Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/0104(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0436/2018

Testi mressqa :

A8-0436/2018

Dibattiti :

PV 03/04/2019 - 16
CRE 03/04/2019 - 16

Votazzjonijiet :

PV 04/04/2019 - 6.13
CRE 04/04/2019 - 6.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0345

Testi adottati
PDF 258kWORD 77k
Il-Ħamis, 4 ta' April 2019 - Brussell Verżjoni proviżorja
It-tisħiħ tas-sigurtà tal-karti tal-identità u tad-dokumenti ta' residenza maħruġa liċ-ċittadini tal-Unjoni***I
P8_TA-PROV(2019)0345A8-0436/2018
Riżoluzzjoni
 Test konsolidat

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' April 2019 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tal-karti tal-identità taċ-ċittadini tal-Unjoni u tad-dokumenti ta' residenza maħruġa liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' moviment liberu (COM(2018)0212 – C8-0153/2018 – 2018/0104(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0212),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 21(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0153/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-11 ta' Lulju 2018(1),

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tas-27 ta’ Frar 2019 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament fit-tieni qari, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni fil-forma ta' emendi tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0436/2018),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU C 367, 10.10.2018, p. 78.


Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-4 ta' April 2019 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tal-karti tal-identità taċ-ċittadini tal-Unjoni u tad-dokumenti ta' residenza maħruġa liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' moviment liberu
P8_TC1-COD(2018)0104

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 21(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja(2),

Billi:

(1)  It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) huwa intiż li jiffaċilita l-moviment liberu tal-persuni filwaqt li jiżgura il-ħarsien u s-sigurtà tal-popli tal-Ewropa, billi jistabbilixxu spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(2)  Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni tikkonferixxi fuq kull ċittadin tal-Unjoni d-dritt ta' moviment liberu, soġġett għal ċerti limitazzjonijiet u kundizzjonijiet. Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(3) tagħti effett lil dak id-dritt. L-Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ("il-Karta") jipprevedi wkoll libertà ta' moviment u ta' residenza. Il-libertà ta' moviment tinvolvi d-dritt ta' ħruġ u ta' dħul fl-Istati Membri b'karta tal-identità jew passaport validu.

(3)  Skont id-Direttiva 2004/38/KE, l-Istati Membri jridu joħorġu u jġeddu l-karti tal-identità u l-passaporti liċ-ċittadini tagħhom f'konformità mal-liġijiet nazzjonali. Barra minn hekk, dik id-Direttiva  tipprevedi li Stati Membri jistgħu jirrikjedu li ċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom jirreġistraw mal-awtoritajiet rilevanti. L-Istati Membri huma obbligati joħorġu ċertifikati ta' reġistrazzjoni liċ-ċittadini tal-Unjoni taħt il-kundizzjonijiet stipulati fih. Skont dik id-Direttiva, l-Istati Membri huma obbligati wkoll joħorġu karti ta' residenza lil membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta' Stat Membru u, mal-applikazzjoni, joħorġu dokumenti li jiċċertifikaw residenza permanenti kif ukoll joħorġu karti ta' residenza permanenti.

(4)  Id-Direttiva 2004/38/KE jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jirrifjutaw, itemmu jew jirtiraw kwalunkwe dritt konferit minn dik id-Direttiva f'każ ta' abbuż tad-drittijiet jew frodi. Il-falsifikazzjoni ta' dokumenti jew il-preżentazzjoni falza ta' fatt materjali li jikkonċerna l-kundizzjonijiet marbuta mad-dritt ta' residenza ġew identifikati bħala każijiet tipiċi ta' frodi skont dik id-Direttiva.

(5)  Jeżistu differenzi konsiderevoli bejn il-livelli ta' sigurtà tal-karti tal-identità nazzjonali maħruġa mill-Istati Membri u l-permessi ta' residenza għal ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor u l-membri tal-familja tagħhom. Dawk id-differenzi jżidu r-riskju ta' falsifikazzjoni u frodi tad-dokumenti u jwasslu wkoll għal diffikultajiet prattiċi għaċ-ċittadini meta jkunu jixtiequ jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' moviment liberu. Statistiċi min-Netwerk Ewropew tal-Analiżi tar-Riskju tal-Frodi ta' Dokumenti juru li inċidenti ta' karti tal-identità frodulenti żdiedu mal-mogħdija taż-żmien.

(6)  Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-14 ta' Settembru 2016 bl-isem "It-titjib tas-sigurtà f'dinja ta' mobbiltà: skambju mtejjeb tal-informazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u fruntieri esterni li jifilħu aktar", il-Kummissjoni enfasizzat li dokumenti tal-ivvjaġġar u tal-identità siguri huma kruċjali kull meta jkun meħtieġ li tiġi stabbilita mingħajr dubbju l-identità ta' persuna, u ħabbret li se tippreżenta pjan ta' azzjoni biex tindirizza l-frodi tad-dokumenti tal-ivvjaġġar. Skont dik il-Komunikazzjoni, approċċ imtejjeb iserraħ fuq sistemi robusti sabiex jiġu evitati l-abbużi u theddid għas-sigurtà interna li jirriżultaw minn nuqqasijiet fis-sigurtà tad-dokumenti, b'mod partikolari fir-rigward tat-terroriżmu u l-kriminalità transfruntiera.

(7)  Skont il-Plan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni għat-tisħiħ tar-reazzjoni Ewropea għall-frodi tad-dokumenti tal-ivvjaġġar tat-8 ta’ Diċembru 2016 (il-Pjan ta’ Azzjoni 2016), mill-inqas tliet kwarti tad-dokumenti frodulenti identifikati fil-fruntieri esterni, iżda wkoll fiż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni, huwa maħsub li kienu nħarġu mill-Istati Membri u mill-pajjiżi assoċjati ma' Schengen. Karti tal-identità nazzjonali inqas siguri maħruġa mill-Istati Membri huma l-aktar dokumenti foloz li jiġu identifikati frekwentement użati fl-ivvjaġġar ġoż-żona Schengen.

(8)  Sabiex jiskoraġġixxu l-frodi tal-identità, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-falsifikazzjoni u l-kontrafazzjoni tad-dokumenti ta' identifikazzjoni u l-użu ta' tali dokumenti falsifikati jew kontrafatti jiġu penalizzati b'mod adegwat mil-liġi nazzjonali tagħhom.

(9)  Il-Pjan ta' Azzjoni  2016 indirizza r-riskju minn karti tal-identità u dokumenti ta' residenza frodulenti. Il-Kummissjoni, fil-Pjan ta’ Azzjoni 2016, u fir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE tagħha għall-2017 impenjat ruħha li jiġu analizzati l-għażliet politiċi biex tittejjeb is-sigurtà tal-karti tal-identità u tad-dokumenti ta' residenza.

