Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2628(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0225/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 28/03/2019 - 8.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0327

Testi adottati
PDF 142kWORD 54k
Il-Ħamis, 28 ta' Marzu 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Is-sitwazzjoni ta' emerġenza fil-Venezwela
P8_TA-PROV(2019)0327RC-B8-0225/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Marzu 2019 dwar is-sitwazzjoni ta' emerġenza fil-Venezwela (2019/2628(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dawk tat-3 ta' Mejju 2018 dwar l-elezzjonijiet presidenzjali fil-Venezwela(1), tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-kriżi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u fuq il-fruntieri tal-art tagħha mal-Kolombja u l-Brażil(2) u tal-25 ta' Ottubru 2018(3) u l-31 ta' Jannar 2019(4) dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela, fejn din tal-aħħar tirrikonoxxi lis-Sur Juan Guaidó bħala l-president interim leġittimu tal-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Union għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ/VP) dwar il-Venezwela tal-10 ta' Jannar 2019, is-26 ta' Jannar 2019 u l-24 ta' Frar 2019, u l-aktar konklużjonijiet riċenti tal-Kunsill,

–  wara li kkunsidra dikjarazzjoni mill-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) tal-20 ta' April 2018 dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela, u d-dikjarazzjoni konġunta tal-istati membri tal-OAS dwar il-Venezwela tal-24 ta' Jannar 2019,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Grupp ta' Lima tal-25 ta' Frar 2019,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet dwar il-Venezwela tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-25 ta' Jannar 2019 u l-20 ta' Marzu 2019,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Venezwela, u b'mod partikolari l-Artikolu 233 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Venezwela qed tħabbat wiċċha ma' kriżi politika, ekonomika, istituzzjonali, soċjali u umanitarja multidimensjonali profonda u bla preċedent, nuqqas ta' mediċini u ikel, sitwazzjoni ta' ksur estensiv tad-drittijiet tal-bniedem, l-iperinflazzjoni, l-oppressjoni politika, il-korruzzjoni u l-vjolenza; billi l-kundizzjonijiet tal-għajxien iddeterjoraw b'mod serju u 87 % tal-popolazzjoni issa qed jgħixu fil-faqar; billi 78 % tat-tfal fil-Venezwela jinsabu f'riskju ta' malnutrizzjoni; billi 31 minn kull 1 000 tifel u tifla jmutu qabel l'età ta' 5 snin; billi aktar minn 1 miljun tifel u tifla ma għadhomx jattendu l-iskola;

B.  billi l-UE tibqa' konvinta li soluzzjoni politika paċifika u demokratika hija l-uniku mod sostenibbli biex noħorġu mill-kriżi; billi kwalunkwe spekulazzjoni dwar strateġija biex jinbeda intervent militari fil-Venezwela tiġġenera u żżid il-vjolenza fil-pajjiż u jkollha effett diżastruż fuq ir-reġjun kollu kemm hu;

C.  billi hemm ir-riskju li l-provvisti tal-ikel fil-Venezwela, li diġà huma limitati, ma jibqgħux tajba għall-konsum; billi n-nies qed isibuha diffiċli ħafna biex jiksbu l-ilma, l-ikel u l-mediċini; billi, skont il-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati (UNHCR) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), aktar minn 2.7 miljun Venezwelan telqu mill-pajjiż mill-2015 'l hawn u dan in-numru jista' jiżdied għal 5 miljun sal-aħħar tas-sena jekk il-kriżi tkompli tmur għall-agħar;

D.  billi fit-23 ta' Frar 2019 l-għajnuna umanitarja li kienet maħżuna fil-Kolombja u l-Brażil ġiet irrifjutata bis-saħħa u f'xi każijiet inqerdet mir-reġim illegali ta' Maduro bl-użu ta' forzi militari u paramilitari; billi r-repressjoni rriżultat fil-qtil ta' bosta persuni, it-tidrib ta' għexieren ta' nies u mijiet arrestati; billi l-operazzjonijiet militari Venezwelani, il-kriminalità organizzata u t-terroristi jirrappreżentaw riskju għall-istabbiltà tar-reġjun, u b'mod partikolari għat-territorju ġar tal-Kolombja;

