Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/0364(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0243/2018

Testi mressqa :

A8-0243/2018

Dibattiti :

PV 15/04/2019 - 17
CRE 15/04/2019 - 17

Votazzjonijiet :

PV 16/04/2019 - 8.12

Testi adottati :

P8_TA(2019)0370

Testi adottati
PDF 489kWORD 152k
It-Tlieta, 16 ta' April 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital (Direttiva) ***I
P8_TA-PROV(2019)0370A8-0243/2018
Riżoluzzjoni
 Test konsolidat

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2019 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2013/36/UE fir-rigward ta' entitajiet eżentati, kumpaniji azzjonarji finanzjarji, kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta, ir-rimunerazzjoni, miżuri u setgħat superviżorji u miżuri ta' konservazzjoni kapitali (COM(2016)0854 – C8-0474/2016 – 2016/0364(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0854),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 53(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0474/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet motivati ppreżentati mill-Parlament Svediż, fil-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, fejn huwa ddikjarat li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jikkonformax mal-prinċipju ta' sussidjarjetà,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-8 ta' Novembru 2017(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-30 ta’ Marzu 2017(2),

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-15 ta' Frar 2019, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0243/2018),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU C 34, 31.1.2018, p. 5.
(2) ĠU C 209, 30.6.2017, p. 36.


Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-16 ta' April 2019 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2013/36/UE fir-rigward ta' entitajiet eżentati, kumpanniji azzjonarji finanzjarji, kumpanniji azzjonarji finanzjarji mħallta, remunerazzjoni, miżuri u setgħat superviżorji u miżuri ta' konservazzjoni ta' kapital
P8_TC1-COD(2016)0364

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 53(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz ta' att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew(1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(2),

Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja(3),

Billi:

(1)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(4) u r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5) ġew adottati b'rispons għall-kriżijiet finanzjarji li seħħew fl-2007-2008. Dawk il-miżuri leġislattivi kkontribwixxew b'mod sostanzjali għat-tisħiħ tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni u għamlu l-istituzzjonijiet aktar reżiljenti għal xokkijiet futuri possibbli. Minkejja li huma estremament komprensivi, dawk il-miżuri ma indirizzawx id-dgħufijiet kollha identifikati li jaffettwaw lill-istituzzjonijiet. Barra minn hekk, xi wħud mill-miżuri proposti inizjalment kienusoġġetti għal klawżoli ta' reviżjoni jew ma kinux ddettaljati b'mod suffiċjenti biex ikunu jistgħu jiġu implimentati bla xkiel.

(2)  Din id-Direttiva għandha l-għan li tindirizza l-kwistjonijiet imqajma b'rabta mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/36/UE li wrew li mhumiex ċari biżżejjed u li għalhekk kienu soġġetti għal interpretazzjonijiet diverġenti jew li tqiesu li huma ta' piż eċċessiv fuq ċerti istituzzjonijiet. Fiha wkoll aġġustamenti għad-Direttiva 2013/36/UE li huma neċessarji wara l-adozzjoni ta' atti legali rilevanti oħra tal-Unjoni, bħad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6) jew il-bidliet proposti b'mod parallel għar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Finalment, l-emendi proposti jallinjaw aħjar il-qafas regolatorju attwali mal-iżviluppi internazzjonali sabiex jiġu promossi l-konsistenza u l-komparabbiltà bejn il-ġurisdizzjonijiet.

(3)  Il-kumpanniji azzjonarji finanzjarji u l-kumpanniji azzjonarji finanzjarji mħallta jistgħu jkunu impriżi omm ta' gruppi bankarji u l-applikazzjoni ta' rekwiżiti prudenzjali hija meħtieġa fuq il-bażi tas-sitwazzjoni konsolidata ta' tali kumpanniji azzjonarji. Peress li l-istituzzjoni kkontrollata minn tali kumpanniji finanzjarji mhijiex dejjem kapaċi tiżgura l-konformità mar-rekwiżiti fuq bażi konsolidata fil-grupp kollu, huwa neċessarju li ċerti kumpanniji azzjonarji finanzjarji u kumpanniji azzjonarji finanzjarji mħallta jinġiebu fl-ambitu dirett tas-setgħat superviżorji skont id-Direttiva 2013/36/UE u ▌r-Regolament (UE) Nru 575/2013 biex tiġi żgurata l-konformità fuq bażi konsolidata. Għalhekk, proċedura speċifika ta' approvazzjoni u setgħat superviżorji diretti fuq ċerti kumpanniji azzjonarji finanzjarji u kumpanniji azzjonarji finanzjarji mħallta jenħtieġ li jiġu previsti sabiex jiġi żgurat li tali kumpanniji azzjonarji jkunu jistgħu jinżammu direttament responsabbli għall-iżgurar tal-konformità mar-rekwiżiti prudenzjali konsolidati, mingħajr ma jkunu soġġetti għal rekwiżiti prudenzjali addizzjonali fuq bażi individwali.

(4)  Jenħtieġ li l-approvazzjoni u s-superviżjoni ta' ċerti kumpanniji azzjonarji finanzjarji u kumpanniji azzjonarji finanzjarji mħallta ma jipprevjenux lill-gruppi milli jiddeċiedu dwar l-arranġamenti interni speċifiċi u d-distribuzzjoni tal-kompiti fil-grupp kif jidhrilhom adatt biex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti prudenzjali, u jenħtieġ li ma jipprevjenux azzjoni superviżorja diretta fuq dawk l-istituzzjonijiet fil-grupp bl-impenn li jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti prudenzjali fuq bażi konsolidata.

(5)  F'ċirkostanzi speċifiċi, kumpannija azzjonarja finanzjarja jew kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta li ġiet stabbilita għall-fini li jkollha parteċipazzjonijiet f'impriżi tista' tkun eżentata mill-approvazzjoni. Għalkemm huwa rikonoxxut li kumpannija azzjonarja finanzjarja jew kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta eżentata tista' tieħu deċiżjonijiet skont l-andament ordinarju tan-negozju tagħha, jenħtieġ li ma tiħux deċiżjonijiet ta' ġestjoni, operazzjonali jew finanzjarji li jaffettwaw lill-grupp jew dawk is-sussidjarji fil-grupp li jkunu istituzzjonijiet jew istituzzjonijiet finanzjarji. Fil-valutazzjoni tal-konformità ma' dak ir-rekwiżit, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jqisu r-rekwiżiti rilevanti skont id-dritt soċjetarju li għaliha tkun soġġetta l-kumpannija azzjonarja finanzjarja jew il-kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta.

(6)  Is-superviżur konsolidanti għandu r-responsabbiltajiet ewlenin fir-rigward tas-superviżjoni fuq bażi konsolidata. Għalhekk huwa neċessarju li s-superviżur konsolidanti jkun involut b'mod adatt fl-approvazzjoni u s-superviżjoni tal-kumpanniji azzjonarji finanzjarji u l-kumpanniji azzjonarji finanzjarji mħallta. Fejn is-superviżur konsolidanti jkun differenti mill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-kumpannija azzjonarja finanzjarja jew il-kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta, jenħtieġ li l-approvazzjoni tingħata permezz ta' deċiżjoni konġunta ta' dawk iż-żewġ awtoritajiet. Il-Bank Ċentrali Ewropew, fit-twettiq tal-kompitu tiegħu ta' superviżjoni fuq bażi konsolidata fuq il-kumpanniji prinċipali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013(7), jenħtieġ ukoll li jeżerċita d-dmirijiet tiegħu b'rabta mal-approvazzjoni u s-superviżjoni tal-kumpanniji azzjonarji finanzjarji u l-kumpanniji azzjonarji finanzjarji mħallta.

(7)  Ir-rapport tal-Kummissjoni tat-28 ta' Lulju 2016 dwar il-valutazzjoni tar-regoli ta' remunerazzjoni skont id-Direttiva 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 575/2013 (“ir-rapport tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Lulju 2016”) żvela li, meta applikati għal xi istituzzjonijiet ▌ żgħar, xi wħud mill-prinċipji stabbiliti fid-Direttiva 2013/36/UE, jiġifieri r-rekwiżiti dwar id-differiment u l-pagament fl-istrumenti, joħolqu wisq piż u mhumiex proporzjonati mal-benefiċċji prudenzjali tagħhom. B'mod simili, tqies li l-kost tal-applikazzjoni ta' dawk ir-rekwiżiti huwa ogħla mill-benefiċċji prudenzjali tagħhom fil-każ tal-persunal b'livelli baxxi ta' remunerazzjoni varjabbli, peress li tali livelli ta' remunerazzjoni varjabbli jipproduċu ftit jew ebda inċentiv għall-persunal sabiex jieħu riskju eċċessiv. Konsegwentement, filwaqt li, b'mod ġenerali, l-istituzzjonijiet kollha jenħtieġ li jkun meħtieġ japplikaw il-prinċipji kollha għall-persunal kollu tagħhom li l-attivitajiet professjonali tiegħu għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni, huwa neċessarju li jiġu eżentati istituzzjonijiet żgħar ▌ u persunal b'livelli baxxi ta' rimunerazzjoni varjabbli mill-prinċipji dwar id-diferiment u l-pagament fl-istrumenti stabbiliti fid-Direttiva 2013/36/UE.

(8)  Kriterji ċari, konsistenti u armonizzati li jidentifikaw dawk l-istituzzjonijiet żgħar ▌ kif ukoll livelli baxxi ta' remunerazzjoni varjabbli huma neċessarji biex tiġi żgurata l-konverġenza superviżorja u jitrawmu kondizzjonijiet indaqs għall-istituzzjonijiet u l-protezzjoni adegwata tad-depożituri, l-investituri u l-konsumaturi fl-Unjoni kollha. Fl-istess ħin, huwa adatt li tiġi offruta xi flessibbiltà għall-Istati Membri biex jadottaw approċċ aktar strett fejn iqisuh neċessarju.

(9)  Il-prinċipju ta' ħlas ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali huwa stipulat fl-Artikolu 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Dak il-prinċipju jeħtieġ li jiġi applikat b'mod konsistenti mill-istituzzjonijiet. Għalhekk, jenħtieġ li joperaw politika ta' remunerazzjoni newtrali fir-rigward tas-sessi.

(10)  L-għan tar-rekwiżiti ta' remunerazzjoni huwa li jippromwovu ġestjoni tar-riskju soda u effettiva tal-istituzzjonijiet billi jiġu allinjati l-interessi fit-tul kemm tal-istituzzjonijiet kif ukoll tal-persunal tagħhom li l-attivitajiet professjonali tagħhom ikollhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni (dawk li jieħdu riskju materjali). Fl-istess ħin, sussidjarji li mhumiex istituzzjonijiet u għalhekk mhux soġġetti għad-Direttiva 2013/36/UE fuq bażi individwali, jistgħu jkunu soġġetti għal rekwiżiti ta' remunerazzjoni oħra skont l-atti legali speċifiċi għas-settur rilevanti li jenħtieġ li tkun prevalenti. Għalhekk, bħala regola, ir-rekwiżiti ta' remunerazzjoni stabbiliti f'din id-Direttiva jenħtieġ li ma japplikawx fuq bażi konsolidata għal tali sussidjarji. Madankollu, biex jiġi evitat arbitraġġ possibbli, ir-rekwiżiti ta' remunerazzjoni stabbiliti f'din id-Direttiva jenħtieġ li japplikaw fuq bażi konsolidata għall-persunal li jkun impjegat fis-sussidjarji li jipprovdu servizzi speċifiċi, bħall-immaniġġjar ta' assi, il-ġestjoni tal-portafoll jew l-eżekuzzjoni tal-ordnijiet, fejn tali persunal ikollu mandat, irrispettivament mill-forma li jista' jieħu tali mandat, li jwettaq attivitajiet professjonali li jikkwalifikahom bħala "dawk li jieħdu riskju materjali" fil-livell tal-grupp bankarju. Tali mandati jenħtieġ li jinkludu arranġamenti ta' delega jew ta' esternalizzazzjoni konklużi bejn is-sussidjarja li timpjega l-persunal u istituzzjoni oħra fl-istess grupp. L-Istati Membri jenħtieġ li ma jkunux prevenuti milli japplikaw ir-rekwiżiti ta' remunerazzjoni stabbiliti f'din id-Direttiva fuq bażi konsolidata għal sett aktar wiesa' ta' impriżi sussidjarji u l-persunal tagħhom.

(11)  Id-Direttiva 2013/36/UE teħtieġ li sehem sostanzjali, u fi kwalunkwe każ tal-anqas 50 %, ta' kwalunkwe remunerazzjoni varjabbli, ikun jikkonsisti minn bilanċ ta' azzjonijiet jew interessi ta' sjieda ekwivalenti, soġġett għall-istruttura legali tal-istituzzjoni kkonċernata, jew strumenti marbuta ma' ishma jew strumenti ekwivalenti mhux fi flus, fil-każ ta' istituzzjoni mhux elenkata; u, fejn possibbli, ta' strumenti alternattivi tal-Grad 1 jew tal-Grad 2 li jissodisfaw ċerti kondizzjonijiet. Dak il-prinċipju jillimita l-użu ta' strumenti marbuta ma' ishma għall-istituzzjonijiet mhux elenkati u jeħtieġ li l-istituzzjonijiet elenkati jużaw l-ishma. Ir-rapport tal-Kummissjoni tat-28 ta' Lulju 2016 qies li l-użu tal-ishma jista' jwassal għal piżijiet u kostijiet amministrattivi konsiderevoli għall-istituzzjonijiet elenkati. Fl-istess ħin, jistgħu jinkisbu benefiċċji prudenzjali ekwivalenti billi l-istituzzjonijiet elenkati jitħallew jużaw strumenti marbuta mal-ishma li jittraċċaw il-valur tal-ishma. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-possibbiltà li jintużaw strumenti marbuta mal-ishma tiġi estiża għall-istituzzjonijiet elenkati.

(12)  Jenħtieġ li l-analiżi u l-evalwazzjoni superviżorji jqisu d-daqs, l-istruttura u l-organizzazzjoni interna tal-istituzzjonijiet u n-natura, l-ambitu u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom. Fejn istituzzjonijiet differenti jkollhom profili tar-riskju simili, pereżempju minħabba li jkollhom mudelli tan-negozju jew pożizzjoni ġeografika ta' skoperturi simili jew ikunu affiljati mal-istess skema ta' protezzjoni istituzzjonali, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jfasslu l-metodoloġija għall-proċess ta' analiżi u evalwazzjoni biex jinkludu l-karatteristiċi u r-riskji komuni tal-istituzzjonijiet b'tali profil tar-riskju li jkun l-istess. Madankollu, jenħtieġ li tali tfassil la jipprevjeni lill-awtoritajiet kompetenti milli jieħdu kont debitu tar-riskji speċifiċi li jaffettwaw kull istituzzjoni u lanqas jibdel in-natura speċifika għall-istituzzjoni tal-miżuri imposti.

(13)  Ir-rekwiżit ta' fondi proprji addizzjonali impost mill-awtoritajiet kompetenti huwa mutur importanti tal-livell kumplessiv ta' fondi proprji ta' istituzzjoni u huwa rilevanti għall-parteċipanti fis-suq peress li l-livell ta' rekwiżit ta' fondi proprji addizzjonali imposti għandu impatt fuq il-punt ta' skattar għar-restrizzjonijiet fuq il-pagamenti ta' dividendi, il-pagamenti tal-bonus u l-pagamenti fuq Strumenti tal-Grad 1 addizzjonali. Jenħtieġ li tiġi pprovduta definizzjoni ċara tal-kondizzjonijiet li bihom għandu jiġi impost ir-rekwiżit ta' fondi proprji addizzjonali biex jiġi żgurat li r-regoli jkunu applikati b'mod konsistenti bejn l-Istati Membri u biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

(14)  Jenħtieġ li r-rekwiżit ta' fondi proprji addizzjonali li għandu jiġi impost mill-awtoritajiet kompetenti jiġu stabbiliti b'rabta mas-sitwazzjoni speċifika ta' istituzzjoni u jenħtieġ li jiġu ġustifikati kif adatt. Ir-rekwiżiti ta' fondi proprji addizzjonali jistgħu jiġu imposti biex jindirizzaw ir-riskji jew l-elementi ta' riskju espliċitament esklużi jew mhux espliċitament koperti mir-rekwiżiti ta' fondi proprji stipulati fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 biss sa fejn dan jitqies neċessarju fid-dawl tas-sitwazzjoni speċifika ta' istituzzjoni. Dawk ir-rekwiżiti jenħtieġ li ▌jiġu pożizzjonati ▌fl-ordni rilevanti ta' akkumulazzjoni tar-rekwiżiti ta' fondi proprji ▌ f'livell ogħla mir-rekwiżiti ta' fondi proprji minimi rilevanti u f'livell inqas mir-rekwiżit ta' riżerva kombinata jew ir-rekwiżit ta' riżerva għall-proporzjon ta' lieva finanzjarja, kif rilevanti. Jenħtieġ li n-natura speċifika għall-istituzzjoni tar-rekwiżiti ta' fondi proprji addizzjonali tipprevjeni l-użu tagħhom bħala għodda biex jiġu indirizzati riskji makroprudenzjali jew sistemiċi. Madankollu, jenħtieġ li dak ma jipprekludix lill-awtoritajiet kompetenti milli jindirizzaw, inkluż permezz ta' rekwiżiti ta' fondi proprji addizzjonali, ir-riskji mġarrba mill-istituzzjonijiet individwali minħabba l-attivitajiet tagħhom, inkluż dawk li jirriflettu l-impatt ta' ċerti żviluppi ekonomiċi u tas-suq fuq il-profil tar-riskju ta' istituzzjoni individwali.

(15)  Ir-rekwiżit ta' proporzjon ta' lieva finanzjarja huwa rekwiżit parallel għar-rekwiżiti ta' fondi proprji bbażati fuq ir-riskju. Għaldaqstant, jenħtieġ li kwalunkwe rekwiżit ta' fondi proprji addizzjonali impost mill-awtoritajiet kompetenti għall-indirizzar tar-riskju ta' lieva eċċessiva jiżdied mar-rekwiżit tal-proporzjon ta' lieva finanzjarja minimu u mhux mar-rekwiżit ta' fondi proprji minimi bbażati fuq ir-riskju. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet jenħtieġ li jkunu jistgħu jużaw ukoll kwalunkwe kapital tal-Grad 1 tal-Ekwità Komuni li huma jużaw biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tagħhom relatati mal-lieva ▌biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' fondi proprji bbażat fuq ir-riskju ▌, inkluż ir-rekwiżit ta' riżerva kombinata.

(16)  Jenħtieġ li jkun possibbli għall-awtoritajiet kompetenti ▌biex jikkomunikaw lil istituzzjoni f'forma ta' gwida kwalunkwe ▌aġġustament għall-ammont ta' kapital ogħla mir-rekwiżiti ta' fondi proprji minimi rilevanti, ir-rekwiżit ta' fondi proprji addizzjonali rilevanti u, kif rilevanti, ir-rekwiżit ta' riżerva kombinata jew ir-rekwiżit ta' riżerva għall-proporzjon ta' lieva finanzjarja li huma jistennew li jżommu tali istituzzjonijiet sabiex jindirizzaw xenarji ta' stress li jħarsu 'l quddiem. Minħabba li tali gwida tikkostitwixxi mira tal-kapital, jenħtieġ li titqies bħala ▌ppożizzjonata ogħla mir-rekwiżiti ta' fondi proprji minimi rilevanti, ir-rekwiżiti ta' fondi proprji addizzjonali rilevanti u r-rekwiżit ta' riżerva kombinata jew ir-rekwiżit ta' riżerva ta' lieva, kif rilevanti. Jenħtieġ li n-nuqqas li tiġi ssodisfata tali mira ma tagħtix bidu għar-restrizzjonijiet fuq id-distribuzzjonijiet previsti ▌fid-Direttiva 2013/36/UE. Minħabba li l-gwida dwar il-fondi proprji addizzjonali tirrifletti aspettattivi superviżorji, jenħtieġ li d-Direttiva 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 575/2013 jenħtieġ li la jistabbilixxu obbligi ta' żvelar obbligatorji għall-gwida u lanqas ma jipprojbixxu lill-awtoritajiet kompetenti milli jitolbu l-iżvelar tal-gwida. Meta istituzzjoni ripetutament tonqos milli tilħaq il-mira tal-kapital, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tkun intitolata tieħu miżuri superviżorji u, fejn adatt, timponi rekwiżiti ta' fondi proprji addizzjonali.

(17)  Id-dispożizzjonijiet ▌tad-Direttiva 2013/36/UE dwar ir-riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax li jirriżulta minn attivitajiet tal-portafoll mhux tan-negozjar huma marbuta mad-dispożizzjonijiet rilevanti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 li jeħtieġu perijodu ta' implimentazzjoni itwal għall-istituzzjonijiet. Sabiex tiġi allinjata l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar ir-riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax li jirriżulta minn attivitajiet tal-portafoll mhux tan-negozjar, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet neċessarji għall-konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta' din id-Direttiva japplikaw mill-istess data tad-dispożizzjonijiet rilevanti fir-Regolament (UE) Nru 575/2023.

(18)  Sabiex jiġi armonizzat il-kalkolu tar-riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax li jirriżulta minn attivitajiet tal-portafoll mhux tan-negozjar meta s-sistemi interni tal-istituzzjonijiet għall-kejl ta' dak ir-riskju ma jkunux sodisfaċenti, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha s-setgħa li tadotta standards tekniċi regolatorji żviluppati mill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) (ABE), stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(8) fir-rigward tal-iżvilupp ta' metodoloġija standardizzata għall-fini ta' evalwazzjoni ta' tali riskju. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta dawk l-istandards tekniċi regolatorji permezz ta' atti delegati skont l-Artikolu 290 TFUE u f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

(19)  Sabiex tittejjeb l-identifikazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta' dawk l-istituzzjonijiet li jistgħu jkunu soġġetti għal telf eċċessiv fl-attivitajiet tal-portafoll mhux tan-negozjar tagħhom bħala riżultat ta' bidliet potenzjali fir-rati tal-imgħax, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha s-setgħa li tadotta standards tekniċi regolatorji żviluppati mill-ABE. Dawk l-istandards tekniċi regolatorji jenħtieġ li jispeċifikaw: is-sitt xenarji ta' xokk superviżorji li l-istituzzjonijiet kollha jkollhom japplikaw sabiex jikkalkulaw il-bidliet fil-valur ekonomiku tal-ekwità; is-suppożizzjonijiet komuni li l-istituzzjonijiet ikollhom jimplimentaw fis-sistemi interni tagħhom għall-finijiet tal-kalkolu tal-valur ekonomiku tal-ekwità, u fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ħtieġa potenzjali għal kriterji speċifiċi biex jiġu identifikati l-istituzzjonijiet li għalihom jista' jkun ġustifikat li jittieħdu miżuri superviżorji wara tnaqqis fid-dħul mill-imgħax nett attribwit għal bidliet fir-rati tal-imgħax; u x'jikkostitwixxi tnaqqis kbir. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta dawk l-istandards tekniċi regolatorji permezz ta' atti delegati skont l-Artikolu 290 TFUE u f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

(20)  Il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu hija essenzjali għaż-żamma tal-istabbiltà u l-integrità fis-sistema finanzjarja. Il-kxif ta' involviment ta' istituzzjoni fil-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jista' jkollu impatt fuq il-vijabbiltà tagħha u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Flimkien mal-awtoritajiet u l-korpi responsabbli għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus skont id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(9), l-awtoritajiet kompetenti inkarigati mill-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni prudenzjali jaqdu rwol importanti fl-identifikazzjoni u l-iddixxiplinar tad-dgħufijiet. Għalhekk, jenħtieġ li tali awtoritajiet kompetenti jqisu b'mod konsistenti t-tħassib dwar il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fl-attivitajiet superviżorji rilevanti tagħhom, inkluż proċessi ta' reviżjoni u evalwazzjoni superviżorji, valutazzjonijiet tal-adegwatezza tal-arranġamenti ta' governanza, il-proċessi u l-mekkaniżmi tal-istituzzjonijiet u valutazzjonijiet tal-idoneità ta' membri tal-korp ta' ġestjoni, jinformaw kif meħtieġ dwar kwalunkwe sejba lill-awtoritajiet u l-korpi rilevanti responsabbli għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u jieħdu, kif adatt, miżuri superviżorji f'konformità mas-setgħat tagħhom skont id-Direttiva 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 575/2013. Jenħtieġ li l-informazzjoni tingħata abbażi tas-sejbiet żvelati fil-proċessi ta' awtorizzazzjoni, approvazzjoni jew reviżjoni li tali awtoritajiet kompetenti jkunu inkarigati minnhom, kif ukoll abbażi tal-informazzjoni riċevuta mill-awtoritajiet u l-korpi responsabbli għall-iżgurar tal-konformità mad-Direttiva (UE) 2015/849.

(21)  Waħda mit-tagħlimiet ewlenin mill-kriżi finanzjarja fl-Unjoni kienet il-ħtieġa li jkun hemm qafas adegwat istituzzjonali u ta' politika għall-prevenzjoni u l-indirizzar tal-iżbilanċi fi ħdan l-Unjoni. Fid-dawl tal-iżviluppi istituzzjonali l-aktar reċenti fl-Unjoni, tinħtieġ reviżjoni komprensiva tal-qafas ta' politika makroprudenzjali.

(22)  Id-Direttiva 2013/36/UE jenħtieġ li ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jimplimentaw miżuri fil-liġi nazzjonali mfassla biex itejbu r-reżiljenza tas-sistema finanzjarja bħal, iżda mhux limitati għal, limiti tal-proporzjon bejn is-self u l-valur, limiti tal-proporzjon bejn id-dejn u d-dħul, limiti tal-proporzjon bejn il-ħlas tad-dejn u d-dħul u strumenti oħra li jindirizzaw l-istandards tas-self.