(10)  Skont il-Pjan ta' Azzjoni tal-2016, il-ħruġ ta' karti tal-identità awtentiċi u siguri jirrikjedi proċess ta' reġistrazzjoni tal-identità affidabbli u dokumenti “oriġinaturi” siguri biex isostnu l-proċess tal-applikazzjoni. Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni jenħtieġ li jkomplu jaħdmu flimkien biex jagħmlu d-dokumenti “oriġinaturi” inqas vulnerabbli għall-frodi, minħabba ż-żieda fl-użu ta' dokumenti “oriġinaturi” foloz.

(11)  Dan ir-Regolament ma jirrikjedix li l-Istati Membri jintroduċu karti tal-identità jew dokumenti ta' residenza meta ma jkunux previsti mil-liġi nazzjonali, u lanqas ma jaffettwa l-kompetenza tal-Istati Membri li joħorġu, taħt il-liġi nazzjonali, dokumenti ta' residenza oħra li jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, pereżempju karti ta' residenza maħruġa lir-residenti kollha fit-territorju tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom.

(12)  Dan ir-Regolament ma jżommx lill-Istati Membri milli jaċċettaw, b'mod mhux diskriminatorju, dokumenti li mhumiex dokumenti tal-ivvjaġġar għal skopijiet ta' identifikazzjoni, bħal liċenzji tas-sewqan.

(13)  Dokumenti ta' identifikazzjoni maħruġa lil ċittadini li d-drittijiet tagħhom ta’ moviment liberu ġew ristretti f'konformità mad-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali, u li espressament jindikaw li ma jistgħux jintużaw bħala dokumenti tal-ivvjaġġar, jenħtieġ li ma jitqisux bħala dokumenti li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(14)  Dokumenti tal-ivvjaġġar konformi mal-parti 5 tad-Dokument 9303 (is-seba' edizzjoni, 2015), tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) dwar id-Dokumenti tal-Ivvjaġġar li Jinqraw minn Magna (“Dokument ICAO 9303”), li ma jservux skopijiet ta' identifikazzjoni fl-Istati Membri emittenti, bħall-karta tal-passaport maħruġa mill-Irlanda, jenħtieġ li ma jitqisux li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(15)  Dan ir-Regolament ma jaffettwax l-użu, mill-Istati Membri, ta' karti tal-identità u dokumenti ta' residenza b'funzjoni eID għal skopijiet oħra, u lanqas ma jaffettwa r-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(4), li jipprevedi rikonoxximent reċiproku fl-Unjoni kollha ta' identifikazzjonijiet elettroniċi fl-aċċess għas-servizzi pubbliċi u li jgħin liċ-ċittadini li jmorru jgħixu fi Stat Membru ieħor, billi jirrikjedi rikonoxximent reċiproku tal-mezzi ta' identifikazzjoni elettronika suġġett għal ċerti kondizzjonijiet. Jenħtieġ li karti tal-identità mtejba jiżguraw identifikazzjoni aktar faċli u jikkontribwixxu għal aċċess aħjar għas-servizzi.

(16)  Verifika xierqa tal-karti tal-identità u d-dokumenti ta' residenza tirrikjedi li l-Istati Membri jużaw it-titolu korrett għal kull tip ta' dokument kopert b’dan ir-Regolament. Sabiex jiffaċilita l-iċċekkjar ta’ dokumenti koperti b’dan ir-Regolament fl-Istati Membri l-oħra, jenħtieġ li t-titolu tad-dokument jidher ukoll f'mill-inqas lingwa uffiċjali addizzjonali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Meta l-Istati Membri diġà jużaw, għall-karti tal-identità, denominazzjonijiet stabbiliti sew ħlief it-titolu "karta tal-identità", jenħtieġ li huma jkunu jistgħu jkomplu jagħmlu dan fil-lingwa jew lingwi uffiċjali tagħhom. Madankollu, jenħtieġ li l-ebda denominazzjoni ġdida ma tiġi introdotta fil-futur.

(17)  Karatteristiċi tas-sigurtà huma neċessarji biex jiġi vverifikat jekk dokument huwiex awtentiku u biex tiġi stabbilita l-identità ta' persuna. L-istabbiliment ta' standards minimi tas-sigurtà u l-integrazzjoni ta' data bijometrika fil-karti tal-identità u l-karti ta' residenza ta' membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta' Stat Membru huma passi importanti biex l-użu tagħhom fl-Unjoni jsir aktar sigur. Jenħtieġ li l-inklużjoni ta' dawn l-identifikaturi bijometriċi tippermetti liċ-ċittadini tal-Unjoni jibbenefikaw bis-sħiħ mid-drittijiet tagħhom ta' moviment liberu.

(18)  Il-ħżin ta' immaġni tal-wiċċ u żewġ marki tas-swaba' ( "data bijometrika") fuq il-karti ta' residenza u tal-identità, kif diġà previst fir-rigward tal-passaporti bijometriċi u l-permessi ta' residenza għal ċittadini ta' pajjiżi terzi, jirrappreżenta taħlita xierqa ta' identifikazzjoni u awtentikazzjoni affidabbli b'riskju mnaqqas ta' frodi, bl-iskop li tissaħħaħ is-sigurtà tal-karti ta' residenza u tal-identità.

(19)  Bħala prattika ġenerali, jenħtieġ li l-Istati Membri, għall-verifika tal-awtentiċità tad-dokument u l-identità tad-detentur, jivverifikaw primarjament l-immaġni tal-wiċċ u, meta jkun meħtieġ biex jikkonfermaw mingħajr dubju l-awtentiċità tad-dokument u l-identità tad-detentur, l-Istati Membri jenħtieġ li jivverifikaw ukoll il-marki tas-swaba'.

(20)  Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li, f'każijiet meta verifika ta' data bijometrika ma tikkonfermax l-awtentiċità tad-dokument jew l-identità tad-detentur tiegħu, kontroll manwali obbligatorju jitwettaq minn persunal ikkwalifikat.

(21)  Dan ir-Regolament ma jipprevedix bażi ġuridika għall-istabbiliment jew iż-żamma ta' bażijiet ta' data fil-livell nazzjonali għall-ħżin ta' data bijometrika fl-Istati Membri, li hija kwistjoni ta' liġi nazzjonali li trid tikkonforma mal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data. Barra minn hekk, dan ir-Regolament ma jipprevedix bażi ġuridika għall-istabbiliment jew iż-żamma ta' bażi ta' data ċentralizzata fil-livell tal-Unjoni.

