-UE, li trid tibqa' l-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, u lanqas jidduplikawha jew jintrikbu fuqha;

13.  Jemmen li l-programmi ta' aġġustament futuri possibbli għandhom iqisu l-impatt soċjali tal-miżuri proposti, anki meta mqabbel mal-impatt fit-tul jekk ma ssir l-ebda bidla fil-politika, fid-dawl ta' valutazzjoni tal-impatt soċjali preċedenti u sinifikanti;

14.  Jenfasizza l-ħtieġa li tkun żgurata proċedura ta' teħid ta' deċiżjonijiet effiċjenti fil-MES riformat, b'mod partikolari fil-każ ta' sitwazzjonijiet urġenti; jitlob, f'dan il-kuntest, valutazzjoni tal-istruttura attwali tal-governanza;

15.  Jappella għal riforma rapida tal-MES li terġa' tiddefinixxi wkoll ir-rwol, il-funzjonijiet u l-istrumenti finanzjarji tagħha, sabiex l-MES riformat ikun jista' joffri appoġġ ta' likwidità fil-każ ta' riżoluzzjoni u jservi bħala garanzija ta' kontinġenza fiskali għall-SRF; jitlob li l-garanzija ta' kontinġenza komuni ssir operattiva mill-aktar fis possibbli, sal-2020, suġġetta għal kundizzjonijiet maqbula u, fi kwalunkwe każ, qabel l-2024;

16.  Jissottolinja r-riskju li jirriżulta mid-dewmien fl-approfondiment tal-unjoni bankarja; Jilqa' b'sodisfazzjon il-konklużjonijiet tar-rapport dwar l-appofondiment tal-UEM tal-Grupp tal-Euro lill-Mexxejja, tal-4 ta' Diċembru 2018, li ġie approvat, fl-elementi kollha tiegħu, mis-Summit tal-Euro tal-14 ta' Diċembru 2018; jilqa' pożittivament, b'mod partikolari, il-preżentazzjoni tal-introduzzjoni tal-garanzija ta' kontinġenza komuni għall-SRF, dment li jkun sar biżżejjed progress fil-qasam tat-tnaqqis tar-riskju, li l-valutazzjoni tagħha se ssir fl-2020, kif ukoll l-approvazzjoni tad-dokument dwar il-kondizzjonijiet (term sheet) dwar ir-riforma tal-MES; ifakkar il-pożizzjoni preċedenti tiegħu dwar il-bżonn li tiġi kkomplementata l-Iskema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti (EDIS), u jirrikonoxxi li t-tnaqqis tar-riskju u l-kondiviżjoni tar-riskju għandhom jimxu id f'id; jinnota li ma ntlaħaq l-ebda eżitu immedjat fir-rigward tal-baġit futur taż-żona tal-euro u tal-funzjoni ta' stabbilizzazzjoni, iżda jieħu debitament nota tal-mandat biex issir ħidma fuq l-istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività; jenfasizza li sar progress sinifikanti fil-qasam tat-tnaqqis tar-riskju; ifakkar li l-Parlament ta kontributi sostanzjali biex ikun permess li dan isir, b'mod partikolari fir-rigward tal-pakkett bankarju u l-garanzija ta' kontinġenza prudenzjali għal self improduttiv;

17.  Jipproponi li jiġi stabbilit protokoll għal għal Memorandum ta' Kooperazzjoni (MoC) interim bejn il-MES u l-Parlament, b'effett immedjat, biex itejjeb id-djalogu interistituzzjonali u jsaħħaħ it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont tal-MES, billi jispeċifika d-drittijiet tal-Parlament u tal-Membri tiegħu fir-rigward ta' mistoqsijiet imressqa lill-MES riformat, ta' seduti ta' smigħ regolari, tad-drittijiet ta' nomina u tad-drittijiet adegwati marbuta mal-kontroll baġitarju; ifakkar it-talba tiegħu għal arranġament interistituzzjonali għall-governanza ekonomika; jisħaq fuq il-fatt li d-Direttur Maniġerjali tal-MES riformat għandu jkun elett mill-Parlament Ewropew wara proposta tal-Kunsill u jirrapporta lill-Parlament Ewropew; iħeġġeġ li l-bilanċ bejn is-sessi għandu jkun żgurat fil-kompożizzjoni tal-korpi ta' tmexxija tal-MES riformat;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Grupp tal-Euro, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lid-Direttur Maniġerjali tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà u

(1) ĠU C 252, 18.7.2018, p. 201.
(2) ĠU C 252, 18.7.2018, p. 215.
(3) ĠU C 220, 25.6.2018, p. 2.
(4) ĠU C 65, 19.2.2016, p. 96.
(5) ĠU C 378, 9.11.2017, p. 182.
(6) ĠU C 252, 18.7.2018, p. 235.
(7) Testi adottati, P8_TA(2018)0226.


Is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa
PDF 129kWORD 53k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2019 dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa (2019/2615(RSP))
P8_TA(2019)0219RC-B8-0165/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Nikaragwa, b'mod partikolari dawk tat-18 ta' Diċembru 2008(1), tas-26 ta' Novembru 2009(2), tas-16 ta' Frar 2017(3) u tal-31 ta' Mejju 2018(4),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerka Ċentrali tal-2012,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' strateġija għall-pajjiż tal-UE u l-programm indikattiv pluriennali 2014-2020 dwar in-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Ġunju 2004,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar in-Nikaragwa tal-21 ta' Jannar 2019,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli f'isem l-UE dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa tat-2 ta' Ottubru 2018, tal-15 ta' Mejju 2018, tat-22 ta' April 2018 u tal-15 ta' Diċembru 2018, kif ukoll dik tal-1 ta' Marzu 2019 dwar l-issoktar tad-djalogu nazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-prijoritajiet tal-UE fil-fora tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-2019, adottati fit-18 ta' Frar 2019,

–  wara li kkunsidra r-rapport approvat mill-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-21 ta' Ġunju 2018 intitolat "Gross Human Rights Violations in the Context of Social Protests in Nicaragua" (Vjolazzjonijiet Goffi tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Kuntest ta' Protesti Soċjali fin-Nikaragwa),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-vjolazzjonijiet u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest ta' protesti fin-Nikaragwa, mit-18 ta' April sat-18 ta' Awwissu 2018,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Grupp Interdixxiplinari ta' Esperti Indipendenti (GIEI) tal-20 ta' Diċembru 2018 dwar il-ġrajjiet vjolenti li seħħew fin-Nikaragwa bejn it-18 ta' April u t-30 ta' Mejju 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Michelle Bachelet tat-22 ta' Frar 2019 dwar il-kriminalizzazzjoni tad-dissens fin-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar il-kriżi fin-Nikaragwa fil-31 ta' Mejju 2018, li fiha kkundanna s-sitwazzjoni bil-qawwa; billi, bħala segwitu għal din ir-riżoluzzjoni, delegazzjoni ta' ħdax-il MPE żaret il-pajjiż mit-23 sas-26 ta' Jannar 2019 biex tivvaluta s-sitwazzjoni fil-post;

B.  billi d-delegazzjoni setgħet issegwi l-programm tagħha stess, u l-Gvern tan-Nikaragwa ta aċċess għall-faċilitajiet kollha mitluba mill-MPE, inklużi żewġ ħabsijiet; billi l-gvern tan-Nikaragwa ta garanziji li ma kienet se ssir ebda ritaljazzjoni kontra dawk li ddenunzjaw is-sitwazzjoni kurrenti; billi d-delegazzjoni rat b'għajnejha l-kampanja ta' fastidju, tiċpis u intimidazzjoni kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li magħhom kellha skambju ta' fehmiet; billi ħafna organizzazzjonijiet irrifjutaw stediniet biex jiltaqgħu mad-delegazzjoni, minħabba intimidazzjoni u theddid min-naħa tal-gvern; billi r-repressjoni kompliet titqawwa mindu d-delegazzjoni żaret il-pajjiż;

C.  billi d-delegazzjoni ċaħdet pubblikament il-pożizzjoni uffiċjali tal-gvern li huwa kien safa vittma ta' kolp ta' stat u ta' kampanji ta' diżinformazzjoni mmexxija mill-Istati Uniti; billi r-raġuni ewlenija li kebbset id-dimostrazzjonijiet kienet il-kriżi demokratika, istituzzjonali u politika profonda li affettwat l-istat tad-dritt u rrestrinġiet libertajiet bażiċi, bħal-libertà ta' assoċjazzjoni, dik ta' dimostrazzjoni u dik ta' għaqda, fil-pajjiż tul l-aħħar għaxar snin;

D.  billi l-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda u ta' dimostrazzjoni, inkluż l-użu tal-innu nazzjonali, qed tiġi ristretta serjament għal ħafna nies; billi għadd sinifikanti ta' priġunieri politiċi qed jinżammu l-ħabs sempliċiment għax ikunu eżerċitaw drittijiethom; billi kien hemm diversi rapporti inkwetanti rigward is-sitwazzjoni tad-detenuti, li sejra għall-agħar u li tinkludi trattament inuman;

E.  billi proċedimenti ġudizzjarji kontra dawk id-detenuti jmorru kontra l-istandards internazzjonali, b'mod partikolari l-garanziji proċedurali u kriminali tad-dritt għal proċess ġust; billi l-kundizzjonijiet tal-ħabsijiet jonqsu wkoll milli jissodisfaw standards internazzjonali b'mod adegwat; billi hemm nuqqas ċar ta' separazzjoni tas-setgħat fin-Nikaragwa;

F.  billi d-dritt għall-informazzjoni jinsab f'periklu serju; billi l-ġurnalisti qed jiġu detenuti, eżiljati u mhedda; billi stabbilimenti tal-media awdjoviżiva qed jingħalqu jew qed isiru fihom tiftixiet mingħajr awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel; billi l-pubblikazzjoni tal-gazzetti hija fil-periklu minħabba n-nuqqas ta' karta u ta' linka, li ġew sekwestrati mill-Gvern tan-Nikaragwa;

G.  billi l-Gvern tan-Nikaragwa keċċa mill-pajjiż organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-GIEI u l-Mekkaniżmu Speċjali ta' Monitoraġġ għan-Nikaragwa (MESENI) li ħadmu għar-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt u għar-rikonċiljazzjoni nazzjonali; billi r-repressjoni kontra l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili intensifikat permezz tat-tneħħija tal-istatus legali tagħhom f'pajjiż b'qafas istituzzjonali xejn tajjeb, hekk li l-vittmi tar-repressjoni sfaw ikkastigati doppjament;

H.  billi l-libertà akkademika qed tiġi mhedda wkoll; billi kważi 200 student universitarju tkeċċew mill-universitajiet talli ħadu sehem f'dimostrazzjonijiet favur id-demokrazija, aktar libertà u drittijiet tal-bniedem;

I.  billi l-iżvilupp u l-konsolidament tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali jridu jkunu parti integrali mill-politiki esterni tal-UE, inkluż il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali tal-2012; billi dan il-ftehim jinkludi klawżola demokratika, li hija element essenzjali tal-ftehim;

J.  billi d-djalogu nazzjonali varat fis-16 ta' Mejju 2018 bejn il-President Ortega u l-oppożizzjoni u l-gruppi ċiviċi tan-Nikaragwa, bil-medjazzjoni tal-Knisja Kattolika, naqas milli jsib soluzzjoni għall-kriżi; billi, fis-27 ta' Frar 2019, reġgħu ssoktaw taħditiet esploratorji għal djalogu nazzjonali bejn il-Gvern tan-Nikaragwa u l-Alianza Civica; billi l-Alianza Civica stabbiliet it-tliet objettivi ewlenin tagħha li għandhom jintlaħqu matul in-negozjati kif ġej: il-ħelsien ta' priġunieri politiċi u r-rispett tal-libertajiet individwali, u r-riformi elettorali meħtieġa, li jridu jilħqu l-qofol tagħhom fiż-żamma ta' elezzjonijiet, u l-ġustizzja; billi l-Gvern tan-Nikaragwa ħeles 100 priġunier politiku, filwaqt li aċċetta li s-sentenzi ta' ħabs tagħhom jinbidlu f'arrest domiċiljari; billi l-biċċa l-kbira minnhom qed jiġu ffastidjati, u billi l-arresti għadhom isiru; billi għadd kbir ta' priġunieri (aktar minn 600) għadhom il-ħabs; billi djalogu nazzjonali waqaf fl-10 ta' Marzu 2019, wara li l-Alianza Civica rtirat min-negozjati;

