Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/0187(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0010/2019

Testi mressqa :

A8-0010/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/02/2019 - 8.3
CRE 13/02/2019 - 8.3
PV 04/04/2019 - 6.19

Testi adottati :

P8_TA(2019)0085
P8_TA(2019)0351

Testi adottati
PDF 170kWORD 59k
Il-Ħamis, 4 ta' April 2019 - Brussell Verżjoni proviżorja
Il-komputerizzazzjoni tal-moviment u tas-sorveljanza ta' oġġetti soġġetti għas-sisa ***I
P8_TA-PROV(2019)0351A8-0010/2019
Riżoluzzjoni
 Test konsolidat

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' April 2019 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-komputerizzazzjoni tal-moviment u tas-sorveljanza ta' oġġetti soġġetti għas-sisa (riformulazzjoni) (COM(2018)0341 – C8-0215/2018 – 2018/0187(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja – riformulazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0341),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0215/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta' Ottubru 2018(1).

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta' Novembru 2001 dwar użu aktar strutturat tat-teknika ta' riformulazzjoni tal-atti legali(2);

–  wara li kkunsidra l-ittra tat-18 ta' Diċembru 2018 mibgħuta mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali indirizzata lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji b'konformità mal-Artikolu 104(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tas-27 ta' Frar 2019 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 104 u 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0010/2019),

A.  billi, fl-opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-proposta tal-Kummissjoni ma tinkludi ebda tibdil sustanzjali ħlief dak identifikat bħala tali fil-proposta u billi, f'dak li jikkonċerna l-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-atti preċedenti flimkien ma' dak it-tibdil, il-proposta tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tal-atti eżistenti mingħajr tibdil sustanzjali;

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari hawn taħt stabbilita;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU C 62, 15.2.2019, p. 108.
(2) ĠU C 77, 28.3.2002, p. 1.


Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-4 ta’April 2019 bil-ħsieb ta’ l-adozzjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2019/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kompjuterizzazzjoni tal-moviment u tas-sorveljanza ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa (riformulazzjoni)
P8_TC1-COD(2018)0187

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja(2),

Billi:

(1)  Jenħtieġ isiru għadd ta’ emendi fid-Deċiżjoni Nru 1152/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(3). Għall-finijiet taċ-ċarezza, dik id-Deċiżjoni jenħtieġ issirilha riformulazzjoni.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2019/...(4)(5)  tipprovdi li  l-oġġetti soġġetti għas-sisa li jkollhom arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju tas-sisa bejn it-territorji tal-Istati Membri għandhom ikunu akkumpanjati b’dokument mimli mill-konsenjatur.

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 684/2009(6) jistabbilixxi  l-istruttura  u l-kontenut tad-dokument ta’ akkumpanjament  imsemmi  fid-Direttiva (UE) 2019/....(7)  u l-proċedura għall-użu tiegħu.

(4)  Biex jitjiebu l-kontrolli u jkun jista’ jiġi ssimplikat il-moviment tal-oġġetti soġġetti għas-sisa fl-Unjoni, ġiet stabbilita sistema kompjuterizzata permezz tad-Deċiżjoni Nru 1152/2003/KE.

(5)  Hu  neċessarju li s-sistema kompjuterizzata tibqa’ taħt manutenzjoni u tiġi żviluppata iżjed għall-monitoraġġ  tal-movimenti tal-oġġetti soġġetti għas-sisa sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu  jiksbu informazzjoni f’ħin reali dwar tali movimenti u sabiex jagħmlu l-kontrolli  manwali u awtomatizzati  meħtieġa, inkluż kontrolli waqt  il-moviment  ta’ oġġetti  soġġetti għas-sisa  skont it-tifsira tal-Kapitoli IV u V tad-Direttiva (UE) 2019/...(8) u tal-Kapitolu IV tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 389/2012(9).

(6)  Il-modifika, l-estensjoni u t-tħaddim tas-sistema kompjuterizzata jenħtieġ  tippermetti l-movimenti intra-Unjoni  ta’ oġġetti soġġetti  għas-sisa  li jkollhom  sospensjoni  tad-dazju kif ukoll il-movimenti ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa rrilaxxati diġà għall-konsum fit-territorju ta’ xi wieħed mill-Istati Membri u ttrasferiti lejn Stat Membru ieħor biex jitwasslu għal finijiet kummerċjali.

