Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2690(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0255/2019

Dibattiti :

PV 18/04/2019 - 6.1
CRE 18/04/2019 - 6.1

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2019 - 10.1
CRE 18/04/2019 - 10.1

Testi adottati :

P8_TA(2019)0422

Testi adottati
PDF 146kWORD 56k
Il-Ħamis, 18 ta' April 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Iċ-Ċina, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tal-minoranzi reliġjużi u etniċi
P8_TA-PROV(2019)0422RC-B8-0255/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2019 dwar iċ-Ċina, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tal-minoranzi reliġjużi u etniċi (2019/2690(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fiċ-Ċina, b'mod partikolari dawk tas-26 ta' Novembru 2009 dwar iċ-Ċina: id-drittijiet tal-minoranza u l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt(1), tal-10 ta' Marzu 2011 dwar is-sitwazzjoni u l-wirt kulturali f'Kashgar (ir-Reġjun Awtonomu Ujgur tax-Xinjiang)(2), tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar il-każijiet tal-Akkademja Buddista Tibetana ta' Larung Gar u Ilham Tohti(3), tat-12 ta' Settembru 2018 dwar il-qagħda tar-relazzjonijiet UE-Ċina(4) u tal-4 ta' Ottubru 2018 dwar id-detenzjoni arbitrarja tal-massa tal-Ujguri u l-Każaki fir-Reġjun Awtonomu Ujgur tax-Xinjiang(5),

–  wara li kkunsidra s-Sħubija Strateġika UE-Ċina, imnedija fl-2003, u l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-22 ta' Ġunju 2016 intitolata "Elementi għal strateġija ġdida tal-UE dwar iċ-Ċina"(JOIN(2016)0030),

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin, adottati mill-Kunsill Affarijiet Barranin fl-24 ta' Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/HR) tat-12 ta' Marzu 2019 intitolata "L-UE u ċ-Ċina: Ħarsa strateġika"(JOIN(2019)0005),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-21 Summit bejn l-UE u ċ-Ċina tad-9 ta' April 2019,

–  wara li kkunsidra d-djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem, imniedi fl-1995, u s-37 sessjoni tiegħu, li saret fi Brussell fl-1 u t-2 ta' April 2019,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 36 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li jiggarantixxi liċ-ċittadini kollha d-dritt għal-libertà tat-twemmin reliġjuż, u l-Artikolu 4 tagħha, li jiddefendi d-drittijiet tan-"nazzjonalitajiet f'minoranza",

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966, iffirmat miċ-Ċina fl-1998, iżda li ma ġiex ratifikat,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet konklużivi li jinsabu fir-rapport dwar iċ-Ċina tal-Kumitat tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, fil-qafas strateġiku dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, l-UE twiegħed li se tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, u l-istat tad-dritt "fl-oqsma kollha tal-azzjoni esterna tagħha, mingħajr eċċezzjoni" u li l-UE se "tqiegħed id-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tar-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi terzi kollha, inklużi s-sħab strateġiċi tagħha"; billi dan għandu jibqa' fil-qalba tar-relazzjoni li ilha teżisti bejn l-UE u ċ-Ċina, skont l-impenn tal-UE li tiddefendi dawn l-istess valuri fl-azzjoni esterna tagħha u l-interess espress taċ-Ċina li tirrispetta, fl-iżvilupp tagħha stess, il-liġijiet u l-istandards internazzjonali fi kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;”

B.  billi ċ-Ċina rnexxielha tneħħi mill-faqar 700 miljun persuna, iżda billi minn mindu l-President Xi Jinping ħa l-poter f'Marzu 2013, is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina kompliet tiddeterjora, billi l-gvern żied l-ostilità tiegħu lejn id-dissens paċifiku, il-libertajiet tal-espressjoni u tar-reliġjon, u l-istat tad-dritt; billi l-awtoritajiet Ċiniżi żammew u ħarrku mijiet ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, avukati u ġurnalisti;