(23)  Sabiex jiġi żgurat li r-riżervi ta' kapital kontroċikliċi jirriflettu tajjeb ir-riskju tat-tkabbir eċċessiv fil-kreditu għas-settur bankarju, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jikkalkulaw ir-riżervi speċifiċi għall-istituzzjoni tagħhom bħala medja ponderata tar-rati tar-riżerva ta' kapital kontroċiklika li japplikaw fil-pajjiżi fejn jinsabu l-iskoperturi tal-kreditu tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li kull Stat Membru jaħtar awtorità responsabbli li tistabbilixxi r-rata tar-riżerva ta' kapital kontroċiklika għall-iskoperturi li jkunu jinsabu f'dak l-Istat Membru. Jenħtieġ li dik ir-rata tar-riżerva tieħu kont tat-tkabbir fil-livelli tal-kreditu u l-bidliet fil-proporzjon tal-kreditu għall-Prodott Domestiku Gross (PDG) f'dak l-Istat Membru, u kwalunkwe varjabbli ieħor rilevanti għar-riskji għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

(24)  Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrikjedu li ċerti istituzzjonijiet iżommu, flimkien ma' riżerva ta' konservazzjoni ta' kapital u riżerva ta' kapital kontroċiklika, riżerva għal riskju sistemiku sabiex jipprevjenu u jimmitigaw ir-riskji makroprudenzjali jew sistemiċi li mhumiex koperti mir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u mid-Direttiva 2013/36/UE, fis-sens ta' riskju ta' tfixkil fis-sistema finanzjarja bil-potenzjal li jkun hemm konsegwenzi negattivi serji għas-sistema finanzjarja u għall-ekonomija reali fi Stat Membru speċifiku. Jenħtieġ li r-rata tar-riżerva għar-riskju sistemiku tapplika għall-iskoperturi kollha jew għal subsett ta' skoperturi u għall-istituzzjonijiet kollha, jew għal subsett wieħed jew aktar ta' dawk l-istituzzjonijiet, fejn l-istituzzjonijiet juru profili tar-riskju simili fl-attivitajiet kummerċjali tagħhom.

(25)  Huwa importanti li jiġi simplifikat il-mekkaniżmu ta' koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet, tiġi żgurata delineazzjoni ċara ta' responsabbiltajiet, tiġi simplifikata l-attivazzjoni tal-għodod ta' politika makroprudenzjali u li jitwessa' s-sett ta' għodod makroprudenzjali biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet ikunu jistgħu jindirizzaw riskji sistemiċi fil-ħin u b'mod effettiv. Il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(10) mistenni jaqdi rwol ewlieni fil-koordinazzjoni ta' miżuri makroprudenzjali, kif ukoll fit-trasmissjoni ta' informazzjoni dwar miżuri makroprudenzjali ppjanati fl-Istati Membri, b'mod partikolarment permezz tal-pubblikazzjoni ta' miżuri makroprudenzjali adottati fuq is-sit web tiegħu u permezz tal-kondiviżjoni ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet wara n-notifiki ta' miżuri makroprudenzjali ppjanati. Sabiex jiġi żgurat rispons ta' politika adatt bejn l-Istati Membri, il-BERS mistenni jissorvelja s-suffiċjenza u l-konsistenza tal-politiki makroprudenzjali tal-Istati Membri, inkluż permezz tal-monitoraġġ ta' jekk l-għodod jintużawx b'mod konsistenti u distint minn xulxin.

(26)  L-awtoritajiet rilevanti kompetenti jew nominati jenħtieġ li jkollhom l-għan li jevitaw kwalunkwe użu duplikattiv jew inkonsistenti tal-miżuri makroprudenzjali stipulati fid-Direttiva 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 575/2013. B'mod partikolari, jenħtieġ li l-awtoritajiet rilevanti kompetenti jew nominati jqisu b'mod debitu jekk il-miżuri meħuda skont l-Artikolu 133 tad-Direttiva 2013/36/UE jidduplikawx jew humiex inkonsistenti ma' miżuri eżistenti jew futuri oħra skont l-Artikolu 124, 164 jew 458 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(27)  L-awtoritajiet kompetenti jew nominati jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddeterminaw il-livell jew il-livelli ta' applikazzjoni tar-riżerva tal-istituzzjonijiet sistematikament importanti (O-SIIs) l-oħra, abbażi tan-natura u d-distribuzzjoni tar-riskji inkorporati fl-istruttura tal-grupp. F'xi ċirkostanzi, jista' jkun adatt għall-awtorità kompetenti jew l-awtorità nominata li timponi riżerva ta' O-SII biss f'livell taħt l-ogħla livell ta' konsolidazzjoni.

(28)  F'konformità mal-metodoloġija tal-valutazzjoni għal banek globali sistemikament importanti ppubblikata mill-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS), il-pretensjonijiet transġudizzjarji u l-obbligazzjonijiet ta' istituzzjoni huma indikaturi tal-importanza sistemika globali tagħha u tal-impatt li l-falliment tagħha jista' jkollu fuq is-sistema globali finanzjarja. Dawk l-indikaturi jirriflettu t-tħassib speċifiku, pereżempju, dwar id-diffikultà akbar fil-koordinazzjoni tar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ma' attivitajiet transkonfinali sinifikanti. Il-progress li sar f'termini tal-approċċ komuni għal riżoluzzjoni li tirriżulta mir-rinforz tal-ġabra unika tar-regoli u mill-istabbiliment tal-Mekkaniżmu ta' Riżoluzzjoni Unika (SRM), żviluppa b'mod sinifikanti l-abbiltà fir-riżoluzzjoni b'mod ordnat tal-gruppi transkonfinali fi ħdan l-unjoni bankarja. Għaldaqstant u mingħajr preġudizzju għall-kapaċità ta' awtoritajiet kompetenti jew nominati li jeżerċitaw il-ġudizzju superviżorju tagħhom, jenħtieġ li jiġi kalkulat punteġġ alternattiv li jirrifletti dak il-progress u awtoritajiet kompetenti jew nominati jenħtieġ li jieħdu dan inkonsiderazzjoni meta jivvalutaw l-importanza sistemika tal-istituzzjonijiet ta' kreditu, mingħajr ma tkun affettwata d-data fornuta lill-BCBS għad-determinazzjoni ta' denominaturi internazzjonali. Jenħtieġ li l-ABE tiżviluppa abbozz aġġornat ta' standards tekniċi regolatorji biex tiġi speċifikata l-metodoloġija ta' identifikazzjoni addizzjonali għall-istituzzjonijiet globali sistematikament importanti (G-SIIs) biex ikunu jistgħu jiġu rikonoxxuti l-ispeċifiċitajiet tal-qafas ta' riżoluzzjoni Ewropew integrat fi ħdan il-kuntest tal-SRM. Dik il-metodoloġija jenħtieġ li tintuża biss għall-finijiet tal-kalibrazzjoni tar-riżerva ta' G-SII. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta dawk l-istandards tekniċi regolatorji permezz ta' atti delegati skont l-Artikolu 290 TFUE u f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

(29)  Minħabba li l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li ssaħħaħ u tirfina l-atti legali eżistenti tal-Unjoni sabiex tiżgura rekwiżiti prudenzjali uniformi li japplikaw għall-istituzzjonijiet ▌ madwar l-Unjoni, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(30)  F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni(11), l-Istati Membri ntrabtu li, f'każijiet ġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom minn dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti ta' strumenti tat-traspożizzjoni nazzjonali. Rigward din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li t-trasmissjoni ta' tali dokumenti hija ġustifikata.

(31)  Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2013/36/UE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2013/36/UE

Id-Direttiva 2013/36/UE hija emendata kif ġej:

(1)  Fl-Artikolu 2, il-paragrafi 5 u 6 huma sostitwiti b'dan li ġej:"

"5. Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal dan li ġej:

(1)  aċċess għall-attività ta' ditti tal-investiment sa fejn din tkun irregolata mid-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*;

(2)  il-banek ċentrali;

(3)  l-istituzzjonijiet giro tal-uffiċċji postali;

(4)  fid-Danimarka, l-'Eksport Kredit Fonden', l-'Eksport Kredit Fonden A/S', id-'Danmarks Skibskredit A/S' u l-'KommuneKredit';

(5)  fil-Ġermanja , l-impriżi 'Kreditanstalt für Wiederaufbau', 'Landwirtschaftliche Rentenbank', 'Bremer Aufbau-Bank GmbH', 'Hamburgische Investitions- und Förderbank', 'Investitionsbank Berlin', 'Investitionsbank des Landes Brandenburg', 'Investitionsbank Schleswig-Holstein', 'Investitions- und Förderbank Niedersachsen – NBank', 'Investitions- und Strukturbank Rheinland-Pfalz', 'Landeskreditbank Baden-Württemberg – Förderbank', 'LfA Förderbank Bayern', 'NRW.BANK', 'Saarländische Investitionskreditbank AG', 'Sächsische Aufbaubank – Förderbank', 'Thüringer Aufbaubank' li huma rikonoxxuti taħt il-'Wohnungsgemeinnützigkeitsgesetz' bħala korpi tal-politika tas-settur tal-abitazzjoni tal-Istat u mhumiex prinċipalment parteċipanti fi transazzjonijiet bankarji, u impriżi rikonoxxuti taħt dik il-liġi bħala impriżi tas-settur tal-abitazzjoni mingħajr skop ta' qligħ;

(6)   fl-Estonja, l-'hoiu-laenuühistud', bħala impriżi kooperattivi li huma rikonoxxuti taħt il-'hoiu-laenuühistu seadus';

(7)  fl-Irlanda, l-iStrategic Banking Corporation of Ireland, l-unjonijiet tal-kreditu u s-soċjetajiet ta' għajnuna reċiproka;

(8)  fil-Greċja, il-'Ταμείο Παρακαταθηκών και Δανείων' (Tamio Parakatathikon kai Danion);

(9)  fi Spanja, l-'Instituto de Crédito Oficial';

(10)  fi Franza, il-'Caisse des dépôts et consignations';

(11)  fil-Kroazja, il-'kreditne unije' u l-'Hrvatska banka za obnovu i razvitak3;

(12)  fl-Italja, il-'Cassa depositi e prestiti';

(13)  fil-Latvja, il-'krājaizdevu sabiedrības', impriżi li huma rikonoxxuti taħt il-'krājaizdevu sabiedrību likums' bħala impriżi kooperattivi li joffru servizzi finanzjarji lill-membri tagħhom biss;

(14)  fil-Litwanja, il-'kredito unijos' minbarra 'centrinės kredito unijos';

(15)  fl-Ungerija, il-'MFB Magyar Fejlesztési Bank Zártkörűen Működő Részvénytársaság' u l-'Magyar Export-Import Bank Zártkörűen Működő Részvénytársaság';

(16)  f'Malta, 'The Malta Development Bank';

(17)  fin-Netherlands, in-'Nederlandse Investeringsbank voor Ontwikkelingslanden NV', l-'NV Noordelijke Ontwikkelingsmaatschappij', l-'NV Limburgs Instituut voor Ontwikkeling en Financiering', l-'Ontwikkelingsmaatschappij Oost-Nederland NV' u kredietunies;

(18)  fl-Awstrija, l-impriżi rikonoxxuti bħala assoċjazzjonijiet tal-akkomodazzjoni fl-interess pubbliku u l-'Österreichische Kontrollbank AG';

(19)  fil-Polonja, il-'Spółdzielcze Kasy Oszczędnościowo — Kredytowe' u l-'Bank Gospodarstwa Krajowego';

(20)  fil-Portugall, il-'Caixas Económicas' li kienu jeżistu fl-1 ta' Jannar 1986 bl-eċċezzjoni ta' dawk inkorporati bħala kumpanniji b'responsabbiltà limitata u tal-'Caixa Económica Montepio Geral';

(21)  fis-Slovenja, is-'SID-Slovenska izvozna in razvojna banka, d.d. Ljubljana';

(22)  fil-Finlandja, it-'Teollisen yhteistyön rahasto Oy/Fonden för industriellt samarbete AB', u l-'Finnvera Oyj/Finnvera Abp';

(23)  fl-Iżvezja, il-'Svenska Skeppshypotekskassan';

(24)  fir-Renju Unit, in-National Savings and Investments (NS&I), is-CDC Group plc, l-Agricultural Mortgage Corporation Ltd, il-Crown Agents for overseas governments and administrations, il-credit unions u l-municipal banks.

6.  L-entitajiet imsemmija fil-punt (1) u l-punti (3) sa (24) tal-paragrafu 5 ▌ ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu ttrattati bħala istituzzjonijiet finanzjarji għall-finijiet tal-Artikolu 34 u l-Kapitolu 3 tat-Titolu VII.

__________________

* Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).'';

"

(2)  L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)  fil-paragrafu 1, jiżdiedu l-punti li ġejjin:"

"(60) ‘awtorità ta' riżoluzzjoni’ tfisser awtorità ta' riżoluzzjon kif definita fil-punt (18) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*;

(61)  ‘istituzzjoni globali sistemikament importanti’ jew ‘G-SII’ tfisser G-SII kif definita fil-punt (133) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(62)  ‘istituzzjoni globali sistemikament importanti mhux tal-UE’ jew ‘G-SII mhux tal-UE’ tfisser G-SII mhux tal-UE kif definita fil-punt (134) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(63)  ‘grupp’ tfisser grupp kif definit fil-punt (138) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(64)  ‘grupp ta' pajjiż terz’ tfisser grupp li l-impriża prinċipali tiegħu tkun stabbilita f'pajjiż terz;

(65)  ‘politika ta' rimunerazzjoni newtrali fir-rigward tas-sessi’ tfisser politika ta' rimunerazzjoni bbażata fuq ħlas ugwali għal ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali.

__________________

* Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p.190).";

"

(b)  jiżdied il-paragrafu li ġej:"

"3. Sabiex ikun żgurat li r-rekwiżiti jew is-setgħat superviżorja stipulati f'din id-Direttiva jew fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 japplikaw fuq bażi konsolidata jew subkonsolidata skont din id-Direttiva u dan ir-Regolament, it-termini "istituzzjoni", "istituzzjoni prinċipali fi Stat Membru", "istituzzjoni prinċipali tal-UE" u "impriża omm" għandhom jinkludu ukoll:

(a)  kumpanniji azzjonarji finanzjarji u kumpanniji azzjonarji finanzjarji mħallta li ngħataw approvazzjoni f'konformità mal-Artikolu 21a ta' din id-Direttiva;

(b)  istituzzjonijiet nominati kkontrollati minn kumpannija azzjonarja finanzjarja prinċipali tal-UE, kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta prinċipali tal-UE, kumpannija azzjonarja finanzjarja prinċipali fi Stat Membru jew kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta prinċipali fi Stat Membru fejn il-kumpannija prinċipali rilevanti ma tkunx soġġetta għall-approvazzjoni f'konformità mal-Artikolu 21a(4) ta' din id-Direttiva; u

(c)  kumpanniji azzjonarji finanzjarji, kumpanniji azzjonarji finanzjarji mħallta jew istituzzjonijiet nominati skont il-punt (d) tal-Artikolu 21a(6) ta' din id-Direttiva.";

"

(3)  fl-Artikolu 4, il-paragrafu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"8. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn awtoritajiet għajr l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa ta' riżoluzzjoni, dawk l-awtoritajiet l-oħra jikkooperaw mill-qrib u jikkonsultaw lill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tat-tħejjija ta' pjanijiet tar-riżoluzzjoni u f'kull waqt ieħor fejn tali kooperazzjoni u konsultazzjoni jkunu meħtieġa minn din id-Direttiva, mid-Direttiva 2014/59/UE jew mir-Regolament (UE) Nru 575/2013.";

"

(4)  L-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)  fil-paragrafu 2, il-punti (a) u (b) jiġu sostitwiti b'dan li ġej:"

''(a) l-informazzjoni li għandha tingħata lill-awtoritajiet kompetenti fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu, inkluż il-programm tal-operazzjonijiet, l-organizzazzjoni strutturali u l-arranġamenti ta' governanza previsti fl-Artikolu 10 ▌;

(b)  ir-rekwiżiti applikabbli għall-azzjonisti u l-membri b'parteċipazzjonijiet kwalifikanti, jew, fejn ma jkun hemm ebda parteċipazzjoni kwalifikanti, għall-akbar 20 azzjonist jew membru, skont l-Artikolu 14; u";

"

(b)  jiżdied il-paragrafu li ġej:"

"5. L-ABE għandha toħroġ linji gwida, f'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti biex tiġi speċifikata metodoloġija ta' valutazzjoni komuni għall-għoti ta' awtorizzazzjonijiet f'konformità ma' din id-Direttiva.";

"

(5)  fl-Artikolu 9, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:"

"3. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-ABE bil-liġijiet nazzjonali li espliċitament jippermettu lill-impriżi ħlief l-istituzzjonijiet ta' kreditu li jwettqu n-negozju tat-teħid ta' depożiti u fondi ripagabbli oħra mill-pubbliku.

4.  Skont dan l-Artikolu, l-Istati Membri ma jistgħux jeżentaw lill-istituzzjonijiet ta' kreditu mill-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.";

"

(6)  L-Artikolu 10 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"Artikolu 10

Programm tal-operazzjonijiet, organizzazzjoni strutturali u arranġamenti ta' governanza

1.  L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni jkunu akkumpanjati minn programm tal-operazzjonijiet li jistabbilixxi t-tipi ta' negozju previsti u l-organizzazzjoni strutturali tal-istituzzjoni ta' kreditu, inkluż indikazzjoni tal-impriżi prinċipali, il-kumpanniji azzjonarji finanzjarji u l-kumpanniji azzjonarji finanzjarji mħallta fil-grupp. L-Istati Membri għandhom jirrikjedu wkoll l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni li għandha tiġi akkumpanjata minn deskrizzjoni tal-arranġamenti, il-proċessi u l-mekkaniżmi msemmija fl-Artikolu 74(1).

2.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni li tinbeda l-attività ta' istituzzjoni ta' kreditu sakemm ma jkunux issodisfati li l-arranġamenti, il-proċessi u l-mekkaniżmi msemmija fl-Artikolu 74(1) jippermettu ġestjoni tar-riskju soda u effettiva minn dik l-istituzzjoni.";

"

(7)  fl-Artikolu 14, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni biex tinbeda l-attività ta' istituzzjoni ta' kreditu jekk, filwaqt li jittieħed kont tal-ħtieġa li tiġi żgurata l-ġestjoni soda u prudenti ta' istituzzjoni ta' kreditu, ma jkunux issodisfati dwar l-idoneità tal-azzjonisti jew il-membri f'konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 23(1). Għandhom japplikaw l-Artikolu 23(2) u (3) u l-Artikolu 24.";

"

(8)  Fl-Artikolu 18, il-punt (d) huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"(d) ma tibqax tissodisfa r-rekwiżiti prudenzjali stabbiliti fil-Parti Tlieta, Erbgħa jew Sitta, ħlief għar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 92a u 92b, tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jew imposti taħt il-punt (a) tal-Artikolu 104(1) jew l-Artikolu 105 ta' din id-Direttiva jew ma tibqax tkun affidabbli fit-twettiq tal-obbligi tagħha lejn il-kredituri tagħha, u, b'mod partikolari, ma tibqax tipprovdi garanzija għall-assi fdati lilha mid-depożitanti tagħha;";

"

(9)  jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:"

"Artikolu 21a

Approvazzjoni ta' kumpanniji azzjonarji finanzjarji u ta' kumpanniji azzjonarji finanzjarji mħallta

1.  Kumpanniji azzjonarji finanzjarji prinċipali fi Stat Membru, kumpanniji azzjonarji finanzjarji mħallta prinċipali fi Stat Membru, kumpanniji azzjonarji finanzjarji prinċipali tal-UE u kumpanniji azzjonarji finanzjarji mħallta prinċipali tal-UE għandhom jitolbu l-approvazzjoni f'konformità ma' dan l-Artikolu. Kumpanniji azzjonarji finanzjarji jew kumpanniji azzjonarji finanzjarji mħallta oħrajn għandhom jitolbu l-approvazzjoni skont dan l-Artikolu meta jkunu meħtieġa jikkonformaw ma' din id-Direttiva jew ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 fuq bażi subkonsolidata.

2.  Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-kumpanniji azzjonarji finanzjarji jew il-kumpanniji azzjonarji finanzjarji mħallta msemmija fih għandhom jagħtu lis-superviżur konsolidanti u, fejn ikun differenti, lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru fejn ikunu stabbiliti, l-informazzjoni li ġejja:

(a)  l-organizzazzjoni strutturali tal-grupp li tkun parti minnha l-kumpannija azzjonarja finanzjarja jew il-kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta, b'indikazzjoni ċara tas-sussidjarji tagħha u, fejn applikabbli, l-impriżi prinċipali, u l-post u t-tip ta' attività li titwettaq minn kull waħda mill-entitajiet fil-grupp;

(b)  informazzjoni dwar in-nominazzjoni ta' tal-anqas żewġ persuni li effettivament imexxu l-kumpannija azzjonarja finanzjarja jew il-kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta u l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 121 dwar il-kwalifiki tad-diretturi;

(c)  informazzjoni dwar il-konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 14 dwar l-azzjonisti u l-membri, fejn il-kumpannija azzjonarja finanzjarja jew il-kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta jkollha istituzzjoni ta' kreditu bħala s-sussidjarja tagħha;

(d)  l-organizzazzjoni interna u d-distribuzzjoni tal-kompiti fil-grupp;

(e)  kwalunkwe informazzjoni oħra li tista' tkun neċessarja biex jitwettqu l-valutazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 3 u 4 ta' dan l-Artikolu.

Fejn l-approvazzjoni ta' kumpannija azzjonarja finanzjarja jew ta' kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta sseħħ fl-istess ħin tal-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 22, l-awtorità kompetenti għall-finijiet ta' dak l-Artikolu għandha tikkoordina, kif adatt, mas-superviżur konsolidanti u, fejn ikun differenti, l-awtorità kompetenti fl-Istat Membri fejn tkun stabbilita l-kumpannija azzjonarja finanzjarja jew il-kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta. F'dak il-każ, il-perijodu ta' valutazzjoni msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(3) għandu jkun sospiż għal perijodu li jaqbeż l-20 jum tax-xogħol sakemm titlesta l-proċedura stabbilita f'dan l-Artikolu.

3.  Tista' tingħata approvazzjoni lil kumpannija azzjonarja finanzjarja jew kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta skont dan l-Artikolu biss fejn ▌ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)  l-arranġamenti interni u d-distribuzzjoni ta' kompiti fil-grupp ikunu adegwati għall-finijiet ta' konformità mar-rekwiżiti imposti minn din id-Direttiva u ▌r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fuq bażi konsolidata jew subkonsolidata u, b'mod partikolari, ikunu effettivi:

(i)  fil-koordinazzjoni tas-sussidjarji kollha tal-kumpannija azzjonarja finanzjarja jew tal-kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta inkluż, fejn meħtieġ, permezz ta' distribuzzjoni adegwata tal-kompiti fost l-istituzzjonijiet sussidjarji;

(ii)  fil-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-konflitti fil-grupp; u

(iii)  fl-infurzar tal-politiki tal-grupp kollu stabbiliti mill-kumpannija azzjonarja finanzjarja prinċipali jew mill-kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta prinċipali fil-grupp kollu;

(b)  l-organizzazzjoni strutturali tal-grupp li minnu tagħmel parti kumpannija azzjonarja finanzjarja jew kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta ma tostakolax jew tipprevjeni b'mod ieħor is-superviżjoni effettiva ta' istituzzjonijiet sussidjarji jew ta' istituzzjonijiet prinċipali rigward l-obbligi individwali, konsolidati u, fejn adatt, subkonsolidati li għalihom ikunu soġġetti. Il-valutazzjoni ta' dak il-kriterju għandha tieħu kont, b'mod partikolari:

(i)  tal-pożizzjoni tal-kumpannija azzjonarja finanzjarja jew tal-kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta fi grupp b'ħafna saff;

(ii)  l-istruttura azzjonarja; u

(iii)  ir-rwol tal-kumpannija azzjonarja finanzjarja jew tal-kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta fi ħdan il-grupp;

(c)  ikun hemm konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 14 u r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 121.

4.  L-approvazzjoni tal-kumpannija azzjonarja finanzjarja jew tal-kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta skont dan l-Artikolu m'għandhiex tkun meħtieġa fejn ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)  l-attività prinċipali tal-kumpannija azzjonarja finanzjarja tkun li takkwista holdings fis-sussidjarji jew, fil-każ ta' kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta, l-attività prinċipali tagħha rigward l-istituzzjonijiet jew l-istituzzjonijiet finanzjarji tkun li takkwista holdings fis-sussidjarji;

(b)  il-kumpannija azzjonarja finanzjarja jew il-kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta ma tkunx nominata bħala entità ta' riżoluzzjoni f'xi wieħed mill-gruppi ta' riżoluzzjoni tal-grupp f'konformità mal-istrateġija ta' riżoluzzjoni determinata mill-awtorità ta' riżoluzzjoni rilevanti skont id-Direttiva 2014/59/UE;

(c)  istituzzjoni ta' kreditu sussidjarja tinħatar bħala responsabbli biex tiżgura l-konformità tal-grupp mar-rekwiżiti prudenzjali fuq bażi konsolidata u tingħata l-mezzi u l-awtorità legali neċessarji kollha biex twettaq dawk l-obbligi b'mod effikaċi;

(d)  il-kumpannija azzjonarja finanzjarja jew il-kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta ma tkunx involuta fit-teħid ta' deċiżjonijiet ta' ġestjoni, operazzjonali jew finanzjarji li jaffettwaw lill-grupp jew lis-sussidjarji tagħha li jkunu istituzzjonijiet jew istituzzjonijiet finanzjarji;

(e)  ma jkunx hemm xi impediment għas-superviżjoni effikaċi tal-grupp fuq bażi konsolidata.

Il-kumpanniji azzjonarji finanzjarji jew il-kumpanniji azzjonarji finanzjarji mħallta eżentati mill-approvazzjoni skont dan il-paragrafu m'għandhomx ikunu esklużi mill-perimetru tal-konsolidazzjoni kif stabbilit f'din id-Direttiva u fir-Regolament (UE) Nru 575/2013.

5.  Is-superviżur konsolidanti għandu jissorvelja l-konformità mal-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 jew, fejn applikabbli, il-paragrafu 4 fuq bażi kontinwa. Il-kumpanniji azzjonarji finanzjarji u l-kumpanniji azzjonarji finanzjarji mħallta għandhom jipprovdu lis-superviżur konsolidanti l-informazzjoni li jeħtieġu biex tiġi sorveljata fuq bażi kontinwa l-organizzazzjoni strutturali tal-grupp u l-konformità mal-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 jew, fejn applikabbli, il-paragrafu 4. Is-superviżur konsolidanti għandu jikkondividi dik l-informazzjoni mal-awtorità kompetenti fl-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-kumpannija azzjonarja finanzjarja jew il-kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta.