(22)  Identifikaturi bijometriċi jenħtieġ li jinġabru u jinħażnu fil-mezz ta' ħżin tal-karti tal-identità u d-dokumenti ta' residenza għall-finijiet ta' verifika tal-awtentiċità tad-dokument u l-identità tad-detentur. Tali verifika jenħtieġ li ssir biss minn persunal debitament awtorizzat u biss meta jkun hemm obbligu legali li d-dokument jiġi ppreżentat. Barra minn hekk, data bijometrika maħżuna għall-fini tal-personalizzazzjoni tal-karti tal-identità jew tad-dokumenti ta' residenza jenħtieġ li jinżammu b'mod sigur ħafna u biss sad-data tal-ġbir tad-dokument u, fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard minn 90 jum mid-data tal-ħruġ tad-dokument. Wara dak il-perjodu, dik id-data bijometrika trid titħassar minnufih jew tinqered. Dan jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe pproċessar ieħor ta' din id-data skont il-liġi nazzjonali u tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data.

(23)  Għall-fini ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispeċifikazzjonijiet tad-Dokument 9303 tal-ICAO dwar dokumenti li jinqraw minn magna li jiżguraw interoperabbiltà globali inkluż b'rabta mal-qari tad-dokumenti minn magna u l-użu ta' spezzjoni viżiva.

(24)  Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu jekk jinkludux is-sess ta' persuna fuq dokument kopert minn dan ir-Regolament. Meta Stat Membru jinkludi s-sess ta' persuna fuq tali dokument, jenħtieġ li jintużaw l-ispeċifikazzjonijiet tad-Dokument 9303 tal-ICAO "F", "M" jew "X", kif ikun xieraq.

(25)  Il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata setgħat ta' implimentazzjoni sabiex jiġi żgurat li l-istandards tas-sigurtà futuri u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi adottati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002(5) jitqiesu kif xieraq, meta jkun xieraq, għall-karti tal-identità u karti ta' residenza. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6). Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiġi megħjuna mill-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95(7). Meta jkun meħtieġ, jenħtieġ li jkun possibbli għall-atti ta' implimentazzjoni adottati li jibqgħu sigrieti sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' kontrafazzjoni u falsifikazzjonijiet.

(26)  Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw l-istabbiliment ta' proċeduri xierqa u effettivi għall-ġbir ta' identifikaturi bijometriċi u li tali proċeduri jikkonformaw mad-drittijiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta, fil-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-aħjar interess tat-tfal ikun kunsiderazzjoni primarja matul il-proċedura tal-ġbir. Għal dak il-għan, il-persunal kwalifikat jenħtieġ li jirċievi taħriġ xieraq dwar prattiki adatti għat-tfal għall-ġbir ta' identifikaturi bijometriċi.

(27)  Meta jinstabu diffikultajiet fil-ġbir tal-identifikaturi bijometriċi, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li jkun hemm stabbiliti proċeduri xierqa biex jirrispettaw id-dinjità tal-persuna kkonċernata. Għalhekk, jenħtieġ li jitqiesu kunsiderazzjonijiet speċifiċi relatati mal-ġeneru u mal-ħtiġijiet speċifiċi tat-tfal u tal-persuni vulnerabbli.

(28)  Jenħtieġ li l-introduzzjoni ta' standards minimi ta' sigurtà u tal-format għall-karti tal-identita’ tippermetti li l-Istati Membri joqgħodu fuq l-awtentiċità ta' dawk id-dokumenti meta ċ-ċittadini tal-Unjoni jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' moviment liberu. L-introduzzjoni ta' standards tas-sigurtà msaħħa jenħtieġ li tipprovdi garanziji suffiċjenti lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-entitajiet privati sabiex tippermettilhom isserrħu fuq l-awtentiċità tal-karti tal-identità meta jintużaw miċ-ċittadini tal-Unjoni għal finijiet ta' identifikazzjoni.

(29)  Sinjal ta' distinzjoni fil-forma tal-kodiċi tal-pajjiż b'żewġ ittri tal-Istat Membru li joħroġ id-dokument stampat fin-negattiv f'rettangolu blu u mdawwar bi 12-il stilla safra, jiffaċilita l-ispezzjoni viżiva tad-dokument, b'mod partikolari meta d-detentur ikun qiegħed jeżerċita d-dritt ta' moviment liberu.

(30)  Filwaqt li tinżamm l-għażla li jiġu previsti karatteristiċi nazzjonali addizzjonali, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li dawk il-karatteristiċi ma jnaqqsux l-effiċjenza tal-karatteristiċi ta' sigurtà komuni, jew inkella jaffettwaw b'mod negattiv il-kompatibbiltà transfruntiera tal-karti tal-identità, bħall-kapaċita’ li l-karti tal-identità jinqraw minn magni li jintużaw minn Stati Membri li ma jkunux ħarġu l-karti tal-identita’.

(31)  L-introduzzjoni ta' standards tas-sigurtà fil-karti tal-identità u fil-karti ta' residenza ta' membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta' Stat Membru jenħtieġ li ma tirriżultax f'żieda sproporzjonata fit-tariffi għaċ-ċittadini tal-Unjoni jew għaċ-ċittadini ta' pajjiż terz. Jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu dan il-prinċipju meta joħorġu sejħiet għall-offerti.

(32)  L-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li d-data bijometrika tidentifika b'mod korrett il-persuna li lilha tinħareġ karta tal-identità. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw il-ġbir ta' identifikaturi bijometriċi, b'mod partikolari l-immaġni tal-wiċċ, permezz ta' reġistrazzjoni diretta mill-awtoritajiet nazzjonali li joħorġu karti tal-identità.

(33)  Jenħtieġ li l-Istati Membri jiskambjaw ma' xulxin tali informazzjoni skont kif ikun meħtieġ għall-aċċess, l-awtentikazzjoni u l-verifika tal-informazzjoni li tinsab fil-mezz ta' ħżin sigur. Il-formati użati għall-mezz ta' ħżin sigur jenħtieġ li jkunu interoperabbli, inkluż fir-rigward ta' punti awtomatizzati tal-qsim tal-fruntiera.

(34)  Id-Direttiva 2004/38/KE tindirizza s-sitwazzjoni meta ċittadini tal-Unjoni, jew membri tal-familja ta' ċittadini tal-Unjoni li mhumiex ċittadini ta' Stat Membru, li ma jkollhomx id-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa jridu jingħataw kull opportunità raġonevoli biex juru b'mezzi oħra li huma koperti mid-dritt ta' moviment liberu. Tali mezzi jistgħu jinkludu dokumenti ta' identifikazzjoni użati fuq bażi proviżorja u karti ta' residenza maħruġa lil tali membri tal-familja.

