Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2003(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0182/2019

Testi mressqa :

A8-0182/2019

Dibattiti :

PV 27/03/2019 - 22
CRE 27/03/2019 - 22

Votazzjonijiet :

PV 28/03/2019 - 8.8

Testi adottati :

P8_TA(2019)0326

Testi adottati
PDF 180kWORD 64k
Il-Ħamis, 28 ta' Marzu 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Estimi tad-dħul u l-infiq għas-sena finanzjarja 2020 – Taqsima I – Il-Parlament Ewropew
P8_TA-PROV(2019)0326A8-0182/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Marzu 2019 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2020 (2019/2003(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014 u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2017 dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' April 2018 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2019(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2018 dwar miżuri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-fastidju morali u l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol, fi spazji pubbliċi u fil-ħajja politika fl-UE(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2018 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2018 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar it-tieni abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2019 dwar l-Integrazzjoni ta' Kwistjonijiet ta' Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-Parlament Ewropew(10),

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali lill-Bureau bl-għan li jitħejja l-abbozz preliminari tal-estimi tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2020,

–  wara li kkunsidra l-abbozz preliminari tal-estimi mħejji mill-Bureau fil-25 ta' Marzu 2019 skont l-Artikoli 25(7) u 96(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament,

–  wara li kkunsidra l-abbozz preliminari tal-estimi mħejji mill-Kumitat tal-Baġits skont l-Artikolu 96(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 96 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0182/2019]),

A.  billi din il-proċedura hija l-ħames proċedura baġitarja sħiħa mwettqa fil-leġiżlatura l-ġdida u billi din hija s-seba' sena tal-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020;

B.  billi l-Baġit 2020, kif propost fir-rapport tas-Segretarju Ġenerali, qiegħed jitħejja fl-isfond ta' żieda annwali (inflazzjoni u żieda reali) fil-limitu massimu għall-Intestatura V u dan jippermetti iżjed lok għal tkabbir u investiment kif ukoll biex ikomplu jiġu implimentati politiki li jiksbu l-iffrankar ta' riżorsi u li jfittxu li jtejbu l-effiċjenza;

C.  billi fost l-objettivi prijoritarji li ġew proposti mis-Segretarju Ġenerali għall-Baġit 2020 insibu dawn li ġejjin: id-disponibbiltà tar-riżorsi meħtieġa għall-ewwel sena sħiħa wara l-elezzjoni ta' Parlament u Kummissjoni ġodda u d-disponibbiltà tar-riżorsi għall-proġetti ta' prijorità dwar l-involviment maċ-ċittadini, il-proġetti pluriennali tal-bini, is-sigurtà u l-iżviluppi tal-IT;

D.  billi ġie propost baġit ta' EUR 2 068 530 000 mis-Segretarju Ġenerali għall-abbozz preliminari tal-estimi tal-Parlament għall-2020, li jirrappreżenta żieda kumplessiva ta' 3,58 % fuq il-Baġit 2019 u sehem ta' 18,38 % tal-Intestatura V tal-QFP 2014-2020;

E.  billi kważi żewġ terzi tal-baġit jikkostitwixxu nefqa indiċizzata li tirrigwarda partikolarment ir-remunerazzjonijiet, il-pensjonijiet, l-ispejjeż mediċi u l-allowances għall-Membri (21 %) u l-membri tal-persunal (35 %) attivi u rtirati, kif ukoll għall-bini (13 %) u li hija aġġustata skont ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Istatut għall-Membri, l-indiċizzazzjoni speċifika skont is-settur jew ir-rata tal-inflazzjoni;

F.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tiegħu għas-sena finanzjarja 2016(11), il-Parlament diġà saħaq fuq il-fatt li l-baġit tiegħu għandu jiġi stabbilit fuq bażi realistika u jkun konformi mal-prinċipji ta' dixxiplina baġitarja u ġestjoni finanzjarja tajba; jinnota li s-somom ta' flus f'daqqa huma għodda utli u rikonoxxuta biex jiżdiedu l-flessibbiltà u t-trasparenza;

G.  billi l-baġit tal-Parlament għandu jiżgura l-kompetenza leġiżlattiva sħiħa tiegħu u jippermetti l-funzjonament xieraq tiegħu;

H.  billi l-kredibilità tal-Parlament bħala fergħa waħda tal-awtorità baġitarja tiddependi sa ċertu punt mill-kapaċità tiegħu li jiġġestixxi l-infiq tiegħu stess u fuq l-abilità tiegħu li jiżviluppa d-demokrazija fil-livell tal-Unjoni;

