Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2692(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0242/2019

Dibattiti :

PV 18/04/2019 - 6.3
CRE 18/04/2019 - 6.3

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2019 - 10.3

Testi adottati :

P8_TA(2019)0424

Testi adottati
PDF 138kWORD 53k
Il-Ħamis, 18 ta' April 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Il-Brunei
P8_TA-PROV(2019)0424RC-B8-0242/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2019 dwar il-Brunei (2019/2692(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-3 ta' April mill-Kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar l-implimentazzjoni tal-Ordni tal-Kodiċi Penali fil-Brunei Darussalam,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-piena tal-mewt, dwar it-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha minn persuni LGBTI,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-1 ta' April 2019 mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, li tħeġġeġ lill-Brunei iwaqqaf id-dħul fis-seħħ tal-kodiċi penali "drakonjan" il-ġdid;

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, li l-Brunei iffirma fl-2015,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN tal-2012,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni ASEAN – UE 2018 – 2022,

–  wara li kkunsidra d-Djalogu ta' Politika bejn l-ASEAN u l-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tad-29 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tat-2 ta' April 2019 mill-Viċi Kelliem tad-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti dwar l-implimentazzjoni tal-fażijiet tnejn u tlieta tal-Kodiċi Penali tax-Xarija fil-Brunei,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-2014, il-Brunei introduċa l-Kodiċi Penali tax-Xarija, li kellu jiġi implimentat fi tliet fażijiet; billi t-tielet fażi tal-implimentazzjoni daħlet fis-seħħ fit-3 ta' April 2019; billi t-tielet fażi ddaħħal fis-seħħ dispożizzjonijiet li jinkludu l-qtil bit-tħaġġir għal atti kunsenswali bejn persuni tal-istess sess, għas-sess barra miż-żwieġ u għall-abort, kif ukoll l-amputazzjoni tar-riġlejn jew id-dirgħajn għas-serq; billi l-kodiċi jimponi wkoll il-piena tal-mewt għall-insulti u l-malafama tal-Profeta Mohammed kemm mill-Musulmani kif ukoll minn dawk li mhumiex; billi l-Kodiċi Penali tax-Xarija japplika kemm għall-Musulmani kif ukoll għal dawk li mhumiex, inklużi l-barranin, kif ukoll għal reati mwettqa barra mill-pajjiż minn ċittadini u minn residenti permanenti;

B.  billi t-tfal li jkunu laħqu l-pubertà u li jiġu kkundannati għar-reati kkonċernati jistgħu jirċievu l-istess pieni bħall-adulti; billi ċerti tfal iżgħar jistgħu jiġu soġġettati għall-iffrustar;

C.  billi, qabel l-introduzzjoni tal-Kodiċi Penali tax-Xarija, l-omosesswalità kienet illegali fil-Brunei u kienet punibbli bi priġunerija sa 10 snin;

D.  billi l-aħħar elezzjonijiet fil-Brunei saru fl-1962; billi s-Sultan jokkupa r-rwoli kemm ta' Kap tal-Istat kif ukoll ta' Prim Ministru, u huwa mogħti awtorità eżekuttiva sħiħa;

E.  billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-Tortura ddikjara li kwalunkwe forma ta' piena korporali tmur kontra l-projbizzjoni tat-tortura u trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, u li ma tistax titqies bħala sanzjoni legali skont id-dritt internazzjonali; billi xi wħud mill-pieni minquxa fil-Kodiċi Penali jammontaw għal tortura, trattament krudili, inuman u degradanti kif inhu pprojbit mill-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra li għaliha l-Brunei ilu firmatarju sa mill-2015;

F.  billi d-dispożizzjonijiet taħt il-Kodiċi Penali tax-Xarija jiksru l-obbligi tal-Brunei fid-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-dritt għall-ħajja, il-ħelsien mit-tortura jew maltrattament ieħor, il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tar-reliġjon u d-dritt għall-privatezza; billi d-dispożizzjonijiet tal-kodiċi jiddiskriminaw abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, kif ukoll kontra n-nisa u kontra l-minoranzi reliġjużi fil-Brunei u jistgħu jinċitaw il-vjolenza;

G.  billi l-Programm Konġunt tan-NU għall-HIV u l-AIDS (UNAIDS) u l-Fond tan-NU għall-Popolazzjoni (UNFPA) iddikjaraw li d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Penali tal-Brunei li jikkriminalizzaw l-omosesswalità u jikkastigaw forom tal-kura tas-saħħa riproduttiva għandhom impatt sproporzjonat fuq in-nisa u fuq il-persuni LGBTI, joħolqu ostakoli għall-aċċess għall-informazzjoni u s-servizzi tas-saħħa, jimpedixxu l-aċċess għas-saħħa u għad-drittijiet sesswali u riproduttivi, u jaffettwaw is-saħħa pubblika negattivament;

