Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/0254(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0412/2018

Testi mressqa :

A8-0412/2018

Dibattiti :

PV 11/12/2018 - 22
CRE 11/12/2018 - 22
PV 17/04/2019 - 23
CRE 17/04/2019 - 23

Votazzjonijiet :

PV 12/12/2018 - 19.1
CRE 12/12/2018 - 19.1
PV 18/04/2019 - 10.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0516
P8_TA(2019)0430

Testi adottati
PDF 345kWORD 100k
Il-Ħamis, 18 ta' April 2019 - Strasburgu Verżjoni finali
Fond Ewropew għad-Difiża ***I
P8_TA(2019)0430A8-0412/2018
Riżoluzzjoni
 Test konsolidat

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2019 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża (COM(2018)0476 – C8-0268/2018 – 2018/0254(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0476),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 173(3), l-Artikolu 182(4), l-Artikolu 183 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 188 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0268/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2018(1),

–  wara li kkunsidra l-ittra mill-President tiegħu lill-presidenti tal-kumitati tal-25 ta’ Jannar 2019 li tispjega l-approċċ tal-Parlament għall-programmi settorjali tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) wara l-2020,

–  wara li kkunsidra l-ittra mill-Kunsill lill-President tal-Parlament Ewropew tal-1 ta’ April 2019 li tikkonferma l-ftehim komuni milħuq bejn il-koleġiżlaturi matul in-negozjati,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0412/2018),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt(2);

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU C 110, 22.3.2019, p. 75.
(2) Din il-pożizzjoni tissostitwixxi l-emendi adottati fit-12 ta’ Diċembru 2018 (Testi adottati, P8_TA(2018)0516).


Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-18 ta' April 2019 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) .../... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża
P8_TC1-COD(2018)0254

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 173(3), l-Artikolu 182(4), l-Artikolu 183 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 188 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja(1),

Billi:

(-1b)  Il-kuntest ġeopolitiku tal-UE nbidel b'mod drastiku f'dawn l-aħħar għaxar snin. Is-sitwazzjoni fir-reġjuni ġirien tal-Ewropa hija instabbli u l-Unjoni qiegħda tħabbat wiċċha ma' ambjent kumpless u diffiċli li jinkludi kemm il-miġja ta' theddid ġdid, bħal attakki ibridi u ċibernetiċi, kif ukoll ir-ritorn ta' aktar sfidi konvenzjonali. B'dan il-kuntest quddiemhom, kemm iċ-ċittadini Ewropej kif ukoll il-mexxejja politiċi tagħhom huma tal-fehma li hemm aktar xi jrid isir b'mod kollettiv fil-qasam tad-difiża.

(-1c)  Is-settur tad-difiża huwa kkaratterizzat minn żieda fl-ispejjeż tat-tagħmir tad-difiża u minn spejjeż għoljin għar-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) li jillimitaw il-varar ta' programmi ġodda fil-qasam tad-difiża u jħallu impatt dirett fuq il-kompetittività u l-kapaċità innovattiva tal-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea. Fid-dawl ta' din iż-żieda fl-ispejjeż, jenħtieġ li l-iżvilupp ta' ġenerazzjoni ġdida ta' sistemi ta' difiża importanti u ta' teknoloġiji ġodda ta' difiża jiġu appoġġati fil-livell tal-Unjoni bil-għan li tiżdied il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-investimenti fit-tagħmir ta' difiża.

(1)  Fil-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża, adottat fit-30 ta' Novembru 2016, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tikkomplementa, tqawwi u tikkonsolida l-isforzi ta' kollaborazzjoni tal-Istati Membri biex jiġu żviluppati kapaċitajiet teknoloġiċi u industrijali tad-difiża li jwieġbu għall-isfidi tas-sigurtà u li jrawmu industrija Ewropea tad-difiża kompetittiva, innovattiva u effiċjenti fl-Unjoni kollha u lil hinn minnha, b'hekk jingħata appoġġ anki lill-ħolqien ta' suq tad-difiża aktar integrat fl-Ewropa u jitrawwem it-tixrid fis-suq intern ta' prodotti u teknoloġiji tad-difiża Ewropej, b'hekk tonqos id-dipendenza minn sorsi mhux tal-UE. B'mod partikolari, hu propost li jitnieda Fond Ewropew għad-Difiża (il-"Fond") biex jappoġġa l-investiment fir-riċerka konġunta u fl-iżvilupp konġunt ta' prodotti u teknoloġiji tad-difiża, biex b'hekk jitrawmu s-sinerġiji u l-kosteffikaċja, u jkunu promossi x-xiri u l-manutenzjoni konġunti tal-Istati Membri tat-tagħmir tad-difiża. Dan il-Fond jikkomplementa l-finanzjament nazzjonali diġà użat għal dan il-għan u jenħtieġ jaġixxi bħala inċentiv għall-Istati Membri biex jikkooperaw u jinvestu aktar fid-difiża. Il-Fond iwieżen il-kooperazzjoni tul iċ-ċiklu kollu tal-iżvilupp ta' prodotti u teknoloġiji tad-difiża.

(2)  Il-Fond ikun jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' bażi teknoloġika u industrijali Ewropea tad-difiża li tkun b'saħħitha, kompetittiva u innovattiva u li taħdem id f'id mal-inizjattivi tal-Unjoni għal Suq Ewropew tad-Difiża aktar integrat u, b'mod partikolari, iż-żewġ Direttivi(2) dwar l-akkwist u dwar it-trasferimenti fl-UE fis-settur tad-difiża adottati fl-2009.

(3)  Jenħtieġ jitwaqqaf Fond Ewropew għad-Difiża b'approċċ integrat u li jikkontribwixxi biex jitjiebu l-kompetittività u l-kapaċità tal-innovazzjoni tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni. Il-Fond jenħtieġ jimmira li jsaħħaħ il-kompetittività, l-innovazzjoni, l-effiċjenza teknoloġika u l-awtonomija tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni u b'hekk jikkontribwixxi għall-awtonomija strateġika tal-Unjoni billi jappoġġa l-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-Istati Membri u l-kooperazzjoni bejn l-impriżi, iċ-ċentri tar-riċerka, l-amministrazzjonijiet nazzjonali, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-universitajiet, fil-fażi tar-riċerka fl-Unjoni kollha u fil-fażi tal-iżvilupp ta' prodotti u teknoloġiji tad-difiża. Biex jinkisbu soluzzjonijiet aktar innovattivi u suq intern miftuħ, il-Fond jenħtieġ li jappoġġa u jiffaċilita t-twessigħ tal-kooperazzjoni transfruntiera tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju ("SMEs") u tal-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja tad-difiża.

Fi ħdan l-Unjoni, in-nuqqasijiet fil-kapaċitajiet ta' difiża komuni huma identifikati fil-qafas tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni ▌b'mod partikolari permezz tal-Pjan tal-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet filwaqt li l-Aġenda Strateġika Globali tar-Riċerka tidentifika wkoll l-għanijiet komuni tar-riċerka fil-qasam tad-difiża. Proċessi oħra tal-Unjoni, fosthom ir-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża u l-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti se jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet rilevanti billi jidentifikaw u jaħtfu opportunitajiet għal kooperazzjoni msaħħa ħalli jiġi ssodisfat il-livell ta' ambizzjoni tal-UE b'rabta mas-sigurtà u d-difiża. Meta xieraq, jenħtieġ li anki l-prijoritajiet reġjonali u internazzjonali, inkluż dawk fil-kuntest tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO), ▌jistgħu jiġu kkunsidrati, dment li dawn ikunu konformi mal-prijoritajiet tal-Unjoni u ma jwaqqfu lill-ebda Stat Membru jew pajjiż assoċjat milli jipparteċipa, filwaqt li jqisu wkoll li jenħtieġ tkun evitata d-duplikazzjoni bla bżonn.

(4)  Il-fażi tar-riċerka ▌hija element kruċjali, għax din tikkundizzjona l-kapaċità ▌u l-awtonomija tal-industrija Ewropea biex tiżviluppa prodotti u l-indipendenza tal-Istati Membri bħala utenti finali tad-difiża. Il-fażi tar-riċerka marbuta mal-iżvilupp tal-kapaċitajiet tad-difiża tista' tinkludi riskji sinifikanti, b'mod partikolari marbuta mal-livell baxx ta' maturità u t-tfixkil ta' teknoloġiji. Il-fażi tal-iżvilupp, li normalment tiġi wara l-fażi tar-riċerka▌, tinvolvi wkoll riskji u spejjeż sinifikanti li jxekklu l-isfruttament ulterjuri tar-riżultati tar-riċerka u jħallu impatt ħażin fuq il-kompetittività u l-innovazzjoni tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni. Jenħtieġ għaldaqstant li l-Fond irawwem ir-rabta bejn il-fażijiet tar-riċerka u tal-iżvilupp.

(5)  Jenħtieġ li l-Fond ma jappoġġax riċerka bażika, għax minflok din jenħtieġ jappoġġawha skemi oħra, iżda dan jista' jinkludi riċerka bażika fundamentali orjentata lejn id-difiża li aktarx tifforma l-bażi tas-soluzzjoni għall-problemi jew possibbiltajiet magħrufa jew mistennija.

(6)  Il-Fond jista' jappoġġa azzjonijiet marbuta kemm ma' dak li huwa ġdid kif ukoll mal-modernizzazzjoni ta' prodotti u teknoloġiji eżistenti. Jenħtieġ li l-azzjonijiet għall-modernizzazzjoni ta' prodotti u teknoloġiji tad-difiża eżistenti jkunu eliġibbli biss meta l-informazzjoni diġà eżistenti li hemm bżonn biex titwettaq l-azzjoni ▌ma tkunx soġġetta għall-ebda restrizzjoni min-naħa ta' pajjiżi terzi mhux assoċjati jew min-naħa ta' entitajiet tal-pajjiżi terzi mhux assoċjati b'tali mod li l-azzjoni ma tistax titwettaq. Meta japplikaw għall-finanzjament tal-Unjoni, l-entitajiet ġuridiċi jenħtieġ jipprovdu l-informazzjoni rilevanti biex jiġi stabbilit l-assenza ta' restrizzjonijiet. Fl-assenza ta' din l-informazzjoni, il-finanzjament tal-Unjoni ma għandux ikun possibbli.