1.  Jissottolinja li n-Nikaragwa qed tbati minn ksur serju tad-demokrazija, tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt bħala riżultat tal-ġrajjiet li seħħew f'April u f'Mejju 2018; jerġa' jisħaq fuq l-importanza tar-riżoluzzjoni tiegħu adottata fil-31 ta' Mejju 2018;

2.  Jikkundanna l-azzjonijiet repressivi kollha tal-Gvern tan-Nikaragwa; jistqarr li ż-żjara tad-delegazzjoni tiegħu serviet biex tiġi stabbilita stampa vera tas-sitwazzjoni kurrenti; jistqarr ukoll li, f'dawn l-aħħar xhur, u b'mod partikolari wara ż-żjara tiegħu, ir-repressjoni tal-oppożizzjoni u l-limitazzjonijiet imposti fuq il-libertajiet fundamentali kibru; f'dan ir-rigward, jikkundanna r-repressjoni ġeneralizzata u r-restrizzjoni tal-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda u ta' dimostrazzjoni, il-projbizzjoni ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi u tas-soċjetà ċivili, it-tkeċċija ta' organizzazzjonijiet internazzjonali mill-pajjiż, l-għeluq ta' stabbilimenti tal-media u l-attakki kontrihom, il-limitazzjonijiet fuq id-dritt għall-informazzjoni, it-tkeċċija ta' studenti mill-universitajiet, kif ukoll id-deterjorament tas-sitwazzjoni fil-ħabsijiet u l-użu ta' trattament inuman;

3.  Iqis li tali azzjonijiet mill-Gvern, mill-istituzzjonijiet u mill-organizzazzjonijiet parapolitiċi tiegħu jikkorrispondu għal strateġija ppjanata biex teqred l-oppożizzjoni politika li kienet mexxiet il-protesti s-sena li għaddiet; jemmen li din l-istrateġija qed titħaddem b'mod metodiku, sistematiku u selettiv kontra l-mexxejja kollha, l-NGOs, il-media u l-movimenti soċjali li jfittxu li jesprimu t-talbiet leġittimi tagħhom għal libertà u demokrazija;

4.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-riskji demokratiċi, politiċi u ekonomiċi enormi li n-nies u l-pajjiż qed jiffaċċjaw, u li sejrin jikbru jekk ma titteħidx azzjoni urġenti, fil-qies tal-konfrontazzjonijiet interni, tal-firda soċjali u tal-majnar ekonomiku tal-lum; jitlob b'urġenza li jsir djalogu intern sinifikanti bil-għan li tinsab soluzzjoni sostenibbli u paċifika li tippermetti lill-atturi kollha tas-soċjetà jkollhom spazju biex joperaw u jesprimu ruħhom b'mod ħieles, u li troddilhom id-drittijiet ċivili tagħhom, bħad-dritt għall-protesta paċifika; itenni li kwalunkwe soluzzjoni għandha tobbliga lil dawk kollha responsabbli għall-vjolazzjonijiet jagħtu kont ta' għemilhom; jitlob lill-partiti politiċi, lill-movimenti soċjali, lill-mexxejja, lill-istudenti u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kollha biex iżommu u jtennu l-impenn sod tagħhom favur mezzi paċifiċi għar-riżoluzzjoni tal-kriżi; itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għar-riforma tas-sistema ġudizzjarja u tal-liġi elettorali, u jitlob li l-VP/RGħ taġixxi b'mod konsegwenti; jitlob li l-VP/RGħ u d-Delegazzjoni tal-UE jissorveljaw mill-qrib in-negozjati li qed isiru fil-pajjiż bejn il-gvern u l-Alianza Civica, u jibqgħu jindirizzaw il-problemi umani li jirriżultaw mis-sitwazzjoni li nħolqot fil-pajjiż fir-rigward tal-priġunieri, tal-istudenti, tad-dimostranti, tal-ġurnalisti, eċċ.;

5.  Jiddeplora s-sospensjoni tal-MESENI u t-tmiem tal-mandat tal-GIEI tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jikkundanna bil-qawwa l-persekuzzjoni, l-arrest u l-intimidazzjoni ta' persuni li jikkooperaw man-NU u ma' korpi internazzjonali oħra;

6.  Jitlob li l-Gvern tan-Nikaragwa jimplimenta tliet miżuri urġenti bħala sinjal tar-rieda tajba tiegħu fid-djalogu li għaddej: il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-priġunieri politiċi, il-waqfien immedjat tal-forom kollha ta' repressjoni kontra ċittadini tan-Nikaragwa, inklużi l-fastidju, l-intimidazzjoni, l-ispjunaġġ u l-persekuzzjoni ta' mexxejja tal-oppożizzjoni, u l-eliminazzjoni sussegwenti tar-restrizzjonijiet kollha fuq il-libertajiet imsemmija qabel, u r-restituzzjoni tal-personalità ġuridika u tal-beni tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u r-ritorn tal-organizzazzjonijiet internazzjonali fil-pajjiż;

7.  Jirrimarka li, f'dawn il-kundizzjonijiet, il-proċess irid iwassal għall-kanċellament ta' proċeduri legali kontra l-priġunieri politiċi u għal garanziji rigward l-integrità fiżika u morali tagħhom, il-privatezza tagħhom u proċess legali ġust, ir-ritorn ta' dawk li sfaw eżiljati, inklużi ġurnalisti u studenti, id-demilitarizzazzjoni tat-toroq u d-diżarm tal-gruppi paramilitari, u l-istabbiliment ta' pjan direzzjonali ċar għal elezzjonijiet ħielsa, ġusti u trasparenti li għandhom jiġu organizzati fil-futur qrib, bil-preżenza ta' osservaturi internazzjonali;

8.  Jitlob l-estradizzjoni immedjata lejn l-Italja ta' Alessio Casimira, li llum jgħix f'Managua protett mill-Gvern tan-Nikaragwa, u li kien ġie kkundannat fl-Italja b'mod definittiv b'sitt sentenzi ta' għomru l-ħabs għall-ħtif ta' Aldo Moro, ex President tad-Demokratiċi Kristjani, kif ukoll ex President tal-Kunsill tal-Ministri u tal-Kunsill Ewropew, u għall-qtil ta' uffiċjali tal-iskorta tiegħu, fis-16 ta' Marzu 1978 f'Ruma;

9.  Jitlob li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Istati Membri jimplimentaw, mingħajr ma jagħmlu ħsara lill-popolazzjoni domestika, proċess gradwali ta' sanzjonijiet imfassla apposta u individwali, bħal projbizzjonijiet ta' viża u ffriżar tal-assi, kontra l-Gvern tan-Nikaragwa u kontra dawk l-individwi responsabbli għall-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Jannar 2019, sakemm ir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali jerġgħu jintraddu u jitħarsu bis-sħiħ fil-pajjiż, kif intalab fid-djalogu; għaldaqstant, u f'dawn iċ-ċirkostanzi, iħeġġeġ li l-klawżola demokratika tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerka Ċentrali, li n-Nikaragwa hija firmatarja tiegħu, tiġi attivata billi n-Nikaragwa tiġi sospiża mill-ftehim;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lill-Parlament tal-Amerka Ċentrali, lill-Grupp ta' Lima, u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tan-Nikaragwa.

(1) ĠU C 45E, 23.2.2010, p. 89.
(2) ĠU C 285E, 21.10.2010, p. 74.
(3) ĠU C 252, 18.7.2018, p. 189.
(4) Testi adottati, P8_TA(2018)0238.


Rapport strateġiku annwali dwar l-implimentazzjoni u t-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli
PDF 213kWORD 67k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2019 dwar Rapport strateġiku annwali dwar l-implimentazzjoni u t-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) (2018/2279(INI))
P8_TA(2019)0220A8-0160/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti bit-titolu "Nittrasformaw id-Dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli", li ġiet adottata waqt is-Summit tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fil-25 ta' Settembru 2015 fi New York,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), il-Ftehim ta' Pariġi, li ġie adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet (COP21) f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015, u l-Kontributi Maħsuba Stabbiliti fil-Livell Nazzjonali (INDCs) tal-UE u l-Istati Membri tagħha, li tressqu fis-6 ta' Marzu 2015 mil-Latvja u mill-Kummissjoni Ewropea għall-UNFCC,

–  wara li kkunsidra t-Tielet Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp li saret f'Addis Ababa bejn it-13 u s-16 ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 7 tat-TFUE, li jafferma mill-ġdid li l-UE "għandha tara li jkun hemm koerenza bejn il-politika u l-attivitajiet differenti tagħha, b'kont meħud tal-objettivi kollha tagħha",

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni Ewropea tas-7 ta' Ġunju 2017 bit-titolu "Il-Kunsens Ewropew Ġdid għall-Iżvilupp – "Id-dinja tagħna, id-dinjità tagħna, il-futur tagħna""(1),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-22 ta' Novembru 2016 bit-titolu "Il-passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli – Azzjoni Ewropea għas-sostenibbiltà" (COM(2016)0739),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Riflessjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030", ippubblikat fit-30 ta' Jannar 2019,

–  wara li kkunsidra l-pjattaforma ta' diversi partijiet ikkonċernati ta' livell għoli dwar l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u l-kontribut konġunt tagħha tal-11 ta' Ottubru 2018, li tirrakkomanda li l-UE għandha tiżviluppa u timplimenta strateġija ġenerali għal Ewropa Sostenibbli 2030 li tkun viżjonarja u trasformattiva, li tiggwida l-politiki u l-programmi kollha tal-UE, inklużi kemm il-miri interim kif ukoll dawk fit-tul u tistabbilixxi l-viżjoni tal-UE għal Ewropa sostenibbli lil hinn mill-Aġenda 2030,

–  wara li kkunsidra r-rapport 2019 tal-UE dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp, ippubblikat fit-28 ta' Jannar 2019,

–  wara li kkunsidra l-Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 bit-titolu "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna"(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2015 dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2016 dwar is-segwitu u r-rieżami tal-Aġenda 2030(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar ir-Rapport 2015 tal-UE dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2016 dwar it-titjib tal-effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2017 dwar azzjoni tal-UE għas-sostenibbiltà(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2018 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2018 dwar il-ksur tad-drittijiet tal-persuni indiġeni fid-dinja, inkluż il-ħtif tal-art(9),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2017 dwar It-tweġiba tal-UE għall-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli (10502/17),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea tat-30 ta' Mejju 2018 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) (COM(2018)0382),

–  wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-20 ta' Novembru 2018 bejn l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u l-Parlament Ewropew bit-titolu "United to accelerate progress to health related Sustainable Development Goals – leaving no one behind" (Magħqudin biex naċċelleraw il-progress lejn l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli relatati mas-saħħa – ma nħallu lil ħadd barra),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' monitoraġġ tal-Eurostat għall-2018 dwar il-progress lejn l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli fil-kuntest tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-istrateġija Ewropa 2020,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-19 ta' Settembru 2018 bit-titolu "Indikaturi aktar adatti għall-evalwazzjoni tal-SDGs – il-kontribut tas-soċjetà ċivili",

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 ta' Ottubru 2018 (EUCO 13/18), li jiddikjaraw li l-UE u l-Istati Membri tagħha huma impenjati bis-sħiħ għall-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u għall-implimentazzjoni tagħha, u li fihom il-Kunsill Ewropew laqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippubblika d-Dokument ta' Riflessjoni tagħha fl-2018, filwaqt li talabha twitti t-triq għal strateġija ta' implimentazzjoni komprensiva fl-2019,

