Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2670(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0222/2019

Testi mressqa :

B8-0222/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 28/03/2019 - 8.11
CRE 28/03/2019 - 8.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0329

Testi adottati
PDF 172kWORD 53k
Il-Ħamis, 28 ta' Marzu 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Żviluppi riċenti rigward l-iskandlu "Dieselgate"
P8_TA-PROV(2019)0329B8-0222/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Marzu 2019 dwar l-iżviluppi riċenti rigward l-iskandlu "Dieselgate" (2019/2670(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 226 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tad-19 ta' April 1995 dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew(1),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2016/34 tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar it-twaqqif ta' Kumitat ta' Inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku, is-setgħat, id-daqs numeriku u t-tul tal-mandat tiegħu(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta' vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/646 tal-20 ta' April 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 692/2008 fir-rigward tal-emissjonijiet minn vetturi ħfief għall-passiġġieri u minn vetturi kummerċjali (Euro 6)(6),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2015 dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar l-inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku(9) (abbażi tar-rapport interim tal-Kumitat ta' Inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku),

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Kumitat ta' Inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku tat-2 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2017 lill-Kunsill u lill-Kummissjoni wara l-inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku(10),

–  wara li kkunsidra d-dokument informattiv u analitiku tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tas-7 ta' Frar 2019 dwar ir-rispons tal-UE għall-iskandlu "Dieselgate",

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) tat-13 ta' Diċembru 2018 fil-Kawżi Magħquda T-339/16, T-352/16 u T-391/16(11),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman Ewropew fil-każ 1275/2018/EWM,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2019 dwar Ewropa li tipproteġi: Arja nadifa għal kulħadd(12),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Parlament kien talab rapport komprensiv mill-Kummissjoni dwar l-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri dwar il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta' Inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku (minn hawn 'il quddiem "il-Kumitat EMIS");

B.  billi, fit-18 ta' Ottubru 2018, il-Kummissarju għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs, Elżbieta Bieńkowska, bagħtet ittra lill-ex President tal-Kumitat EMIS b'tabella ta' azzjonijiet ta' segwitu meħuda mill-Kummissjoni bħala rispons għat-talba għal "rapport komprensiv dwar l-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat EMIS";

C.  billi t-tabella mehmuża ma' din l-ittra kienet intiża biss biex tindirizza kwistjonijiet imqajma fir-rakkomandazzjonijiet u ma indirizzatx il-konklużjonijiet tal-Kumitat EMIS, b'mod partikolari fir-rigward tal-każijiet ta' amministrazzjoni ħażina u ksur tad-dritt tal-UE; billi l-Kummissarju Bieńkowska ssottolinjat diversi drabi fit-tabella li ċerti kwistjonijiet indirizzati fir-rakkomandazzjonijiet ma jaqgħux taħt il-mandat tagħha;

D.  billi, fit-12 ta' Ottubru 2018, l-Ombudsman Ewropew ikkonfermat l-ilment li sar minn Membru tal-Parlament Ewropew u sabet li l-fatt li l-Kummissjoni rrifjutat li tagħti aċċess pubbliku għall-pożizzjonijiet kollha tar-rappreżentanti tal-Istati Membri b'rabta ma' informazzjoni ambjentali jikkostitwixxi amministrazzjoni ħażina;

E.  billi din l-imġiba ostruttiva min-naħa tal-Kummissjoni wasslet għal tnaqqis sinifikanti fir-ritmu tal-ħidma tal-Kumitat EMIS u, fost impatti negattivi oħra, ċekknet l-ammont ta' informazzjoni disponibbli għall-Membri tal-Parlament Ewropew huma u jagħmlu mistoqsijiet lir-rappreżentanti tal-Kummissjoni waqt is-seduti ta' smigħ;

F.  billi, fit-13 ta' Diċembru 2018, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet li tappoġġja l-azzjonijiet imressqa mill-bliet ta' Pariġi, Brussell u Madrid (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawżi Magħquda T-339/16, T-352/16 u T-391/16) u annullat parzjalment ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/646, li kien stabbilixxa limiti għoljin wisq għall-emissjonijiet ta' nitroġenu għat-testijiet ta' vetturi ħfief ġodda għall-passiġġieri jew ta' vetturi ħfief ġodda kummerċjali;

G.  billi, fit-22 ta' Frar 2019, il-Kummissjoni ddeċidiet li tappella din is-sentenza, fattur li għandu mnejn itawwal l-iskadenza stabbilita mill-Qorti għaż-żamma tal-hekk imsejħa "fatturi ta' konformità";