(35)  Dan ir-Regolament ▌jirrispetta l-obbligi stabbiliti fil-Karta u fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà. Għalhekk, l-Istati Membri huma mħeġġa jaħdmu mal-Kummissjoni biex jintegraw karatteristiċi addizzjonali li jrendu l-karti tal-identità aktar aċċessibbli u faċli biex jintużaw minn persuni b'diżabbiltà, bħal persuni b'vista batuta. L-Istati Membri jeħtiġilhom jesploraw l-użu ta' soluzzjonijiet, bħal apparati tar-reġistrazzjoni mobbli, għall-ħruġ ta' karti tal-identità lil persuni li ma jkunux kapaċi jżuru l-awtoritajiet responsabbli għall-ħruġ tal-karti tal-identità.

(36)  Jenħtieġ li dokumenti ta' residenza maħruġa liċ-ċittadini tal-Unjoni jinkludu informazzjoni speċifika biex jiġi żgurat li huma jiġu identifikati bħala tali fl-Istati Membri kollha. Jenħtieġ li dan jiffaċilita r-rikonoxximent tal-użu tad-dritt ta' moviment liberu miċ-ċittadini mobbli tal-Unjoni, kif ukoll tad-drittijiet li huma inerenti għal dan l-użu, iżda jenħtieġ li l-armonizzazzjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa xieraq biex tiġi indirizzata d-dgħufija tad-dokumenti attwali. L-Istati Membri huma ħielsa li jagħżlu l-format li fih jinħarġu dawn id-dokumenti u jistgħu joħorġuhom f'format konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tad-Dokument 9303 tal-ICAO.

(37)  Rigward id-dokumenti ta' residenza maħruġa lil membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta' Stat Membru, huwa xieraq li jintużaw l-istess format u karatteristiċi ta' sigurtà bħal dawk previsti fir-Regolament (KE) Nru 1030/2002 kif emendat permezz tar-Regolament (UE) 2017/1954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(8). ▌ Minbarra li jagħtu prova tad-dritt ta' residenza, dawk id-dokumenti jeżentaw ukoll lid-detenturi li inkella jkunu soġġetti għal obbligu ta' viża mir-rekwiżit li jiksbu viża, meta jkunu qed jakkumpanjaw jew jiltaqgħu ma' ċittadin tal-Unjoni fit-territorju tal-Unjoni.

(38)  Id-Direttiva 2004/38/KE tipprevedi li dokumenti li jinħarġu lil membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta' Stat Membru jridu jissejħu "Karta ta' residenza ta' membru tal-familja ta' ċittadin tal-Unjoni". Sabiex tiġi faċilitata l-identifikazzjoni tagħhom, karti ta' residenza ta' membru tal-familja ta' ċittadin tal-Unjoni jenħtieġ li jġibu titolu u kodiċi standardizzati.

(39)  Filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm ir-riskju għas-sigurtà kif ukoll l-ispejjeż imġarrba mill-Istati Membri, karti tal-identità kif ukoll karti ta' residenza ta' membru tal-familja ta' ċittadin tal-Unjoni bi standards tas-sigurtà insuffiċjenti jenħtieġ li jiġu eliminati gradwalment. B'mod ġenerali, jenħtieġ li perjodu ta' eliminazzjoni gradwali ta' għaxar snin għall-karti tal-identità u ħames snin għall-karti ta' residenza jkun biżżejjed biex jintlaħaq bilanċ bejn il-frekwenza li biha d-dokumenti normalment jiġu sostitwiti u l-ħtieġa li tiġi indirizzata d-diskrepanza eżistenti fis-sigurtà fl-Unjoni. Madankollu, għal raġunijiet ta' sigurtà, għal karti li ma jkollhomx karatteristiċi importanti ta' sigurtà, jew li ma jkunux jinqraw minn magna, huwa meħtieġ perjodu ta' eliminazzjoni gradwali iqsar ▌.

(40)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(9) japplika fir-rigward tad-data personali li trid tiġi pproċessata fil-kuntest tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Huwa neċessarju li jiġu speċifikati aktar salvagwardji applikabbli għad-data personali proċessata, u b'mod partikolari għad-data sensittiva bħall-identifikaturi bijometriċi. Jenħtieġ li s-suġġetti tad-data jkunu konxji li fid-dokumenti tagħhom jeżisti mezz ta' ħżin li jkun fih id-data bijometrika tagħhom, inkluża l-aċċessibbiltà tiegħu mingħajr kuntatt kif ukoll l-istanzi kollha meta tintuża d-data maħżuna fil-karti tal-identità u fid-dokumenti ta' residenza tagħhom. Fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li s-suġġetti tad-data jkollhom aċċess għad-data personali pproċessata fil-karti tal-identità u d-dokumenti ta' residenza tagħhom u li jkollhom id-dritt li jirrettifikawhom permezz tal-ħruġ ta' dokument ġdid meta tali data tkun żbaljata jew mhux kompluta. Il-mezz ta' ħżin jenħtieġ li jkun sigur ħafna u li jipproteġi b'mod effettiv id-data personali maħżuna fuqu minn aċċess mhux awtorizzat.

(41)  L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu responsabbli għall-ipproċessar xieraq tad-data bijometrika, mill-ġbir sal-integrazzjoni tad-data fil-mezz ta' ħżin sigur ħafna, f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679.

(42)  Jenħtieġ li l-Istati Membri jeżerċitaw attenzjoni partikolari meta jikkooperaw ma' fornitur estern tas-servizzi. Jenħtieġ li tali kooperazzjoni ma teskludi l-ebda responsabbiltà tal-Istati Membri li tinħoloq taħt id-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali għall-ksur ta' obbligi fir-rigward ta' data personali.

(43)  Huwa neċessarju li f'dan ir-Regolament tiġi speċifikata l-bażi għall-ġbir u l-ħżin tad-data fuq il-mezz ta' ħżin tal-karti tal-identità u d-dokumenti ta' residenza. F'konformità mad-dritt tal-Unjoni jew nazzjonali u b'osservanza tal-prinċipji ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jaħżnu ▌data oħra fuq mezz ta' ħżin għal servizzi elettroniċi jew finijiet oħra relatati mal-karta tal-identità jew mad-dokument ta' residenza. Jenħtieġ li l-ipproċessar ta' din id-data oħra, inkluż il-ġbir tagħha u l-iskopijiet li għalihom tista' tintuża, jiġi awtorizzat mid-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali. Id-data nazzjonali kollha għal tali finijiet jenħtieġ li tkun fiżikament jew loġikament separata mid-data bijometrika msemmija f'dan ir-Regolament u jenħtieġ li tiġi proċessata skont ir-Regolament (UE) 2016/679.