E.  billi fil-bidu ta' Marzu l-Venezwela esperjenzat qtugħ fil-provvista tal-elettriku li dam iktar minn 100 siegħa, li aggrava l-kriżi tal-kura tas-saħħa li diġà kienet drammatika, bir-riżultat li l-isptarijiet spiċċaw mingħajr ilma tax-xorb u s-servizzi tagħhom ikkrollaw, filwaqt li seħħ ukoll sakkeġġ; billi, skont l-organizzazzjoni Doctors for Health, tal-inqas 26 persuna mietu fi sptarijiet minħabba nuqqas ta' elettriku; billi fil-25 ta' Marzu kien hemm qtugħ ieħor twil fil-provvista tal-elettriku, li ħalla lil Caracas u 20 reġjun ieħor fil-pajjiż fi dlam totali;

F.  billi l-qtugħ tal-provvista tal-elettriku ilu jseħħ għal bosta snin u huwa konsegwenza diretta ta' ġestjoni ħażina, nuqqas ta' manutenzjoni, u korruzzjoni mir-reġim illegali ta' Maduro;

G.  billi fi Frar 2019 delegazzjoni ta' erba' Membri tal-grupp tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) mistiedna uffiċjalment mill-Assemblea Nazzjonali u l-president interim Juan Guaidó, tkeċċiet mill-pajjiż;

H.  billi fis-6 ta' Marzu 2019 ir-reġim illegali ta' Maduro ordna lill-Ambaxxatur Ġermaniż jitlaq il-pajjiż, wara li kien akkużat b'atti rikorrenti ta' interferenza fl-affarijiet interni; billi xi ġurnalisti barranin u lokali ġew arrestati wkoll, it-tagħmir tal-midja tagħhom ġie konfiskat, u, wara li nħelsu, tkeċċew;

I.  billi Juan Guaidó ħatar lil Ricardo Hausmann bħala r-rappreżentant tal-pajjiż fil-Bank Interamerikan tal-Iżvilupp (IDB) u l-Korporazzjoni Interamerikana tal-Investiment (IIC);

J.  billi, fil-21 ta' Marzu 2019, il-pulizija tal-intelligence Venezwelana arrestat lill-kap tal-kabinett ta' Juan Guaidó, Roberto Marrero, u daħlet bil-forza fid-dar ta' Sergio Vergara, membru tal-Assemblea Nazzjonali għall-Istat ta' Táchira, minkejja l-immunità parlamentari tiegħu;

K.  billi fit-23 ta' Jannar 2019, żewġ ajruplani tal-Forza tal-Ajru Russa waslu fl-Ajruport Internazzjonali ta' Simón Bolívar, f'Maiquetía, b'tagħmir militari u mill-inqas mitt suldat abbord, u billi avvenimenti analogi seħħew ripetutament f'dawn l-aħħar xhur;

L.  billi fil-21 ta' Marzu 2019, l-Imħallef Venezwelan Afiuni Mora ngħata sentenza ta' 5 snin ħabs fuq akkużi ta' "korruzzjoni spiritwali"; billi dan l-imħallef kien diġà skonta sentenza twila ta' ħabs fil-passat u kien għadu qed jinżamm taħt arrest domiċiljarju inġust;

M.  billi ġie rappurtat fil-15 ta' Marzu 2019 li Tomasz Surdel, il-korrispondent Venezwelan għall-gazzetta Pollakka Gazeta Wyborcza, kien ġie attakkat b'mod vjolenti, allegatament mill-Forzi ta' Azzjoni Speċjali tal-Pulizija Nazzjonali Venezwelana, waqt li kien qed isuq il-karozza tiegħu f'Caracas;

N.  billi l-forza tal-pulizija u s-servizz tal-intelligence militari Kubani huma l-element strateġiku li jippermetti l-eżistenza kontinwa tar-reġim illegali ta' Maduro;

1.  Jikkonferma r-rikonoxximent tiegħu ta’ Juan Guaidó bħala l-president interim leġittimu tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, f'konformità mal-Artikolu 233 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela, u jtenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-Assemblea Ġenerali, l-uniku korp demokratiku leġittimu tal-Venezwela; jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-pjan direzzjonali ta' Guaidó, partikolarment dwar it-tmiem tal-użurpazzjoni, l-istabbiliment ta' gvern tranżitorju nazzjonali u l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet presidenzjali ta' malajr; jilqa' l-fatt li parti sinifikanti mill-komunità internazzjonali u l-maġġoranza kbira tal-Istati Membri tal-UE rrikonoxxew il-leġittimità ta' Guaidó, u jistieden lill-bqija tal-Istati Membri biex jagħmlu dan b’mod urġenti;