6.  Fejn is-superviżur konsolidanti jkun stabbilixxa li l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 ma jkunux issodisfati jew ma baqgħux ikunu ssodisfati, il-kumpannija azzjonarja finanzjarja jew il-kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta għandha tkun soġġetta għal miżuri superviżorji adatti biex jiġu żgurati jew jerġa' jkun hemm, skont il-każ, il-kontinwità u l-integrità ta' superviżjoni konsolidata u tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti stipulati f'din id-Direttiva u fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 fuq bażi konsolidata. Fil-każ ta' kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta, il-miżuri superviżorji għandhom, b'mod partikolari, iqisu l-effetti fuq il-konglomerat finanzjarju.

Il-miżuri superviżorji msemmija fl-ewwel subparagrafu jistgħu jinkludu:

(a)  is-sospensjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot marbuta mal-ishma tal-istituzzjonijiet sussidjarji miżmuma mill-kumpannija azzjonarja finanzjarja jew il-kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta;

(b)  il-ħruġ ta' inġunzjonijiet jew penali kontra l-kumpannija azzjonarja finanzjarja, il-kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta jew il-membri tal-korp ta' ġestjoni u l-maniġers, soġġett għall-Artikoli 65 sa 72;

(c)  l-għoti ta' struzzjonijiet jew direzzjonijiet lill-kumpannija azzjonarja finanzjarja jew lill-kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta biex tittrasferixxi lill-azzjonisti tagħha l-parteċipazzjonijiet fl-istituzzjonijiet sussidjarji tagħha;

(d)  fuq bażi temporanja ta' kumpannija azzjonarja finanzjarja, kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta jew istituzzjoni oħra fil-grupp bħala responsabbli għall-konformità mar-rekwiżiti stipulati f' f'din id-Direttiva u fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 fuq bażi konsolidata;

(e)  ir-restrizzjoni jew il-projbizzjoni ta' distribuzzjonijiet jew pagamenti tal-imgħax lill-azzjonisti;

(f)  il-ħtieġa li l-kumpanniji azzjonarji finanzjarji jew il-kumpanniji azzjonarji finanzjarji mħallta jċedu jew inaqqsu holdings f'istituzzjonijiet jew entitajiet oħra tas-settur finanzjarju;

(g)  il-ħtieġa li l-kumpanniji azzjonarji finanzjarji jew il-kumpanniji azzjonarji finanzjarji mħallta jippreżentaw pjan dwar ir-ritorn, mingħajr dewmien, lejn il-konformità.

7.  Fejn is-superviżur konsolidanti jkun stabbilixxa li ma jibqgħux issodisfati l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 4, il-kumpannija azzjonarja finanzjarja jew il-kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta għandha tfittex approvazzjoni f'konformità ma' dan l-Artikolu.

8.  Għall-finijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-approvazzjoni u l-eżenzjoni mill-approvazzjoni msemmija fil-paragrafi 3 u 4, rispettivament, u l-miżuri superviżorji msemmija fil-paragrafi 6 u 7, fejn is-superviżur konsolidanti jkun differenti mill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-kumpannija azzjonarja finanzjarja jew il-kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta, iż-żewġ awtoritajiet għandhom jaħdmu flimkien f'konsultazzjoni sħiħa. Is-superviżur konsolidanti għandu jħejji valutazzjoni dwar il-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafi 3, 4, 6 u 7, kif applikabbli, u għandu jibgħat dik il-valutazzjoni lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-kumpannija azzjonarja finanzjarja jew il-kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta. Iż-żewġ awtoritajiet għandhom jagħmlu dak kollu possibbli fil-limiti tas-setgħat tagħhom biex jilħqu deċiżjoni konġunta fi żmien xahrejn mid-data tal-wasla ta' dik il-valutazzjoni.

Id-deċiżjoni konġunta għandha tiġi debitament dokumentata u motivata. Is-superviżur konsolidanti għandu jikkomunika d-deċiżjoni konġunta lill-kumpannija azzjonarja finanzjarja jew lill-kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta.

Fil-każ ta' nuqqas ta' qbil, is-superviżur konsolidanti jew l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-kumpannija azzjonarja finanzjarja jew il-kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta għandu joqgħod lura milli jieħu deċiżjoni u għandu jirreferi l-kwistjoni lill-ABE f'konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010. L-ABE għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha fi żmien xahar mill-wasla tar-riferiment lill-ABE. L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati għandhom jadottaw deċiżjoni konġunta f'konformità mad-deċiżjoni tal-ABE. Il-kwistjoni ma għandhiex tiġi riferita lill-ABE wara tmiem il-perijodu ta' xahrejn jew wara li tkun intlaħqet deċiżjoni konġunta.

9.  Fil-każ ta' kumpanniji azzjonarji finanzjarji mħallta, fejn is-superviżur konsolidanti jew l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta tkun differenti mill-koordinatur determinat f'konformità mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2002/87/KE, il-qbil tal-koordinatur għandu jkun meħtieġ għall-finijiet tad-deċiżjonijiet jew id-deċiżjonijiet konġunti msemmija fil-paragrafi 3, 4, 6 u 7 ta' dan l-Artikolu, kif applikabbli. Fejn ikun meħtieġ il-qbil tal-koordinatur, in-nuqqas ta' qbil għandu jiġi riferut lill-Awtorità Superviżorja Ewropea rilevanti, jiġifieri, l-ABE jew l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) (EIOPA), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill **, li għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha fi żmien xahar mill-wasla tar-riferiment. Kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed skont dan il-paragrafu għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi skont id-Direttiva 2002/87/KE jew 2009/138/KE.

10.  Fejn tiġi rifjutata approvazzjoni ta' kumpannija azzjonarja finanzjarja jew kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta skont dan l-Artikolu, is-superviżur konsolidanti għandu javża lill-applikant bid-deċiżjoni u r-raġunijiet għaliha fi żmien erba' xhur mill-wasla tal-applikazzjoni, jew fejn l-applikazzjoni ma tkunx kompluta, fi żmien erba' xhur mill-wasla tal-informazzjoni sħiħa meħtieġa għad-deċiżjoni.

F'kull każ, deċiżjoni għal għoti jew rifjut ta' approvazzjoni għandha, madankollu, tittieħed fi żmien sitt xhur mill-wasla ta' din l-applikazzjoni. Rifjut jista' jkun akkumpanjat, fejn meħtieġ, minn kwalunkwe waħda mill-miżuri msemmija fl-paragrafu 6.

Artikolu 21b

Impriża prinċipali intermedja tal-UE

1.  Żewġ istituzzjonijiet jew aktar fl-Unjoni, li jkunu parti mill-istess grupp minn pajjiż terz, għandu jkollhom impriża prinċipali intermedja unika tal-UE stabbilita fl-Unjoni.

2.  L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jippermettu lill-istituzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 li jkollhom żewġ impriżi prinċipali intermedji tal-UE fejn huma jiddeterminaw li l-istabbiliment ta' impriża prinċipali intermedja unika tal-UE ikun:

(i)  inkompatibbli ma' rekwiżit obbligatorju għas-separazzjoni tal-attivitajiet imposti mir-regoli jew l-awtoritajiet superviżorji tal-pajjiż terz fejn l-impriża prinċipali aħħarija tal-grupp minn pajjiż terz ikollha l-uffiċċju prinċipali tagħha; jew

(ii)  jagħmel ir-riżolvibbiltà anqas effiċjenti milli fil-każ ta' żewġ impriżi prinċipali intermedji tal-UE skont valutazzjoni mwettqa mill-awtorità ta' riżoluzzjoni kompetenti tal-impriża prinċipali intermedja tal-UE.

3.  Impriża prinċipali intermedja tal-UE għandha tkun istituzzjoni ta' kreditu awtorizzata f'konformità mal-Artikolu 8, jew ▌kumpannija azzjonarja finanzjarja jew kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta li tkun ingħatat l-approvazzjoni f'konformità mal-Artikolu 21a.

Permezz ta' deroga mill-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, fejn l-ebda waħda mill-istituzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma tkun istituzzjoni ta' kreditu jew fejn it-tieni impriża prinċipali intermedja tal-UE trid tiġi stabbilita b'rabta ma' attivitajiet ta' investiment biex tikkonforma ma' rekwiżit obbligatorju kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-impriża prinċipali intermedja tal-UE jew it-tieni impriża prinċipali intermedja tal-UE, tista' tkun ditta tal-investiment awtorizzata f'konformità mal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/65/UE li huwa soġġett għad-Direttiva 2014/59/UE.

4.  Il-paragrafi 1, 2 u 3 ma għandhomx japplikaw fejn il-valur totali tal-assi fl-Unjoni tal-grupp minn pajjiż terz ikun anqas minn EUR 40 biljun ▌.

5.  Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, il-valur totali tal-assi fl-Unjoni tal-grupp minn pajjiż terz għandu jkun it-total ta' dawn li ġejjin:

(a)  il-valur totali tal-assi ta' kull istituzzjoni fl-Unjoni tal-grupp minn pajjiż terz, kif jirriżulta mill-karta tal-bilanċ konsolidata tagħha jew kif jirriżulta mill-karta tal-bilanċ individwali tagħhom, fejn ma tkun konsolidata karta tal-bilanċ ta' istituzzjoni; u

(b)  il-valur totali tal-assi ta' kull fergħa tal-grupp minn pajjiż terz awtorizzata fl-Unjoni f'konformità ma' din id-Direttiva, mad-Direttiva 2014/65/UE jew mar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill**.

6.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw l-informazzjoni li ġejja fir-rigward ta' kull grupp minn pajjiż terz li jopera fil-ġurisdizzjoni tagħhom lill-ABE:

(a)  l-ismijiet u l-valur totali tal-assi tal-istituzzjonijiet sorveljati li jappartjenu għal grupp minn pajjiż terz;

(b)  l-ismijiet u l-valur totali tal-assi li jikkorrispondu għall-fergħat awtorizzati f'dak l-Istat Membru f'konformità ma' din id-Direttiva, mad-Direttiva 2014/65/UE jew mar-Regolament (UE) Nru 600/2014, u t-tipi ta' attivitajiet li jkunu awtorizzati jwettqu;

(c)  l-isem u t-tip kif imsemmi fil-paragrafu 3 ta' kwalunkwe impriża prinċipali intermedja tal-UE stabbilita f'dak l-Istat Membru u l-isem tal-grupp minn pajjiż terz li tagħmel parti minnu.

7.  L-ABE għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha lista tal-gruppi minn pajjiż terz kollha li joperaw fl-Unjoni u l-impriża jew l-impriżi prinċipali intermedji tal-UE tagħhom, fejn applikabbli.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li kull istituzzjoni taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom li tkun parti minn grupp minn pajjiż terz tissodisfa waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)  għandha impriża prinċipali intermedja tal-UE;

(b)  hija impriża prinċipali intermedja tal-UE;

(c)  tkun l-unika istituzzjoni fl-Unjoni tal-grupp minn pajjiż terz; jew

(d)  tkun parti minn grupp minn pajjiż terz b' valur totali ta’ assi fl-Unjoni ta' anqas minn EUR 40 biljun.

8.  Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, il-gruppi minn pajjiż terzi li joperaw permezz ta' aktar minn istituzzjoni waħda fl-Unjoni u b'valur totali tal-assi ugwali għal jew aktar minn EUR 40 biljun fi ...[id-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva emendatorja] għandu jkollhom impriża prinċipali intermedja tal-UE jew, jekk japplika l-paragrafu 2, żewġ impriżi prinċipali intermedji tal-UE sa …[tliet snin wara d-data ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva emendatorja].

9.  Sa …[sitt snin wara d-data ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva emendatorja] il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta l-ABE, tirrieżamina r-rekwiżiti imposti fuq l-istituzzjonijiet minn dan l-Artikolu u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dak ir-rapport, tal-anqas, għandu jqis:

(a)  jekk ir-rekwiżiti stipulati f'dan l-Artikolu humiex operabbli, meħtieġa u proporzjonati u jekk ikunux aktar adatti miżuri oħra;

(b)  jekk ir-rekwiżiti imposti fuq l-istituzzjonijiet minn dan l-Artikolu għandhomx jiġu riveduti biex jirriflettu l-aħjar prassi internazzjonali.

10.  Sa …[sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva emendatorja], l-ABE għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar it-trattament tal-fergħat ta' pajjiżi terzi skont il-liġi nazzjonali tal-Istati Membri. Dak ir-rapport, tal-anqas, għandu jqis:

(a)  jekk u sa liema punt il-prattiki superviżorji skont il-liġi nazzjonali għall-fergħat ta' pajjiżi terzi humiex differenti bejn l-Istati Membri;

(b)  jekk trattament differenti tal-fergħat ta' pajjiżi terzi skont il-liġi nazzjonali jistax jirriżulta f'arbitraġġ regolatorju;

(c)  jekk armonizzazzjoni ulterjuri tar-reġimi nazzjonali għall-fergħat ta' pajjiżi terzi tkunx neċessarja u adatta, speċjalment fir-rigward ta' fergħat sinifikanti ta' pajjiżi terzi.

Il-Kummissjoni għandha, jekk adatt, tippreżenta proposta leġislattiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ibbażata fuq ir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-ABE.

__________________

* Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).

*** Ir-Regolament (UE) Nru Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).";

"

(10)  fl-Artikolu 23(1), il-punt (b) jiġi sostitwit b'dan li ġej:"

"(b) ir-reputazzjoni, l-għarfien, il-ħiliet u l-esperjenza, kif stabbiliti fl-Artikolu 91(1), ta' kwalunkwe membru tal-korp ta' ġestjoni li ser imexxi n-negozju tal-istituzzjoni ta' kreditu bħala riżultat tal-akkwiżizzjoni proposta;";

"

(11)  ▌L-Artikolu 47 huwa emendat kif ġej:

(a)  jiddaħħal il-paragrafu li ġej :"

"1a. Stat Membru għandu jeħtieġ li l-fergħat tal-istituzzjonijiet ta' kreditu jkollhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom f'pajjiż terz biex jirrappurtaw mill-inqas darba fis-sena lill-awtoritajiet kompetenti l-informazzjoni li ġejja:

(a)  l-assi totali li jikkorrispondu għall-attivitajiet tal-fergħa awtorizzati f'dak l-Istat Membru;

(b)  informazzjoni dwar l-assi likwidi disponibbli għall-fergħa, b'mod partikolari d-disponibbiltà tal-assi likwidi f'muniti tal-Istati Membri;

(c)  il-fondi proprji għad-dispożizzjoni tal-fergħa;

(d)  l-arranġamenti għall-protezzjoni tad-depożiti disponibbli għad-depożituri fil-fergħa;

(e)  l-arranġamenti għall-ġestjoni tar-riskju;

(f)  l-arranġamenti għall-governanza, inkluż it-titolari ta' funzjonijiet ewlenin għall-attivitajiet tal-fergħa;

(g)  il-pjanijiet ta' rkupru li jkopru l-fergħa; u

(h)  kwalunkwe informazzjoni oħra li titqies neċessarja mill-awtorità kompetenti li tippermetti monitoraġġ komprensiv tal-attivitajiet tal-fergħa.'';

"

(b)  il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-ABE dwar dawn li ġejjin:

(a)  l-awtorizzazzjonijiet kollha għall-fergħat mogħtija lill-istituzzjonijiet ta' kreditu li jkollhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom f'pajjiż terz u kwalunkwe bidla sussegwenti għal tali awtorizzazzjonijiet;

(b)  l-assi u l-obbligazzjonijiet totali tal-fergħat awtorizzati tal-istituzzjonijiet ta' kreditu li jkollhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom f'pajjiż terz, kif irrapportati b'mod perjodiku;

(c)  l-isem tal-grupp minn pajjiż terz li tappartjeni għalih fergħa awtorizzata.

L-ABE għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha lista tal-fergħat kollha f'pajjiż terz awtorizzati biex joperaw fl-Unjoni, li tindika l-Istat Membru fejn huma awtorizzati joperaw ▌.";

"

(c)  jiddaħħal il-paragrafu li ġej:"

"2a. L-awtoritajiet kompetenti li jissorveljaw il-fergħat tal-istituzzjonijiet ta' kreditu li jkollhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom f'pajjiż terz u l-awtoritajiet kompetenti tal-istituzzjonijiet li jagħmlu parti mill-istess grupp minn pajjiż terz għandhom jikkooperaw mill-qrib biex jiżguraw li l-attivitajiet kollha ta’ dak il-grupp minn pajjiż terz fl-Unjoni jkunu soġġetti għal superviżjoni komprensiva, biex tiġi prevenuta ċ-ċirkomvenzjoni tar-rekwiżiti applikabbli għall-gruppi minn pajjiż terz skont din id-Direttiva u r-Regolament (UE) Nru 575/2013 u biex jiġi prevenut kwalunkwe impatt detrimentali fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni.

L-ABE għandha tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, inkluż meta tivverifika jekk intlaħaqx il-limitu massimu msemmi fl-Artikolu 21b(4).'';

"

(12)  L-Artikolu 56 huwa emendat kif ġej:

(a)  il-punt (g) huwa sostitwit b'dan li ġej:"

''(g) awtoritajiet responsabbli għas-superviżjoni tal-entitajiet marbutin b'obbligu elenkati fil-punti (1) u (2) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill* għall-konformità ma' dik id-Direttiva, u ma' unitajiet tal-intelligence finanzjarja;

__________________

*Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).''

"

(b)  jiżdied il-punt li ġej:"

"(h) l-awtoritajiet kompetenti jew il-korpi responsabbli għall-applikazzjoni tar-regoli dwar is-separazzjoni strutturali fi ħdan grupp bankarju.";

"

(13)  fl-Artikolu 57(1), il-frażi introduttorja hija sostitwita b'dan li ġej:"

"1. Minkejja l-Artikoli 53, 54 u 55, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jista' jseħħ skambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet responsabbli għas-sorveljanza:";

"

(14)  jiddaħħal l-Artikolu li ġej :"

"Artikolu 58a

Trasmissjoni ta' informazzjoni lill-korpi internazzjonali

1.  Minkejja l-Artikolu 53(1) u l-Artikolu 54, awtoritajiet kompetenti jistgħu, soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu, jittrażmettu jew jikkondividu ċerta informazzjoni ma' dawn li ġejjin:

(a)  il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Bank Dinji għall-finijiet ta' valutazzjonijiet tal-Programm ta' Valutazzjoni tas-Settur Finanzjarju;

b)  il-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali, għall-finijiet tal-istudji tal-impatt kwantitattiv;

(c)  il-Bord għall-Istabilità Finanzjarja, għall-finijiet tal-funzjoni ta' sorveljanza tiegħu.

2.  L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jikkondividu informazzjoni kunfidenzjali biss wara rikjesta espliċita mill-korp rilevanti, fejn jiġu sodisfatti mill-inqas il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)  ir-rikjesta tkun debitament ġustifikata fid-dawl tal-kompiti speċifiċi li jitwettqu mill-korp rikjedenti f'konformità mal-mandat statutorju tiegħu;

(b)  ir-rikjesta tkun preċiża biżżejjed fir-rigward tan-natura, l-ambitu u l-format tal-informazzjoni meħtieġa, u l-mezz tal-iżvelar jew it-trasmissjoni tagħha;

(c)  l-informazzjoni mitluba tkun strettament neċessarja għat-twettiq tal-kompiti speċifiċi tal-korp rikjedenti u ma tmurx lil hinn mill-kompiti statutorji mogħtija lill-korp rikjedenti;

(d)  l-informazzjoni tkun trasmessa jew żvelata esklużivament lill-persuni direttament involuti fit-twettiq tal-kompitu speċifiku;

(e)  il-persuni li jkollhom aċċess għall-informazzjoni jkunu soġġetti għal rekwiżiti ta' segretezza professjonali tal-inqas ekwivalenti għal dawk imsemmija fl-Artiklu 53(1).

3.  Fejn ir-rikjesta ssir minn xi waħda mill-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu biss jittrasmettu informazzjoni aggregata jew anonimizzata u jistgħu biss jikkondividu informazzjoni oħra fil-bini tal-awtorità kompetenti.

4.  Sa fejn dak l-iżvelar ta' informazzjoni jinvolvi l-ipproċessar ta' data personali, kwalunkwe pproċessar ta' data personali mill-korp rikjedenti għandu jkun f'konformità mar-rekwiżiti stipulati fir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*.

__________________

* Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).'';

"

(15)  fl-Artikolu 63(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:"

"L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrikjedu s-sostituzzjoni ta' persuna msemmija fl-ewwel subparagrafu jekk dik il-persuna taġixxi bi ksur tal-obbligi tagħha skont l-ewwel subparagrafu.";

"

(16)  L-Artikolu 64 jiġi emendat kif ġej:

(a)  il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b'dan li ġej:"

"1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw is-setgħat superviżorji kollha biex jintervjenu fl-attività tal-istituzzjonijiet, tal-kumpanniji azzjonarji finanzjarji jew tal-kumpanniji azzjonarji finanzjarji mħallta li huma neċessarji għall-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom, inkluż b'mod partikolari d-dritt li jirtiraw awtorizzazzjoni f'konformità mal-Artikolu 18, is-setgħat imsemmija fl-Artikoli 18, 102, 104 u 105, u s-setgħat li jittieħdu l-miżuri msemmija fl-Artikolu 21a(6).";

"

(b)  jiżdied il-paragrafu li ġej:"

"3. Id-deċiżjonijiet meħuda minn awtoritajiet kompetenti fl-eżerċizzju tas-setgħat superviżorji u s-setgħat li jimponu penali tagħhom għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati.";

"

(17)  fl-Artikolu 66(1), jiżdied il-punt li ġej:"

"(e) in-nuqqas ta' applikazzjoni għal approvazzjoni bi ksur tal-Artikolu 21a jew kwalunkwe ksur ieħor tar-rekwiżiti stabbiliti f’dak l-Artikolu.";

"

(18)  fl-Artikolu 67(1), jiżdied il-punt li ġej:"

"(q) istituzzjoni prinċipali, kumpannija azzjonarja finanzjarja prinċipali jew kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta prinċipali tonqos milli tieħu xi azzjoni li tista' tkun meħtieġa biex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti prudenzjali stabbiliti fil-Partijiet Tlieta, Erbgħa, Sitta jew Sebgħa tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jew imposti skont il-punt (a) tal-Artikolu 104(1) jew l-Artikolu 105 ta' din id-Direttiva fuq bażi konsolidata jew subkonsolidata.";

"

(19)  L-Artikolu 74 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"Artikolu 74

Governanza interna u pjanijiet ta' rkupru u riżoluzzjoni

1.  L-istituzzjonijiet għandu jkollhom arranġamenti ta' governanza robusti, li jinkludu struttura organizzattiva ċara b'linji ta' responsabbiltà ddefiniti tajjeb, trasparenti u konsistenti, proċessi effettivi għall-identifikazzjoni, il-ġestjoni, il-monitoraġġ u r-rappurtar tar-riskji li huma jew li jistgħu jkunu esposti għalihom, mekkaniżmi ta' kontroll intern adegwati, inkluż proċeduri amministrattivi u kontabbilistiċi tajba, u politiki u prattiki ta' rimunerazzjoni li jkunu konsistenti ma' ġestjoni tar-riskji soda u effettivi u jippromwovuha.

Jenħtieġ li l-politiki u l-prattiki dwar ir-rimunerazzjoni msemmijin fl-ewwel subparagrafu jkunu newtrali fir-rigward tas-sessi.

2.  L-arranġamenti, il-proċessi u l-mekkaniżmi msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu komprensivi u proporzjonati għan-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji inerenti fil-mudell tan-negozju u l-attivitajiet tal-istituzzjoni. Għandu jittieħed kont tal-kriterji tekniċi stabbiliti fl-Artikoli 76 sa 95.

3.  Jenħtieġ li l-ABE toħroġ linji gwida, f'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, dwar l-arranġamenti, il-proċessi u l-mekkaniżmi msemmijin fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, b'kont meħud tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

L-ABE għandha toħroġ linji gwida, f'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, dwar il-politiki ta' rimunerazzjoni għall-istituzzjonijiet.

Fi żmien sentejn mid-data tal-pubblikazzjoni tal-linji gwida msemmija fit-tieni subparagrafu u abbażi tal-informazzjoni miġbura mill-awtoritajiet kompetenti, l-ABE għandha toħroġ rapport dwar l-applikazzjoni ta' politiki ta' rimunerazzjoni newtrali fir-rigward tas-sessi mill-istituzzjonijiet.";

"

(20)  fl-Artikolu 75, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiġbru l-informazzjoni żvelata f'konformità mal-kriterji għall-iżvelar stabbiliti fil-punti (g), (h), (i) u (k) tal-Artikolu 450(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 kif ukoll l-informazzjoni mogħtija mill-istituzzjonijiet dwar id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u għandhom jużaw dik l-informazzjoni biex jagħmlu valutazzjoni komparattiva tax-xejriet u l-prattiki ta' rimunerazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu dik l-informazzjoni lill-ABE.";

"

(21)  L-Artikolu 84 jinbidel b'dan li ġej:"

"Artikolu 84

Riskji ta' ċaqliq fir-rata tal-imgħax li jirriżultaw minn attivitajiet tal-portafoll mhux tan-negozjar

1.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet jimplimentaw sistemi interni, jużaw il-metodoloġija standardizzata jew il-metodoloġija standardizzata simplifikata biex jidentifikaw, jevalwaw, jimmaniġġjaw u jimmitigaw ir-riskji li jirriżultaw minn bidliet potenzjali fir-rati tal-imgħax li jaffettwaw kemm il-valur ekonomiku tal-ekwità kif ukoll id-dħul mill-imgħax nett tal-attivitajiet tal-portafoll mhux tan-negozjar ta' istituzzjoni.

2.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet jimplimentaw sistemi sabiex jivvalutaw u jissorveljaw ir-riskji li jirriżultaw minn tibdiliet potenzjali fil-firxiet tal-kreditu li jaffettwaw kemm il-valur ekonomiku tal-ekwità kif ukoll id-dħul mill-imgħax nett tal-attivitajiet tal-portafoll mhux tan-negozjar ta' istituzzjoni.

3.  Awtorità kompetenti tista' tirrikjedi li istituzzjoni tuża l-metodoloġija standardizzata msemmija fil-paragrafu 1 fejn ma jkunux sodisfaċenti s-sistemi interni implimentati minn dik l-istituzzjoni għall-fini tal-evalwazzjoni tar-riskji msemmija f'dak il-paragrafu.