(7)  Il-modifika u l-estensjoni  tas-sistema  kompjuterizzata jgħinu biex jissaħħu l-aspetti tas-suq intern tal-moviment tal-oġġetti soġġetti għas-sisa. Kull aspett fiskali b'rabta mal-moviment tal-oġġetti soġġetti għas-sisa jenħtieġ li jiġi indirizzat billi tiġi emendata d-Direttiva (UE) 2019/...+  jew ir-Regolament (UE) Nru 389/2012. Din id-Deċiżjoni ma tippreġudika l-bażi ġuridika tal-ebda emenda futura għad-Direttiva (UE) 2019/....+  jew għar-Regolament (UE) Nru 389/2012.

(8)  Hu neċessarju li tiġi definita d-diviżjoni bejn il-komponenti tal-Unjoni  u  mhux tal-Unjoni  tas-sistema, kompjuterizzata kif ukoll  id-dmirijiet rispettivi  tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fir-rigward tal-iżvilupp u l-użu tas-sistema. F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni bl-għajnuna tal-Kumitat rilevanti jenħtieġ taqdi rwol maġġuri fil-koordinazzjoni, fl-organizzazzjoni u fil-ġestjoni tas-sistema.

(9)  Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa għall-modifika, l-estensjoni u t-tħaddim tas-sistema kompjuterizzata, il-Kummissjoni jenħtieġ tingħata s-setgħat ta' implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati b’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(10).

(10)  Jenħtieġ li jsiru arranġamenti għall-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tas-sistema kompjuterizzata għall-monitoraġġ tal-oġġetti soġġetti għas-sisa.

(11)  Qabel ma tibda titħaddem estensjoni ġdida tas-sistema kompjuterizzata, u minħabba l-problemi li ġew esperjenzati, il-Kummissjoni, b’kollaborazzjoni mal-Istati Membri u waqt li tikkunsidra l-għanijiet tas-settur kummerċjali kkonċernat,  jenħtieġ tistħarreġ jekk is-sistemi attwali bbażati fuq il-karti għadhomx adatti.

(12)  L-ispejjeż  tas-sistema  kompjuterizzata jenħtieġ jinqasmu bejn l-Unjoni u l-Istati Membri.

(13)  Minħabba d-daqs  u l-kumplessità  tas-sistema kompjuterizzata,  hu meħtieġ li  kemm  l-Unjoni  kif ukoll l-Istati Membri  jipprovdu  riżorsi umani u finanzjarji għall-iżvilupp u l-użu tas-sistema. Fl-iżvilupp tal-komponenti nazzjonali, l-Istati Membri jenħtieġ japplikaw il-prinċipji stabbiliti għas-sistemi elettroniċi tal-gvern u jenħtieġ jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod bħalma jiġu trattati fl-oqsma l-oħra li jużaw sistemi kompjuterizzati. B’mod partikolari jenħtieġ jippermettu lill-operaturi ekonomiċi, speċjalment lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju li huma attivi f’dan is-settur, biex jużaw il-komponenti nazzjonali bl-anqas spiża possibbli, u jenħtieġ jiffavorixxu l-miżuri kollha mmirati għall-priżervazzjoni tal-kompetittività tagħhom.

(14)  Minħabba li l-għan ta’ din id-Deċiżjoni, jiġifieri li tiġi pprovduta bażi għall-governanza ta’ aktar awtomatizzazzjonijiet tal-proċessi stipulati fil-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar id-dazji tas-sisa, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq intern, jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jinkiseb dak l-għan,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.  Din id-Deċiżjoni fiha dispożizzjoni għall-ġestjoni tal-modifika, l-estensjoni u t-tħaddim tas-sistema kompjuterizzata użata  għall-moviment  u għas-sorveljanza ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa msemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva (UE) 2019/ ...(11) (is-"sistema kompjuterizzata").

