Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2604(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0217/2019

Testi mressqa :

B8-0217/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P8_TA(2019)0314

Testi adottati
PDF 164kWORD 60k
L-Erbgħa, 27 ta' Marzu 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 x NK603 (DAS-Ø15Ø7-1x MON-ØØ6Ø3-6)
P8_TA-PROV(2019)0314B8-0217/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Marzu 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 × NK603 (DAS-Ø15Ø7-1 × MON-ØØ6Ø3-6) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2019/2604 (RSP) (D060917/01 – 2019/2604(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 × NK603 (DAS-Ø15Ø7-1 × MON-ØØ6Ø3-6) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D060917/01),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament(1), u b'mod partikolari l-Artikoli 11(3) u 23(3) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali msemmija fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, tas-7 ta' Marzu 2019, li matulha ma ngħatat ebda opinjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(2),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fl-20 ta' Ġunju 2018 u ppubblikata fil-25 ta' Lulju 2018(3),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (COM(2017)0085, COD(2017)0035),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li joġġezzjonaw l-awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati(4),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/703/KE(5) awtorizzat it-tqegħid fis-suq ta' ikel u għalf li jkun fihom, ikunu jikkonsistu minn, jew li jkunu prodotti minn qamħirrum ġenetikament modifikat (ĠM) 1507 × NK603; billi l-kamp ta' applikazzjoni ta' dik l-awtorizzazzjoni jkopri wkoll it-tqegħid fis-suq ta' prodotti, għajr l-ikel u l-għalf, li fihom jew li jikkonsistu mill-qamħirrum ĠM 1507 × NK603 għall-istess użi bħal kull qamħirrum ieħor għajr għall-kultivazzjoni;

B.  billi, fl-20 ta' Ottubru 2016, Pioneer Overseas Corporation, f'isem Pioneer Hi-Bred International, Inc., u Dow AgroSciences Europe, f'isem Dow AgroSciences LLC, flimkien ippreżentaw applikazzjoni lill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikoli 11 u 23 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, għat-tiġdid ta' dik l-awtorizzazzjoni;

C.  billi, fil-25 ta' Lulju 2018, l-EFSA ħarġet opinjoni favorevoli f'konformità mal-Artikoli 6 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003;

D.  billi l-opinjoni tal-EFSA ddikjarat li t-tiftix tal-applikanti fil-letteratura kien sab 120 pubblikazzjoni, li minnhom, wara li ġew applikati l-kriterji ta' eliġibbiltà u inklużjoni li kienu ġew stabbiliti mill-applikanti a priori, pubblikazzjoni waħda biss tqieset bħala rilevanti mill-applikanti, li kienet opinjoni mill-Bord tal-EFSA dwar l-Organiżmi Ġenetikament Modifikati (il-Bord tal-EFSA dwar l-OĠM);

E.  billi l-EFSA, minkejja l-fatt li qieset li jista' jitjieb it-tiftix tal-applikanti fil-letteratura fil-futur, ma wettqitx tiftix sistematiku fil-letteratura hija stess, iżda sempliċement ivvalutat it-tiftix fil-letteratura mwettaq mill-applikanti, u abbażi ta' dan ikkonkludiet li ma kienet ġiet identifikata l-ebda pubblikazzjoni ġdida li kieku tqajjem dubju dwar is-sikurezza;

F.  billi, bl-istess mod, għall-oġġetti l-oħra vvalutati, bħad-data bijoinformatika, il-monitoraġġ ta' wara t-tqegħid fis-suq, kif ukoll il-valutazzjoni globali, l-EFSA sempliċement toqgħod fuq l-informazzjoni mogħtija mill-applikanti, u bħala konsegwenza ta' dan tadotta l-valutazzjoni tal-applikanti;

G.  billi l-EFSA adottat l-opinjoni tagħha bis-suppożizzjoni li s-sekwenza tad-DNA taż-żewġ eventi fil-qamħirrum ĠM NK603 x MON 810 hija identika għas-sekwenza tal-eventi li ġew ivvalutati oriġinarjament; billi ma jidhirx li din l-ipoteżi kienet ibbażata fuq xi data jew evidenza pprovduta mill-applikanti, iżda minflok purament fuq dikjarazzjoni pprovduta minnhom;