I.  billi l-2020 se tkun l-ewwel sena sħiħa wara l-elezzjonijiet u għaldaqstant se jkun hemm ritorn għal-livell normali tal-attivitajiet politiċi ewlenin u tal-attivitajiet ta' appoġġ;

J.  billi l-fond ta' pensjoni volontarju ġie stabbilit fl-1990 mir-Regoli tal-Bureau li jirregolaw l-iskema ta' pensjoni addizzjonali (volontarja)(12);

K.  billi l-Qorti Ewropea tal-Awdituri ħarġet Opinjoni Nru 5/99 fis-16 ta' Ġunju 1999 bit-titolu "Fond u Skema tal-Pensjoni għall-Membri tal-Parlament Ewropew";

Qafas ġenerali

1.  Jisħaq fuq il-fatt li s-sehem tal-baġit tal-Parlament fl-2020 għandu jinżamm taħt 20 % tal-livell massimu tal-Intestatura V; jinnota li l-livell tal-estimi għall-2020 jikkorrispondi għal 18,22 %, li huwa inqas minn dak li nkiseb fl-2019 (18,51 %) u l-aktar parti baxxa tal-Intestatura V f'dawn l-aħħar 15-il sena;

2.  Jenfasizza li l-akbar parti tal-baġit tal-Parlament hija fissa b'riżultat ta' obbligi statutorji jew kuntrattwali u soġġetta għal indiċizzazzjoni annwali;

3.  Jeżiġi li s-Segretarju Ġenerali u l-Bureau, bħala kwistjoni ta' prinċipju, jippreżentaw lill-Kumitat BUDG l-estimi tal-PE li jmiss eqreb lejn ir-rata ta' inflazzjoni, jekk mhux fil-livell tagħha, kif previst mill-Kummissjoni Ewropea;

4.  Jappoġġja l-ftehim li ntlaħaq fil-Konċiljazzjonijiet bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits, fid-19 ta' Marzu 2019 biex tkun iffissata ż-żieda ta' 2,68 % fil-baġit 2019, perċentwal li jikkorrispondi għal-livell kumplessiv tal-estimi tiegħu għall-2020 ta' EUR 2.050.430.000, biex jitnaqqas il-livell tan-nefqa fl-abbozz preliminari tal-estimi approvat mill-Bureau fil-11 ta' Marzu 2019 ta' EUR 18,1 miljun u biex, konsegwentement, jitnaqqsu l-approprjazzjonijiet proposti għal-linji baġitarji li ġejjin:

1004 – Spejjeż għall-vjaġġi regolari; 1200 – Remunerazzjonijiet u allowances; 1402 Aġenti oħra – Xufiera fis-Segretarjat Ġenerali; 2007 – Kostruzzjoni ta' bini u sistemazzjoni fil-bini; 2022 – Manutenzjoni, żamma, operat u tindif tal-bini; 2024 – Konsum tal-enerġija; 2101 – Informatika u telekomunikazzjonijiet – Attivitajiet rikorrenti tal-funzjonament – Infrastruttura; 212 – Għamara; 214 – Materjal u installazzjonijiet tekniċi; 300 – Spejjeż għall-missjonijiet tal-persunal u vjaġġar fuq xogħol bejn it-tliet postijiet ta' xogħol; 302 – Spejjeż għal riċevimenti u rappreżentanza; 3040 – Spejjeż varji għal laqgħat interni; 3042 – Laqgħat, kungressi, konferenzi u delegazzjonijiet; 422 – Nefqa relatata mal-assistenza parlamentari.

Jipprovdi approprjazzjoni ta' EUR 140.000 lill-partita 1650 – Servizz mediku, EUR 160.000 lill-partita 320 – Akkwist tal-opinjoni tal-esperti u EUR 400.000 lill-partita 3211 – Nefqa għaċ-Ċentru Ewropew tal-Midja Xjentifika; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li dawn il-bidliet ġew adottati mill-Bureau fil-25 ta' Marzu 2019;

5.  Jirrakkomanda lis-servizzi tal-Parlament jimplimentaw l-adattament tal-kummenti dwar il-partita 1650 - "Servizz mediku", peress li l-approprjazzjoni addizzjonali ta' +EUR 140.000 hija maħsuba biex tkopri spejjeż relatati mal-medjaturi u l-psikologi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-fastidju psikoloġiku u sesswali, u dwar il-partita 320 - "Akkwist tal-opinjoni tal-esperti", peress li l-approprjazzjoni addizzjonali ta' +EUR 160.000 hija maħsuba biex tkopri l-ispejjeż relatati mal-għarfien espert u l-esperti fil-qasam tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, u l-ġlieda kontra l-fastidju psikoloġiku u sesswali;