2.  Is-sistema kompjuterizzata hi maħsuba biex:

(a)  tippermetti t-trażmissjoni elettronika tad-dokumenti  amministrattivi  pprovduti bid-Direttiva (UE) 2019/...(12) u  bir-Regolament (UE) Nru 389/2012, u t-titjib tal-kontrolli;

(b)  ittejjeb il-funzjonament tas-suq intern, billi jiġi ssimplifikat il-moviment intra-Unjoni  ta’ oġġetti  soġġetti għas-sisa u billi toffri lill-Istati Membri l-possibbiltà li jimmonitorjaw iċ-ċirkolazzjoni f’ħin reali u jekk ikun il-każ jagħmlu l-kontrolli meħtieġa.

Artikolu 2

L-attivitajiet relatati mal-bidu tal-estensjoni  tas-sistema kompjuterizzata għandhom jibdew sa... [12-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni].

Artikolu 3

1.  Is-sistema kompjuterizzata għandha tkun magħmula minn komponenti tal-Unjoni  u mhux tal-Unjoni.

2.  Il-Kummissjoni għandha tiżgura li matul ix-xogħol fuq il-komponenti tal-Unjoni  tas-sistema kompjuterizzata tingħata kull attenzjoni sabiex kemm jista’ jkun  isir użu mill-ġdid tas-sistemi eżistenti u biex ikun żgurat li s-sistema kompjuterizzata hi kompatibbi ma’ sistemi kompjuterizzati rilevanti oħrajn tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri , bil-għan li jinħoloq sett integrat ta’ sistemi kompjuterizzati  għas-sorveljanza kemm ta’ movimenti intra-Unjoni  ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa  u ta’ movimenti ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa u oġġetti soġġetti għal dazji u imposti oħrajn li ġejjin minn pajjiżi terzi jew sejrin lejhom.

3.  Il-komponenti  tal-Unjoni  tas-sistema kompjuterizzata għandhom ikunu l-ispeċifikazzjonijiet komuni, il-prodotti tekniċi, is-servizzi tan-Network Komuni tal- Komunikazzjoni / Network Komuni tal-Interfaċċa tas-Sistemi, u s-servizzi ta’ koordinazzjoni użati mill-Istati Membri kollha, bl-esklużjoni ta’ xi varjant jew karatteristika speċjali ta’ dawn is-servizzi mfassla biex jissodisfaw ir-rekwiżiti nazzjonali.

4.  Il-komponenti  mhux tal-Unjoni  tas-sistema kompjuterizzata għandhom ikunu l-ispeċifikazzjonijiet nazzjonali, il-bażijiet tad-data nazzjonali li jagħmlu parti mis-sistema kompjuterizzata, il-komunikazzjoni tan-network bejn il-komponenti  tal-Unjoni u mhux tal-Unjoni  u kull software jew tagħmir li l-Istat Membru jqis meħtieġ biex ikun żgurat l-użu sħiħ tas-sistema kompjuterizzata matul l-amministrazzjoni tagħha.

Artikolu 4

1.  Il-Kummissjoni għandha tikkoordina l-modifika, l-estensjoni u t-tħaddim  tal-komponenti  tal-Unjoni  u  mhux tal-Unjoni  tas-sistema kompjuterizzata, u b’mod partikolari:

(a)  l-infrastruttura u l-għodod meħtieġa biex jiġu garantiti l-konnessjonijiet interni u l-interoperabbiltà ġenerali tas-sistema kompjuterizzata;

(b)  l-iżvilupp ta' politika tas-sigurtà tal-ogħla standard possibli biex jitwaqqaf l-aċċess mhux awtorizzat għad-data u biex tiġi ggarantita l-integrità tas-sistema kompjuterizzata;

(c)  l-istrumenti għall-utilizzazzjoni tad-data għall-ġlieda kontra l-frodi.

2.  Biex  jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti  fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tikkonkludi l-kuntratti  meħtieġa għall-modifika u l-estensjoni  tal-komponenti  tal-Unjoni  tas-sistema kompjuterizzata u għandha, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri li jiltaqgħu fil-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 7(1), toħloq pjan direzzjonali u pjanijiet ta’ ġestjoni meħtieġa għall-modifika, l-estensjoni u t-tħaddim tas-sistema kompjuterizzata.

Il-pjan direzzjonali u l-pjanijiet ta’ ġestjoni għandhom jispeċifikaw il-kompiti inizjali u ta’ rutina li għandhom iwettqu l-Kummissjoni u kull Stat Membru. Il-pjanijiet ta’ ġestjoni għandhom jispeċifikaw id-dati għat-tlestija tal-kompiti meħtieġa biex jitwettaq kull proġett identifikat fil-pjan direzzjonali.