H.  billi, fis-6 ta' Diċembru 2016, il-Kummissjoni ddeċidiet li tniedi proċeduri ta' ksur kontra seba' Stati Membri, jiġifieri r-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Greċja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Spanja u r-Renju Unit, talli naqsu milli jistabbilixxu sistemi ta' penali biex jiskoraġġixxu lill-manifatturi tal-karozzi milli jiksru l-leġiżlazzjoni dwar l-emissjonijiet tal-karozzi jew talli naqsu milli jimponu tali sanzjonijiet fil-każ tal-grupp Volkswagen;

I.  billi, fis-17 ta' Mejju 2017, il-Kummissjoni bdiet proċedura oħra ta' ksur rigward l-istrateġiji ta' kontroll tal-emissjonijiet użati mill-grupp Fiat Chrysler Automobiles (FCA) u rigward il-fatt li l-Italja naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha li tadotta miżuri korrettivi u timponi sanzjonijiet fuq dan il-manifattur;

J.  billi, minkejja l-fatt li dawn il-proċeduri – li għadhom għaddejjin kontra l-Ġermanja, l-Italja, il-Lussemburgu u r-Renju Unit – tnedew aktar minn sentejn ilu, il-Kummissjoni għadha ma marritx lil hinn mill-istadju li tfittex aktar informazzjoni mill-Istati Membri permezz ta' ittri addizzjonali ta' intimazzjoni;

K.  billi jidher li xi Stati Membri mhumiex qed jikkooperaw b'mod sinċier mal-Kummissjoni f'dan ir-rigward;

L.  billi, fi stqarrija għall-istampa maħruġa fis-16 ta' Ottubru 2018 dwar il-programm ta' ħidma tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) għall-2019, il-President tal-QEA, Klaus-Heiner Lehne, ħabbar li l-QEA kellha teżamina l-approċċ tal-UE għall-kejl tal-emissjonijiet tal-vetturi sabiex "jiġi stabbilit jekk l-UE hijiex twettaq dak li wiegħdet";

M.  billi d-dokument informattiv u analitiku tal-QEA tas-7 ta' Frar 2019 dwar ir-rispons tal-UE għall-iskandlu "Dieselgate" indika li għad hemm numri kbar ta' karozzi niġġiesa ħafna fit-triq u osserva li s-sejħiet lura tal-vetturi li għaddejjin bħalissa kellhom impatt limitat fuq l-emissjonijiet ta' NOx, kif kellhom ukoll l-aġġornamenti tas-software mibdija f'dak ir-rigward;

N.  billi l-Ġermanja tirrikjedi li l-manifatturi tal-karozzi Ġermaniżi joffru lis-sidien tal-karozzi programm ta' skambju jew modifika retroattiva għall-hardware b'sistema ta' riduzzjoni katalitika selettiva (RKS);

O.  billi l-wirt li se jħallu l-vetturi diżil niġġiesa ħafna għadu fil-biċċa l-kbira ma ġiex affrontat, peress li tali vetturi se jibqa' jkollhom effett negattiv fuq il-kwalità tal-arja għal ħafna snin jekk l-ebda azzjoni koordinata effikaċi ma tittieħed mill-Kummissjoni u l-Istati Membri bil-ħsieb li jonqsu l-emissjonijiet dannużi li jipproduċu tali vetturi, b'mod partikolari fiż-żoni li fihom tali vetturi jiġu esportati f'numri kbar;

P.  billi, skont l-informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni mill-Istati Membri, il-kampanji ta' sejħiet lura tal-vetturi fl-Istati Membri jirrigwardaw biss għadd limitat ta' karozzi mid-ditti li ġejjin: Volkswagen, Renault, Daimler, Opel u Suzuki;

Q.  billi diversi organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-midja rrappurtaw li mudelli minn diversi ditti oħrajn urew imġiba suspetta fil-konfront tal-emissjonijiet jew qabżu l-limiti tat-tniġġis stabbiliti fid-dritt tal-UE;

R.  billi xi Stati Membri, jiġifieri l-Bulgarija, l-Ungerija, l-Irlanda, is-Slovenja u l-Iżvezja, għadhom ma bagħtu l-ebda informazzjoni lill-Kummissjoni dwar il-programmi ta' sejħiet lura tal-vetturi;