H.  billi l-EFSA tirrikonoxxi li r-rapporti annwali ta' monitoraġġ ambjentali ta' wara t-tqegħid fis-suq li ġew proposti mill-applikanti jikkonsistu prinċipalment minn sorveljanza ġenerali tal-materjal tal-pjanti ĠM importat; billi l-EFSA tqis li hija meħtieġa diskussjoni ulterjuri mal-applikanti u mal-maniġers tar-riskju dwar l-implimentazzjoni prattika tar-rapporti ta' monitoraġġ ambjentali ta' wara t-tqegħid fis-suq, eż. rigward id-data verament miġbura dwar l-esponiment u/jew l-effetti negattivi, kif implimentata fis-sistemi ta' monitoraġġ eżistenti;

I.  billi l-qamħirrum ĠM 1507 × NK603 jesprimi l-ġene cry1F, li jikkonferixxi protezzjoni kontra ċerti pesti lepidopteri, il-ġene pat, li jikkonferixxi tolleranza għall-erbiċidi bbażati fuq il-glufosinat-ammonju, u l-ġene cp4 epsps, li jikkonferixxi tolleranza għall-erbiċidi bbażati fuq il-glifosat;

J.  billi l-pjanti Bt ĠM jesprimu t-tossina insettiċida f'kull ċellola matul ħajjithom, anke fil-partijiet li jittieklu mill-bnedmin u mill-annimali; billi esperimenti ta' alimentazzjoni bl-annimali juru li pjanti Bt ĠM jistgħu jkollhom effetti tossiċi(6); billi ntwera li t-tossina Bt fi pjanti ĠM hija differenti ħafna mit-tossina Bt li teżisti b'mod naturali(7); billi hemm tħassib dwar l-evoluzzjoni possibbli ta' reżistenza għall-proteini Cry fil-pesti lepidopteri fil-mira, li tista' twassal għal tibdil fil-prattiki ta' kontroll tal-pesti fil-pajjiżi fejn tiġi kkultivata;

K.  billi l-glufosinat huwa klassifikat bħala tossiku għar-riproduzzjoni u għalhekk jaqa' taħt il-kriterji ta' esklużjoni stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(8); billi l-approvazzjoni tal-glufosinat skadiet fil-31 ta' Lulju 2018(9);

L.  billi għad hemm xi dubji dwar il-karċinoġeniċità tal-glifosat; billi, f'Novembru 2015, l-EFSA kkonkludiet li l-glifosat x'aktarx mhuwiex karċinoġeniku, filwaqt li, f'Marzu 2017, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) ikkonkludiet li ebda klassifikazzjoni ma kienet ġustifikata; billi, għall-kuntrarju, fl-2015 l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa kklassifikat il-glifosat bħala probabbilment karċinoġeniku għall-bnedmin(10);

M.  billi l-applikazzjoni tal-erbiċidi komplementari, f'dan il-każ tal-glifosat u tal-glufosinat, hija parti minn prattika agrikola regolari fil-kultivazzjoni ta' pjanti reżistenti għall-erbiċidi u għalhekk jista' jkun mistenni li r-residwi mill-bexx ikunu preżenti fil-ħsad u huma kostitwenti inevitabbli;

N.  billi għandu jkun mistenni li l-qamħirrum ĠM se jkun espost kemm għal dożi ogħla kif ukoll għal dożi ripetuti ta' glifosat u glufosinat, li mhux biss iwasslu għal piż ogħla ta' residwi fil-ħsad, iżda jistgħu wkoll jinfluwenzaw il-kompożizzjoni tal-pjanta tal-qamħirrum ĠM u l-karatteristiċi agronomiċi tagħha;

