Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/0232(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0011/2019

Testi mressqa :

A8-0011/2019

Dibattiti :

PV 15/04/2019 - 19
CRE 15/04/2019 - 19

Votazzjonijiet :

PV 16/04/2019 - 8.17

Testi adottati :

P8_TA(2019)0375

Testi adottati
PDF 219kWORD 68k
It-Tlieta, 16 ta' April 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni Ewropea tas-sistema finanzjarja u l-istabbiliment tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku ***I
P8_TA-PROV(2019)0375A8-0011/2019
Riżoluzzjoni
 Test konsolidat

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (COM(2017)0538 – C8-0317/2017 – 2017/0232(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0538),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0317/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-2 ta’ Marzu 2018(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-15 ta' Frar 2018(2),

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-1 ta' April 2019, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0011/2019),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU C 120, 6.4.2018, p. 2.
(2) ĠU C 227, 28.6.2018, p. 63.


Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-16 ta’ April 2019 bil-ħsieb ta’ l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/… tal-Parlament Ewropew li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS)(1)
P8_TC1-COD(2017)0232

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja(3),

Billi:

(1)  F'konformità mal-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010(4) (ir-Regolament tal-BERS), il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, fuq il-bażi ta' rapport(5) mill-Kummissjoni, eżaminaw ir-Regolament tal-BERS biex jiddeterminaw jekk hemmx bżonn li l-missjoni u l-organizzazzjoni tal-BERS jiġu riveduti. Il-modalitajiet għad-deżinjazzjoni tal-President tal-BERS ġew ukoll rieżaminati.

(2)  Ir-rapport tal-2017 tal-Kummissjoni dwar il-missjoni u l-organizzazzjoni tal-BERS(6) jikkonkludi li, filwaqt li l-BERS ġeneralment jiffunzjona tajjeb, huwa meħtieġ titjib f'ċerti punti speċifiċi.

(2a)  Il-bidliet istituzzjonali reċenti relatati mal-Unjoni Bankarja, flimkien ma' sforzi biex tinkiseb unjoni tas-swieq kapitali, kif ukoll bidla teknoloġika, biddlu effettivament l-ambjent operattiv tal-BERS sa mill-bidu tiegħu. Jenħtieġ li l-BERS jikkontribwixxi għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni tar-riskji sistemiċi għall-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni u b'hekk għall-kisba tal-objettivi tas-suq intern. Is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja hija parti integrali mis-Sistema Ewropea ta' Superviżjoni Finanzjarja. Dawn l-arranġamenti istituzzjonali billi jidentifikaw u jindirizzaw effettivament ir-riskji mikro u makroprudenzjali jistgħu jiżguraw li l-partijiet ikkonċernati kollha jkollhom biżżejjed fiduċja biex jieħdu sehem f'attivitajiet finanzjarji, partikolarment dawk transkonfinali. Bil-promozzjoni ta' tweġibiet ta' politika fil-ħin u konsistenti bejn l-Istati Membri għar-riskji sistemiċi identifikati, il-BERS jenħtieġ li jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta' approċċi diverġenti u għat-titjib tal-funzjonament tas-suq intern.

(3)  Il-kompożizzjoni wiesgħa tal-membri tal-Bord Ġenerali tal-BERS hija ass maġġuri. Żviluppi reċenti fl-arkitettura superviżorja finanzjarja tal-Unjoni, u b'mod partikolari t-twaqqif ta' Unjoni Bankarja, madankollu mhumiex riflessi fil-kompożizzjoni ta' dak il-Bord Ġenerali. Għal dik ir-raġuni, il-President tal-Bord Superviżorju tal-BĊE u l-President tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni jenħtieġ li jsiru membri mingħajr id-dritt tal-vot tal-Bord Ġenerali tal-BERS. Jenħtieġ li jsiru wkoll aġġustamenti korrispondenti ▌għall-Kumitat Tekniku Konsultattiv ▌.

(4)  Il-President tal-BĊE ppresieda l-BERS għall-ewwel ħames snin tal-eżistenza tiegħu, u wara dan kompla jippresiedi l-BERS fuq bażi interim. Matul dak il-perjodu, il-President tal-BĊE kkonferixxa awtorità u kredibilità lill-BERS u żgura li l-BERS ikun jista' b'mod effettiv jsawwar u joqgħod fuq l-għarfien espert tal-BĊE fil-qasam tal-istabbiltà finanzjarja. Għaldaqstant huwa adatt li l-President tal-BĊE jippresiedi l-BERS fuq bażi permanenti.