–  wara li kkunsidra l-prijoritajiet tal-UE fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti u fit-73 Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (Settembru 2018 – Settembru 2019) li ġew adottati mill-Kunsill fil-25 ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra l-kontribut tal-pjattaforma b'diversi partijiet ikkonċernati dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli għad-Dokument ta' Riflessjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030", li ġie rilaxxat fit-12 ta' Ottubru 2018,

–  wara li kkunsidra l-Patt Globali għall-Migrazzjoni u l-Patt Globali dwar ir-Refuġjati tal-2018,

–  wara li kkunsidra l-Qafas Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastru 2015-2030, li ġie adottat fit-18 ta' Marzu 2015, mill-Istati Membri tan-NU fit-Tielet Konferenza Dinjija tan-NU dwar it-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastru,

–  wara li kkunsidra l-komunikat konġunt bejn l-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti tas-27 ta' Settembru 2018 bit-titolu "A renewed partnership in development" (Sħubija mġedda fl-iżvilupp)(10),

–  wara li kkunsidra l-komunikat konġunt maħruġ wara t-Tielet Laqgħa Trilaterali Unjoni Afrikana-Unjoni Ewropea-Nazzjonijiet Uniti, li saret fi New York fit-23 ta' Settembru 2018(11),

–  wara li kkunsidra l-Istqarrija Konġunta għall-Istampa tal-UE - NU tat-23 ta' Settembru 2018(12),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0160/2019),

A.  billi l-Aġenda 2030 għandha l-potenzjal li tkun trasformattiva u tistabbilixxi għanijiet universali, ambizzjużi, komprensivi, indiviżibbli u interkonnessi, bil-għan li jinqered il-faqar, jiġu miġġielda l-inugwaljanzi dejjem akbar u d-diskriminazzjoni, jiġu promossi l-prosperità, is-sostenibbiltà, ir-responsabbiltà ambjentali, l-inklużjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li tiġi żgurata l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u jissaħħu l-paċi u s-sigurtà; billi azzjoni immedjata fil-livelli kollha flimkien ma' strateġija Ewropea effettiva ta' implimentazzjoni, monitoraġġ u mekkaniżmu ta' rieżami huma essenzjali biex jintlaħqu l-SDGs;

B.  billi l-Aġenda 2030 u l-SDGs jirrappreżentaw viżjoni ambizzjuża għal dinja aktar prosperuża, inklużiva u reżiljenti; billi l-Aġenda 2030 hija bbażata fuq il-valuri fundamentali tal-Unjoni tad-demokrazija, il-parteċipazzjoni, il-governanza tajba, il-ġustizzja soċjali, is-solidarjetà, is-sostenibbiltà u r-rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, fi ħdan l-UE, l-Istati Membri tagħha u madwar id-dinja; billi l-impenn li jintlaħqu l-SDGs isegwi għalhekk b'mod naturali l-pjanijiet tal-Unjoni biex tibni futur aħjar, aktar b'saħħtu u aktar sostenibbli għall-Ewropa, li għandu jkun fost il-prijoritajiet strateġiċi tal-UE;

C.  billi l-Aġenda 2030 u l-ilħuq tal-SDGs jirrappreżentaw sfida; billi s-17-il għan u l-169 mira jirrikjedu koordinazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha, il-Parlament Ewropew, il-parlamenti nazzjonali u l-awtoritajiet reġjonali u lokali, kif ukoll approċċ ta' governanza f'diversi livelli, ibbażat ukoll fuq involviment attiv u fuq bażi wiesgħa mill-pubbliku, mis-soċjetà ċivili u mis-settur privat;

D.  billi l-involviment tas-sħab soċjali kien strumentali fl-Aġenda 2030 u fl-SDGs sa mill-bidu nett, billi jippromwovu l-inklużjoni tal-prijoritajiet bħal xogħol deċenti, il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili; billi l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fil-proċess ta' rieżami tal-progress u l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 u l-SDGs hija essenzjali;

E.  billi l-Kummissjoni għadha ma stabbilietx strateġija komprensiva għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 li tkopri oqsma ta' politika interni u esterni tal-UE bi skedi ta' żmien iddettaljati sal-2030, objettivi u miżuri konkreti, kif mitlub mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kunsill Ewropew, u lanqas ma inkludiet l-SDGs bħala qafas ġenerali fil-Linji Gwida riveduti dwar Regolamentazzjoni Aħjar ippubblikati fl-2017; billi huma meħtieġa indikaturi u punti ta' riferiment komuni sabiex titkejjel u tiġi mmonitorjata b'mod sistematiku l-implimentazzjoni ta' tali strateġija u jiġu identifikati n-nuqqasijiet, kemm fil-preżent kif ukoll fil-ġejjieni;

F.  billi s-sostenibbiltà u t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, ċirkolari u soċjalment inklużiva huma kruċjali biex jiġu żgurati t-tkabbir u l-kompetittività fit-tul tal-UE, li se jkunu possibbli biss jekk jiġu rrispettati bis-sħiħ il-limiti tal-pjaneta;

G.  billi l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp jirrikonoxxi l-fatt li l-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp (PCD) hija parti fundamentali mill-kontribut tal-UE għall-ilħuq tal-SDGs u li l-iżvilupp sostenibbli jirrikjedi approċċ ta' politika olistiku u trażversali, li finalment hija kwistjoni ta' governanza li jeħtieġ li titwettaq fi sħubija mal-partijiet ikkonċernati kollha u fil-livelli kollha; billi implimentazzjoni effettiva tal-PCD hija essenzjali għall-kisba tal-Aġenda 2030;

H.  billi l-qafas ta' politika u ta' governanza tal-UE diġà jinkludi ċertu għadd ta' miri ta' politika, punti ta' riferiment u indikaturi vinkolanti u mhux vinkolanti bħal fl-oqsma tal-baġit, tal-affarijiet soċjali, tal-enerġija u tal-klima, mingħajr ma jikkonsisti fi strateġija ta' politika komprensiva, koerenti u konġunta;

I.  billi l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tirrikjedi sensibilizzazzjoni akbar fost iċ-ċittadini;

J.  billi l-valutazzjonijiet ex-ante u l-evalwazzjonijiet ex-post huma għodod kruċjali biex jiġi żgurat li l-politiki tal-UE ma jkollhomx impatt negattiv fuq l-iżvilupp sostenibbli, b'mod partikolari fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u li l-impatt pożittiv tagħhom jiġi mmassimizzat; billi l-valutazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet għandhom jiġu ppubblikati sabiex jiġu żgurati trasparenza u obbligu ta' rendikont sħaħ;

K.  billi l-Aġenda 2030 hija aġenda universali li għandha tiġi implimentata f'kull pajjiż; billi l-prinċipju ta' universalità jirrikjedi li kull pajjiż jikkunsidra l-impatt tal-azzjonijiet tiegħu b'rabta mal-oħrajn biex tiġi żgurata koerenza tal-politika għall-iżvilupp, li, fid-dawl tal-kumplessità u tal-frammentazzjoni tal-politiki tal-UE, tirrappreżenta sfida kbira għall-Unjoni;

L.  billi skont is-7 Programm ta' Azzjoni Ambjentali (EAP), il-Kummissjoni hija meħtieġa tivvaluta l-impatt ambjentali, f'kuntest globali, tal-konsum mill-Unjoni ta' ikel u ta' prodotti bażiċi mhux tal-ikel;

M.  billi s-Sħubija Globali dwar Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp (GPEDC) jista' jkollha rwol b'saħħtu fl-aspetti bbażati fuq l-evidenza tal-monitoraġġ u tal-obbligu ta' rendikont rigward il-prinċipji tal-effikaċja għall-ilħuq tal-SDGs u b'appoġġ għall-implimentazzjoni aktar kompluta tagħhom mill-atturi kollha fil-livell nazzjonali; billi l-GPEDC għandha tipprovdi kanali għall-kooperazzjoni ddefiniti b'mod ċar għal atturi speċifiċi fil-qasam tal-iżvilupp apparti d-donaturi tal-OECD, inklużi d-donaturi emerġenti, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-filantropi privati, l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-kumpaniji mis-settur privat;

N.  billi l-finanzjament tal-SDGs jimponi sfida kbira li mhux biss titlob impenn politiku b'saħħtu mill-UE u mill-Istati Membri tagħha, iżda anke sħubija globali b'saħħitha u l-użu tal-forom kollha ta' finanzjament (minn sorsi domestiċi, internazzjonali, pubbliċi, privati u innovattivi); billi l-finanzjament privat huwa essenzjali iżda m'għandux jissostitwixxi l-finanzjament pubbliku;

O.  billi l-ilħuq tal-SDGs ma jiddependix biss minn finanzjament suffiċjenti, iżda anke minn azzjonijiet mhux finanzjarji, kif ġie rikonoxxut fl-Aġenda 2030;

P.  billi l-mobilizzazzjoni effikaċi tar-riżorsi domestiċi hija fattur indispensabbli biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Aġenda 2030; billi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw huma affettwati b'mod partikolari mill-evażjoni u l-evitar tat-taxxa korporattiva;

Q.  billi l-Artikolu 208 tat-TFUE jistipula li l-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp għandu jkollha bħala l-objettiv primarju tagħha t-tnaqqis u, fit-tul, il-qerda tal-faqar;

R.  billi l-Forum Politiku ta' Livell Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (HLPF) se jiltaqa' fil-livell ta' summit, taħt l-awspiċji tal-Assemblea Ġenerali tan-NU f'Settembru 2019, biex jagħti rendikont tal-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 kollha kemm hi, filwaqt li jeżamina l-progress fir-rigward tal-SDGs kollha b'mod komprensiv, u fil-livell ministerjali f'Lulju 2019 ,biex jeżamina l-progress fir-rigward tal-SDG 4 (edukazzjoni ta' kwalità), 8 (xogħol deċenti u tkabbir ekonomiku), 10 (tnaqqis tal-inugwaljanzi), 13 (azzjoni klimatika), 16 (paċi, ġustizzja u istituzzjonijiet b'saħħithom) u 17 (sħubijiet għall-għanijiet), u kull sena wara dan biex iwettaq rieżamijiet tal-progress fir-rigward tal-għanijiet li ma ġewx eżaminati fir-rieżami tematiku tal-2019;

S.  billi s-Summit tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar l-SDGs jipprovdi opportunità għall-UE u għall-Istati Membri tagħha biex jixħtu dawl fuq il-progress tagħhom fl-avvanzar tal-Aġenda 2030 u tal-SDGs b'mod komprensiv;

T.  billi fil-proċess ta' segwitu u ta' rieżami tal-Aġenda 2030 fin-NU, l-UE mhux dejjem kienet magħquda fl-imġiba tal-votazzjoni tagħha, b'mod partikolari fil-qasam tas-saħħa u tad-drittijiet sesswali u riproduttivi;

U.  billi l-HLPF jipprovdi spazju xieraq għall-UE u għall-Istati Membri tagħha biex jeżaminaw il-progress tagħhom fl-avvanz tal-Aġenda 2030 permezz ta' Reviżjonijiet Nazzjonali Volontarji (VNRs) u biex jaqdu rwol ewlieni bħala l-akbar fornituri tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) u bħala l-forza ewlenija li tixpruna l-politiki dwar is-sostenibbiltà u l-ambjent; billi dawn il-VNRs kompluti jservu biex jiġi vvalutat il-progress tal-SDG u jiġu indikati d-diskrepanzi u l-isfidi attwali;