(6a)   Jenħtieġ li l-Fond jagħti appoġġ finanzjarju lill-azzjonijiet li jwasslu għall-iżvilupp ta' teknoloġiji rivoluzzjonarji għad-difiża. Billi t-teknoloġiji rivoluzzjonarji jistgħu jkunu bbażati fuq kunċetti jew ideat li joriġinaw minn atturi mhux tradizzjonali għad-difiża, jenħtieġ li l-Fond jipprevedi biżżejjed flessibbiltà fil-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u rigward il-finanzjament u l-implimentazzjoni ta' tali azzjonijiet.

(7)  Biex ikun żgurat li l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha jiġu rrispettati fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, l-azzjonijiet marbuta ma' prodotti jew teknoloġiji li l-użu, l-iżvilupp jew il-produzzjoni tagħhom ikunu pprojbiti mid-dritt internazzjonali ma għandhomx ikunu appoġġati finanzjarjament mill-Fond. F'dan ir-rigward, l-eliġibbiltà tal-azzjonijiet relatati ma' prodotti jew teknoloġiji ġodda tad-difiża▌ jenħtieġ li wkoll ikunu soġġetti għall-iżviluppi fid-dritt internazzjonali. Anki l-azzjonijiet għall-iżvilupp ta' armi awtonomi letali mingħajr il-possibbiltà ta' kontroll uman sinifikattiv fuq id-deċiżjonijiet dwar l-għażla u l-ingaġġ meta jsiru attakki kontra l-bnedmin jenħtieġ li ma jkunux eliġibbli għall-appoġġ finanzjarju tal-Fond, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà ta' finanzjament ta' azzjonijiet għall-iżvilupp ta' sistema ta' twissija bikrija u kontromiżuri għal finijiet difensivi.

(8)  Id-diffikultà biex jinstab qbil dwar rekwiżiti konsolidati tal-kapaċitajiet tad-difiża u speċifikazzjonijiet jew standards tekniċi komuni xxekkel il-kollaborazzjoni transfruntiera bejn l-Istati Membri u l-entitajiet ġuridiċi bbażati fi Stati Membri differenti. In-nuqqas ta' dawn ir-rekwiżiti, speċifikazzjonijiet u standards wassal għal aktar frammentazzjoni fis-settur tad-difiża, kumplessità teknika, dewmien u spejjeż eżaġerati kif ukoll duplikazzjoni bla bżonn u inqas interoperabbiltà. Jenħtieġ li l-ftehim fuq speċifikazzjonijiet tekniċi komuni jkun prerekwiżit għal azzjonijiet li jinvolvu livell ogħla ta' maturità teknoloġika. Anki l-attivitajiet li jwasslu għal rekwiżiti komuni tal-kapaċitajiet tad-difiża kif ukoll attivitajiet immirati biex jappoġġaw il-ħolqien ta' definizzjoni komuni ta' speċifikazzjonijiet jew standards tekniċi jenħtieġ ikunu eliġibbli għall-appoġġ tal-Fond, partikolarment meta jrawmu l-interoperabbiltà.

(9)  Peress li l-għan tal-Fond hu li jappoġġa l-kompetittività, l-effiċjenza u l-innovazzjoni tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni billi jqawwi u jikkomplementa l-attivitajiet kollaborattivi tar-riċerka u t-teknoloġija fil-qasam tad-difiża u jnaqqas ir-riskji fil-fażi tal-iżvilupp tal-proġetti kooperattivi, jenħtieġ li l-azzjonijiet relatati mar-riċerka u l-iżvilupp ta' prodotti jew teknoloġija tad-difiża jkunu eliġibbli biex jibbenefikaw minnu. Dan se japplika wkoll għall-modernizzazzjoni tal-prodotti u tat-teknoloġiji eżistenti tad-difiża, inkluża l-interoperabbiltà tagħhom.

(10)  Peress li l-Fond għandu l-għan, b'mod partikolari, li jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-entitajiet ġuridiċi u l-Istati Membri fl-Ewropa kollha, jenħtieġ li azzjoni tkun eliġibbli għal finanzjament ▌jekk issir b'kooperazzjoni fi ħdan konsorzju ma' tal-anqas tliet Stati Membri ▌jew pajjiżi assoċjati differenti. Jenħtieġ li mill-inqas tlieta mill-entitajiet ġuridiċi eliġibbli stabbiliti f'mill-anqas żewġ Stati Membri ▌jew pajjiżi assoċjati differenti ma jkunux ikkontrollati▌, direttament jew indirettament, mill-istess entità jew ma jkunux jikkontrollaw lil xulxin. F'dan il-kuntest, jenħtieġ li l-kontroll jinftiehem bħala l-kapaċità li tkun eżerċitata influwenza deċiżiva fuq entità ġuridika direttament jew indirettament permezz ta' entità ġuridika intermedja waħda jew aktar. Meta jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tat-teknoloġiji rivoluzzjonarji għad-difiża, kif ukoll tal-istudji, dawn l-attivitajiet jistgħu jitwettqu minn entità ġuridika unika. Biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, il-Fond jista' wkoll jappoġġa akkwist prekummerċjali konġunt.

(11)  Skont [ir-referenza għandha tiġi aġġornata kif xieraq skont deċiżjoni ġdida fuq il-PTEE: l-Artikolu 94 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE(3),] l-entitatijiet stabbiliti f'Pajjiżi u Territorji extra-Ewropej (PTEE) jenħtieġ ikunu eliġibbli għal finanzjament soġġett għar-regoli u għall-għanijiet tal-Fond u għal arranġamenti possibbli applikabbli għall-Istat Membru li miegħu l-PTEE hu marbut.

(12)  Billi l-Fond għandu l-għan li jtejjeb il-kompetittività u l-effiċjenza ▌tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni, jenħtieġ li fil-prinċipju, għall-appoġġ, ikunu eliġibbli biss entitajiet stabbiliti fl-Unjoni jew fil-pajjiżi assoċjati u li mhumiex soġġetti għal kontroll minn pajjiżi terzi mhux assoċjati jew minn entitajiet tal-pajjiżi terzi mhux assoċjati. F'dan il-kuntest, jenħtieġ li l-kontroll jinftiehem bħala l-kapaċità li tkun eżerċitata influwenza deċiżiva fuq entità ġuridika direttament jew indirettament permezz ta' entità ġuridika intermedja waħda jew aktar. Barra minn hekk, biex tkun żgurata l-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà u d-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, jenħtieġ li l-infrastruttura, il-faċilitajiet, l-assi u r-riżorsi li jintużaw mid-destinatarji u mis-sottokuntratturi tagħhom fl-azzjonijiet appoġġati finanzjarjament mill-Fond ma jkunux jinsabu fit-territorju ta' pajjiżi terzi mhux assoċjati, u l-istrutturi ta' ġestjoni eżekuttiva tagħhom jenħtieġ li jiġu stabbiliti fl-Unjoni jew f'pajjiż assoċjat. Għaldaqstant, entità li hija stabbilita f'pajjiż terz mhux assoċjat jew entità li hija stabbilita fl-Unjoni jew f'pajjiż assoċjat, iżda li l-istrutturi ta' ġestjoni eżekuttiva tagħha huma f'pajjiż terz mhux assoċjat, mhijiex eliġibbli li tkun destinatarju jew sottokuntrattur involut fl-azzjoni. Bil-għan li jitħarsu l-interessi essenzjali tas-sigurtà u d-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, jenħtieġ li l-istess kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà japplikaw ukoll għall-finanzjamenti mogħtija permezz ta' akkwist, b'deroga għall-Artikolu 176 tar-Regolament Finanzjarju.

(13)  F'ċerti ċirkostanzi, ▌jenħtieġ li jkun possibbli li ssir deroga mill-prinċipju li d-destinatarji u s-sottokuntratturi tagħhom involuti f'azzjoni appoġġata finanzjarjament mill-Fond ma jkunux soġġetti għal kontroll minn pajjiżi terzi mhux assoċjati jew minn entitajiet ta' pajjiżi terzi mhux assoċjati. F'dak il-kuntest, l-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni jew f'pajjiż assoċjat li huma kkontrollati minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta' pajjiż terz mhux assoċjat jenħtieġ li jkunu eliġibbli bħala destinatarji jew sottokuntratturi involuti fl-azzjoni dment li jissodisfaw kundizzjonijiet▌ stretti relatati mal-interessi tas-sigurtà u d-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Jenħtieġ li l-parteċipazzjoni ta' dawn l-entitajiet ġuridiċi ma tmurx kontra l-għanijiet tal-Fond. Jenħtieġ li l-applikanti jipprovdu l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-infrastruttura, il-faċilitajiet, l-assi u r-riżorsi li jridu jintużaw fl-azzjoni. Jenħtieġ li jitqies ukoll it-tħassib tal-Istati Membri rigward is-sigurtà tal-provvista.

(13-a)  Fil-qafas tal-miżuri restrittivi adottati mill-UE fuq il-bażi tal-Artikolu 29 tat-TUE u 215(2) tat-TFUE, l-ebda fond jew riżorsa ekonomika jistgħu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni, direttament jew indirettament, ta' persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi deżinjati jew għall-vantaġġ tagħhom. Tali entitajiet deżinjati u l-entitajiet fil-proprjetà jew fil-kontroll tagħhom ma jistgħux għaldaqstant jibbenefikaw mill-appoġġ finanzjarju tal-Fond.