C.  billi r-regolamenti l-ġodda dwar il-kwistjonijiet reliġjużi li daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Frar 2018, huma aktar restrittivi fil-konfront ta' gruppi u attivitajiet reliġjużi u jġegħluhom jaderixxu aktar mill-qrib mal-politiki tal-partit; billi l-libertà reliġjuża u l-libertà tal-kuxjenza laħqu livell baxx ġdid minn mindu bdew ir-riformi ekonomiċi u mill-ftuħ taċ-Ċina lejn l-aħħar tas-sebgħinijiet; billi ċ-Ċina tospita waħda mill-akbar popolazzjonijiet ta' priġunieri reliġjużi;

D.  billi, filwaqt li f'Settembru 2018 intlaħaq qbil bejn is-Santa Sede u l-Gvern Ċiniż dwar il-ħatriet ta' isqfijiet fiċ-Ċina, il-komunitajiet reliġjużi Nsara ilhom iħabbtu wiċċhom ma' ripressjoni dejjem akbar fiċ-Ċina, filwaqt li l-Insara, kemm fi knejjes illeċiti kif ukoll fi knejjes approvati mill-gvern, kienu fil-mira ta' fastidju u detenzjoni ta' dawk li jemmnu, twaqqigħ ta' knejjes, konfiska ta' simboli reliġjużi u trażżin ta' laqgħat Insara; billi l-awtoritajiet Ċiniżi f'xi provinċji ma jippermettux li persuni taħt it-18-il sena jattendu attivitajiet reliġjużi; billi f'Settembru 2018 iċ-Ċina pprojbixxiet il-Knisja ta' Zion, l-akbar kongregazzjoni interna fiċ-Ċina b'aktar minn 1 500 segwaċi;

E.  billi s-sitwazzjoni fix-Xinjiang, fejn jgħixu 10 miljun Musulman Ujguri u Każaki etniċi, iddeterjorat b'mod rapidu, billi l-istabbiltà u l-kontroll assolut tax-Xinjiang saru prijorità ewlenija tal-awtoritajiet Ċiniżi, b'konsegwenza ta' attakki terroristiċi perjodiċi fix-Xinjiang jew li huma allegatament konnessi max-Xinjiang u mwettqa mill-Ujguri, kif ukoll minħabba l-pożizzjoni strateġika tar-Reġjun Awtonomu Ujgur tax-Xinjiang għall-Inizjattiva Belt and Road (BRI); billi hemm informazzjoni li s-sistema ta' kampijiet fix-Xinjiang espandiet għal partijiet oħra taċ-Ċina;

F.  billi ġie stabbilit programm ta' detenzjoni extraġudizzjarju, li qed iżżomm f'detenzjoni "minn għexieren ta' eluf għal aktar minn miljun persuna Ujgur" li qed jiġu sfurzati jagħmlu "riedukazzjoni" politika, skont l-istimi tal-Kumitat tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali, mingħajr ma ġew akkużati jew imtellgħin quddiem qorti, għal perjodi ta' żmien mhux determinati, u għalhekk qed jiġu detenuti b'mod arbitrarju taħt l-iskuża tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu reliġjuż; billi politika ta' restrizzjonijiet stretti fuq il-prattiki reliġjużi u l-lingwa u d-drawwiet Ujguri ġiet żviluppata fil-provinċja tax-Xinjiang;

G.  billi ġie żviluppat netwerk sofistikat ta' sorveljanza diġitali invażiva, inkluża t-teknoloġija tar-rikonoxximent tal-wiċċ u l-ġbir tad-data;

H.  billi l-Gvern Ċiniż irrifjutat bosta talbiet mill-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar l-Għajbien Furzat jew Involontarju (WGEID), il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u mandati oħra ta' Proċeduri Speċjali tan-NU biex jibagħtu investigaturi indipendenti fix-Xinjiang;

I.  billi minkejja t-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp infrastrutturali tul dawn l-aħħar snin, is-sitwazzjoni fit-Tibet marret għall-agħar, billi l-Gvern Ċiniż rażżan firxa wiesgħa ta' drittijiet tal-bniedem bl-iskuża tas-sigurtà u l-istabbiltà, u bl-involviment tiegħu f'attakki bla waqfien kontra l-identità u l-kultura Tibetana;