6.  Jinnota li s-sitwazzjoni rigward il-ħruġ tar-Renju Unit hija bbażata fuq ħruġ mill-Unjoni ordnat bi ftehim fuq l-approvazzjoni tal-ftehim dwar il-Brexit u l-approvazzjoni tad-dikjarazzjoni politika tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta' Novembru 2018 li skontha r-Renju Unit għandu jikkontribwixxi għall-baġit tal-Unjoni sal-2020; jinnota li l-biċċa l-kbira tal-iffrankar li jirriżulta mill-ħruġ diġà ġie inkorporat fil-Baġit 2019 u li għall-2020 se jkun hemm biss tnaqqis żgħir f'ċertu nfiq minħabba li se jkun hemm 46 Membru inqas;

7.  Jinnota li, f'każ li r-Renju Unit ma joħroġx mill-Unjoni jew joħroġ mingħajr ftehim, l-approprjazzjonijiet proposti jistgħu jiġu aġġustati matul il-proċedura baġitarja kollha mill-Bureau, mill-Kumitat għall-Baġits jew mill-Plenarja;

8.  Jissottolinja li l-funzjonijiet ewlenin tal-Parlament huma l-koleġiżlazzjoni mal-Kunsill u t-teħid ta' deċiżjonijiet dwar il-baġit tal-Unjoni, ir-rappreżentanza taċ-ċittadini u l-iskrutinju tal-ħidma tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni;

9.  Jaċċentwa r-rwol tal-Parlament fil-kostruzzjoni ta' kuxjenza politika Ewropea u fil-promozzjoni tal-valuri tal-Unjoni;

10.  Jisħaq fuq il-fatt li, fir-rigward tal-proposta tas-Segretarju Ġenerali, huwa meħtieġ iffrankar biex iż-żieda ta' din il-proposta titqarreb kemm jista' jkun għar-rata ta' inflazzjoni ġenerali mistennija għall-2020 u li huwa mħeġġeġ bis-sħiħ li jsir kull sforz li jwassal għal użu aktar effiċjenti u trasparenti tal-flus pubbliku;

Trasparenza u preċiżjoni

11.  Jinnota li żdiedet it-trasparenza fit-tħejjija tar-rapport tas-Segretarju Ġenerali bħal pereżempju l-għoti ta' informazzjoni addizzjonali dwar l-ippjanar, fuq terminu medju u twil, tal-investimenti, tal-obbligi statutorji, tan-nefqa amministrattiva u tal-metodoloġija, hekk kif mitlub mill-Parlament u mill-Kunsill;

12.  Jeżiġi li l-Baġit 2020 tal-Parlament ikun realistiku u preċiż rigward it-tqabbil tal-ħtiġijiet mal-kostijiet tagħhom sabiex jiġi evitat li jkun hemm ibbaġitjar żejjed;

13.  Jenfasizza li għandha tingħata l-akbar attenzjoni sabiex jiġi żgurat li r-riżorsi globali baġitarji u r-riżorsi għall-persunal li jkunu għad-dispożizzjoni tal-Parlament jintużaw bl-aktar mod effiċjenti fir-rigward tal-ispiża sabiex l-istituzzjoni u l-Membri tagħha jkunu jistgħu jaqdu b'suċċess il-missjoni leġiżlattiva finali tagħhom; itenni li dan jimplika ppjanar u organizzazzjoni metikolużi tal-metodi ta' ħidma tiegħu u, meta jkun possibbli, isir raggruppament tal-funzjonijiet u tal-istrutturi sabiex jiġi evitat li jkun hemm burokrazija żejda, funzjonijiet doppji u rduppjar tal-isforzi u tar-riżorsi;

Ħidma maċ-ċittadini

14.  Jilqa' l-inawgurazzjoni taċ-ċentri Europa Experience, jiġifieri l-ispazji għall-wirjiet, li jirriproduċu fuq skala iżgħar il-kunċett, li kien ta' suċċess, tal-Parlamentarium ġewwa Brussell; josserva li huwa ppjanat li jiġu installati ħames ċentri ġodda ta' Europa Experience fl-Uffiċċji ta' Kollegament sal-2020;

15.  Jinnota li l-ammont ibbaġitjat għall-installazzjoni ta' ħames ċentri ġodda ta' Europa Experience fl-Uffiċċji ta' Kollegament ikopri l-infrastruttura tal-wirja nnifisha, ġestita minn DĠ COMM, iżda mhux iż-żoni tal-wirja; jitlob aktar dettalji dwar l-ordni ta' kobor tal-ispejjeż kollha mistennija qabel il-qari tal-baġit min-naħa tal-Parlament fil-ħarifa tal-2019;

