Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/0041(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0430/2018

Testi mressqa :

A8-0430/2018

Dibattiti :

PV 15/04/2019 - 16
CRE 15/04/2019 - 16

Votazzjonijiet :

PV 16/04/2019 - 8.9
CRE 16/04/2019 - 8.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0367

Testi adottati
PDF 242kWORD 69k
It-Tlieta, 16 ta' April 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Distribuzzjoni transfruntiera ta' fondi ta' investiment kollettiv (Direttiva) ***I
P8_TA-PROV(2019)0367A8-0430/2018
Riżoluzzjoni
 Test konsolidat

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2019 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-distribuzzjoni transfruntiera ta' fondi ta' investiment kollettiv (COM(2018)0092 – C8-0111/2018 – 2018/0041(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0092),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), u l-Artikolu 53(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0111/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-11 ta’ Lulju 2018(1),

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tas-27 ta' Frar 2019, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0430/2018),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU C 367, 10.10.2018, p. 50.


Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-16 ta' April 2019 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2009/65/KE u 2011/61/UE fir-rigward tad-distribuzzjoni transfruntiera ta' impriżi ta' investiment kollettiv
P8_TC1-COD(2018)0041

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 53(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja(2),

Billi:

(1)  L-objettivi komuni tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(3) u tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(4) jinkludu li jiżguraw kundizzjonijiet ekwi fost l-impriżi ta' investiment kollettiv u li jneħħu r-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-unitajiet u tal-ishma tal-impriżi ta' investiment kollettiv fl-Unjoni, filwaqt li fl-istess ħin jiżguraw protezzjoni aktar uniformi għall-investituri. Filwaqt li fil-parti l-kbira dawk l-objettivi ntlaħqu, ċerti ostakli għadhom qed irażżnu lill-maniġers ta' fondi biex ikunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mis-suq intern.

(2)  Din id-Direttiva hija kkumplimentata mir-Regolament (UE) 2019/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5)(6). Dak ir-Regolament jistabbilixxi regoli u proċeduri addizzjonali li jikkonċernaw l-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) u maniġers ta' fondi ta' investiment alternattivi (AIFMs). Jenħtieġ li dak ir-Regolament u din id-Direttiva jikkoordinaw aktar b'mod kollettiv il-kundizzjonijiet għall-maniġers ta' fondi li joperaw fis-suq intern u jiffaċilitaw id-distribuzzjoni transfruntiera tal-fondi li jamministraw.

(3)  Hemm bżonn li titneħħa d-diskrepanza regolatorja fil-proċedura ta' notifika lill-awtoritajiet kompetenti dwar it-tibdiliet fir-rigward tal-UCITS bil-proċedura ta' notifika stabbilita fid-Direttiva 2011/61/UE.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2019/… + ikompli jsaħħaħ il-prinċipji applikabbli għall-komunikazzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni rregolati bid-Direttiva 2009/65/KE u jestendi l-applikazzjoni ta' dawk il-prinċipji għall-AIFMs, u b'hekk jirriżulta fi standard għoli ta' protezzjoni tal-investituri, indipendentement mit-tip ta' investitur. Id-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Direttiva 2009/65/KE relatati mal-komunikazzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni u mal-aċċessibbiltà tal-liġijiet u tar-regolamentazzjoni nazzjonali rilevanti għall-arranġament tal-unitajiet tal-kummerċjalizzazzjoni tal-UCITS għalhekk m'għadhomx neċessarji u jenħtieġ li jitħassru.

(5)  Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/65/KE, li jeħtieġu li l-UCITS jipprovdu faċilitajiet lill-investituri, kif implimentati minn ċerti ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, sfaw ta' piż. Barra minn hekk, il-faċilitajiet lokali rarament jintużaw mill-investituri kif maħsub mid-Direttiva. Il-metodu ppreferut ta' kuntatt inbidel għal interazzjoni diretta bejn l-investituri u l-maniġers ta' fond, jew b'mod elettroniku inkella bit-telefon, filwaqt li l-pagamenti u t-tifdijiet qed jiġu eżegwiti permezz ta' mezzi oħra. Filwaqt li dawk il-faċilitajiet lokali li qed jintużaw bħalissa għal finijiet amministrattivi bħall-irkupru transfruntier tat-tariffi regolatorji, jenħtieġ li tali kwistjonijiet jiġu indirizzati permezz ta' mezzi oħra li jinkludu l-kooperazzjoni bejn awtoritajiet kompetenti. Konsegwentement, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli, li jimmodernizzaw u jispeċifikaw ir-rekwiżiti għall-provvista ta' faċilitajiet lil investituri fil-livell tal-konsumatur, u jenħtieġ li l-Istati Membri ma jkunux jeżiġu preżenza fiżika lokali għall-provvista ta' tali faċilitajiet. Fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li dawk ir-regoli jiżguraw li l-investituri jkollhom aċċess għall-informazzjoni li huma intitolati għaliha.

(6)  Biex jiġi żgurat trattament konsistenti tal-investituri fil-livell tal-konsumatur, hemm bżonn li r-rekwiżiti relatati mal-faċilitajiet jiġu applikati għall-AIFMs ukoll meta l-Istati Membri jawtorizzawhom jikkumerċjalizzaw unitajiet jew ishma ta' fondi ta ’investiment alternattivi (AIFs) lil investituri fil-livell tal-konsumatur fit-territorji tagħhom.