J.  billi l-miżuri ta' sorveljanza u kontroll fit-Tibet ilhom jiżdiedu tul dawn l-aħħar ftit snin, bħad-detenzjonijiet arbitrarji, l-atti ta' tortura u ta' maltrattament; billi l-Gvern Ċiniż ħoloq fit-Tibet ambjent fejn ma hemm l-ebda limitu għal awtorità statali, fejn hemm klima ta' biża' pervażiva, u fejn kull aspett tal-ħajja pubblika u privata huwa kkontrollat u rregolat b'mod strett; billi fit-Tibet, kull att ta' kontestazzjoni jew ta' kritika tal-politiki tal-istat fil-konfront tal-minoranzi etniċi jew reliġjużi jista' jitqies bħala "separatista" u għalhekk jista' jiġi kriminalizzat; billi l-aċċess għar-Reġjun Awtonomu tat-Tibet illum huwa aktar ristrett minn qatt qabel;

K.  billi ġie rappurtat li mill-2009 għadd enormi ta' Tibetani, fil-parti l-kbira reliġjużi nisa u rġiel, taw in-nar lilhom infushom bħala protesta kontra l-politiki restrittivi taċ-Ċina fit-Tibet, u b'appoġġ għar-ritorn tad-Dalai Lama u d-dritt għal-libertà reliġjuża fil-prefettura tal-kontea ta' Aba/Ngaba fil-Provinċja ta' Sichuan u f'partijiet oħra tal-plateau tat-Tibet; billi ma sar l-ebda progress fir-riżoluzzjoni tal-kriżi Tibetana f'dawn l-aħħar 10 snin;

1.  Huwa mħasseb ferm dwar ir-reġim dejjem aktar repressiv li ħafna minoranzi reliġjużi u etniċi, b'mod partikolari l-Ujguri u l-Każaki, it-Tibetani u l-Insara jiffaċċjaw, li jqiegħed restrizzjonijiet addizzjonali fuq il-garanziji kostituzzjonali tad-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni kulturali u tat-twemmin reliġjuż, għal-libertà tal-kelma u tal-espressjoni, kif ukoll għal-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni; jesiġi li l-awtoritajiet jirrispettaw dawn il-libertajiet fundamentali;

2.  Jistieden lill-Gvern Ċiniż itemm minnufih il-prattika tad-detenzjonijiet arbitrarji, mingħajr ebda akkuża, proċess jew kundanna għal reat kriminali, ta' membri tal-minoranzi tal-Ujguri u l-Każaki u tat-Tibetani, jagħlaq il-kampijiet u ċ-ċentri tad-detenzjoni kollha u jeħles lill-persuni detenuti minnufih u mingħajr kundizzjonijiet;

3.  Jitlob il-ħelsien immedjat tal-persuni detenuti arbitrarjament, tal-priġunieri minħabba twemmin, inklużi s-segwaċi tal-moviment Falun Gong u l-waqfien tal-għajbien sfurzat, u jinsisti li l-individwi kollha jkunu jistgħu jagħżlu r-rappreżentant legali tagħhom, ikollhom aċċess għall-familja tagħhom u għall-assistenza medika, kif ukoll li l-każijiet tagħhom jiġu investigati;

4.  Jistieden lill-Gvern Ċiniż jeħles minnufih: lill-Ujguri, fosthom Ilham Tohti, Tashpolat Tiyip, Rahile Dawut, Eli Mamut, Hailaite Niyazi, Memetjan Abdulla, Abduhelil Zunun u Abdukerim Abduweli; lill-individwi ppersegwitati minħabba t-twemmin reliġjuż tagħhom, fosthom Zhang Shaojie, Hu Shigen, Wang Yi u Sun Qian; lill-attivisti, il-kittieba u r-reliġjużi Tibetani li jiffaċċjaw akkużi kriminali jew li ntbagħtu l-ħabs talli eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni, fosthom Tashi Wangchuk u Lobsang Dargye;