S.  billi r-rispons tal-Kummissjoni għall-iskandlu "Dieselgate" ma kienx jikkonsisti biss mir-reviżjoni tad-Direttiva 2007/46/KE, iżda kien jinkludi wkoll proposta għal direttiva dwar l-azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi (COM(2018)0184); billi tali leġiżlazzjoni vinkolanti hija essenzjali biex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkollhom drittijiet ċari u jkunu jistgħu jieħdu azzjoni kollettiva sinifikattiva, b'mod partikolari peress li fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-2013 dwar ir-rimedju kollettiv kienet waħda skarsa; billi fl-Istati Uniti, fejn is-sistema tal-azzjoni kollettiva hija żviluppata tajjeb, il-vittmi ta' Dieselgate rċevew bejn USD 5 000 u USD 10 000 fi ħlasijiet ta' kumpens, filwaqt li l-konsumaturi Ewropej għadhom qed jistennew kumpens xieraq; billi dan il-fajl huwa fost il-ħafna li huma bblukkati fil-Kunsill;

T.  billi l-President Juncker ippropona reviżjoni tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(13), sabiex l-Istati Membri jiġu obbligati jkunu aktar trasparenti rigward il-pożizzjonijiet li jadottaw fil-livell tal-kumitat; billi proċedura aktar trasparenti għall-adozzjoni tat-test tal-emissjonijiet f'sewqan reali (RDE) ma kinitx tippermetti lill-Istati Membri jdewmu l-proċedura indebitament, kif spjegat fil-konklużjonijiet tal-EMIS; billi dan il-fajl huwa wkoll fost il-ħafna li huma bblukkati fil-Kunsill;

U.  billi wara investigazzjoni mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF), il-Bank Ewropew tal-Investiment u Volkswagen AG waslu għal ftehim rigward parti ta' sottoproġett ta' self ta' EUR 400 miljun li ngħata fl-2009 u li tħallas lura kompletament fil-ħin fi Frar 2014;

V.  billi, skont dan il-ftehim, il-Bank Ewropew tal-Investiment se jikkonkludi l-investigazzjoni tiegħu u Volkswagen AG, min-naħa tagħha, mhijiex se tipparteċipa minn jeddha fi kwalunkwe proġett tal-Bank Ewropew tal-Investiment matul perjodu ta' esklużjoni ta' 18-il xahar;

Responsabbiltajiet tal-Kummissjoni

1.  Ifakkar li, skont l-Artikolu 17(8) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, "il-Kummissjoni bħala grupp għandha tkun responsabbli quddiem il-Parlament Ewropew"; jiddispjaċih, għalhekk, li l-Kummissjoni, bħala grupp, ma ppreżentatx rapport komprensiv lill-Parlament li jindirizza kemm il-konklużjonijiet kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat EMIS;

2.  Jiddeplora l-fatt li l-ittra mill-Kummissarju għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs, Elżbieta Bieńkowska, lill-ex President tal-Kumitat EMIS, mhijiex biżżejjed, peress li mhux il-kwistjonijiet kollha jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Kummissarju, kif iddikjarat fl-ittra, u l-ittra tonqos milli tindirizza l-konklużjonijiet tal-Kumitat EMIS;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tibgħat rapport komprensiv minnufih, approvat mill-Kulleġġ sħiħ, lill-Parlament, kif rikjest mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu, li jindirizza mhux biss ir-rakkomandazzjonijiet, iżda anke l-qalba tal-kompitu investigattiv tal-inkjesta parlamentari, jiġifieri l-konklużjonijiet tal-Kumitat EMIS, b'mod partikolari fir-rigward tal-każijiet ta' amministrazzjoni ħażina u ksur tad-dritt tal-UE; iqis li l-Kummissjoni għandha tislet konklużjonijiet politiċi ċari abbażi tal-konklużjonijiet tal-Kumitat EMIS;

4.  Jinnota li r-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman tikkonferma li l-Kummissjoni xekklet b'mod sinifikanti l-ħidma ta' kumitat ta' inkjesta parlamentari uffiċjali; iqis li l-Kummissjoni għandha tislet konklużjonijiet politiċi ċari minn dan in-nuqqas;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti aċċess għall-minuti tal-laqgħat tal-kumitati tekniċi, b'mod ġenerali, u għal dawk tal-Kumitat Tekniku għall-Vetturi bil-Mutur, b'mod partikolari;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika linji gwida dwar is-sejħa lura ta' vetturi, filwaqt li tiddeskrivi fid-dettall kif il-vetturi li jissejħu lura jridu jikkonformaw mar-regolamenti rilevanti tal-UE, fosthom bl-applikazzjoni ta' modifiki retroattivi tal-hardware meta l-aġġornamenti tas-software ma jiżgurawx il-konformità mal-limiti tal-emissjonijiet;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni biex fil-linji gwida tinkludi miżuri li jiżguraw li l-vetturi li jniġġsu ħafna ma jibqgħux fiċ-ċirkolazzjoni fis-suq tal-prodotti użati, inkluż fi Stati Membri u f'pajjiżi terzi oħra;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-kontrolli tas-sorveljanza tas-suq mill-Istati Membri b'konformità mar-Regolament (UE) 2018/858;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproċedi bil-ħidma fl-ewwel stadju tal-proċeduri ta' ksur kontra l-Ġermanja, il-Lussemburgu, ir-Renju Unit u l-Italja, peress li dawn il-proċeduri ġew varati aktar minn sentejn ilu, u toħroġ opinjonijiet motivati;