H.  billi t-tradizzjoni, ir-reliġjon u l-kultura fil-Brunei jintużaw biex jiġġustifikaw id-diskriminazzjoni kontra n-nisa u kontra l-persuni LGBTI; billi r-rapport dwar il-Brunei tal-11 ta' Marzu 2019 tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem jiddikjara li hemm attitudnijiet patrijarkali b'għeruq profondi u l-użu ta' stereotipi diskriminatorji li huma riflessi fl-għażliet akkademiċi u professjonali tan-nisa, fil-pożizzjoni inugwali tagħhom fis-suq tax-xogħol u fir-relazzjonijiet taż-żwieġ u tal-familja; billi dawn l-istereotipi huma l-kawżi tal-oriġini tal-vjolenza kontra n-nisa;

I.  Billi l-Brunei huwa magħruf għall-popolazzjoni multietnika tiegħu b'varjetà wiesgħa ta' reliġjonijiet, inklużi l-Iżlam, il-Kristjaneżmu, il-Buddiżmu, l-Induiżmu u bosta reliġjonijiet indiġeni, li jgħixu flimkien b'mod paċifiku; billi l-kostituzzjoni tal-Brunei tirrikonoxxi l-libertà reliġjuża u tistipula li "ir-reliġjonijiet kollha jistgħu jiġu prattikati fil-paċi u fl-armonija mill-persuni li jipprofessawhom"; billi, minkejja l-kostituzzjoni tal-Brunei, il-Gvern ipprojbixxa l-konverżjoni u t-tagħlim tar-reliġjonijiet kollha ħlief l-Iżlam, u pprojbixxa ċ-ċelebrazzjonijiet pubbliċi Kristjani kollha;

J.  billi l-Brunei għandu moratorju de facto għall-użu tal-piena tal-mewt, u fil-fatt, l-aħħar eżekuzzjoni twettqet fl-1957; billi, jekk jiġi implimentat, il-Kodiċi Penali tax-Xarija effettivament se jintroduċi mill-ġdid il-piena tal-mewt; billi l-UE tikkundanna l-piena tal-mewt, dejjem u kullimkien;

K.  billi l-adozzjoni tal-liġijiet il-ġodda qajmet rabja internazzjonali u appelli għal bojkott tal-lukandi li huma l-proprjetà tal-Aġenzija tal-Investiment tal-Brunei (BIA); billi din l-aġenzija hija parti mill-Ministeru tal-Brunei għall-Finanzi u l-Ekonomija u hija s-sid ta' varjetà ta' proġetti ta' investiment madwar id-dinja kollha; billi l-BIA ddikjarat li l-valuri ċentrali tagħha jinkludu r-rispett reċiproku u l-valwazzjoni pożittiva tad-differenza u d-diversità;

L.  billi l-Brunei irratifika biss żewġ konvenzjonijiet internazzjonali ewlenin tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa; billi t-tielet ċiklu tal-Eżami Perjodiku Universali tal-Brunei se jibda fl-10 ta' Mejju 2019;

M.  billi l-UE ssospendiet in-negozjati għal ftehim ta' sħubija u kooperazzjoni mal-Brunei;

1.  Jikkundanna bil-qawwa d-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi Penali tax-Xarija retrogradu; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Brunei biex iħassruh minnufih u jiżguraw li l-liġijiet tal-Brunei jikkonformaw mad-dritt u l-istandards internazzjonali, b'mod konsistenti mal-obbligi tal-Brunei taħt l-istrumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż fir-rigward tal-minoranzi sesswali, il-minoranzi reliġjużi u dawk li ma jemmnux;

2.  Itenni l-kundanna tiegħu tal-piena tal-mewt; jistieden lill-Brunei ikompli l-moratorju tiegħu fuq l-użu tal-piena tal-mewt bħala pass lejn l-abolizzjoni;

3.  Jikkundanna bil-qawwa l-użu tat-tortura u tat-trattament krudili, degradanti u inuman fiċ-ċirkostanzi kollha; jissottolinja li d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Penali tax-Xarija jiksru l-obbligi tal-Brunei taħt id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u li l-pieni previsti minnu jiksru l-projbizzjonijiet konswetudinarji tad-dritt internazzjonali kontra t-tortura u maltrattament ieħor;