16.  Jinnota l-ħolqien ta' serje ta' installazzjonijiet mobbli li ser iduru madwar l-Istati Membri sabiex iġibu lill-Unjoni eqreb għaċ-ċittadin;

17.  Jeżiġi lis-Segretarju Ġenerali jfassal rapport dettaljat u fattwali dwar il-valur miżjud tal-51 post tax-xogħol fid-DĠ COMM; jeżiġi li dan ir-rapport jiġi ppreżentat pubblikament fil-Kumitat BUDG qabel l-aħħar ta' Lulju 2019

Politika immobiljari u tat-Trasport

18.  Itenni l-appell tiegħu għal proċess deċiżjonali trasparenti fil-qasam tal-politika immobiljari, abbażi ta' informazzjoni bikrija, filwaqt li jitqies kif dovut l-Artikolu 266 tar-Regolament Finanzjarju;

19.  Ma jaqbilx mal-prattika kontinwa tat-"trasferiment ta' tlaqqit" ta' tmiem is-sena bħala kontribuzzjoni għall-proġetti immobiljari attwali; jenfasizza li tali "trasferiment ta' tlaqqit" iseħħ sistematikament fuq l-istess kapitli, titoli u, spiss, eżattament fuq l-istess linji baġitarji u jistaqsi jekk hemmx evalwazzjoni żejda programmata tagħhom, sabiex jiġu ġġenerati fondi għall-iffinanzjar tal-politika immobiljari tal-PE; iqis li l-politika immobiljari għandha tkun iffinanzjata b'mod trasparenti mil-linji baġitarji ddedikati għaliha;

20.  Jirrakkomanda li l-ippjanar annwali tal-baġit għall-binjiet kollha jassenja allokazzjoni għall-kostijiet ta' manutenzjoni u tiġdid li tikkorrispondi għal 3 % tat-total tal-kostijiet tal-bini l-ġdid, bħala parti minn politika immobiljari regolari u antiċipatorja; jenfasizza l-ħtieġa ta' strateġija immobiljari li tiżgura l-kosteffettività u jenfasizza l-benefiċċji potenzjali tal-prossimità tal-binjiet bħas-sinerġiji permezz tal-kondiviżjoni ta' funzjonijiet amministrattivi, ta' uffiċċji u allokazzjonijiet ta' kmamar;

21.  Josserva li r-riċezzjoni u l-okkupazzjoni tal-fergħa tal-Lvant kollha tal-binja ġdida Konrad Adenauer huma previsti għall-2020 u jinnota li immedjatament wara ser jibdew ix-xogħlijiet fuq il-fergħa tal-Punent ġdida; jinnota li jeħtieġ tiġi prevista nefqa għall-ġestjoni tal-proġett fl-istadji finali tal-kostruzzjoni bħal operazzjonijiet ta' rilokazzjoni sinifikanti, l-ewwel arredament u s-sorveljanza tas-sigurtà tas-sit taħt kostruzzjoni;

22.  Jieħu nota li l-kera u l-manutenzjoni tal-bini kollu eżistenti fil-Lussemburgu għadhom ibbaġitjati għas-sena kollha billi r-rilokazzjoni mill-bini eżistenti tista' ssir biss b'mod gradwali; jitlob lis-Segretarju Ġenerali jipprovdi d-dettalji li jitrattaw ir-rilokazzjoni gradwali u jispjega għalfejn ma hemmx il-possibbiltà ta' ffrankar diġà fl-2020;

23.  Jitlob aktar dettalji dwar ix-xogħlijiet tekniċi preparatorji inkluż ir-rilokazzjoni ta' funzjonalitajiet lejn bini ieħor, bħal dawk li jinsabu fil-bini PHS; jirrikjedi li l-Kumitat għall-Baġits jiġi fornut bi stimi u bi tqassim tal-kostijiet dettaljati f'dan ir-rigward qabel il-qari tal-baġit min-naħa tal-Parlament fil-ħarifa tal-2019;