(13a)  Jenħtieġ li jingħata finanzjament tal-Unjoni b'segwitu għal sejħiet għal proposti kompetittivi maħruġa skont ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-"Regolament Finanzjarju")(4). Madankollu, f'ċerti ċirkostanzi debitament ġustifikati u eċċezzjonali, il-finanzjament tal-Unjoni jista' jingħata wkoll skont l-Artikolu 195(e) tar-Regolament Finanzjarju. Peress li l-għoti ta' finanzjament skont l-Artikolu 195(e) tar-Regolament Finanzjarju jikkostitwixxi deroga għar-regola ġenerali li għandhom jiġu segwiti sejħiet kompetittivi għal proposti, dawk iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali jenħtieġ li jiġu interpretati b'mod strett. F'dan il-kuntest, biex għotja tingħata mingħajr sejħa għal proposti, il-livell sa fejn l-azzjoni proposta tikkorrispondi mal-għanijiet tal-Fond fir-rigward tal-kollaborazzjoni u l-kompetizzjoni industrijali transfruntiera fil-katina tal-provvista kollha jenħtieġ li jiġu vvalutati mill-Kummissjoni bl-assistenza tal-kumitat tal-Istati Membri (il-"kumitat").

(14)  Jekk xi konsorzju jkun jixtieq jieħu sehem f'azzjoni eliġibbli u l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni tkun se tieħu l-għamla ta' għotja, il-konsorzju jenħtieġ jaħtar wieħed mill-membri tiegħu bħala koordinatur li jkun il-punt ewlieni ta' kuntatt.

(15)  Jekk ▌azzjoni appoġġata finanzjarjament mill-Fond tkun ġestita minn maniġer ta' proġett maħtur mill-Istati Membri jew mill-pajjiżi assoċjati, qabel ma toħroġ il-pagament lid-destinatarji, il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkonsulta lill-maniġer ta' proġett ħalli dan ikun jista' jiżgura li d-destinatarji jirrispettaw l-iskadenzi. Jenħtieġ li l-maniġer ta' proġett ▌jippreżenta l-osservazzjonijiet ▌dwar il-progress tal-azzjoni lill-Kummissjoni ħalli din tkun tista' tivvalida jekk ġewx issodisfati l-kundizzjonijiet biex tipproċedi bil-pagament.

(15a)  Jenħtieġ li l-Kummissjoni timplimenta l-Fond f'reġim ta' ġestjoni diretta b'tali mod li timmassimizza l-effikaċja u l-effiċjenza tiegħu u tiżgura l-konsistenza sħiħa ma' inizjattivi tal-Unjoni oħrajn. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni żżomm ir-responsabbiltà tal-proċeduri tal-għażla u tal-għoti, anki għal dawk li huma l-valutazzjonijiet etiċi. F'każijiet ġustifikati, il-Kummissjoni tista' madankollu tafda ċerti kompiti ta' implimentazzjoni għal azzjonijiet speċifiċi ffinanzjati mill-Fond lill-korpi msemmijin fl-Artikolu 62(1)(c) tar-Regolament Finanzjarju. Dan jista' jkun il-każ, pereżempju, meta maniġer ta' proġett ikun inħatar mill-Istati Membri li jikkofinanzjaw azzjoni, dment li jkunu ssodisfati r-rekwiżiti tar-Regolament Finanzjarju. Dan l-inkarigu jkun jgħin biex tiġi razzjonalizzata l-ġestjoni tal-azzjonijiet kofinanzjati u jiżgura koordinament mingħajr intoppi tal-ftehim ta' finanzjament mal-kuntratt iffirmat bejn il-konsorzju u l-maniġer ta' proġett maħtur mill-Istati Membri li jikkofinanzjaw l-azzjoni.

(16)  Biex ikun żgurat li l-azzjonijiet iffinanzjati huma vijabbli finanzjarjament, l-applikanti jenħtieġ juru li l-ispejjeż tal-azzjoni li mhux koperti mill-finanzjament tal-Unjoni huma koperti minn mezzi oħra ta' finanzjament.

(17)  Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom aċċess għal tipi differenti ta' arranġamenti finanzjarji għall-iżvilupp u l-akkwist konġunti tal-kapaċitajiet tad-difiża. Il-Kummissjoni tista' tipprovdi tipi differenti ta' arranġamenti li l-Istati Membri jistgħu jużaw fuq bażi volontarja biex jindirizzaw l-isfidi għall-iżvilupp u l-akkwist kollaborattivi minn perspettiva ta' finanzjament. L-użu ta' dawn l-arranġamenti finanzjarji jista' jħeġġeġ iżjed it-tnedija ta' proġetti kollaborattivi u transfruntieri fil-qasam tad-difiża u jżid l-effiċjenza tal-infiq għad-difiża, inkluż għal proġetti appoġġati mill-Fond.

(18)  Minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-industrija tad-difiża, fejn id-domanda tiġi kważi esklużivament mill-Istati Membri u mill-pajjiżi assoċjati, li jikkontrollaw ukoll kull akkwiżizzjoni ta' prodotti u teknoloġiji relatati mad-difiża, inklużi l-esportazzjonijiet, il-funzjonament tas-settur tad-difiża hu uniku u ma jimxix mar-regoli konvenzjonali u l-mudelli ta' negozju li jirregolaw swieq aktar tradizzjonali. Għalhekk l-industrija ma tistax tiffinanzja hi stess proġetti sostanzjali tar-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) fil-qasam tad-difiża, u sikwit l-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati jiffinanzjaw l-ispiża kollha tar-riċerka u l-iżvilupp. Biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Fond, b'mod partikolari biex jinċentiva l-kooperazzjoni bejn l-entitajiet ġuridiċi minn Stati Membri u pajjiżi assoċjati differenti, u filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tas-settur tad-difiża, jenħtieġ li l-azzjonijiet li jseħħu qabel il-fażi tal-iżvilupp tal-prototip ikunu koperti sat-totalità tal-ispejjeż eliġibbli.

(19)  Il-fażi tal-prototipi hi fażi kruċjali fejn normalment l-Istati Membri jew il-pajjiżi assoċjati jiddeċiedu dwar l-investiment konsolidat tagħhom u jibdew il-proċess tal-akkwiżizzjoni tal-prodotti jew tat-teknoloġiji tad-difiża futuri tagħhom. Minħabba f'hekk, f'dan l-istadju speċifiku, l-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati jaqblu fuq l-impenji meħtieġa, inkluż il-qsim tal-ispejjeż u s-sjieda tal-proġett. Biex tkun żgurata l-kredibbiltà tal-impenn tagħhom, jenħtieġ li normalment l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni permezz tal-Fond ma tkunx taqbeż l-20 % tal-ispejjeż eliġibbli.

(20)  Għall-azzjonijiet ta' wara l-fażi tal-prototipi, jenħtieġ ikun previst finanzjament sa 80 %. Dawn l-azzjonijiet li huma eqreb it-tlestija tal-prodotti u t-teknoloġija jaf xorta jkunu jinvolvu spiża sostanzjali.

(21)  Il-partijiet ikkonċernati fis-settur tad-difiża qed iġarrbu spejjeż indiretti speċifiċi, bħalma huma l-ispejjeż għas-sigurtà. Barra minn hekk, il-partijiet ikkonċernati qed jaħdmu f'suq speċifiku fejn, mingħajr domanda min-naħa tax-xerrejja, ma jkunux jistgħu jirkupraw l-ispejjeż tar-R&Ż bħal fis-settur ċivili. Għaldaqstant hu ġustifikat li titħalla tiġi applikata rata fissa ta' 25 % kif ukoll il-possibbiltà▌ li jintalbu l-ispejjeż indiretti kkalkolati skont il-prattiki tal-kontabbiltà tas-soltu tad-destinatarji jekk dawn il-prattiki jkunu aċċettati mill-awtoritajiet nazzjonali għal attivitajiet komparabbli fil-qasam tad-difiża, li kienu ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni. ▌

(21a)  L-azzjonijiet bil-parteċipazzjoni tal-SMEs u l-kumpaniji transfruntieri b'kapitalizzazzjoni medja jappoġġaw il-ftuħ ta' katini tal-provvista u jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-Fond. Jenħtieġ għalhekk li dawn l-azzjonijiet ikunu eliġibbli għal rata ogħla ta' finanzjament li tkun ta' benefiċċju tal-entitajiet parteċipanti kollha.

(22)  Biex ikun żgurat li l-azzjonijiet iffinanzjati jikkontribwixxu għall-kompetittività u l-effiċjenza tal-industrija Ewropea tad-difiża, hu importanti li l-Istati Membri ▌juru li beħsiebhom jakkwistaw konġuntament il-prodott finali jew jużaw it-teknoloġija, b'mod partikolari permezz ta' akkwist transfruntier konġunt, fejn l-Istati Membri jorganizzaw flimkien il-proċeduri tal-akkwist tagħhom b'mod partikolari bl-użu ta' korp ċentrali tal-akkwisti.

(22a)  Sabiex ikun żgurat li l-azzjonijiet appoġġati finanzjarjament jikkontribwixxu għall-kompetittività u l-effiċjenza tal-industrija Ewropea tad-difiża, jenħtieġ li dawn ikunu orjentati lejn is-suq,, motivati mid-domanda u kummerċjalment vijabbli fuq perjodu ta' żmien medju jew twil. Jenħtieġ għalhekk li l-kriterji tal-eliġibbiltà jqisu l-fatt li l-Istati Membri, anki permezz ta' memorandum ta' qbil jew ittra ta' intenzjoni, beħsiebhom akkwistaw il-prodott finali tad-difiża jew jużaw it-teknoloġija b'mod koordinat. Jenħtieġ li l-kriterji tal-għoti għall-azzjonijiet ta' żvilupp ukoll iqisu l-fatt li l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom, politikament jew ġuridikament, li jużaw jew jippossjedu konġuntament il-prodott finali jew it-teknoloġija finali tad-difiża jew jiżguraw il-manutenzjoni tagħhom.