(44)  Jenħtieġ li l-Istati Membri japplikaw dan ir-Regolament sa mhux aktar minn 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu. Mid-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Istati Membri joħorġu biss dokumenti li jirrispettaw ir-rekwiżiti stipulati f'dan ir-Regolament.

(45)  Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament sentejn, u ħdax-il sena, rispettivament, wara d-data ta' applikazzjoni tiegħu, inkluż dwar ix-xerqien tal-livell ta' sigurtà, filwaqt li jitqiesu l-impatt tiegħu fuq id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji tal-protezzjoni tad-data. F'konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet(10) jenħtieġ li l-Kummissjoni, sitt snin wara d-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u kull sitt snin wara dan, twettaq evalwazzjoni ta' dan ir-Regolament abbażi tal-informazzjoni miġbura permezz ta' arranġamenti ta' monitoraġġ speċifiċi, sabiex tivvaluta l-effetti reali ta' dan ir-Regolament u l-ħtieġa għal kwalunkwe azzjoni ulterjuri. Għall-fini tal-monitoraġġ, l-Istati Membri jenħtieġ li jiġbru statistika dwar l-għadd ta' karti tal-identità u dokumenti ta' residenza maħruġa minnhom.

(46)  Minħabba li l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li titjieb is-sigurta’ u sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(47)  Ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta inkluż id-dinjità tal-bniedem, id-dritt għall-integrità tal-persuna, il-projbizzjoni ta' trattament inuman jew degradanti, id-dritt għall-ugwaljanza quddiem il-liġi u għan-nondiskriminazzjoni, id-drittijiet tat-tfal, id-drittijiet tal-anzjani, ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, id-dritt ta' moviment liberu u d-dritt għal rimedju effettiv, l-Istati Membri jenħtieġ li jikkonformaw mal-Karta meta jimplimentaw dan ir-Regolament.

(48)  Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali taw l-opinjoni tagħhom fl-10 ta' Awwissu 2018(11) u fil-5 ta' Settembru 2018(12),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament isaħħaħ l-istandards tas-sigurtà applikabbli għall-karti tal-identità maħruġa mill-Istati Membri liċ-ċittadini tagħhom, kif ukoll għad-dokumenti ta' residenza maħruġa mill-Istati Membri liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom meta jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' moviment liberu.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament japplika għal:

(a)  karti tal-identità maħruġa mill-Istati Membri liċ-ċittadini tagħhom stess, kif imsemmi fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2004/38/KE;

Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal dokumenti ta' identifikazzjoni maħruġa fuq bażi proviżorja b'perjodu ta' validità ta' inqas minn sitt xhur.

(b)  ċertifikati ta' reġistrazzjoni maħruġa f'konformità mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/38/KE liċ-ċittadini tal-Unjoni li jgħixu fi Stat Membru ospitanti għal aktar minn tliet xhur , u għal dokumenti li jiċċertifikaw residenza permanenti maħruġa f'konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2004/38/KE liċ-ċittadini tal-Unjoni malli japplikaw;

(c)  karti ta' residenza maħruġa f'konformità mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38/KE lil membri tal-familja ta' ċittadini tal-Unjoni li mhumiex ċittadini ta' Stat Membru u karti ta' residenza permanenti maħruġa f'konformità mal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2004/38/KE lil membri tal-familja ta' ċittadini tal-Unjoni li mhumiex ċittadini ta' Stat Membru,.

KAPITOLU II

KARTI TAL-IDENTITÀ NAZZJONALI

Artikolu 3

Standards tas-sigurtà/format/speċifikazzjonijiet

(1)  Il-karti tal-identità maħruġa mill-Istati Membri għandhom jiġu prodotti fil-format ID-1 u għandu jkollhom parti li tinqara minn magna (MRZ). Tali karti tal-identita’ għandhom ikunu bbażati fuq l-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards minimi tas-sigurtà stipulati fid-Dokument 9303 tal-ICAO u għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (c), (d), (f) u (g) tal-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1030/2002 kif emendat permezz tar-Regolament (UE) 2017/1954..

(2)  L-elementi tad-data inklużi fuq il-karti tal-identità għandhom jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fil-parti 5 tad-Dokument 9303 tal-ICAO.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, in-numru tad-dokument jista' jiddaħħal fiż-żona I u l-indikazzjoni tas-sess ta' persuna għandha tkun fakultattiva.

(3)  Id-dokument għandu jġib it-titolu ("Karta tal-identità") jew deżinjazzjoni nazzjonali stabbilita sew oħra fil-lingwa jew lingwi uffiċjali tal-Istat Membru emittenti u bil-kliem "Karta tal-Identità" f'mill-inqas waħda mil-lingwi uffiċjali l-oħra tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

(4)  Fuq in-naħa ta' quddiem, il-karta tal-identità għandu jkun fiha l-kodiċi tal-pajjiż b'żewġ ittri tal-Istat Membru li joħroġ il-kard, stampat fin-negattiv f'rettangolu blu u mdawwar bi 12-il stilla safra.

(5)  Il-karti tal-identità għandhom jinkludu mezz ta' ħżin sigur ħafna li għandu jkun fih data bijometrika li tikkonsisti esklużivament f'immaġni tal-wiċċ tad-detentur tal-karta u żewġ marki tas-swaba' f'formati diġitali interoperabbli. Għall-ġbir tal-identifikaturi bijometriċi, l-Istati Membri għandhom japplikaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kif stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018)7767(13).

(6)  Il-mezz ta' ħżin għandu jkollu biżżejjed kapaċità biex jiggarantixxi l-integrità, l-awtentiċità u l-kunfidenzjalità tad-data. Id-data maħżuna għandha tkun aċċessibbli f'forma mingħajr kuntatt u miżmuma sigura kif previst fid-Deċiżjoni C(2018)7767. L-Istati Membri għandhom jiskambjaw l-informazzjoni meħtieġa biex jawtentikaw il-mezz ta' ħżin u biex jaċċedu għad-data bijometrika msemmija fil-paragrafu 5 u jivverifikawha.

(7)  It-tfal ta' taħt it-12-il sena jistgħu ikunu eżentati mir-rekwiżit li jagħtu l-marki tas-swaba'.

It-tfal ta' taħt is-6 snin għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżit li jagħtu l-marki tas-swaba'.

Persuni li għalihom huwa fiżikament impossibbli li jitteħdulhom il-marki tas-swaba' għandhom jiġu eżentati mir-rekwiżit li jagħtu l-marki tas-swaba'.