(7)  In-nuqqas ta' kundizzjonijiet ċari u uniformi tal-waqfien tal-kummerċjalizzazzjoni ta' unitajiet jew ishma ta' UCITS jew AIF fi Stat Membru ospitanti, joħloq inċertezza legali u ekonomika għall-maniġers tal-fondi. Għalhekk, id-Direttivi 2009/65/KE u 2011/61/UE jenħtieġ li jistabbilixxu kundizzjonijiet ċari li bihom tista' sseħħ denotifika tal-arranġamenti li jkunu saru għall-kummerċjalizzazzjoni fir-rigward ta' xi unitajiet jew ishma jew tagħhom kollha. Dawk il-kundizzjonijiet jenħtieġ li jibbilanċjaw, minn naħa waħda, l-abbiltà tal-impriżi ta' investiment kollettiv jew tal-maniġers tagħhom li jtemmu l-arranġamenti tagħhom għall-kummerċjalizzazzjoni tal-ishma jew tal-unitajiet tagħhom meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti u, min-naħa l-oħra, l-interessi tal-investituri f'tali impriżi.

(8)  Il-possibbiltà li tieqaf il-kummerċjalizzazzjoni tal-UCITS jew tal-AIFs fi Stat Membru partikolari jenħtieġ li la tkun bi ħlas għall-investituri u lanqas tnaqqas is-salvagwardji tagħhom skont id-Direttiva 2009/65/KE jew id-Direttiva 2011/61/UE, b'mod partikolari fir-rigward tad-dritt tagħhom għal informazzjoni preċiża dwar l-attivitajiet issoktati ta' dawk il-fondi.

(9)  Hemm każijiet li fihom AIFM li jkun jixtieq jittestja l-aptit tal-investituri għal idea ta' investiment jew għal strateġija ta' investiment partikolari, jaffaċċja trattament diverġenti ta'▌prekummerċjalizzazzjoni f'ordinamenti ġuridiċi nazzjonali differenti. Id-definizzjoni ta' prekummerċjalizzazzjoni u l-kundizzjonijiet li taħthom hija permessa tvarja b'mod konsiderevoli bejn dawk l-Istati Membri fejn hija permessa, mentri fi Stati Membri oħrajn m'hemmx kunċett ta' prekummerċjalizzazzjoni affattu. Biex jiġu indirizzati dawk id-diverġenzi, jenħtieġ li tiġi pprovduta definizzjoni armonizzata tal-prekummerċjalizzazzjoni kif ukoll jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li fihom AIFM tal-UE jista' jwettaq prekummerċjalizzazzjoni.

(10)  Biex il-prekummerċjalizzazzjoni tiġi rikonoxxuta bħala tali skont id-Direttiva 2011/61/UE, jenħtieġ li din tkun indirizzata lil investituri professjonali potenzjali u tikkonċerna idea ta' investiment jew strateġija ta' investiment sabiex tittestja l-interess tagħhom f'AIF jew f'kompartiment li jkun għadu ma ġiex stabbilit, jew li jkun stabbilit, iżda jkun għadu mhux notifikat għall-kummerċjalizzazzjoni f'konformità ma' dik id-Direttiva. Għaldaqstant, matul il-prekummerċjalizzazzjoni, jenħtieġ li ma jkunx possibbli għall-investituri li jissottoskrivu ruħhom għall-unitajiet jew għall-ishma ta' AIF u d-distribuzzjoni ta' formoli ta' sottoskrizzjoni jew dokumenti simili lil investituri professjonali potenzjali, kemm f'għamla ta' abbozz kif ukoll f'forma finali, jenħtieġ li ma jkunx permess. L-AIFMs tal-UE jenħtieġ li jiżguraw li l-investituri ma jakkwistawx unitajiet jew ishma f'AIF permezz ta' prekummerċjalizzazzjoni u li l-investituri kkuntattjati bħala parti mill-prekummerċjalizzazzjoni jkunu jistgħu jakkwistaw unitajiet jew ishma f'dak l-AIF permezz ta' kummerċjalizzazzjoni permessa taħt id-Direttiva 2011/61/UE. Kwlaunkwe sottoskrizzjoni minn investituri professjonali, fi żmien 18-il xahar minn meta l-AIFM tal-UE jkun beda prekummerċjalizzazzjoni, għall-unitajiet jew għall-ishma ta' AIF imsemmija fl-informazzjoni pprovduta fil-kuntest ta' prekummerċjalizzazzjoni, jew ta' AIF stabbilit b'riżultat tal-prekummerċjalizzazzjoni, jenħtieġ li titqies li hi r-riżultat ta' kummerċjalizzazzjoni u jenħtieġ li tkun soġġetta għall-proċeduri ta' notifika applikabbli msemmija fid-Direttiva 2011/61/UE. Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jkunu jistgħu jeżerċitaw il-kontroll fuq il-prekummerċjalizzazzjoni fl-Istat Membru tagħhom, AIFM tal-UE jenħtieġ li jibgħat, fi żmien ġimgħatejn minn meta jkun beda l-prekummerċjalizzazzjoni, ittra informali, f'forma stampata jew b'mezzi elettroniċi, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tiegħu, li tispeċifika inter alia f'liema Stati Membri jkun qed iwettaq jew kien qed iwettaq prekummerċjalizzazzjoni, il-perjodi li matulhom qed isseħħ jew tkun seħħet il-prekummerċjalizzazzjoni u inkluż, fejn rilevanti, lista ta' AIFs u ta' kompartimenti tal-AIFs tiegħu li huma jew li kienu s-soġġett ta' prekummerċjalizzazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-AIFM tal-UE jenħtieġ li jinformaw minnufih lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih l-AIFM tal-UE jkun qed iwettaq jew kien qed iwettaq prekummerċjalizzazzjoni.