V.  billi l-ODA se taqdi rwol kruċjali biex l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tagħti riżultati, b'mod partikolari fil-pajjiżi b'introjtu baxx u fil-ġlieda kontra l-faqar estrem u l-inugwaljanzi, jekk din tirrispetta l-prinċipji tal-effettiva għall-iżvilupp, jiġifieri s-sjieda ta' pajjiż, it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, b'enfasi fuq ir-riżultati u l-inklużjoni;

W.  billi l-prinċipju li "ħadd ma jitħalla barra" jinsab fil-qalba tal-Aġenda 2030; billi fl-2017 madwar 22.5 % tal-popolazzjoni tal-UE kienet f'riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali u 6.9 % tal-popolazzjoni tagħha kienet għadha qed tbati minn deprivazzjoni materjali estrema(13); billi l-inugwaljanzi għandhom diversi konsegwenzi soċjali, bħal differenzi kbar fil-benessri u fil-kwalità tal-ħajja, inkluż fir-rigward tal-opportunitajiet professjonali u tal-kura tas-saħħa;

X.  billi hemm livell persistentement għoli ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali fost it-tfal fl-Unjoni (26.4 % fl-2017); billi l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jiddikjara li t-tfal għandhom id-dritt għal protezzjoni mill-faqar, u li t-tfal bi sfond żvantaġġat għandhom id-dritt għal miżuri speċifiċi li jsaħħu l-opportunitajiet indaqs; billi l-investiment bikri fit-tfal irendi redditi sinifikanti għal dawn it-tfal u għas-soċjetà kollha kemm hi u huwa kruċjali biex jitkisser iċ-ċiklu vizzjuż ta' żvantaġġ fis-snin bikrin;

Y.  billi matul l-aħħar ħames snin, l-UE għamlet progress kważi fl-SDGs kollha, b'sebgħa mill-Istati Membri tal-UE-27 ikklassifikaw fost l-aħjar għaxra fl-Indiċi tal-SDG Globali, u billi l-Istati Membri kollha tal-UE-27 ikklassifikaw fost l-aħjar ħamsin (minn 156)(14); billi xi Stati Membri diġà qed imexxu l-implimentazzjoni tal-SDGs; billi madankollu l-UE għad m'għandhiex strateġija ta' implimentazzjoni għall-SDGs;

Z.  billi l-inugwaljanza kbira u li qed tikber bejn il-pajjiżi u fi ħdanhom jista' jkollha konsegwenzi soċjali u ekonomiċi sinifikanti; billi l-inugwaljanza tikkontradixxi b'mod ċar l-objettiv tal-iżvilupp sostenibbli;

AA.  billi t-Tfassil aħjar tal-Liġijiet issemma b'mod espliċitu f'komunikazzjoni tal-Kummissjoni bħala mezz ieħor biex tkompli tiġi żgurata l-integrazzjoni tal-iżvilupp sostenibbli fil-politiki tal-UE(15);

AB.  billi d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tad-19 ta' Lulju 2018 dwar il-Ġlieda kontra l-HIV/l-AIDS, l-epatite virali u t-tuberkulożi fl-Unjoni Ewropea u fil-Pajjiżi ġirien (SWD(2018)0387) jixħet dawl fuq il-lakuni u l-limitazzjonijiet fid-data ta' sorveljanza għall-epatite virali li jagħmluha diffiċli biex tiġi vvalutata d-distanza li l-Istati Membri tal-UE jeħtieġ li jkopru biex jilħqu l-mira tal-SDG;

AC.  billi l-White Paper tal-Kummissjoni tal-1 ta' Marzu 2017 dwar il-futur tal-Ewropa (COM(2017)2025) ma inkludietx l-iżvilupp sostenibbli jew l-Aġenda 2030 bħala viżjoni jew narrattiva għall-futur tal-UE;

AD.  billi r-rapport tal-UNICEF bit-titolu "Progress for Every Child in the SDG Era" (Progress għal Kull Tifel u Tifla fl-Era tal-SDGs) ippubblikat f'Marzu 2018, sab nuqqas allarmanti ta' data f'64 pajjiż, kif ukoll progress insuffiċjenti fir-rigward tal-SDGs f'37 pajjiż ieħor; billi aktar minn nofs biljun tifel u tifla jgħixu f'pajjiżi li mhumiex kapaċi jkejlu l-progress fir-rigward tal-SDGs;

AE.  billi x-xogħol deċenti huwa l-bażi għal tkabbir ġust u inklużiv u xprunatur tal-iżvilupp u tal-avvanz soċjali; billi flimkien mal-protezzjoni soċjali għal dawk li ma jistgħux isibu impjieg jew mhux kapaċi jaħdmu, dan jindirizza l-inugwaljanza u għandu impatt kbir ħafna fuq il-progress soċjali u ekonomiku;

It-tmexxija Ewropea għal valuri universali f'qafas multilaterali għall-bnedmin, il-pjaneta u l-prosperità

1.  Jenfasizza li l-isfidi globali kumplessi li tiffaċċja d-dinja jirrikjedu r-rispons olistiku u integrat li l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli għandha l-potenzjal li tikseb;

2.  Jenfasizza li l-għan tal-Aġenda 2030 huwa li jinkisbu benessri aħjar għal kulħadd, fil-limiti tal-pjaneta, u dinja ġusta, filwaqt li ma jitħalla ħadd barra, u li l-erba' pilastri essenzjali tal-iżvilupp sostenibbli, (soċjali, ambjentali, ekonomiku u ta' governanza) għandhom jiġu indirizzati b'mod komprensiv sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs); jissottolinja l-fatt li l-iżvilupp sostenibbli huwa objettiv fundamentali tal-Unjoni, kif stipulat fl-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u għandu jaqdi rwol ċentrali fid-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa u n-narrattiva għalih; jenfasizza wkoll li l-implimentazzjoni tal-SDGs għandha twassal għal bidla fil-paradigma u ssir il-mudell ekonomiku globali fit-tul tal-UE biex l-istrateġija attwali Ewropa 2020 tkun ta' suċċess;

3.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 hija marbuta mill-qrib mal-valuri u mal-interessi Ewropej u tirrappreżenta innovazzjoni sinifikanti bil-potenzjal li tagħti ħajja ġdida lill-ordni globali, abbażi tal-multilateraliżmu u tal-kooperazzjoni internazzjonali;

4.  Ifakkar il-ħtieġa li tiġi diżaggregata b'mod sistematiku d-data dwar l-indikaturi rilevanti kollha fost l-għanijiet u l-miri kollha skont is-sess u karatteristiċi oħra;

5.  Jenfasizza li l-Unjoni għandha ġġedded l-impenn tagħha biex tkun l-awtur ewlieni globali fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 u tal-SDGs, flimkien mal-Istati Membri tagħha u l-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u f'kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab internazzjonali tagħha; ifakkar li l-impenn politiku tal-UE għandu jkun rifless fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għall-2021-2027; jissottolinja li l-Aġenda 2030 trid tikkatalizza aktar approċċ ikkoordinat bejn l-azzjoni interna u esterna tal-UE u l-politiki l-oħra tagħha u l-koerenza fl-istrumenti ta' finanzjament kollha tal-Unjoni għal rispons u impenn globali lejn tkabbir u ż-żvilupp sostenibbli;

6.  Jinsisti fuq il-fatt li l-implimentazzjoni tal-SDGs tirrikjedi kooperazzjoni effettiva fil-livelli tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali, filwaqt li għandha tirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità; jenfasizza r-rwol importanti tal-Kunsilli Konsultattivi għall-Ambjent u għall-Iżvilupp Sostenibbli f'din il-kooperazzjoni, u jqis li l-involviment tagħhom fil-livelli kollha ta' governanza għandu jissaħħaħ;

7.  Jilqa' l-fatt li l-maġġoranza tal-Istati Membri u tal-pajjiżi sħab barra mill-UE għamlu sforzi konsiderevoli biex ifasslu mekkaniżmi u strateġiji għall-implimentazzjoni tal-SDGs u biex jintegrawhom fil-politiki u fl-oqfsa ta' governanza tagħhom; iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma żviluppawx tali mekkaniżmi biex jagħmlu dan; jissottolinja li l-UE, billi tgħin u tħeġġeġ lill-pajjiżi terzi jsegwu azzjonijiet simili, tikkontribwixxi biex jinkisbu kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni; jirrikonoxxi l-fatt li għad hemm bżonn ta' titjib ulterjuri fil-livell tal-UE;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw approċċ orizzontali għall-SDGs fil-politiki tagħhom;

9.  Jirrikonoxxi l-fatt li fl-2015 il-pajjiżi Ewropej kollha, kemm dawk fl-UE kif ukoll dawk barra mill-UE, impenjaw ruħhom għall-Aġenda 2030; jemmen li, fil-kuntest tad-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa għandu jitqies l-iżvilupp ta' qafas pan-Ewropew għall-ilħuq tal-SDGs bejn l-Istati Membri tal-UE, l-EEA, il-firmatarji għall-ftehimiet ta' assoċjazzjoni tal-UE, il-pajjiżi kandidati tal-UE u, wara l-ħruġ tiegħu, ir-Renju Unit; jissottolinja l-importanza li jiġu promossi d-dibattiti parlamentari fil-livelli kollha;

10.  Jilqa' d-Dokument ta' Riflessjoni tal-Kummissjoni "Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030", li jistabbilixxi tliet xenarji għal kif l-UE tista' tmexxi l-SDGs 'il quddiem; jiffavorixxi l-ewwel xenarju, li jipproponi strateġija ġenerali għall-implimentazzjoni tal-SDGs mill-UE u mill-Istati Membri; iqis li, fil-kuntest tal-futur tal-Ewropa, Ewropa sostenibbli hija t-triq 'il quddiem biex jiġu żgurati l-benessri u l-prosperità taċ-ċittadini tagħha u tal-pjaneta;

11.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni għadha ma żviluppatx strateġija integrata u olistika ta' implimentazzjoni tal-SDGs;

12.  Jissottolinja l-importanza tal-ODA bħala strument ewlieni biex jinqered il-faqar u jfakkar fl-impenji rispettivi tal-ODA tal-UE u tal-Istati Membri, inkluż l-impenn lejn il-mira li 0.7 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) jintnefaq fuq l-ODA, b'bejn 0.15 u 0.20 % tal-ODA/ING jiġu allokati għall-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jerġgħu jimpenjaw ruħhom mingħajr dewmien għall-mira ta' 0.7 % tal-ODA/ING u li jżidu b'mod gradwali l-ODA biex jilħqu din il-mira fi skeda ta' żmien ċara; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu pjanijiet ta' azzjoni annwali verifikabbli għall-ilħuq tal-miri individwali tal-ODA; jissottolinja li, fid-dawl tar-responsabbiltà kemm tal-UE kif ukoll tal-Istati Membri biex jilħqu l-mira tal-ODA/tal-ING ta' 0,7 %, l-Istati Membri huma responsabbli kemm quddiem il-parlamenti nazzjonali kif ukoll il-Parlament Ewropew;

13.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-gwadanji li saru fil-qasam tas-saħħa jridu jiġu protetti u l-progress irid jiġi aċċellerat sabiex jintlaħqu l-SDGs; isostni li filwaqt li d-dinja għamlet progress rimarkabbli f'diversi oqsma fir-rigward tas-saħħa, għad fadal ħafna sfidi, fosthom l-indirizzar tad-disparitajiet fis-saħħa bejn il-popolazzjonijiet ta' pajjiżi stabbli u dawk li jgħixu f'ambjenti fraġli u vulnerabbli, kif ukoll disparitajiet fis-saħħa fi ħdan il-pajjiżi stess;

14.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli saħħet is-saħħa globali bħala prijorità politika; isostni li popolazzjonijiet b'saħħithom huma kruċjali għall-iżvilupp sostenibbli, biex jintemm il-faqar, jiġu promossi soċjetajiet paċifiċi u inklużivi u jiġi protett l-ambjent; jinsisti fuq il-fatt li s-saħħa hija wkoll eżitu u indikatur tal-progress li jirrifletti s-suċċess ta' bosta għanijiet u tal-Aġenda 2030 fl-intier tagħha;