(8)  Meta jkun meħtieġ u proporzjonat għall-għan li jrid jintlaħaq, l-Istati Membri jistgħu jdaħħlu tali dettalji u osservazzjonijiet għall-użu nazzjonali, kif meħtieġ skont il-liġi nazzjonali tagħhom. L-effiċjenza tal-istandards minimi tas-sigurtà u l-kompatibbiltà transfruntiera tal-karti tal-identità ma għandhomx jitnaqqsu bħala riżultat.

(9)  Meta l-Istati Membri jinkorporaw interfaċċa doppja jew mezz ta' ħżin separat fil-karta tal-identità, il-mezz ta' ħżin addizzjonali għandu jikkonforma mal-istandards tal-ISO rilevanti u ma għandux jinterferixxi mal-mezz ta' ħżin imsemmi fil-paragrafu 5.

(10)  Meta l-Istati Membri jaħżnu data għas-servizzi elettroniċi, bħall-gvern elettroniku u l-kummerċ elettroniku, fil-karti tal-identità, tali data nazzjonali għandha tkun fiżikament jew loġikament separata mid-data bijometrika msemmija fil-paragrafu 5.

(11)  Meta l-Istati Membri jżidu karatteristiċi tas-sigurtà addizzjonali għall-karti tal-identità, il-kompatibbiltà transfruntiera ta’ tali karti tal-identità u l-effiċjenza tal-istandards minimi tas-sigurtà ma għandhomx jitnaqqsu bħala riżultat.

Artikolu 4

Perjodu ta' validità

1.  Il-karti tal-identità għandu jkollhom perjodu ta' validità minimu ta' ħames snin u perjodu ta' validità massimu ta' għaxar snin.

2.  B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu perjodu ta' validità ta':

(a)  inqas minn ħames snin, għall-karti tal-identità maħruġa lill-minorenni;

(b)  f'każijiet eċċezzjonali, inqas minn ħames snin, għall-karti tal-identità maħruġa lil persuni f'ċirkostanzi speċjali u limitati u meta l-perjodu ta' validità tagħhom ikun limitat f'konformità mad-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali;

(c)  aktar minn 10 snin, għall-karti tal-identità maħruġa lil persuni minn 70 sena 'l fuq.

3.  L-Istati Membri għandhom joħorġu karta tal-identita’ li jkollha validita’ ta’ 12-il xahar jew inqas meta jkun temporanjament fiżikament impossibbli li jittieħdu l-marki tas-swaba’ ta’ kwalunkwe saba’ tal-applikant.

Artikolu 5

Eliminazzjoni gradwali

1.   Karti tal-identità li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 3 ma għandhomx jibqgħu validi malli jiskadu jew sa [għaxar snin wara d-data ta' applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament], skont liema data minnhom tiġi l-ewwel.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1:

(a)   karti tal-identità li ma jissodisfawx l-istandards tas-sigurtà minimi stabbiliti fil-parti 2 tad-Dokument 9303 tal-ICAO jew li ma jkunux jinkludu parti funzjonali li tinqara minn magna (machine-readable zone, MRZ), kif definit fil-paragrafu 3, ma għandhomx jibqgħu validi malli jiskadu jew sa [ħames snin wara d-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament], skont liema data minnhom tiġi l-ewwel;

(b)  karti tal-identità ta' persuni minn 70 sena 'l fuq fi [id-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament], li jissodisfaw l-istandards tas-sigurtà minimi stabbiliti fil-parti 2 tad-Dokument 9303 tal-ICAO u li jkollhom parti funzjonali li tinqara minn magna (MRZ), kif definit fil-paragrafu 3, ma għandhomx jibqgħu validi meta jiskadu.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 2, parti funzjonali li tinqara minn magna (MRZ) għandha tfisser:

(a)  parti li tinqara minn magna konformi mal-parti 3 tad-Dokument 9303 tal-ICAO; jew

(b)  kwalunkwe parti oħra li tinqara minn magna li għaliha l-Istat Membru emittenti jinnotifika r-regoli meħtieġa għall-qari u għall-wiri tal-informazzjoni li tinsab fiha, sakemm Stat Membru ma jinnotifikax lill-Kummissjoni, sa [id-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament], dwar in-nuqqas ta' kapaċità tiegħu li jaqra u juri din l-informazzjoni.

Malli tirċievi n-notifika kif imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat u lill-Kunsill kif ikun xieraq.

KAPITOLU III

DOKUMENTI TA' RESIDENZA GĦAĊ-ĊITTADINI TAL-UNJONI

Artikolu 6

Informazzjoni minima li trid tiġi indikata

Dokumenti ta' residenza meta jkunu maħruġa mill-Istati Membri liċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom jindikaw mill-inqas dan li ġej:

(a)  it-titolu tad-dokument fil-lingwa jew lingwi uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat u f'mill-inqas waħda mil-lingwi uffiċjali l-oħra tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

(b)  ir-referenza ċara li d-dokument huwa maħruġ lil ċittadin tal-Unjoni f'konformità mad-Direttiva 2004/38/KE;

(c)  in-numru tad-dokument;

(d)  l-isem (il-kunjom u l-isem/ismijiet) tad-detentur;

(e)  id-data tat-twelid tad-detentur;

(f)   l-informazzjoni li trid tiġi inkluża fiċ-ċertifikati u d-dokumenti ta' reġistrazzjoni li jiċċertifikaw ir-residenza permanenti, maħruġa f'konformità mal-Artikoli 8 u 19 tad-Direttiva 2004/38/KE, rispettivament;

(g)  l-awtorità emittenti;

(h)  fuq quddiem, il-kodiċi tal-pajjiż b'żewġ ittri tal-Istat Membru li joħroġ id-dokument, stampat fin-negattiv f'rettangolu blu u mdawwar bi tnax-il stilla safra.

Jekk Stat Membru jiddeċiedi li jieħu l-marki tas-swaba', għandu japplika l-Artikolu 3(7) kif ikun xieraq.

Il-persuni li għalihom it-teħid tal-marki tas-swaba' ikun fiżikament impossibbli għandhom jiġu eżentati mir-rekwiżit li jagħtu l-marki tas-swaba'.

KAPITOLU IV

KARTI TA' RESIDENZA GĦAL MEMBRI TAL-FAMILJA LI MHUMIEX ĊITTADINI TA' STAT MEMBRU

Artikolu 7

Format uniformi

1 Meta joħorġu karti ta' residenza lil membri tal-familja ta' ċittadini tal-Unjoni li mhumiex ċittadini ta' Stat Membru, l-Istati Membri għandhom jużaw l-istess format stabbilit permezz tar-Regolament (KE) Nru 1030/2002 ▌kif emendat permezz tar-Regolament (UE) 2017/1954, u kif implimentat mid-▌Deċiżjoni C(2018)7767.