(11)  L-AIFMs tal-UE jenħtieġ li jiżguraw li l-prekummerċjalizzazzjoni tagħhom tkun dokumentata b'mod adegwat.

(12)  Il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mad-Direttiva 2011/61/UE u, b'mod partikolari, mar-regoli armonizzati dwar il-prekummerċjalizzazzjoni, jenħtieġ li bl-ebda mod ma jiżvantaġġaw lill-AIFMs tal-UE fil-konfront tal-AIFMs mhux tal-UE. Dan jirrigwarda kemm is-sitwazzjoni attwali li fiha l-AIFMs mhux tal-UE m'għandhomx drittijiet tal-passaportar, kif ukoll sitwazzjoni li fiha d-dispożizzjonijiet dwar tali passaportar fid-Direttiva 2011/61/UE jsiru applikabbli.

(13)  Biex tiġi żgurata ċ-ċertezza tad-dritt, hemm bżonn li jiġu ssinkronizzati d-dati ta' applikazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jimplimentaw din id-Direttiva u r-Regolament (UE) 2019/...(7) fir-rigward tad-dispożizzjonijiet rilevanti dwar il-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni u l-prekummerċjalizzazzjoni.

(14)  Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni(8), l-Istati Membri ntrabtu li, f'każijiet iġġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew aktar li jispjega r-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li t-trażmissjoni ta' tali dokumenti hija ġġustifikata,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2009/65/KE

Id-Direttiva 2009/65/KE hija emendata kif ġej:

(1)  fl-Artikolu 17(8), jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

▌"

"Meta, skont tibdil kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-kumpanija maniġerjali ma tibqax konformi ma' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-kumpanija maniġerjali għandhom jinformaw lill-kumpanija maniġerjali fi żmien 15-il jum ta' xogħol minn meta jirċievu l-informazzjoni kollha msemmija fl-ewwel subparagrafu li ma għandhiex timplimenta dak it-tibdil.

F'dak il-każ, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-kumpanija maniġerjali għandhom jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-kumpanija maniġerjali kif xieraq.

Meta tibdil imsemmi fl-ewwel subparagrafu jiġi implimentat wara li tkun ġiet trasmessa informazzjoni f'konformità mat-tieni subparagrafu u skont dan it-tibdil il-kumpanija maniġerjali ma tibqax konformi ma' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-kumpanija maniġerjali għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha f'konformità mal-Artikolu 98, u għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-kumpanija maniġerjali mingħajr dewmien żejjed tal-miżuri meħuda.";

"

(2)  L-Artikolu 77 huwa mħassar;

(3)  fl-Artikolu 91, il-paragrafu 3 huwa mħassar;

(4)  L-Artikolu 92 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"Artikolu 92

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li UCITS tagħmel disponibbli, f'kull Stat Membru fejn ikun biħsiebha tikkummerċjalizza l-unitajiet tagħha, faċilitajiet li jwettqu l-kompiti li ġejjin:

   (a) jipproċessaw l-ordnijiet ta' sottoskrizzjoni,▌ta' riakkwist u ta' tifdija u jagħmlu pagamenti oħra lit-titolari ta' unitajiet relatati mal-unitajiet tal-UCITS, f'konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dokumenti meħtieġa skont il-Kapitolu IX;
   (b) jipprovdu lill-investituri b'informazzjoni dwar kif l-ordnijiet imsemmija fil-punt (a) jistgħu jsiru u kif jitħallas ir-rikavat mir-riakkwist u mit-tifdija;
   (c) jiffaċilitaw it-trattament ta' informazzjoni u l-aċċess għall-proċeduri u l-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 15 marbuta mal-eżerċizzju min-naħa tal-investituri tad-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mill-investiment tagħhom fil-UCITS fl-Istat Membru fejn il-UCITS hi kkummerċjalizzata;
   (d) jagħmlu l-informazzjoni u d-dokumenti meħtieġa skont il-Kapitolu IX disponibbli għall-investituri skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 94, għall-finijiet tal-ispezzjoni u l-kisba tal-kopji tagħhom;
   (e) jipprovdu lill-investituri informazzjoni rilevanti għall-kompiti li jwettqu l-faċilitajiet f'mezz durabbli; u
   (f) jaġixxu bħala punt ta' kuntatt għall-komunikazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti.

2.  L-Istati Membri m'għandhomx jeżiġu li UCITS▌ikollha preżenza fiżika fl-Istat Membru ospitanti jew li taħtar parti terza għall-finijiet tal-paragrafu 1.

3.  Il-UCITS għandha tiżgura li l-faċilitajiet biex jitwettqu l-kompiti msemmija fil-paragrafu 1, inkluż elettronikament, ikunu pprovduti:

   (a) ▌bil-lingwa uffiċjali jew b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li fih il-UCITS tkun ikkummerċjalizzata jew b'lingwa approvata mill-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru;
   (b) mill-UCITS stess, minn parti terza li hija soġġetta għal regolament u superviżjoni li jirregolaw il-kompiti li għandhom jitwettqu, jew mit-tnejn.