15.  Jissottolinja li, b'mod ġenerali, l-UE rnexxielha tnaqqas l-emissjonijiet ta' gass serra tagħha stess, u tiddiżakkoppjahom mit-tkabbir ekonomiku, u b'hekk tikkontribwixxi b'robustezza għall-isforz globali, filwaqt li jitqiesu wkoll l-emissjonijiet inkorporati fl-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet tal-UE(16); jinnota, madankollu, li huma meħtieġa aktar sforzi kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak globali;

It-titjib tal-azzjoni strateġika u konġunta tal-UE lejn l-ilħuq tal-għanijiet globali

16.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq analiżi fil-fond tal-lakuni fil-politiki eżistenti u l-implimentazzjoni tagħhom sabiex tidentifika l-oqsma kritiċi ta' sinerġiji u inkoerenzi; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika b'mod ċar, mingħajr aktar dewmien, il-passi li għandhom jittieħdu sal-2030 fir-rigward tal-politiki u l-leġiżlazzjoni, l-istatistiki u l-ġbir ta' data diżaggregata, u l-governanza u l-implimentazzjoni, sabiex sat-tmiem tal-2019, tistabbilixxi strateġija komprensiva għall-kisba tal-Aġenda 2030;

17.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal strateġija ambizzjuża, ġenerali u li tkopri kollox fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030, li tintegra bis-sħiħ l-SDGs fil-politiki u fil-governanza tal-UE, filwaqt li tipprovdi gwida kemm għall-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll għall-Istati Membri fl-implimentazzjoni, fil-monitoraġġ u fir-rieżami tagħhom tal-Aġenda 2030, u tispjega pjanijiet direzzjonali ddettaljati kif ukoll miri u skadenzi konkreti; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li din l-istrateġija tindirizza r-rabtiet tal-SDGs;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kollaborazzjoni tagħha man-NU u lill-Istati Membri tal-UE biex jappoġġjaw ir-riforma kontinwa tagħha, sabiex din issir xierqa għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030;

19.  Ifakkar li l-SDGs kollha huma rilevanti għall-iżgurar tad-drittijiet tat-tfal; jisħaq fuq l-importanza li jiġu implimentati l-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal fil-kuntest tar-relazzjonijiet esterni tal-UE; jitlob lill-Kummissjoni tissorvelja u tirrapporta dwar il-progress fir-rigward tad-drittijiet tat-tfal fil-programmi esterni tal-UE;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni, bħala bażi kruċjali għall-bini ta' Ewropa sostenibbli, tmexxi l-iżvilupp ta' mudell sostenibbli ta' produzzjoni u ta' konsum tal-ikel li jipproteġi u jneħħi l-pressjoni tas-sistemi tal-ikel fuq is-saħħa u l-ambjent u jġib benefiċċji ekonomiċi lill-bdiewa, lill-kumpaniji u liċ-ċittadini;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem, f'kollaborazzjoni mal-partijiet ikkonċernati ewlenin fil-livelli kollha, favur l-iżgurar ta' ħajjiet b'saħħithom u l-promozzjoni tal-benesseri għal kulħadd f'kull età, b'mod partikolari bil-għan li l-kura tas-saħħa ssir aktar aċċessibbli, affordabbli, effettiva, u sostenibbli, filwaqt li jiġu indirizzati l-fatturi ta' riskju ta' mard li ma jitteħidx b'mod aktar olistiku, jiġu skambjati l-aħjar prattiki, u tissaħħaħ il-kapaċità ta' prevenzjoni u ta' ġestjoni tat-theddidiet globali għas-saħħa bħar-reżistenza għall-antimikrobiċi;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni tallinja l-politiki, l-approċċi u l-metodoloġiji programmatiċi, ta' finanzjament u operazzjonali fejn hija tkun tista' ssaħħaħ l-effiċjenza u l-effikaċja, man-NU u mas-sħab tagħha, sabiex tittejjeb l-effikaċja f'għadd ta' prijoritajiet komuni bħall-ugwaljanza bejn is-sessi u s-saħħa riproduttiva, materna, tat-trabi, tat-tfal u tal-adoloxxenti, it-tibdil fil-klima u l-ambjent, u l-indirizzar tal-inugwaljanzi u tal-faqar;

23.  Jenfasizza li l-iżgurar tal-ġustizzja u t-trasparenza fil-qasam tat-taxxa, il-ġlieda kontra l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa, il-qerda tal-flussi finanzjarji illeċiti u r-rifuġji fiskali u ż-żieda tal-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi huma kruċjali għall-finanzjament tal-Aġenda 2030; itenni l-istedina tiegħu biex jiġi vvalutat l-impatt kollaterali tal-politiki tat-taxxa nazzjonali u tal-UE fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bil-għan li tiġi żgurata koerenza tal-politiki għall-iżvilupp;

24.  Jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi u li tiġi promossa l-ugwaljanza bejn is-sessi fi ħdan l-UE u madwar id-dinja; ifakkar fil-prinċipju sottostanti tal-Aġenda 2030 li ''ħadd ma jitħalla barra''; jistieden għaldaqstant lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-aktar persuni marġinalizzati u vulnerabbli fis-soċjetà sabiex tiġi żgurata inklużività sħiħa;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi ktajjen tal-valur globali sostenibbli bl-introduzzjoni ta' sistemi ta' diliġenza dovuta għall-kumpaniji, b'enfasi fuq il-ktajjen kollha tal-provvista tagħhom, biex b'hekk in-negozji jitħeġġew jinvestu b'aktar responsabbiltà u jistimulaw implimentazzjoni aktar effettiva tal-kapitoli tas-sostenibbiltà fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles, inklużi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, it-trasparenza, l-evitar tat-taxxa u t-twettiq responsabbli tan-negozju;

26.  Iqis li l-SDGs għandhom ikunu fiċ-ċentru tal-istrateġija tal-UE għall-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir inklużiv; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu stabbiliti indikaturi, punti ta' riferiment u miri komuni, u analiżi tad-distanza għall-miri u l-għanijiet, l-azzjonijiet meħtieġa biex dawn jintlaħqu u l-mezzi li bihom dawn se jiġu implimentati; jenfasizza li l-istrateġija tal-UE għall-2030 għandha tistabbilixxi wkoll meta u kif l-Unjoni se twettaq valutazzjonijiet tal-impatt għas-sostenibbiltà biex jiġu indirizzati d-diskrepanzi eżistenti, il-politiki eżistenti jiġu orjentati mill-ġdid u jiġu żviluppati proposti leġiżlattivi ġodda jew reviżjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, filwaqt li jiġu żgurati azzjonijiet ta' koerenza u ta' koordinazzjoni kemm fil-livell tal-UE kif ukoll tal-Istati Membri; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, fil-kompożizzjonijiet kollha tiegħu, biex iwettqu dan ix-xogħol mingħajr dewmien;

27.  Iqis li s-Semestru Ewropew għandu jinvolvi lill-Parlament u jkun allinjat mal-Aġenda 2030, u li fil-proċess għandha tiġi inkluża verifika tas-sostenibbiltà; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tkompli tadatta l-proċess eżistenti tas-Semestru Ewropew; jissottolinja l-fatt li dan jirrikjedi, b'mod partikolari, li s-Semestru Ewropew jitqies fid-dimensjonijiet kollha tal-SDGs b'mod komprensiv;

28.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija komprensiva biex tappoġġa investiment li jtejjeb is-sostenibbiltà ambjentali, u tiżgura rabta xierqa bejn l-SDGs u s-Semestru Ewropew;

29.  Jenfasizza l-ħtieġa biex ikun hemm identifikazzjoni ċara tal-passi li għandhom jittieħdu f'kull livell ta' governanza għall-implimentazzjoni tal-għanijiet u tal-miri, filwaqt li għandu jiġi segwit il-prinċipju tas-sussidjarjetà; jitlob li jiġu stabbiliti perkorsi ta' żvilupp sostenibbli ċari u koerenti fil-livell xieraq (nazzjonali, subnazzjonali u lokali) f'dawk l-Istati Membri li għadhom ma stabbilewhomx; jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida fir-rigward ta' dan il-proċess sabiex jiġi żgurat approċċ koerenti; jitlob approċċ f'diversi livelli sabiex ikun hemm fehim aħjar, involviment għoli u responsabbiltà kondiviża rigward l-implimentazzjoni tal-SDGs;

30.  Jilqa' l-pubblikazzjoni tat-tieni rapport ta' monitoraġġ tal-Eurostat dwar l-iżvilupp sostenibbli fl-UE, li tirrappreżenta pass 'il quddiem lejn il-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' monitoraġġ komplut tal-UE;

31.  Jissottolinja l-ħtieġa għall-Kummissjoni biex tiżviluppa qafas ta' monitoraġġ, ta' obbligu ta' rendikont u ta' reviżjoni integrat, effettiv u parteċipatorju fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-integrazzjoni tal-SDGs u tal-Aġenda 2030 li jkun konsistenti mal-Qafas ta' Indikaturi Globali tan-NU u li jiġbor l-informazzjoni u data diżaggregata rilevanti fil-livelli nazzjonali u subnazzjonali filwaqt li jirrikonoxxi l-fatt li l-Eurostat waħdu ma jistax ikopri b'mod komprensiv id-dimensjonijiet kollha tal-progress tal-SDG; jissottolinja l-ħtieġa li jitqiesu l-effetti kollaterali u tan-natura interkonnessa u indiviżibbli tal-għanijiet u jitlob li l-Eurostat jingħata wkoll il-mandat biex jirrapporta b'mod sistematiku dwar il-prestazzjoni tal-SDG għal kull Stat Membru, abbażi ta' sett ta' indikaturi uniformi;

32.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' firxa wiesgħa ta' indikaturi li ma jkunux ta' natura purament ekonomika u li jkopru n-natura trasformattiva tal-SDGs, b'mod partikolari fir-rigward tal-indirizzar tal-faqar fil-forom kollha tiegħu, li għandhom jitkejlu permezz ta' data diżaggregata rilevanti għall-ilħuq tal-SDGs; jissottolinja l-ħtieġa għall-Eurostat li jistabbilixxi sett ta' indikaturi tal-progress speċifiċi għall-applikazzjoni interna tal-SDGs fl-UE fil-livelli ta' governanza rispettivi;

33.  Ifakkar fir-rwol essenzjali li taqdi l-UE biex issaħħaħ l-istandards ta' trasparenza, ta' obbligu ta' rendikont u ta' sostenibbiltà fil-ktajjen ta' valur mondjali; jissottolinja li l-UE hija setgħa normattiva u ekonomika u, għaldaqstant, jeħtiġilha tippożizzjona lilha nnifisha bħala mexxej fil-prattiki tajbin u fit-twaqqif ta' regoli dinjija; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw in-negozjati għal trattat vinkolanti tan-NU dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem;

34.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jipprovdu data għall-monitoraġġ effettiv tal-epatite virali f'konformità mal-indikaturi stabbiliti miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard u jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja dan il-proċess mill-qrib, f'konformità mal-impenn li ħadet fil-komunikazzjoni tagħha ta' Novembru 2016 bit-titolu "Il-passi li jmiss għal Ewropa sostenibbli";

35.  Jissottolinja l-importanza li titqajjem sensibilizzazzjoni dwar il-potenzjal trasformattiv tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u għall-għanijiet tagħha; ifakkar fil-ħtieġa li jiġu involuti ċittadini u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili matul il-proċessi ta' implimentazzjoni u ta' monitoraġġ; jenfasizza r-rwol importanti li jaqdu l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali;