4.  Awtorità kompetenti tista' tirrikjedi li istituzzjoni żgħira u mhux kumplessa kif definita fil-punt (145) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tuża l-metodoloġija standardizzata fejn tqis li l-metodoloġija standardizzata simplifikata ma tkunx adegwata biex tkopri riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax li jirriżulta minn attivitajiet ta' portafoll bankarju ta' dik l-istituzzjoni.

5.  L-ABE għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika, għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, ▌metodoloġija standardizzata li l-istituzzjonijiet jistgħu jużaw għall-fini tal-evalwazzjoni tar-riskji msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, inkluż metodoloġija standardizzata simplifikata għal istituzzjonijiet żgħar u mhux kumplessi kif definiti fil-punt (145) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 li tkun tal-anqas konservattiva daqs il-metodoloġija standardizzata.

L-ABE għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa … [sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva emendatorja].

Qiegħda tiġi ddelegata s-setgħa lill-Kummissjoni biex tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

6.  L-ABE għandha toħroġ linji gwida sabiex tispeċifika l-kriterji:

(a)  għall-evalwazzjoni tar-riskji msemmija fil-paragrafu 1 mis-sistema interna ta' istituzzjoni;

(b)  għall-identifikazzjoni, il-ġestjoni u l-mitigazzjoni tar-riskji msemmija fil-paragrafu 1 mill-istituzzjonijiet;

(c)  għall-valutazzjoni u l-monitoraġġ tar-riskji msemmija fil-paragrafu 2 mill-istituzzjonijiet;

(d)  għad-determinazzjoni ta' liema waħda mis-sistemi interni implimentati ▌ mill-istituzzjonijiet għall-finijiet tal-paragrafu 1 mhijiex sodisfaċenti kif imsemmi fil-paragrafu 3.

L-ABE għandha toħroġ dawk il-linji gwida sa … [sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva emendatorja]."

"

(22)  fl-Artikolu 85, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet jimplimentaw politiki u proċessi għall-evalwazzjoni u l-ġestjoni tal-iskoperturi għar-riskju operattiv, inkluż ir-riskju involut fl-użu tal-mudelli u riskji li jirriżultaw mill-esternalizzazzjoni, u biex jiġu koperti avvenimenti severi ħafna mhux frekwenti. L-istituzzjonijiet għandhom jartikolaw dak li jikkostitwixxi riskju operattiv għall-finijiet ta' dawk il-politiki u l-proċeduri.";

"

(23)  fl-Artikolu 88(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:"

"L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data fuq is-self lil membri tal-korp ta' ġestjoni u l-partijiet relatati tagħhom tkun iddokumentata kif meħtieġ u tkun disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti fuq talba.

Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, it-terminu "parti relatata" ifisser:

(a)  konjugi, sieħeb reġistrat f'konformità mal-liġi nazzjonali, tifel jew tifla jew ġenitur ta' membru tal-korp ta' ġestjoni;

(b)  entità kummerċjali, li fiha membru tal-korp ta' ġestjoni jew membru qrib tal-familja tiegħu jew tagħha kif imsemmi fil-punt (a) ikollu parteċipazzjoni kwalifikanti ta' 10 % jew aktar tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot f'dik l-entità, jew li fiha dawk il-persuni jistgħu jeżerċitaw influwenza sinifikanti, jew li fiha dawk il-persuni jokkupaw pożizzjonijiet ta' maniġment superjuri jew ikunu membri tal-korp ta' ġestjoni.";

"

(24)  fl-Artikolu 89, jiżdied il-paragrafu li ġej:"

"6. Sal-1 ta' Jannar 2021, il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta mal-ABE, l-EIOPA u l-ESMA, għandha tirrieżamina jekk l-informazzjoni msemmija fil-punti (a) sa (f) tal-paragrafu 1 għadhiex adegwata, filwaqt li tqis il-valutazzjonijiet tal-impatt, ftehimiet internazzjonali u żviluppi leġislattivi preċedenti fl-Unjoni, u jekk rekwiżiti ta' aktar informazzjoni rilevanti jistgħux jiġu miżjuda mal-paragrafu 1.

Sat-30 ta' Ġunju 2021, il-Kummissjoni għandha, abbażi tal-konsultazzjoni mal-ABE, mal-EIOPA u mal-ESMA, tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-valutazzjoni msemmija f'dan il-paragrafu u, fejn adatt, tippreżenta proposta leġislattiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.";

"

(25)  L-Artikolu 91 huwa emendat kif ġej:

(a)  il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"1. L-istituzzjonijiet, kumpanniji azzjonarji finanzjarji u kumpanniji azzjonarji finanzjarji mħallta, għandu jkollhom ir-responsabbiltà ewlenija li jiżguraw li l-membri tal-korp ta' ġestjoni għandhom ikunu dejjem ta' reputazzjoni tajba biżżejjed u jkollhom għarfien, ħiliet u esperjenza biżżejjed biex iwettqu d-dmirijiet tagħhom. Il-membri tal-korp ta' ġestjoni għandhom, b'mod partikolari, jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 8.

Fejn membri tal-korp ta' ġestjoni ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan il-paragrafu , l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħa li jneħħu tali membri mill-korp ta' ġestjoni. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jivverifikaw b'mod partikolari jekk għadhomx jiġu sodisfatti r-rekwiżiti stabbiliti f’dan il-paragrafu fejn ikollhom raġunijiet raġonevoli biex jissuspettaw li qed jitwettqu, jew twettqu, jew kien hemm tentattiv li jitwettqu, il-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, jew ikun hemm riskju miżjud ta' dan b'rabta ma' dik l-istituzzjoni.";

"

(b)  il-paragrafi 7 u 8 huma sostitwiti b'dan li ġej:"

"7. Il-korp ta' ġestjoni għandu jkollu għarfien, ħiliet u esperjenza kollettivi adegwati biex ikun jista' jifhem l-attivitajiet tal-istituzzjoni, inklużi r-riskji ewlenin. Il-kompożizzjoni ġenerali tal-korp ta' ġestjoni għandha tirrifletti firxa adegwatament wiesgħa ta' esperjenzi.

8.  Kull membru tal-korp ta' ġestjoni għandu jaġixxi b'onestà, integrità u indipendenza fil-ħsieb biex jivvaluta u jikkontesta b'mod effettiv id-deċiżjonijiet tal-maniġment superjuri fejn meħtieġ u biex jissorvelja u jwettaq monitoraġġ effettiv fuq it-teħid ta' deċiżjonijiet ta' ġestjoni. Li wieħed ikun membru ta' kumpanniji affiljati jew ta' entitajiet affiljati ma jikkostitwixxix fih innisfu ostaklu biex tittieħed azzjoni bl-indipendenza fil-ħsieb.";

"

(c)  fil-paragrafu 12, jiżdied il-punt li ġej:"

"(f) l-applikazzjoni konsistenti tas-setgħa msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1.";

"

(26)  L-Artikolu 92 huwa emendat kif ġej:

(a)  jitħassar il-paragrafu 1;

(b)  il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)  il-parti introduttorja hija sostitwita b'dan li ġej:"

"L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jistabbilixxu u japplikaw il-politiki ta' rimunerazzjoni totali, inkluż is-salarji u l-benefiċċji tal-pensjoni diskrezzjonarji, għal kategoriji ta' persunal ▌ li l-attivitajiet professjonali tiegħu għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni, l-istituzzjonijiet jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin b'mod li jkun adatt għad-daqs tagħhom, għall-organizzazzjoni interna tagħhom, u għan-natura, għall-ambitu u għall-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom:";

"

(ii)  jiddaħħal il-punt li ġej:"

"(aa) il-politika ta' rimunerazzjoni hija politika ta' rimunerazzjoni newtrali fir-rigward tas-sessi;";

"

(c)  jiżdied il-paragrafu li ġej:"

"3. Għall-finijiet tal-paragrafu 2, il-kategoriji ta' persunal li l-attivitajiet professjonali tiegħu għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni għandhom, tal-inqas, jinkludu:

(a)  il-membri kollha tal-korp ta' ġestjoni u tal-maniġment superjuri;

(b)  il-membri tal-persunal b'responsabbiltajiet maniġerjali fuq il-funzjonijiet ta' kontroll jew l-unitajiet tan-negozju materjali tal-istituzzjoni;

(c)  membri tal-persunal intitolati għal rimunerazzjoni sinifikanti fis-sena finanzjarja preċedenti, dment li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(i)  ir-rimunerazzjoni tal-membru tal-persunal tkun ugwali għal jew aktar minn EUR 500 000 u ugwali għal jew aktar mir-rimunerazzjoni medja mogħtija lill-membri tal-korp ta' ġestjoni tal-istituzzjoni u l-maniġment superjuri msemmija fil-punt (a);

(ii)  il-membru tal-persunal iwettaq l-attività professjonali fl-unità tan-negozju materjali u l-attività tkun tat-tip li għandha impatt sinifikanti fuq il-profil tar-riskju rilevanti tal-unità tan-negozju.";

"

(27)  L-Artikolu 94 huwa emendat kif ġej:

(a)  il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)  il-punt (l)(i) jiġi sostitwit b'dan li ġej:"

"(i) ishma jew, soġġetti għall-istruttura legali tal-istituzzjoni kkonċernata, interessi ta' sjieda ekwivalenti; jew strumenti marbuta mal-ishma jew, soġġett għall-istruttura legali tal-istituzzjoni kkonċernata, strumenti ekwivalenti mhux fi flus;";

"

(ii)  il-punt (m) jiġi sostitwit b'dan li ġej:"

''(m) porzjon sostanzjali, u fi kwalunkwe każ tal-anqas 40 % tal-komponent varjabbli tar-rimunerazzjoni jkun iddifferit matul perijodu ta' mhux inqas minn erba' sa ħames snin u jkun allinjat b'mod korrett man-natura tan-negozju, ir-riskji tiegħu u l-attivitajiet tal-membru tal-persunal ikkonċernat. Għal membri tal-korp ta' ġestjoni u l-maniġment superjuri ta' istituzzjonijiet li jkunu sinifikanti f'termini tad-daqs, l-organizzazzjoni interna u n-natura tagħhom, l-ambitu u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom, il-perijodu ta' deferenza jenħtieġ li ma jkunx inqas minn ħames snin.

Ir-rimunerazzjoni li għandha titħallas skont l-arranġamenti ta' differiment m'għandhiex tvesti aktar malajr minn waħda fuq bażi pro-rata. Fil-każ ta' komponent varjabbli tar-rimunerazzjoni ta' ammont partikolarment għoli, tal-inqas 60 % tal-ammont għandu jiġi differit. It-tul tal-perjodu tad-differiment għandu jkun stabbilit f'konformità maċ-ċiklu ekonomiku, in-natura tan-negozju, ir-riskji tiegħu u l-attivitajiet tal-membru tal-persunal ikkonċernat;";

"

(b)  il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"2. L-ABE għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji għall-ispeċifikazzjoni tal-klassijiet tal-istrumenti li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punt (l)(ii) tal-paragrafu 1.

L-ABE għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-31 ta' Marzu 2014.

Għall-fini li jiġi identifikat il-persunal li l-attivitajiet professjonali tiegħu għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 92(3), l-ABE għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li jistabbilixxu l-kriterji biex jiġu definiti dawn li ġejjin:

(a)  responsabbiltà maniġerjali u funzjonijiet ta' kontroll;

(b)  unità tan-negozju materjali u impatt sinifikanti fuq il-profil tar-riskju tal-unità tan-negozju rilevanti; u

(c)  kategoriji oħrajn ta' persunal li ma jissemmewx b'mod espliċitu fl-Artikolu 92(3) li l-attivitajiet professjonali tiegħu għandhom impatt fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet li b'mod komparabbli huwa materjali daqs dak tal-kategoriji ta' persunal imsemmija hemm.

L-ABE għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa … [sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva emendatorja].

Qiegħda tiġi delegata s-setgħa lill-Kummissjoni biex tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel u fit-tielet subparagrafu f'konformità mal-Artikolu 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.";

"

(c)  jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:"

"3. Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (l) u (m) u fit-tieni paragrafu tal-punt (o) ta’ dak il-paragrafu ma għandhomx japplikaw għal:

(a)  istituzzjoni li ma tkunx istituzzjoni kbira kif definita fil-punt (146) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u li l-valur tal-assi tagħha jkun fil-medja u fuq bażi individwali f'konformità ma' din id-Direttiva u r-Regolament (UE) Nru 575/2013 ugwali għal jew inqas minn EUR 5 biljun fuq il-perijodu ta' erba' snin immedjatament qabel is-sena finanzjarja attwali;

(b)  membru tal-persunal li r-rimunerazzjoni varjabbli annwali tiegħu ma taqbiżx EUR 50 000 u ma tirrappreżentax aktar minn terz tar-rimunerazzjoni annwali totali tal-▌membru tal-persunal.

4.  Permezz ta' deroga mill-punt (a) tal-paragrafu 3, Stat Membru jista' jnaqqas jew iżid il-limitu massimu msemmi fih, dment li:

(a)  l-istituzzjoni li b'rabta magħha l-Istat Membru jagħmel użu minn din id-dispożizzjoni ma tkunx istituzzjoni kbira kif definita fil-punt (146) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u, meta l-limitu massimu jiġi miżjud:

(i)  l-istituzzjoni tissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-punt (145)(b), (c) u (d) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013; u

(ii)  il-limitu massimu ma jaqbiżx l-EUR 15-il biljun;

(b)  huwa adatt li jiġi modifikat il-livell massimu f'konformità ma' dan il-paragrafu filwaqt li jittieħed kont tan-natura tal-istituzzjoni, l-ambitu u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħha, l-organizzazzjoni interna tagħha jew, jekk applikabbli, il-karatteristiċi tal-grupp li għalih tappartjeni.

5.  Permezz ta' deroga mill-punt (b) tal-paragrafu 3, Stat Membru jista' jiddeċiedi li l-membri tal-persunal intitolati għal rimunerazzjoni varjabbli annwali ▌ inqas mil-limitu massimu u s-sehem imsemmi f'dak il-punt ma għandhomx ikunu soġġetti għall-eżenzjoni li tinsab fih minħabba speċifiċitajiet tas-suq nazzjonali f'termini ta' prattiki tar-rimunerazzjoni jew minħabba n-natura tar-responsabbiltajiet u l-profil tax-xogħol ta' dawk il-membri tal-persunal.

6.  Sa [erba' snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva emendatorja], il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-ABE, għandha tirrevedi u tirrapporta dwar l-applikazzjoni tal-paragrafi 3 sa 5 u għandha tippreżenta dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill flimkien ma' proposta leġislattiva, jekk adatt.

7.  L-ABE għandha toħroġ linji gwida, f'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-paragrafi 3, 4 u 5 u li jiżguraw l-applikazzjoni konsistenti tagħhom.";

"

(28)  ▌L-Artikolu 97 huwa emendat kif ġej:

(a)  fil-paragrafu 1, jitħassar il-punt (b);

(b)  fil-paragrafu 4, jiżdied is-subparagrafu li ġej:"

"Meta jwettqu rieżami u evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom japplikaw il-prinċipju tal-proporzjonalità f'konformità mal-kriterji żvelati skont il-punt (c) tal-Artikolu 143(1).";

"

(c)  jiddaħħal il-paragrafu li ġej:"

"4a. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jfasslu l-metodoloġiji apposta għall-applikazzjoni tar-rieżami u tal-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu biex iqisu istituzzjonijiet bi profil tar-riskju simili, bħalma huma mudelli tan-negozju jew il-pożizzjonijiet ġeografiċi ta' skoperturi simili. Tali metodoloġiji mfassla apposta jistgħu jinkludu punti ta' riferiment orjentati lejn ir-riskju u indikaturi kwantitattivi, għandhom jippermettu konsiderazzjoni dovuta tar-riskji speċifiċi li tista' tkun esposta għalihom kull istituzzjoni u ma għandhomx jaffettwaw in-natura tal-miżuri speċifiċi għall-istituzzjoni imposti f'konformità mal-Artikolu 104.

Fejn awtoritajiet kompetenti jużaw metodoloġiji mfassla apposta skont dan il-paragrafu, dawn għandhom jinnotifikaw lill-ABE. L-ABE għandha timmonitorja l-prattiki superviżorji u toħroġ linji gwida, f'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, waqt li tispeċifika kif profili tar-riskju simili għandhom jiġu evalwati għall-finijiet ta' dan il-paragrafu u biex tiżgura l-applikazzjoni konsistenti u proporzjonata ta' metodoloġiji madwar l-Unjoni li jkunu mfassla għal istituzzjonijiet simili.";

"

(d)  jiżdied il-paragrafu li ġej:"

"6. Fejn rieżami, b'mod partikolari l-evalwazzjoni tal-arranġamenti ta' governanza, il-mudell tan-negozju, jew l-attivitajiet ta' istituzzjoni, jagħti lill-awtoritajiet kompetenti raġunijiet raġonevoli biex jissuspettaw li, b'rabta ma' dik l-istituzzjoni, qed jitwettqu, jew twettqu, jew kien hemm tentattiv li jitwettqu, il-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, jew ikun hemm riskju miżjud ta' dan, l-awtorità kompetenti għandha immedjatament tinnotifika l-ABE u lill-awtorità jew il-korp li jissorvelja l-istituzzjoni f'konformità mad-Direttiva (UE) 2015/849 u li jkun kompetenti biex jiżgura l-konformità ma' dik id-Direttiva. Fil-każ ta' riskju miżjud potenzjali ta' ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu, l-awtorità kompetenti u l-awtorità jew il-korp li jissorvelja l-istituzzjoni f'konformità mad-Direttiva (UE) 2015/849 u li jkun kompetenti biex jiżgura l-konformità ma' dik id-Direttiva għandhom jikkomunikaw u jinnotifikaw il-valutazzjoni komuni tagħhom immedjatament lill-ABE. L-awtorità kompetenti għandha tieħu, kif adatt, miżuri f'konformità ma' din id-Direttiva.";

"

(29)  L-Artikolu 98 huwa emendat kif ġej:

(a)  fil-paragrafu 1, jitħassar il-punt (j);

(b)  il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"5. Ir-rieżami u l-evalwazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti għandhom jinkludu l-iskopertura tal-istituzzjonijiet għar-riskju ta' ċaqliq fir-rata tal-imgħax minn attivitajiet tal-portafoll mhux tan-negozjar.

Is-setgħat superviżorji għandhom ikunu eżerċitati tal-anqas fil-każijiet li ġejjin:

(a)  fejn il-valur ekonomiku tal-ekwità tal-istituzzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 84(1) jonqos b'aktar minn 15 % tal-kapital tal-Grad 1 tagħha bħala riżultat ta' bidla f'daqqa u mhux mistennija fir-rati tal-imgħax kif stabbilit f'xi wieħed mis-sitt xenarji superviżorji ta' xokk applikati għar-rati tal-imgħax;

(b)  fejn id-dħul mill-imgħax nett tal-istituzzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 84(1) jesperjenza tnaqqis kbir bħala riżultat ta' bidla f'daqqa u mhux mistennija fir-rati tal-imgħax kif stabbilit f'xi wieħed miż-żewġ xenarji superviżorji ta' xokk applikati għar-rati tal-imgħax.

Minkejja t-tieni subparagrafu, l-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx ikunu obbligati jeżerċitaw setgħat superviżorji fejn iqisu, abbażi tar-rieżami u l-evalwazzjoni msemmija f'dan il-paragrafu, li l-ġestjoni mill-istituzzjoni tar-riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax li jirriżulta minn attivitajiet tal-portafoll mhux tan-negozjar tkun adegwata u li l-istituzzjoni ma tkunx eċċessivament esposta għar-riskju ta' ċaqliq fir-rata tal-imgħax minn attivitajiet tal-portafoll mhux tan-negozjar.

Għall-fini ta' dan il-paragrafu, it-terminu "setgħat superviżorji" ifisser is-setgħat imsemmija fl-Artikolu 104(1) jew is-setgħa li jiġu speċifikati preżunzjonijiet ta' mudellar u parametriċi, minbarra dawk identifikati mill-ABE skont il-punt (b) tal-paragrafu 5a ta' dan l-Artikolu, li l-istituzzjonijiet għandhom jirriflettu fil-kalkolu tagħhom tal-valur ekonomiku tal-ekwità skont l-Artikolu 84(1).";

"

(c)  jiddaħħal il-paragrafu li ġej:"

"5a. L-ABE għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji sabiex għall-finijiet tal-paragrafu 5 tispeċifika:

(a)  is-sitt xenarji ta' xokk superviżorji kif imsemmija fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 5 u ż-żewġ xenarji ta' xokk superviżorji kif imsemmija fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 5 li għandhom jiġu applikati għar-rati tal-imgħax għal kull munita;

(b)  fid-dawl ta' standards prudenzjali maqbula internazzjonalment, is-suppożizzjonijiet komuni ta' mudellar u parametriċi, eskluż suppożizzjonijiet ta' mġiba, li l-istituzzjonijiet għandhom jirriflettu fil-kalkoli tagħhom tal-valur ekonomiku tal-ekwità kif imsemmi fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 5, li għandhom ikunu limitati għal:

(i)  it-trattament tal-ekwità stess tal-istituzzjoni;

(ii)  l-inklużjoni, il-kompożizzjoni u l-iskontar tal-flussi ta' flus sensittivi għar-rati tal-imgħax li jirriżultaw mill-assi, l-obbligazzjonijiet u l-entrati li ma jidhrux fil-karta tal-bilanċ tal-istituzzjoni, inkluż it-trattament tal-marġini kummerċjali u komponenti tal-firxa oħra;

(iii)  l-użu ta' mudelli tal-karta tal-bilanċ dinamiċi jew statiċi u t-trattament li jirriżulta minn pożizzjonijiet ammortizzati u dawk li jimmaturaw.

(c)  fid-dawl ta' standards prudenzjali internazzjonalment maqbula, is-suppożizzjonijiet komuni ta' mudellar u parametriċi, eskluż suppożizzjonijiet ta' mġiba, li l-istituzzjonijiet għandhom jirriflettu fil-kalkoli tagħhom tal-valur ekonomiku tal-ekwità kif imsemmija fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 5 li għandhom ikunu limitati għal:

(i)  L-inklużjoni u l-kompożizzjoni tal-flussi ta' flus sensittivi għar-rati tal-imgħax li jirriżultaw mill-assi, l-obbligazzjonijiet u l-entrati li ma jidhrux fil-karta tal-bilanċ tal-istituzzjoni, inkluż it-trattament tal-marġini kummerċjali u komponenti tal-firxa oħra;

(ii)  l-użu ta' mudelli tal-karta tal-bilanċ dinamiċi u/jew statiċi u t-trattament li jirriżulta minn pożizzjonijiet ammortizzati u dawk li jimmaturaw;

(iii)  il-perijodu li matulu għandu jitkejjel l-introjtu nett futur mill-imgħax;

(d)  dak li jikkostitwixxi tnaqqis kbir kif imsemmi fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 5.

L-ABE għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa … [sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva emendatorja].

Qiegħda tiġi delegata s-setgħa lill-Kummissjoni biex tissuplimenta din id-Direttiva billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.";

"

(d)  jiżdied il-paragrafu li ġej:"

"8. L-ABE għandha tivvaluta l-inklużjoni potenzjali fir-rieżami u evalwazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tar-riskji ambjentali, soċjali u ta' governanza (riskji tal-ESG).

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-valutazzjoni tal-ABE għandu jkun fiha tal-inqas dan li ġej:

(a)  l-iżvilupp ta' definizzjoni uniformi ta' riskji tal-ESG, inkluż riskji fiżiċi u riskji ta' transizzjoni; dawn tal-aħħar għandhom jinkludu r-riskji relatati mad-deprezzament minħabba bidliet regolatorji;

(b)  l-iżvilupp ta' kriterji kwalitattivi u kwantitattivi adatti għall-valutazzjoni tal-impatt ta' riskji tal-ESG fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-istituzzjonijiet fit-terminu qasir, medju u twil; tali kriterji għandhom tinkludu proċessi ta' ttestjar għal stress u analiżijiet ta' xenarji biex jiġi valutat l-impatt ta' riskji tal-ESG skont xenarji b'severitajiet differenti;

(c)  l-arranġamenti, il-proċessi, il-mekkaniżmi u l-istrateġiji li għandhom jiġu implimentati mill-istituzzjonijiet biex jiġu identifikati, valutati u ġestiti r-riskji tal-ESG;

(d)  il-metodi u l-għodod ta' analiżi biex jivvalutaw l-impatt ta' riskji tal-ESG fuq is-self u l-attivitajiet ta' intermedjazzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet.

L-ABE għandha tippreżenta rapport dwar is-sejbiet tagħha lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa …[sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva emendatorja].