(4a)  Il-BERS huwa responsabbli mis-sorveljanza makroprudenzjali tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni u jikkontribwixxi għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni ta' riskji sistemiċi fl-Unjoni jew f'partijiet minnha. Għaldaqstant, il-BERS mistenni jidentifika u jiddiskuti riskji għall-istabbiltà finanzjarja irrispettivament mill-oriġini tagħhom. Il-kondizzjonijiet monetarji jistgħu jkollhom implikazzjonijiet għall-istabbiltà finanzjarja. Filwaqt li l-indipendenza tal-banek ċentrali tkun rispettata b'mod sħiħ, huwa fil-mandat tas-sorveljanza makroprudenzjali tal-BERS li jiddiskuti dawn l-implikazzjonijiet. Il-BERS mistenni wkoll jissorvelja u jivvaluta r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja li jirriżultaw minn żviluppi li jista' jkollhom impatt fil-livell settorjali jew fil-livell tas-sistema finanzjarja b'mod ġenerali, inkluż riskji u vulnerabbiltajiet li jirriżultaw minn bidla teknoloġika jew minn fatturi ambjentali jew soċjali. Il-BERS mistenni wkoll janalizza l-iżviluppi barra mis-settur bankarju, inkluż dawk li jwasslu għat-tlestija tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali.

(4b)  Il-kisba tal-missjoni, l-objettivi u l-kompiti tal-BERS hija responsabbiltà kollettiva tal-membri tal-Bord Ġenerali. Il-membri kollha mistennija jsawru l-aġenda u l-programm ta' ħidma tal-BERS u jikkontribwixxu b'mod attiv għall-ħidma regolari tiegħu. B'mod partikolari, il-membri huma mistennija jiġbdu l-attenzjoni tal-membri l-oħra tal-Bord Ġenerali għal suġġetti rilevanti.

(5)  Sabiex tissaħħaħ il-viżibbiltà tal-BERS ▌, il-President tal-BERS jenħtieġ li jkun jista' jiddelega kompiti, bħal kompiti relatati mar-rappreżentanza esterna tal-BERS lill-ewwel Viċi President jew, jekk l-ewwel Viċi President ma jkunx disponibbli u fejn ikun adatt, lit-tieni Viċi President jew lill-kap tas-Segretarjat tal-BERS. Jenħtieġ li tali delegazzjoni ma testendix sal-parteċipazzjoni fi smigħ pubbliku u f'diskussjonijiet mhux pubbliċi fil-Parlament Ewropew.

(6a)  Sabiex tkun prevista flessibbiltà fir-rigward tal-għażla tal-Membru bi drittijiet tal-vot fuq il-Bord Ġenerali, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħżlu r-rappreżentant tal-vot tagħhom bejn il-Gvernatur tal-bank ċentrali nazzjonali u rappreżentant ta' livell għoli ta' awtorità deżinjata skont id-Direttiva 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 575/2013, fejn dik l-awtorità deżinjata jkollha r-rwol ewlieni fl-istabbiltà finanzjarja fil-qasam ta' kompetenza tagħha. Din il-flessibbiltà rigward l-għażla tal-Membru bi drittijiet tal-vot ma għandha l-ebda effett fuq l-Istati Membri fejn il-bank ċentrali nazzjonali jkun awtorità deżinjata f'konformità mad-Direttiva 2013/36 u r-Regolament (UE) Nru 575/2013. Biex tiġi evitata l-influwenza politika, l-ebda membru tal-Bord Ġenerali ma għandu jkollu kariga fil-gvern ċentrali ta' Stat Membru.

(7)  F'konformità mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010, l-ewwel Viċi President tal-BERS sa issa kien elett mill-membri tal-Kunsill Ġenerali tal-BĊE u minn fosthom, rigward il-ħtieġa li jkun hemm rappreżentanza bbilanċjata tal-Istati Membri b'mod ġenerali u bejn dawk li l-munita tagħhom hija l-euro u dawk li l-munita tagħhom mhijiex l-euro. Wara l-ħolqien tal-Unjoni Bankarja, huwa adatt li r-referenza għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u dawk li l-munita tagħhom mhijiex l-euro tiġi sostitwita b'referenza għall-Istati Membri li jipparteċipaw fl-Unjoni Bankarja u dawk li ma jipparteċipawx. L-ewwel Viċi President għandu jiġi elett mill-membri votanti nazzjonali tal-Bord Ġenerali u minn fosthom, b'riflessjoni tal-flessibbiltà akbar fir-rigward tas-sħubija tal-Bord Ġenerali.