(23)  Jenħtieġ li l-promozzjoni tal-innovazzjoni u tal-iżvilupp teknoloġiku fl-industrija tad-difiża tal-Unjoni ssir b'mod koerenti mal-interessi ta' siġurtà u ta' difiża tal-Unjoni. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-kontribut tal-azzjonijiet għal dawk l-interessi u għall-prijoritajiet tar-riċerka u tal-kapaċità fid-difiża maqbula mill-Istati Membri, iservi bħala kriterju tal-għoti. ▌

(24)  L-azzjonijiet eliġibbli żviluppati fil-kuntest tal-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti ▌fil-qafas istituzzjonali tal-Unjoni jenħtieġ jiżguraw kooperazzjoni msaħħa bejn l-entitajiet ġuridiċi fi Stati Membri differenti b'mod kontinwu u b'hekk jikkontribwixxu direttament għall-għanijiet tal-Fond. Għalhekk, jekk jintgħażlu, jenħtieġ li dawn il-proġetti jkunu eliġibbli għal rata ogħla ta' finanzjament.

(25)  Il-Kummissjoni se tqis l-attivitajiet l-oħra ffinanzjati permezz tal-programm qafas Orizzont Ewropa ħalli tevita duplikazzjoni bla bżonn u tiżgura l-qsim ta' ideat u s-sinerġiji bejn ir-riċerka ċivili u tad-difiża.

(26)  Iċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża qed kulma jmur isiru sfidi aktar importanti u l-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà għarfu l-ħtieġa li jiġu stabbiliti sinerġiji bejn l-azzjonijiet taċ-ċiberdifiża fl-ambitu tal-Fond u tal-inizjattivi tal-Unjoni fil-qasam taċ-ċibersigurtà, bħal dawk imħabbra fil-Komunikazzjoni Konġunta dwar iċ-ċibersigurtà. B'mod partikolari, jenħtieġ li ċ-Ċentru Ewropew ta' Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà li se jitwaqqaf, jaħdem biex jibni sinerġiji bejn id-dimensjonijiet ċivili u tad-difiża taċ-ċibersigurtà. Dan jista' jappoġġa b'mod attiv lill-Istati Membri u lill-atturi rilevanti l-oħrajn billi jipprovdi pariri, jaqsam l-għarfien espert u jiffaċilita l-kollaborazzjoni fir-rigward tal-proġetti u l-azzjonijiet kif ukoll meta mitlub mill-Istati Membri biex jaġixxi bħala maniġer ta' proġett b'rabta mal-Fond▌.

(27)  Jenħtieġ ikun żgurat approċċ integrat billi jingħaqdu l-attivitajiet koperti bl-Azzjoni Preparatorja fuq ir-Riċerka dwar id-Difiża ("PADR") li nediet il-Kummissjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 58(2)(b) tar-Regolament Finanzjarju u l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża stabbilit bir-Regolament (UE2018/1092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u billi jiġu armonizzati l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni, jinħoloq sett aktar koerenti ta' strumenti, u jiżdied l-impatt ekonomiku, kollaborattiv u innovattiv, filwaqt li jkunu evitati d-duplikazzjonijiet bla bżonn u l-frammentazzjoni. B'dan l-approċċ integrat, il-Fond jikkontribwixxi wkoll għal sfruttament aħjar tar-riżultati tar-riċerka fil-qasam tad-difiża u jkopri d-distakk bejn il-fażijiet tar-riċerka u tal-iżvilupp, filwaqt li jqis l-ispeċifiċitajiet tas-settur tad-difiża, u jippromwovi l-għamliet kollha ta' innovazzjoni, inkluż l-innovazzjoni rivoluzzjonarja▌. Jistgħu jkunu wkoll mistennija effetti konsegwenzjali pożittivi, jekk ikun il-każ, f'ambitu ċivili.

(28)  Fejn ikun xieraq u minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-azzjoni, l-għanijiet tal-Fond jenħtieġ li jiġu indirizzati wkoll bi strumenti finanzjarji u garanziji baġitarji permezz ▌tal-Fond InvestEU.

(29)  Is-sostenn finanzjarju jenħtieġ jintuża biex jiġu indirizzati l-fallimenti tas-suq jew is-sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali b'mod proporzjonat, u jenħtieġ li l-azzjonijiet ma jidduplikawx jew jeskludu l-finanzjament privat jew joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni tas-suq intern. L-azzjonijiet jenħtieġ ikollhom valur miżjud ▌ċar għall-Unjoni.

(30)  It-tipi ta' finanzjament u l-metodi tal-implimentazzjoni tal-Fond jenħtieġ jintgħażlu abbażi tal-kapaċità tagħhom li jilħqu l-għanijiet speċifiċi tal-azzjonijiet u jagħtu r-riżultati, filwaqt li b'mod partikolari jitqiesu l-ispejjeż tal-kontrolli, il-piż amministrattiv u r-riskju mistenni ta' nuqqas ta' konformità. Dan jenħtieġ iqis l-użu ta' somom f'daqqa, ir-rati fissi u l-ispejjeż unitarji, kif ukoll il-finanzjament li mhux marbut mal-ispejjeż kif imsemmi fl-Artikolu ▌125(1)▌ tar-Regolament Finanzjarju.

(31)  Il-Kummissjoni jenħtieġ tistabbilixxi programm ta' ħidma annwali ▌b'konformità mal-għanijiet tal-Fond, filwaqt li tqis it-tagħlimiet inizjali li ħadet mill-EDIDP u mill-PADR. Jenħtieġ li waqt l-istabbiliment tal-programmi ta' ħidma, il-Kummissjoni jkollha l-assistenza tal-kumitat. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel ħilitha biex issib soluzzjonijiet li jkunu jgawdu l-akbar appoġġ possibbli fi ħdan il-kumitat. F'dak il-kuntest, il-kumitat jista' jiltaqa' f'konfigurazzjoni ta' esperti nazzjonali tas-sigurtà u tad-difiża biex tingħata assistenza speċifika lill-Kummissjoni, inkluż biex jingħataw pariri fir-rigward tal-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata fil-qafas tal-azzjonijiet. Huwa f'idejn l-Istati Membri biex jaħtru r-rappreżentanti rispettivi tagħhom f'dak il-kumitat. Il-membri tal-kumitat jenħtieġ li jingħataw opportunitajiet bikrija u effikaċi biex jeżaminaw l-abbozzi tal-atti ta' implimentazzjoni u jesprimu l-fehmiet tagħhom.

(31a)  Il-kategoriji tal-programmi ta' ħidma jenħtieġ li jkollhom rekwiżiti funzjonali sabiex jiċċaraw għall-industrija liema funzjonalitajiet u kompiti għandhom jitwettqu permezz tal-kapaċitajiet li ser jiġu żviluppati. Tali rekwiżiti jenħtieġ li jagħtu indikazzjoni ċara dwar il-prestazzjonijiet mistennija iżda jenħtieġ li ma jkunux diretti lejn soluzzjonijiet speċifiċi jew entitajiet speċifiċi u jenħtieġ li ma jipprevenux il-kompetizzjoni fil-livell ta' sejħiet għal proposti.

(31b)  Waqt it-tfassil tal-programmi ta' ħidma, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżgura wkoll, permezz ta' konsultazzjonijiet xierqa mal-kumitat, li l-azzjonijiet ta' riċerka u żvilupp proposti jevitaw d-duplikazzjoni bla bżonn. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tista' twettaq valutazzjoni bil-quddiem tal-każijiet ta' duplikazzjoni possibbli bil-kapaċitajiet eżistenti jew bi proġetti ta' riċerka jew ta' żvilupp diġà ffinanzjati fl-Unjoni.

(31bb)  Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura l-koerenza tal-programmi ta' ħidma matul iċ-ċiklu industrijali tal-prodotti u tat-teknoloġiji fil-qasam tad-difiża.

(31bc)  Jenħtieġ li l-programmi ta' ħidma jiżguraw ukoll li azzjonijiet li jippermettu l-parteċipazzjoni transfruntiera tal-SMEs jibbenefikaw minn proporzjon kredibbli tal-baġit totali.

(31c)   L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża tingħata l-istatus ta' osservatur fil-kumitat ħalli dan jibbenefika mill-għarfien espert tagħha fis-settur tad-difiża. Minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-qasam tad-difiża, anki s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jenħtieġ li jassisti lill-kumitat.

(32)  Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li s-setgħat ta' implimentazzjoni jingħataw lill-Kummissjoni fir-rigward tal-adozzjoni tal-programm ta' ħidma, u għall-għoti tal-finanzjament lill-azzjonijiet ta' żvilupp magħżula. B'mod partikolari, waqt l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ta' żvilupp, jenħtieġ li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tas-settur tad-difiża, b'mod partikolari r-responsabbiltà tal-Istati Membri u/jew tal-pajjiżi assoċjati għall-ippjanar u l-proċess tal-akkwiżizzjoni. Dawn is-setgħat ta' implimentazzjoni jenħtieġ li jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) ▌Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill▌(6).

(32a)  Wara l-evalwazzjoni tal-proposti bl-għajnuna ta' esperti indipendenti, li l-kredenzjali ta' sigurtà tagħhom jenħtieġ li jiġu vvalidati mill-Istati Membri rilevanti, il-Kummissjoni jenħtieġ li tagħżel l-azzjonijiet li għandhom jiġu appoġġati finanzjarjament mill-Fond. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi bażi tad-data ta' esperti indipendenti. Jenħtieġ li l-bażi tad-data ma ssirx pubblika. L-esperti indipendenti jenħtieġ li jinħatru abbażi tal-ħiliet, tal-esperjenza u tal-għarfien tagħhom, b'kont meħud tal-kompiti li jiġu assenjati lilhom. Sa fejn possibbli, meta taħtar l-esperti indipendenti, il-Kummissjoni jenħtieġ li tieħu miżuri adatti għall-fini ta' kompożizzjoni bbilanċjata fi ħdan il-gruppi tal-esperti u l-bordijiet ta' evalwazzjoni f'termini ta' varjetà ta' ħiliet, esperjenzi, għarfien, diversità ġeografika u ġeneru, b'kont meħud tas-sitwazzjoni fil-qasam tal-azzjoni. Jenħtieġ li tiġi żgurata wkoll rotazzjoni adegwata tal-esperti u bilanċ xieraq bejn is-settur privat u dak pubbliku. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiġu infurmati dwar ir-riżultati tal-evalwazzjoni bl-elenku tal-klassifika ta' azzjonijiet magħżula u tal-progress tal-azzjonijiet iffinanzjati. Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li s-setgħat ta' implimentazzjoni jingħataw lill-Kummissjoni fir-rigward tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma, kif ukoll għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta' għoti. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(32b)  Jenħtieġ li l-esperti indipendenti ma jevalwawx, ma jagħtux pariri jew ma jassistux fil-każ ta' materji li fir-rigward tagħhom ikollhom kunflitt ta' interessi, b'mod partikolari fir-rigward tal-pożizzjoni attwali tagħhom. B'mod partikolari, ma għandhomx ikunu f'pożizzjoni li fiha jkunu jistgħu jużaw l-informazzjoni li taslilhom għad-detriment tal-konsorzju li jevalwaw.