36.  Jenfasizza l-importanza tat-trasparenza u tal-obbligu ta' rendikont demokratiku fil-monitoraġġ tal-progress tal-UE rigward l-Aġenda 2030 u konsegwentement jenfasizza r-rwol tal-koleġiżlaturi f'dan il-proċess; iqis li l-konklużjoni ta' ftehim interistituzzjonali vinkolanti skont l-Artikolu 295 tat-TFUE tipprevedi qafas xieraq għall-kooperazzjoni f'dan ir-rigward;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jtejbu l-informazzjoni disponibbli u s-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini fir-rigward tal-ħtieġa għat-tlestija tal-Aġenda 2030;

38.  Jenfasizza li l-QFP irid ikun orjentat lejn l-Aġenda 2030 u jiżgura integrazzjoni mtejba tal-iżvilupp sostenibbli fil-mekkaniżmi ta' finanzjament u fil-linji baġitarji kollha; jitlob għaldaqstant lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-obbligu ta' rendikont għall-għoti ta' riżultati kollettivi permezz tal-QFP; itenni l-pożizzjoni tiegħu dwar il-QFP futur, li titlob reviżjoni ta' nofs it-terminu obbligatorja, wara reviżjoni tal-funzjonament tal-QFP, u filwaqt li titqies il-valutazzjoni tal-progress li jkun sar fir-rigward tal-SDGs; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu vverifikati l-pakketti finanzjarji ppjanati tal-politiki eżistenti biex tiġi żgurata koerenza mal-iżvilupp sostenibbli;

39.  Iqis li hija meħtieġa aċċellerazzjoni sinifikanti tal-investiment ekoloġiku, tal-innovazzjoni u tat-tkabbir fl-UE biex l-Aġenda 2030 tiġi implimentata fil-ħin u b'suċċess u jissottolinja l-importanza ta' adozzjoni aktar mifruxa ta' għodod ta' finanzjament innovattivi u eżistenti, bħall-akkwist pubbliku ekoloġiku, kif ukoll il-ħtieġa urġenti ta' approċċi differenti għall-politika attwali ta' investiment, b'mod partikolari l-eliminazzjoni gradwali ta' sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent;

40.  Jilqa' l-ammont dejjem akbar ta' kapital istituzzjonali u privat allokat għall-finanzjament tal-SDGs u jissottolinja l-importanza ta' qafas ta' finanzjament sod u sostenibbli, li jinkludi kalibrazzjoni tar-rekwiżiti kapitali tal-banek u trattament prudenzjali ta' assi b'livell għoli ta' emissjonijiet tal-karbonju, regoli prudenzjali għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni u aġġornament tad-dmirijiet tal-investituri istituzzjonali u tal-maniġers tal-assi;

Il-koerenza tal-politika, il-koordinazzjoni u l-integrazzjoni tal-SDGs

41.  Jenfasizza l-importanza ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni aħjar bejn il-korpi tat-teħid ta' deċiżjonijiet, l-organizzazzjonijiet differenti u l-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi l-awtoritajiet lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, sabiex tiġi implimentata l-Aġenda 2030 u tinkiseb Koerenza tal-Politika akbar għall-Iżvilupp Sostenibbli (PCSD);

42.  Jilqa' l-adozzjoni tar-rapport tal-Kummissjoni tal-2019 dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (PCD) u t-tentattiv ta' integrazzjoni aħjar tal-PCD fl-approċċ tal-UE għall-implimentazzjoni tal-SDGs; ifakkar li l-PCD hija prinċipju stabbilit fl-Artikolu 208 tat-TFUE filwaqt li hija wkoll fundamentali għall-ilħuq tal-SDGs;

43.  Jirrikonoxxi l-progress li sar mill-għodod tal-PCD biex jinfluwenzaw it-tfassil tal-politika tal-UE; jitlob li jsiru aktar sforzi sabiex jiġi żgurat li l-politiki li mhumiex relatati mal-iżvilupp iqisu l-objettivi ta' żvilupp b'riżultat tal-mekkaniżmi tal-PCD;

44.  Jissottolinja li l-PCD tikkostitwixxi element fundamentali tal-Koerenza tal-PCSD u l-kontribut għaliha; jirrakkomanda bil-qawwa li l-aħjar prattiki u t-tagħlimiet miksuba mill-PCD għandhom jiġu applikati fl-iżvilupp u fil-funzjonament ulterjuri tal-PCSD;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għall-PCD bħala kontribut importanti lejn il-kisba ta' PCSD usa' fl-azzjonijiet tagħhom għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-mekkaniżmi għall-koerenza tal-politiki fi ħdan l-istituzzjonijiet kollha tal-UE u l-proċessi tat-tfassil tal-politika u li jkun żgurat li l-prinċipju jiġi rispettat kif xieraq fil-valutazzjoni tal-impatt ex-ante regolari, u billi jiġu introdotti mekkaniżmi xierqa għall-obbligu ta' rendikont u l-mitigazzjoni;

46.  Huwa tal-fehma li l-PCSD tfisser li l-politiki rilevanti kollha u l-istrumenti finanzjarji u mhux finanzjarji kollha fil-livell tal-UE fil-futur iridu jitfasslu, jiġu implimentati u ssorveljati bil-għan li jintlaħqu l-SDGs, u li għalhekk il-Kummissjoni għandha tiżviluppa b'mod rapidu l-kapaċitajiet ta' politika meħtieġa fil-livelli kollha;

47.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta pjan ta' azzjoni ta' segwitu f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjoni esterna tal-PCD li titlob l-adozzjoni ta' sett ċar ta' regoli għall-implimentazzjoni tal-kunċett; itenni s-sejħa tiegħu biex jiġu definiti b'mod distint ir-responsabbiltajiet ta' kull istituzzjoni tal-UE fil-kisba tal-impenji tal-PCD;

48.  Itenni t-talba tiegħu għall-PCD biex tiġi diskussa fil-livell tal-Kunsill Ewropew sabiex jingħata impetu għall-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi tagħha fl-ilħuq tal-għanijiet tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli; jemmen li, hekk kif ġie indikat mill-evalwazzjoni esterna tal-PCD, ir-rieda politika tal-UE biss se jkollha impatt sinifikanti fuq il-promozzjoni u l-effikaċja tal-approċċ tal-PCD;

49.  Jenfasizza l-ħtieġa, fid-dawl tal-impenn legali għall-promozzjoni tal-PCD espress fl-Artikolu 208 tat-TFUE, li l-UE tidħol fi djalogu b'mod proattiv mal-pajjiżi u mar-reġjuni li qed jiżviluppaw biex jiddiskutu u jqisu inizjattivi politiċi ewlenin li jistgħu jaffettwawhom;

50.  Jenfasizza li l-UE diġà għandha fost l-ogħla standards ambjentali fid-dinja, u li n-negozji tagħha huma avangardisti meta mqabbla mal-kompetituri globali, u din hija r-raġuni għaliex l-UE hija meqjusa wkoll bħala fortizza tal-libertà u tad-demokrazija, b'istituzzjonijiet stabbli msejsa fuq l-istat tad-dritt u soċjetà ċivili vibranti; iqis li, għalhekk, l-UE tista' tiddeċiedi li tippromwovi b'saħħa akbar l-istandards ambjentali, soċjali u ta' governanza attwali tagħha;

51.  Jilqa' l-istabbiliment ta' grupp ta' ħidma dwar l-Aġenda 2030 fil-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali; jitlob li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' koordinazzjoni u ta' kooperazzjoni fir-rigward tal-SDGs bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni u fi ħdanhom, sabiex tiġi żgurata koerenza tal-politiki; jissottolinja li tali mekkaniżmi għandu jkollhom qafas ċar u jkunu determinati b'mod ċar fi ħdan Ftehim Interistituzzjonali għal Ewropa Sostenibbli sal-2030, peress li l-proċessi politiċi koerenti bejn it-tliet istituzzjonijiet se jkunu kritiċi għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-Aġenda 2030; jitlob l-involviment tat-tliet istituzzjonijiet kollha fil-ħidma futura tal-pjattaforma b'diversi partijiet ikkonċernati dwar l-SDGs u jenfasizza l-importanza li jiġu inklużi l-atturi rilevanti kollha f'din il-pjattaforma, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

52.  Jemmen li, f'konformità mal-SDG 17 dwar is-Sħubiji, ir-rwol tal-pjattaforma eżistenti b'diversi partijiet ikkonċernati dwar l-SDGs għandu jiġi aġġornat u jiddaħħal f'qafas ta' konsultazzjoni formali u interistituzzjonali;

53.  Jenfasizza r-rwol tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp b'appoġġ tal-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jilqa' l-integrazzjoni tal-SDGs fil-Kunsens Ewropew il-ġdid dwar l-Iżvilupp; ifakkar li l-qerda tal-faqar (SDG 1) trid tibqa' l-objettiv prinċipali tal-kooperazzjoni tal-UE għall-iżvilupp; ifakkar li l-SDG 1 u l-SDG 2 huma marbuta ma' xulxin b'mod inseparabbli; itenni li minkejja l-progress, il-pass u l-kamp ta' applikazzjoni attwali tal-implimentazzjoni huma improbabbli li jippromwovu t-tibdil transformazzjonali meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-SDG 2; jitlob sforzi akbar biex jingħata segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tar-rieżami tematiku tal-HLPF 2017 tal-SDG 2;

54.  Itenni t-talba tiegħu għall-integrazzjoni tat-twettiq tal-SDGs fl-oqsma ta' politika kollha; jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni biex tintegra l-SDGs fl-Aġenda tagħha għal Regolamentazzjoni Aħjar u jissottolinja l-potenzjal għal użu strateġiku tal-istrumenti għal Regolamentazzjoni Aħjar fl-evalwazzjonijiet indipendenti tal-koerenza tal-politika tal-UE fir-rigward tal-Aġenda 2030 u l-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi minnufih il-Linji Gwida tal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar u li tkompli ssaħħaħ u tissorvelja l-valutazzjonijiet ex-ante regolari tagħha sabiex tiżgura koerenza politika sħiħa fl-implimentazzjoni tal-SDGs, filwaqt li tippromwovi sinerġiji, tikseb benefiċċji kollaterali u tevita kompromessi, kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f'dak tal-Istati Membri;

55.  Jitlob li jkun hemm koordinazzjoni bejn il-kumitati fil-Parlament, bil-għan li tiġi ssorveljata u jingħata segwitu għall-implimentazzjoni tal-UE fir-rigward tal-impenji tal-Aġenda 2030 tagħha;

56.  Jistieden lill-Konferenza tal-Presidenti u lill-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew biex jivvalutaw l-adegwatezza tal-istruttura attwali tal-Parlament bil-għan li tiġi żgurata l-kapaċità tiegħu li jissorvelja b'mod effettiv u komprensiv fi ħdan is-setturi tal-politika kollha l-ħidma favur l-ilħuq tal-SDGs fil-politiki interni u esterni tal-UE;

57.  Jistieden lill-Parlament, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jaħdmu favur Dikjarazzjoni Konġunta dwar is-Sostenibbiltà, li tankra l-SDGs fil-prijoritajiet interistituzzjonali pluriennali tat-terminu leġiżlattiv li jmiss;

58.  Jenfasizza r-rwol ta' valutazzjonijiet tal-impatt ex-ante regolari u xierqa kif ukoll ta' evalwazzjonijiet ex-post biex jiġu żgurati integrazzjoni aħjar tal-Aġenda 2030 u l-kisba tar-riżultati; jissottolinja l-importanza li jiġu evalwati l-konsegwenzi fuq terminu qasir u twil tal-politiki u l-kontribut potenzjali tagħhom għall-iżvilupp sostenibbli; ifakkar fl-obbligu tat-Trattat biex l-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp jitqiesu fil-politiki kollha li aktarx jaffettwaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

