Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/0291(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0321/2018

Testi mressqa :

A8-0321/2018

Dibattiti :

PV 24/10/2018 - 23
CRE 24/10/2018 - 23
PV 17/04/2019 - 20
CRE 17/04/2019 - 20

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2018 - 13.8
CRE 25/10/2018 - 13.8
PV 18/04/2019 - 10.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0424
P8_TA(2019)0427

Testi adottati
PDF 268kWORD 87k
Il-Ħamis, 18 ta' April 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Il-promozzjoni ta' vetturi ta' trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija ***I
P8_TA-PROV(2019)0427A8-0321/2018
Riżoluzzjoni
 Test konsolidat

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2019 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/33/UE dwar il-promozzjoni ta' vetturi ta' trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija (COM(2017)0653 – C8-0393/2017 – 2017/0291(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0653),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 192 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0393/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-19 ta’ April 2018(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-5 ta' Lulju 2018(2),

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-20 ta' Frar 2019, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0321/2018),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt(3);

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU C 262, 25.7.2018, p. 58.
(2) OJ C 387, 25.10.2018, p. 70.
(3) Din il-pożizzjoni tissostitwixxi l-emendi adottati fil-25 ta’ Ottubru 2018 (Testi adottati, P8_TA(2018)0424).


Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-18 ta' April 2019 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/33/KE dwar il-promozzjoni ta' vetturi ta' trasport fuq it-triq
nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija
P8_TC1-COD(2017)0291

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni(2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja(3),

Billi:

(1)  F'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23-24 ta' Ottubru 2014, l-Unjoni hi impenjata li toħloq sistema tal-enerġija sostenibbli, kompetittiva, sigura u dekarbonizzata. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Jannar 2014 bit-titolu "Qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija fil-perijodu ta' bejn l-2020 u l-2030" tistabbilixxi impenji ambizzjużi għall-Unjoni biex tkompli tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b'mill-inqas 40 % sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990, biex il-proporzjon tal-enerġija rinnovabbli kkunsmata jiżdied b'mill-inqas 27 %, biex tiġi ffrankata mill-inqas 27 % tal-enerġija, u biex jitjiebu s-sigurtà, il-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-enerġija tal-Unjoni. Minn dakinhar, id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(4) stabbilixxiet is-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli ta' mill-inqas 32 % tal-konsum ta’ enerġija finali gross tal-Unjoni sal-2030 u d-Direttiva (UE) 2018/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5) stabbiliet mira ġdida għall-effiċjenza enerġetika għall-Unjoni sal-2030 ta' mill-inqas 32,5 %.

(2)  Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-20 ta' Lulju 2016 bit-titolu ‘Strateġija Ewropea għal Mobbiltà b'Emissjonijiet Baxxi’, il-Kummissjoni ħabbret li biex jitwettqu l-impenji li l-Unjoni għamlet waqt il-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, li saret f'Pariġi fl-2015, trid titħaffef id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport u għalhekk jeħtieġ li l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u tas-sustanzi li jniġġsu l-arja jaqbdu t-triq it-tajba biex sa nofs is-seklu jixxejnu għalkollox. Minbarra dan, hemm bżonn li mingħajr dewmien jonqsu drastikament l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu l-arja mit-trasport li qed jagħmlu l-ħsara lis-saħħa tal-bniedem u lill-ambjent. Dak jista' jintlaħaq b'għadd ta' inizjattivi ta' politika, fosthom miżuri li jappoġġaw bidla lejn it-trasport pubbliku, u permezz tal-akkwist pubbliku għall-promozzjoni ta’ vetturi nodfa.

(3)  Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-31 ta' Mejju 2017 bit-titolu ‘L-Ewropa Attiva: Aġenda għal tranżizzjoni soċjalment ġusta lejn mobbiltà kompetittiva, konnessa u mingħajr ħsara għall-ambjent għal kulħadd’, il-Kummissjoni tenfasizza li ż-żieda fil-produzzjoni u fl-adozzjoni ta' vetturi nodfa, l-infrastrutturi tal-karburanti alternattivi, u s-servizzi ta' sistemi moderni ġodda li jaħtfu l-vantaġġi tad-diġitalizzazzjoni u tal-awtomatizzazzjoni fl-Unjoni, joffru diversi benefiċċji liċ-ċittadini tal-Unjoni, lill-Istati Membri u lill-industriji. Dawk il-benefiċċji jinkludu soluzzjonijiet ta’ mobbiltà aktar sikur u mingħajr qtugħ, u inqas esponiment għall-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu l-arja u jagħmlu l-ħsara. Barra minn hekk, kif iddikjarat fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tat-13 ta' Settembru 2017, wieħed mill-għanijiet hu li l-Unjoni ssir mexxejja dinjija fid-dekarbonizzazzjoni.

(4)  Kif tħabbar fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘L-Ewropa Attiva’ din il-Direttiva hi parti mit-tieni pakkett ta' proposti li se jikkontribwixxi għall-isforz tal-Unjoni għal mobbiltà b'emissjonijiet baxxi. Dak il-pakkett, li qed ġie ppreżentat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Novembru 2017 bit-titolu ‘It-twettiq ta' mobbiltà b'emissjonijiet baxxi - Unjoni Ewropea li tipproteġi l-pjaneta, tagħti s-setgħa lill-konsumaturi tagħha u tiddefendi l-industrija u lill-ħaddiema tagħha’ fih taħlita ta' miżuri orjentati lejn il-provvista u miżuri orjentati lejn id-domanda ħalli l-Unjoni taqbad ir-ritmu għal mobbiltà b'emissjonijiet baxxi u fl-istess ħin issaħħaħ il-kompetittività tal-ekosistema tal-mobbiltà tal-Unjoni. Il-promozzjoni ta' vetturi nodfa jenħtieġ li ssir b'mod parallel mal-iżvilupp ulterjuri tat-trasport pubbliku, bħala mod biex titnaqqas il-konġestjoni fit-toroq u konsegwentement biex jitnaqqsu l-emissjonijiet u tittejjeb il-kwalità tal-arja.

(5)  L-innovazzjoni f'teknoloġiji ġodda tgħin biex jonqsu l-emissjonijiet tal-vetturi CO2 u biex jitnaqqas it-tniġġis tal-arja u akustika, filwaqt li tappoġġa d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport. Żieda fl-adozzjoni ta' vetturi mingħajr emissjonijiet jew b'emissjonijiet baxxi,▌tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 u ta' ċerti sustanzi li jniġġsu l-arja (materja partikulata, ossidi tan-nitroġenu u idrokarburi tan-nonmetan) u b'hekk ittejjeb il-kwalità tal-arja fl-ibliet u f'żoni oħra mniġġsa, filwaqt li tikkontribwixxi għall-kompetittività u t-tkabbir tal-industrija tal-Unjoni fis-swieq globali dejjem jikbru tal-vetturi mingħajr emissjonijiet u b'emissjonijiet baxxi. Il-Kummissjoni jenħtieġ li ssegwi miżuri ta' politika biex trawwem assorbiment industrijali mifrux ta' u t-tkabbir tal-kapaċità ta' manifattura għal teknoloġiji ġodda bħal dawn fl-Istati Membri kollha sabiex jikkontribwixxu għal kundizzjonijiet ekwi u żvilupp ibbilanċjat madwar l-Istati Membri.

(6)  Previżjonijiet tas-suq ibassru li l-prezzijiet tax-xiri ta' vetturi nodfa ser ikomplu jonqsu. Illum, kostijiet operattivi u ta' manutenzjoni aktar baxxi diġà jinvolvu aktar kompetittività għal kost totali tas-sjieda. It-tnaqqis mistenni tal-prezzijiet tax-xiri se jkompli jnaqqas l-ostakli għad-disponibbiltà u l-użu tas-suq ta’ vetturi nodfa fl-għaxar snin li ġejjin.