2.  Jikkundanna r-repressjoni u l-vjolenza ħorox, li wasslu biex persuni nqatlu u ndarbu; jesprimi s-solidarjetà tiegħu man-nies tal-Venezwela u jesprimi l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji u lill-ħbieb tagħhom;

3.  Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni umanitarja ta' emerġenza gravi, li qed tagħmel ħsara kbira lil ħajjet il-Venezwelani;

4.  Itenni t-talba tiegħu għar-rikonoxximent sħiħ bħala ambaxxaturi tar-rappreżentanti diplomatiċi maħtura mill-president interim leġittimu tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, Juan Guaidó, għall-UE u l-Istati Membri tagħha; jilqa' r-rikonoxximent mill-Bord tal-Gvernaturi tal-Bank Inter-Amerikan tal-Iżvilupp u l-Korporazzjoni Inter-Amerikana tal-Investiment ta' Ricardo Hausmann bħala Gvernatur tal-Venezwela f'dawk l-entitajiet; jiddispjaċih dwar is-sospensjoni tal-Laqgħa Annwali tal-Assemblej tal-Gvernaturi tal-IDB tal-2019 mill-ospitanti Ċiniżi tagħha;

5.  Jikkundanna l-abbuż tal-infurzar tal-liġi u r-repressjoni brutali minn korpi ta' sigurtà, li llimitaw id-dħul ta' għajnuna umanitarja; jikkundanna l-użu ta' gruppi armati irregolari biex jattakkaw u jintimidaw liċ-ċittadini u l-leġiżlaturi li mmobilizzaw ruħhom biex iqassmu l-għajnuna; jappoġġja l-membri tal-militar tal-Venezwela li rrifjutaw li jrażżnu lill-popolazzjoni ċivili waqt din il-kriżi u telqu; jirrikonoxxi l-ħidma tal-awtoritajiet Kolombjani fil-ħarsien u l-kura ta' dawn is-suldati leali lejn il-Kostituzzjoni u l-poplu tal-Venezwela;

6.  Jikkundanna bil-qawwa l-fastidju, id-detenzjoni u t-tkeċċija ta' diversi ġurnalisti li kienu qed isegwu s-sitwazzjoni fil-Venezwela; itenni t-talbiet preċedenti tiegħu lir-reġim illegali ta' Maduro biex b'mod immedjat itemm ir-repressjoni kontra l-mexxejja politiċi, il-ġurnalisti u l-membri tal-oppożizzjoni, inkluż ir-rebbieħ tal-Premju Sakharov Leopoldo López; jitlob ir-rilaxx immedjat u inkundizzjonat tal-persuni detenuti kollha minħabba l-fatt li huma qraba tal-president interim Juan Guaidó jew membri tat-tim tiegħu;

7.  Jikkundanna l-attakki mis-servizzi tas-sigurtà ta' Maduro u d-detenzjoni ta' Robert Marrero, il-kap tal-kabinett tal-president interim Juan Guaidó, kif ukoll id-dħul furzat reċenti fid-dar tal-membru tal-Assemblea Nazzjonali Sergio Vergara; jitlob li Marrero jinħeles immedjatament; jikkundanna s-sekwestru tal-membru tal-Assemblea Nazzjonali Juan Requesens u jitlob il-ħelsien immedjat tiegħu;

8.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu favur soluzzjoni paċifika għall-pajjiż permezz ta' elezzjonijiet presidenzjali ħielsa, trasparenti u kredibbli msejsa fuq kalendarju fiss, kundizzjonijiet ġusti għall-atturi kollha, inkluż Kunsill Elettorali Nazzjonali newtrali, it-trasparenza u l-preżenza ta' osservaturi internazzjonali kredibbli;

9.  Ifaħħar l-isforzi li saru mill-pajjiżi tal-Grupp ta' Lima bħala mekkaniżmu reġjonali ewlieni li qed ifittex soluzzjoni demokratika għall-kriżi taħt it-tmexxija ta' Juan Guaidó bħala president interim leġittimu tal-Venezwela;