5.  Jitlob li jinħelsu minnufih il-pubblikatur tal-kotba Żvediż Gui Minhai u ż-żewġ ċittadini Kanadiżi Michael Spavor u Michael Kovrig;

6.  Iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż jikkomunika lill-familji tagħhom id-dettalji sħaħ tal-persuni li għebu fix-Xinjiang;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi jtemmu l-kampanji tagħhom kontra l-kongregazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet Insara u jwaqqfu l-fastidju u d-detenzjoni tal-pastors u l-qassisin Insara u d-demolizzjonijiet furzati tal-knejjes;

8.  Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi jħarsu l-libertajiet lingwistiċi, kulturali u reliġjużi u libertajiet fundamentali oħra tat-Tibetani, u jevitaw politiki dwar l-insedjamenti li jiffavorixxu lill-poplu Han u li huma ta' żvantaġġ għat-Tibetani, kif ukoll ma jisfurzawx lin-nomadi Tibetani jabbandunaw l-istil ta' ħajja tradizzjonali tagħhom;

9.  Jikkundanna l-kampanji mwettqa permezz tal-approċċ "edukazzjoni patrijottika", inklużi l-miżuri għall-kontroll mill-istat tal-monasteri Buddisti Tibetani; huwa mħasseb dwar l-abbuż li qed isir mid-dritt kriminali Ċiniż għall-finijiet ta' persekuzzjoni tat-Tibetani u tal-Buddisti, li l-attivitajiet reliġjużi tagħhom huma meqjusa ekwivalenti għal "separatiżmu"; jiddeplora l-fatt li l-ambjent għall-prattika tal-Buddiżmu fit-Tibet mar għall-agħar b'mod sinifikanti wara l-protesti Tibetani ta' Marzu 2008, billi l-Gvern Ċiniż adotta approċċ aktar invażiv fl-ambitu tal-"edukazzjoni patrijottika";

10.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jimplimentaw id-dritt iggarantit mill-kostituzzjoni għal-libertà tat-twemmin reliġjuż għaċ-ċittadini Ċiniżi kollha;

11.  Ifakkar fl-importanza li l-UE u l-Istati Membri tagħha jqajmu l-kwistjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'kull livell politiku mal-awtoritajiet Ċiniżi, bi qbil mal-impenn tal-UE li tesprimi ruħha b'vuċi qawwija, ċara u magħquda fl-approċċ tagħha għall-pajjiż, inkluż fid-Djalogu annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, id-Djalogu Strateġiku, id-Djalogu Ekonomiku ta' Livell Għoli, u s-Summit, kif ukoll is-Summit Ewro-Asjatiku li jmiss;

12.  Jissottolinja li filwaqt li fid-dikjarazzjoni konġunta tagħhom maħruġa wara l-21 Summit UE-Ċina, l-UE u ċ-Ċina affermaw mill-ġdid li d-drittijiet tal-bniedem kollha huma universali, indiviżibbli, interdipendenti u interrelatati, l-UE għandha tħeġġeġ liċ-Ċina taġixxi skont dan; jiddeplora l-fatt li, fis-Summit UE-Ċina tad-9 ta' April, il-kwistjonijiet urġenti dwar id-drittijiet tal-bniedem għal darb'oħra kellhom rwol marġinali; huwa tal-fehma li, jekk u meta s-Summit UE-Ċina juża lingwaġġ dgħajjef dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-Kunsill, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Kummissjoni għandhom jirrifjutaw li jinkluduh u joħorġu komunikazzjoni separata dwar is-suġġett b'valutazzjoni sinifikanti kemm tas-sitwazzjoni kif ukoll dwar għaliex ma setax jintlaħaq ftehim dwar lingwaġġ aktar b'saħħtu;