59.  Ifakkar fl-importanza essenzjali tal-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi (DRM) għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jilħqu l-SDGs; jenfasizza li r-rapport tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) bit-titolu "World Investment Report 2015 – Reforming International Investment Governance" (Rapport dwar l-Investiment Dinji 2015 – Nittrasformaw il-Governanza tal-Investiment Internazzjonali)(17) jivvaluta li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jitilfu mill-inqas USD 100 biljun kull sena fi dħul mit-taxxa korporattiva minħabba l-evitar tat-taxxa minn kumpaniji kbar; jilqa' f'dan ir-rigward id-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-15 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Collect More – Spend Better: Achieving Development in an Inclusive and Sustainable Way" (Iġbor Aktar – Onfoq Aħjar: Il-kisba tal-Iżvilupp b'Mod Inklużiv u Sostenibbli) (SWD(2015)0198), bil-għan li tiġi indirizzata din il-kwistjoni; jiddispjaċih, madankollu, li ma ttieħdet l-ebda azzjoni konkreta biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi programm emblematiku dwar id-DRM biex tiżgura li jinġabar aktar dħul mit-taxxi u jkunu jistgħu jiġu ffinanzjati l-SDGs;

60.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li jissaħħu l-atturi lokali bħala aġenti għall-iżvilupp sostenibbli u jitlob parteċipazzjoni msaħħa tal-parlamenti nazzjonali u tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fl-istadji kollha tal-implimentazzjoni tal-SDGs, mill-ippjanar u l-programmazzjoni sal-evalwazzjoni u l-monitiraġġ; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex issaħħaħ l-appoġġ tagħha għall-ibliet u għall-awtoritajiet lokali bil-għan li jiżviluppaw, jimplimentaw u jissorveljaw inizjattivi u strateġiji effettivi tal-politika biex jinkisbu l-SDGs;

61.  Jilqa' l-involviment dejjem akbar tas-settur privat fl-iffaċilitar tal-ilħuq tal-SDGs; jenfasizza l-importanza tal-ħolqien ta' ambjent li jiffaċilita inizjattivi ġodda u sħubiji bejn is-settur pubbliku u privat, u li jħeġġeġ lill-kumpaniji jallinjaw l-istrateġiji kummerċjali tagħhom mal-objettivi ta' żvilupp sostenibbli;

62.  Ifakkar li n-NU tivvaluta li kull sena huma meħtieġa investimenti ta' bejn USD 5 triljun u USD 7 triljun biex jintlaħqu l-SDGs; jinsisti, għaldaqstant, fuq il-ħtieġa li jiġu mmobilizzati l-investimenti u jilqa' l-potenzjal tal-Pjan ta' Investiment Estern tal-UE f'dan ir-rigward;

Ir-Reviżjonijiet Nazzjonali Volontarji u r-rapportar tal-UE għall-HLPF 2019 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU

63.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jwettqu rieżamijiet regolari u inklużivi tal-progress u jħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma impenjawx ruħhom biex ilestu VNR sabiex jagħmlu dan f'konformità mal-Aġenda 2030 u għall-Istati Membri li diġà ppreżentaw VNR biex jistabbilixxu kalendarju għal VNRs futuri regolari;

64.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq analiżi regolari tal-VNRs tal-Istati Membri sabiex jiġu vvalutati l-progress u l-prattiki tajba; jitlob ukoll li ssir analiżi tal-VNRs tal-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati sabiex jiġu identifikati l-ħtiġijiet, jiġu eliminati d-diskrepanzi u jittejbu l-appoġġ u l-kooperazzjoni, u tikkoopera mill-qrib mal-OECD fl-iżvilupp ta' mekkaniżmi ta' reviżjoni bejn il-pari għal strateġiji u azzjoni ta' implimentazzjoni tal-SDG ta' suċċess fil-politiki domestiċi u esterni, u biex jittejbu l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-monitoraġġ tal-effetti kollaterali esterni negattivi;

65.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE jwessgħu l-programmazzjoni konġunta u l-implimentazzjoni konġunta tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, fuq il-bażi tad-djalogi ta' politika dwar l-SDGs mal-pajjiżi sħab, mal-pjanijiet nazzjonali tal-iżvilupp u mal-VNRs, filwaqt li titqies b'mod xieraq is-sjieda tal-pajjiżi u ta' prinċipji oħra tal-effikaċja tal-iżvilupp;

66.  Jenfasizza r-rwol tal-HLPF fis-segwitu u fir-rieżami tal-SDGs; jappoġġja bis-sħiħ l-impenn tal-Unjoni biex jitlesta rieżami volontarju fl-HLPF; jistieden lill-Kummissjoni tonora r-rwol mexxej tal-UE fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 u tippreżenta rapport konġunt komprensiv dwar l-SDGs kollha; jissottolinja li r-rapportar tal-UE, inkluż ir-Rapport Konġunt ta' Sinteżi li jmiss dwar l-appoġġ tal-UE fir-rigward tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, għandu jinkludi analiżi tas-sitwazzjoni attwali u tan-nuqqasijiet u d-diskrepanzi li jeżistu bħalissa;

67.  Jistieden lill-Kummissjoni tippożizzjona lilha nnifisha bħala mudell eżemplari fil-proċess tal-HLPF; jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha ma' pajjiżi terzi fil-progressjoni favur il-kisba tal-Aġenda 2030, inkluż permezz tal-Kummissjoni Ekonomika tan-NU għall-Ewropa;

68.  Jitlob l-organizzazzjoni ta' forum Ewropew annwali tal-SDG, bi tħejjija għall-HLPF, biex il-partijiet ikkonċernati esterni u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif ukoll il-parlamentari jkunu jistgħu jieħdu sehem u jiddjalogaw bejniethom dwar l-implimentazzjoni tal-SDGs;

69.  Jilqa' l-laqgħa tal-HLPF fil-livell tas-summit, li se ssir taħt l-awspiċji tal-Assemblea Ġenerali tan-NU f'Settembru 2019 u wara dan fis-summits futuri, bħala opportunità biex titqies l-implimentazzjoni tal-SDGs kollha fi ħdan l-Aġenda 2030 fis-sħuħija tagħha u jistenna li l-Unjoni jkollha rwol importanti fis-summit; jinnota li l-progress li sar mill-Istati Membri jvarja, skont, fost fatturi oħra, l-SDG inkwistjoni, l-objettivi u l-miri ta' prijorità nazzjonali; jenfasizza li l-SDGs huma interkonnessi ħafna u li għandu jiġi segwit approċċ sistemiku integrat u komprensiv għall-implimentazzjoni tagħhom;

Fokus fuq l-SDGs taħt ir-rieżami fil-fond li jmiss fl-HLPF 2019

70.  Jilqa' r-rieżami fil-fond li jmiss tal-SDGs 4 (edukazzjoni ta' kwalità), 8 (xogħol deċenti u tkabbir ekonomiku), 10 (tnaqqis tal-inugwaljanzi), 13 (azzjoni klimatika), 16 (paċi, ġustizzja u istituzzjonijiet b'saħħithom) u 17 (sħubijiet għall-għanijiet) u jistenna li l-Unjoni tikkontribwixxi għar-rieżami bis-sħiħ; jistenna bil-ħerqa r-rieżamijiet futuri tal-SDGs l-oħra kollha fis-snin li ġejjin, filwaqt li jissottolinja l-indiviżibbiltà tal-Aġenda 2030 u l-interkonnessjoni tal-għanijiet;

71.  Itenni li l-edukazzjoni ta' kwalità u l-aċċess għall-edukazzjoni primarja għal kulħadd (SDG 4) huma essenzjali għall-kisba tal-iżvilupp sostenibbli u ta' soċjetajiet awtosuffiċjenti kif ukoll biex jiġu żgurati l-emanċipazzjoni u l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ; jirrikonoxxi l-fatt li l-edukazzjoni ta' kwalità hija qasam ta' enfasi ta' livell għoli f'bosta Stati Membri u jenfasizza li t-taħriġ tekniku u vokazzjonali huwa essenzjali għall-impjegabbiltà u l-aċċess taż-żgħażagħ għal impjiegi bi kwalifiki; jiddeplora, madankollu, il-fatt li d-disparitajiet fl-edukazzjoni li jidhru f'qasmiet urbani-rurali u bejn is-sessi għadhom prevalenti kemm fi ħdan l-UE kif ukoll barra minnha; jitlob, għaldaqstant, aktar investimenti li jtejbu l-kwalità tal-edukazzjoni u tal-infrastruttura relatata b'enfasi partikolari fuq reġjuni anqas żviluppati fuq livell intern u l-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati fuq livell estern;

72.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw il-miri b'mod aktar sistematiku skont l-SDG 8 (tkabbir sostenibbli u impjiegi) fi ħdan il-politiki ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-programmazzjoni (konġunta) tagħhom; jitlob kontributi ulterjuri favur l-ilħuq tal-SDG 8, inkluż titjib fil-kapaċitajiet produttivi, il-ġenerazzjoni tad-dħul, l-industrijalizzazzjoni, ix-xejriet sostenibbli ta' konsum u ta' produzzjoni, il-kummerċ, l-iżvilupp tas-settur privat, l-ambjenti kummerċjali, l-infrastruttura u t-turiżmu;

73.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-intrapriżi, mikro, żgħar u ta' daqs medju, tal-kooperattivi, il-mudelli kummerċjali inklużivi u l-istituti tar-riċerka bħala muturi tat-tkabbir, l-impjieg u l-innovazzjoni lokali; jitlob li jiġu promossi kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-investiment sostenibbli, l-industrijalizzazzjoni, l-attività kummerċjali, inklużi l-imġiba responsabbli fin-negozju, il-finanzi u t-tassazzjoni, ix-xjenza, it-teknoloġija, u r-riċerka u l-innovazzjoni, sabiex jiġi stimolat u aċċellerat l-iżvilupp ekonomiku u uman domestiku u jingħata kontribut lit-tkabbir sostenibbli fit-tul f'konformità mal-SDGs u l-Ftehim ta' Pariġi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu l-ħolqien ta' mudelli tan-negozju ġodda u jisfruttaw teknoloġiji ġodda bħall-intelliġenza artifiċjali;

74.  Jissottolinja r-rwol kruċjali tas-settur privat għall-progress fl-SDGs, b'mod partikolari fir-rigward ta' investimenti responsabbli u sostenibbli u t-tisħiħ tat-tkabbir inklużiv, kif ukoll għall-promozzjoni u t-teħid ta' impenji favur imġiba responsabbli fin-negozju; jenfasizza f'dan il-kuntest il-ħtieġa ta' oqfsa ta' politika li jiffavorixxu l-investiment, inklużi indikaturi u rekwiżiti dwar il-prestazzjoni tas-sostenibbiltà sabiex ir-riskji għas-sostenibbiltà jkunu jistgħu jiġu integrati fit-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-investiment u fl-istat tad-dritt;

75.  Jirrikonoxxi li ċ-ċentri u l-inkubaturi ta' riċerka, ta' żvilupp u ta' innovazzjoni tal-UE huma importanti biex jappoġġjaw l-istrutturi għall-iżvilupp sostenibbli; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu rabtiet aktar b'saħħithom bejn ir-riċerka u n-negozji, sabiex ikunu jistgħu jiġu skambjati l-aħjar prattiki u titkattar l-innovazzjoni; jissottolinja li l-finanzjament tar-riċerka u tal-innovazzjoni jrid jiġi kkomplementat b'approċċ strateġiku għall-investiment, li jippermetti li soluzzjonijiet innovattivi jilħqu s-suq, peress li dawn spiss jirrikjedu investimenti intensivi fil-kapital u ta' riskju għoli;

76.  Jistieden lill-Kunsill iżomm f'moħħu l-SDGs meta jiżviluppa l-pożizzjoni tiegħu dwar l-FSE+ futur u l-allokazzjoni tal-allokazzjonijiet finanzjarji meħtieġa; jissottolinja li s-suċċess tal-SDGs fl-Unjoni jiddependi minn politiki ambizzjużi sostnuti minn riżorsi suffiċjenti;