24.  Iqajjem dubju dwar l-ispejjeż għolja ħafna ta' ċerti żviluppi proposti, fosthom: l-installazzjoni tal-kmamar tas-seminars tal-viżitaturi fil-bini tal-Atrium (EUR 8 720 miljun), l-ispazju multifunzjonali fiż-żona tal-Esplanade (EUR 2 610 miljun), il-ħolqien ta' kantin self-service fil-bini tal-SDM fi Strasburgu (EUR 1,9 miljun); jistieden lis-Segretarju Ġenerali jipprovdi lill-Kumitat għall-Baġits bi kwalunkwe informazzjoni li hija relatata ma' dawn id-deċiżjonijiet qabel il-qari tal-baġit min-naħa tal-Parlament fil-Ħarifa tal-2019;

25.  Iqis li għandu jinkiseb aktar iffrankar fir-rigward tan-nefqa fuq l-għamara għall-uffiċċji tal-Membri u l-assistenti tagħhom grazzi għar-rinnovazzjoni ta' dawn l-uffiċċji fil-bidu tal-mandat fl-2019;

26.  Huwa mħasseb dwar l-intenzjonijiet tal-Parlament li jespandi l-attività u l-preżenza diplomatika tiegħu fl-Indoneżja (Jakarta), fl-Etjopja (Addis Ababa) u fl-Istati Uniti (New York); jiddispjaċih li minkejja n-nuqqas ta' analiżi kost-benefiċċji komprensiva u aktar spjegazzjoni dwar l-argumenti sottostanti għall-għażla ta' dawn il-postijiet speċifiċi, il-Bureau qabel mal-proposta, kif ukoll mal-ħatra tal-kap attwali tal-uffiċċju tal-Parlament f'Washington D.C. bħala l-kap il-ġdid tal-uffiċċju f'Jakarta; iħeġġeġ, għalhekk, lis-Segretarju Ġenerali jidentifika l-linji baġitarji affettwati u jiċċara din is-sitwazzjoni xejn trasparenti billi jispjega l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet rigward dawn il-postijiet differenti u l-ħatra tal-kap tal-uffiċċju l-ġdid f'Jakarta; iqis, sadanittant, li din id-deċiżjoni trid tiġi sospiża;

27.  Iqis li jista' jinkiseb iffrankar potenzjali mill-baġit tal-Parlament permezz ta' sede unika; ifakkar li l-analiżi tal-QEA għall-2014 stmat li l-ispejjeż tad-dispersjoni ġeografika tal-Parlament huma EUR 114-il miljun fis-sena; ifakkar ukoll li minħabba dik id-dispersjoni ġeografika, jirriżultaw f’78 % tal-missjonijiet kollha mill-persunal tal-Parlament u l-impatt ambjentali huwa bejn 11 000 u 19 000 tunnellata ta' emissjonijiet ta' CO2; jitlob għalhekk pjan direzzjonali lejn sede unika;

Sigurtà

28.  Jinnota li l-Baġit 2019 ser jinkludi l-aħħar pagamenti ta' investimenti sostanzjali li bdew fl-2016 bl-għan li tittejjeb b'mod sinifikanti s-sigurtà tal-Parlament; jindika li dawn il-proġetti jkopru diversi oqsma, prinċipalment relatati mal-bini, mat-tagħmir u mal-persunal iżda wkoll titjib fil-qasam taċ-ċibersigurtà u s-sigurtà tal-komunikazzjoni;

29.  Jissottolinja li l-proġett iPACS ser jipprovdi lill-Parlament b'teknoloġija ta' sigurtà moderna u integrata sabiex jitneħħew id-dgħufijiet eżistenti fis-sigurtà tal-bini u fl-2020 ser ikun fil-ħames u l-aħħar sena ta' implimentazzjoni; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jiġbor fil-qosor fid-dettall l-ispejjeż kollha marbuta mas-sigurtà tal-bini mill-2016 'l hawn;

30.  Iqis li l-għodod tal-IT huma strumenti importanti għall-Membri u għall-persunal biex iwettqu xogħolhom iżda jaf huma vulnerabbli għal ċiberattakki; jilqa' għaldaqstant l-aġġornament li sar fl-aħħar sentejn tal-grupp għall-attivitajiet taċ-ċibersigurtà u b'mod partikolari l-fatt li, wara li jilħaq l-istadju ta' funzjonament normali u jkompli bl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tiegħu dwar iċ-Ċibersigurtà, il-baġit rilevanti ser jiżdied biss biex ikopri l-inflazzjoni;