4.  Huwa mħasseb ħafna dwar il-fatt li filwaqt li ħafna pajjiżi qegħdin jiddikriminalizzaw kondotta kunsenswali bejn persuni tal-istess sess, il-Brunei sfortunatament sar is-seba' pajjiż li jikkastiga l-atti omosesswali kunsenswali bil-piena tal-mewt; jistieden lill-awtoritajiet tal-Brunei jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem internazzjonali u jiddikriminalizzaw l-omosesswalità;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Brunei jiżguraw il-prinċipju tal-ugwaljanza quddiem il-liġi taċ-ċittadini kollha u r-rispett għad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini kollha, mingħajr distinzjoni għal kwalunkwe raġuni, inkluż il-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, ir-razza jew ir-reliġjon; huwa mħasseb ħafna dwar l-applikazzjoni possibbli tad-dritt kriminali fuq it-tfal; jistieden lill-Brunei ma japplika taħt l-ebda ċirkostanza l-piena tal-mewt, it-tortura jew il-priġunerija fuq dawn it-tfal;

6.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Brunei jirrispettaw bis-sħiħ il-libertà reliġjuża fis-Sultanat, kif stipulat fil-kostituzzjoni tiegħu stess, u jippermettu ċ-ċelebrazzjoni pubblika tal-festi reliġjużi kollha, inkluż il-Milied; jenfasizza li l-leġiżlazzjoni f'dan ir-rigward jeħtiġilha tikkonforma b'mod strett mad-drittijiet tal-bniedem;

7.  Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet tal-Brunei jrawmu d-djalogu politiku mal-partijiet ikkonċernati ewlenin tas-soċjetà ċivili, mal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, mal-istituzzjonijiet ibbażati fuq il-fidi u mal-organizzazzjonijiet kummerċjali, kemm fil-Brunei kif ukoll barra minnu, sabiex irawmu u jissalvagwardaw id-drittijiet tal-bniedem fit-territorju tagħhom stess; jirrileva d-dritt għall-espressjoni ta' opinjonijiet kritiċi jew satiriċi bħala eżerċizzju leġittimu tal-libertà tal-espressjoni, minquxa fil-qafas internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem;

8.  Iħeġġeġ lill-Brunei jirratifika l-istrumenti internazzjonali ewlenin tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU li fadal, inkluż il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra; jistieden lill-awtoritajiet tal-Brunei jestendu stedina permanenti għaż-żjara fil-qafas tal-Proċeduri Speċjali kollha tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;

9.  Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex fl-eventwalità tal-implimentazzjoni effettiva tal-Kodiċi Penali tax-Xarija, jikkunsidra l-adozzjoni fil-livell tal-UE ta' miżuri restrittivi b'rabta ma' ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-iffriżar tal-assi u l-projbizzjoni tal-viżi;

10.  Jistieden lill-VP/RGħ tagħmel it-tnedija mill-ġdid tan-negozjati għall-ftehim ta' sħubija u kooperazzjoni bejn l-UE u l-Brunei soġġetta għall-konformità tal-Kodiċi Penali mad-dritt internazzjonali u mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

11.  Jirrileva l-ħidma tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni LGBTI; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jżidu l-appoġġ tagħhom għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Brunei;

12.  Jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE għall-Indoneżja u għall-Brunei Darussalam f'Jakarta, lid-Delegazzjoni tal-UE għall-ASEAN u lis-SEAE jimmonitorjaw mill-qrib is-sitwazzjoni u jikkonsultaw lill-awtoritajiet, l-ambaxxati u r-rappreżentanti tal-Brunei f'dan ir-rigward; jistieden lis-SEAE jinkludi s-sitwazzjoni fil-Brunei bħala punt fl-aġenda tiegħu għad-Djalogu ta' Politika dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-ASEAN u l-UE;

13.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jipparteċipaw attivament fl-Eżami Perjodiku Universali li ġej, li se jsir bejn is-6 u s-17 ta' Mejju 2019, li se jeżamina r-rekord tal-Brunei fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem;

14.  Jenfasizza li sakemm il-Kodiċi Penali attwali jkun għadu fis-seħħ, l-istituzzjonijiet tal-UE jeħtiġilhom jikkunsidraw it-tniżżil fuq lista sewda tal-lukandi li huma proprjetà tal-Aġenzija tal-Investiment tal-Brunei;

15.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jirrispettaw il-qafas ġuridiku internazzjonali fir-rigward tal-aċċess għall-proċeduri ta' ażil u protezzjoni umanitarja għall-vittmi tal-Kodiċi Penali attwali tal-Brunei;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lis-Segretarjat tal-ASEAN, lill-Kummissjoni Intergovernattiva tal-ASEAN għad-Drittijiet tal-Bniedem, lis-Sultan tal-Brunei, Hassanal Bolkiah u lill-Gvern tal-Brunei;

Aġġornata l-aħħar: 24 ta' April 2019Avviż legali