(7a)  L-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1096/2010(7) jistipula li l-kap tas-Segretarjat tal-BERS għandu jinħatar mill-BĊE, f'konsultazzjoni mal-Bord Ġenerali tal-BERS. Sabiex il-kap tas-Segretarjat tal-BERS jingħata iżjed viżibbiltà, jenħtieġ li l-Bord Ġenerali tal-BERS jivvaluta, fi proċedura miftuħa u trasparenti, jekk il-kandidati fil-lista finali għall-kariga ta' Kap tas-Segretarjat tal-BERS għandhomx il-kwalitajiet u l-esperjenza meħtieġa biex jimmaniġġaw is-Segretarjat tal-BERS. Jenħtieġ li l-BĊE jikkunsidra li jiftaħ sistematikament il-proċedura tal-għażla għal kandidati esterni. Il-Bord Ġenerali jenħtieġ li jinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-proċedura ta' valutazzjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu ċċarati l-kompiti tal-kap tas-Segretarjat tal-BERS.

(8)  Minħabba l-emendi għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)(8), u b'mod partikolari l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010 mill-Istati Membri taż-ŻEE, jenħtieġ li l-Artikolu 9(5) ta' dak ir-Regolament jiġi emendat.

(9)  Sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż u sabiex tittejjeb l-effiċjenza proċedurali, jenħtieġ li l-għadd ta' rappreżentanti tal-Kummissjoni fil-Kumitat Tekniku Konsultattiv tal-BERS jitnaqqas miż-żewġ rappreżentanti li hemm bħalissa għal rappreżentant wieħed.

(10)  B'kont meħud tal-kompetenzi mogħtija lill-BĊE bir-Regolament (UE) Nru 1024/2013, jenħtieġ li l-BĊE jiżdied bħala destinatarju possibbli tat-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-BERS għall-kompiti mogħtija lill-BĊE skont l-Artikoli 4(1), 4(2) u 5(2) ta' dak ir-Regolament. Jenħtieġ li jiżdiedu wkoll l-Awtoritajiet ta' Riżoluzzjoni Nazzjonali stabbiliti skont id-Direttiva 59/2014 u l-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 806/2014. L-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010 jirrikjedi li t-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-BERS jiġu trażmessi lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u li, meta jkunu indirizzati lil awtorità ta' sorveljanza nazzjonali waħda jew aktar, dawn jiġu trażmessi wkoll lill-ESAs. Biex jissaħħu l-kontroll demokratiku u t-trasparenza, jenħtieġ ukoll li dawk it-twissijiet u rakkomandazzjonijiet jiġu trażmessi lill-Parlament Ewropew u lill-ESAs. Fejn adatt, il-Bord Ġenerali għandu jirrikjedi li jiġi konkluż ftehim biex tkun żgurata l-kunfidenzjalità meta jkunu qed jintbagħtu twissijiet jew rakkomandazzjonijiet kunfidenzjali jew mhux pubbliċi.

(10a)  Membri tal-BERS mill-banek ċentrali nazzjonali, mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u mill-awtoritajiet nazzjonali fdati bit-twettiq tal-politika makroprudenzjali jenħtieġ li jkunu jistgħu jużaw l-informazzjoni li jirċievu mill-BERS waqt il-kompiti tagħhom u b'rabta mal-kompiti tal-BERS, inkluż għall-eżerċizzju tal-kompiti statutorji tagħhom.

(10b)  Jenħtieġ li l-BERS jiffaċilita l-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali jew il-korpi responsabbli mill-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u l-korpi tal-Unjoni relatati mal-miżuri mfassla biex jindirizzaw ir-riskju sistemiku fis-sistema finanzjarja kollha tal-Unjoni.

(11)  Biex jiġu żgurati l-kwalità u r-rilevanza tal-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet, it-twissijiet u d-deċiżjonijiet tal-BERS, il-Kumitat Tekniku Konsultattiv u l-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv mistennija jikkonsultaw lill-partijiet ikkonċernati, fejn adatt, fi stadju bikri u b'mod miftuħ u trasparenti, u biex dan isir bl-aktar mod wiesa' possibbli biex ikun żgurat approċċ inklużiv lejn il-partijiet interessati kollha.

(11a)  Waqt ir-rieżami tal-missjoni u l-organizzazzjoni tal-BERS, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkunsidra b'mod partikolari mudelli istituzzjonali possibbli oħra. Jenħtieġ li tikkunsidra wkoll jekk fl-organizzazzjoni tal-BERS għadux xieraq il-bilanċ bejn l-Istati Membri li qed jieħdu sehem fl-Unjoni Bankarja u dawk li mhumiex.