31.  Jilqa' l-isforzi biex jittejbu s-servizzi għall-Membri permezz ta' investiment kontinwu fl-iżvilupp tal-applikazzjonijiet tal-IT, tkomplija tal-programm e-Parliament, riċerka u żvilupp dwar it-Tagħlim Awtomatiku fi ħdan il-memorji tat-traduzzjoni u programm pluriennali dwar il-ġestjoni teknika għall-kmamar tal-konferenzi; jitlob aktar informazzjoni dwar l-ammont totali li ntefaq f'dawn l-aħħar snin f'dawn il-programmi; jinnota li l-implimentazzjoni gradwali fuq il-perjodu twil ta' żmien ta' dawn il-proġetti bil-għan li l-kostijiet jitqassmu fuq snin finanzjarji differenti;

Kwistjonijiet relatati mal-Membri u mal-Assistenti Parlamentari Akkreditati

32.  Jitlob lill-Bureau sabiex jaħdem fuq soluzzjoni teknika li tippermetti lill-Membri jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw filwaqt li jibbenefikaw mil-liv tal-maternità, tal-paternità jew tal-mard tagħhom;

33.  Iqis li d-drittijiet soċjali u tal-pensjoni tal-Assistenti Parlamentari Akkreditati (APA) għandhom jiġu rrispettati; itenni t-talba tiegħu, f'dan ir-rigward, sabiex tinstab soluzzjoni prattika għal dawk l-APA li, wara li ħadmu f'żewġ leġiżlaturi mingħajr interruzzjoni fit-tmiem tal-leġiżlatura attwali, mhumiex ser ikollhom dritt għall-aċċess għall-iskema Ewropea tad-drittijiet tal-pensjoni meta jilħqu l-età tal-pensjoni peress li dawn ser ikollhom xi żmien nieqes mis-servizz meħtieġ ta' għaxar snin kif stabbilit fir-Regolamenti tal-Persunal minħabba l-elezzjonijiet bikrija fl-2014 u d-dewmien fil-validazzjoni tal-kuntratti l-ġodda tal-APA dovut għall-ammont kbir ta' ħidma matul il-perjodi ta' wara l-elezzjonijiet tal-2009; jistieden, għalhekk, lis-Segretarju Ġenerali sabiex jissottometti proposti ġodda prattiċi u kredibbli mmirati biex isolvu din il-problema darba għal dejjem;

34.  Jinnota r-reviżjoni tar-rati ta' allowances lill-APA mħallsa għall-missjonijiet li jagħmlu bejn it-tliet postijiet tax-xogħol tal-Parlament; ifakkar madankollu t-talba ripetutament adottata tiegħu lill-Bureau sabiex jieħu azzjoni għall-allinjament sħiħ tar-rati ta' allowances imħallsa għall-missjonijiet li jagħmlu bejn it-tliet postijiet tax-xogħol tal-Parlament bejn l-uffiċjali, impjegati ċivili oħrajn u APA mil-leġiżlatura li jmiss;

35.  Jilqa' d-deċiżjoni dwar it-trainees tal-Membri meħuda mill-Bureau fl-10 ta' Diċembru 2018 li se tidħol fis-seħħ fit-2 ta' Lulju 2019; jisħaq fuq il-fatt li remunerazzjoni minima vinkolanti tat-trainees għandha tiggarantilhom dħul deċenti bħal ma jiġri fil-każ tat-trainees fi ħdan l-amministrazzjonijiet tal-istitutzzjonijiet tal-UE;

36.  Jistenna li s-servizzi tat-traduzzjoni tal-Parlament jwettqu l-funzjoni ewlenija tagħhom li jappoġġjaw il-leġiżlazzjoni Unjoni u jgħinu lill-Membri fit-twettiq ta' dmirijiethom billi jipprovdu dokumenti tradotti b'livell għoli ta' kwalità fil-qafas ta' strateġija sostenibbli għall-futur;

37.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar l-infiq addizzjonali fuq l-interpretazzjoni tal-ispjegazzjoni tal-vot orali matul is-sessjonijiet plenarji; iħeġġeġ lis-Segretarju Ġenerali jippreżenta analiżi mqassma dettaljata tal-ispejjeż relatati mal-ispjegazzjoni tal-vot orali; ifakkar li alternattivi, bħal spjegazzjoni tal-vot bil-miktub kif ukoll diversi faċilitajiet pubbliċi ta' komunikazzjoni, huma disponibbli għall-Membri li jixtiequ jispjegaw il-pożizzjonijiet tal-vot tagħhom jew iqajmu kwistjonijiet rilevanti għat-tħassib tal-elettorat tagħhom; f'dak il-kuntest, iqis li, sabiex jinkiseb iffrankar sinifikanti, l-ispjegazzjoni orali tal-vot tista' tiġi abolita;