O.  billi informazzjoni dwar il-livelli ta' residwi ta' erbiċidi u tal-metaboliti tagħhom hija essenzjali għal valutazzjoni tar-riskju bir-reqqa ta' pjanti ĠM tolleranti għall-erbiċidi; billi r-residwi mill-bexx bl-erbiċidi jitqiesu bħala barra mill-mandat tal-Bord tal-EFSA dwar l-OĠM; billi l-impatti tal-bexx tal-qamħirrum ĠM bl-erbiċidi ma ġewx ivvalutati, u lanqas ma ġie vvalutat l-effett kumulattiv tal-bexx bil-glifosat u bil-glufosinat;

P.  billi l-Unjoni hija firmatarja tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika, li timponi fuq il-partijiet kontraenti tagħha r-responsabbiltà li jiżguraw li l-attivitajiet fil-ġurisdizzjoni tagħhom ma jikkawżawx ħsara lill-ambjent ta' Stati oħra(11); billi d-deċiżjoni dwar jekk jiġix awtorizzat il-qamħirrum ĠM hija fi ħdan il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni;

Q.  billi l-kummenti ppreżentati mill-Istati Membri matul il-perjodu ta' konsultazzjoni ta' tliet xhur jirreferu, fost l-oħrajn: għan-nuqqas ta' konformità mal-linji gwida tal-EFSA fir-rigward tar-rapporti ta' monitoraġġ ambjentali ta' wara t-tqegħid fis-suq, bosta nuqqasijiet f'dawk ir-rapporti, inkluż il-fatt li kienet ġiet injorata l-okkorrenza tat-teosinte bħala qarib selvaġġ tal-qamħirrum fl-Ewropa, li hija nieqsa l-informazzjoni dwar id-destin tat-tossini Bt fl-ambjent; għal tħassib rigward l-affidabbiltà tad-data biex tiġi kkonfermata l-konklużjoni dwar il-valutazzjoni tar-riskju; għal pjan ta' monitoraġġ propost li huwa insuffiċjenti; għal tiftix inadegwat fil-letteratura li jwassal għall-ommissjoni ta' xi studji importanti, u dikjarazzjoni mhux xierqa tal-letteratura identifikata bħala irrilevanti; u għan-nuqqas ta' provvista ta' kwalunkwe data li turi l-identità sekwenzjali ta' varjetà ta' qamħirrum attwali li fih l-event ta' trasformazzjoni 1507 x NK603 mal-event ivvalutat oriġinarjament(12);

R.  billi l-votazzjoni fis-7 ta' Marzu 2019 tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali msemmija fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 ma tat l-ebda opinjoni, li jfisser li ma kienx hemm maġġoranza kwalifikata favur l-awtorizzazzjoni;

S.  billi f'diversi okkażjonijiet(13), il-Kummissjoni kkundannat il-fatt li mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, hija adottat deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni mingħajr l-appoġġ tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, u li r-ritorn tad-dossier lill-Kummissjoni għal deċiżjoni finali, li hija verament l-eċċezzjoni għall-proċedura fl-intier tagħha, sar in-norma għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjonijiet tal-ikel u l-għalf ĠM; billi din il-prattika ġiet ikkundannata wkoll mill-President Juncker bħala li mhijiex demokratika(14);

T.  billi, fit-28 ta' Ottubru 2015, il-Parlament ċaħad fl-ewwel qari(15) l-proposta leġiżlattiva tat-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003, u appella biex il-Kummissjoni tirtiraha u tressaq proposta ġdida;

U.  billi l-premessa 14 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tiddikjara l-Kummissjoni għandha, kemm jista' jkun, taġixxi b'tali mod li tevita li tmur kontra xi pożizzjoni predominanti li tista' tfeġġ fi ħdan il-kumitat ta' appell kontra l-idoneità ta' att ta' implimentazzjoni, speċjalment dwar kwistjonijiet sensittivi bħalma huma s-saħħa tal-konsumatur, is-sikurezza tal-ikel u l-ambjent;