(7)  Filwaqt li l-Unjoni hija waħda mir-reġjuni fuq quddiem nett għar-riċerka u l-ekoinnovazzjoni ta' valur għoli, ir-reġjun tal-Asja-Paċifiku qed jospita l-akbar produtturi tax-xarabanks elettriċi bil-batteriji u tal-batteriji. Bl-istess mod, l-iżviluppi tas-suq globali tal-vetturi elettriċi bil-batteriji huma xprunati mis-swieq fiċ-Ċina u fl-Istati Uniti. Għalhekk, politika ambizzjuża tal-UE għall-kisba ta' vetturi nodfa ser tgħin biex tistimola l-innovazzjoni u tippromwovi aktar il-kompetittività u t-tkabbir tal-industrija Ewropea fis-swieq globali dejjem jikbru għall-vetturi nodfa u għall-infrastruttura tat-teknoloġija assoċjata. Kif innutat fil-Komunikazzjoni tagħha tat-3 ta' Ottubru 2017 bit-titolu ‘Nagħmlu l-Akkwist Pubbliku jaħdem fl-Ewropa u għaliha’, il-Kummissjoni se tkompli tmexxi l-isforzi biex tiżgura kundizzjonijiet ekwi u tippromwovi aċċess aħjar għal swieq tal-akkwist pubbliku ta' pajjiżi terzi, inkluż għax-xiri, il-leasing, il-kiri jew il-lokazzjoni b'opzjoni ta' xiri ta' vetturi tat-trasport bit-triq.

(8)  B'kunsiderazzjoni tal-fatt li n-nefqa pubblika fuq l-oġġetti, ix-xogħlijiet u s-servizzi rrappreżentat madwar 16 % tal-PDG fl-2018 l-awtoritajiet pubbliċi, permezz tal-politika tal-akkwist pubbliku tagħhom, jistgħu joħolqu swieq ta' prodotti u servizzi innovattivi, u jappoġġawhom. Sabiex jintlaħaq dak l-għan, id-Direttiva 2009/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6) jenħtieġ li tistabbilixxi l-miri ċari u trasparenti, inklużi objettivi tal-akkwist ċari u fit-tul u metodu sempliċi għall-kalkolu tagħhom. Id-Direttivi 2014/24/UE(7) u 2014/25/UE(8) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jistabbilixxu regoli minimi dwar l-akkwist pubbliku li jikkoordinaw il-mod kif l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jakkwistaw xogħlijiet, fornimenti u servizzi. B'mod partikolari, dawk id-Direttivi jistabbilixxu limiti monetarji sabiex jkun determinat liema kuntratti pubbliċi huma soġġetti għal-leġislazzjoni ta’ prokurament legali tal-Unjoni. Dawk il-limiti huma applikabbli wkoll għad-Direttiva 2009/33/KE.

(9)  Id-disponibbiltà ta' infrastruttura għall-iċċarġjar u għar-riforniment ta' karburant hija neċessarja għall-varar ta' vetturi li jużaw karburant alternattiv. Fit-8 ta' Novembru 2017, il-Kummissjoni adottat pjan ta' azzjoni biex tappoġġa l-introduzzjoni mgħaġġla ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi fl-Unjoni, inkluż appoġġ imsaħħaħ għall-introduzzjoni ta' infrastruttura pubblikament disponibbli permezz ta' fondi tal-Unjoni, li jgħin biex jinħolqu kundizzjonijiet aktar favorevoli għat-tranżizzjoni lejn vetturi nodfa, inkluż fit-trasport pubbliku. Il-Kummissjoni se tirrevedi l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(9) sal-31 ta' Diċembru 2020, u ser tippreżenta proposta leġislattiva biex temenda dik id-Direttiva, jekk tqis li dan ikun meħtieġ abbażi ta' dik ir-reviżjoni.

(10)  Id-Direttiva 2009/33/KE tikkumplimenta l-leġislazzjoni orizzontali dwar l-akkwist pubbliku tal-Unjoni u żżid ċerti kriterji tas-sostenibbiltà, b'hekk għandha l-għan li tixpruna s-suq tal-vetturi tat-trasport bit-triq li jkunu nodfa u effiċjenti. Fl-2015, il-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni ex post tad-Direttiva 2009/33/KE fl-2015 u kkonkludiet li dik id-Direttiva ma stimulatx l-adozzjoni mis-suq ta' vetturi nodfa madwar l-Unjoni, l-aktar minħabba ċerti nuqqasijiet fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni u d-dispożizzjonijiet dwar -ix-xiri tal-vetturi. Dik l-evalwazzjoni kkonkludiet li l-impatt ta’ dik id-Direttiva kien limitat ħafna fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u tas-sustanzi li jniġġsu l-arja u l-promozzjoni tal-kompetittività industrijali.

(11)  Il-valutazzjoni tal-impatt li saret mill-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva 2009/33/KE issottolineat il-benefiċċji ta' bidla fl-approċċ ta' governanza ġenerali għall-akkwist tal-vetturi nodfa fil-livell tal-Unjoni. Jekk jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi għall-akkwist, ikun jista' jgħin b’mod effetiv sabiex jintlaħaq l-għan li jippromwovi u jistimula l-adozzjoni mis-suq tal-vetturi nodfa meta mqabbel mad-dipendenza fuq l-internalizzazzjoni tal-kostijiet esterni fid-deċiżjonijiet ġenerali tal-akkwist, filwaqt li tiġi nnutata r-rilevanza li fid-deċiżjonijiet kollha tal-akkwist jitqiesu l-aspetti ambjentali. Il-benefiċċji fiż-żmien medju u fit-tul għaċ-ċittadini u l-intrapriżi tal-Unjoni jiġġustifikaw bis-sħiħ dak l-approċċ sakemm dan iħalli flessibbiltà suffiċjenti lill-awtoritajiet u l-entitajiet kontraenti fl-għażla tat-teknoloġiji li għandhom jintużaw.

(12)  Jekk jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2009/33/KE biex ikun jinkludi prattiki bħal-leasing, il-kiri u l-lokazzjoni b'opzjoni ta' xiri tal-vetturi, kif ukoll kuntratti għal ċerti servizzi, jiżgura li l-prattiki ta' akkwist rilevanti kollha jkunu koperti. Is-servizzi koperti mill-kamp ta' applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, bħas-servizzi tat-trasport pubbliku bit-triq, għal servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq b'għan speċjali, għal servizzi tat-trasport tal-passiġġieri mhux skedati, kif ukoll servizzi ta' posta u ta' pakketti speċifiċi u servizzi ta' ġbir tal-iskar,t jenħtieġ li jkunu dawk fejn il-vetturi użati għall-forniment ta' dawn is-servizzi jaqgħu fil-kategoriji ta' vetturi koperti b'din id-Direttiva, u fejn dawn jirrappreżentaw element ewlieni fil-kuntratt. Jenħtieġ li dawk is-servizzi jiġu identifikati permezz tal-kodiċijiet tal-Vokabolarju Komuni tal-Akkwist (CPV) elenkati fl-Anness. Kuntratti eżistenti jenħtieġ li ma jkunux affettwati b'mod retrospettiv minn din id-Direttiva.