Għall-finijiet tal-punt (b), meta l-kompiti għandhom jitwettqu minn parti terza, il-ħatra ta' dik il-parti terza għandha tkun evidenzjata minn kuntratt bil-miktub, li jispeċifika liema mill-kompiti msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhomx jitwettqu mill-UCITS u li l-parti terza ser tirċievi l-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti kollha mingħand il-UCITS.";

"

(5)  ▌L-Artikolu 93 huwa emendat kif ġej:

(a)  fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:"

"L-ittra ta' notifika għandha tinkludi wkoll id-dettalji neċessarji, inkluż l-indirizz, għall-fatturazzjoni jew għall-komunikazzjoni ta' kwalunkwe tariffa jew ħlas regolatorji applikabbli mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti u informazzjoni dwar il-faċilitajiet għat-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 92(1).";

"

(b)   il-paragrafu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"8. Fl-eventwalità ta' tibdil fl-informazzjoni fl-ittra ta' notifika sottomessa skont il-paragrafu 1, jew tibdil li jirrigwarda l-klassijiet tal-ishma li jkunu se jiġu kummerċjalizzati, il-UCITS għandha tagħti notifika bil-miktub ta' dan lill-awtoritajiet kompetenti kemm tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS kif ukoll lill-Istat Membru ospitanti tal-UCITS mill-inqas xahar qabel ma timplimenta tali tibdil.

Meta, skont tibdil kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-UCITS ma tibqax konformi ma' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti▌tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS għandhom jinformaw lill-UCITS fi żmien 15-il jum ta' xogħol minn meta jirċievu l-informazzjoni kollha msemmija fl-ewwel subparagrafu li hi ma għandhiex timplimenta dak it-tibdil. F'dak il-każ, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-UCITS kif xieraq.

Meta tibdil imsemmi fl-ewwel subparagrafu jiġi implimentat wara li tkun ġiet trasmessa informazzjonif'konformità mat-tieni subparagrafu u skont dan it-tibdil il-UCITS ma tibqax konformi ma' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha f'konformità mal-Artikolu 98, li jinkludu, fejn meħtieġ, il-projbizzjoni espliċita tal-kummerċjalizzazzjoni tal-UCITS u għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-UCITS mingħajr dewmien żejjed tal-miżuri meħuda.";

"

(6)  jiddaħħal l-artikolu li ġej:"

"Artikolu 93a

1.  ▌L-Istati Membri▌għandhom jiżguraw li UCITS tkun tista' tiddenotifika l-arranġamenti magħmula għall-kummerċjalizzazzjoni fir-rigward ta' unitajiet, inkluż, fejn relevanti, fir-rigward ta' klassijiet ta' ishma, fi Stat Membru li fir-rigward tiegħu tkun għamlet notifika skont l-Artikolu 93, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

   (a) issir offerta ġenerali għar-riakkwist jew għat-tifdija, mingħajr ebda imposta jew tnaqqisa, tal-unitajiet kollha bħal dawn miżmuma minn investituri f'dak l-Istat Membru, li tkun pubblikament disponibbli għal mill-inqas 30 jum ta' xogħol, u tiġi indirizzata, direttament jew permezz ta' intermedjarji finanzjarji, individwalment lill-investituri kollha f’dak l-Istat Membru ospitanti li l-identità tagħhom tkun magħrufa;
   (b) l-intenzjoni li jtemmu l-arranġamenti magħmula għall-kummerċjalizzazzjoni ta' tali unitajiet f'dak l-Istat Membru tiġi ppubblikata permezz ta' mezz disponibbli pubblikament, inkluż permezz ta' mezzi elettroniċi, li tipikament jintuża għall-kummerċjalizzazzjoni tal-UCITS u li huwa xieraq għal investitur tipiku tal-UCITS;
   (c) kwalunkwe arranġamenti kuntrattwali ma' intermedjarji finanzjarji jew delegati huma modifikati jew itterminati b'effett mid-data ta' denotifika sabiex jipprevjenu kwalunkwe offerta ġdida jew ulterjuri, diretta jew indiretta, tal-unitajiet identifikati fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2.

L-informazzjoni msemmija fil-punti (a) u (b) għandha tiddeskrivi b'mod ċar il-konsegwenzi għall-investituri jekk ma jaċċettawx l-offerta ta' tifdija jew tar-riakkwist tal-unitajiet tagħhom.

L-informazzjoni msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu għandha tiġi pprovduta bil-lingwa uffiċjali jew b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fir-rigward tiegħu l-UCITS tkun għamlet notifika skont l-Artikolu 93 jew b'lingwa approvata mill-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru.

Sa mid-data msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, l-UCITS għandha twaqqaf kwalunkwe offerta jew tpoġġija ta' unitajiet ġodda jew ulterjuri, diretti jew indiretti li kienu s-soġġett ta' denotifika f’dak l-Istat Membru.

2.  L-UCITS għandha tissottometti notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tagħha li tikkontjeni l-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1.

3.  L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS għandhom jivverifikaw jekk in-notifika sottomessa mill-UCITS f'konformità mal-paragrafu 2 hijiex kompluta. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS għandhom, mhux aktar tard minn 15-il jum ta' xogħol wara r-riċevuta tan-notifika sħiħa msemmija, jibagħtu dik in-notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru identifikat fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2, u lill-ESMA.

Hekk kif tiġi trażmessa n-notifika skont l-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS għandhom jinnotifikaw minnufih lill-UCITS dwar din it-trażmissjoni.

4.  Il-UCITS għandha ▌tipprovdi lill-investituri li jibqgħu investiti fil-UCITS kif ukoll lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS bl-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikoli 68 sa 82 u skont l-Artikolu 94.