V.  billi r-Regolament (UE) Nru 1829/2003 jiddikjara li ikel jew għalf ĠM ma jridx ikollu effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent, u li l-Kummissjoni għandha tqis kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u fatturi leġittimi oħra li jkunu rilevanti għall-kwistjoni li tkun qiegħda tiġi kkunsidrata matul l-abbozzar tad-deċiżjoni tagħha għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni;

1.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (UE) Nru 1829/2003;

2.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhuwiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni billi mhuwiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(16), huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward ta' ikel u għalf ĠM, jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benesseri tal-annimali, u l-interessi tal-ambjent u tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effettiv tas-suq intern;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;

4.  Itenni l-impenn tiegħu li javvanza l-ħidma fuq il-proposta tal-Kummissjoni li temenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011; jistieden lill-Kunsill imexxi 'l quddiem il-ħidma tiegħu fir-rigward ta' dik il-proposta tal-Kummissjoni bħala kwistjoni ta' urġenza;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tissospendi kwalunkwe deċiżjoni ta' implimentazzjoni rigward l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM) sakemm il-proċedura ta' awtorizzazzjoni tkun ġiet riveduta b'tali mod li tindirizza n-nuqqasijiet tal-proċedura attwali, li jirriżulta li mhijiex adegwata;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tirtira l-proposti għall-awtorizzazzjonijiet tal-OĠM jekk ma tingħata l-ebda opinjoni mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, kemm għall-kultivazzjoni kif ukoll għall-użu fl-ikel u l-għalf;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta l-impenji tagħha skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika, u b'mod partikolari biex ma tawtorizzax l-importazzjoni ta' kwalunkwe pjanta ĠM għal użu fl-ikel jew fl-għalf li tkun saret tolleranti għal erbiċida li ma jkunx awtorizzat biex jintuża fl-Unjoni;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni ma tawtorizza l-ebda pjanta ĠM tolleranti għall-erbiċida mingħajr valutazzjoni sħiħa tar-residwi minn bexx b'erbiċidi komplementari u l-formulazzjonijiet kummerċjali tagħhom kif applikati fil-pajjiżi ta' kultivazzjoni;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.
(2) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(3) Il-Bord tal-EFSA dwar l-OĠM, 2018. Opinjoni Xjentifika dwar il-valutazzjoni ta' qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 × NK603 għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 (applikazzjoni EFSA-GMO-RX-008). Il-Ġurnal tal-EFSA 2018;16(7): 5347.
(4)–––––––––––––––––––––––––––––––––– – Riżoluzzjoni tas-16 ta' Jannar 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq għall-kultivazzjoni, skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta' prodott tal-qamħirrum (Zea mays L., il-linja 1507) ġenetikament modifikat għar-reżistenza għal ċerti organiżmi ta' ħsara lepidopterani (ĠU C 482, 23.12.2016, p. 110).Riżoluzzjoni tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2279 tal-4 ta' Diċembru 2015 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat NK603 × T25 (ĠU C 399, 24.11.2017, p. 71).Riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti minn, qamħirrum modifikat ġenetikament MON 87705 × MON 89788 (ĠU C 35, 31.1.2018, p. 19).Riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu minn, jew li jkunu prodotti minn, fażola tas-sojja modifikata ġenetikament MON 87708 × MON 89788 (ĠU C 35, 31.1.2018, p. 17).Riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mis-sojja ġenetikament modifikata FG72 (MST-FGØ72-2) (ĠU C 35, 31.1.2018, p. 15).Riżoluzzjoni tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti milll-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × MIR604 × GA21, u qamħirrun ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn jew tlieta mill-events (ĠU C 86, 6.3.2018, p. 108).Riżoluzzjoni tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tqegħid fis-suq ta' qronfla mmodifikata ġenetikament (Dianthus caryophyllus L., linja SHD-27531-4) (ĠU C 86, 6.3.2018, p. 111).Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (ĠU C 215, 19.6.2018, p. 76).Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (ĠU C 215, 19.6.2018, p. 80).Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 (ĠU C 215, 19.6.2018, p. 70).Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 (ĠU C 215, 19.6.2018, p. 73).Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat 281-24-236 × 3006-210-23 × MON 88913 (ĠU C 215, 19.6.2018, p. 83).Riżoluzzjoni tal-5 ta' April 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × 59122 × MIR604 × 1507 × GA21, u qamħirrun ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn, tlieta jew erbgħa mill-events Bt11, 59122, MIR604, 1507 u GA21, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat (ĠU C 298, 23.8.2018, p. 34).Riżoluzzjoni tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat DAS-40278-9, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU C 307, 30.8.2018, p. 71).Riżoluzzjoni tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat GHB119 (BCS-GHØØ5-8) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 307, 30.8.2018, p. 67).Riżoluzzjoni tat-13 ta' Settembru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata DAS-68416-4, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU C 337, 20.9.2018, p. 54).Riżoluzzjoni tal-4 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata FG72 × A5547-127, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU C 346, 27.9.2018, p. 55).Riżoluzzjoni tal-4 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata DAS-44406-6, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU C 346, 27.9.2018, p. 60).Riżoluzzjoni tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 (DAS-Ø15Ø7-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU C 346, 27.9.2018, p. 122).Riżoluzzjoni tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat 305423 × 40-3-2 (DP-3Ø5423-1 × MON-Ø4Ø32-6), skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU C 346, 27.9.2018, p. 127).Riżoluzzjoni tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-kolza ġenetikament modifikata MON 88302 x Ms8 x Rf3 (MON-883Ø2-9 × ACSBNØØ5-8 × ACS-BNØØ3-6), MON 88302 x Ms8 (MON-883Ø2-9 × ACSBNØØ5-8) u MON 88302 x Rf3 (MON-883Ø2-9 × ACS-BNØØ3-6) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat (ĠU C 346, 27.9.2018, p. 133).Riżoluzzjoni tal-1 ta' Marzu 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat 59122 (DAS-59122-7) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2018)0051).Riżoluzzjoni tal-1 ta' Marzu 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87427 × MON 89034 × NK603 (MON-87427-7 × MON-89Ø34-3 × MON-ØØ6Ø3-6) u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn mill-eventi MON 87427, MON 89034 u NK603 u li tħassar id-Deċiżjoni 2010/420/UE (Testi adottati, P8_TA(2018)0052).Riżoluzzjoni tat-3 ta' Mejju 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq ta' ikel u għalf li huma prodotti mill-pitrava zokkrija ġenetikament modifikata H7-1 (KM-ØØØH71-4) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2018)0197).Riżoluzzjoni tat-30 ta' Mejju 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat GA21 (MON-ØØØ21-9) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat, (Testi adottati, P8_TA(2018)0221).Riżoluzzjoni tat-30 ta' Mejju 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 × 59122 × MON 810 × NK603, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn jew tlieta mill-eventi uniċi 1507, 59122, MON 810 u NK603, u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2009/815/KE, 2010/428/UE u 2010/432/UE skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament u tal-Kunsill dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat (Testi adottati, P8_TA(2018)0222).Riżoluzzjoni tal-24 ta' Ottubru 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat NK603 × MON 810 (MON-ØØ6Ø3-6 × MON-ØØ81Ø-6) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P8_TA(2018)0416).