(12)  Ir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 jenħtieġ għalhekk li jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 1092/2010 huwa emendat kif ġej:

(-1)  Fl-Artikolu 2, il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"(c) "riskju sistemiku" tfisser riskju ta' tfixkil fis-sistema finanzjarja bil-potenzjal li jkun hemm konsegwenzi negattivi serji għall-ekonomija reali tal-Unjoni jew ta' Stat Membru tagħha wieħed jew aktar u għall-funzjonament tas-suq intern. It-tipi kollha ta' intermedjarji, swieq u infrastrutturi finanzjarji jistgħu jkunu potenzjalment xi ftit jew wisq sistemikament importanti.";

"

(1)  L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)  għandu jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:"

"2a. Meta jiġi kkonsultat dwar il-ħatra tal-kap tas-Segretarjat tal-BERS f'konformità mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1096/2010*, il-Bord Ġenerali, wara proċedura miftuħa u trasparenti, għandu jivvaluta jekk il-kandidati fil-lista finali għall-kariga ta' kap tas-Segretarjat tal-BERS għandhomx il-kwalitajiet, l-imparzjalità u l-esperjenza meħtieġa biex jimmaniġġaw is-Segretarjat tal-BERS. Il-Bord Ġenerali għandu jinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fid-dettall biżżejjed dwar il-proċedura ta' valutazzjoni u ta' konsultazzjoni.

_____________________

* Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1096/2010 tas-17 ta' Novembru 2010 li jagħti lill-Bank Ċentrali Ewropew kompiti speċifiċi rigward il-funzjonament tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 162).";

"

(b)  għandu jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:"

"3a. Meta jagħtu struzzjonijiet lill-kap tas-Segretarjat tal-BERS f'konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1096/2010, il-President tal-BERS u l-Kumitat tat-Tmexxija jistgħu ▌jindirizzaw dan li ġej:

(a)  il-ġestjoni ta' kuljum tas-Segretarjat tal-BERS;

(b)  kull kwistjoni amministrattiva u baġitarja relatata mas-Segretarjat tal-BERS;

(c)  il-koordinament u t-tħejjija tal-ħidma u tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Bord Ġenerali;

(d)  it-tħejjija tal-proposta għall-programm annwali tal-BERS u l-implimentazzjoni tiegħu;

(e)  it-tħejjija tar-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-BERS u r-rappurtar lill-Bord Ġenerali dwar l-implimentazzjoni tal-programm annwali.";

"

(2)  L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)  il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b'dan li ġej:"

"1. Il-BERS għandu jkun ippresedut mill-President tal-BĊE.

2.  L-ewwel Viċi President għandu jkun elett mill-membri votanti nazzjonali tal-Bord Ġenerali u minn fosthom għal terminu ta' ħames snin, b'kunsiderazzjoni għall-ħtieġa ta' rappreżentanza bilanċjata tal-Istati Membri ▌ bejn dawk li huma Stati Membri parteċipanti kif definiti fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013**, u dawk li mhumiex. L-ewwel Viċi-President jista' jiġi rielett darba biss.

_____________________

** Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).";

"

(b)  il-paragrafu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"8. Il-President għandu jirrappreżenta lill-BERS esternament. Il-President jista' jiddelega kompiti, bħal kompiti relatati mar-rappreżentanza esterna tal-BERS, inkluż il-preżentazzjoni tal-programm ta' ħidma, lill-ewwel Viċi President jew, jekk l-ewwel Viċi President ma jkunx disponibbli u fejn ikun adatt, lit-tieni Viċi President jew lill-kap tas-Segretarjat. Kompiti relatati mal-obbligi ta' responsabbiltà u ta' rappurtar tal-BERS stipulati fl-Artikolu 19(1), (4) u (5) ma jistgħux jiġu delegati.";

"

(3)  L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)  il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(-i)  il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"(b) il-Gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali. L-Istati Membri fejn il-bank ċentrali nazzjonali ma jkunx l-awtorità deżinjata skont id-Direttiva 2013/36/UE jew ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u fejn dik l-awtorità deżinjata jkollha r-rwol ewlieni fl-istabbiltà finanzjarja fil-qasam ta' kompetenza tagħha jistgħu inkella jinnominaw rappreżentant ta' livell għoli ta' awtorità deżinjata skont id-Direttiva 2013/36/UE jew ir-Regolament (UE) Nru 575/2013.";

"

(-ia)  il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"(c) rappreżentant tal-Kummissjoni;";

"