5.  L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-UCITS għandhom jittrażmettu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru identifikat fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, informazzjoni dwar kwalunkwe bidla fid-dokumenti msemmija fl-Artikolu 93(2).

6.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru identifikat fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi bħall-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-UCITS kif stipulat fl-Artikolu 21(2), fl-Artikolu 97(3) u fl-Artikolu 108. Mingħajr preġudizzju għal attivitajiet oħra ta' monitoraġġ u setgħat superviżorji kif imsemmija fl-Artikolu 21(2) u fl-Artikolu 97, sa mid-data tat-trażmissjoni taħt il-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru identifikat fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu ma għandhomx jeħtieġu li l-UCITS ikkonċernata turi konformità mal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jirregolaw ir-rekwiżiti tal-kummerċjalizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2019/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*(9).

7.  L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-użu ta' kwalunkwe mezz ta' komunikazzjoni elettronika jew ta' mezzi oħra ta' komunikazzjoni mill-bogħod għall-finijiet tal-paragrafu 4, dment li l-informazzjoni u l-mezzi ta' komunikazzjoni jkunu disponibbli għall-investituri bil-lingwa uffiċjali jew b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li fih jinsab l-investitur jew b'lingwa approvata mill-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru.

_____________

* Ir-Regolament (UE) 2019/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- ... dwar l-iffaċilitar tad-distribuzzjoni transfruntiera ta' fondi ta' investiment kollettiv u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 345/2013, (UE) Nru 346/2013 u (UE) Nru 1286/2014 (ĠU L …).";

"

(7)  fl-Artikolu 95(1), il-punt (a) huwa mħassar.

Artikolu 2

Emendi għad-Direttiva 2011/61/UE

Id-Direttiva 2011/61/UE hija emendata kif ġej:

(1)  fl-Artikolu 4(1), jiddaħħal il-punt li ġej:"

"(aea) "prekummerċjalizzazzjoni" tfisser għoti▌ta' informazzjoni jew komunikazzjoni, diretta jew indiretta, dwar strateġiji ta' investiment jew ideat ta' investiment minn AIFM tal-UE, jew f'ismu, lill-investituri professjonali potenzjali ddomiċiljati jew b'uffiċċju irreġistrat fl-Unjoni biex jittestja l-interess tagħhom f'AIF jew f'kompartiment, li għadu mhuwiex stabbilit, jew li jkun stabbilit, iżda għadu mhux innotifikat għal kummerċjalizzazzjoni skont l-Artikolu 31 jew 32, f'dak l-Istat Membru fejn l-investituri potenzjali jkunu ddomiċiljati jew ikollhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom, u li f'kull każ ma jirriżultax f'offerta jew fi pjazzament lill-investitur potenzjali biex jinvestu fl-unitajiet jew fl-ishma ta' dak l-AIF jew f'kompartiment tiegħu;";

"

(2)  fil-bidu tal-KAPITOLU VI jiddaħħal l-artikolu li ġej:"

"Artikolu 30a

Il-kundizzjonijiet għall-prekummerċjalizzazzjoni fl-Unjoni minn AIFM tal-UE

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li AIFM tal-UE awtorizzat ikun jista' jwettaq prekummerċjalizzazzjoni fl-Unjoni, għajr meta l-informazzjoni ppreżentata lill-investituri professjonali potenzjali:

   (a) hi suffiċjenti biex tippermetti lill-investituri jintrabtu li jixtru unitajiet jew ishma ta' AIF partikolari;
   (b) tikkostitwixxi formoli ta' sottoskrizzjoni jew dokumenti simili sew jekk f'forma ta' abbozz jew f'forma finali; jew
   (c) tammonta għal▌dokumenti kostituzzjonali, prospett jew dokumenti ta' offerta ta' AIF li għadu mhuwiex stabbilit f'forma finali▌.

Meta jiġi pprovdut abbozz ta' prospett jew dokumenti ta' offerta, dawn ma għandhomx ikun fihom informazzjoni suffiċjenti li tippermetti lill-investituri jieħdu deċiżjoni ta' investiment, u għandhom jiddikjaraw b'mod ċar li:

   (a) ma jikkostitwux offerta jew stedina għal sottoskrizzjoni għal unitajiet jew ishma ta' AIF; u
   (b) l-informazzjoni ppreżentata fihom ma għandhiex tintuża bħal likieku hija affidabbli peress li mhijiex kompleta u tista' tkun soġġetta għal tibdil.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li AIFM tal-UE ma jkunx meħtieġ jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti dwar il-kontenut jew id-destinatarji ta' prekummerċjalizzazzjoni, jew li jissodisfa kwalunkwe kundizzjoni jew rekwiżit għajr dawk stabbiliti f'dan l-Artikolu, qabel ma jagħmel prekummerċjalizzazzjoni.

2.  L-AIFMs tal-UE għandhom jiżguraw li l-investituri ma jakkwistawx unitajiet jew ishma f'AIF permezz ta' prekummerċjalizzazzjoni u li l-investituri kkuntattjati bħala parti mill-prekummerċjalizzazzjoni jkunu jistgħu biss jakkwistaw unitajiet jew ishma f'dak l-AIF permezz ta' kummerċjalizzazzjoni permessa skont l-Artikolu 31 jew 32.