2 B'deroga mill-paragrafu 1, karta għandha ▌ġġib it-titolu "Karta ta' Residenza ▌" jew "Karta ta' residenza permanenti ▌". L-Istati Membri għandhom jindikaw li dawn id-dokumenti huma maħruġa lil membru tal-familja ta' ċittadin tal-Unjoni f'konformità mad-Direttiva 2004/38/KE. Għal dan il-fini, l-Istati Membri għandhom jużaw il-kodiċi standardizzat "Membru tal-Familja UE Art 10 DIR 2004/38/KE" jew "Membru tal-Familja UE Art 20 DIR 2004/38/KE", fil-kamp tad-data [10], kif imsemmi fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1030/2002 kif emendat permezz tar-Regolament (UE) 2017/1954.

3 L-Istati Membri jistgħu jdaħħlu data għall-użu nazzjonali f'konformità mad-dritt nazzjonali. Meta jdaħħlu u jaħżnu tali data, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw ir-rekwiżiti stipulati fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1030/2002 kif emendat permezz tar-Regolament (UE) 2017/1954 ▌.

Artikolu 8

Eliminazzjoni gradwali tal-karti ta' residenza eżistenti

1.  Karti ta' residenza ta' membri tal-familja ta' ċittadini tal-Unjoni li mhumiex ċittadini ta' Stat Membru, li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7 ma għandhomx jibqgħu validi malli jiskadu jew sa [ħames snin wara d-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament], skont liema data minnhom tiġi l-ewwel.

2.  B'deroga mill-paragrafu 1, karti ta' residenza ta' membri tal-familja ta' ċittadini tal-Unjoni li mhumiex ċittadini ta' Stat Membru, li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti minimi tas-sigurtà stabbiliti fil-parti 2 tad-Dokument 9303 tal-ICAO jew li ma jinkludux parti funzjonali li tinqara minn magna (MRZ) konformi mal-parti 3 tad-Dokument 9303 tal-ICAO, ma għandhomx jibqgħu validi malli jiskadu jew sa [sentejn wara ... id-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament], skont liema data minnhom tiġi l-ewwel.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

Artikolu 9

Punt ta' kuntatt

1.  Kull Stat Membru għandu jaħtar mill-inqas awtorità ċentrali waħda bħala punt ta' kuntatt għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Meta Stat Membru jkun ħatar aktar minn awtorità ċentrali waħda, għandu jaħtar liema minn dawk l-awtoritajiet se tkun il-punt ta' kuntatt għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Huwa għandu jikkomunika isem dik l-awtorità lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra. Jekk Stat Membru jibdel l-awtorità maħtura tiegħu, huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kif xieraq.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-punti ta' kuntatt ikunu konxji ▌mill-informazzjoni u s-servizzi ta' assistenza rilevanti fil-livell tal-Unjoni inklużi fil-Gateway Diġitali Unika stabbilita fir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(14) u li jkunu jistgħu jikkooperaw ma' tali servizzi.

Artikolu 10

Ġbir ta' identifikaturi bijometriċi

(1)  L-identifikaturi bijometriċi għandhom jinġabru biss minn persunal kwalifikat u debitament awtorizzat maħtur mill-awtoritajiet responsabbli għall-ħruġ ta' karti tal-identità jew karti ta' residenza għall-fini li jiġu integrati fil-mezz ta' ħżin sigur ħafna previst fl-Artikolu 3(5) għall-karti tal-identità u fl-Artikolu 7(1) għall-karti ta' residenza. B'deroga mill-ewwel sentenza, il-marki tas-swaba' għandhom jinġabru biss minn persunal kwalifikat u debitament awtorizzat ta' dawk l-awtoritajiet, ħlief fil-każ ta' applikazzjonijiet sottomessi lill-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari tal-Istat Membru.

Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tal-identifikaturi bijometriċi mal-identità tal-applikant, l-applikant għandu jidher personalment mill-inqas darba matul il-proċess ta' ħruġ għal kull applikazzjoni.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm proċeduri xierqa u effettivi għall-ġbir ta' identifikaturi bijometriċi u li dawk il-proċeduri jikkonformaw mad-drittijiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta, fil-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

Meta jinstabu diffikultajiet fil-ġbir tal-identifikaturi bijometriċi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm stabbiliti proċeduri xierqa biex jirrispettaw id-dinjità tal-persuna kkonċernata.

3.  Barra meta jkun obbligatorju għall-fini ta' pproċessar f'konformità mad-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali, l-identifikaturi bijometriċi maħżuna għall-fini tal-personalizzazzjoni tal-karti tal-identità jew tad-dokumenti ta' residenza għandhom jinżammu b'mod sigur ħafna u biss sad-data tal-ġbir tad-dokument u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 90 jum mid-data tal-ħruġ ta' dak id-dokument. Wara dan il-perjodu, dawn l-identifikaturi bijometriċi għandhom jitħassru jew jinqerdu minnufih.

Artikolu 11

Protezzjoni ta' data personali u responsabbiltà

1.  Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2016/679, l-Istati Membri għandhom jiżguraw is-sigurtà, l-integrità, l-awtentiċità u l-kunfidenzjalità tad-data miġbura u maħżuna għall-fini ta' dan ir-Regolament.

2.  Għall-fini ta' dan ir-Regolament, l-awtoritajiet responsabbli għall-ħruġ ta' karti tal-identità u ta' dokumenti ta' residenza għandhom jitqiesu bħala l-kontrollur imsemmi fl-Artikolu 4(7) tar-Regolament (UE) 2016/679 u għandu jkollhom ir-responsabbiltà għall-ipproċessar ta' data personali.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jkunu jistgħu jeżerċitaw bis-sħiħ il-kompiti tagħhom kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2016/679, inkluż l-aċċess għad-data personali kollha u għall-informazzjoni kollha meħtieġa kif ukoll aċċess għal kwalunkwe bini jew tagħmir ta' pproċessar tad-data tal-awtoritajiet kompetenti.

4.  Il-kooperazzjoni mal-fornituri tas-servizz esterni ma għandha teskludi l-ebda responsabbiltà min-naħa tal-Istat Membru li tista’ tirriżulta taħt id-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali dwar ksur ta' obbligi fir-rigward tad-data personali.

5.  Informazzjoni f'forma li tinqara minn magna għandha tiġi inkluża biss f'karta tal-identità jew dokument ta' residenza f'konformità ma' dan ir-Regolament u mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru emittenti.