(13)  Kien hemm appoġġ wiesa' fost il-partijiet konċernati ewlenin għal definizzjoni ta' vetturi nodfa li tqis ir-rekwiżiti ta' tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra u tas-sustanzi li jniġġsu l-arja minn vetturi ħfief▌. Biex ikun żgurat li jingħataw inċentivi xierqa li jippromwovu l-adozzjoni mis-suq ta' vetturi mingħajr emissjonijiet jew b'emissjonijiet baxxi fl-Unjoni, jenħtieġ li din id-Direttiva tkun allinjata mad-definizzjoni ta' vetturi mingħajr emissjonijiet u b'emissjonijiet baxxi pprovduta fir-Regolament (UE) 2019/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(10)(11). Azzjoni mwettqa skont din id-Direttiva▌se tikkontribwixxi għall-konformità mar-rekwiżiti tal-istandards stipulati fir-Regolament (UE) 2019/...(12). Sabiex tittejjeb il-kwalità tal-arja, jenħtieġ li l-vetturi nodfa jkollhom prestazzjoni aħjar meta mqabbla mar-rekwiżiti minimi għall-ossidi tan-nitroġenu (NOx) u l-partiċelli ultrafini - Numru ta’ Partiċella (PN) stabbiliti mill-valuri ta' limitu tal-emissjonijiet tas-sewqan reali (RDE) li huma fis-seħħ. Minbarra l-vetturi mingħajr emissjonijiet, illum hemm ftit vetturi ħfief b'emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu l-arja ta' 80 % jew inqas tal-limiti ta’ emissjonijiet attwali. Madankollu l-għadd ta' vetturi bħal dawn huwa mistenni li jiżdied fis-snin li ġejjin, speċjalment ibridi rikarikabbli. B'approċċ aktar ambizzjuż għall-akkwist pubbliku jista' jingħata stimolu addizzjonali sinifikanti lis-suq.

(14)  Il-vetturi nodfa tqal jenħtieġ li jiġu ddefiniti permezz tal-użu ta' karburanti alternattivi f'konformità mad-Direttiva 2014/94/UE. Fejn il-bijokarburanti likwidi, il-karburanti sintetiċi jew paraffiniċi għandhom jintużaw mill-vetturi akkwistati, l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti għandhom jiżguraw permezz ta' klawżoli kuntrattwali obbligatorji jew permezz ta' mezzi effettivi simili fi ħdan il-proċedura tal-akkwist pubbliku li dawn il-karburanti biss għandhom jintużaw f’dawk il-vetturi. Filwaqt li għandu possibbli li dawk il-karburanti jkun fihom addittivi tal-karburanti, kif inhu l-każ pereżempju bil-karburant ibbażat fuq l-etanol għal magni diesel adattati (ED95), jenħtieġ li dawn ma jitħalltux b'karburanti fossili.

(15)  Sabiex tittejjeb il-kwalità tal-arja fil-muniċipalitajiet, huwa kruċjali li l-flotta tat-trasport tiġġedded b'vetturi nodfa. Barra minn hekk, il-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari jeħtieġu l-estensjoni tal-ħajja tal-prodotti. Għalhekk, jenħtieġ li l-vetturi li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-vetturi nodfa jew ir-rekwiżiti tal-vetturi mingħajr emissjonijiet bħala riżultat ta' installazzjoni a posteriori jingħaddu wkoll għall-ilħuq tal-miri minimi rispettivi tal-akkwist.

(16)  Peress li l-vetturi ħfief u tqal jintużaw għal skopijiet differenti u għandhom livelli differenti ta' maturità tas-suq, hu importanti li d-dispożizzjonijiet dwar l-akkwist pubbliku jagħrfu dawn id-differenzi. Il-valutazzjoni tal-impatt tirrikonoxxi li s-swieq tax-xarabanks urbani mingħajr emissjonijiet jew b'emissjonijiet baxxi huma kkaratterizzati minn żieda fil-maturità tas-suq, filwaqt li s-swieq għat-trakkijiet mingħajr emissjonijiet jew b'emissjonijiet baxxi qegħdin fi stadju aktar bikri ta' żvilupp tas-suq. Minħabba l-livell limitat ta' maturità tas-suq ta' kowċis mingħajr emissjonijiet jew b'emissjonijiet baxxi, ir-rwol relattivament limitat tal-akkwist pubbliku f'dan is-segment tas-suq, u r-rekwiżiti operattivi speċifiċi tagħhom, il-kowċis jenħtieġ li ma jiġux inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva. F'konformità mal-approċċ segwit fir-Regolament (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(13) u fir-Regolament 107 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE), vetturi tal-kategorija M3 b'żoni għal passiġġieri bilwieqfa biex jippermettu moviment frekwenti tal-passiġġieri huma meqjusa bħala xarabanks, filwaqt li vetturi tal-kategorija M3 b'żona limitata ħafna jew l-ebda żona għall-passiġġieri bilwieqfa huma kkunsidrati bħala kowċis. Minħabba s-suq limitat ħafna ta' xarabanks b'żewġ sulari u l-limitazzjonijiet speċifiċi tagħhom fid-disinn, huwa xieraq li, matul l-ewwel perijodu ta' referenza kopert minn din id-Direttiva, jiġu applikati miri minimi tal-akkwist aktar baxxi għal vetturi mingħajr emissjonijiet li jaqgħu taħt dik il-kategorija ta' vetturi tqal fl-Istati Membri, fejn ix-xarabanks b'żewġ sulari jirrappreżentaw sehem sinifikanti tal-akkwist pubbliku.

(17)  Sabiex tiġi evitata l-impożizzjoni ta' piżijiet sproporzjonati fuq l-awtoritajiet u l-operaturi pubbliċi, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jeżentaw mir-rekwiżiti ta' din id-Direttiva l-akkwist pubbliku ta' ċerti vetturi b'karatteristiċi speċifiċi marbuta mar-rekwiżiti operattivi tagħhom. Dawk il-vetturi jinkludu vetturi blindati, ambulanzi, karozzi tal-mejtin, vetturi tal-kategorija M1 aċċessibbli għas-siġġijiet bir-roti, krejnijiet mobbli, vetturi ddisinjati u mibnija għall-użu prinċipalment f'siti ta' kostruzzjoni jew f'barrieri, faċilitajiet tal-port jew tal-ajruport kif ukoll vetturi ddisinjati u mibnija speċifikament u adattati għall-użu mill-forzi armati, il-protezzjoni ċivili, is-servizzi tat-tifi tan-nar u l-forzi responsabbli għaż-żamma tal-ordni pubbliku. Adattamenti bħal dawn jistgħu jirrelataw mal-installazzjoni ta' tagħmir speċjalizzat ta' komunikazzjoni jew dwal tal-emerġenza. Ir-rekwiżiti previsti f’din id-Direttiva jenħtieġ li ma japplikawx għal vetturi li huma ddisinjati u mibnija speċifikament biex iwettqu xogħol u li mhumiex adattati għall-ġarr tal-passiġġieri jew għat-trasport tal-merkanzija. Dawk il-vetturi jinkludu vetturi għall-manutenzjoni tat-toroq bħalma huma mħaret tas-silġ.