Abbażi tal-eżiti tar-rapport tagħha, l-ABE tista', jekk adatt, toħroġ linji gwida, f'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, rigward l-inklużjoni uniformi tar-riskji tal-ESG fil-proċess ta' reviżjoni u ta' evalwazzjoni superviżorji mwettaq mill-awtoritajiet kompetenti.";

"

(30)  fl-Artikolu 99(2), jitħassar il-punt (b);

(31)  L-Artikolu 103 jitħassar;

(32)  L-Artikolu 104 huwa emendat kif ġej:

(a)  il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b'dan li ġej:"

"1. Għall-finijiet tal-Artikolu 97, tal-Artikolu 98(4) u (5), tal-Artikolu 101(4) u tal-Artikolu 102 u tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-awtoritajiet kompetenti għandhom tal-anqas ikollhom is-setgħa li:

(a)  jirrikjedu li l-istituzzjonijiet ikollhom fondi proprji addizzjonali li jaqbżu r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013, skont il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 104a;

(b)  jirrikjedu r-rinforz tal-arranġamenti, il-proċessi, il-mekkaniżmi u l-istrateġiji implimentati f'konformità mal-Artikoli 73 u 74;

(c)  jirrikjedu li l-istituzzjonijiet jippreżentaw pjan biex tiġi stabbilita mill-ġdid il-konformità mar-rekwiżiti superviżorji skont din id-Direttiva u r-Regolament (UE) Nru 575/2013 u jistabbilixxu skadenza għall-implimentazzjoni tiegħu, inkluż għat-titjib għal dak il-pjan rigward l-ambitu u l-iskadenza;

(d)  jirrikjedu li l-istituzzjonijiet japplikaw politika speċifika ta' proviżjonament jew it-trattament tal-assi fir-rigward tar-rekwiżiti ta' fondi proprji;

(e)  jirrikjedu jew jillimitaw in-negozju, l-attivitajiet jew in-netwerk tal-istituzzjonijiet jew li jitolbu ċ-ċessjoni tal-attivitajiet li joħolqu riskji eċċessivi għas-sodezza ta' istituzzjoni;

(f)  jirrikjedu t-tnaqqis tar-riskju inerenti fl-attivitajiet, il-prodotti u s-sistemi tal-istituzzjonijiet, inkluż attivitajiet esternalizzati;

(g)  jirrikjedu li l-istituzzjonijiet jillimitaw ir-rimunerazzjoni varjabbli bħala perċentwal tad-dħul nett fejn ma tkunx konsistenti maż-żamma ta' bażi kapitali soda;

(h)  jirrikjedu li l-istituzzjonijiet jużaw il-profitti netti biex isaħħu l-fondi proprji;

(i)  jirrestrinġu jew jipprojbixxu d-distribuzzjonijiet jew il-pagamenti tal-imgħax minn istituzzjoni lill-azzjonisti, il-membri jew id-detenturi tal-istrumenti tal-Grad 1 Addizzjonali fejn il-projbizzjoni ma tikkostitwixxix każ ta' inadempjenza mill-istituzzjoni;

(j)  jimponu rekwiżiti ta' rappurtar addizzjonali jew aktar frekwenti, inkluż rappurtar dwar il-fondi proprji, likwidità u lieva;

(k)  jimponu rekwiżiti speċifiċi ta' likwidità, inkluż restrizzjonijiet fuq id-diskrepanzi fil-maturità bejn l-assi u l-obbligazzjoni;

(l)  jirrikjedu żvelar addizzjonali ▌.

2.  Għall-finijiet tal-punt (j) tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu biss jimponu obbligi ta' rapportar addizzjonali jew aktar spissi fuq l-istituzzjonijiet fejn l-informazzjoni rilevanti hija adatta u proporzjonata fir-rigward tal-għan li għalih l-informazzjoni addizzjonali tkun meħtieġa u ma tkunx duplikata l-informazzjoni mitluba.

Għall-finijiet tal-Artikoli 97 sa 102, kwalunkwe informazzjoni addizzjonali ▌ li tista' tkun meħtieġa mill-istituzzjonijiet għandha titqies bħala duplikattiva ▌fejn l-istess jew sostanzjalment l-istess informazzjoni tkun diġà ġiet irrappurtata mod ieħor lill-awtorità kompetenti jew tista' tiġi prodotta mill-awtorità kompetenti ▌.

L-awtorità kompetenti m'għandhiex teħtieġ li istituzzjoni tirrapporta informazzjoni addizzjonali fejn hija tkun preċedentement irċevietha f'format jew livell ta' granularità differenti u dak il-format jew il-granularità differenti ma jżommx lill-awtorità kompetenti milli tipproduċi informazzjoni tal-istess kwalità u affidabbiltà bħal dik prodotta fuq il-bażi tal-informazzjoni addizzjonali li nkella tiġi rappurtata mod ieħor.";

"

(b)  jitħassar il-paragrafu 3;

(33)  jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:"

"Artikolu 104a

Rekwiżiti ta' fondi proprji addizzjonali

1.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom jimponu r-rekwiżiti ta' fondi proprji addizzjonali msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 104(1) ▌ fejn, abbażi tar-rieżamijiet imwettqa f'konformità mal-Artikoli 97 u 101, dawn jiddeterminaw xi waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin għal istituzzjoni individwali:

(a)  l-istituzzjoni tkun esposta għal riskji jew għal elementi ta' riskju li mhumiex koperti jew li mhumiex koperti biżżejjed, kif speċifikat fil-paragrafu 2, mir-rekwiżiti ta' fondi proprji stabbiliti fil-Partijiet Tlieta, Erbgħa, u Sebgħa tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u fil-Kapitolu 2 tar-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*;

(b)  l-istituzzjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 73 u 74 ta' din id-Direttiva jew fl-Artikolu 393 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u jkun improbabbli li miżuri superviżorji oħrajn ikunu biżżejjed biex jiżguraw li dawk ir-rekwiżiti jistgħu jiġu sodisfatti f'perijodu ta' żmien adatta;

(c)  l-aġġustamenti msemmija fl-Artikolu 98(4) jitqiesu bħala insuffiċjenti sabiex l-istituzzjoni tkun tista' tbigħ jew tiħħeġġja l-pożizzjonijiet tagħha f'perijodu qasir bla ma ġġarrab telf materjali f'kondizzjonijiet normali tas-suq;

(d)  l-evalwazzjoni mwettqa f'konformità mal-Artikolu 101(4) turi li n-nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti għall-applikazzjoni tal-approċċ permess aktarx li jwassal għal rekwiżiti ta' fondi proprji inadegwati;

(e)  l-istituzzjoni ripetutament tonqos milli tistabbilixxi jew iżżomm livell adegwat ta' fondi proprji addizzjonali biex tkopri l-gwida kkomunikata f'konformità mal-Artikolu 104b(3);

(f)  sitwazzjonijiet oħrajn speċifiċi għall-istituzzjoni li jitqiesu bħala li jqajmu tħassib superviżorju materjali mill-awtorità kompetenti.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom biss jimponu r-rekwiżiti ta' fondi proprji addizzjonali msemmija fl-Artikolu 104(1)(a) biex ikopru r-riskju mġarrab mill-istituzzjonijiet individwali minħabba l-attivitajiet tagħhom, inkluż dawk li jirriflettu l-impatt ta' ċerti fatturi ekonomiċi jew żviluppi tas-suq fuq il-profil tar-riskju ta' istituzzjoni individwali.

2.  Għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, ir-riskji jew l-elementi ta' riskju għandhom jiġu kkunsidrati mhux koperti jew mhux koperti biżżejjed mir-rekwiżiti ta' fondi proprji stipulati fil-Partijiet Tlieta, Erbgħa u Sebgħa tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u fil-Kapitolu 2 tar-Regolament (UE) 2017/2402 biss fejn l-ammonti, it-tipi u d-distribuzzjoni tal-kapital meqjusa adegwati mill-awtorità kompetenti, wara li jikkunsidraw ir-rieżami superviżorju tal-valutazzjoni mwettqa mill-istituzzjonijiet f'konformità mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 73 ta’ din id-Direttiva jkunu ogħla mir-rekwiżiti ta' fondi proprji tal-istituzzjoni stabbiliti fil-Partijiet Tlieta, Erbgħa u Sebgħa tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u fil-Kapitolu 2 tar-Regolament (UE) 2017/2402.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw, b'kont meħud tal-profil tar-riskju ta' kull istituzzjoni individwali, ir-riskji li għalihom hija esposta l-istituzzjoni, inkluż:

(a)  riskji speċifiċi għall-istituzzjoni jew elementi ta' tali riskji li huma esklużi b'mod espliċitu, jew li mhumiex espliċitament indirizzati, mir-rekwiżiti ta' fondi proprji stabbiliti fil-Partijiet Tlieta, Erbgħa u Sebgħa tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u fil-Kapitolu 2 tar-Regolament (UE) 2017/2402;

(b)  riskji speċifiċi għall-istituzzjoni jew elementi ta' tali riskji li x'aktarx ikunu sottovalutati minkejja l-konformità mar-rekwiżiti applikabbli stabbiliti fil-Partijiet Tlieta, Erbgħa u Sebgħa tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u fil-Kapitolu 2 tar-Regolament (UE) 2017/2402.

Sa fejn ir-riskji jew l-elementi ta' riskju jkunu soġġetti għal arranġamenti tranżizzjonali jew dispożizzjonijiet ta' anterjorità stipulati f'din id-Direttiva jew fir-Regolament (UE) Nru 575/2013, huma m'għandhomx jitqiesu li huma riskji jew elementi ta' tali riskji li x'aktarx ikunu sottovalutati minkejja l-konformità mar-rekwiżiti applikabbli stabbiliti fil-Partijiet Tlieta, Erbgħa u Sebgħa tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u fil-Kapitolu 2 tar-Regolament (UE) 2017/2402.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-kapital meqjus adegwat għandu jkopri r-riskji jew l-elementi kollha ta' riskji identifikati bħala materjali skont il-valutazzjoni prevista fit-tieni subparagrafu li mhumiex koperti jew mhumiex koperti biżżejjed mir-rekwiżiti ta' fondi proprji stabbiliti fil-Partijiet Tlieta, Erbgħa u Sebgħa tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u fil-Kapitolu 2 tar-Regolament (UE) 2017/2402.

Ir-riskju ta' ċaqliq fir-rata tal-imgħax li jirriżulta minn pożizzjonijiet tal-portafoll mhux tan-negozjar jista' jitqies bħala materjali tal-anqas fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 98(5), sakemm l-awtoritajiet kompetenti, fit-twettiq tar-rieżami u tal-evalwazzjoni, ma jaslux għall-konklużjoni li l-ġestjoni mill-istituzzjoni tar-riskju ta' ċaqliq fir-rata tal-imgħax minn attivitajiet tal-portafoll mhux tan-negozjar tkun adegwata u li l-istituzzjoni ma tkunx eċċessivament esposta għar-riskju ta' ċaqliq fir-rata tal-imgħax minn attivitajiet tal-portafoll mhux tan-negozjar.

3.  Fejn fondi proprji addizzjonali huma meħtieġa biex jindirizzaw riskji oħra minbarra r-riskju ta' lieva finanzjarja eċċessiva mhux koperti biżżejjed mill-punt (d) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeterminaw il-livell tal-fondi proprji addizzjonali meħtieġa skont il-punt (a) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ta' din id-Direttiva bħala d-differenza bejn il-kapital meqjus adegwat skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu u r-rekwiżiti ta' fondi proprji rilevanti stabbiliti fil-Partijiet Tlieta u Erbgħa tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u fil-Kapitolu 2 tar-Regolament (UE) 2017/2402.

Fejn fondi proprji addizzjonali huma meħtieġa biex jindirizzaw ir-riskju ta' lieva finanzjarja eċċessiva mhux koperti biżżejjed mill-punt (d) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeterminaw il-livell tal-fondi proprji addizzjonali meħtieġa skont il-punt (a) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu bħala d-differenza bejn il-kapital meqjus adegwat skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu u r-rekwiżiti ta' fondi proprji rilevanti stabbiliti fil-Partijiet Tlieta u Sebgħa tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

4.  L-istituzzjoni għandha tagħmel tajjeb għar-rekwiżit tal-fondi proprji addizzjonali imposti mill-awtorità kompetenti taħt il-punt (a) tal-Artikolu 104(1) mal-fondi proprji li jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)  tal-anqas tliet kwarti mir-rekwiżit ta' fondi proprji addizzjonali għandhom jissodisfaw il-kapital tal-Grad 1;

(b)  tal-anqas tliet kwarti mill-kapital tal-Grad 1 imsemmi fil-punt (a) għandhom ikunu komposti mill-kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni.

Permezz ta' deroga mill-ewwel subparagrafu, l-awtorità kompetenti tista' teħtieġ li l-istituzzjoni tissodisfa r-rekwiżit tagħha ta' fondi proprji addizzjonali b'sehem akbar ta' kapital tal-Grad 1 jew ta' kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni, fejn ikun meħtieġ, u b'kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-istituzzjoni.

Fondi proprji li jintużaw biex jagħmlu tajjeb għar-rekwiżit tal-fondi proprji addizzjonali msemmijin fil-punt (a) tal-Artikolu 104(1) ta' din id-Direttiva impost mill-awtoritajiet kompetenti biex jindirizzaw riskji minbarra r-riskju ta' lieva finanzjarja eċċessiva ma għandhomx jintużaw biex jissodisfaw l-ebda wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)  ir-rekwiżiti ta' fondi proprji stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(b)  ir-rekwiżit ta' riżerva kombinata;

(c)  il-gwida dwar fondi proprji addizzjonali msemmija fl-Artikolu 104b(3) ta' din id-Direttiva fejn dik il-gwida tindirizza riskji oħra minbarra r-riskju ta' lieva finanzajrja eċċessiva.

Fondi proprji li jintużaw biex jagħmlu tajjeb għar-rekwiżit tal-fondi proprji addizzjonali msemmijin fil-punt (a) tal-Artikolu 104(1) ta' din id-Direttiva impost mill-awtoritajiet kompetenti biex jindirizzaw ir-riskju ta' lieva finanzjarja eċċessiva li mhux kopert suffiċjentement mill-punt (d) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 ma għandhomx jintużaw biex jissodisfaw l-ebda wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)  ir-rekwiżit ta' fondi proprji stabbilit fil-punti (d) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(b)  ir-rekwiżit ta' riżerva għall-proporzjon ta' lieva finanzjarja msemmi fl-Artikolu 92(1a) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(c)  il-gwida dwar fondi proprji addizzjonali msemmija fl-Artikolu 104b(3) ta' din id-Direttiva, fejn dik il-gwida tindirizza r-riskji ta' lieva finanzjarja eċċessiva.

5.  L-awtorità kompetenti għandha debitament tiġġustifika bil-miktub lil kull istituzzjoni d-deċiżjoni li timponi rekwiżit ta' fondi proprji addizzjonali skont il-punt (a) tal-Artikolu 104(1), tal-anqas billi tagħti rendikont ċar tal-valutazzjoni sħiħa tal-elementi msemmija fil-paragrafi 1 sa 4 ta’ dan l-Artikolu. Dik il-ġustifikazzjoni għandha tinkludi, fil-każ stabbilit fil-punt (e) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, dikjarazzjoni speċifika tar-raġunijiet li għalihom l-impożizzjoni ta' ▌gwida dwar il-fondi proprji addizzjonali m'għadhiex meqjusa bħala suffiċjenti.

Artikolu 104b

Gwida dwar il-fondi proprji addizzjonali

1.  Skont l-istrateġiji u l-proċessi msemmija fl-Artikolu 73, l-istituzzjonijiet għandhom jistabbilixxu l-kapital intern tagħhom f'livell adegwat ta' fondi proprji li jkun biżżejjed biex ikopri r-riskji kollha li istituzzjoni tkun esposta għalihom u jiżguraw li l-fondi proprji tal-istituzzjoni jkunu jistgħu jassorbu ▌ telf potenzjali li jirriżulta minn xenarji ta' stress, inkluż dawk identifikati fit-test tal-istress superviżorju msemmi fl-Artikolu 100.

2.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrieżaminaw b'mod regolari l-livell tal-kapital intern stabbilit minn kull istituzzjoni f'konformità mal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu bħala parti mir-rieżamijiet u tal-evalwazzjonijiet imwettqa f'konformità mal-Artikoli 97 u 101, inkluż ir-riżultati tat-testijiet ta' stress msemmija fl-Artikolu 100.

Skont dak ir-rieżami, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeterminaw għal kull istituzzjoni l-livell globali tal-fondi proprji tagħhom li jqisu adatt.

3.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkomunikaw il-gwida tagħhom dwar il-fondi proprji addizzjonali lill-istituzzjonijiet.

Il-gwida dwar il-fondi proprji addizzjonali għandha tikkonsisti mill-fondi proprji li jaqbżu l-ammont rilevanti ta' fondi proprji meħtieġ skont il-partijiet Tlieta, Erbgħa u Sebgħa tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, il-Kapitolu 2 tar-Regolament (UE) 2017/2402, il-punt (a) tal-Artikolu 104(1) u l-punt (6) tal-Artikolu 128 ta' din id-Direttiva jew skont l-Artikolu 92(1a) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, kif rilevanti, li huma meħtieġa biex jintlaħaq il-livell globali ta' fondi proprji meqjus adatt mill-awtoritajiet kompetenti skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

4.  Il-gwida tal-awtoritajiet kompetenti dwar il-fondi proprji addizzjonali skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu ▌għandha tkun speċifika għall-istituzzjoni. Il-gwida tista' tkopri r-riskji indirizzati mir-rekwiżit tal-fondi proprji addizzjonali impost skont il-punt (a) tal-Artikolu 104(1) biss sal-punt li tkopri aspetti ta' dawk ir-riskji li mhumiex diġà koperti taħt dak ir-rekwiżit.

5.  Il-fondi proprji li jintużaw biex jagħmlu tajjeb għall-gwida dwar il-fondi proprji addizzjonali kkomunikati skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu biex jindirizzaw riskji minbarra r-riskju ta' lieva finanzjarja eċċessiva ma għandhomx jintużaw biex jissodisfaw l-ebda wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)  ir-rekwiżiti tal-fondi proprji stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(b)  ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 104a ta' din id-Direttiva impost mill-awtoritajiet kompetenti biex jindirizza riskji oħra minbarra r-riskju ta' lieva finanzjarja eċċessiva u r-rekwiżit ta' riżerva kombinata.

Il-fondi proprji li jintużaw biex tintlaħaq il-gwida dwar fondi proprji addizzjonali kkomunikata skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu biex tindirizza r-riskju ta' lieva finanzjarja eċċessiva ma għandhomx jintużaw biex jiġi ssodisfat r-rekwiżit ta' fondi proprji stabbilit fil-punt (d) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 104a ta' din id-Direttiva impost mill-awtoritajiet kompetenti biex jindirizza r-riskju ta' lieva finanzjarja eċċessiva u r-rekwiżit ta' riżerva għall-proporzjon ta' lieva finanzjarja msemmi fl-Artikolu 92(1a) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

6.  In-nuqqas li tiġi ssodisfata l-gwida msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu fejn istituzzjoni tissodisfa r-rekwiżiti rilevanti tal-fondi proprji stabbiliti fil-Parti Tlieta, Erbgħa u Sebgħa tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, u fil-Kapitolu 2 tar-Regolament (UE) 2017/2402, ir-rekwiżit għal fondi proprji addizzjonali msemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 104(1) ta' din id-Direttiva u, kif rilevanti, ir-rekwiżit ta' riżerva kombinata jew ir-rekwiżit ta' riżerva għall-proporzjon ta' lieva finanzjarja msemmi fl-Artikolu 92(1a) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 m'għandhomx jiskattaw ir-restrizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 141 jew l-Artikolu 141b ta' din id-Direttiva.

Artikolu 104c

Kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni

▌L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni rilevanti dwar ir-rekwiżit ta' fondi proprji addizzjonali impost fuq l-istituzzjonijiet skont il-punt (a) tal-Artikolu 104(1) u dwar kwalunkwe gwida dwar fondi proprji addizzjonali kkomunikata lill-istituzzjonijiet skont l-Artikolu 104b(3).

__________________

* Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35).";

"

(34)  fl-Artikolu 105, jitħassar il-punt (d);

(35)  fl-Artikolu 108, jitħassar il-paragrafu 3;

(36)  l-Artikolu 109 huwa emendat kif ġej:

(a)  il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b'dawn li ġejjin:"

"2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jeħtieġu li l-impriża prinċipali u s-sussidjarji soġġetti għal din id-Direttiva jissodisfaw l-obbligi stabbiliti fit-Taqsima II ta' dan il-Kapitolu fuq bażi konsolidata jew subkonsolidata, sabiex jiżguraw li l-arranġamenti, il-proċessi u l-mekkaniżmi meħtieġa mit-Taqsima II ta' dan il-Kapitolu huma konsistenti u integrati sew u li jistgħu jiġu prodotti kwalunkwe data u informazzjoni rilevanti għall-fini ta' superviżjoni. B'mod partikolari, għandhom jiżguraw li l-impriżi prinċipali u s-sussidjarji soġġetti għal din id-Direttiva jimplimentaw dawk l-arranġamenti, il-proċessi u l-mekkaniżmi fis-sussidjarji tagħhom mhux soġġetti għal din id-Direttiva, inklużi dawk stabbiliti f'ċentri finanzjarji offshore. Dawk l-arranġamenti, il-proċessi u l-mekkaniżmi għandhom ikunu wkoll konsistenti u integrati sew u dawk is-sussidjarji għandhom ikunu wkoll kapaċi jipproduċu kwalunkwe data u informazzjoni rilevanti għall-fini ta' superviżjoni. Impriżi sussidjarji li mhumiex huma stess soġġetti għal din id-Direttiva għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti speċifiċi għas-settur tagħhom fuq bażi individwali.

3.  L-obbligi li jirriżultaw mit-Taqsima II ta' dan il-Kapitolu rigward l-impriżi sussidjarji li mhumiex huma stess soġġetti għal din id-Direttiva ma għandhomx japplikaw jekk l-istituzzjoni prinċipali tal-UE tista' turi lill-awtoritajiet kompetenti li l-applikazzjoni tat-Taqsima II hija illegali skont il-liġijiet tal-pajjiż terz fejn hija stabbilita s-sussidjarja.";

"

(b)  jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:"

"4. Ir-rekwiżiti tar-rimunerazzjoni stabbiliti fl-Artikoli 92, 94 u 95 ma għandhomx japplikaw fuq bażi konsolidata għal kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)  impriżi sussidjarji stabbiliti fl-Unjoni fejn huma soġġetti għal rekwiżiti ta' rimunerazzjoni speċifiċi f'konformità ma' atti legali oħra tal-Unjoni;

(b)  impriżi sussidjarji stabbiliti f'pajjiż terz fejn dawn jiġu soġġetti għal rekwiżiti ta' rimunerazzjoni speċifiċi f'konformità ma' atti legali oħra tal-Unjoni li kieku ġew stabbiliti fl-Unjoni.

5.  B'deroga mill-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, u sabiex tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni tar-regoli stabbiliti fl-Artikoli 92, 94 u 95, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 92, 94 u 95 japplikaw għall-membri tal-persunal tas-sussidjarji li mhumiex soġġetti għal din id-Direttiva fuq bażi individwali fejn:

a)  is-sussidjarja jew huwa kumpannija tal-ġestjoni tal-assi, jew impriża li tipprovdi s-servizzi u l-attivitajiet ta' investiment elenkati fil-punti (2), (3), (4), (6) u (7) tat-Taqsima A tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE; u

b)  dawk il-membri tal-persunal ingħataw mandat biex iwettqu attivitajiet professjonali li għandhom impatt materjali dirett fuq il-profil tar-riskju jew in-negozju tal-istituzzjonijiet fi ħdan il-grupp.

6.  Minkejja il-paragrafi 4 u 5 ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu japplikaw l-Artikoli 92, 94 u 95 fuq bażi konsolidata għal ambitu usa' ta' impriżi sussidjarji u l-persunal tagħhom.'';

"

(37)  L-Artikolu 111 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

''Artikolu 111

Determinazzjoni tas-superviżur konsolidanti

1.  Meta impriża prinċipali tkun istituzzjoni prinċipali ta' kreditu fi Stat Membru jew istituzzjoni prinċipali ta' kreditu tal-UE, is-superviżjoni fuq bażi kkonsolidata għandha titwettaq mill-awtorità kompetenti li tissorvelja lil dik l-istituzzjoni prinċipali ta' kreditu fl-Istat Membru jew dik l-istituzzjoni prinċipali ta' kreditu tal-UE fuq bażi individwali.

Meta impriża prinċipali tkun kumpannija prinċipali ta' investiment fi Stat Membru jew kumpannija prinċipali ta' investiment tal-UE u l-ebda sussidjarju tagħha ma jkun istituzzjoni ta' kreditu, is-superviżjoni fuq bażi kkonsolidata għandha titwettaq mill-awtorità kompetenti li tissorvelja lil dik l-impriża prinċipali ta' investiment fl-Istat Membru jew dik l-impriża prinċipali ta' investiment tal-UE fuq bażi individwali.

Meta impriża prinċipali tkun kumpannija prinċipali ta' investiment fi Stat Membru jew ditta prinċipali ta' investiment tal-UE, u mill-anqas sussidjarju wieħed tagħha jkun istituzzjoni ta' kreditu, is-superviżjoni fuq bażi kkonsolidata għandha titwettaq mill-awtorità kompetenti tal-istituzzjoni ta' kreditu, jew fejn ikun hemm diversi istituzzjonijiet ta' kreditu, mill-istituzzjoni ta' kreditu bl-akbar total fil-karta tal-bilanċ.

2.  Fejn l-omm ta' istituzzjoni tkun kumpannija azzjonarja finanzjarja prinċipali fi Stat Membru, jew kumpannija azzjonarja finanzjarja prinċipali mħallta fi Stat Membru, jew kumpannija azzjonarja finanzjarja prinċipali fl-UE, jew kumpannija azzjonarja finanzjarja prinċipali mħallta fl-UE, is-sorveljanza fuq bażi konsolidata għandha tiġi eżerċitata mill-awtorità kompetenti li tissorvelja l-istituzzjoni fuq bażi individwali.

3.  Fejn żewġ istituzzjonijiet jew aktar awtorizzati fl-Unjoni jkollhom l-istess kumpannija azzjonarja finanzjarja prinċipali fi Stat Membru, jew kumpannija azzjonarja finanzjarja prinċipali mħallta fi Stat Membru, jew kumpannija azzjonarja finanzjarja prinċipali fl-UE, jew kumpannija azzjonarja finanzjarja prinċipali mħallta fl-UE, is-sorveljanza fuq bażi konsolidata għandha tiġi eżerċitata minn:

(a)  l-awtorità kompetenti tal-istituzzjoni ta' kreditu fejn ikun hemm istituzzjonijiet ta' kreditu waħda biss fi ħdan il-grupp;

(b)  l-awtorità kompetenti tal-istituzzjoni ta' kreditu bl-akbar total fil-karta tal-bilanċ, fejn ikun hemm diversi istituzzjonijiet ta' kreditu fi ħdan il-grupp; jew

(c)  l-awtorità kompetenti tad-ditta ta' investiment bl-akbar total fil-karta tal-bilanċ, fejn il-grupp ma jinkludi l-ebda istituzzjoni ta' kreditu.

4.  Fejn il-konsolidazzjoni tkun meħtieġa skont l-Artikolu 18(3) jew (6) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, is-superviżjoni fuq bażi konsolidata għandha tiġi eżerċitata mill-awtorità kompetenti tal-istituzzjoni ta' kreditu bl-akbar total fil-karta tal-bilanċ jew, fejn fil-grupp ma jkun hemm l-ebda istituzzjonijiet ta' kreditu, mill-awtorità kompetenti tad-ditta ta' investiment bl-akbar total fil-karta tal-bilanċ.