(b)  il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)  il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"(a) soġġett għad-deċiżjoni ta' kull Stat Membru f'konformità mal-paragrafu 1(b) u skont il-paragrafu 3, rappreżentant ta' livell għoli wieħed għal kull Stat Membru jew tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jew ta' awtorità nazzjonali fdata bit-twettiq ta' politika makroprudenzjali jew tal-bank ċentrali nazzjonali. Fejn il-Gvernatur tal-bank ċentrali nazzjonali ma jkunx il-membru votanti msemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1, rappreżentant ta' livell għoli tal-bank ċentrali nazzjonali għandu jkun il-membru mhux votanti;";

"

(ia)  jiddaħħlu l-punti (ba) u (bb) ġodda:"

"(ba) il-President tal-Bord Superviżorju tal-BĊE;

(bb)  il-President tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni.";

"

(c)  il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"3. Fir-rigward tar-rappreżentanza tal-awtoritajiet nazzjonali msemmija fil-paragrafu 2(a), ir-rappreżentanti ta' livell għoli rispettivi għandhom jalternaw b'rotazzjoni skont is-suġġett diskuss, sakemm l-awtoritajiet nazzjonali ta' xi Stat Membru partikolari ma jkunux qablu fuq rappreżentant komuni.";

"

(3a)  L-Artikolu 7(1) huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"1. Meta jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Bord Ġenerali u tal-Kumitat tat-Tmexxija jew meta jkunu qegħdin iwettqu kwalunkwe attività oħra relatata mal-BERS, il-membri tal-BERS għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom b'imparzjalità u biss fl-interess tal-Unjoni inġenerali. La għandhom ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet minn kwalunkwe gvern, istituzzjoni tal-Unjoni jew kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor.";

"

(3b)  Fl-Artikolu 7, għandu jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:"

"3a. L-ebda membru tal-Bord Ġenerali, votanti jew mhux votanti, ma għandu jkollu kariga fil-gvern ċentrali ta' Stat Membru.";

"

(3c)  Fl-Artikolu 8(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:"

"Dan il-paragrafu huwa mingħajr preġudizzju għad-diskussjonijiet bil-fomm kunfidenzjali li jsiru skont l-Artikolu 19(5).";

"

(3d)  L-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)  għandu jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:"

"2a. Il-membri tal-BERS mill-banek ċentrali nazzjonali, mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u mill-awtoritajiet nazzjonali fdati bit-twettiq tal-politika makroprudenzjali jistgħu, fil-kapaċità tagħhom bħala membri tal-BERS jipprovdu lill-awtoritajiet nazzjonali jew lill-korpi responsabbli mill-istabbiltà tas-sistema finanzjarja f'konformità mad-dritt tal-Unjoni jew mal-arranġamenti nazzjonali informazzjoni relatata mat-twettiq tal-kompiti fdati lill-BERS li hija meħtieġa għall-eżerċizzju tal-kompiti statutorji ta' dawk l-awtoritajiet jew korpi, dment li jiġu stabbiliti salvagwardji suffiċjenti biex ikun żgurat ir-rispett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni u l-arranġamenti nazzjonali rilevanti.

"

(b)  għandu jiddaħħal il-paragrafu 2b li ġej:"

"2b. Fejn l-informazzjoni toriġina minn awtoritajiet differenti minn dawk imsemmija fil-paragrafu 2a, il-membri tal-BERS mill-banek ċentrali nazzjonali, mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u mill-awtoritajiet nazzjonali fdati bit-twettiq tal-politika makroprudenzjali għandhom jużaw dik l-informazzjoni għall-eżerċizzju tal-kompiti statutorji tagħhom bil-qbil espliċitu ta' dawk l-awtoritajiet biss.";

"

(4)  ▌L-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)  il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"4. Fejn ikun xieraq, rappreżentanti ta' livell għoli minn organizzazzjonijiet finanzjarji internazzjonali li jwettqu attivitajiet relatati direttament mal-kompiti tal-BERS stipulati fl-Artikolu 3(2) jew il-President tal-Parlament Ewropew jew ir-rappreżentant tiegħu dwar suġġetti relatati mal-leġislazzjoni makroprudenzjali tal-UE jistgħu jiġu mistiedna jattendu l-laqgħat tal-Bord Ġenerali.";

"

(b)  il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"5. Il-parteċipazzjoni fil-ħidma tal-BERS tista' tkun miftuħa għar-rappreżentanti ta' livell għoli tal-awtoritajiet rilevanti minn pajjiżi terzi meta rilevanti għall-Unjoni. Jistgħu jsiru arranġamenti mill-BERS li jispeċifikaw, b'mod partikolari, in-natura, l-ambitu u l-aspetti proċedurali tal-involviment ta' dawk il-pajjiżi terzi fil-ħidma tal-BERS. Tali arranġamenti jistgħu jipprevedu rappreżentanza, fuq bażi ad hoc, bħala osservatur, fuq il-Bord Ġenerali u għandhom jikkonċernaw biss punti ta' rilevanza għall-Unjoni, filwaqt li jeskludu kwalunkwe każ fejn tista' tiġi diskussa s-sitwazzjoni ta' istituzzjonijiet finanzjarji individwali jew ta' Stati Membri.";