38.  Ifakkar fl-Artikoli 27(1) u (2) fl-Istatut għall-Membri li jiddikjara li "Il-Fondgħall-pensjoni volontarja mwaqqaf mill-Parlament Ewropew għandu jinżamm wara d-dħul fis-seħħ ta' dan l-Istatut għall-Membri jew ex-Membri li diġà kisbu drittijiet jew jeddijiet futuri f'dak il-fond" u li "Drittijiet miksuba u drittijiet futuri għandhom jinżammu fl-intier tagħhom"; jistieden lis-Segretarju Ġenerali u lill-Bureau jirrispettaw bis-sħiħ l-Istatut għall-Membri u b'mod urġenti jistabbilixxu pjan ċar għall-Parlament li jassumi u jieħu f'idejh l-obbligi u r-responsabbiltajiet għall-iskema tal-pensjoni volontarja tal-Membri tiegħu flimkien mal-Fond tal-Pensjoni; Itenni t-talba tiegħu lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri teżamina l-Fond Volontarju tal-Pensjoni tal-Membri u tinvestiga l-modi kif għandu jiġi żgurat finanzjament sostenibbli tal-Fond Volontarju tal-Pensjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Istatut għall-Membri, filwaqt li tiġi garantita t-trasparenza sħiħa;

39.  Itenni l-appell tiegħu għal trasparenza rigward l-Allowance għan-Nefqa Ġenerali (GEA) għall-Membri; jiddispjaċih li l-Bureau ma rnexxilux jintroduċi aktar trasparenza u obbligu ta' rendikont f'dan ir-rigward; jitlob li l-Membri jkunu kompletament responsabbli għall-infiq taħt din l-allowance;

Kwistjonijiet relatati mal-persunal

40.  Jemmen li, f'perjodu fejn ir-riżorsi finanzjarji u tal-persunal disponibbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni x'aktarx ser ikunu dejjem aktar limitati, huwa importanti li jiġu identifikati oqsma, inklużi iżda mhux limitati għas-servizzi tal-IT u tas-sigurtà, tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjoni jew is-servizz tax-xufiera, fejn sinerġiji bejn il-funzjonijiet amministrattivi jistgħu jiżdiedu permezz tal-użu tal-esperjenza tal-Parlament u tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni u billi jitqiesu bis-sħiħ id-diffikultajiet ta' governanza u d-differenzi f'termini ta' skala biex jinħolqu ftehimiet ta' kooperazzjoni ġusti;

41.  Jitlob li jiddaħħal rekwiżit li l-kontijiet tal-Membri relatati mal-allowance għall-ispejjeż ġenerali jiġu ċċekkjati minn accountant estern, tal-anqas fi tmiem il-mandat ta' Membru; jitlob, barra minn hekk, li l-infiq jiġi ppubblikat billi titqiegħed link ma' din id-data fil-paġni personali tal-Membri fis-sit web tal-Parlament Ewropew;

42.  Jilqa' l-ftehimiet ta' kooperazzjoni eżistenti bejn il-Parlament, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew li għandhom l-għan li jidentifikaw oqsma oħra li fihom jistgħu jiġu kondiviżi l-funzjonijiet amministrattivi; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jevalwa l-kooperazzjoni eżistenti fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex jidentifika aktar sinerġiji u ffrankar potenzjali;

43.  Jirrispetta l-prinċipju ta' aċċessibbiltà għaċ-ċittadini kollha; jistieden lis-Segretarju Ġenerali bi qbil mar-rikjesti adottati mill-Plenarja interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali internazzjonali għad-dibattiti plenarji kollha, janalizza l-fattibbiltà tagħha;

44.  Ifakkar fir-rakkomandazzjonijiet tar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tas-26 ta' Ottubru 2017, tal-11 ta' Settembru 2018 u tal-15 ta' Jannar 2019 dwar il-ġlieda kontra l-fastidju sesswali u l-abbuż fl-Unjoni kif ukoll il-miżuri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-fastidju morali u l-fastidju sesswali; jitlob appoġġ biex jiġu koperti l-ispejjeż ta' għarfien espert estern li huwa meħtieġ biex l-awditu estern jiġi estiż għall-"Kumitat konsultattiv tal-Persunal għall-persunal tal-Parlament" dwar il-prevenzjoni tal-fastidju; jitlob għal approprjazzjonijiet li jkopru l-implimentazzjoni sħiħa tal-passi tar-riformi fil-Parlament imsemmija fir-riżoluzzjoni dwar il-ġlieda kontra l-fastidju sesswali, inkluż it-taħriġ obbligatorju frekwenti kontra l-fastidju għall-persunal, l-APAs kollha u għall-Membri; barra minn hekk huwa tal-opinjoni li l-approprjazzjonijiet huma meħtieġa biex ikopru l-ispejjeż tal-medjaturi u ta' esperti oħra kompetenti biex jipprevjenu u jamministraw il-każijiet ta' fastidju fi ħdan il-Parlament flimkien man-netwerk ta' konsulenti kunfidenzjali u strutturi attwali;