10.  Jiġbed l-attenzjoni fuq il-kriżi migratorja akbar fir-reġjun kollu u jirrikonoxxi l-isforzi u s-solidarjetà murija mill-pajjiżi ġirien, u jitlob lill-Kummissjoni tkompli tikkoopera ma' dawn il-pajjiżi, mhux biss billi tipprovdi għajnuna umanitarja iżda wkoll billi tipprovdi aktar riżorsi u permezz tal-politika tal-iżvilupp;

11.  Jesprimi tħassib serju dwar il-preżenza ta' gruppi terroristiċi u tal-kriminalità organizzata fil-Venezwela, u l-espansjoni u l-operazzjoni transfruntiera tagħha, b'mod speċjali lejn il-Kolombja, li qed tqiegħed f'sogru l-istabbiltà tar-reġjun kollu;

12.  Jitlob sanzjonijiet addizzjonali mmirati lejn l-assi tal-awtoritajiet statali illegittimi barra mill-pajjiż u dawk l-individwi responsabbli mill-ksur u r-repressjoni tad-drittijiet tal-bniedem; iqis li l-awtoritajiet tal-UE konsegwentement iridu jillimitaw il-movimenti ta' dawn l-individwi, kif ukoll tal-eqreb qraba tagħhom, u jiffriżaw l-assi u l-viżi tagħhom;

13.  Jieħu nota tal-istabbiliment tal-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali, li jrid jinżamm milli jintuża mir-reġim illegali ta' Maduro bħala strateġija għal dewmien biex tissolva l-kriżi bl-għan li jibqa' fil-poter; jinnota n-nuqqas ta' kwalunkwe riżultat tanġibbli s'issa min-naħa tal-grupp ta' kuntatt, li l-iskop ewlieni tiegħu għandu jkun il-ħolqien tal-kundizzjonijiet li jistgħu jwasslu għal elezzjonijiet presidenzjali ta' malajr u l-faċilitazzjoni tat-twassil tal-għajnuna umanitarja biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet urġenti tal-popolazzjoni Venezwelana; jitlob lill-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali jikkollabora mal-Grupp ta' Lima, bħala attur reġjonali ewlieni; f'dan il-qafas, jitlob lis-SEAE, b'kollaborazzjoni mal-Parlament Ewropew, biex joffri l-għarfien espert tiegħu fil-qasam tal-assistenza elettorali;

14.  Jistieden lill-Istati Membri, lill-VP/RGħ u lill-pajjiżi tar-reġjun jesploraw il-possibilità li jistabbilixxu konferenza internazzjonali tad-donaturi bil-għan li jipprovdu appoġġ finanzjarju wiesa' għar-rikostruzzjoni u t-tranżizzjoni għad-demokrazija;

15.  Jappoġġa bil-qawwa t-talba tas-Segretarju Ġenerali tan-NU biex issir investigazzjoni indipendenti u sħiħa dwar id-diżgrazzji rrappurtati; ifakkar fl-impenn tal-UE favur multilateraliżmu effikaċi fil-qafas tan-NU sabiex tiġi evitata katastrofi umanitarja b'konsegwenzi akbar; itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għar-rwol tal-QKI fil-ġlieda kontra l-impunità u biex dawk li wettqu l-vjolenza u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem iħallsu ta' għemilhom, u għall-ftuħ ta' investigazzjoni wara l-eżami preliminari f'delitti mwettqa mir-reġim illegali ta' Maduro, inklużi wħud li huma delitti serji kontra l-umanità;

16.  Jiddenunzja l-influwenza tar-reġim Kuban fil-Venezwela, li bl-użu tal-aġenti tiegħu, ikkontribwixxa għad-destabbilizzazzjoni tad-demokrazija u għal żieda fir-repressjoni politika kontra l-forzi demokratiċi tal-Venezwela; jindika li intervent ta' dan it-tip jaf ikollu konsegwenzi għar-relazzjonijiet bejn l-UE u Kuba, inkluż id-Djalogu Politiku u l-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn l-UE u Kuba;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President interim leġittimu tar-Repubblika u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tal-Grupp ta' Lima, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

(1) Testi adottati, P8_TA(2018)0199.
(2) Testi adottati, P8_TA(2018)0313.
(3) Testi adottati, P8_TA(2018)0436.
(4) Testi adottati, P8_TA(2019)0061.

Aġġornata l-aħħar: 29 ta' Marzu 2019Avviż legali