"

(c)  il-paragrafu 6 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"6. Il-proċedimenti tal-laqgħat għandhom ikunu kunfidenzjali. Il-Bord Ġenerali jista' jiddeċiedi li jagħmel pubbliku rendikont tad-deliberazzjonijiet tiegħu, soġġett għar-rekwiżiti ta' kunfidenzjalità applikabbli u b'tali mod li ma jippermettix l-identifikazzjoni tal-membri individwali tal-Bord Ġenerali jew ta' istituzzjonijiet individwali. Il-Bord Ġenerali jista' jiddeċiedi wkoll li jagħmel konferenzi stampa wara l-laqgħat tiegħu.";

"

(5)  L-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a)  il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(-i)  il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"(b) il-Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE responsabbli mill-Istabbiltà Finanzjarja u l-Politika Makroprudenzjali;";

"

(i)  il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"(c) erba' membri votanti nazzjonali tal-Bord Ġenerali ▌fir-rigward tal-ħtieġa ta' rappreżentanza bilanċjata tal-Istati Membri ▌bejn dawk li huma Stati Membri li qed jipparteċipaw kif definiti fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, u dawk li mhumiex. Huma għandhom jiġu eletti mill-membri tal-Bord Ġenerali ▌u minn fosthom għal perjodu ta' tliet snin;";

"

(ia)  il-punt (d) huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"(d) rappreżentant tal-Kummissjoni;";

"

(aa)  il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:"

"2. Il-President u l-ewwel Viċi President tal-BERS għandhom jorganizzaw flimkien il-laqgħat tal-Kumitat tat-Tmexxija tal-inqas darba kull tliet xhur, qabel kull laqgħa tal-Bord Ġenerali. Il-President u l-ewwel Viċi President jistgħu wkoll jorganizzaw flimkien laqgħat ad hoc.";

"

(6)  L-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(-a)  il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"1. Il-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv għandu jkun magħmul mill-President tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv u 15-il espert li jirrappreżentaw firxa wiesgħa ta' ħiliet, esperjenza u għarfien li jirrigwardaw is-setturi rilevanti kollha tas-swieq finanzjarji, proposti mill-Kumitat tat-Tmexxija u approvati mill-Bord Ġenerali għal mandat rinnovabbli ta' erba' snin. Il-persuni nominati ma għandhomx ikunu membri tal-ESAs u għandhom jintgħażlu abbażi tal-kompetenza ġenerali tagħhom kif ukoll tal-esperjenza varjata tagħhom f'oqsma akkademiċi jew setturi oħra, partikolarment fl-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju jew għaqdiet tal-ħaddiema, jew bħala fornituri jew konsumaturi ta' servizzi finanzjarji.";

"

(-aa)  il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"2. Il-President u ż-żewġ Viċi Presidenti tal-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv għandhom jinħatru mill-Bord Ġenerali wara proposta mill-President tal-BERS u għandu jkollhom kull wieħed livell għoli ta' kompetenza esperta u għarfien rilevanti, pereżempju bis-saħħa tal-isfond akkademiku u professjonali rilevanti tagħhom fis-settur bankarju, is-settur tas-swieq tat-titoli jew is-settur tal-assigurazzjoni u l-pensjonijiet tax-xogħol. Il-presidenza tal-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv għandha taħdem b'rotazzjoni bejn dawk it-tliet persuni.";

"

(-ab)  il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"3. Il-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv għandu jipprovdi parir u assistenza lill-BERS skont l-Artikolu 4(5), fuq it-talba tal-President tal-BERS jew tal-Bord Ġenerali.";

"

(a)  il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"5. Fejn adatt, il-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv għandu jorganizza konsultazzjonijiet fi stadju bikri flimkien mal-partijiet ikkonċernati bħall-parteċipanti fis-swieq, korpi tal-konsumaturi u esperti akkademiċi, b'mod miftuħ u trasparenti, filwaqt li jqis ir-rekwiżit tal-kunfidenzjalità. Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom jitwettqu bl-aktar mod wiesa' possibbli sabiex jiggarantixxu approċċ inklużiv fil-konfront tal-partijiet ikkonċernati kollha u tas-setturi finanzjarji rilevanti u għandhom jippermettu li l-partijiet ikkonċernati jkollhom żmien raġonevoli biex iwieġbu.";