6.  Id-data bijometrika maħżuna fil-mezz ta' ħżin tal-karti tal-identità u d-dokumenti ta' residenza għandha tintuża biss f'konformità mad-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali, mill-persunal debitament awtorizzat tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-aġenziji tal-Unjoni, għall-fini li jivverifikaw:

(a)  l-awtentiċità tal-karta tal-identità jew id-dokument ta' residenza;

(b)  l-identità tad-detentur permezz ta' karatteristiċi komparabbli direttament disponibbli meta jkun obbligatorju bil-liġi li tintwera l-karta tal-identità jew jintwera d-dokument ta' residenza.

7.  L-Istati Membri għandhom iżommu, u jikkomunikaw annwalment lill-Kummissjoni, lista tal-awtoritajiet kompetenti b'aċċess għad-data bijometrika maħżuna fil-mezz ta’ ħżin imsemmi fl-Artikolu 3(5) ta' dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tippubblika online ġabra ta' tali listi nazzjonali.

Artikolu 12

Monitoraġġ

Sa 12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi programm dettaljat għall-monitoraġġ tal-outputs, tar-riżultati u tal-impatt ta' dan ir-Regolament, inkluż l-impatt tiegħu fuq id-drittijiet fundamentali.

Il-programm ta' monitoraġġ għandu jistipula l-mezzi li permezz tagħhom se tinġabar id-data u evidenza oħra meħtieġa, u l-intervalli li fihom se jsir dan. Huwa għandu jispeċifika l-azzjoni li trid tittieħed mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri fil-ġbir u fl-analiżi tad-data u ta' evidenza oħra.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni d-data u evidenza oħra meħtieġa għal tali monitoraġġ.

L-Artikolu 13

Rapporti u evalwazzjoni

1.  Sentejn, u 11-il sena, rispettivament, wara d-data ta' applikazzjoni tiegħu, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u d-data personali.

2.  ▌Sitt snin wara d-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, u kull sitt snin sussegwenti, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta' dan ir-Regolament u tippreżenta rapport dwar is-sejbiet prinċipali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.Ir-rapport għandu b’mod partikolari jiffoka fuq:

(a)  l-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq id-drittijiet fundamentali;

(b)  il-mobbiltà taċ-ċittadini tal-Unjoni;

(c)  l-effikaċja ta' verifika bijometrika fl-iżgurar tas-sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar;

(d)  użu possibbli ta' karti ta' residenza bħala dokumenti tal-ivvjaġġar;

(e)  possibbiltà ta' aktar armonizzazzjoni viżiva tal-karti tal-identità;

(f)  il-ħtieġa li jiġu introdotti karatteristiċi ta' sigurtà komuni ta' dokumenti ta' identifikazzjoni użati fuq bażi proviżorja fid-dawl tar-rikonoxximent aħjar tagħhom.

3.  L-Istati Membri u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa għat-tħejjija ta’ dawn ir-rapporti lill-Kummissjoni.

Artikolu 14

Speċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali

1.  Sabiex jiġi żgurat, meta jkun xieraq, li l-karti tal-identità u d-dokumenti ta' residenza msemmija fil-punti (a) u (c) tal-Artikolu 2 jikkonformaw ma' standards minimi tas-sigurtà futuri, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, speċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali, relatati ma' dan li ġej:

(a)   karatteristiċi u rekwiżiti ta' sigurtà addizzjonali, inklużi standards imsaħħa kontra l-falsifikazzjoni u l-kontrafazzjoni;

(b)  speċifikazzjonijiet tekniċi dwar il-mezz ta' ħżin tal-karatteristiċi bijometriċi msemmija fl-Artikolu 3(5) u s-sigurtà tagħhom, inkluża l-prevenzjoni ta' aċċess mhux awtorizzat u l-faċilitazzjoni tal-validazzjoni;

(c)  rekwiżiti għall-kwalità u standards tekniċi komuni għall-immaġni tal-wiċċ u l-marki tas-swaba'.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 15(2).

2.  F'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 15(2) jista' jiġi deċiż li l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija f'dan l-Artikolu għandhom ikunu sigrieti u ma għandhomx jiġu ppubblikati. F'tali każ, għandhom jitpoġġew għad-dispożizzjoni biss tal-korpi maħtura mill-Istati Membri bħala responsabbli għall-istampar u tal-persuni debitament awtorizzati minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni.

3.  Kull Stat Membru għandu jaħtar korp wieħed li jkollu r-responsabbiltà għall-istampar tal-karti tal-identità, u korp wieħed li jkollu r-responsabbiltà għall-istampar tal-karti ta' residenza ta' membri tal-familja ta' ċittadini tal-Unjoni, u għandu jikkomunika l-ismijiet ta' dawn il-korpi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra. L-Istati Membri għandhom ikunu intitolati jibdlu tali korpi maħtura u għandhom jinformaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kif xieraq.

L-Istati Membri jistgħu ukoll jiddeċiedu li jaħtru korp wieħed li jkollu r-responsabbiltà għall-istampar kemm tal-karti tal-identità kif ukoll għall-istampar tal-karti ta' residenza ta' membri tal-familja ta' ċittadini tal-Unjoni u għandhom jikkomunikaw l-isem ta' dan il-korp lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

Żewġ Stati Membri jew aktar jistgħu ukoll jaħtru korp uniku għal dawk il-finijiet u għandhom jinformaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kif xieraq.

Artikolu 15

Il-proċedura ta' kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1683/95. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.  Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Meta l-Kumitat ma joħroġx opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika minn 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi …,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

(1)ĠU C 367, 10.10.2018, p. 78.
(2) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ April 2019.
(3)Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).
(4)Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).
(5) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 tat-13 ta' Ġunju 2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta' residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiż terz (ĠU L 157, 15.6.2002, p. 1).
(6) Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(7) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 tad-29 ta' Mejju 1995 li jistabbilixxi format uniformi għall-viża (ĠU L 164, 14.7.1995, p. 1).
(8) Regolament (UE) 2017/1954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2017 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta' residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi (ĠU L 286, 1.11.2017, p. 9).
(9)Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(10)ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(11) ĠU C 338, 21.9.2018, p. 22.
(12) Għadha mhijiex ippubblikata.
(13) Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018)7767 tat-30 ta' Novembru 2018 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-format uniformi għal permessi ta' residenza għal ċittadini ta' pajjiż terz.
(14) Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta' Ottubru 2018 li jistabbilixxi gateway diġitali unika li tipprovdi aċċess għal informazzjoni, għal proċeduri u għas-servizzi ta' assistenza u ta' soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 1).

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' April 2019Avviż legali