Kwalunkwe sottoskrizzjoni minn investituri professjonali, fi żmien 18-il xahar mill-AIFM tal-UE jkun beda prekummerċjalizzazzjoni, għal unitajiet jew għal ishma ta' AIF imsemmija fl-informazzjoni pprovduta fil-kuntest ta' prekummerċjalizzazzjoni, jew ta' AIF stabbilit b'riżultat tal-prekummerċjalizzazzjoni, għandha titqies li hi r-riżultat ta' kummerċjalizzazzjoni, u għandha tkun soġġetta għall-proċeduri ta' notifika applikabbli msemmija fl-Artikoli 31 u 32.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li AIFM tal-UE jibgħat, fi żmien ġimgħatejn wara li jkun beda l-prekummerċjalizzazzjoni, ittra informali, f'forma stampata jew b'mezzi elettroniċi, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tiegħu. Dik l-ittra għandha tispeċifika l-Istati Membri li fihom u l-perjodi li matulhom ser issir jew saret il-prekummerċjalizzazzjoni, deskrizzjoni qasira tal-prekummerċjalizzazzjoni inkluż informazzjoni dwar l-istrateġiji tal-investiment ippreżentati u, fejn rilevanti, lista tal-AIFs u kompartimenti tal-AIFs li huma jew kienu s-suġġett ta' prekummerċjalizzazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-AIFM tal-UE għandhom jinformaw minnufih lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li fihom l-AIFM tal-UE huwa jew kien involut f'prekummerċjalizzazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih tkun qed sisir jew tkun saret il-prekummerċjalizzazzjoni jistgħu jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-AIFM tal-UE sabiex jipprovdu aktar informazzjoni dwar il-prekummerċjalizzazzjoni li tkun qed issir jew li tkun saret fit-territorju tiegħu.

3.  Parti terza għandha twettaq biss prekummerċjalizzazzjoni f'isem AIFM tal-UE awtorizzat fejn hija awtorizzata bħala ditta tal-investiment skont id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*, bħala istituzzjoni ta' kreditu skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill**, bħala kumpanija maniġerjali tal-UCITS skont id-Direttiva 2009/65/KE, bħala AIFM skont din id-Direttiva, jew taġixxi bħala aġent marbut skont id-Direttiva 2014/65/UE. Tali parti terza għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

4.  AIFM tal-UE għandhom jiżguraw li l-prekummerċjalizzazzjoni tkun dokumentata adegwatament.

_____________

* Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

** Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).";

"

(3)  ▌fl-Artikolu 32(7), it-tieni, it-tielet u r-raba' subparagrafi jiġu sostitwiti b'li ġej:"

"Jekk, wara bidla ppjanata, l-amministrazzjoni tal-AIF mill-AIFM ma tibqax f'konformità ma' din id-Direttiva jew, b'xi mod, l-AIFM ma jibqax jikkonforma ma' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jinformaw lill-AIFM fi żmien 15-il jum ta' xogħol minn meta jirċievu l-informazzjoni kollha msemmija fl-ewwel subparagrafu li hu ma għandux jimplimenta t-tibdil. F'dak il-każ, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-AIFM għandhom jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM skont il-każ.

Jekk il-bidla pjanata tiġi implimentata minkejja l-ewwel u t-tieni subparagrafi, jew, jekk tkun seħħet bidla mhux ippjanata li minħabba fiha l-immaniġġar mill-AIFM tal-AIF ma jkunx se jibqa' f'konformità ma' din id-Direttiva jew, b' xi mod, l-AIFM ma jkunx se jibqa' jikkonforma ma' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jieħdu l-miżuri dovuti kollha f'konformità mal-Artikolu 46, inkluża, jekk ikun hemm bżonn il-projbizzjoni espressa tal-kummerċjalizzazzjoni tal-AIF u għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM kif xieraq mingħajr dewmien żejjed.

Jekk it-tibdiliet ma jinfluwenzawx il-konformità tal-amministrazzjoni tal-AIF mill-AIFM ma' din id-Direttiva, jew, b'xi mod ieħor, il-konformità mill-AIFM ma' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jinformaw fi żmien xahar lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM dwar dawn it-tibdiliet.";

"

(4)  jiddaħħal l-artikolu li ġej:"

"Artikolu 32a

Denotifika tal-arranġamenti li jkunu saru għall-kummerċjalizzazzjoni tal-unitajiet jew tal-ishma ta' AIFs tal-UE fi Stati Membri li mhumiex l-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li AIFM tal-UE jkun jista' jiddenotifika l-arranġamenti magħmula għall-kummerċjalizzazzjoni fir-rigward ta' unitajiet jew ta' ishma ta' xi AIFs jew kollha fi Stat Membru fejn tkun intbagħtet notifika skont l-Artikolu 32, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

   (a) ħlief fil-każ ta' AIFs tat-tip magħluq u fondi regolati mir-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*, issir offerta ġenerali għar-riakkwist jew għat-tifdija, mingħajr ebda imposta jew tnaqqisa, tal-unitajiet jew l-ishma tal-AIF kollha bħal dawn miżmuma minn investituri f'dak l-Istat Membru, li tkun pubblikament disponibbli għal mill-inqas 30 jum ta' xogħol, u tiġi indirizzata, direttament jew permezz ta' intermedjarji finanzjarji, individwalment lill-investituri kollha f’dak l-Istat Membru li l-identità tagħhom tkun magħrufa;
   (b) l-intenzjoni li jtemmu l-arranġamenti magħmula għall-unitajiet tal-kummerċjalizzazzjoni jew ishma ta' xi AIFs tagħha jew kollha f'dak l-Istat Membru tiġi ppubblikata permezz ta' mezz disponibbli pubblikament, inkluż permezz ta' mezzi elettroniċi, li tipikament jintuża għall-kummerċjalizzazzjoni tal-AIFs u li huwa xieraq għal investitur tipiku tal-AIF;
   (c) kwalunkwe arranġamenti kuntrattwali ma' intermedjarji jew delegati finanzjarji huma modifikati jew terminati b'effett mid-data ta' denotifika sabiex jipprevjenu kwalunkwe offerta ġdida jew ulterjuri, diretta jew indiretta, ta' unitajiet jew ishma identifikati fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2.