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ottubru 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87427 × MON 89034 × 1507 × MON 88017 × 59122, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn, tlieta jew erbgħa mill-eventi uniċi MON 87427, MON 89034, 1507, MON 88017 u 59122, u tħassir tad-Deċiżjoni 2011/366/UE (Testi adottati, P8_TA(2018)0417).Riżoluzzjoni tal-31 ta' Jannar 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/327/UE fir-rigward tat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq tal-għalf li fih jew li jikkonsisti minn żrieragħ tal-lift modifikati ġenetikament Ms8, Rf3 u Ms8 × Rf3 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P8_TA(2019)0057).Riżoluzzjoni tal-31 ta' Jannar 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat 5307 (SYN-Ø53Ø7-1), skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2019)0058).Riżoluzzjoni tal-31 ta' Jannar 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87403 (MON-874Ø3-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P8_TA(2019)0059).Riżoluzzjoni tal-31 ta' Jannar 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat GHB614 × LLCotton25 × MON 15985 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P8_TA(2019)0060).Riżoluzzjoni tat-13 ta' Marzu 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn qamħirrum ġenetikament modifikat 4114 (DP-ØØ4114-3) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P8_TA(2019)0196).Riżoluzzjoni tal-31 ta' Jannar 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87411 (MON-87411-9) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P8_TA(2019)0197).Riżoluzzjoni tat-13 ta' Marzu 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × 1507 × GA21 u s-sottokombinazzjonijiet Bt11 × MIR162 × 1507, MIR162 × 1507 × GA21 u MIR162 × 1507 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P8_TA(2019)0198).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/703/KE tal-24 ta' Ottubru 2007 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu fi, jew li jkunu prodotti minn, qamħirrum modifikat ġenetikament 1507xNK603 (DAS-Ø15Ø7-1xMON-ØØ6Ø3-6) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 285, 31.10.2007, p. 47).
(6) Ara pereżempju, El-Shamei, Z.S., Gab-Alla, A.A., Shatta, A.A., Moussa, E.A., Rayan, A.M., Histopathological Changes in Some Organs of Male Rats Fed on Genetically Modified Corn (Bidliet Istopatoloġiċi f'xi Organi ta' Firien Irġiel Mitmugħa Qamħirrum Ġenetikament Modifikat) (Ajeeb YG). Journal of American Science 2012; 8(9):1127-1123. https://www.researchgate.net/publication/235256452_Histopathological_Changes_in_Some_Organs_of_Male_Rats_Fed_on_Genetically_Modified_Corn_Ajeeb_YG
(7) Székács, A., Darvas, B., Comparative aspects of Cry toxin usage in insect control (Aspetti komparattivi tal-użu tat-tossina Cry fil-kontroll tal-insetti). In: Ishaaya, I., Palli, S.R., Horowitz, A.R., eds. Advanced Technologies for Managing Insect Pests (Teknoloġiji Avvanzati għall-Ġestjoni ta' Pesti tal-Insetti). Dordrecht, in-Netherlands: Springer; 2012:195-230. https://link.springer.com/chapter/10.1007/978-94-007-4497-4_10
(8) Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).
(9) http://ec.europa.eu/food/plant/pesticides/eu-pesticides-database/public/?event=activesubstance.detail&language=EN&selectedID=1436
(10) Monografi tal-IARC, Volum 112: Some organophosphate insecticides and herbicides (Xi insettiċidi u erbiċidi organofosfati), l-20 ta' Marzu 2015 (http://monographs.iarc.fr/ENG/Monographs/vol112/mono112.pdf).
(11) L-Artikolu 3, https://www.cbd.int/convention/articles/default.shtml?a=cbd-03
(12) Ara r-Reġistru ta' Mistoqsijiet tal-EFSA, l-Anness G għall-Mistoqsija Nru EFSA-Q-2018-00509, disponibbli online fuq: http://registerofquestions.efsa.europa.eu/
(13) Ara pereżempju l-memorandum ta' spjegazzjoni tal-proposta leġiżlattiva tagħha ppreżentata fit-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 rigward il-possibbiltà li l-Istati Membri jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu ta' ikel u għalf ġenetikament modifikat fit-territorju tagħhom, u l-memorandum ta' spjegazzjoni tal-proposta leġiżlattiva ppreżentata fl-14 ta' Frar 2017 li temenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011.
(14) Ara pereżempju d-Dikjarazzjoni Inawgurali fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew inkluża fil-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss (Strasburgu, il-15 ta' Lulju 2014), jew id-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2016 (Strasburgu, l-14 ta' Settembru 2016).
(15) ĠU C 355, 20.10.2017, p. 165.
(16) ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

Aġġornata l-aħħar: 1 ta' April 2019Avviż legali