10.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-QĠUE tat-13 ta' Diċembru 2018, li kkonkludiet li l-Kummissjoni ma kellha ebda setgħa li temenda, bħala parti mit-tieni pakkett tal-RDE, il-limiti ta' emissjonijiet ta' NOx stabbiliti mill-istandard Euro 6; jinnota li l-QĠUE kkonkludiet ukoll li l-Kummissjoni naqset milli tipprovdi spjegazzjoni teknika sodisfaċenti għall-ħtieġa li l-limiti ta' emissjonijiet ta' NOx jiġu aġġustati bl-introduzzjoni ta' fatturi ta' konformità; iqis li l-limiti ta' emissjonijiet ta' NOx stabbiliti mill-istandard Euro 6 għandhom jiġu rrispettati f'kundizzjonijiet normali ta' użu u li r-responsabbiltà tal-Kummissjoni hija li tfassal testijiet tal-RDE sabiex jirriflettu l-emissjonijiet fid-dinja reali;

11.  Jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tappella s-sentenza tal-QĠUE fil-kawżi T-339/16, T-352/16 u T-391/16, u jitlob lill-Kummissjoni tbiddel id-deċiżjoni tagħha fid-dawl tal-iżviluppi riċenti;

12.  Jitlob lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament jekk id-deċiżjoni biex tappella ttawwal l-iskadenza stabbilita mill-QĠUE sa meta l-fatturi ta' konformità jistgħu jibqgħu fis-seħħ;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta l-limiti ta' emissjonijiet fis-seħħ bħalissa, stabbiliti fir-Regolament 715/2007, li għandhom jiġu rispettati waqt kundizzjonijiet reali tas-sewqan skont dan ir-Regolament, u ma tintroduċi ebda koeffiċjent ta' korrezzjoni ġdid (jiġifieri fatturi ta' konformità) li jagħmlu dawn il-limiti legali inqas stretti;

14.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li r-rapport tal-OLAF wara l-investigazzjoni tiegħu b'rabta mas-self tal-BEI "Antrieb RDI" lil Volkswagen AG qatt ma sar pubbliku, u jiddispjaċih dwar id-dgħufija tal-miżuri meħuda mill-BEI;

Responsabbiltajiet tal-Istati Membri

15.  Jistieden lill-Istati Membri biex, mingħajr dewmien, jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Kummissjoni biex tħejji rapport dwar l-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri dwar il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat EMIS;

16.  Jiddispjaċih dwar l-approċċi differenti u n-nuqqas ta' koordinazzjoni mill-Istati Membri fis-sejħa lura ta' vetturi u fl-offerta ta' programmi ta' skambju; iqis li dawn l-approċċi differenti jikkompromettu l-interessi tal-konsumatur, il-ħarsien tal-ambjent, is-saħħa taċ-ċittadini u l-funzjonament tas-suq intern;

17.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'urġenza l-miżuri meħtieġa biex isejħu lura jew jirtiraw mis-suq in-numru kbir ta' karozzi li jniġġsu ħafna, u jikkooperaw bis-sħiħ mal-Kummissjoni dwar approċċ komuni għal azzjonijiet ta' sejħa lura abbażi ta' linji gwida tal-Kummissjoni;

18.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li r-rekwiżiti ta' programmi ta' skambju u ta' modifiki retroattivi tal-hardware għall-manifatturi Ġermaniżi tal-karozzi mhumiex applikati barra l-Ġermanja jew għal manifatturi tal-karozzi oħra fl-Unjoni;

19.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-manifatturi tal-karozzi jikkoordinaw modifiki retroattivi tal-hardware mandatorji għal vetturi diesel mhux konformi, inklużi modifiki retroattivi tal-hardware tar-riduzzjoni katalitika selettiva, biex inaqqsu l-emissjonijiet tad-diossidu tan-nitroġenu (NO2) u jnaddfu l-flotta eżistenti; iqis li l-ispejjeż ta' dawn il-modifiki retroattivi għandhom jiġġarrbu mill-manifatturi tal-karozzi responsabbli;