(18)  Jenħtieġ li l-istabbiliment ta’ miri minimi għall-akkwist ta' vetturi nodfa li jridu jintlaħqu f’żewġ perijodi ta’ referenza li jintemmu fl-2025 u fl-2030 fil-livell tal-Istati Membri, jikkontribwixi għaċ-ċertezza tal-politika għas-swieq fejn l-investimenti fil-mobbiltà mingħajr emissjonijiet jew b'emissjonijiet baxxi huma meħtieġa. Il-miri minimi jappoġġaw il-ħolqien tas-swieq għal vetturi nodfa madwar l-Unjoni kollha. Dawn jipprovdu żmien għall-aġġustament tal-proċessi tal-akkwist pubbliku u jibagħtu sinjal ċar tas-suq. Barra minn hekk, il-ħtieġa li nofs il-mira minima għal xarabanks akkwistati f’dawk il-perijodi taż-żmien ta’ referenza trid tiġi ssodisfata permezz tal-akkwist ta' xarabanks mingħajr emissjonijiet isaħħaħ l-impenn lejn id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport. Jenħtieġ li jiġi nnutat li t-"trolley buses" huma meqjusa bħala xarabanks mingħajr emissjonijiet, dment li jaħdmu biss bl-elettriku jew li jużaw biss sistema ta' motopropulsjoni mingħajr emissjonijiet meta ma jkunux konnessi mal-grilja, inkella xorta jgħoddu bħala vetturi nodfa. Il-valutazzjoni tal-impatt tinnota li l-Istati Membri qed kulma jmur jistabbilixxu aktar miri nazzjonali skont il-kapaċità ekonomika tagħhom u skont is-serjetà tal-problema. Jenħtieġ jiġu stabbiliti miri nazzjonali differenti fi Stati Membri differenti skont il-kapaċità ekonomika tagħhom (il-prodott domestiku gross għal kull ras) u l-esponiment għat-tniġġis (id-densità tal-popolazzjoni urbana). Il-valutazzjoni tal-impatt territorjali ▌mwettqa għal din id-Direttiva turi li l-impatt se jitqassam b'mod ekwu fost ir-reġjuni tal-Unjoni.

(19)  L-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom il-flessibbiltà li jqassmu l-isforzi biex jilħqu l-miri minimi fi ħdan it-territorju tagħhom, skont il-qafas kostituzzjonali tagħhom u f'konformità mal-objettivi tal-politika tat-trasport tagħhom. Fl-allokazzjoni tal-isforzi fi Stat Membru, jistgħu jitqiesu fatturi differenti, bħad-differenzi fil-kapaċità ekonomika, il-kwalità tal-arja, id-densità tal-popolazzjoni, il-karatteristiċi tas-sistemi tat-trasport, il-politiki għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport u t-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja, jew kwalunkwe kriterju rilevanti ieħor.

(20)  Il-vetturi mingħajr emissjonijiet fl-iżbokk tal-egżost iħallu wkoll impronta ambjentali minħabba l-emissjonijiet li jirriżultaw mill-katina tal-provvista tal-karburant mill-fażi ta' estrazzjoni għat-tank, kif ukoll għall-proċess ta' manifattura tal-komponenti u l-livell ta' riċiklabbiltà tagħhom. Sabiex ikunu konsistenti mal-objettivi tas-sostenibbiltà, il-batteriji jenħtieġ li jkunu prodotti bl-anqas impatti ambjentali ġewwa u barra l-Unjoni, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-proċess tal-estrazzjoni tal-materja prima użata għall-produzzjoani tal-batteriji. Il-promozzjoni ta' teknoloġiji li jindirizzaw dik l-isfida, bħal batteriji sostenibbli u riċiklabbli, tista’ tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà ġenerali tal-vetturi elettriċi, permezz ta' inizjattivi bħall-Alleanza tal-UE tal-Batteriji u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Batteriji u fil-kuntest tar-rieżami tad-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(14). Ir-rifless possibbli tal-emissjonijiet tas-CO2 tul iċ-ċiklu tal-ħajja u tal-emissjonijiet ta' CO2 mill-estrazzjoni sal-użu tal-vetturi, jenħtieġ li jiġi kkunsidrat għall-perijodu wara l-2030, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-Unjoni dwar il-kalkolu tagħhom f'dak il-mument.

(21)  Fir-rakkomandazzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2017 lill-Kunsill u lill-Kummissjoni wara l-inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku(15), il-Parlament Ewropew stieden lill-Istati Membri jrawmu politiki tal-akkwist pubbliku ekoloġiku permezz tax-xiri ta' vetturi mingħajr emissjonijiet u vetturi b'emissjonijiet baxxi ħafna mill-awtoritajiet pubbliċi għall-flotot tagħhom jew għall-programmi ta' car sharing pubbliċi jew semi pubbliċi, u għall-eliminazzjoni gradwali tal-karozzi ġodda b'emissjonijiet ta' CO2 sal-2035.

(22)  L-impatt massimu jista' jinkiseb jekk l-akkwist pubbliku tal-vetturi nodfa jiġi mmirat f'oqsma li għandhom livell relattivament għoli ta' tniġġis tal-arja u akustiku. L-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri huma mħeġġa biex jiffukaw l-aktar fuq dawk l-oqsma, meta jkunu qed jimplimentaw il-miri minimi tal-akkwist nazzjonali L-awtoritajiet pubbliċi huma mħeġġa wkoll biex jieħdu miżuri, bħal li jagħmlu disponibbli biżżejjed riżorsi finanzjarji għall-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti, biex jiġi evitat li l-kostijiet tal-konformità mal-miri minimi tal-akkwist stabbiliti f'din id-Direttiva jwasslu għal prezzijiet tal-biljetti ogħla għall-konsumatur jew għat-tnaqqis tas-servizzi tat-trasport pubbliku, jew jiskoraġġixxu l-iżvilupp tat-trasport nadif mhux bit-triq bħal trammijiet u ferroviji tal-metro. Jenħtieġ li l-awtoritajiet pubbliċi jiffukaw▌fuq dawk l-oqsma▌fir-rappurtar tagħhom skont din id-Direttiva. Sabiex jiġi evitat piż sproporzjonat u jiġu ottimizzati r-riżultati potenzjali ta' din id-Direttiva, jenħtieġ li tiġi pprovduta assistenza teknika xierqa lill-awtoritajiet pubbliċi.

(23)  It-trasport pubbliku jikkontribwixxi biss għal sehem żgħir għall-emissjonijiet li joriġinaw mis-settur tat-trasport. Sabiex tkompli tiġi promossa d-dekarbonizzazzjoni tat-trasport, tittejjeb il-kwalità tal-arja u jinżammu kundizzjonijiet ekwi bejn operaturi differenti, l-Istati Membri jistgħu, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, jiddeċiedu li jimponu rekwiżiti simili wkoll fuq l-operaturi u s-servizzi privati barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, bħal kumpaniji tat-taxi, tal-kiri tal-karozzi u tar-"ride-pooling".

(24)  L-ikkalkular tal-kostijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja hu għodda importanti għall-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti biex ikopru l-kostijiet tal-enerġija u l-ambjent tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta' vettura, inkluż il-kost tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u ta' sustanzi oħra li jniġġsu l-arja, permezz ta' metodoloġija rilevanti biex jinstab il-valur monetarju tagħhom. Minħabba l-użu skars tal-metodoloġija għall-kalkolu tal-kostijiet tul il-ħajja operattiva skont id-Direttiva 2009/33/KE u l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti dwar l-użu tal-metodoloġiji tagħhom imfassla skont iċ-ċirkostanzi u l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, jenħtieġ li l-ebda metodoloġija mandatorja m’għandha tenħtieġ li tintuża, iżda l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jenħtieġ li jkunu jistgħu jagħżlu kwalunkwe metodoloġija għall-kalkolu tal-kostijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja biex tappoġġa l-proċessi tal-akkwist tagħhomabbażi tal-kriterju tal-offerta l-aktar ekonomikament vantaġġuża ("MEAT") kif deskritt fl-Artikolu 67 tad-Direttiva 2014/24/UE u fl-Artikolu 82 tad-Direttiva 2014/25/UE, b'kunsiderazzjoni tal-kosteffettività fuq it-tul tal-ħajja tal-vettura, kif ukoll aspetti ambjentali u soċjali.