Artikolu 5

1.  L-Istati Membri għandhom ilestu, sad-data speċifikata fil-pjanijiet ta’ ġestjoni  msemmija  fl-Artikolu 4(2), il-kompiti inizjali u ta’ rutina assenjati lilhom.

Dawn għandhom jibagħtu rapport lill-Kummissjoni dwar ir-riżultati ta’ kull kompitu u d-data tat-tlestija tiegħu. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, għandha tinforma lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 7(1) tagħha.

2.  L-Istati Membri ma għandhom jieħdu  l-ebda azzjoni dwar  il-modifika, l-estensjoni jew it-tħaddim  tas-sistema kompjuterizzata li tista’ taffettwa l-konnessjonijiet interni u l-interoperabbiltà ġenerali tagħha jew il-funzjonament tagħha kollha kemm hi.

Kwalunkwe miżura li Stat Membru jixtieq  jieħu li tista’ taffettwa l-konnessjonijiet interni u l-interoperabbiltà ġenerali tas-sistema kompjuterizzata jew il-funzjonament tagħha kollha kemm hi, għandha tittieħed bi ftehim minn qabel mal-Kummissjoni.

3.  L-Istati Membri għandhom jinformaw regolarment lill-Kummissjoni b’kull miżura li ħadu biex l-amministrazzjonijiet rispettivi tagħhom ikunu jistgħu jużaw bis-sħiħ is-sistema kompjuterizzata. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, għandha tinforma lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 7(1) tagħha.

Artikolu 6

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu  l-miżuri meħtieġa għall-modifika, l-estensjoni u t-tħaddim  tas-sistema kompjuterizzata b'rabta mal-kwistjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni  għandhom jiġu adottati skont il-proċedura  ta’ eżami   msemmija  fl-Artikolu 7(2). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni ma għandhomx jaffettwaw id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni relatati maż-żieda u l-kontrolli ta’ taxxi indiretti jew kooperazzjoni amministrattiva u assistenza reċiproka fi kwistjonijiet ta’ tassazzjoni indiretta.

Artikolu 7

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat dwar  id-Dazju tas-Sisa.  Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 8

1.  Il-Kummissjoni għandha tivverifika li l-miżuri ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea qed isiru sew u skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni.

Din għandha timmonitorja regolarment u b’kollaborazzjoni mal-Istati Membri li jiltaqgħu fil-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 7(1), id-diversi fażijiet tal-iżvilupp u l-użu tas-sistema kompjuterizzata biex tiddetermina jekk intlaħqux l-għanijiet maħsuba u biex toħroġ linji gwida fuq kif tista’ tiżdied l-effikaċja tal-attivitajiet involuti fl-implimentazzjoni tas-sistema kompjuterizzata.

2.  Sa ... [ħames snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni] u mbagħad kull ħames snin,  il-Kummissjoni għandha tippreżenta  rapport  lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni  u t-tħaddim  tas-sistema kompjuterizzata.

Ir-rapport għandu jistabbilixxi, fost l-oħrajn, il-metodi u l-kriterji li għandhom jintużaw aktar tard fl-evalwazzjoni tal-funzjonament tas-sistema kompjuterizzata.

Artikolu 9

Il-pajjiżi li applikaw biex jissieħbu fl-Unjoni Ewropea għandhom jibqgħu infurmati mill-Kummissjoni dwar l-iżvilupp u l-użu tas-sistema kompjuterizzata u, jekk ikunu jixtiequ, jistgħu jieħdu parti fit-testijiet li jsiru.

Artikolu 10

1.  L-ispejjeż  tal-modifika u l-estensjoni tas-sistema kompjuterizzata għandhom jinqasmu bejn l-Unjoni u l-Istati Membri skont il-paragrafi 2 u 3.

2.  L-Unjoni  għandha ġġarrab l-ispejjeż tat-tfassil, l-akkwist, l-installazzjoni u l-manutenzjoni tal-komponenti tal-Unjoni  tas-sistema kompjuterizzata u l-ispejjeż kontinwi tal-operat ta’ dawk il-komponenti tal-Unjoni installati fil-binjiet tal-Kummissjoni, jew fil-binjiet ta’ subkuntrattur maħtur mill-Kummissjoni.