"

(7)  L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)  il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)  il-punt (f) huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"(f) rappreżentant tal-Kummissjoni;";

"

(ii)  jiddaħħlu dawn il-punti (fa) u (fb) li ġejjin:"

"(fa) rappreżentant tal-Bord Superviżorju tal-BĊE;

(fb)  rappreżentant tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni;";

"

(aa)  il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"3. Il-Kumitat Tekniku Konsultattiv għandu jagħti parir u assistenza lill-BERS skont l-Artikolu 4(5) fuq talba tal-President tal-BERS jew tal-Bord Ġenerali";

"

(b)  għandu jiddaħħal il-paragrafu ▌li ġej:"

"4a. Fejn adatt, il-Kumitat Tekniku Konsultattiv għandu jorganizza konsultazzjonijiet fi stadju bikri flimkien mal-partijiet ikkonċernati bħall-parteċipanti fis-swieq, korpi tal-konsumaturi u esperti akkademiċi, b'mod miftuħ u trasparenti, filwaqt li jqis ir-rekwiżit tal-kunfidenzjalità. Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom jitwettqu bl-aktar mod wiesa' possibbli sabiex jiggarantixxu approċċ inklużiv fil-konfront tal-partijiet ikkonċernati kollha u tas-setturi finanzjarji rilevanti u għandhom jippermettu li l-partijiet ikkonċernati jkollhom żmien raġonevoli biex iwieġbu.";

"

(7a)  L-Artikolu 14 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"Fit-twettiq tal-kompiti stipulati fl-Artikolu 3(2), il-BERS għandu jfittex, fejn ikun adatt, il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati rilevanti mis-settur privat. Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom jitwettqu bl-aktar mod wiesa' possibbli sabiex jiggarantixxu approċċ inklużiv fil-konfront tal-partijiet ikkonċernati kollha u tas-setturi finanzjarji rilevanti u għandhom jippermettu li l-partijiet ikkonċernati jkollhom żmien raġonevoli biex iwieġbu.";

"

(7b)  L-Artikolu 15(7) huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"7. Qabel kull talba għal informazzjoni ta' natura superviżorja li ma tkunx fil-qosor jew f'għamla aggregata, il-BERS għandu jikkonsulta debitament mal-Awtorità Superviżorja Ewropea rilevanti sabiex jiżgura li t-talba tkun ġustifikata u proporzjonata. Jekk l-Awtorità Superviżorja Ewropea rilevanti ma tikkunsidrax it-talba bħala ġustifikata u proporzjonata, hija għandha, mingħajr dewmien, tibgħat it-talba lura għand il-BERS u titlob għal ġustifikazzjoni addizzjonali. Wara li l-BERS ikun ta lill-Awtorità Superviżorja Ewropea rilevanti tali ġustifikazzjoni addizzjonali, l-informazzjoni mitluba għandha tiġi trażmessa lill-BERS mid-destinatarji tat-talba, dment li dawn ikollhom aċċess legali għall-informazzjoni rilevanti.";

"

(8)  L-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej:

(a)  ▌il-paragrafu 2 ▌huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"2. "Twissijiet jew rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-BERS f'konformità mal-punti (c) u (d) tal-Artikolu 3(2) jistgħu jkunu jew ta' natura ġenerali jew ta' natura speċifika u għandhom ikunu indirizzati b'mod partikolari lill-Unjoni, lil Stat Membru wieħed jew aktar, lil waħda jew aktar mill-ESAs, lil waħda jew aktar mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, lil awtorità nazzjonali waħda jew aktar deżinjata għall-applikazzjoni ta' miżuri mmirati lejn l-indirizzar ta' riskju sistemiku jew makroprudenzjali, jew lill-BĊE għall-kompiti mogħtija lill-BĊE f'konformità mal-Artikoli 4(1), 4(2) u 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, jew lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni nazzjonali u l-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni. F'każ li twissija jew rakkomandazzjoni tkun indirizzata lil waħda jew aktar mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, l-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati għandhom jiġu infurmati wkoll b'dan. Ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jinkludu skeda ta' żmien speċifikata għat-tweġiba ta' politika. Ir-rakkomandazzjonijiet jistgħu jkunu indirizzati wkoll lill-Kummissjoni fir-rigward tal-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni.";

"