(25)  Ir-rappurtar dwar l-akkwist pubbliku skont din id-Direttiva▌jenħtieġ li jagħti ħarsa ġenerali ċara tas-suq biex isir monitoraġġ effettiv tal-implimentazzjoni tiegħu. Tali rappurtar jenħtieġ jibda bi preżentazzjoni ta' informazzjoni preliminari mill-Istati Membri lill-Kummissjoni sa… [36 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva emendatorja], u jissokta b'rapport komprensiv għall-ewwel darba fl-2026 dwar l-implimentazzjoni tal-miri minimi tal-akkwist, u mbagħad kull tliet snin. Il-perijodu ta' żmien jenħtieġ li jkun alinjat mal-obbligi ta' rappurtar eżistenti skont id-Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE. Jenħtieġ li jiġi ffaċilitat rappurtar semplifikat biex jiġi minimizzat il-piż amministrattiv fuq il-korpi pubbliċi u tinkiseb ħarsa ġenerali effettiva tas-suq. Il-Kummissjoni se tipprovdi soluzzjonijiet għar-reġistrazzjoni u l-monitoraġġ fil-bażi tad-data tal-offerti elettroniċi ta' kuljum, u se tiżgura rappurtar komprensiv dwar il-vetturi mingħajr emissjonijiet jew b'emissjonijiet baxxi jew għal vetturi oħra bi karburant alternattiv, fil-kuntest tal-Vokabolarju Komuni tal-Akkwisti tal-Unjoni. Il-kodiċijiet speċifiċi tal-Vokabolarju Komuni tal-Akkwisti se jgħinu r-reġistrazzjoni fil-bażi tad-data tal-offerti elettroniċi ta' kuljum, u l-monitoraġġ tagħha.

(26)  L-appoġġ għall-adozzjoni mis-suq tal-vetturi nodfa u tal-infrastrutturi tagħhom jista' jiżdied jekk jinħolqu miżuri ta' appoġġ pubbliku mmirati fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-Unjoni. Tali miżuri jinkludu l-użu akbar tal-fondi tal-Unjoni sabiex jappoġġa t-tiġdid tal-flottot tat-trasport pubbliku u skambju aħjar tal-għarfien u allinjament tal-akkwist ħalli jkunu jistgħu jitwettqu azzjonijiet fuq skala kbira biżżejjed biex jonqsu l-kostijiet u jitħalla impatt fuq is-suq. Il-possibbiltà ta' appoġġ pubbliku favur il-promozzjoni tal-iżvilupp tal-infrastruttura meħtieġa għad-distribuzzjoni tal-karburanti alternattivi hija rikonoxxuta fil-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent u għall-enerġija 2014-2020(16). Iżda għal dan l-appoġġ pubbliku se jibqgħu japplikaw ir-regoli tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 107 u 108 tiegħu

(27)  Il-miżuri mmirati ta' appoġġ għall-akkwist ta' vetturi nodfa jistgħu jgħinu lill-awtoritajiet kontraenti u lill-entitajiet kontraenti. Skont il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) attwali, għall-2014-2020, l-Unjoni diġà għandha firxa ta' fondi differenti biex tappoġġa lill-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u l-operaturi kkonċernati fit-tranżizzjoni tagħhom lejn mobbiltà sostenibbli. B'mod partikolari, il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej huma sors ewlieni ta' finanzjament għall-proġetti ta' mobilità urbana. Orizzont 2020, il-programm ta' riċerka tal-Unjoni, stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(17), jiffinanzja proġetti ta' riċerka u innovazzjoni dwar il-mobilità urbana u l-bliet u l-komunitajiet intelliġenti, filwaqt li l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(18) tiddedika appoġġ għall-implimentazzjoni tal-infrastruttura rilevanti fin-nodi urbani. L-introduzzjoni ta' definizzjoni ta' vettura nadifa u l-istabbiliment ta' miri minimi għall-akkwist tagħhom f'din id-Direttiva jistgħu jgħinu biex jiġi żgurat użu saħansitra aktar immirat tal-istrumenti finanzjarji tal-Unjoni inkluż fl-MFF li jmiss għall-2021-2027. Dawk il-miżuri ta’ appoġġ għandhom jgħinu sabiex inaqqsu l-investiment inizjali għoli f'bidliet infrastrutturali u se jappoġġaw id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport.

(28)  Sabiex jiġi żgurat li l-benefiċċji potenzjali jiġu sfruttati bis-sħiħ, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi gwida lill-Istati Membri fir-rigward tal-fondi differenti tal-Unjoni li jistgħu jintużaw, u jenħtieġ li tiffaċilita u tistruttura l-iskambju tal-għarfien u l-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri sabiex jiġi promoss ix-xiri, il-leasing, il-kiri jew il-lokazzjoni b'opzjoni ta' xiri ta' vetturi ta' trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija mill-awtoritajiet kontraenti u mill-entitajiet kontraenti. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkompli tipprovdi servizzi ta' konsulenza teknika u finanzjarja lill-awtoritajiet lokali u lill-operaturi permezz ta' strumenti bħaċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti, JASPERS u JESSICA. Tali assistenza jenħtieġ li tinkludi l-inkoraġġiment tal-awtoritajiet kontraenti u tal-entitajiet kontraenti biex jiġbru flimkien ir-riżorsi tagħhom fl-akkwist konġunt ta' vetturi ta' trasport fuq it-triq b'emissjonijiet baxxi u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, sabiex jinkisbu ekonomiji ta' skala u tiġi ffaċilitata l-kisba tal-objettivi ta' din id-Direttiva.

(29)  Sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-investimenti, il-mobbiltà u l-ippjanar urban jeħtieġ ikunu kkoordinati aħjar, bħal permezz tal-użu ta' pjanijiet ta' mobbiltà urbana sostenibbli (SUMPs). Is-SUMPs huma pjanijiet li jiġu żviluppati tul il-firxa tal-oqsma ta' politika individwali u b'kooperazzjoni mal-livelli differenti ta' governanza b'kombinament ta' modi differenti ta' trasport, sikurezza fit-toroq, konsenja ta' merkanzija, ġestjoni tal-mobbiltà u sistemi ta' trasport intelliġenti. Is-SUMPs jista' jkollhom rwol importanti fil-kisba tal-miri tal-Unjoni rigward it-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2, tat-tniġġis akustiku u tal-arja.

(30)  Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tat-tfassil tal-format komuni għar-rapporti mill-Istati Membri u l-arranġamenti ta' trażmissjoni tagħhom. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(19).

(31)  Sal-31 ta' Diċembru 2027, il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrevedi l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/33/KE. Dak ir-rieżami jenħtieġ li jkun akkumpanjat, fejn xieraq, minn proposta leġislattiva li temenda dik id-Direttiva għall-perijodu wara l-2030, inkluż għall-istabbiliment ta' miri ambizzjużi ġodda u l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni għal kategoriji oħra ta' vetturi, bħall-vetturi tal-kategorija L u l-makkinarju tal-kostruzzjoni. Fir-reviżjoni tagħha, il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta wkoll, inter alia, il-possibbiltà li din id-Direttiva tiġi allinjata ma' kwalunkwe metodoloġija biex jingħaddu l-emissjonijiet ta' CO2 tul iċ-ċiklu tal-ħajja u l-emissjonijiet ta' CO2 mill-estrazzjoni sal-użu, żviluppati fil-kuntest tal-istandards tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-vetturi tal-UE, kif ukoll il-possibbiltà tal-promozzjoni ta' batteriji sostenibbli u riċiklabbli, u l-użu ta' tajers bl-aħjar klassifikazzjoni u tajers trattati mill-ġdid.