5.  B'deroga mit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1, mill-punt (b) tal-paragrafu 3 u mill-paragrafu 4, fejn awtorità kompetenti tissorvelja fuq bażi individwali aktar minn istituzzjoni ta' kreditu waħda fi ħdan grupp, is-superviżur konsolidanti għandu jkun l-awtorità kompetenti li tissorvelja fuq bażi individwali istituzzjoni ta' kreditu waħda jew aktar, fi ħdan il-grupp fejn it-totali magħduda flimkien fil-karti tal-bilanċ ta' dawk l-istituzzjonijiet ta' kreditu ssorveljati jkunu ogħla minn dawk tal-istituzzjonijiet ta' kreditu ssorveljati fuq bażi individwali minn kwalunkwe awtorità kompetenti oħra.

B'deroga mil-punt (c) tal-paragrafu 3, fejn awtorità kompetenti tissorvelja fuq bażi individwali aktar minn ditta tal-investiment waħda fi ħdan grupp, is-superviżur konsolidanti għandu jkun l-awtorità kompetenti li tissorvelja fuq bażi individwali ditta waħda jew aktar tal-investiment fi ħdan il-grupp bl-akbar total aggregat fil-karta tal-bilanċ.

6.  F'każijiet partikolari, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrinunzjaw bi ftehim komuni l-kriterji msemmija fil-paragrafi 1, 3 u 4 u jaħtru awtorità kompetenti differenti biex fuq bażi konsolidata teżerċita s-sorveljanza fejn l-applikazzjoni tal-kriterji msemmijin fiha ma tkunx adatta, filwaqt li jittieħed kont tal-istituzzjonijiet ikkonċernati u tal-importanza relattiva tal-attivitajiet tagħhom fl-Istati Membri rilevanti, jew tal-ħtieġa li tiġi żgurata l-kontinwità tas-superviżjoni fuq bażi konsolidata mill-istess awtorità kompetenti. F'każijiet bħal dawn, l-istituzzjoni prinċipali tal-UE, il-kumpannija azzjonarja finanzjarja prinċipali tal-UE, il-kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta prinċipali tal-UE jew l-istituzzjoni bl-akbar total fil-karta tal-bilanċ, kif applikabbli, għandu jkollha d-dritt li tinstema' qabel l-awtoritajiet kompetenti jieħdu deċiżjoni.

7.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u l-ABE mingħajr dewmien rigward kwalunkwe ftehim li jaqa' fl-ambitu tal-paragrafu 6.";

"

(38)  l-Artikolu 113 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

Artikolu 113

Deċiżjonijiet konġunti dwar rekwiżiti prudenzjali speċifiċi għall-istituzzjoni

1.  Is-superviżur konsolidanti u l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-superviżjoni tas-sussidjarji ta' istituzzjoni prinċipali tal-UE jew kumpannija azzjonarja finanzjarja prinċipali tal-UE jew kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta prinċipali tal-UE ▌ għandhom jagħmlu kull ma jistgħu sabiex jaslu għal deċiżjoni konġunta:

(a)  dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 73 u 97 sabiex jistabbilixxu l-adegwatezza tal-livell konsolidat ta' fondi proprji miżmum mill-grupp ta' istituzzjonijiet fir-rigward tas-sitwazzjoni finanzjarja u l-profil tar-riskju tiegħu u l-livell meħtieġ ta' fondi proprji għall-applikazzjoni tal-punt (a) tal-Artikolu 104(1) għal kull entità fi ħdan il-grupp ta' istituzzjonijiet u fuq bażi konsolidata;

(b)  dwar il-miżuri sabiex jiġu indirizzati kwalunkwe kwistjoni sinifikanti u sejba materjali relatati mas-superviżjoni tal-likwidità inklużi dawk relatati mal-adegwatezza tal-organizzazzjoni u mat-trattament tar-riskji kif meħtieġ skont l-Artikolu 86 u relatati mal-bżonn ta' rekwiżiti tal-likwidità speċifiċi għall-istituzzjonijiet f'konformità mal-Artikolu 105;

(c)  rigward kwalunkwe gwida dwar fondi proprji addizzjonali msemmijin fl-Artikolu 104b(3).

2.  Għandhom jintlaħqu d-deċiżjonijiet konġunti msemmija fil-paragrafu 1:

(a)  għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, fi żmien erba' xhur mis-sottomissjoni mis-superviżur konsolidanti ta' rapport li fih il-valutazzjoni tar-riskju tal-grupp ta' istituzzjonijiet f'konformità mal-Artikolu 104a lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti l-oħra;

(b)  għall-finijiet tal-punt (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, fi żmien erba' xhur mis-sottomissjoni mis-superviżur konsolidanti ta' rapport li fih il-valutazzjoni tal-profil tar-riskju ta' likwidità tal-grupp ta' istituzzjonijiet f'konformità mal-Artikoli 86 u 105;

(c)  għall-finijiet tal-punt (c) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, fi żmien erba' xhur mis-sottomissjoni mis-superviżur konsolidanti ta' rapport li fih il-valutazzjoni tar-riskju tal-grupp ta' istituzzjonijiet f'konformità mal-Artikolu 104b.

Id-deċiżjonijiet konġunti msemmijin fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jikkunsidraw kif adatt ukoll il-valutazzjoni tar-riskju tas-sussidjarji mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti f'konformità mal-Artikoli 73, 97, 104a u 104b.

Id-deċiżjonijiet konġunti msemmijin fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 għandhom ikunu stabbiliti f'dokumenti li fihom ir-raġunijiet sħaħ li għandhom jiġu pprovduti lill-istituzzjoni prinċipali tal-UE mis-superviżur konsolidanti. F'każ ta' nuqqas ta' qbil, fuq it-talba ta' kwalunkwe awtorità kompetenti oħra kkonċernata, is-superviżur konsolidanti għandu jikkonsulta lill-ABE. Is-superviżur konsolidanti jista' jikkonsulta lill-ABE fuq inizjattiva tiegħu stess.

3.  Fin-nuqqas ta' tali deċiżjoni konġunta bejn l-awtoritajiet kompetenti fi ħdan il-perijodi ta' żmien imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 73, 86 u 97, il-punt (a) tal-Artikolu 104(1), tal-Artikolu 104b u tal-Artikolu 105 ta' din id-Direttiva għandha tittieħed fuq bażi konsolidata mis-superviżur konsolidanti wara kunsiderazzjoni adatta tal-valutazzjoni tar-riskju tas-sussidjarji mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti. Jekk, fi tmiem il-perijodi ta' żmien imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati tkun irriferiet il-kwistjoni lill-ABE skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, is-superviżur konsolidanti għandu jiddiferixxi d-deċiżjoni tiegħu u jistenna kwalunkwe deċiżjoni li tista' tieħu l-ABE skont l-Artikolu 19(3) ta' dak ir-Regolament, u għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu f'konformità mad-deċiżjoni tal-ABE. Il-perijodi ta' żmien imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jitqiesu bħala l-perijodi ta' konċiljazzjoni skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010. L-ABE għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha fi żmien xahar mill-wasla tar-riferiment lill-ABE. Il-kwistjoni ma għandhiex tiġi riferita lill-ABE wara tmiem il-perijodu ta' erba' xhur jew wara li tkun intlaħqet deċiżjoni konġunta.

Id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 73, 86 u 97, il-punt (a) tal-Artikolu 104(1), tal-Artikolu 104b u tal-Artikolu 105 ta' din id-Direttiva għandha tittieħed mill-awtoritajiet kompetenti rispettivi responsabbli għas-superviżjoni tas-sussidjarji ta' istituzzjoni ta' kreditu prinċipali tal-UE jew ta' kumpannija azzjonarja finanzjarja prinċipali tal-UE jew ta' kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta prinċipali tal-UE fuq bażi individwali jew subkonsolidata wara kunsiderazzjoni adatta tal-fehmiet u tar-riservi espressi mis-superviżur konsolidanti. Jekk, fi tmiem il-perijodi ta' żmien imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati tkun irriferiet il-kwistjoni lill-ABE skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddiferixxu d-deċiżjoni tagħhom u jistennew kwalunkwe deċiżjoni li tista' tieħu l-ABE skont l-Artikolu 19(3) ta' dak ir-Regolament, u għandhom jieħdu d-deċiżjoni tagħhom f'konformità mad-deċiżjoni tal-ABE. Il-perijodi ta' żmien imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jitqiesu l-perijodi ta' konċiljazzjoni skont it-tifsira ta' dak ir-Regolament. L-ABE għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha fi żmien xahar mill-wasla tar-riferiment lill-ABE. Il-kwistjoni ma għandhiex tiġi riferita lill-ABE wara tmiem il-perijodu ta' erba' xhur jew wara li tkun intlaħqet deċiżjoni konġunta.

Id-deċiżjonijiet għandhom ikunu stabbiliti f'dokument li jkun fih ir-raġunijiet kollha u għandhom iqisu l-valutazzjoni tar-riskju, il-fehmiet u r-riservi tal-awtoritajiet kompetenti l-oħrajn espressi matul il-perijodi ta' żmien imsemmija fil-paragrafu 2. Id-dokument għandu jkun ipprovdut mis-superviżur konsolidanti lill-awtoritajiet kompetenti kollha kkonċernati u lill-istituzzjoni prinċipali tal-UE.

Meta tkun ġiet ikkonsultata l-ABE, l-awtoritajiet kompetenti kollha għandhom jikkunsidraw l-opinjoni tagħha, u jispjegaw kwalunkwe devjazzjoni sinifikanti minnha.

4.  Id-deċiżjonijiet konġunti msemmija fil-paragrafu 1 u d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kompetenti fin-nuqqas ta' deċiżjoni konġunta msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jiġu rikonoxxuti bħala determinattivi u applikati mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kkonċernati.

Id-deċiżjonijiet konġunti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u kwalunkwe deċiżjoni meħuda fin-nuqqas ta' deċiżjoni konġunta f'konformità mal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, għandhom jiġu aġġornati fuq bażi annwali jew, f'ċirkustanzi eċċezzjonali, fejn awtorità kompetenti responsabbli għas-superviżjoni tas-sussidjarji ta' istituzzjoni prinċipali tal-UE jew, kumpannija azzjonarja finanzjarja prinċipali tal-UE jew kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta prinċipali tal-UE tagħmel talba bil-miktub u mmotivata bis-sħiħ lis-superviżur konsolidanti sabiex jaġġorna d-deċiżjoni fuq l-applikazzjoni tal-punt (a) tal-Artikolu 104(1), tal-Artikoli 104b u 105. F'dawk iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, l-aġġornament jista' jkun indirizzat fuq bażi bilaterali bejn is-superviżur konsolidanti u l-awtorità kompetenti li tagħmel it-talba.

5.  L-ABE għandha tiżviluppa abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni sabiex tiżgura kondizzjonijiet ta' applikazzjoni uniformi tal-proċess ta' deċiżjoni konġunta msemmi f'dan l-Artikolu, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 73, 86 u 97, il-punt (a) tal-Artikolu 104(1), tal-Artikoli 104b u 105 bl-għan li tiffaċilita d-deċiżjonijiet konġunti.

L-ABE għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sal-1 ta' Lulju 2014.

Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa tadotta standards tekniċi implimentattivi msemmija fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010." ;

"

( ▌39) fl-Artikolu 115, jiżdied il-paragrafu li ġej:"

"3. Fejn is-superviżur konsolidanti jkun differenti mill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru fejn kumpannija azzjonarja finanzjarja jew kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta li tkun ingħatat l-approvazzjoni f'konformità mal-Artikolu 21a tkun stabbilita, l-arranġamenti ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu konklużi wkoll mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-impriża prinċipali.";

"

(40)  L-Artikolu 116 huwa emendat kif ġej:

(a)  jiddaħħal il-paragrafu li ġej :"

"1a. Sabiex jiġu ffaċilitati l-kompiti msemmija fl-Artikoli 112(1), 114(1) u 115(1) ta' din id-Direttiva, is-superviżur konsolidanti għandu jistabbilixxi wkoll kulleġġi ta' superviżuri fejn is-sussidjarji transkonfinali kollha ta' istituzzjoni prinċipali tal-UE, ta' kumpannija azzjonarja finanzjarja prinċipali tal-UE jew ta' kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta prinċipali tal-UE għandhom l-uffiċċji prinċipali tagħhom f'pajjiżi terzi, dment li l-awtoritajiet superviżorji tal-pajjiżi terzi huma soġġetti għal rekwiżiti ta' kunfidenzjalità li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima II tal-Kapitolu 1 ta' din id-Direttiva u, fejn applikabbli, fl-Artikoli 76 u 81 tad-Direttiva 2014/65/UE.'';

"

(b)  fil-paragrafu 6, jiżdied is-subparagrafu li ġej:"

"L-awtorità kompetenti fl-Istati Membru fejn tkun stabbilita kumpannija azzjonarja finanzjarja jew kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta li tkun ingħatat l-approvazzjoni f'konformità mal-Artikolu 21a tista' tipparteċipa fil-kulleġġ ta' superviżuri rilevanti.";

"

(41)  fl-Artikolu 117, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:"

"5. L-awtoritajiet kompetenti, l-unitajiet u l-awtoritajiet tal-intelligence finanzjarja fdati bid-dmir pubbliku li jissorveljaw l-entitajiet marbutin b'obbligu elenkati fil-punti (1) u (2) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva (UE) 2015/849 għall-konformità ma' dik id-Direttiva, għandhom jikkooperaw mill-qrib ma' xulxin fi ħdan il-kompetenzi rispettivi tagħhom u għandhom jipprovdu lil xulxin b'informazzjoni rilevanti għall-kompiti rispettivi tagħhom taħt din id-Direttiva, ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u skont id-Direttiva (UE) 2015/849, dment li tali kooperazzjoni u skambju ta' informazzjoni ma jkollhomx effett negattiv fuq inkjesta, investigazzjoni jew proċedimenti li jkunu għaddejjin f'konformità mal-liġi kriminali jew amministrattiva tal-Istat Membru fejn ikunu jinsabu l-awtorità kompetenti, l-unità jew l-awtorità tal-intelligence finanzjarja fdati bid-dmir pubbliku li jissorveljaw l-entitajiet marbutin b'obbligu elenkati fil-punti (1) u (2) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva (UE) 2015/849.

L-ABE tista' tgħin lill-awtoritajiet kompetenti fil-każ ta' nuqqas ta' qbil dwar il-koordinazzjoni tal-attivitajiet superviżorji skont dan l-Artikolu fuq l-inizjattiva tagħha stess f'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

6.  L-ABE għandha sal-1 ta' Jannar 2020 biex toħroġ linji gwida, f'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, li jispeċifikaw il-mod ta' kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, b'mod partikolari fir-rigward ta' gruppi transkonfinali u fil-kuntest tal-identifikazzjoni ta' ksur serju tar-regoli kontra l-ħasil tal-flus.'';

"

(42)  fl-Artikolu 119, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"1. Soġġetti għall-Artikolu 21a, l-Istati Membri għandhom jadottaw kwalunkwe miżura neċessarja sabiex jinkludu lil kumpanniji azzjonarji finanzjarji u lil kumpanniji azzjonarji finanzjarji mħallta fis-superviżjoni konsolidata.";

"

(43)  fl-Artikolu 120, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"2. Fejn kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta tkun soġġetta għal dispożizzjonijiet ekwivalenti skont din id-Direttiva u skont id-Direttiva 2009/138/KE b'mod partikolari f'termini tas-superviżjoni bbażata fuq ir-riskji, is-superviżur konsolidanti jista', bi qbil mas-superviżur tal-grupp fis-settur tal-assigurazzjoni, japplika biss għal dik il-kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva relatati mal-aktar settur finanzjarju sinifikanti kif iddefinit fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2002/87/KE.";

"

(44)  fl-Artikolu 125(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:"

"Meta skont l-Artikolu 111 ta' din id-Direttiva, is-superviżur konsolidanti ta' grupp b'kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta omm ikun differenti mill-koordinatur determinat skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2002/87/KE, is-superviżur konsolidanti u l-koordinatur għandhom jikkooperaw għall-fini tal-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fuq bażi konsolidata. Sabiex tiġi ffaċilitata u stabbilita kooperazzjoni effettiva, is-superviżur konsolidanti u l-koordinatur għandu jkollhom fis-seħħ arranġamenti ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni bil-miktub.";

"

(45)  fl-Artikolu 128, il-paragrafi li ġejjin jiddaħħlu wara l-ewwel paragrafu:"

''L-istituzzjonijiet ma għandhomx jużaw il-kapital tal-Grad 1 tal-Ekwità Komuni li jinżamm sabiex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit ta' riżerva kombinata msemmi fil-punt (6) tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu, sabiex jiġi ssodisfat kwalunkwe wieħed mir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, ir-rekwiżiti ta' fondi proprji addizzjonali impost skont l-Artikolu 104a ta' din id-Direttiva biex jindirizzaw riskji minbarra r-riskju ta' lieva finanzjarja eċċessiva, u l-gwida kkomunikata skont l-Artikolu 104b(3) ta' din id-Direttiva biex tindirizza riskji minbarra r-riskju ta' lieva finanzjarja eċċessiva.

L-istituzzjonijiet ma għandhomx jużaw il-kapital tal-Grad 1 tal-Ekwità Komuni li jinżamm sabiex jiġi ssodisfat wieħed mill-elementi tar-rekwiżit ta' riżerva kombinata tiegħu biex jissodisfaw l-elementi applikabbli l-oħra tar-rekwiżit tar-riżerva kombinata tiegħu.

L-istituzzjonijiet ma għandhomx jużaw il-kapital tal-Grad 1 tal-Ekwità Komuni li jinżamm sabiex jiġi sodisfatt ir-rekwiżit ta' riżerva kombinata msemmi fil-punt (6) tal-ewwel paragrafu ta' dan l-Artikolu biex jissodisfaw il-komponenti bbażati fuq ir-riskju tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 92a u 92b tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u fl-Artikoli 45c u 45d tad-Direttiva 2014/59/UE.'';

"

(46)  L-Artikoli 129 u 130 huma sostitwiti b'dan li ġej:"

''Artikolu 129

Rekwiżit li tinżamm riżerva ta' konservazzjoni ta' kapital

1.  Minbarra l-kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni li jinżamm biex jiġi sodisfatt wieħed mir-rekwiżiti tal-fondi proprji stipulati fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-istituzzjonijiet jżommu riżerva ta' konservazzjoni ta' kapital, ta' kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni ugwali għal 2.5 % tal-ammont tal-iskopertura totali għar-riskju tagħhom ikkalkulat f'konformità mal-Artikolu 92(3) ta' dak r-Regolament fuq bażi individwali u kkonsolidata, kif applikabbli f'konformità mat-Titolu II tal-Parti Wieħed ta' dak ir-Regolament.

2.  B'deroga mill-paragrafu 1, Stat Membru jista' jeżenta ditti żgħar u ta' daqs medju tal-investiment milli jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 1 jekk tali eżenzjoni ma theddidx l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja ta' dak l-Istat Membru.

Deċiżjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-eżenzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu kompletament ġustifikata, għandhomjinkludu spjegazzjoni għalfejn l-eżenzjoni ma theddidx l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tal-Istat Membru u għandu jkun fihom d-definizzjoni preċiża tad-ditti żgħar u ta' daqs medju tal-investiment li jridu jkunu eżenti.

L-Istati Membri li jiddeċiedu li japplikaw l-eżenzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jinnotifikaw lill-BERS b’dan. Il-BERS għandu jibgħat tali notifiki lill-Kummissjoni, lill-ABE u lill-awtoritajiet kompetenti u nnominati tal-Istati Membri kkonċernati mingħajr dewmien.

3.  Għall-finijiet tal-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jinnominaw awtorità li tkun responsabbli għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu. Dik l-awtorità għandha tkun l-awtorità kompetenti jew l-awtorità nnominata.

4.  Għall-fini tal-paragrafu 2, id-ditti tal-investiment għandhom jiġu kkategorizzati bħala żgħar jew ta' daqs medju f'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE*.

5.  Fejn istituzzjoni tonqos milli tissodisfa bis-sħiħ ir-rekwiżit stipulat fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, din għandha tkun soġġetta għar-restrizzjonijiet fuq id-distribuzzjonijiet stipulati fl-Artikolu 141(2) u (3).

Artikolu 130

Rekwiżit li tinżamm riżerva ta' kapital kontroċiklika speċifika għall-istituzzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-istituzzjonijiet iżommu riżerva ta' kapital kontroċikliku speċifika għall-istituzzjoni ekwivalenti għall-ammont tal-iskopertura totali tagħhom għar-riskju kkalkulat f'konformità mal-Artikolu 92(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 immultiplikat bil-medja ponderata tar-rati ta' riżerva kontroċiklika kkalkulata f'konformità mal-Artikolu 140 ta' din id-Direttiva fuq bażi individwali u kkonsolidata, kif applikabbli f'konformità mat-Titolu II tal-Parti Wieħed ta' dak ir-Regolament. Dik ir-riżerva għandha tikkonsisti minn kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni.

2.  B'deroga mill-paragrafu 1, Stat Membru jista' jeżenta ditti żgħar u ta' daqs medju tal-investiment milli jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 1 jekk tali eżenzjoni ma theddidx l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja ta' dak l-Istat Membru.

Deċiżjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-eżenzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tkun kompletament ġustifikata, għandha tinkludi spjegazzjoni dwar ir-raġuni għaliex l-eżenzjoni ma theddidx l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tal-Istat Membru u għandu jkun fiha d-definizzjoni preċiża żgħar u ta' daqs medju tal-investiment li jridu jkunu eżenti.

L-Istati Membri li jiddeċiedu li ma japplikawx l-eżenzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jinnotifikaw lill-BERS b’dan. Il-BERS għandu jibgħat tali notifiki lill-Kummissjoni, lill-ABE u lill-awtoritajiet kompetenti u nnominati tal-Istati Membri kkonċernati mingħajr dewmien.

3.  Għall-finijiet tal-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jinnominaw awtorità li tkun responsabbli għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu. Dik l-awtorità għandha tkun l-awtorità kompetenti jew l-awtorità nnominata.

4.  Għall-finijiet tal-paragrafu 2, id-ditti tal-investiment għandhom jiġu kkategorizzati bħala żgħar jew ta' daqs medju f'konformità mar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE.

5.  Fejn istituzzjoni tonqos milli tissodisfa bis-sħiħ ir-rekwiżit stipulat fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, din għandha tkun soġġetta għar-restrizzjonijiet fuq id-distribuzzjonijiet stipulati fl-Artikolu 141(2) u (3).

__________________

* Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36)."

"

(47)  L-Artikolu 131 huwa emendat kif ġej:

(a)  il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"1. L-Istati Membri għandhom jinnominaw awtorità li tkun responsabbli għall-identifikazzjoni, fuq bażi konsolidata, ta' G-SIIs, u, fuq bażi individwali, subkonsolidata jew konsolidata, kif applikabbli, ta' istituzzjonijiet sistematikament importanti (O-SIIs), li ġew awtorizzati fil-ġurisdizzjoni tagħhom. Dik l-awtorità għandha tkun l-awtorità kompetenti jew l-awtorità nnominata. L-Istati Membri jistgħu jinnominaw aktar minn awtorità waħda.

Il-G-SIIs għandhom ikunu kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)  grupp immexxi minn istituzzjoni prinċipali tal-UE, kumpannija azzjonarja finanzjarja omm tal-UE, jew kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta omm tal-UE; jew

(b)  istituzzjoni li mhijiex sussidjarja ta' istituzzjoni prinċipali tal-UE, ta' kumpannija azzjonarja finanzjarja omm tal-UE jew ta' kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta omm tal-UE.

L-O-SIIs jistgħu jkunu jew istituzzjoni jew grupp immexxi minn istituzzjoni prinċipali tal-UE, kumpannija azzjonarja finanzjarja omm tal-UE, ▌kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta omm tal-UE, istituzzjoni prinċipali fi Stat Membru, kumpannija azzjonarja finanzjarja omm fi Stati Membru jew kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta omm fi Stat Membru.";

"

(b)  jiddaħħal il-paragrafu li ġej:"

"2a. Metodoloġija tal-identifikazzjoni addizzjonali għall-G-SIIs għandha tkun ibbażata fuq il-kategoriji li ġejjin:

(a)  il-kategoriji msemmija fil-punti (a) sa (d) tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu;

(b)  l-attività transkonfinali tal-grupp, eskluż l-attivitajiet tal-grupp bejn l-Istati Membri parteċipanti kif imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*.

Kull kategorija għandha tirċievi ponderazzjoni ugwali u għandha tikkonsisti minn indikaturi kwantifikabbli. Għall-kategoriji msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu l-indikaturi għandhom ikunu l-istess bħall-indikaturi korrispondenti ddeterminati skont il-paragrafu 2.

Il-metodoloġija tal-identifikazzjoni addizzjonali għandha tipproduċi punteġġ globali addizzjonali għal kull entità msemmija fil-paragrafu 1 ivvalutat, li abbażi tiegħu l-awtoritajiet kompetenti jew nominati jistgħu jieħdu waħda mill-miżuri msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 10.

___________________________

* Ir- Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1).'';

"

(c)  fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:"

''L-ABE, wara li tikkonsulta lill-BERS, għandha, sal-1 ta' Jannar 2015, toħroġ linji gwida, f'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 dwar il-kriterji li jiddeterminaw il-kondizzjonijiet tal-applikazzjoni ta' dan il-paragrafu b'rabta mal-valutazzjoni tal-O-SIIs. Dawk il-linji gwida għandhom jieħdu kont tal-oqfsa internazzjonali għal istituzzjonijiet domestiċi sistemikament importanti u speċifiċitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll dawk nazzjonali.