13.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE ma jippermettux li attivitajiet imwettqa mill-awtoritajiet Ċiniżi fuq it-territorju tal-UE jagħtu fastidju lil membri tal-komunitajiet Turkiċi, lit-Tibetani u lil gruppi reliġjużi jew etniċi oħra sabiex iġiegħluhom jaġixxu bħala informaturi, jisfurzaw ir-ritorn tagħhom fiċ-Ċina jew isikktuhom;

14.  Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi jippermettu aċċess liberu, sinifikanti u bla xkiel għall-provinċja tax-Xinjiang u r-Reġjun Awtonomu tat-Tibet għall-ġurnalisti u l-osservaturi internazzjonali, fosthom għall-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Proċeduri Speċjali tan-NU; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jieħdu l-inizjattiva matul is-sessjoni li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU rigward riżoluzzjoni li tistabbilixxi missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni fix-Xinjiang;

15.  Jistieden lill-Gvern Ċiniż jiggarantixxi rispett sħiħ tad-drittijiet taċ-ċittadini fil-Kostituzzjoni Ċiniża, fir-rigward tal-Artikolu 4, li jipproteġi l-minoranzi nazzjonali; tal-Artikolu 35, li jipproteġi l-libertajiet tal-kelma, tal-istampa, tal-għaqda, tal-assoċjazzjoni, tal-korteo u tad-dimostrazzjoni; tal-Artikolu 36 li jirrikonoxxi d-dritt għal-libertà ta' twemmin reliġjuż; u tal-Artikolu 41, li jiggarantixxi d-dritt li dak li jkun jikkritika kwalunkwe organu jew uffiċjal statali u jagħti suġġerimenti fir-rigward tal-operat tagħhom;

16.  Iħeġġeġ liċ-Ċina tirratifika l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

17.  Iħeġġeġ liċ-Ċina tagħti lid-diplomatiċi, lill-ġurnalisti u liċ-ċittadini tal-UE aċċess sħiħ għat-Tibet b'reċiproċità għall-aċċess liberu u miftuħ għall-vjaġġaturi Ċiniżi fit-territorji kollha tal-Istati Membri tal-UE; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jikkunsidraw serjament il-kwistjoni ta' aċċess għat-Tibet fid-diskussjonijiet dwar ftehim ta' faċilitazzjoni tal-viża UE-Ċina;

18.  Jesprimi d-diżappunt tiegħu dwar il-fatt li s-37 ċiklu tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina ma wassal għal ebda riżultat sostanzjali; barra minn hekk, jiddispjaċih li d-delegazzjoni Ċiniża ma ħaditx sehem, fit-2 ta' April, fit-tkomplija tad-djalogu li ppreveda skambju ta' fehmiet mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

19.  Iħeġġeġ lill-VP/RGħ, lis-SEAE u lill-Istati Membri jimmonitorjaw b'mod aktar intensiv l-iżviluppi inkwetanti rigward id-drittijiet tal-bniedem fix-Xinjiang, inkluża ż-żieda fir-repressjoni u fis-sorveljanza tal-gvern, u jitkellmu kontra l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina kemm fil-privat kif ukoll fil-pubbliku;

20.  Jistieden lill-Kunsill jikkunsidra l-adozzjoni ta' sanzjonijiet immirati kontra uffiċjali responsabbli għat-trażżin fir-Reġjun Awtonomu Ujgur tax-Xinjiang;

21.  Jitlob lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali jwaqqfu l-esportazzjonijiet u t-trasferimenti teknoloġiċi kollha ta' oġġetti u servizzi li qed jintużaw miċ-Ċina biex testendi s-sorveljanza ċibernetika u l-apparat ta' tfassil ta' profili ta' previżjoni; huwa mħasseb ferm li ċ-Ċina diġà qed tesporta tali teknoloġiji lil stati awtoritarji madwar id-dinja;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

(1) ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 80.
(2) ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 185.
(3) ĠU C 238, 6.7.2018, p. 108.
(4) Testi adottati, P8_TA(2018)0343.
(5) Testi adottati, P8_TA(2018)0377.

Aġġornata l-aħħar: 24 ta' April 2019Avviż legali