(32)  Minkejja l-istabbiliment tal-miri minimi tal-akkwist f’din id-Direttiva ma japplikawx għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, ikun tajjeb li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jmexxu bl-eżempju.

(33)  Minħabba li l-għanijiet ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jingħata stimolu min-naħa tad-domanda għall-vetturi nodfa b'appoġġ għat-tranżizzjoni lejn mobbiltà b'emissjonijiet baxxi, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom iżda jistgħu, permezz ta' qafas ta' politika komuni u fit-tul u għar-raġunijiet ta' skala, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni,▌l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. B'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(34)  B'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni(20), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li f'każijiet ġustifikati jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'wieħed jew aktar mid-dokumenti li jispjegaw ir-rabta bejn il-komponenti ta' Direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġislatur jidhirlu li t-trażmissjoni ta' dawn id-dokumenti hija ġġustifikata.

(35)  Għaldaqstant, id-Direttiva 2009/33/KE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2009/33/KE

Id-Direttiva 2009/33/KE hija emendata kif ġej:

(1)  it-titolu huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"Id-Direttiva 2009/33/KE dwar il-promozzjoni tal-vetturi nodfa tat-trasport bit-triq b'appoġġ għall-mobbiltà b'emissjonijiet baxxi";

"

(2)  L-Artikolu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"Artikolu 1

Suġġett u objettivi

Din id-Direttiva teħtieġ lill-Istati Membri li jiżguraw li l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jqisu l-impatti enerġetiċi u ambjentali ta' tul il-ħajja, inkluż il-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet ta' CO2 u ta' ċerti sustanzi li jniġġsu, meta jkunu qed jakkwistaw vetturi ta' trasport fuq it-triq, bl-għanijiet li jiġi promoss u stimulat is-suq għal vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija u li jitjieb il-kontribut tas-settur tat-trasport għal-linji politiċi ambjentali, klimatiċi u enerġetiċi tal-Unjoni.";

"

(3)  L-Artikolu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"Artikolu 2

Eżenzjonijiet

L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mir-rekwiżiti stabbiliti f'din id-Direttiva vetturi msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 2(2) u fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*u fil-punti 5.2. sa 5.5. u l-punt 5.7. tal-Parti A tal-Anness I ta’ dak ir-Regolament.

_____________

* Ir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta' vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (ĠU L 151, 14.6.2018, p. 1).";

"

(4)  L-Artikolu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"Artikolu 3

Kamp ta' applikazzjoni

1.  Din id-Direttiva għandha tapplika għall-akkwist permezz ta':

   (a) kuntratti tax-xiri, tal-leasing, tal-kiri jew tal-lokazzjoni b'opzjoni ta' xiri ta' vetturi tat-trasport bit-triq mogħtija minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti sakemm dawn ikunu obbligati japplikaw il-proċeduri tal-akkwist previsti fid-Direttivi 2014/24/UE* u 2014/25/UE** tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
   (b) kuntratti tas-servizz pubbliku skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*** li s-suġġett tagħhom ikun il-provvista ta' servizzi ta' trasport għall-passiġġieri f'eċċess ta' livell ta' limitu li għandu jiġi definit mill-Istati Membri li ma jaqbiżx il-limitu tal-valur applikabbli stabbilit fl-Artikolu 5(4) ta' dak ir-Regolament;
   (c) kuntratti ta' servizz stabbiliti fit-Tabella 1 tal-Anness għal din id-Direttiva sa fejn l-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti jkollhom l-obbligu li japplikaw il-proċeduri ta' akkwist stabbiliti fid-Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE.

Din id-Direttiva għandha tapplika biss għal tali kuntratti li għalihom intbagħtet is-sejħa għall-kompetizzjoni wara ... [24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva emendatorja] jew, f'każijiet fejn ma tkunx prevista sejħa għall-kompetizzjoni, fejn l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti tkun bdiet il-proċedura ta' akkwist wara dik id-data.

2.  Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal:

   (a) vetturi msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 2(2) u fil-punt (c) tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament (UE) Nru 2018/858;
   (b) vetturi tal-kategorija M3 minbarra vetturi tal-Klassi I u tal-Klassi A kif definit fil-punti (2) u (3) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill****.

_______________

* Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

** Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).

*** Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1).

**** Ir-Regolament (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip għas-sikurezza ġenerali tal-vetturi bil-mutur, it-trejlers tagħhom, u s-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati destinati għalihom (ĠU L 200, 31.7.2009, p. 1).";

"

(5)  L-Artikolu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"Artikolu 4

Definizzjonijiet

Għall-fini ta' din id-Direttiva:

   (1) "awtoritajiet kontraenti" tfisser awtoritajiet kontraenti kif definit fil-punt 1 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24/UE u fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/25/UE;
   (2) "entitajiet kontraenti" tfisser entitajiet kontraenti kif definit fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/25/UE;
   (3) "vettura tat-trasport bit-triq" tfisser vettura tal-kategorija M jew N, kif definit fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2018/858;
   (4) "vettura nadifa" tfisser:
   (a) vettura tal-kategorija M1, M2 jew N1 li għandha emissjoni massima mill-egżost espressa f'CO2 g/km u emissjonijiet tas-sewqan reali li jniġġsu l-arja inqas minn persentaġġ tal-limiti tal-emissjonijiet applikabbli kif stipulat fit-Tabella 2 tal-Anness, jew;
   (b) vettura tal-kategorija M3, N2 jew N3 li tuża karburanti alternattivi kif definit fil-punti (1) u (2) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*, esklużi karburanti prodotti minn materja prima b'riskju għoli ta' bidla indiretta fl-użu tal-art li għaliha jkun osservat li espansjoni sinifikanti tal-produzzjoni tkun f'art b'ħażna għolja ta' karbonju skont l-Artikolu 26 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill**. Fil-każ ta' vetturi li jużaw bijokarburanti likwidi, karburanti sintetiċi u paraffiniċi, dawn m'għandhomx jitħalltu ma' dawk il-karburanti fossili konvenzjonali;
   (5) "vettura tqila mingħajr emissjonijiet" tfisser vettura nadifa kif definit fil-punt 4(b) ta' dan l-Artikolu  mingħajr magna b'kombustjoni interna, jew b'magna ta' kombustjoni interna li tirrilaxxa inqas minn 1 g CO2/kWh kif imkejjel skont ir-Regolament (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*** u l-miżuri ta' implimentazzjoni tiegħu, jew li temetti inqas minn 1 g CO2/km imkejla skont ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill**** u l-miżuri ta' implimentazzjoni tiegħu.

_____________

* Id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi (ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1).

** Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

*** Ir-Regolament (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u magni rigward l-emissjonijiet minn vetturi tqal (Euro VI) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 u d-Direttiva 2007/46/KE u li jħassar id-Direttivi 80/1269/KEE, 2005/55/KE u 2005/78/KE (ĠU L 188, 18.7.2009, p. 1).

**** Ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU L 171, 29.6.2007, p. 1).";

"

(6)  L-Artikolu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"Artikolu 5

Miri minimi tal-akkwist

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li x-xiri ta' vetturi u servizzi msemmija fl-Artikolu 3 jkunu konformi mal-miri minimi tal-akkwist għall-vetturi ħfief nodfa stabbiliti fit-Tabella 3 tal-Anness, u għall-vetturi tqal stabbiliti fit-Tabella 4 tal-Anness. Dawk il-miri huma espressi bħala perċentwali minimi ta' vetturi nodfa fin-numru totali ta' vetturi tat-trasport bit-triq koperti bl-aggregat tal-kuntratti kollha msemmija fl-Artikolu 3, mogħtija bejn ... [24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva emendatorja] u l-31 ta' Diċembru 2025 għall-ewwel perijodu ta' referenza, u bejn l-1 ta' Jannar 2026 u l-31 ta' Diċembru 2030, għat-tieni perijodu ta' referenza.