Sa mid-data msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, l-AIFM għandu jwaqqaf kwalunkwe offerta ġdida jew ulterjuri, diretta jew indiretta, ta' unitajiet jew ishma tal-AIF li jimmaniġġja fl-Istat Membru li fir-rigward tiegħu huwa jkun ippreżenta notifika skont il-paragrafu 2.

2.  L-AIFM għandu jissottometti notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu li tikkontjeni l-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1.

3.  L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jivverifikaw jekk in-notifika sottomessa mill-AIFM f'konformità mal-paragrafu 2 hijiex kompluta. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom, mhux aktar tard minn 15-il jum ta' xogħol wara r-riċevuta tan-notifika sħiħa msemmija, jibagħtu dik in-notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru identifikat fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2, u lill-ESMA.

Kif tintbagħat in-notifika skont l-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jinnotifikaw minnufih lill-AIFM dwar din it-trażmissjoni.

Għal perjodu ta' 36 xahar mid-data msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, l-AIFM ma għandux jagħmel prekummerċjalizzazzjoni ta' unitajiet jew ishma tal-AIFs tal-UE msemmija fin-notifika, jew fir-rigward ta' strateġiji ta' investiment jew ideat ta' investiment simili, fl-Istat Membru identifikat fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2.

4.  l-AIFM għandu▌jipprovdi lill-investituri li jibqgħu investiti fl-AIF tal-UE kif ukoll lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM bl-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikoli 22 u 23.

5.  L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jittrażmettu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru identifikat fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2, informazzjoni dwar kwalunkwe bidla fid-dokumentazzjoni u l-informazzjoni msemmija fil-punti (b) sa (f) tal-Anness IV.

6.  L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru identifikat fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi bħall-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM kif stabbilit fl-Artikolu 45.

7.   Mingħajr preġudizzju għal setgħat superviżorji oħra msemmija fl-Artikolu 45(3), sa mid-data tat-trażmissjoni taħt il-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru identifikat fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, ma għandhomx jeħtieġu li l-AIFM ikkonċernat juri konformità mal-liġijiet, mar-regolamenti u mad-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jirregolaw ir-rekwiżiti tal-kummerċjalizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2019/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill**(10).

8.  L-Istati Membri għandhom jippermettu li jintuża kwalunkwe mezz ta' komunikazzjoni elettronika jew mezz ieħor ta' komunikazzjoni mill-bogħod għall-finijiet tal-paragrafu 4.

_____________

* Ir-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar il-Fondi ta' Investiment Ewropej fuq Terminu Twil (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 98).

** Ir-Regolament (UE) 2019/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- ... dwar l-iffaċilitar tad-distribuzzjoni transfruntiera ta' fondi ta' investiment kollettiv u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 345/2013, (UE) Nru 346/2013 u (UE) Nru 1286/2014 (ĠU L …).";

"

(5)  L-Artikolu 33(6), it-tieni u t-tielet subparagrafi huma ssostitwiti permezz ta’ dan li ġej:"

"Jekk, wara tibdil ippjanat, l-amministrazzjoni tal-AIF mill-AIFM ma tibqax f'konformità ma' din id-Direttiva jew, b'xi mod, l-AIFM ma jibqax jikkonforma ma' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jinformaw lill-AIFM fi żmien 15-il jum ta' xogħol minn meta jirċievu l-informazzjoni kollha msemmija fl-ewwel subparagrafu li hu ma għandux jimplimenta t-tibdil.

Jekk il-bidla pjanata tiġi implimentata minkejja l-ewwel u t-tieni subparagrafu, jew, jekk tkun seħħet bidla mhux ippjanata li minħabba fiha, l-immaniġġar mill-AIFM tal-AIF ma jkunx se jibqa' f'konformità ma' din id-Direttiva jew, b'xi mod, l-AIFM ma jkunx se jibqa' jikkonforma ma' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jieħdu l-miżuri dovuti kollha f'konformità mal-Artikolu 46 u għandhom jinnotifikaw kif xieraq lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM mingħajr dewmien żejjed.";

"

(6)  jiddaħħal l-artikolu li ġej:"

"Artikolu 43a

Faċilitajiet disponibbli għall-investituri fil-livell tal-konsumatur

1.  Mingħajr ħsara għall-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2015/760, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li AIFM iqiegħed għad-dispożizzjoni, f'kull Stat Membru fejn ikun biħsiebu jikkummerċjalizza unitajiet jew ishma ta' AIF lil investituri fil-livell tal-konsumatur, faċilitajiet li jwettqu l-kompiti li ġejjin:

   (a) jipproċessaw l-ordnijiet tal-investituri ta' sottoskrizzjoni, ta' pagament, ta' riakkwist u ta' tifdija relatati mal-unitajiet jew mal-ishma tal-AIF, f'konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dokumenti▌tal-AIF;
   (b) jipprovdu lill-investituri b'informazzjoni dwar kif l-ordnijiet imsemmija fil-punt (a) jistgħu jsiru u kif jitħallas ir-rikavat mir-riakkwist u mit-tifdija;
   (c) jiffaċilitaw it-trattament ta' informazzjoni relatata mal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-investituri li jirriżultaw mill-investiment tagħhom fil-AIF fl-Istat Membru fejn hu kkummerċjalizzat l-AIF;
   (d) jagħmlu l-informazzjoni u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 22 u 23 disponibbli għall-investituri għall-finijiet ta' spezzjoni u l-kisba ta' kopji tagħhom;
   (e) jipprovdu lill-investituri informazzjoni rilevanti għall-kompiti li huma mwettqa mill-faċilitajiet f'mezz durabbli kif definit fil-punt (m) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/65/KE; u
   (f) jaġixxu bħala punt ta' kuntatt għall-komunikazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti.