45.  Jirrakkomanda aktar użu ta' vidjokonferenzi u teknoloġiji oħra sabiex jiġi protett l-ambjent u jiġu ffrankati r-riżorsi,b'mod partikolari billi jitnaqqsu l-missjonijiet tal-persunal bejn it-tliet postijiet ta' xogħol;

Kwistjonijiet oħra

46.  Iqis li l-proċedura għall-adozzjoni tal-estimi tal-Parlament għandha tiġi riveduta, filwaqt li jitqies id-dokument dwar il-ħidma li għaddejja mfassal mill-Grupp ta' Ħidma dwar il-proċedura baġitarja interna tal-Parlament, u fl-istess waqt tiġi rrispettata x-xewqa tal-gruppi politiċi li jissemplifikaw il-proċedura attwali, jagħmluha aktar effiċjenti billi jnaqqsu l-ammont ta' xogħol għall-Membri u għall-persunal kif ukoll tiżdied it-trasparenza u jiġu ċċarati r-responsabbiltajiet bejn l-atturi involuti; ifakkar li fil-proċedura attwali, il-Kumitat għall-Baġits iwettaq l-istess kompiti darbtejn, darba matul il-fażi tar-rebbiegħa (konċiljazzjoni mal-Bureau għall-adozzjoni tal-estimi tal-Parlament) u darb'oħra matul il-fażi tal-ħarifa (tressiq tal-emendi baġitarji) li jirriżulta f'għadd akbar ta' laqgħat, produzzjoni ta' dokumenti u spejjeż relatati (traduzzjonijiet, interpreti, eċċ.);

47.  Jitlob li jinżamm finanzjament adegwat taċ-Ċentru Medjatiku Ewropew tax-Xjenza, għal kooperazzjoni mal-istazzjonijiet tat-televiżjoni, il-midja soċjali u sħab ulterjuri sabiex jiġu stabbiliti skopijiet ta' taħriġ għall-ġurnalisti żgħażagħ, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam ma' żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi ġodda u ma' aħbarijiet ibbażati fuq il-fatti u rieżaminati bejn il-pari;

48.  Jappella lis-Segretarju Ġenerali u lill-Bureau biex inisslu kultura ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u tas-sostenibbiltà ambjentali fl-amministrazzjoni kollha tal-Parlament u approċċ ta' ġestjoni razzjonalizzata sabiex tiżdied l-effiċjenza u jitnaqqsu d-dokumentazzjoni u l-burokrazija fil-qafas tal-ħidma interna tal-istituzzjoni; jisħaq fuq il-fatt li l-esperjenza ta' ġestjoni razzjonalizzata hija t-titjib kontinwu tal-proċedura tal-ħidma bis-saħħa tas-semplifikazzjoni u l-esperjenza tal-persunal amministrattiv;

49.  Jitlob li jkun hemm trasparenza sħiħa fl-użu u l-ġestjoni tal-finanzjament magħmul disponibbli għall-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet Ewropej; jitlob li ssir evalwazzjoni bir-reqqa u kontroll tal-infiq tal-baġit mill-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej; jiġbed l-attenzjoni għall-kunflitt ta' interess li jirriżulta mill-isponsorjar tal-attivitajiet tal-partiti politiċi Ewropej minn kumpaniji privati; jitlob għalhekk li jiġu pprojbiti d-donazzjonijiet u l-isponsorizzazzjonijiet ta' kull xorta minn kumpanniji privati lill-partiti politiċi Ewropej u lill-fondazzjonijiet Ewropej;

o
o   o

50.  Jadotta l-estimi għas-sena finanzjarja 2020;

51.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u l-estimi lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15.
(5) Testi adottati, P8_TA(2017)0417.
(6) Testi adottati, P8_TA(2018)0182.
(7) Testi adottati, P8_TA(2018)0331.
(8) Testi adottati, P8_TA(2018)0404.
(9) Testi adottati, P8_TA(2018)0503.
(10) Testi adottati, P8_TA(2019)0010.
(11) Testi adottati, P8_TA(2015)0172.
(12) Testi adottati mill-Bureau, PE 113.116/BUR./rev. XXVI/01–04–2009.

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Mejju 2019Avviż legali