(32bb)  ▌Huma u jipproponu prodotti jew teknoloġiji ġodda jew il-modernizzazzjoni ta' prodotti jew teknoloġiji eżistenti, jenħtieġ li l-applikanti jintrabtu li jirrispettaw il-prinċipji etiċi, pereżempju dawk relatati mal-benesseri tal-bnedmin u mal-ħarsien tal-ġenoma uman, stabbiliti wkoll fid-dritt nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali rilevanti, fosthom il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u, meta rilevanti, il-Protokolli tagħha. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-proposti jiġu eżaminati b'mod sistematiku biex jiġu identifikati dawk l-azzjonijiet li jqajmu kwistjonijiet etiċi serji, ħalli ssirilhom valutazzjoni etika.

(33)  Biex jingħata appoġġ lil suq intern miftuħ, jenħtieġ li tkun inkoraġġita wkoll il-parteċipazzjoni ta' SMEs transfruntieri u ta' kumpaniji transfruntieri b'kapitalizzazzjoni medja, bħala membri ta' konsorzji, ▌sottokuntratturi jew entitajiet fil-katina tal-provvista.

(34)  Il-Kummissjoni jenħtieġ tagħmel ħilitha biex iżżomm djalogu mal-Istati Membri u mal-industrija biex tiżgura s-suċċess tal-Fond. Bħala koleġiżlatur u parti kkonċernata ewlenija, anki l-Parlament Ewropew jenħtieġ li jkun involut f'dan ir-rigward.

(35)  Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għall-Fond Ewropew għad-Difiża li jikkostitwixxi l-ammont ta' referenza ewlieni, skont it-tifsira tal-[ftehim interistituzzjonali l-ġdid] bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(7), għall-Parlament Ewropew u għal-Kunsill waqt il-proċedura baġitarja annwali. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-proċeduri amministrattivi jinżammu kemm jista' jkun sempliċi u jinvolvu ammont minimu ta' spejjeż addizzjonali.

(36)  Ir-Regolament Finanzjarju japplika għall-Fond, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Dan jistabbilixxi regoli dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, inkluż ir-regoli dwar għotjiet, premji, akkwist, assistenza finanzjarja, strumenti finanzjarji u garanziji baġitarji.

(37)  Ir-regoli finanzjarji orizzontali adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 322 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) japplikaw għal dan ir-Regolament. Dawn ir-regoli huma stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju u b'mod partikolari jiddeterminaw il-proċedura għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit permezz ta' għotjiet, akkwist, premji, implimentazzjoni indiretta, u jipprovdu għal verifiki tar-responsabilità tal-atturi finanzjarji. Ir-regoli adottati abbażi tal-Artikolu 322 tat-TFUE jikkonċernaw ukoll il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f'każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri, għax ir-rispett għall-istat tad-dritt hu prekundizzjoni essenzjali għal ġestjoni finanzjarja tajba u finanzjament tal-UE effettiv.

(38)  Skont ir-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(8), ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2988/95(9), ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96(10) u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939(11), l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jenħtieġ jiġu protetti b'miżuri proporzjonati, inklużi l-prevenzjoni, id-detezzjoni, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta' irregolaritajiet, inklużi frodi, l-irkupru ta' fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b'mod skorrett, u meta xieraq, l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet amministrattivi. B'mod partikolari, skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 u r-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista' jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post ħalli jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew xi attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ("UPPE") jista' jinvestiga u jressaq każijiet ta' ▌reati kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(12). Skont ir-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi tal-Unjoni trid tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet u l-aċċess meħtieġa lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-UPPE fir-rigward ta' dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw f'kooperazzjoni msaħħa skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) u tiżgura li kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti.

(39)  Il-pajjiżi terzi li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jistgħu jieħdu sehem fil-programmi tal-Unjoni fil-qafas tal-kooperazzjoni stabbilit skont il-ftehim taż-ŻEE, li jipprevedi l-implimentazzjoni tal-programmi permezz ta' deċiżjoni skont dak il-ftehim. F'dan ir-Regolament jenħtieġ tiġi introdotta dispożizzjoni speċifika biex jingħataw id-drittijiet meħtieġa għall-aċċess, kif ukoll l-aċċess, lill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli, lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri biex jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b'mod komprensiv.

(40)  Skont il-paragrafi 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali għat-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016, hemm bżonn li dan il-programm jiġi evalwat abbażi tal-informazzjoni miġbura permezz ta' rekwiżiti speċifiċi tal-monitoraġġ, filwaqt li jiġu evitati r-regolamentazzjoni żejda u l-piżijiet amministrattivi, b'mod partikolari għall-Istati Membri. Dawn ir-rekwiżiti, meta xieraq, jistgħu jinkludu indikaturi li jistgħu jitkejlu, bħala bażi għall-evalwazzjoni tal-effetti tar-Regolament fil-prattika. Il-Kummissjoni jenħtieġ li twettaq evalwazzjoni interim sa mhux aktar tard minn erba' snin wara l-bidu tal-implimentazzjoni tal-Fond, inkluż bil-ħsieb li tippreżenta proposti għal kwalunkwe emenda xierqa tar-Regolament preżenti, u evalwazzjoni finali fi tmiem il-perjodu tal-implimentazzjoni tal-Fond, li jeżaminaw l-attivitajiet finanzjarji fir-rigward tar-riżultati tal-implimentazzjoni finanzjarja u, sa fejn possibbli f'dak il-mument, ir-riżultati u l-impatt. F'dan il-kuntest, ir-rapport ta' evalwazzjoni finali jenħtieġ ukoll li jgħin biex jiġi identifikat il-każijiet li fihom l-Unjoni tiddependi minn pajjiżi terzi għall-iżvilupp ta' prodotti u teknoloġiji tad-difiża. Jenħtieġ li dan ir-rapport finali janalizza wkoll il-parteċipazzjoni transfruntiera tal-SMEs u tal-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja fi proġetti sostnuti finanzjarjament mill-Fond kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-SMEs u tal-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja fil-katina tal-valur globali, u l-kontribut tal-Fond biex jindirizza n-nuqqasijiet identifikati fil-Pjan ta' Żvilupp tal-Kapaċitajiet, u jenħtieġ li jinkludi informazzjoni dwar l-oriġini tad-destinatarji, l-għadd ta' Stati Membri u pajjiżi assoċjati involuti f'azzjonijiet individwali u d-distribuzzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali ġġenerati. Il-Kummissjoni tista' wkoll tipproponi emendi għal dan ir-Regolament biex tirreaġixxi għal żviluppi possibbli waqt l-implimentazzjoni tal-Fond.

(40a)  Jenħtieġ li l-Kummissjoni timmonitorja regolarment l-implimentazzjoni tal-Fond u tirrapporta kull sena dwar il-progress li sar, inkluż il-mod kif qegħdin jitqiesu t-tagħlimiet identifikati u t-tagħlimiet meħuda mill-EDIDP u mill-PADR fl-implimentazzjoni tal-Fond. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi l-arranġamenti meħtieġa tal-monitoraġġ. Jenħtieġ li r-rapport ikun ippreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u jenħtieġ li jkunx fih informazzjoni sensittiva.

(41)  Filwaqt li jirrifletti l-importanza li jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima skont l-impenji tal-Unjoni biex timplimenta l-Ftehim ta' Pariġi u l-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, dan il-Fond se jikkontribwixxi biex l-azzjoni klimatika tiġi integrata fil-politiki tal-Unjoni u biex tintlaħaq l-objettiv ġenerali li jiġi ddedikat 25 % tan-nefqa tal-baġit tal-UE bħala appoġġ għall-għanijiet klimatiċi. L-azzjonijiet rilevanti jiġu identifikati waqt it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-Fond, u vvalutati mill-ġdid fil-kuntest tal-evalwazzjoni nofsana tiegħu.

(42)  Billi l-Fond jappoġġa biss il-fażijiet tar-riċerka u tal-iżvilupp ta' prodotti u teknoloġiji tad-difiża, fil-prinċipju l-Unjoni jenħtieġ ma jkollhiex sjieda jew drittijiet ta' proprjetà intellettwali (IPRs) fuq il-prodotti jew it-teknoloġiji li jirriżultaw mill-azzjonijiet iffinanzjati, dment li l-assistenza tal-Unjoni ma tkunx mogħtija permezz tal-akkwist pubbliku. Madankollu, għall-azzjonijiet ta' riċerka, l-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati interessati jenħtieġ li jkunu jistgħu jużaw ir-riżultati tal-azzjonijiet iffinanzjati biex jieħdu sehem fl-iżvilupp kooperattiv ta' segwitu▌.

(43)  Jenħtieġ li l-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni la jkun jaffettwa t-trasferiment ta' prodotti relatati mad-difiża fi ħdan l-Unjoni skont id-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(13), u lanqas ma jaffettwa l-esportazzjonijiet ta' prodotti, tagħmir jew teknoloġiji. L-esportazzjoni ta' tagħmir u teknoloġiji militari min-naħa tal-Istati Membri hija rregolata mill-Pożizzjoni Komuni 944/2008/PESK.