77.  Jiddeplora l-fatt li għad hemm differenzi notevoli fil-progress li sar mill-Istati Membri lejn l-ilħuq tal-SDG 10, f'termini ta' tnaqqis tal-inugwaljanzi fl-introjtu u dawk ibbażati fuq l-età, is-sess, id-diżabilità, l-etniċità, l-oriġini, ir-reliġjon l-istatus ekonomiku u fatturi oħra, li jista' jtejjeb il-koeżjoni soċjali, u li l-inugwaljanzi għadhom jeżistu u qed jiżdiedu fi ħdan u fost il-pajjiżi, fi ħdan l-UE u barra minnha; jitlob li jiġi aċċellerat il-progress fit-tnaqqis tad-disparitajiet li qed jikbru u l-promozzjoni tal-opportunitajiet indaqs għal kulħadd, filwaqt li jiġu assistiti direttament gruppi vulnerabbli u dawk li huma l-aktar fil-bżonn, u li jiġi ġġenerat aktar tkabbir inklużiv u sostenibbli, kif ukoll l-iżvilupp tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi, fost l-oħrajn, kriterji mtejba dwar l-inugwaljanza ekonomika fir-rieżami tagħha tal-SDG 10;

78.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-UE u l-Istati Membri kollha tagħha ffirmaw u rratifikaw il-Ftehim ta' Pariġi u li ħafna mill-Istati Membri jsemmu l-Ftehim ta' Pariġi bħala pilastru ewlieni tal-politiki ta' kooperazzjoni internazzjonali tagħhom flimkien mal-Aġenda 2030 filwaqt li wħud minnhom taw prijorità lill-għan relatat mal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-impatti ta' dan (SDG 13); jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw strateġiji u attivitajiet ta' komunikazzjoni biex iżidu l-appoġġ pubbliku u politiku għall-azzjoni klimatika u jissensibilizzaw dwar il-kobenefiċċji tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, bħal kwalità tal-arja u saħħa pubblika aħjar, il-konservazzjoni tar-riżorsi naturali, it-tkabbir ekonomiku u aktar impjiegi, sigurtà enerġetika mtejba u anqas spejjeż relatati mal-importazzjoni tal-enerġija;

79.  Jitlob li l-Aġenda 2030 tiġi implimentata kollha kemm hi u b'mod ikkoordinat u koerenti mal-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, anke fir-rigward tal-ħtieġa urġenti li jitnaqqas id-distakk bejn dak li huwa meħtieġ biex jiġi limitat it-tisħin dinji u biex tiżdied il-ħidma fuq l-adattament u l-finanzjament għalih; ifakkar fl-impenn tal-UE li talloka 20 % tal-baġit tagħha għall-2014-2020 (madwar EUR 180 biljun) għal sforzi biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima, anke permezz tal-politiki esterni u ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tagħha;

80.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li, minkejja evidenza xjentifika ċara u komprensiva mressqa mir-Rapport Speċjali tal-IPCC dwar it-Tisħin Globali ta' 1,5°C, li spjega fid-dettall l-impatti dannużi ta' tali żieda fit-temperatura u d-differenza sinifikanti fis-severità ta' dawk marbuta ma' żieda ta' 2°C, xi partijiet għall-Ftehim ta' Pariġi s'issa naqsu milli jsaħħu l-ambizzjoni klimatika tagħhom; jilqa' l-kollaborazzjoni internazzjonali dwar l-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet u l-konnessjoni tas-swieq tal-karbonju ta' pajjiżi terzi u reġjonali; jistieden lill-Unjoni tħeġġeġ l-istabbiliment ta' skemi ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ibbażati fuq is-suq f'ekonomiji emerġenti u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jinnota li dan se jservi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet globali, jiġu ffrankati l-ispejjeż u jiġu prodotti effiċjenzi operazzjonali, u jiġi limitat ir-riskju ta' tnixxija tal-karbonju billi jinħolqu kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni madwar id-dinja;

81.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' mitigazzjoni u adattament globali għat-tibdil fil-klima u jenfasizza r-rwol fundamentali li jaqdu l-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-issodisfar tal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi, l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, u l-Pjan ta' Azzjoni ta' Addis Ababa, kif ukoll il-ħtieġa urġenti li dawn il-pajjiżi jiġu megħjuna jiksbu l-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali (NDCs) tagħhom; jilqa', f'dan ir-rigward, il-fatt li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima hija prijorità fil-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD) stabbilit reċentement li għandu l-għan li jimmobilizza l-investiment fis-settur pubbliku u privat f'pajjiżi sħab fl-Afrika u fir-reġjun tal-Viċinat tal-UE;

82.  Jissottolinja l-fatt li l-UE għandha tkompli fi triqitha, filwaqt li twettaq il-bidla lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, newtrali għall-klima, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u bijodiversa f'konformità sħiħa mal-Aġenda 2030 tan-NU u mas-17-il SDG, sabiex jitnaqqsu t-tendenzi mhux sostenibbli li jiddependu fuq l-isfruttament żejjed ta' riżorsi naturali kif ukoll it-telf tal-bijodiversità kkawżat minn mudelli ta' konsum u ta' produzzjoni mhux sostenibbli; jenfasizza l-importanza li l-UE għandha tħaffef l-inizjattivi tagħha li għandhom l-għan li jippromwovu konsum u produzzjoni responsabbli u sostenibbli, filwaqt li taqdi rwol ewlieni fil-ħidma lejn ekonomija ċirkolari;

83.  Itenni l-valuri universali tad-demokrazija, tal-governanza tajba, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem bħala prekundizzjonijiet għall-iżvilupp sostenibbli kif definit fl-SDG 16 (soċjetajiet paċifiċi u inklużivi); jiddispjaċih, madankollu, dwar il-fatt li globalment, il-kunflitt armat u l-vjolenza għadhom prevalenti; jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' progress fit-tisħiħ tal-istat tad-dritt u fl-aċċess għall-ġustizzja f'ħafna pajjiżi; ifakkar fl-impenn tal-UE u tal-Istati Membri, kif espress fil-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp għal approċċ komprensiv għall-kunflitt u għall-kriżijiet, b'enfasi fuq id-dgħufija u s-sigurtà umana, filwaqt li jirrikonoxxi n-nisġa bejn l-iżvilupp sostenibbli, l-azzjoni umanitarja, il-paċi u s-sigurtà u jagħti attenzjoni speċjali lil stati dgħajfin u affettwati minn kunflitti; jenfasizza li l-objettiv ta' soċjetajiet paċifiċi u inklużivi, inkluż l-aċċess għall-ġustizzja għal kulħadd, għandu jiġi integrat fl-azzjoni esterna tal-UE li, bl-appoġġ għall-partijiet ikkonċernati lokali, jista' jgħin fil-bini tar-reżiljenza, fil-promozzjoni tas-sigurtà tal-bniedem, fit-tisħiħ tal-istat tad-dritt u fl-indirizz tal-isfidi kumplessi rigward in-nuqqas ta' sigurtà, il-fraġilità u t-tranżizzjoni demokratika;

84.  Jenfasizza li l-ġlieda kontra l-inugwaljanzi fil-pajjiżi u bejniethom, l-indirizzar tad-diskriminazzjoni u l-promozzjoni tal-paċi, tad-demokrazija parteċipatorja, tal-governanza tajba, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem iridu jkunu objettivi inkorporati fil-politika tal-UE dwar l-iżvilupp;

85.  Jilqa' l-impenji tal-UE biex timmassimizza l-koerenza u tibni sinerġiji bejn politiki differenti bil-għan li ssaħħaħ il-mezz ta' implimentazzjoni u tagħti ħajja ġdida lis-sħubija globali għall-iżvilupp sostenibbli;

86.  Jenfasizza l-fatt li l-edukazzjoni, ix-xjenza, it-teknoloġija, ir-riċerka u l-innovazzjoni inklużivi u ekwitabbli huma għodod partikolarment importanti għall-implimentazzjoni tal-SDGs u jirrikonoxxi l-ħtieġa li tittejjeb il-governanza f'dan is-settur; jiddispjaċihli l-kontribut potenzjali tal-komunità xjentifika għadu ma ssaħħaħx bis-sħiħ s'issa; jenfasizza l-ħtieġa għal Orizzont 2020 u għall-programmi qafas futuri għar-riċerka biex jintegraw aħjar il-kunċett tal-iżvilupp sostenibbli u tal-isfidi tas-soċjetà; ifakkar fil-ħtieġa li jiġu ffaċilitati l-mekkaniżmi għat-trasferiment siewi tat-teknoloġija lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

87.  Jistieden lill-Kummissjoni żżid data relatata mal-SDGs fis-settijiet ta' data ta' valur għoli kif definiti fid-Direttiva dwar data miftuħa u informazzjoni tas-settur pubbliku u tħeġġeġ lill-Istati Membri jippubblikaw ir-rapporti kollha dwar l-SDGs permezz ta' liċenzja mingħajr ħlas;

88.  Jenfasizza l-importanza ta' użu sħiħ tal-programmi u tal-istrumenti eżistenti u pendenti tal-UE, bħall-programmi Orizzont u LIFE, li jippermettu l-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi fl-oqsma tal-enerġija, tat-tibdil fil-klima u tal-iżvilupp sostenibbli;

89.  Jitlob baġit tal-UE li jagħti l-istatus ta' objettiv primarju lill-iżvilupp sostenibbli; ifakkar li l-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa hija kwistjoni tal-iżvilupp tas-solidarjetà;

90.  Jenfasizza li l-ilħuq tal-SDGs fl-oqsma tal-ikel, l-agrikoltura, l-enerġija, il-materjali, l-ibliet u s-saħħa u l-benessri jista' jiftaħ opportunitajiet fis-suq b'valur ta' aktar minn EUR 10 triljun(18); jissottolinja, madankollu, li sabiex tinkiseb l-ambizzjoni tal-UE ta' ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtiġilhom iwittu t-triq fix-xjenza, fit-teknoloġija u fl-infrastruttura moderna;

91.  Jenfasizza li fid-dawl tal-kumplessità dejjem akbar u tal-globalizzazzjoni tal-ktajjen ta' provvista, huwa importanti li tiġi promossa l-applikazzjoni ta' standards għoljin tas-sostenibbiltà, inkluż f'pajjiżi terzi;

o
o   o

92.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-OECD u lin-Nazzjonijiet Uniti.

(1) ĠU C 210, 30.6.2017, p. 1.
(2) Id-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171).
(3) ĠU C 353, 27.9.2016, p. 2.
(4) ĠU C 76, 28.2.2018, p. 45.
(5) ĠU C 86, 6.3.2018, p. 2.
(6) ĠU C 224, 27.6.2018, p. 36.
(7) ĠU C 334, 19.9.2018, p. 151.
(8) Testi adottati, P8_TA(2018)0077.
(9) Testi adottati, P8_TA(2018)0279.
(10) http://europa.eu/rapid/press-release_STATEMENT-18-5927_en.htm
(11) http://europa.eu/rapid/press-release_STATEMENT-18-5882_en.htm
(12) http://europa.eu/rapid/press-release_STATEMENT-18-5870_en.htm
(13) Data tal-Eurostat 2017 tas-16 ta' Ottubru 2018.
(14) Id-Dokument ta' riflessjoni "Towards a sustainable Europe by 2030" (Lejn Ewropa sostenibbli sal-2030), paġna 7.(https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/rp_sustainable_europe_30-01_en_web.pdf)
(15) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Il-passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli – Azzjoni Ewropea għas-sostenibbiltà" (COM(2016)0739)
(16) Analiżi fil-fond b'appoġġ għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Pjaneta Nadifa għal kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima" (COM(2018)0773),
(17) http://unctad.org/en/PublicationChapters/wir2015ch0_KeyMessage_en.pdf
(18) Rapport tal-Kummissjoni dwar in-Negozju u l-Iżvilupp Sostenibbli, Better Business, Better World (Negozju Aħjar, Dinja Aħjar), Jannar 2017.

Avviż legali