2.  Għall-fini li jiġu kkalkulati r-rekwiżiti minimi tal-akkwist, id-data tal-akkwist pubbliku li għandha titqies hija d-data tat-tlestija tal-proċedura tal-akkwist pubbliku, permezz tal-għoti tal-kuntratt.

3.  Vetturi li jissodisfaw id-definizzjoni ta' vettura nadifa skont il-punt 4 tal-Artikolu 4 jew ta' vetturi tqal mingħajr emissjonijiet skont il-punt 5 tal-Artikolu 4 bħala riżultat ta' installazzjoni a posteriori jistgħu jitqiesu bħala vetturi nodfa jew vetturi tqal mingħajr emissjonijiet, rispettivament, għall-fini ta' konformità mal-miri minimi tal-akkwist.

4.  Fil-każ ta' kuntratti msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1), in-numru ta' vetturi tat-trasport tat-triq mixtrija, b'leasing, mikrija jew b'lokazzjoni b'opzjoni ta' xiri taħt kull kuntratt għandu jitqies għall-iskop tal-valutazzjoni tal-konformità mal-miri minimi tal-akkwist.

5.  Fil-każ ta' kuntratti msemmija fil-punti (b) u (c ) tal-Artikolu 3(1), in-numru ta' vetturi tat-trasport tat-triq li għandhom jintużaw għall-provvista tas-servizzi koperti minn kull kuntratt għandu jitqies għall-fini tal-valutazzjoni tal-konformità mal-miri minimi tal-akkwist.

6.  Fejn ma jiġux adottati miri ġodda għall-perijodu wara l-1 ta' Jannar 2030, il-miri stabbiliti għat-tieni perijodu ta’ referenza għandhom ikomplu japplikaw, u għandhom jiġu kkalkulati skont il-paragrafi 1 sa 5, fuq perijodi sussegwenti ta' ħames snin.

7.  L-Istati Membri jistgħu japplikaw jew jawtorizzaw lill-awtoritajiet kontraenti jew lill-entitajiet kontraenti tagħhom biex japplikaw miri nazzjonali ogħla jew rekwiżiti aktar stretti minn dawk imsemmija fl-Anness.";

"

(7)  L-Artikoli 6 u 7 huma mħassra;

(8)  L-Artikolu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"Artikolu 8

Skambju tal-għarfien u tal-aħjar prattika

Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita u tistruttura l-iskambju ta' tagħrif u l-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri abbażi ta' prattiki għall-promozzjoni tax-akkwist ta' vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija għat-trasport bit-triq mill-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti.";

"

(9)  L-Artikolu 9 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"Artikolu 9

Proċedura tal-Kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2014/94/UE.

Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*.

2.  Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.  Meta l-opinjoni tal-kumitat tkun trid tinkiseb bi proċedura bil-miktub, din il-proċedura għandha titwaqqaf mingħajr riżultat meta, fil-limitu taż-żmien għall-għoti tal-opinjoni, il-president tal-kumitat jiddeċiedi hekk jew meta jintalab dan permezz ta' maġġoranza sempliċi tal-membri tal-kumitat.

_______________

* Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).";

"

(10)  L-Artikolu 10 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"Artikolu 10

Rapportar u rieżami

1.  Sa ... [36 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva emendatorja] l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda biex tiġi implimentata din id-Direttiva u dwar l-intenzjonijiet tal-Istati Membri rigward attivitajiet futuri ta' implimentazzjoni, inkluż l-għażla taż-żmien u l-qsim tal-isforz possibbli bejn livelli differenti ta' governanza, kif ukoll dwar kwalunkwe informazzjoni oħra li l-Istat Membru jqis rilevanti.

2.   Sat-18 ta’ April 2026, u wara kull tliet snin, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva. Dawk ir-rapporti għandhom jakkumpanjaw ir-rapporti previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 83(3) tad-Direttiva 2014/24/UE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 99(3) tad-Direttiva 2014/25/UE, u għandhom jinkludu informazzjoni dwar il-miżuri li ttieħdu biex titwettaq din id-Direttiva, attivitajiet ta' implimentazzjoni futuri, kif ukoll kwalunkwe informazzjoni oħra li l-Istat Membru jikkunsidra rilevanti. Dawk ir-rapporti għandhom jinkludu wkoll in-numru u l-kategoriji tal-vetturi koperti mill-kuntratti msemmija fl-Artikolu 3(1) ta' din id-Direttiva, abbażi tad-data pprovduta mill-Kummissjoni f'konformità mal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu. L-informazzjoni għandha tiġi ppreżentata abbażi tal-kategoriji stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2195/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*.

3.  Sabiex l-Istati Membri jiġu assistiti fl-obbligi ta' rappurtar tagħhom, il-Kummissjoni għandha tiġbor u tippubblika n-numru u l-kategoriji tal-vetturi koperti mill-kuntratti msemmija fil-punti (a) u (c) tal-Artikolu 3(1) ta' din id-Direttiva billi tiġbor id-data rilevanti mill-avviżi ta' għoti ta' Kuntratti Ppubblikati fuq il-Bażi tad-Data (TED) (Tenders Electronic Daily) skont id-Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE.

4.  Sat-18 ta' April 2027, u kull tliet snin wara, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva li jispeċifika l-miżuri meħuda minn Stati Membri f'dan ir-rigward, wara r-rapporti msemmija fil-paragrafu 2 .

5.   Sal-31 ta' Diċembru 2027, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u, fejn xieraq, tippreżenta proposta leġislattiva għall-emendar tagħha għall-perijodu wara l-2030, inkluż għall-istabbiliment ta' miri ġodda u għall-inklużjoni ta' kategoriji oħra ta' vetturi, bħal vetturi b'żewġ jew tliet roti.

6.  Il-Kummissjoni jenħtieġ li tadotta atti ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 9(2) li jistabbilixxu l-format tar-rapporti msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu u l-arranġamenti ta' trażmissjoni tagħhom.

__________________

* Ir-Regolament (KE) Nru 2195/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Novembru 2002 dwar il-Vokabolarju Komuni tal-Akkwist (CPV) (ĠU L 340, 16.12.2002, p. 1).";

"

(11)  l-Anness huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa … [24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva]. Dawn għandhom jgħarrfu minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi sabiex issir it-tali referenza għandhom jiġu stipulati mill-Istati Membri.

2.  L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li jkunu adottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi …,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

ANNESS

"ANNESS

Informazzjoni għall-implimentazzjoni ta' miri minimi għall-akkwist ta' vetturi tat-trasport bit-triq nodfa b'appoġġ għal mobbiltà b'emissjonijiet baxxi fl-Istati Membri

Tabella 1: Il-kodiċijiet għas-servizzi tal-Vokabolarju Komuni tal-Akkwisti (CPV) msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 3(1)

Kodiċi CPV

Deskrizzjoni

60112000-6

Servizzi pubbliċi tat-trasport bit-triq

60130000-8

Servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq għal skopijiet speċjali

60140000-1

Trasport tal-passiġġieri mhux skedat

90511000-2

Servizzi ta' ġbir tal-iskart

60160000-7

Trasport tal-posta bit-triq

60161000-4

Servizzi ta' trasport tal-pakketti

64121100-1

Servizzi ta' konsenja tal-posta

64121200-2

Servizzi ta' konsenja tal-pakketti

Tabella 2: Il-limiti tal-emissjonijiet għall-vetturi ħfief nodfa

Kategoriji ta' vetturi

Sal-31 ta' Diċembru 2025

Mill-1 ta' Jannar 2026

 

CO2 g/km

emissjonijiet RDE ta' sustanzi li jniġġsu l-arja* bħala persentaġġ tal-limiti tal-emissjonijiet**

CO2 g/km

emissjonijiet RDE ta' sustanzi li jniġġsu l-arja* bħala persentaġġ tal-limiti tal-emissjonijiet**

M1

50

80 %

0

Mhux applikabbli

M2

50

80 %

0

Mhux applikabbli

N1

50

80 %

0

Mhux applikabbli

* Il-massimu ddikjarat ta' valuri tan-numriu tal-partikuli (PN) fl-emissjonijiet f'sewqan reali (RDE) f'#/km u ossidi tan-nitroġenu (NOx) f'mg/km kif irrappurtat fil-punt 48.2 taċ-Ċertifikat ta' Konformità, kif deskritt fl-Anness IX għad-Direttiva 200746KE kemm għall-vjaġġi kompluti kif ukoll għal dawk RDE urbani.