(44)  L-użu ta' informazzjoni kuntestwali sensittiva, inklużi d-data, l-għarfien espert jew l-informazzjoni ġġenerati qabel jew barra l-eżekuzzjoni tal-Fond, jew l-aċċess minn individwi mhux awtorizzati għal riżultati ▌ġġenerati b'rabta mal-azzjonijiet appoġġati finanzjarjament mill-Fond jista' jkollu riperkussjonijiet negattivi fuq l-interessi tal-Unjoni Ewropea jew ta' xi wieħed jew aktar mill-Istati Membri. It-trattament tal-informazzjoni sensittiva jenħtieġ ikun għalhekk regolat mid-dritt rilevanti ▌tal-Unjoni jew nazzjonali.

(44a)  Bil-għan li tiġi garantita s-sigurtà tal-informazzjoni klassifikata fil-livell meħtieġ, jenħtieġ li jkun hemm konformità mal-istandards minimi dwar is-sigurtà industrijali waqt l-iffirmar ta' ftehimiet klassifikati ta' fondi u ta' finanzjament. Għal dak il-għan, u f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tgħaddi l-Istruzzjonijiet tas-Sigurtà tal-Programm inkluża l-Gwida għall-Klassifikazzjoni tas-Sigurtà, bħala parir lill-esperti maħtura mill-Istati Membri.

(45)  Biex ikun possibbli li jiġu ssupplimentati jew emendati l-indikaturi tad-direzzjoni tal-impatt, meta meqjus meħtieġ, il-Kummissjoni jenħtieġ tingħata s-setgħa tal-adozzjoni ta' atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Hu importanti b'mod partikolari li waqt il-ħidma preparatorja tagħha, il-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa anki fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru b'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016. B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

(46)  Il-Kummissjoni jenħtieġ tiġġestixxi l-Fond u tagħti attenzjoni xierqa lir-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità u tas-sigurtà, b'mod partikolari l-informazzjoni klassifikata u sensittiva,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI APPLIKABBLI GĦAR-RIĊERKA U L-IŻVILUPP

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża ("Fond"), kif previst fl-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament …/…/EU [Orizzont - 2018/0224(COD) ].

Ir-Regolament jistabbilixxi l-għanijiet tal-Fond, il-baġit għall-perjodu 2021-2027, il-forom ta' finanzjament tal-Unjoni u r-regoli dwar l-għoti ta' dan il-finanzjament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(0)  "applikant" tfisser entità ġuridika li tressaq applikazzjoni għal appoġġ mill-Fond b'segwitu għal sejħa għal proposti jew skont l-Artikolu 195(e) tar-Regolament Finanzjarju;

(1)  "operazzjonijiet ta' finanzjament imħallat" tfisser azzjonijiet sostnuti mill-baġit tal-UE, inkluż dawk fil-faċilitajiet ta' finanzjament imħallat skont l-Artikolu 2(6) tar-Regolament Finanzjarju, li jikkombinaw forom mhux rimborżabbli ta' appoġġ ▌jew strumenti finanzjarji mill-baġit tal-UE ma' forma rimborżabbli ta' appoġġ mingħand istituzzjonijiet finanzjarji tal-iżvilupp jew istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi oħra, kif ukoll mingħand istituzzjonijiet finanzjarji kummerċjali u investituri;

(1a)  "ċertifikazzjoni" tfisser il-proċess li permezz tiegħu awtorità nazzjonali tiċċertifika li l-prodott, il-komponent tanġibbli jew intanġibbli jew t-teknoloġija relatati mad-difiża huma konformi mar-regolamenti applikabbli;

(1b)  "informazzjoni klassifikata" tfisser kwalunkwe informazzjoni jew materjal, fi kwalunkwe forma, li d-divulgazzjoni mhux awtorizzata tagħhom tista' tikkawża gradi differenti ta' preġudizzju għall-interessi tal-Unjoni Ewropea jew ta' wieħed jew aktar mill-Istati Membri, u li jkollhom marka ta' klassifikazzjoni tal-UE jew marka ta' klassifikazzjoni korrispondenti, f'konformità mal-ftehim bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata skambjata fl-interessi tal-Unjoni Ewropea (2011/C 202/05);

(1c)  "konsorzju" tfisser grupp kollaborattiv ta' applikanti jew destinatarji marbuta ma' xulxin bi ftehim ta' konsorzju u kkostitwit biex iwettaq azzjoni fl-ambitu tal-Fond;

(1d)  "koordinatur" tfisser entità ġuridika li hija membru ta' konsorzju u li nħatret mill-membri kollha tal-konsorzju biex tkun il-punt ewlieni ta' kuntatt fir-relazzjonijiet mal-Kummissjoni;

(2)  "kontroll" tfisser il-kapaċità li tkun eżerċitata influwenza deċiżiva fuq entità ġuridika b'mod dirett jew indirett permezz ta' entità ġuridika intermedja waħda jew aktar;

(3)  "azzjoni ta' żvilupp" tfisser kwalunkwe azzjoni li tikkonsisti ▌minn attivitajiet orjentati lejn id-difiża prinċipalment fil-fażi tal-iżvilupp, li tkopri prodotti u teknoloġiji ġodda u l-modernizzazzjoni ta' dawk eżistenti, għajr il-produzzjoni jew l-użu tal-armi;

(4)  "teknoloġija rivoluzzjonarja għad-difiża" tfisser teknoloġija li ġġib bidla radikali, pereżempju teknoloġija msaħħa jew kompletament ġdida, li kapaċi toħloq bidla fil-paradigma fil-kunċett u fit-tmexxija tal-affarijiet tad-difiża inkluż permezz tas-sostituzzjoni tat-teknoloġiji tad-difiża eżistenti jew billi dawn jitrendu obsoleti;

(5)  "strutturi ta' ġestjoni eżekuttiva" tfisser korp ta' entità ġuridika maħtur skont id-dritt nazzjonali, u li, jekk applikabbli, jirrapporta lill-uffiċjal kap eżekuttiv, li jkollu s-setgħa jistabbilixxi l-istrateġija, l-għanijiet u d-direzzjoni ġenerali tal-entità ġuridika, u li jissorvelja u jimmonitorja t-teħid ta' deċiżjonijiet tal-livell maniġerjali;

(5a)  "informazzjoni ġdida" tfisser id-data, l-għarfien espert jew l-informazzjoni ġġenerata waqt l-eżekuzzjoni tal-Fond, tkun xi tkun il-forma jew in-natura tagħha;

(6)  "entità ġuridika" tfisser kwalunkwe persuna ▌ġuridika maħluqa u rikonoxxuta bħala tali skont id-dritt nazzjonali, id-dritt tal-Unjoni jew id-dritt internazzjonali, li jkollha personalità ġuridika u li tista', meta taġixxi f'isimha, teżerċita drittijiet u tkun soġġetta għal obbligi, jew l-entità mingħajr personalità ġuridika skont l-Artikolu ▌197(2)(c)▌ tar-Regolament Finanzjarju;

(7)  "kumpanija b'kapitalizzazzjoni medja" tfisser impriża li mhijiex SME u li jkollha għadd ta' impjegati sa 3 000 impjegat, fejn l-għadd ta' persunal jiġi kkalkolat skont l-Artikoli 3 sa 6 ▌tal-Anness tar-Rakkomandazjoni 2003/361/KE tal-Kummissjoni(14);

(8)  "akkwist pubbliku prekummerċjali" tfisser l-akkwist ta' servizzi ta' riċerka u ta' żvilupp li jinvolvu l-qsim tar-riskji u l-benefiċċji skont il-kundizzjonijiet tas-suq, u l-iżvilupp kompetittiv f'fażijiet, fejn hemm separazzjoni ċara tas-servizzi ta' riċerka u ta' żvilupp akkwistati mill-fażi ta' kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti finali;

(9)  "maniġer ta' proġett" tfisser kwalunkwe awtorità aġġudikatriċi stabbilita fi Stat Membru jew f'pajjiż assoċjat, inkarigata minn Stat Membru jew pajjiż assoċjat jew minn grupp ta' Stati Membri ▌jew pajjiżi assoċjati biex timmaniġġa proġetti multinazzjonali ta' armamenti b'mod permanenti jew fuq bażi ad hoc;

(9a)  "kwalifikazzjoni" tfisser il-proċess kollu biex jintwera li d-disinn ta' prodott, komponent tanġibbli jew intanġibbli jew teknoloġija relatati mad-difiża jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifikati, billi jiġu fornuti provi oġġettivi li juru li jkunu ġew issodisfati r-rekwiżiti partikolari ta' disinn;

(10)  "destinatarju" tfisser kwalunkwe entità ġuridika li magħha ġie ffirmat kuntratt għal forma ta' finanzjament jew li lilha ġiet notifikata deċiżjoni dwar forma ta' finanzjament;

(11)  "azzjoni ta' riċerka" tfisser kwalunkwe azzjoni li tikkonsisti prinċipalment minn attivitajiet ta' riċerka, b'mod partikolari r-riċerka applikata u, fejn meħtieġ, ir-riċerka fundamentali, bil-għan li jinkiseb għarfien ġdid u ċċentrati esklużivament fuq l-applikazzjonijiet tad-difiża;

(12)  "riżultati" tfisser kwalunkwe effett tanġibbli jew intanġibbli tal-azzjoni, bħal data, għarfien espert jew informazzjoni, tkun xi tkun il-forma jew in-natura tiegħu, sew jekk jista' jitħares jew le, kif ukoll kwalunkwe dritt marbut miegħu, inkluż drittijiet ta' proprjetà intellettwali;

(12a)  "informazzjoni sensittiva" tfisser informazzjoni u data, inkluża informazzjoni klassifikata, li jridu jkunu protetti minn aċċess jew divulgazzjoni mhux awtorizzati minħabba l-obbligi stabbiliti fid-dritt nazzjonali jew tal-Unjoni jew sabiex titħares il-privatezza jew is-sigurtà ta' individwu jew organizzazzjoni;