Wara konsultazzjoni mal-BERS, l-ABE għandha tirrapporta lill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2020 dwar il-metodoloġija adatta għat-tfassil u l-kalibrazzjoni tar-rati ta' riżerva ta' O-SII.'';

"

(d)  il-paragrafu (5) huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"5. L-awtorità kompetenti jew l-awtorità nnominata tista' teħtieġ lil kull O-SII, fuq bażi kkonsolidata, subkonsolidata jew individwali, skont kif japplika, biex iżżomm riżerva għal O-SII sa 3 % tal-ammont tal-iskopertura totali għar-riskju kkalkulat f'konformità mal-Artikolu 92(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, waqt li jitqiesu l-kriterji għall-identifikazzjoni tal-O-SII. Dik ir-riżerva għandha tikkonsisti minn kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni.";

"

(e)  jiddaħħal il-paragrafu li ġej:"

"5a. Soġġett għall-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni msemmija fit-tielet subparagrafu ta' dan il-paragrafu, l-awtorità kompetenti jew l-awtorità nnominata tista' teħtieġ lil kull O-SII, fuq bażi kkonsolidata, subkonsolidata jew individwali, skont kif japplika, biex iżżomm riżerva għal O-SII sa 3 % tal-ammont tal-iskopertura totali għar-riskju kkalkulat f'konformità mal-Artikolu 92(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Dik ir-riżerva għandha tikkonsisti minn kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni.

Fi żmien sitt ġimgħat minn meta tasal in-notifika msemmija fil-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu, il-BERS għandu jipprovdi opinjoni lill-Kummissjoni dwar jekk ir-riżerva O-SII titqiesx adatta. L-ABE tista' wkoll tagħti lill-Kummissjoni l-opinjoni tagħha dwar ir-riżerva f'konformità mal-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

Fi żmien tliet xhur minn meta l-BERS ikun bagħat in-notifika msemmija fil-paragrafu 7 lill-Kummissjoni, il-Kummissjoni, b'kont meħud tal-valutazzjoni tal-BERS u l-ABE, jekk rilevanti, u jekk tkun sodisfatta li r-riżerva O-SII ma jinvolvix effetti negattivi sproporzjonati fuq is-sistema finanzjarja kollha, jew partijiet minnha, ta' Stati Membri oħrajn jew fl-Unjoni inġenerali li jiffurmaw jew joħolqu xkiel għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, għandha tadotta att li jawtorizza lill-awtorità kompetenti jew lill-awtorità nnominata biex tadotta l-miżura proposta.";

"

(f)  fil-paragrafu 7, il-parti introduttorja hija sostitwita b'dan li ġej:"

"7. Qabel ma tiffissa jew terġa' tiffissa riżerva ta' O-SII, l-awtorità kompetenti jew l-awtorità nnominata għandha tinnotifika lill-BERS xahar qabel il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 5 u għandha tinnotifika lill-BERS tliet xhur qabel il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti jew dik innominata msemmija fil-paragrafu 5a. Il-BERS għandu jibgħat tali notifiki lill-Kummissjoni, lill-ABE u lill-awtoritajiet kompetenti u nnominati tal-Istati Membri kkonċernati mingħajr dewmien. Tali notifiki għandhom jistabbilixxu fid-dettall:'';

"

(g)  il-paragrafu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"8. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 133 u l-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, fejn O-SII tkun sussidjarja ta' G-SII jew ta' O-SII li hija jew istituzzjoni jew grupp immexxi minn istituzzjoni prinċipali tal-UE, u soġġetta għal riżerva ta' O-SII fuq bażi kkonsolidata, ir-riżerva li tapplika fuq bażi individwali jew subkonsolidat għall-O-SII m'għandhiex teċċedi l-iktar valur baxx minn:

(a)  it-total tal-ogħla rata ta' riżerva tal-G-SII jew l-O-SII applikabbli għall-grupp fuq bażi konsolidata u 1 % tal-ammont tal-iskopertura totali għar-riskju kkalkulat f'konformità mal-Artikolu 92(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013; u

(b)  3 % tal-ammont tal-iskopertura totali għar-riskju kkalkulat f'konformità mal-Artikolu 92(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jew ir-rata li l-Kummissjoni awtorizzat biex tiġi applikata għall-grupp fuq bażi kkonsolidata skont il-paragrafu 5a ta’ dan l-Artikolu.'';

"

(h)  il-paragrafi 9 u 10 jiġu sostitwiti b'dawn li ġejjin:"

"9. Għandu jkun hemm tal-inqas ħames subkategoriji ta' G-SIIs. Il-limitu l-aktar baxx u l-limiti ta' bejn kull subkategorija għandhom jiġu ddeterminati mill-punteġġi skont il-metodoloġija tal-identifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. Il-punteġġi limitu bejn is-subkategoriji li jmissu ma' xulxin għandhom jiġu ddefiniti b'mod ċar u għandhom josservaw il-prinċipju li hemm żieda lineari kostanti ta' sinifikat sistemiku, bejn kull subkategorija li tirriżulta f'żieda lineari fir-rekwiżit ta' kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni, bl-eċċezzjoni tas-subkategorija ħamsa u kwalunkwe subkategorija ogħla miżjuda. Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, sinifikat sistemiku huwa l-impatt mistenni fuq is-suq finanzjarju globali kkawżat minn diffikultajiet għall-G-SII. Is-subkategorija l-aktar baxxa għandha tiġi assenjata riżerva ta' G-SII ta' 1 % tal-ammont tal-iskopertura totali għar-riskju kkalkulat f'konformità mal-Artikolu 92(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u r-riżerva assenjata lil kull subkategorija għandha tiżdied b'differenzi li jkunu tal-anqas 0.5 % tal-ammont tal-skopertura totali għar-riskju kkalkulat f'konformità mal-Artikolu 92(3) ta’ dak ir-Regolament.

10.  Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 u 9 u filwaqt li jintużaw s-subkategoriji u l-punteġġi li jifirduhom imsemmija fil-paragrafu 9, l-awtorità kompetenti jew l-awtorità nnominata tista', fl-eżerċizzju ta' valutazzjoni superviżorja korretta:

(a)  tirrialloka G-SII minn subkategorija aktar baxxa għal waħda ogħla;

(b)  talloka entità kif imsemmija fil-paragrafu 1 li jkollha punteġġ globali kif imsemmi fil-paragrafu 2 li jkun aktar baxx mill-punteġġ limitu tal-iktar subkategorija baxxa f'dik is-subkategorija jew f'subkategorija ogħla, u b'hekk tiġi nnominata bħala G-SII;

(c)  b'kont meħud tal-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni, fuq il-bażi tal-punteġġ globali addizzjonali msemmi fil-paragrafu 2a tirrialloka G-SII minn subkategorija aktar ogħla għal subkategorija aktar baxxa.'';

"

(i)  jitħassar il-paragrafu 11;

(j)  il-paragrafu 12 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"12. L-awtorità kompetenti jew l-awtorità nnominata għadha tinnotifika lill-BERS l-ismijiet tal-G-SIIs u l-O-SIIs u s-subkategorija rispettiva fejn tiġi allokata kull G-SII. In-notifika għandu jkun fiha r-raġunijiet kollha għalfejn ġie eżerċitat ġudizzju superviżorju jew le f'konformità mal-paragrafu 10, punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 10. Il-BERS għandu jibgħat tali notifiki lill-Kummissjoni u lill-ABE mingħajr dewmien, u għandu jiżvela isimhom pubblikament. L-awtoritajiet kompetenti jew l-awtoritajiet nominati għandhom jiżvelaw pubblikament is-subkategorija fejn tiġi allokata kull G-SII.

L-awtorità kompetenti jew l-awtorità nnominata għandha kull sena tirrieżamina l-identifikazzjoni tal-G-SIIs u l-O-SIIs u l-allokazzjoni tal-G-SIIs fis-subkategoriji rispettivi u tirrapporta r-riżultat lill-istituzzjoni sistemikament importanti kkonċernata, lill-BERS li għandu jibgħat ir-riżultati lill-Kummissjoni u lill-ABE mingħajr dewmien. L-awtorità kompetenti jew l-awtorità nnominata għandha tiżvela pubblikament l-lista aġġornata ta' istituzzjonijiet sistemikament importanti identifikati u s-subkategorija fejn tkun allokata kull G-SII identifikata.'';

"

(k)  jitħassar il-paragrafu 13;

(l)  il-paragrafi 14 u 15 jiġu sostitwiti b'dawn li ġejjin:"

"14. Fejn grupp, fuq bażi kkonsolidata, ikun soġġett għal riżerva ta' G-SII u għal riżerva ta' O-SII għandha tapplika r-riżerva l-aktar għolja.

15.  Fejn istituzzjoni tkun soġġetta għal riżerva għal riskju sistemiku, stabbilita f'konformità mal-Artikolu 133, dik ir-riżerva għandha tkun kumulattiva mar-riżerva O-SII jew ir-riżerva G-SII applikata f'konformità ma' dan l-Artikolu.

Fejn it-total tar-rata tar-riżerva għal riskju sistemiku kif ikkalkulata għall-fini tal-paragrafu 10, 11 jew 12 tal-Artikolu 133 u r-rata ta' riżerva ta' O-SII jew G-SII li għaliha hija soġġetta l-istess istituzzjoni ikun ogħla minn 5 %, għandha tapplika l-proċedura stipulata fil-paragrafu 5a ta' dan l-Artikolu.'';

"

(m)  jitħassru l-paragrafi 16 u 17;

(n)  il-paragrafu 18 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"18. L-ABE għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, il-metodoloġiji li għandha tintuża mill-awtorità kompetenti jew l-awtorità nnominata biex tidentifika istituzzjoni jew grupp immexxi minn istituzzjoni prinċipali tal-UE, kumpannija azzjonarja finanzjarja omm tal-UE jew minn kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta omm tal-UE bħala G-SII u biex tiġi speċifikata l-metodoloġija għad-definizzjoni tas-subkategoriji u l-allokazzjoni tal-G-SIIs fis-subkategoriji abbażi tar-sinifikat sistemiku tagħhom, waqt li jitqiesu l-istandards maqbula fuq livell internazzjonali.

L-ABE għandha tippreżenta sat-30 ta' Ġunju 2014 dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni.

Qiegħda tiġi delegata s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija f'dan il-paragrafu f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.";

"

(48)  L-Artikolu 132 jitħassar;

(49)  L-Artikoli 133 u 134 huma sostitwiti b'dan li ġej:"

''Artikolu 133

Rekwiżit biex tinżamm riżerva għal riskju sistemiku

1.  Kull Stat Membru jista' jintroduċi riżerva għal riskju sistemiku tal-kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni għas-settur finanzjarju jew subsett wieħed jew aktar ta' dak is-settur fuq l-iskoperturi kollha jew subsett tagħhom kif imsemmi fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, sabiex jipprevjeni u jtaffi r-riskji makroprudenzjali jew sistemiċi li mhumiex koperti bir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u bl-Artikoli 130 u 131 ta' din id-Direttiva, fis-sens ta' riskju ta' tħarbit fis-sistema finanzjarja bil-potenzjal ta' konsegwenzi negattivi serji għas-sistema finanzjarja u l-ekonomija reali fi Stat Membru speċifiku.

2.  L-istituzzjonijiet jistgħu jikkalkulaw ir-riżerva għal riskju sistemiku kif ġej:

20190416-P8_TA-PROV(2019)0370_MT-p0000002.png

fejn:

BSR = ir-riżerva għal riskju sistemiku;

rT = ir-rata ta' riżerva applikabbli għall-iskopertura tar-riskju totali ta' istituzzjoni;

ET = l-ammont tal-iskopertura totali għar-riskju kkalkulat skont l-Artikolu 92(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

i = l-indiċi li jirrappreżenta s-subsett tal-iskoperturi kif imsemmija fil-paragrafu 5;

ri = ir-rata ta' riżerva applikabbli għall-ammont tal-iskopertura tar-riskju tas-subsett ta' skoperturi i; u

Ei = l-ammont tal-iskopertura għar-riskju ta' istituzzjoni għal subsett ta' skoperturi i kkalkulat skont l-Artikolu 92(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

3.  Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jinnominaw awtorità li tkun responsabbli għall-iffissar tar-riżerva għal riskju sistemiku u għall-identifikazzjoni tal-iskoperturi u s-subsettijiet ta' istituzzjonijiet li tapplika għalihom. Dik l-awtorità għandha tkun jew l-awtorità kompetenti jew l-awtorità nnominata.

4.  Għall-fini tal-paragrafu 1, l-awtorità rilevanti kompetenti jew nominata, kif applikabbli, tista' teħtieġ li l-istituzzjonijiet iżommu riżerva għal riskju sistemiku ta' kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni kkalkulata f'konformità mal-paragrafu 2, fuq bażi individwali, konsolidata jew subkonsolidata, kif applikabbli f'konformità mat-Titolu II tal-Parti Wieħed tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

5.  Riżerva għal riskju sistemiku tista' tapplika għal:

(a)  l-iskoperturi kollha li jinsabu fl-Istat Membri li jistabbilixxi r-riżerva;

(b)  l-iskoperturi settorjali li jinsabu fl-Istat Membru li jistabbilixxi dik ir-riżerva:

(i)  l-iskoperturi kollha fil-livell tal-konsumatur għal persuni fiżiċi li huma ggarantiti bi proprjetà residenzjali;

(ii)  l-iskoperturi kollha għal persuni ġuridiċi li huma ggarantiti b'ipoteki fuq proprjetà kummerċjali immobbli;

(iii)  l-iskoperturi kollha għal persuni ġuridiċi għajr dawk speċifikati fil-punt (ii);

(iv)  l-iskoperturi kollha għal persuni fiżiċi għajr dawk speċifikati fil-punt (i);

(c)  l-iskoperturi kollha li jinsabu fi Stati Membri oħra, soġġetti għall-paragrafi 12 u 15;

(d)  l-iskoperturi settorjali, kif identifikati mill-punt (b) ta' dan il-pargrafu, li jinsabu fi Stati Membri oħra biss biex jippermettu r-rikonoxximent ta' rata ta' riżerva stabbilita minn Stat Membru ieħor f'konformità mal-Artikolu 134;

(e)  l-iskoperturi li jinsabu f'pajjiżi terzi;

(f)  subsettijiet ta' kwalunkwe kategorija ta' skopertura identifikata fil-punt (b).

6.  L-ABE, wara li tikkonsulta lill-BERS, għandha toħroġ linji gwida, f'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, sat-30 ta' Ġunju 2020 dwar is-subsettijiet adatti ta' skoperturi li għalihom l-awtorità kompetenti jew l-awtorità nnominata tista' tapplika riżerva għal riskju sistemiku f'konformità mal-punt (f) tal-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu.

7.  Riżerva għal riskju sistemiku għandha tapplika għall-iskoperturi kollha, jew subsett ta' skoperturi kif imsemmi fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, tal-istituzzjonijiet kollha, jew għal subsett wieħed jew iktar ta' dawk l-istituzzjonijiet, li għalihom l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat ikunu kompetenti f'konformità ma' din id-Direttiva u għandha tiġi stabbilita b'passi gradwali ta' aġġustament ta' 0,5 punti perċentwali jew multipli tagħhom. Jistgħu jiġu introdotti rekwiżiti differenti għal subsettijiet differenti tal-istituzzjonijiet u tal-iskoperturi. Ir-riżerva tar-riskju sistemiku ma għandhiex tindirizza r-riskji koperti bl-Artikoli 130 u 131.

8.  Meta tesiġi li tinżamm riżerva għal riskju sistemiku l-awtorità kompetenti jew l-awtorità nnominata għandha tikkonforma ma' li ġej:

(a)  ir-riżerva għal riskju sistemiku ma tinvolvix effetti negattivi sproporzjonati fuq is-sistema finanzjarja kollha jew partijiet minnha fi Stati Membri oħrajn jew tal-Unjoni kollha kemm hi billi tifforma jew toħloq ostaklu għall-funzjonament xieraq tas-suq intern;

(b)  ir-riżerva għal riskju sistemiku għandha tiġi rieżaminata mill-awtorità kompetenti jew l-awtorità nnominata tal-anqas kull sentejn;

(c)  ir-riżerva għal riskju sistemiku ma għandhiex tintuża sabiex tindirizza r-riskji li huma koperti bl-Artikoli 130 u 131.

9.  L-awtorità kompetenti jew l-awtorità nnominata, skont kif japplika, għandha tinnotifika lill-BERS qabel il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 13. Il-BERS għandu jibgħat tali notifiki lill-Kummissjoni, lill-ABE u lill-awtoritajiet kompetenti u nnominati tal-Istati Membri kkonċernati mingħajr dewmien.

Fejn l-istituzzjoni li għaliha tapplika rata waħda jew aktar tar-riżerva għal riskju sistemiku tkun sussidjarja li l-prinċipali tagħha tkun stabbilita fi Stat Membru ieħor, l-awtorità kompetenti jew l-awtorità nnominata għandha tinnotifika wkoll lill-awtoritajiet ta' dak l-Istat Membru.

Fejn tapplika rata tar-riżerva tar-riskju sistemiku għall-iskoperturi li jinsabu f'pajjiżi terzi, l-awtorità kompetenti jew l-awtorità nnominata, skont kif japplika, għandha tinnotifika wkoll lill-BERS. Il-BERS għandu jibgħat tali notifiki mingħajr dewmien lill-awtoritajiet superviżorji ta' dawk il-pajjiżi terzi.

Tali notifiki għandhom jistabbilixxu fid-dettall:

(a)  ir-riskji makroprudenzjali jew sistemiċi fl-Istat Membru;

(b)  ir-raġunijiet għaliex id-dimensjoni tar-riskji makroprudenzjali jew sistemiċi thedded l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fil-livell nazzjonali li tiġġustifika r-rata tar-riżerva għal riskju sistemiku;

(c)  il-ġustifikazzjoni tar-raġuni għaliex ir-riżerva għal riskju sistemiku titqies li x'aktarx tkun effettiva u proporzjonata biex ittaffi r-riskju;

(d)  valutazzjoni tal-impatt probabbli, pożittiv jew negattiv, tar-riżerva għal riskju sistemiku fuq is-suq intern, ibbażata fuq informazzjoni li hija disponibbli għall-Istat Membru;

(e)  ir-rata jew ir-rati tar-riżerva għal riskju sistemiku li l-awtorità kompetenti jew dik innominata, skont kif japplika, beħsiebha timponi u l-iskoperturi li għalihom għandhom japplikaw tali rati u l-istituzzjonijiet li għandhom ikunu soġġetti għal tali rati;

(f)  fejn ir-rata tar-riżerva għal riskju sistemiku tapplika għall-iskoperturi kollha, ġustifikazzjoni għalfejn l-awtorità tqis li r-riżerva għal riskju sistemiku mhix qed tiddupplika l-funzjoni tar-riżerva O-SII prevista fl-Artikolu 131.

Fejn id-deċiżjoni biex tiġi ffissata r-rata tar-riżerva għal riskju sistemiku tirriżulta fi tnaqqis jew fl-ebda bidla mir-rata ta' riżerva ffissata qabel, l-awtorità kompetenti jew l-awtorità nnominata, skont kif japplika, għandha tikkonforma biss ma' dan il-paragrafu.

10.  Fejn l-iffissar jew l-iffissar mill-ġdid ta' rata jew rati ta' riżerva għal riskju sistemiku fuq kwalunkwe sett jew subsett ta' skoperturi msemmija fil-paragrafu 5 soġġetti għal riżerva waħda jew aktar għal riskju sistemiku ma jirriżultax f'rata kombinata ta' riżerva għal riskju sistemiku ogħla minn 3 % għal kwalunkwe waħda minn dawk l-iskoperturi, l-awtorità kompetenti jew l-awtorità nnominata, skont kif japplika, għandha tinnotifika lill-BERS f'konformità mal-paragrafu 9 xahar qabel il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 13.

Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, ir-rikonoxximent tar-rata tar-riżerva għal riskju sistemiku stabbilita minn Stat Membru ieħor f'konformità mal-Artikolu 134 ma għandhiex tgħodd għal-livell limitu ta' 3 %.

11.  Fejn l-iffissar jew l-iffissar mill-ġdid ta' rata jew rati ta' riżerva għal riskju sistemiku fuq kwalunkwe sett jew subsett ta' skoperturi msemmija fil-paragrafu 5 soġġetti għal riżerva waħda jew aktar għal riskju sistemiku jirriżulta f'rata kombinata ta' riżerva għal riskju sistemiku f'livell ogħla minn 3 % u sa 5 %għal kwalunkwe waħda minn dawk l-iskoperturi, l-awtorità kompetenti jew l-awtorità nnominata tal-Istat Membru li jiffissa r-riżerva għandha titlob l-opinjoni tal-Kummissjoni fin-notifika ppreżentata skont il-paragrafu 9. Il-Kummissjoni għandha tagħti l-opinjoni tagħha fi żmien xahar minn meta tirċievi n-notifika.

Fejn l-opinjoni tal-Kummissjoni tkun negattiva, l-awtorità kompetenti jew l-awtorità nnominata, skont kif japplika, tal-Istat Membru li jistabbilixxi r-riżerva għal riskju sistemiku għandha tikkonforma ma' dik l-opinjoni jew tagħti r-raġunijiet għalfejn m'għamlitx dan.

Fejn istituzzjoni li għaliha tapplika rata waħda jew aktar tar-riżerva għal riskju sistemiku tkun sussidjarja li l-prinċipali tagħha tkun stabbilita fi Stat Membru ieħor, l-awtorità kompetenti jew l-awtorità nnominata għandha titlob rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u l-BERS fin-notifika ppreżentata skont il-paragrafu 9.

Il-Kummissjoni u l-BERS għandhom kull wieħed jipprovdu rakkomandazzjoni fi żmien sitt ġimgħat minn meta tasal in-notifika.

Fejn l-awtoritajiet tal-istituzzjoni sussidjarja u ta' dik prinċipali ma jaqblux fuq ir-rata jew ir-rati tar-riżerva għal riskju sistemiku applikabbli għal dik l-istituzzjoni jew fil-każ ta' rakkomandazzjoni negattiva kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-BERS, l-awtorità kompetenti jew l-awtorità nnominata, skont kif japplika, tista' tirreferi l-kwistjoni lill-ABE u titlob l-għajnuna f'konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010. Id-deċiżjoni biex tiġi stabbilita rata jew rati ta' riżerva għal riskju sistemiku għal dawk l-iskoperturi għandha tiġi sospiża sakemm l-ABE tieħu deċiżjoni.

12.  Fejn l-iffissar jew l-iffissar mill-ġdid tar-rata jew tar-rati tar-riżerva għal riskju sistemiku fuq kull sett jew subsett tal-iskoperturi msemmija fil-paragrafu 5 suġġett għal rata waħda jew aktar ta' riżerva għal riskju sistemiku jirriżulta f'rata kombinata ta' riżerva għal riskju sistemiku ogħla minn 5 % għal kwalunkwe waħda minn dawk l-iskoperturi, l-awtorità kompetenti jew l-awtorità nnominata, skont kif japplika, għandha titlob l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni qabel l-implimentazzjoni tar-riżerva għal riskju sistemiku.

Fi żmien sitt ġimgħat minn meta tasal in-notifika msemmija fil-paragrafu 9 ta' dan l-Artikolu, il-BERS għandu jipprovdi opinjoni lill-Kummissjoni dwar jekk ir-riżerva għal riskju sistemiku titqiesx adatta. L-ABE tista' wkoll tagħti lill-Kummissjoni l-opinjoni tagħha dwar dik ir-riżerva għal riskju sistemiku f'konformità mal-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

Fi żmien tliet xhur minn meta tasal in-notifika msemmija fil-paragrafu 9, il-Kummissjoni, b'kont meħud tal-valutazzjoni tal-BERS u l-ABE, jekk tkun rilevanti, u jekk tkun sodisfatta li r-rata jew ir-rati tar-riżerva għal riskju sistemiku ma jinvolvux effetti negattivi sproporzjonati fuq is-sistema finanzjarja kollha jew partijiet minnha ta' Stati Membri oħrajn jew fl-Unjoni inġenerali li jwasslu biex jiġi ffurmat jew jinħoloq xkiel għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, għandha tadotta att li jawtorizza lill-awtorità kompetenti jew lill-awtorità nnominata, skont kif japplika, biex tadotta l-miżura proposta.

13.  Kull awtorità kompetenti, jew l-awtorità nnominata, skont kif japplika, għandha tħabbar l-iffissar jew l-iffissar mill-ġdid ta' rata waħda jew aktar tar-riżerva għal riskju sistemiku permezz tal-pubblikazzjoni f'sit web adatt. Dik il-pubblikazzjoni għandha tinkludi tal-anqas informazzjoni li ġejja:

(a)  ir-rata jew ir-rati tar-riżerva għal riskju sistemiku;

(b)  l-istituzzjonijiet li għalihom tapplika r-riżerva għal riskju sistemiku;

(c)  l-iskoperturi li għalihom tapplika r-rata jew ir-rati tar-riżerva għal riskju sistemiku;

(d)  ġustifikazzjoni għall-iffissar jew l-iffissar mill-ġdid tar-rata jew tar-rati tar-riżerva għal riskju sistemiku;

(e)  id-data minn meta l-istituzzjonijiet għandhom japplikaw l-iffissar jew l-iffissar mill-ġdid tar-riżerva għal riskju sistemiku; u

(f)  l-ismijiet tal-pajjiżi fejn l-iskoperturi li qegħdin f'dawn il-pajjiżi jkunu rikonoxxuti fir-riżerva għal riskju sistemiku.

Fejn il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tista' tippreġudika l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, dik l-informazzjoni m'għandhiex tiġi inkluża fil-pubblikazzjoni.

14.  Fejn istituzzjoni tonqos milli tissodisfa bis-sħiħ ir-rekwiżit stipulat fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, din għandha tkun soġġetta għar-restrizzjonijiet fuq id-distribuzzjonijiet stipulati fl-Artikolu 141(2) u (3).

Fejn l-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq id-distribuzzjonijiet twassal għal titjib mhux sodisfaċenti tal-kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni tal-istituzzjoni fid-dawl tar-riskju sistemiku rilevanti, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jieħdu miżuri addizzjonali f'konformità mal-Artikolu 64.

15.  Fejn l-awtorità kompetenti jew l-awtorità nnominata, skont kif japplika, tiddeċiedi li tiffissa r-riżerva għal riskju sistemiku abbażi tal-iskoperturi li jinsabu fi Stati Membri oħra, ir-riżerva għandha tiġi ffissata ndaqs fuq l-iskoperturi kollha li jinsabu fl-Unjoni, sakemm ir-riżerva ma tkunx iffissata biex tirrikonoxxi r-rata tar-riżerva għal riskju sistemiku ffissata minn Stat Membru ieħor f'konformità mal-Artikolu 134.

Artikolu 134

Rikonoxximent ta' rata ta' riżerva għal riskju sistemiku

1.  Stati Membri oħrajn jistgħu jirrikonoxxu rata ffissata f'konformità mal-Artikolu 133 u jistgħu japplikaw dik ir-rata għal istituzzjonijiet awtorizzati domestikament għall-iskoperturi li qegħdin fl-Istat Membru li jiffissa dik ir-rata.