3.  L-Istati Membri għandhom iġarrbu l-ispejjeż tal-modifika, l-estensjoni u t-tħaddim  tal-komponenti mhux tal-Unjoni  tas-sistema kompjuterizzata u l-ispejjeż kontinwi tal-operat ta’ dawk il-komponenti tal-Unjoni  installati fil-binjiet tagħhom, jew fil-binjiet ta’ subkuntrattur maħtur mill-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 11

1.  L-approprjazzjonijiet annwali, li jinkludu l-approprjazzjonijiet assenjati għall-użu u għat-tħaddim tas-sistema kompjuterizzata wara l-perijodu ta’ implimentazzjoni, għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità baġitarja fil-limiti tal-perspettiva finanzjarja  stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 1286/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(13).

2.  L-Istati Membri għandhom jagħmlu stima u jqiegħdu għad-dispożizzjoni l-baġits u r-riżorsi umani meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom deskritti fl-Artikolu 5. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jipprovdu r-riżorsi umani, baġitarji u tekniċi meħtieġa għall-modifika, l-estensjoni u t-tħaddim tas-sistema kompjuterizzata u għall-iżvilupp ulterjuri tagħha.

Artikolu 12

Id-Deċiżjoni Nru 1152/2003/KE hija mħassra.

Ir-referenzi għad-Deċiżjoni mħassra għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness.

Artikolu 13

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ  fl-għoxrin  jum  wara dak  tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 14

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi ...,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

ANNESS

Tabella ta’ korrelazzjoni

Id-Deċiżjoni Nru 1152/2003/KE

Din id-Deċiżjoni

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2, l-ewwel paragrafu

_

Artikolu 2, it-tieni paragrafu

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 6

Artikolu 7(1)

Artikolu 7(1)

Artikolu 7(2)

Artikolu 7(2)

Artikolu 7(3)

-

Artikolu 8(1)

Artikolu 8(1)

Artikolu 8(2)

-

Artikolu 8(3)

Artikolu 8(2)

Artikolu 9

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 10

Artikolu 11(1), l-ewwel subparagrafu

_

Artikolu 11(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 11(1)

Artikolu 11(2)

Artikolu 11(2)

-

Artikolu 12

Artikolu 12

Artikolu 13

Artikolu 13

Artikolu 14

_

Anness

(1) ĠU C 62, 15.2.2019, p. 108.
(2) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ April 2019.
(3)Id-Deċiżjoni Nru 1152/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2003 dwar il-komputerizzazzjoni tal-moviment u tas-sorveljanza ta’ prodotti soġġetti għas-sisa (ĠU L 162, 1.7.2003, p. 5).
(4)Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2019/... ta’ ... li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għat-taxxa tas-sisa (ĠU L ...).
(5)+ ĠU: Jekk jogħġbok daħħal fit-test in-numru tad-Direttiva adottata fil-proċedura 2018/0176 (CNS) u daħħal in-numru, data, titlu u referenza tal-ĠU ta’ dik id-Direttiva fin-nota ta’ qiegħ il-paġna.
(6)Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 684/2009 tal-24 ta’ Lulju 2009 li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE fir-rigward tal-proċeduri kompjuterizzati għall-moviment ta’ prodotti tas-sisa taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa (ĠU L 197, 29.7.2009, p. 24).
(7)++ ĠU: Jekk jogħġbok daħħal fit-test in-numru tad-Direttiva adottata fil-proċedura 2018/0176 (CNS).
(8)+ ĠU: Jekk jogħġbok daħħal fit-test in-numru tad-Direttiva adottata fil-proċedura 2018/0176 (CNS).
(9)Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 389/2012 tat-2 ta’ Mejju 2012 dwar kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2073/2004 (ĠU L 121, 8.5.2012, p. 1).
(10)Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(11)+ ĠU: Jekk jogħġbok daħħal fit-test in-numru tad-Direttiva adottata fil-proċedura 2018/0176 (CNS).
(12)
(13)Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi programm ta’ azzjoni biex jittejjeb it-tħaddim tas-sistemi ta’ tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea għall-perijodu 2014-2020 (Fiscalis 2020) u jirrevoka d-Deċiżjoni Nru 1482/2007/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 25).

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' April 2019Avviż legali