(12b)  "impriżi żgħar u ta' daqs medju" jew "SMEs" tfisser impriżi żgħar u ta' daqs medju kif definit fir-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE tal-Kummissjoni;

(13)  "rapport speċjali" tfisser dokument speċifiku relatata ma' azzjoni ta' riċerka li jiġbor fil-qosor ir-riżultati tagħha, billi jagħti informazzjoni estensiva fuq il-prinċipji bażiċi, l-għanijiet, l-eżiti reali, il-proprjetajiet bażiċi, it-testijiet imwettqa, il-benefiċċji potenzjali, l-applikazzjonijiet tad-difiża potenzjali u l-perkors ta' sfruttament mistenni tar-riċerka għal finijiet ta' żvilupp, inkluża l-informazzjoni dwar is-sjieda tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali mingħajr ma tkun meħtieġa l-inklużjoni ta' informazzjoni dwar tali drittijiet;

(14)  "prototip tas-sistema" tfisser mudell ta' prodott jew ta' teknoloġija li jista' juri l-prestazzjoni f'ambjent operazzjonali;

(15)  "pajjiż terz" tfisser pajjiż li mhuwiex membru tal-Unjoni;

(16)  "pajjiż terz mhux assoċjat" tfisser pajjiż terz li mhux pajjiż assoċjat skont l-Artikolu 5;

(17)  "entità ta' pajjiż terz mhux assoċjat" tfisser entità ġuridika stabbilita f'pajjiż terz mhux assoċjat jew, jekk stabbilita fl-Unjoni jew f'pajjiż assoċjat, li jkollha l-istrutturi ta' ġestjoni eżekuttiva tagħha f'pajjiż terz mhux assoċjat.

Artikolu 3

Għanijiet tal-Fond

1.  L-għan ġenerali tal-Fond hu li jrawwem il-kompetittività, l-effiċjenza u l-kapaċità tal-innovazzjoni tal-bażi industrijali u teknoloġika Ewropea tad-difiża fl-Unjoni kollha, u dan jikkontribwixxi għall-awtonomija strateġika tal-Unjoni u għal-libertà ta' azzjoni tagħha, billi jappoġġa azzjonijiet kollaborattivi u kooperazzjoni transfruntiera bejn entitajiet ġuridiċi mal-Unjoni kollha, b'mod partikolari l-SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja, kif ukoll billi jsaħħaħ u jtejjeb il-flessibbiltà tal-katini tal-provvista u tal-katini tal-valur tad-difiża, u jkabbar il-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-entitajiet ġuridiċi u jrawwem sfruttament aħjar tal-potenzjal industrijali tal-innovazzjoni, tar-riċerka u tal-iżvilupp teknoloġiku, f'kull stadju taċ-ċiklu tal-ħajja industrijali tal-prodotti u tat-teknoloġiji tad-difiża. ▌

2.  Il-Fond għandu jkollu dawn l-għanijiet speċifiċi li ġejjin:

(a)  jappoġġa r-riċerka kollaborattiva li tista' tixpruna b'mod sinifikanti l-prestazzjoni tal-kapaċitajiet futuri fl-Unjoni kollha, ħalli tiġi massimizzata l-innovazzjoni u jiġu introdotti prodotti u teknoloġiji ġodda tad-difiża,inkluż dawk rivoluzzjonarji u l-użu aktar effiċjenti tal-ispiża għar-riċerka fil-qasam tad-difiża fl-Unjoni;

(b)  jappoġġa l-iżvilupp kollaborattiv ta' prodotti u teknoloġiji tad-difiża▌, b'hekk jikkontribwixxi biex tiżdied l-effiċjenza fin-nefqa fuq id-difiża fl-Unjoni, jinkisbu ekonomiji ta' skala akbar, jonqos ir-riskju ta' duplikazzjoni bla bżonn u b'hekk jiġi inċentivat it-tixrid fis-suq ta' prodotti u teknoloġiji Ewropej, u tonqos il-frammentazzjoni tal-prodotti u tat-teknoloġiji tad-difiża fl-Unjoni kollha. Fl-aħħar mill-aħħar, il-Fond iwassal għal żieda fl-istandardizzazzjoni tas-sistemi ta' difiża u għal aktar interoperabbiltà bejn il-kapaċitajiet tal-Istati Membri.

Din il-kooperazzjoni għandha tkun konsistenti mal-prijoritajiet tal-kapaċità tad-difiża miftiehma mill-Istati Membri fil-qafas tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni u b'mod partikolari fil-kuntest tal-Pjan ta' Żvilupp tal-Kapaċitajiet.

F'dan ir-rigward, il-prijoritajiet reġjonali u internazzjonali, meta jservu l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni kif determinat skont il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni, u b'kont meħud tal-ħtieġa li tiġi evitata d-duplikazzjoni bla bżonn, jistgħu wkoll jitqiesu, jekk ikun il-każ, kull meta ma jeskludux il-possibbiltà tal-parteċipazzjoni ta' kwalunkwe Stat Membru jew pajjiż assoċjat.

Artikolu 4

Baġit

1.  F'konformità mal-Artikolu 9(1) tar-Regolament …/…/UE, il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għad-Difiża għall-perjodu 2021–2027 għandu jkun EUR 11 453 260 000 fi prezzijiet tal-2018 u EUR 13 000 000 000 fi prezzijiet kurrenti.

2.  Id-distribuzzjoni ▌tal-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 għandha tkun:

(a)  ▌EUR 3 612 182 000 fi prezzijiet tal-2018 (EUR 4 100 000 000 għall-azzjonijiet ta' riċerka;

(b)  ▌EUR 7 841 078 000 fi prezzijiet tal-2018 (EUR 8 900 000 000 fi prezzijiet kurrenti) għall-azzjonijiet ta' żvilupp.

2a.  Sabiex tilqa' għaċ-ċirkostanzi imprevisti jew għall-iżviluppi u għall-bżonnijiet il-ġodda, il-Kummissjoni tista' talloka mill-ġdid l-ammonti bejn l-allokazzjonijiet għall-azzjonijiet ta' riċerka u għall-azzjonijiet ta' żvilupp imsemmijin fil-paragrafu 2 sa massimu ta' 20 %.

3.  L-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 jista' jintuża għal assistenza teknika u amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-Fond, bħall-attivitajiet ta' tħejjija, monitoraġġ, kontroll, awditjar evalwazzjoni, inklużi sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni tal-kumpaniji.

4.  Tal-anqas 4 % u sa 8 % tal-pakkett finanzjarju msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi allokat għas-sejħiet għal proposti jew għoti ta' finanzjamenti bħala appoġġ għat-teknoloġiji rivoluzzjonarji fil-qasam tad-difiża.

Artikolu 5

Pajjiżi assoċjati

Il-Fond għandu jkun miftuħ għall-membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li huma membri fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim taż-ŻEE; Kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja għall-Fond f'konformità ma' dan l-Artikolu għandha tikkostitwixxi dħul assenjat skont l-Artikolu [21(5)] tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 6

Appoġġ għat-teknoloġiji rivoluzzjonarji fil-qasam tad-difiża

1.  Il-Kummissjoni għandha tagħti finanzjament wara konsultazzjonijiet miftuħa u pubbliċi dwar it-teknoloġiji ċċentrati fuq l-applikazzjonijiet b'potenzjal rivoluzzjonarju fil-qasam tad-difiża, fl-oqsma ta' intervent fil-programmi ta' ħidma.

2.  Il-programmi ta' ħidma għandhom jistabbilixxu l-aktar forma xierqa ta' finanzjament biex tiffinanzja dawn it-teknoloġiji rivoluzzjonarji fil-qasam tad-difiża.

Artikolu 7

Etika

1.  L-azzjonijiet implimentati permezz tal-Fond għandhom ikunu konformi mad-dritt nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali rilevanti, inkluża l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Dawn l-azzjonijiet għandhom ikunu wkoll konformi mal-prinċipji etiċi stabbiliti wkoll fid-dritt nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali rilevanti.

2.  Qabel l-iffirmar tal-ftehim ta' finanzjament, il-proposti għandhom jiġu eżaminati mill-Kummissjoni, abbażi ta' awtovalutazzjoni ta' natura etika mħejjija mill-konsorzju, biex jiġu identifikati dawk l-azzjonijiet li jqajmu kwistjonijiet etiċi ▌serji inkluż fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta' implimentazzjoni u, jekk ikun il-każ, jitressqu għal valutazzjoni etika.

L-eżami u l-valutazzjonijiet etiċi għandha tagħmilhom il-Kummissjoni, bl-għajnuna ta' esperti indipendenti li ġejjin minn diversi kuntesti li għandhom b'mod partikolari għarfien espert rikonoxxut fl-etika tad-difiża.

Il-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta' attivitajiet bi problemi etikament sensittivi għandhom ikunu speċifikati fil-ftehim ta' finanzjament.

Il-Kummissjoni għandha kemm jista' jkun tiżgura t-trasparenza tal-proċeduri etika u għandha tirrapporta dwar dan fil-qafas tal-obbligi tagħha fl-ambitu tal-Artikoli 32. L-esperti għandhom ikunu ċittadini tal-akbar numru possibbli ta' Stati Membri.

3.  L-entitajiet li jieħdu sehem fl-azzjoni għandhom jiksbu l-approvazzjonijiet rilevanti kollha jew dokumenti obbligatorji oħra meħtieġa mill-kumitati etiċi lokali jew nazzjonali rilevanti jew mingħand korpi oħrajn bħall-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, qabel ma jinbdew l-attivitajiet rilevanti. Dawn id-dokumenti għandhom jinżammu f'fajl u jingħataw lill-Kummissjoni fuq talba.