2.  Fejn l-Istati Membri jirrikonoxxu rata tar-riżerva għal riskju sistemiku għal istituzzjonijiet awtorizzati domestikament skont il-paragrafu 1, huma għandhom jinnotifikaw lill-BERS. Il-BERS għandu jibgħat tali notifiki lill-Kummissjoni, lill-ABE u lill-Istat Membru li jiffissa dik ir-rata mingħajr dewmien.

3.  Meta jiddeċiedi jekk jirrikonoxxix rata ta' riżerva għal riskju sistemiku skont il-paragrafu 1, Stat Membru għandu jqis l-informazzjoni ppreżentata mill-Istat Membru li jiffissa r-rata f'konformità mal-Artikolu 133(9) u (13).

4.  Fejn l-Istati Membri jirrikonoxxu rata tar-riżerva għal riskju sistemiku għal istituzzjonijiet rikonoxxuti domestikament, dik ir-riżerva għal riskju sistemiku tista' tkun kumulattiva mar-riżerva għal riskju sistemiku applikata f'konformità mal-Artikolu 133 dment li r-riżervi jindirizzaw riskji differenti. Fejn ir-riżervi jindirizzaw l-istess riskju, għandha tapplika biss l-ogħla riżerva.

5.  Stat Membru li jiffissa rata tar-riżerva għal riskju sistemiku f'konformità mal-Artikolu 133 ta’ din id-Direttiva jista' jitlob lill-BERS biex joħroġ rakkomandazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010 lil Stat Membru wieħed jew aktar li jistgħu jirrikonoxxu r-rata tar-riżerva għal riskju sistemiku.";

"

(50)  L-Artikolu 136 huwa emendat kif ġej:

(a)  fil-paragrafu 3, il-parti introduttorja hija ssostitwita b'dan li ġej:"

"3. Kull awtorità nnominata għandha tivvaluta l-intensità tar-riskju sistemiku ċikliku u l-adegwatezza tar-rata ta' riżerva kontroċiklika għall-Istat Membru tagħha kull tliet xhur u tiffissa jew taġġusta r-rata tar-riżerva, kif meħtieġ. Waqt li tagħmel dan, kull awtorità nominata għandha tieħu kont:'';

"

(b)  il-paragrafu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"7. Kull awtorità nnominata għandha tippubblika kull tliet xhur tal-anqas l-informazzjoni li ġejja fuq is-sit web tagħha:

(a)  ir-rati tar-riżerva kontroċiklika applikabbli;

(b)  il-proporzjon rilevanti bejn il-kreditu u l-PDG u d-devjazzjoni tiegħu mix-xejra fit-tul;

(c)  il-gwida tar-riżerva kkalkulata skont il-paragrafu 2;

(d)  ġustifikazzjoni għal dik ir-rata tar-riżerva;

(e)  fejn ir-rata tar-riżerva tiżdied, id-data minn meta l-istituzzjonijiet għandhom japplikaw dik ir-rata ogħla tar-riżerva għall-finijiet tal-kalkolu tar-riżerva ta' kapital kontroċiklika speċifika għall-istituzzjoni tagħhom;

(f)  fejn id-data msemmija fil-punt (e) tkun inqas minn 12-il xahar wara d-data tal-pubblikazzjoni skont dan il-paragrafu, referenza għaċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw dik l-iskadenza iqsar għall-applikazzjoni;

(g)  fejn ir-rata tar-riżerva titnaqqas, il-perijodu indikattiv li matulu ma tkun mistennija l-ebda żieda fir-rata tar-riżerva, flimkien ma' ġustifikazzjoni għal dak il-perijodu.

L-awtoritajiet nominati għandhom jieħdu l-passi kollha raġonevoli biex jikkoordinaw meta għandha ssir il-pubblikazzjoni.

L-awtoritajiet nominati għandhom jinnotifikaw lill-BERS dwar kull bidla fir-rata tar-riżerva kontroċiklika u l-informazzjoni meħtieġa speċifikata fil-punti (a) sa (g) tal-ewwel subparagrafu. Il-BERS għandu jippubblika, fuq is-sit web tiegħu, tali rati tar-riżervi ta' kapital kollha notifikati u l-informazzjoni relatata.'';

"

(51)  fl-Artikolu 141, il-paragrafi 1 sa 6 huma sostitwiti b'dan li ġej:"

"1. Istituzzjoni li tissodisfa r-rekwiżit ta' riżerva kombinata ma għandhiex tagħmel distribuzzjoni b'rabta mal-kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni tant li tnaqqas il-kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni tagħha sa livell li fih ma jibqax sodisfatt ir-rekwiżit ta' riżerva kombinata.

2.  Istituzzjoni li tonqos milli tissodisfa r-rekwiżit ta' riżerva kombinata għandha tikkalkula l-ammont massimu distribwibbli (AMD) f'konformità mal-paragrafu 4 u għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti b’dan.

Meta jkun japplika l-ewwel subparagrafu, l-istituzzjoni ma għandhiex twettaq xi waħda mill-azzjonijiet li ġejjin qabel ma tkun ikkalkulat l-AMD:

(a)  tagħmel distribuzzjoni b'rabta mal-kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni;

(b)  toħloq obbligu li titħallas rimunerazzjoni varjabbli jew benefiċċji diskrezzjonarji tal-pensjoni jew li titħallas rimunerazzjoni varjabbli jekk l-obbligu ta' pagament ikun inħoloq fi żmien meta l-istituzzjoni tkun naqset milli tissodisfa r-rekwiżit ta' riżerva kombinata; jew

(c)  tagħmel pagamenti fuq strumenti tal-Grad 1 Addizzjonali.

3.  Meta istituzzjoni tonqos milli tissodisfa jew taqbeż ir-rekwiżit ta' riżerva kombinata tagħha, ma għandhiex tiddistribwixxi aktar mill-AMD ikkalkulat skont il-paragrafu 4 permezz ta' xi azzjoni msemmija fil-punt (a), (b) u (c) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2. ▌

4.  L-istituzzjonijiet għandhom jikkalkulaw l-AMD billi jimmultiplikaw is-somma kkalkulata skont il-paragrafu 5 bil-fattur iddeterminat skont il-paragrafu 6. L-AMD għandu jitnaqqas bi kwalunkwe ammont li jirriżulta minn kwalunkwe waħda mill-azzjonijiet imsemmija fil-punt (a), (b) jew (c) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2.

5.  Is-somma li trid tiġi mmultiplikata skont il-paragrafu 4 għandha tikkonsisti f'dawn:

(a)  kwalunkwe profitti interim mhux inklużi fil-kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, netti minn kwalunkwe distribuzzjoni ta' profitti jew kwalunkwe pagament li jirriżulta mill-azzjonijiet imsemmija fil-punt (a), (b) jew (c) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu;

biż-żieda

(b)  kwalunkwe profitti ta' tmiem is-sena mhux inklużi fil-kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 netti minn kwalunkwe distribuzzjoni ta' profitti jew kwalunkwe pagament li jirriżulta mill-azzjonijiet imsemmija fil-punt (a), (b) jew (c) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu;

li minnhom jitnaqqsu

(c)  l-ammonti li jkunu pagabbli f'taxxa li kieku kellhom jinżammu l-elementi speċifikati fil-punti (a) u (b) ta' dan il-paragrafu.

6.  Il-fattur għandu jiġi ddeterminat kif ġej:

(a)  fejn il-kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni miżmum mill-istituzzjoni li ma jintużax għall-issodisfar ta' kwalunkwe wieħed mir-rekwiżiti ta' fondi proprji stipulati ▌fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u r-rekwiżit ta' fondi proprji addizzjonali li jindirizza riskji oħra minbarra r-riskju ta' lieva finanzjarja eċċessiva stipulat fil-punt (a) tal-Artikolu 104(1) ta' din id-Direttiva, espress bħala perċentwal tal-ammont tal-iskopertura totali għar-riskju kkalkulat f'konformità mal-Artikolu 92(3) ta' dak ir-Regolament, ikun jaqa' fi ħdan l-ewwel (jiġifieri l-anqas) wieħed minn erbgħa tar-rekwiżit ta' riżerva kombinata, il-fattur għandu jkun ta' 0;

(b)  fejn il-kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni miżmum mill-istituzzjoni li ma jintużax għall-issodisfar ta' kwalunkwe wieħed mir-rekwiżiti ta' fondi proprji stipulati▌ fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u r-rekwiżit ta' fondi proprji addizzjonali li jindirizza riskji oħra minbarra r-riskju ta' lieva finanzjarja eċċessiva stipulat fil-punt (a) tal-Artikolu 104(1) ta' din id-Direttiva espress bħala perċentwal tal-ammont tal-iskopertura totali għar-riskju kkalkulat f'konformità mal-Artikolu 92(3) ta' dak ir-Regolament, ikun jaqa' fi ħdan it-tieni wieħed minn erbgħa tar-rekwiżit ta' riżerva kombinata, il-fattur għandu jkun ta' 0.2;

(c)  fejn il-kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni miżmum mill-istituzzjoni li ma jintużax għall-issodisfar tar-rekwiżiti ta' fondi proprji stipulati ▌ fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u r-rekwiżit ta' fondi proprji addizzjonali li jindirizza riskji oħra minbarra r-riskju ta' lieva finanzjarja eċċessiva stipulat fil-punt (a) tal-Artikolu 104(1) ta' din id-Direttiva espress bħala perċentwal tal-ammont tal-iskopertura totali għar-riskju kkalkulat f'konformità mal-Artikolu 92(3) ta' dak ir-Regolament, ikun jaqa' fi ħdan it-tielet wieħed minn erbgħa tar-rekwiżit ta' riżerva kombinata, il-fattur għandu jkun ta' 0.4;

(d)  fejn il-kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni miżmum mill-istituzzjoni li ma jintużax għall-issodisfar ta' kwalunkwe wieħed mir-rekwiżiti ta' fondi proprji stipulati fil-punti ▌(b) u (c) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u r-rekwiżit ta' fondi proprji addizzjonali li jindirizza riskji oħra minbarra r-riskju ta' lieva finanzjarja eċċessiva stipulat fil-punt (a) tal-Artikolu 104(1) ta' din id-Direttiva espress bħala perċentwal tal-ammont tal-iskopertura totali għar-riskju kkalkulat f'konformità mal-Artikolu 92(3) ta' dak ir-Regolament, ikun jaqa' fi ħdan ir-raba' wieħed minn erbgħa (jiġifieri l-ogħla) tar-rekwiżit ta' riżerva kombinata, il-fattur għandu jkun ta' 0,6.

Il-livelli inferjuri u superjuri ta' kull wieħed minn erbgħa tar-rekwiżit ta' riżerva kombinata għandhom jiġu kkalkulati kif ġej:

20190416-P8_TA-PROV(2019)0370_MT-p0000003.png

20190416-P8_TA-PROV(2019)0370_MT-p0000004.png

fejn:

Qn = in-numru ordinali tal-wieħed minn erbgħa kkonċernat.";

"

(52)  jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:"

"Artikolu 141a

Nuqqas li jiġi sodisfatt ir-rekwiżit ta' riżerva kombinata

▌Istituzzjoni għandha titqies li qed tonqos milli tissodisfa r-rekwiżit ta' riżerva kombinata għall-finijiet tal-Artikolu 141 fejn ma jkollhiex fondi proprji ▌f'ammont u tal-kwalità meħtieġa sabiex fl-istess ħin tissodisfa r-rekwiżit ta' riżerva kombinat u kull wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin fi:

(a)  il-punt (a) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u r-rekwiżit ta' fondi proprji addizzjonali li jindirizzaw riskji minbarra r-riskju ta' lieva finanzjarja eċċessiva skont il-punt (a) tal-Artikolu 104(1) ta' din id-Direttiva;

(b)  il-punt (b) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u r-rekwiżit ta' fondi proprji addizzjonali li jindirizzaw riskji minbarra r-riskju ta' lieva finanzjarja eċċessiva skont il-punt (a) tal-Artikolu 104(1) ta' din id-Direttiva;

(c)  il-punt (c) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u r-rekwiżit ta' fondi proprji addizzjonali li jindirizzaw riskji minbarra r-riskju ta' lieva finanzjarja eċċessiva skont il-punt (a) tal-Artikolu 104(1) ta' din id-Direttiva.

Artikolu 141b

Restrizzjoni fuq id-distribuzzjonijiet f'każ ta' nuqqas ta' ssodisfar tar-rekwiżit ta' riżerva għall-proporzjon ta' lieva finanzjarja

1.  Istituzzjoni li tissodisfa r-rekwiżit ta' riżerva għall-proporzjon ta' lieva finanzjarja skont l-Artikolu 92(1a) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 ma għandhiex tagħmel distribuzzjoni b'rabta mal-kapital tal-Grad 1 tant li tnaqqas il-kapital tal-Grad 1 tagħha sa livell li fih ma jibqax sodisfatt ir-rekwiżit ta' riżerva għall-proporzjon ta' lieva finanzjarja.

2.  Istituzzjoni li tonqos milli tissodisfa r-rekwiżit ta' riżerva għall-proporzjon ta' lieva finanzjarja għandha tikkalkula l-ammont massimu distribwibbli ("AMD") marbut mal-proporzjon ta' lieva finanzjarja f'konformità mal-paragrafu 4 u għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti dwar dak l-AMD marbut mal-proporzjon tal-ingranaġġ.

Meta jkun japplika l-ewwel subparagrafu, l-istituzzjoni ma għandha twettaq l-ebda azzjoni minn dawn ġejjin qabel ma tkun ikkalkulat l-AMD marbut mal-proporzjon tal-ingranaġġ:

(a)  tagħmel distribuzzjoni b'rabta mal-kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni;

(b)  toħloq obbligu li titħallas rimunerazzjoni varjabbli jew benefiċċji diskrezzjonarji tal-pensjoni jew li titħallas rimunerazzjoni varjabbli jekk l-obbligu ta' pagament ikun inħoloq fi żmien meta l-istituzzjoni tkun naqset milli tissodisfa r-rekwiżit ta' riżerva kombinata;

(c)  tagħmel pagamenti fuq strumenti tal-Grad 1 Addizzjonali.

3.  Fejn istituzzjoni tonqos milli tissodisfa jew taqbeż ir-rekwiżit ta' riżerva għall-proporzjon ta' lieva finanzjarja tagħha, ma għandhiex tiddistribwixxi aktar mill-AMD marbut mal-proporzjon tal-ingranaġġ ikkalkulat f'konformità mal-paragrafu 4 permezz ta' kwalunkwe azzjoni msemmija fil-punt (a), (b) u (c) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2.

4.  L-istituzzjonijiet għandhom jikkalkulaw l-AMD marbut mal-proporzjon tal-ingranaġġ billi jimmultiplikaw is-somma kkalkulata skont il-paragrafu 5 bil-fattur iddeterminat skont il-paragrafu 6. L-AMD marbut mal-proporzjon tal-ingranaġġ għandu jitnaqqas bi kwalunkwe ammont li jirriżulta minn kwalunkwe waħda mill-azzjonijiet imsemmija fil-punt (a), (b) jew (c) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2.

5.  Is-somma li trid tiġi mmultiplikata skont il-paragrafu 4 għandha tikkonsisti f'dawn:

(a)  il-profitti interim mhux inklużi fil-kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 netti minn kwalunkwe distribuzzjoni ta' profitti jew kwalunkwe pagament relatat mal-azzjonijiet imsemmija fil-punt (a), (b) jew (c) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu;

biż-żieda

(b)  tal-profitti ta' tmiem is-sena mhux inklużi fil-kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 netti minn kwalunkwe distribuzzjoni ta' profitti jew kwalunkwe pagament relatat mal-azzjonijiet imsemmija fil-punt (a), (b) jew (c) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu;

li minnhom jitnaqqsu

(c)  l-ammonti li jkunu pagabbli f'taxxa li kieku kellhom jinżammu l-elementi speċifikati fil-punti (a) u (b) ta' dan il-paragrafu.

6.  Il-fattur imsemmi fil-paragrafu 4 għandu jiġi ddeterminat kif ġej:

(a)  fejn il-kapital tal-Grad 1 miżmum mill-istituzzjoni li ma jintużax għall-issodisfar tar-rekwiżiti skont il-punt (d) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u skont il-punt (a) tal-Artikolu 104(1) ta' din id-Direttiva meta jiġi indirizzat ir-riskju ta' lieva finanzjarja eċċessiva li ma jkunx kopert biżżejjed mill-punt (d) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, espress bħala perċentwal tal-miżura totali tal-iskopertura kkalkulata skont l-Artikolu 429(4) ta’ dak ir-Regolament, ikun jaqa' fi ħdan l-ewwel (jiġifieri l-anqas) wieħed minn erbgħa tar-rekwiżit ta' riżerva għall-proporzjon ta' lieva finanzjarja, il-fattur għandu jkun ta' 0;

(b)  fejn il-kapital tal-Grad 1 miżmum mill-istituzzjoni li ma jintużax għall-issodisfar tar-rekwiżiti skont il-punt (d) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u skont il-punt (a) tal-Artikolu 104(1) ta' din id-Direttiva meta jiġi indirizzat ir-riskju ta' lieva finanzjarja eċċessiva li ma jkunx kopert biżżejjed mill-punt (d) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, espress bħala perċentwal tal-miżura totali tal-iskopertura kkalkulata f'konformità mal-Artikolu 429(4) ta’ dak ir-Regolament, ikun jaqa' fi ħdan it-tieni wieħed minn erbgħa tar-rekwiżit ta' riżerva għall-proporzjon ta' lieva finanzjarja, il-fattur għandu jkun ta' 0.2;

(c)  fejn il-kapital tal-Grad 1 miżmum mill-istituzzjoni li ma jintużax għall-issodisfar tar-rekwiżiti skont il-punt (d) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u skont il-punt (a) tal-Artikolu 104(1) ta' din id-Direttiva meta jiġi indirizzat ir-riskju ta' lieva finanzjarja eċċessiva li ma jkunx kopert biżżejjed mill-punt (d) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, espress bħala perċentwal tal-miżura totali tal-iskopertura kkalkulata f'konformità mal-Artikolu 429(4) ta’ dak ir-Regolament, ikun jaqa' fi ħdan it-tielet wieħed minn erbgħa tar-rekwiżit ta' riżerva għall-proporzjon ta' lieva finanzjarja, il-fattur għandu jkun ta' 0.4;

(d)  fejn il-kapital tal-Grad 1 miżmum mill-istituzzjoni li ma jintużax għall-issodisfar tar-rekwiżiti skont il-punt (d) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u skont il-punt (a) tal-Artikolu 104(1) ta' din id-Direttiva meta jiġi indirizzat ir-riskju ta' lieva finanzjarja eċċessiva li ma jkunx kopert biżżejjed mill-punt (d) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, espress bħala perċentwal tal-miżura totali tal-iskopertura kkalkulata skont l-Artikolu 429(4) ta’ dak ir-Regolament, ikun jaqa' fi ħdan ir-raba' wieħed minn erbgħa(jiġifieri l-ogħla) tar-rekwiżit ta' riżerva għall-proporzjon ta' lieva finanzjarja, il-fattur għandu jkun ta' 0,6.

Il-livelli inferjuri u superjuri ta' kull wieħed minn erbgħa tar-rekwiżit ta' riżerva għall-proporzjon ta' lieva finanzjarja għandhom jiġu kkalkulati kif ġej:

20190416-P8_TA-PROV(2019)0370_MT-p0000005.png

20190416-P8_TA-PROV(2019)0370_MT-p0000006.png

fejn:

Qn = in-numru ordinali tal-wieħed minn erbgħa kkonċernat.

7.  Ir-restrizzjonijiet imposti minn dan l-Artikolu għandhom japplikaw biss għall-pagamenti li jirriżultaw fi tnaqqis fil-kapital tal-Grad 1 jew fi tnaqqis tal-profitti, u fejn is-sospensjoni tal-pagament jew in-nuqqas li jsir il-pagament ma tikkostitwixxix każ ta' inadempjenza jew kondizzjoni għall-ftuħ ta' proċedimenti skont ir-reġim ta' insolvenza applikabbli għall-istituzzjoni.

8.  Fejn istituzzjoni tonqos milli tissodisfa r-rekwiżit ta' riżerva għall-proporzjon ta' lieva finanzjarja tagħha u beħsiebha tiddistribwixxi kwalunkwe profitt distribwibbli tagħha jew twettaq azzjoni msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, hija għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti u tipprovdi l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 141(8), bl-eċċezzjoni tal-punti (a)(iii) tiegħu, u tal-AMD marbut mal-proporzjon tal-ingranaġġ ikkalkulat f'konformità mal-paragrafu 4 ta’dan l-Artikolu.

9.  L-istituzzjonijiet għandhom iżommu arranġamenti biex jiżguraw li l-ammont tal-profitti distribwibbli u l-AMD marbut mal-proporzjon tal-ingranaġġ ikunu kkalkulati b'mod preċiż, u għandhom ikunu f'qagħda li juru dik il-preċiżjoni lill-awtorità kompetenti fuq talba.

10.  Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, id-distribuzzjoni marbuta mal-kapital tal-Grad 1 għandha tinkludi kwalunkwe element elenkat fl-Artikolu 141(10).

Artikolu 141c

Nuqqas li jiġi sodisfatt ir-rekwiżit ta' riżerva għall-proporzjon ta' lieva finanzjarja

Istituzzjoni għandha titqies li mhijiex qed tissodisfa r-rekwiżit ta' riżerva għall-proporzjon ta' lieva finanzjarja tagħha għall-finijiet tal-Artikolu 141b ta' din id-Direttiva fejn ma jkollhiex kapital tal-Grad 1 fl-ammont meħtieġa sabiex fl-istess ħin tissodisfa r-rekwiżit stipulat fl-Artikolu 92(1a) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u r-rekwiżit stipulat fil punt (d) tal-Artikolu 92(1) ta' dak ir-Regolament u fil-punt (a) tal-Artikolu 104(1) ta' din id-Direttiva meta jiġi indirizzat riskju ta' lieva finanzjarja eċċessiva mhux kopert biżżejjed mill-punt (d) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.";

"

(53)  fl-Artikolu 142(1), l-ewwel subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:"

"1. Fejn istituzzjoni tonqos milli tissodisfa r-rekwiżit ta' riżerva jew, fejn applikabbli, ir-rekwiżit ta' friżerva għall-proporzjon ta' lieva finanzjarja tagħha, għandha tħejji pjan ta' konservazzjoni kapitali u tippreżentah lill-awtorità kompetenti mhux aktar tard minn ħamest ijiem tax-xogħol wara li tkun identifikat li kienet qed tonqos li tissodisfa dak ir-rekwiżit, sakemm l-awtorità kompetenti ma tawtorizzax dewmien itwal ta' mhux aktar minn 10 ijiem.";

"

(54)  fl-Artikolu 143(1), il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"(c) il-kriterji ġenerali u l-metodoloġiji li jużaw fir-rieżami u l-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 97, inkluż il-kriterji għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta' proporzjonalità kif imsemmi fl-Artikolu 97(4);";

"

(55)  l-Artikolu 146 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"Artikolu 146

Atti ta' implimentazzjoni

Skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 147(2), bidla fl-ammont ta' kapital inizjali preskritt fl-Artikolu 12 u t-titolu IV biex jitqiesu l-iżviluppi fil-qasam ekonomiku u monetarju għandha tiġi adottata permezz ta' atti ta' implimentazzjoni.";

"

(56)  il-Kapitolu li ġej jiddaħħal wara l-Artikolu 159:"

''KAPITOLU 1a

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali ta' kumpanniji azzjonarji finanzjarji u ta' kumpanniji azzjonarji finanzjarji mħallta

Artikolu 159a

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali bl-approvazzjoni ta' kumpanniji azzjonarji finanzjarji u ta' kumpanniji azzjonarji finanzjarji mħallta

Kumpanniji azzjonarji finanzjarji omm u kumpanniji azzjonarji finanzjarji omm imħallta diġà eżistenti dakinhar … [id-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva emendatorja] għandhom japplikaw għall-approvazzjoni f'konformità mal-Artikolu 21a sa … [sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva emendatorja]. Jekk il-kumpannija azzjonarja finanzjarja jew il-kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta tonqos milli tapplika għall-approvazzjoni sa … [sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva emendatorja], għandhom jittieħdu l-miżuri adatti skont l-Artikolu 21a(6).

Matul il-perijodu tranżizzjonali msemmija fl-ewwel paragrafu ta' dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħat superviżorji kollha meħtieġa mogħtija lilhom minn din id-Direttiva fir-rigward ta' kumpanniji azzjonarji finanzjarji jew kumpanniji azzjonarji finanzjarji mħallta soġġett għall-approvazzjoni f'konformità mal-Artikolu 21a għall-finijiet ta' superviżjoni kkonsolidata.";

"

(57)  fl-Artikolu 161, jiżdied il-paragrafu li ġej:"

"10. Sal-31 ta' Diċembru 2023, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina u tirrapporta dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tas-setgħat superviżorji msemmija fil-punt (j) u (l) tal-Artikolu 104(1) u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.".

"

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa … [18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva emendatorja]▌ il-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dak ir-rigward.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri minn … [18-il xahar + jum wieħed wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva]. Madankollu, id-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-konformità mal-emendi stabbiliti fil-punt (21) u l-punti (29)(a), (b) u (c) tal-Artikolu 1 ta' din id-Direttiva fir-rigward tal-Artikolu 84 u l-Artikolu 98(5) u (5a) tad-Direttiva 2013/36/UE għandhom japplikaw minn … [sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva emendatorja] u d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-konformità mal-emendi stipulati fil-punti (52) u (53) tal-Artikolu 1 ta' din id-Direttiva fir-rigward tal-Artikoli 141b, 141c u l-Artikolu 142(1) tad-Direttiva 2013/36/UE għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2022.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi ta' kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi ...,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

______________

(1)ĠU C 34, 31.1.2018, p. 5.
(2)ĠU C 209, 30.6.2017, p. 36.
(3)Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ April 2019.
(4)Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p.338).
(5)Ir-Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
(6)Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).
(7)Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).
(8)Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).
(9)Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).
(10)Ir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1).
(11) ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

Aġġornata l-aħħar: 26 ta' April 2019Avviż legali