20.  Jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma pprovdew ebda informazzjoni lill-Kummissjoni dwar il-programmi ta' sejħa lura tagħhom biex jipprovdu tali informazzjoni mingħajr aktar dewmien;

21.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-effikaċja tal-kontrolli tas-sorveljanza tas-suq u jittestjaw il-karozzi fiċ-ċirkolazzjoni lil hinn mill-parametri tal-RDE biex jiżguraw li l-manifatturi ma jottimizzawx il-vetturi għal dawn it-testijiet tal-RDE bl-użu tal-faċilitajiet tagħhom stess, kif issuġġerit fid-dokument informattiv u analitiku tal-QEA;

22.  Jistieden lill-Istati Membri involuti fil-proċeduri ta' ksur rilevanti jikkooperaw bis-sħiħ mal-Kummissjoni u jipprovdulha l-informazzjoni kollha meħtieġa;

23.  Jistieden lill-Istati Membri ma jħallux lill-manifatturi tal-karozzi jużaw flessibbiltajiet ġodda fil-proċedura ta' ttestjar armonizzata fuq livell dinji għall-vetturi ħfief (WLTP) bħala mezz biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta' CO2;

24.  Ifakkar lill-Istati Membri jiżguraw li l-karozzi kollha fl-istabbilimenti tal-vetturi jużaw biss il-valuri ta' CO2 tad-WLTP, biex tiġi evitata kwalunkwe konfużjoni min-naħa tal-konsumaturi, u jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jaġġustaw it-tassazzjoni tal-vetturi u l-inċentivi fiskali għall-valuri tad-WLTP, filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju li d-WLTP m'għandux ikollha impatt negattiv fuq il-konsumaturi;

25.  Iħeġġeġ lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jassumi r-responsabbiltajiet tiegħu u jadotta b'urġenza approċċ ġenerali dwar il-proposta għal Direttiva dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi u l-proposta għal reviżjoni tar-Regolament 182/2011;

26.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat livell għoli u uniformi ta' protezzjoni tal-konsumatur fis-suq uniku fil-konfront ta' kwalunkwe manipulazzjoni futura mill-manifatturi tal-karozzi li tirriżulta f'emissjonijiet ogħla minn dawk mistennijin u jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw l-iżvilupp ta' proċeduri ġusti, affordabbli u f'waqthom għal rimedju kollettiv;

27.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu passi deċiżivi biex jiffaċilitaw l-aċċess għal vetturi b'emissjonijiet żero jew baxxi fl-Istati Membri kollha, filwaqt li jevitaw żieda fl-użu ta' vetturi qodma u li jniġġsu ħafna fi Stati Membri b'introjtu aktar baxx;

28.  Jenfasizza, f'dan ir-rigward, li d-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tal-infrastruttura tal-iċċarġjar, inkluż fil-bini privat u pubbliku f'konformità mad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (EPBD)(14), kif ukoll il-kompetittività tal-vetturi elettriċi, huma essenzjali biex il-konsumaturi jaċċettawhom aktar;

29.  Iħeġġeġ lill-President tal-Kunsill Ewropew u lill-President tal-Kummissjoni jattendu l-ewwel sessjoni parzjali tal-Parlament Ewropew f'April 2019 biex iwieġbu kwalunkwe mistoqsija li jkun fadal rigward il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-EMIS, ir-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman u elementi oħra ta' din ir-riżoluzzjoni;

o
o   o

30.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 113, 19.5.1995, p. 1.
(2) ĠU L 10, 15.1.2016, p. 13.
(3) ĠU L 171, 29.6.2007, p. 1.
(4) ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1.
(5) ĠU L 151, 14.6.2018, p. 1.
(6) ĠU L 109, 26.4.2016, p. 1.
(7) ĠU L 152, 11.6.2008, p. 1.
(8) ĠU C 355, 20.10.2017, p. 11.
(9) ĠU C 204, 13.6.2018, p. 21.
(10) ĠU C 298, 23.8.2018, p. 140.
(11) Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Diċembru 2018, Ville de Paris, Ville de Bruxelles, Ayuntamiento de Madrid vs Il-Kummissjoni, T-339/16, T-352/16 u T-391/16, ECLI:EU:T:2018:927.
(12) Testi adottati, P8_TA(2019)0186.
(13) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(14) Id-Direttiva (UE) 2018/844 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 75).

Aġġornata l-aħħar: 1 ta' April 2019Avviż legali