** Il-limiti tal-emissjonijiet applikabbli stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 715/2007▌, jew fis-suċċessuri tiegħu.

Tabella 3: Mira minima tal-akkwist għas-sehem tal-vetturi ħfief nodfa skont it-Tabella 2 fin-numru totali tal-vetturi ħfief koperti minn kuntratti msemmija fl-Artikolu 3 fil-livell tal-Istati Membri

Stat Membru

Minn … [24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva emendatorja] sal-31 ta' Diċembru 2025

Mill-1 ta' Jannar 2026 sal-31 ta' Diċembru 2030

Il-Lussemburgu

38,5 %

38,5 %

L-Iżvezja

38,5 %

38,5 %

Id-Danimarka

37,4 %

37,4 %

Il-Finlandja

38,5 %

38,5 %

Il-Ġermanja

38,5 %

38,5 %

Franza

37,4 %

37,4 %

Ir-Renju Unit

38,5 %

38,5 %

In-Netherlands

38,5 %

38,5 %

L-Awstrija

38,5 %

38,5 %

Il-Belġju

38,5 %

38,5 %

L-Italja

38,5 %

38,5 %

L-Irlanda

38,5 %

38,5 %

Spanja

36,3 %

36,3 %

Ċipru

31,9 %

31,9 %

Malta

38,5 %

38,5 %

Il-Portugall

29,7 %

29,7 %

Il-Greċja

25,3 %

25,3 %

Is-Slovenja

22 %

22 %

Iċ-Ċekja

29,7 %

29,7 %

L-Estonja

23,1 %

23,1 %

Is-Slovakkja

22 %

22 %

Il-Litwanja

20,9 %

20,9 %

Il-Polonja

22 %

22 %

Il-Kroazja

18,7 %

18,7 %

L-Ungerija

23,1 %

23,1 %

Il-Latvja

22 %

22 %

Ir-Rumanija

18,7 %

18,7 %

Il-Bulgarija

17,6 %

17,6 %

Tabella 4: Mira minima tal-akkwist għas-sehem tal-vetturi tqal nodfa fin-numru totali ta' vetturi tqal koperti minn kuntratti msemmija fl-Artikolu 3 fil-livell tal-Istati Membri*

Stat Membru

Trakkijiet (kategorija tal-vettura N2 u N3)

Xarabanks (kategorija tal-vettura M3)*

 

Minn … [24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva emendatorja] sal-31 ta' Diċembru 2025

Mill-1 ta' Jannar 2026 sal-31 ta' Diċembru 2030

Minn … [24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva emendatorja] sal-31 ta' Diċembru 2025

Mill-1 ta' Jannar 2026 sal-31 ta' Diċembru 2030

Il-Lussemburgu

10 %

15 %

45 %

65 %

L-Iżvezja

10 %

15 %

45 %

65 %

Id-Danimarka

10 %

15 %

45 %

65 %

Il-Finlandja

9 %

15 %

41 %

59 %

Il-Ġermanja

10 %

15 %

45 %

65 %

Franza

10 %

15 %

43 %

61 %

Ir-Renju Unit

10 %

15 %

45 %

65 %

In-Netherlands

10 %

15 %

45 %

65 %

L-Awstrija

10 %

15 %

45 %

65 %

Il-Belġju

10 %

15 %

45 %

65 %

L-Italja

10 %

15 %

45 %

65 %

L-Irlanda

10 %

15 %

45 %

65 %

Spanja

10 %

14 %

45 %

65 %

Ċipru

10 %

13 %

45 %

65 %

Malta

10 %

15 %

45 %

65 %

Il-Portugall

8 %

12 %

35 %

51 %

Il-Greċja

8 %

10 %

33 %

47 %

Is-Slovenja

7 %

9 %

28 %

40 %

Iċ-Ċekja

9 %

11 %

41 %

60 %

L-Estonja

7 %

9 %

31 %

43 %

Is-Slovakkja

8 %

9 %

34 %

48 %

Il-Litwanja

8 %

9 %

42 %

60 %

Il-Polonja

7 %

9 %

32 %

46 %

Il-Kroazja

6 %

7 %

27 %

38 %

L-Ungerija

8 %

9 %

37 %

53 %

Il-Latvja

8 %

9 %

35 %

50 %

Ir-Rumanija

6 %

7 %

24 %

33 %

Il-Bulgarija

7 %

8 %

34 %

48 %

* Nofs il-mira minima għas-sehem tax-xarabanks nodfa trid tiġi ssodisfata bl-akkwist ta' xarabanks mingħajr emissjonijiet kif definit fil-punt 5 tal-Artikolu 4. Dan ir-rekwiżit jitnaqqas għal kwart tal-mira minima għall-ewwel perijodu ta' referenza jekk aktar minn 80 % tax-xarabanks koperti mill-aggregat tal-kuntratti kollha msemmija fl-Artikolu 3, mogħtija matul dak il-perijodu fi Stat Membru, ikunu xarabanks b'żewġ sulari."

(1)ĠU C 262, 25.7.2018, p. 58.
(2)ĠU C 387, 25.10.2018, p. .
(3)Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2019.
(4) Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).
(5)Id-Direttiva (UE) 2018/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 li temenda d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (ĠU L 328, 21.12.2001, p. 210).
(6)Id-Direttiva 2009/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni ta' vetturi ta' trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija (ĠU L 120, 15.5.2009, p. 5).
(7)Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).
(8)Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).
(9)Id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi (ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1).
(10)Ir-Regolament (UE) 2019/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' ... li jistabbilixxi standards ta' rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet ta' CO2 tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 443/2009 u (UE) Nru 510/2011 (ĠU L ...).
(11)+ ĠU: Jekk jogħġbok inkludi fit-test in-numru tar-Regolament li jinsab fid-dokument PE-CONS 6/19 (2017/0293(COD)) u daħħal in-numru, id-data, it-titolu u r-referenza tal-ĠU ta' dak ir-Regolament fin-nota f'qiegħ il-paġna.
(12)++ĠU: Jekk jogħġbok daħħal fit-test in-numru tar-Regolament li jinsab fid-dokument PE-CONS 6/19 (2017/0293(COD)).
(13) Ir-Regolament (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip għas-sikurezza ġenerali tal-vetturi bil-mutur, it-trejlers tagħhom, u s-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati destinati għalihom (ĠU L 200, 31.7.2009, p. 1).
(14)Id-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE (ĠU L 266, 26.9.2006, p. 1).
(15)ĠU C 298, 23.8.2018, p. 140.
(16)ĠU C 200, 28.6.2014, p. 1.
(17) Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).
(18) Ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129).
(19)Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(20)ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

Aġġornata l-aħħar: 25 ta' April 2019Avviż legali