2.  L-Istati Membri m'għandhomx jeżiġu li AIFM ikollu preżenza fiżika fl-Istat Membru ospitanti jew li jaħtar parti terza għall-finijiet tal-paragrafu 1.

3.  L-AIFM għandu jiżgura li l-faċilitajiet għat-twettiq tal-kompiti msemmija fil-paragrafu 1, inkluż elettronikament, ikunu pprovduti:

   (a) ▌bil-lingwa uffiċjali jew b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li fih ikun ikkummerċjalizzat l-AIF jew b'lingwa approvata mill-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru;
   (b) mill-AIFM stess, minn parti terza li hija soġġetti għal regolament u għal superviżjoni li jirregolaw il-kompiti li għandhom jitwettqu, jew mit-tnejn.

Għall-finijiet tal-punt (b), meta l-kompiti għandhom jitwettqu minn parti terza, il-ħatra ta' dik il-parti terza għandha tkun evidenzjata minn kuntratt bil-miktub, li jispeċifika liema mill-kompiti msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhomx jitwettqu mill-AIFM u li l-parti terza ser tirċievi l-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti kollha mingħand l-AIFM.";

"

(7)  jiddaħħal l-artikolu li ġej:"

"Artikolu 69a

Valutazzjoni tar-reġim tal-passaport

Qabel id-dħul fis-seħħ tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 67(6) li skonthom ir-regoli stipulati fl-Artikolu 35 u l-Artikoli 37 sa 41 isiru applikabbli, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, filwaqt li tqis ir-riżultat ta' valutazzjoni tar-reġim tal-passaport ipprovdut f'din id-Direttiva inkluża l-estensjoni ta' dak ir-reġim għall-AIFMs mhux tal-UE. Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn xieraq, bi proposta leġiżlattiva.";

"

(8)  fl-Anness IV, jiżdiedu l-punti li ġejjin:"

"(i) id-dettalji meħtieġa, inkluż l-indirizz għall-fatturazzjoni jew għall-komunikazzjoni ta' kwalunkwe tariffa jew ħlas regolatorji applikabbli mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti;

   (j) informazzjoni dwar il-faċilitajiet għat-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 43a.";

"

Artikolu 3

Traspożizzjoni

1.  Sa ... [24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva], l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, il-liġijiet nazzjonali, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f'dak ir-rigward.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn ... [24 xahar wara d-data ta' dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva].

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Evalwazzjoni

Sa ... [60 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva], il-Kummissjoni għandha, fuq il-bażi ta' konsultazzjoni pubblika u fid-dawl tad-diskussjonijiet mal-ESMA u mal-awtoritajiet kompetenti, tagħmel evalwazzjoni tal-applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Sa ... [72 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva], il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

Artikolu 5

Rieżami

Sa ... [48 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva], il-Kumissjoni għandha tippreżenta rapport li għandu jivvaluta, inter alia, il-merti tal-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-kumpanniji maniġerjali tal-UCITS li jittestjaw l-interess tal-investituri f'idea ta' investiment jew strateġija ta' investiment partikolari, u jekk ikunux meħtieġa emendi għad-Direttiva 2009/65/KE għal dan il-għan.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 7

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi ...

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

(1)ĠU C 367, 10.10.2018, p. 50.
(2) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ April 2019.
(3) Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009, dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).
(4) Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar Maniġers ta' Fondi ta' Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).
(5) Ir-Regolament (UE) 2019/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ... dwar l-iffaċilitar tad-distribuzzjoni transfruntiera tal-impriżi ta' investiment kollettiv u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 345/2013, (UE) Nru 346/2013 u (UE) Nru 1286/2014 (ĠU L …).
(6)+ ĠU: Jekk jogħġbok inkludi fit-test in-numru tar-Regolament li jinsab fid-dokument PE-CONS …/… (2018/0045(COD)) u daħħal in-numru, id-data, u r-referenza tal-ĠU ta' dak ir-Regolament fin-nota f'qiegħ il-paġna.
(7)+ ĠU: Jekk jogħġbok inkludi fit-test in-numru tar-Regolament li jinsab fid-dokument PE-CONS …/… (2018/0045(COD)).
(8)ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.
(9)+ ĠU: Jekk jogħġbok inkludi fit-test in-numru tar-Regolament li jinsab fid-dokument PE-CONS …/… (2018/0045(COD)) u daħħal in-numru, id-data, u r-referenza tal-ĠU ta' dak ir-Regolament fin-nota f'qiegħ il-paġna.
(10)+ ĠU: Jekk jogħġbok inkludi fit-test in-numru tar-Regolament li jinsab fid-dokument PE-CONS …/… (2018/0045(COD)) u daħħal in-numru, id-data, u r-referenza tal-ĠU ta' dak ir-Regolament fin-nota f'qiegħ il-paġna.

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' April 2019Avviż legali