(b)  il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"3. Fl-istess ħin li jiġu trażmessi lid-destinatarji f'konformità mal-paragrafu 2, it-twissijiet jew ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu trażmessi, f'konformità ma' regoli stretti ta' kunfidenzjalità, lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kummissjoni u lill-ESAs. Fejn adatt, il-Bord Ġenerali għandu jirrikjedi li jiġi konkluż ftehim biex tkun żgurata l-kunfidenzjalità meta jkunu qed jintbagħtu twissijiet jew rakkomandazzjonijiet kunfidenzjali jew mhux pubbliċi.";

"

(9)  fl-Artikolu 17, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b'dan li ġej:"

"1. Jekk rakkomandazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2)(d) tkun indirizzata lil wieħed mid-destinatarji elenkati fl-Artikolu 16(2), id-destinatarju għandu jikkomunika lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-BERS l-azzjonijiet li jkun ħa b'rispons għar-rakkomandazzjoni u għandu jissostanzja kull nuqqas ta' azzjoni. Fejn ikun rilevanti, il-BERS għandu, soġġett għal regoli stretti ta' kunfidenzjalità, jinforma lill-ESAs bit-tweġibiet riċevuti mingħajr dewmien.

2.  Jekk il-BERS jiddeċiedi li r-rakkomandazzjoni tiegħu ma tkunx ġiet segwita jew li d-destinatarji ma jkunux taw ġustifikazzjoni adatta għan-nuqqas ta' azzjoni tagħhom, il-BERS għandu, soġġett għal regoli stretti ta' kunfidenzjalità, jinforma lid-destinatarji, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-ESAs rilevanti b'dan.";

"

(9a)  fl-Artikolu 18, il-paragrafu 4 huwa emendat kif ġej:"

"4. Meta l-Bord Ġenerali jiddeċiedi li ma jagħmilx pubblika twissija jew rakkomandazzjoni, id-destinatarji, u fejn ikun adatt, il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-ESAs għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-protezzjoni tan-natura kunfidenzjali tagħhom.";

"

(9b)  L-Artikolu 19 huwa emendat kif ġej:

(a)  il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b'dan li ġej:"

"1. Mill-anqas darba fis-sena u aktar spiss f'każ ta' inkwiet finanzjarju mifrux, il-President tal-BERS għandu jiġi mistieden għal smigħ annwali fil-Parlament Ewropew mill-kumitat kompetenti, fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni tar-rapport annwali tal-BERS lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dak is-smigħ għandu jitmexxa b'mod separat mid-djalogu monetarju bejn il-Parlament Ewropew u l-President tal-BĊE.

2.  Ir-rapport annwali msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun fih l-informazzjoni li l-Bord Ġenerali jiddeċiedi li jagħmel pubblika skont l-Artikolu 18. Ir-rapport annwali għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Dan għandu jinkludi l-għoti ta' rendikont tar-riżorsi li jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-BERS skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 1096/2010.";

"

(b)  jiżdied il-paragrafu li ġej:"

"5a. Il-BERS għandu jwieġeb bil-fomm jew bil-miktub għall-mistoqsijiet li jsirulu mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Huwa għandu jwieġeb dawk il-mistoqsijiet fi żmien raġonevoli mingħajr dewmien bla bżonn. Meta tkun trażmessa informazzjoni kunfidenzjali, il-Parlament Ewropew għandu jiżgura l-kunfidenzjalità sħiħa ta' dik l-informazzjoni skont l-Artikolu 8 u l-Artikolu 19(5).";

"

(10)  L-Artikolu 20 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"Fi żmien ħames snin wara ▌d-dħul ▌fis-seħħ ta' dan ir-regolament, il-Kummissjoni għandha, wara li tkun ikkonsultat lill-membri tal-BERS, tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar jekk il-missjoni jew l-organizzazzjoni tal-BERS jeħtieġx tiġi rieżaminata, filwaqt li tikkunsidra wkoll mudelli alternattivi possibbli għal dak attwali.".

"

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-[...]jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

(1)* IL-FINALIZZAZZJONI LEGALI-LINGWISTIKA TA' DAN IT-TEST GĦADHA MA SARITX.
(2)ĠU C , , p. .
(3) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ April 2019.
(4)Ir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1).
(5)Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-missjoni u l-organizzazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, COM(2014) 508 final.
(6)Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Effect Analysis, Amendments to ESRB Regulation, COM(2017).
(7)Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1096/2010 tas-17 ta' Novembru 2010 li jagħti lill-Bank Ċentrali Ewropew kompiti speċifiċi rigward il-funzjonament tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 162).
(8)Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 198/2016 tat-30 ta' Settembru 2016 li temenda l-Anness IX (Servizzi Finanzjarji) tal-Ftehim ŻEE [2017/275] (ĠU L 46, 23.2.2017, p. 1).

Aġġornata l-aħħar: 24 ta' April 2019Avviż legali