5.  Il-proposti li mhumiex aċċettabli etikament għandhom jiġu miċħuda▌.

Artikolu 8

Implimentazzjoni u forom ta' finanzjament tal-UE

1.  Il-Fond għandu jiġi implimentat f'reġim ta' ġestjoni diretta skont ir-Regolament Finanzjarju.

1a.  B'deroga għall-paragrafu 1, f'każijiet ġustifikati, jistgħu jiġu implimentati azzjonijiet speċifiċi f'reġim ta' ġestjoni indiretta min-naħa tal-korpi msemmijin fl-Artikolu 62(1)(c) tar-Regolament Finanzjarju. Dan ma jistax jikkonċerna l-proċedura tal-għażla u tal-għoti msemmija fl-Artikolu 12.

2.  Il-Fond jista' jipprovdi finanzjament f'konformità mar-Regolament Finanzjarju, permezz ta' għotjiet, premji u l-akkwist, u fejn ikun il-każ minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-azzjoni, strumenti finanzjarji fi ħdan l-operazzjonijiet ta' finanzjament imħallat.

2a.  L-operazzjonijiet ta' finanzjament imħallat għandhom ikunu implimentati skont it-Titolu X tar-Regolament Finanzjarju u r-Regolament InvestEU.

2b.  L-istrumenti finanzjarji għandhom ikunu rigorożament diretti lejn id-destinatarji biss.

Artikolu 10

Entitajiet eliġibbli

1.  Id-destinatarji u s-sottokuntratturi ▌involuti fl-azzjoni b'appoġġ finanzjarju mill-Fond għandhom ▌ikunu stabbiliti fl-Unjoni jew f'pajjiż assoċjat▌.

1a.  L-infrastruttura, il-faċilitajiet, l-assi u r-riżorsi tad-destinatarji u s-sottokuntratturi involuti f'azzjoni li jintużaw għall-finijiet tal-azzjonijiet b'appoġġ finanzjarju mill-Fond għandhom ikunu jinsabu fit-territorju ta' Stat Membru jew ta' pajjiż assoċjat għad-durata kollha ta' azzjoni, u l-istrutturi maniġerjali eżekuttivi tagħhom għandhom ikunu stabbiliti fl-Unjoni jew f'pajjiż assoċjat.

1b.  Għall-fini ta' azzjoni b'appoġġ finanzjarju mill-Fond, id-destinatarji u s-sottokuntratturi involuti f'azzjoni ma għandhomx ikunu soġġetti għal kontroll minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta' pajjiż terz mhux assoċjat.

2.  B'deroga mill-paragrafu 1b ta' dan l-Artikolu, entità ġuridika stabbilita fl-Unjoni jew f'pajjiż assoċjat u kkontrollata minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta' pajjiż terz mhux assoċjat għandha tkun eliġibbli bħala destinatarju jew sottokuntrattur involut f'azzjoni biss jekk isiru disponibbli għall-Kummissjoni garanziji approvati mill-Istat Membru jew il-pajjiż assoċjat li fih tkun stabbilita f'konformità mal-proċeduri nazzjonali tiegħu. Dawk il-garanziji jistgħu jirreferu għall-istruttura maniġerjali eżekuttiva tal-entità ġuridika stabbilita fl-Unjoni jew f'pajjiż assoċjat. Jekk jitqies adatt mill-Istat Membru jew mill-pajjiż assoċjat li fih tkun stabbilita l-entità ġuridika, dawk il-garanziji jistgħu jirreferu wkoll għal drittijiet governattivi speċifiċi fil-kontroll eżerċitat fuq l-entità ġuridika.

Il-garanziji għandhom jipprovdu assigurazzjonijiet li l-involviment f'azzjoni ta' tali entità ġuridika ma jmurx kontra l-interessi ta' sigurtà u difiża tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha kif stabbilit fil-qafas tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni skont it-Titolu V tat-TUE, jew l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 3. Il-garanziji għandhom jikkonformaw ukoll mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 22 u 25. Il-garanziji għandhom b'mod partikolari jissostanzjaw li, għall-finijiet tal-azzjoni, hemm fis-seħħ miżuri biex ikun żgurat li:

(a)  ▌kontroll fuq l-entità ġuridika tal-applikant ma jkunx eżerċitat b'mod li jillimita jew jirrestrinġi l-abbiltà tagħhom sabiex iwettqu l-azzjoni u jiksbu riżultati, li jimponu restrizzjonijiet dwar l-infrastruttura, il-faċilitajiet, l-assi, ir-riżorsi, il-proprjetà intellettwali jew l-għarfien espert tagħhom meħtieġa għall-finijiet tal-azzjoni, jew li jimminaw il-kapaċitajiet u l-istandards tagħhom neċessarji għat-twettiq tal-azzjoni;

(b)  ▌aċċess minn pajjiżi terzi mhux assoċjati jew minn entità ta' pajjiżi terzi mhux assoċjati għal informazzjoni sensittiva ▌relatata mal-azzjoni ▌jkun evitat; u l-impjegati jew persuni oħra involuti fl-azzjoni ▌jkollhom approvazzjoni tas-sigurtà nazzjonali maħruġa minn Stat Membru jew minn pajjiż assoċjat, fejn din tkun meħtieġa;

(c)  is-sjieda tal-proprjetà intellettwali li ġejja mill-azzjoni u r-riżultati tal-azzjoni jibqgħu fi ħdan id-destinatarji waqt u wara t-tlestija tal-azzjoni, ma jkunux soġġetti għal kontroll jew restrizzjoni minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta' pajjiż terz mhux assoċjat, u ma jiġux esportati 'l barra mill-Unjoni jew 'il barra minn pajjiżi assoċjati, u lanqas ma jingħata aċċess lilhom minn barra l-Unjoni jew minn barra pajjiżi assoċjati, mingħajr l-approvazzjoni tal-Istati Membri jew il-pajjiż assoċjat li fih hi stabbilita l-entità ġuridika u f'konformità mal-għanijiet stipulati fl-Artikolu 3.

Jekk jitqies adatt mill-Istat Membru jew mill-pajjiż assoċjat li fih tkun stabbilita l-entità ġuridika, jistgħu jkunu pprovduti garanziji addizzjonali.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 28 bi kwalunkwe entità ġuridika li titqies eliġibbli f'konformità ma' dan il-paragrafu.

4.  Fejn ma jkunx hemm sostituti kompetittivi diġà disponibbli fl-Unjoni jew f'pajjiż assoċjat, id-destinatarji u s-sottokuntratturi involuti fl-azzjoni jistgħu jużaw l-assi, l-infrastruttura, il-faċilitajiet u r-riżorsi tagħhom li jinsabu jew li jinżammu barra mit-territorju tal-Istati Membri tal-Unjoni jew il-pajjiżi assoċjati dment li dak l-użu ma jmurx kontra l-interessi ta' sigurtà u difiża tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, ikun konsistenti mal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 u konformi għalkollox mal-Artikoli 22 u 25. L-ispejjeż relatati ma' dawk l-attivitajiet ma għandhomx ikunu eliġibbli għal appoġġ finanzjarju mill-Fond.

4a.  Meta jwettqu azzjoni eliġibbli, id-destinatarji u s-sottokuntratturi involuti fl-azzjoni jistgħu wkoll jikkooperaw ma' entitajiet ġuridiċi stabbiliti barra mit-territorju tal-Istati Membri jew ta' pajjiżi assoċjati, jew ikkontrollati minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta' pajjiż terz mhux assoċjat, inkluż billi jużaw l-assi, l-infrastruttura, il-faċilitajiet u r-riżorsi ta' tali entitajiet ġuridiċi, dment li dan ma jmurx kontra l-interessi ta' sigurtà u ta' difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Tali kooperazzjoni għandha tkun konsistenti mal-għanijiet stipulati fl-Artikolu 3 u għandha tkun għalkollox konformi mal-Artikoli 22 u 25.

Ma għandu jkun hemm ebda aċċess mhux awtorizzat minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità oħra ta' pajjiż terz mhux assoċjat għal informazzjoni klassifikata relatata mat-twettiq tal-azzjoni u għandhom jiġu evitati effetti negattivi potenzjali fuq is-sigurtà tal-provvista tal-inputs kritiċi għall-azzjoni.

L-ispejjeż marbuta ma' dawk l-attivitajiet ma għandhomx ikunu eliġibbli għal appoġġ mill-Fond.

6.  L-applikanti għandhom jipprovdu l-informazzjoni rilevanti kollha meħtieġa għall-valutazzjoni tal-kriterji ta' eliġibbiltà▌. Fil-każ ta' bidla waqt it-twettiq ta' azzjoni li tista' titfa' dubju fuq l-issodisfar tal-kriterji ta' eliġibbiltà, l-entità ġuridika rilevanti għandha tinforma lill-Kummissjoni, li għandha tivvaluta jekk dawn il-kriterji u l-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà għadhomx issodisfati u għandha tindirizza l-impatt potenzjali fuq il-finanzjament tal-azzjoni.

7.  ▌

8.  ▌

9.  Għall-fini ta' dan l-Artikolu, is-sottokuntratturi involuti f'azzjoni appoġġata mill-Fond tirreferi għal sottokuntratturi b'relazzjoni kuntrattwali diretta ma' destinatarju, sottokuntratturi oħra li għalihom huwa allokat mill-anqas 10 % tal-ispiża eliġibbli totali tal-azzjoni, u sottokuntratturi li jistgħu jeħtieġu aċċess għal informazzjoni klassifikata ▌sabiex iwettqu l-azzjoni, u li mhumiex membri tal-konsorzju.

Artikolu 11

Azzjonijiet eliġibbli

1.  Għall-finanzjament għandhom ikunu eliġibbli biss azzjonijiet li jimplimentaw l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 3.

2.  Il-Fond għandu jagħti appoġġ lill-azzjonijiet li jkopru prodotti u teknoloġiji ġodda tad-difiża kif ukoll it-titjib tal-prodotti u tat-teknoloġiji eżistenti dment li l-użu ta' informazzjoni li kienet teżisti qabel meħtieġa għat-twettiq tal-azzjonijiet għall-modernizzazzjoni ma tkunx soġġetta għal restrizzjoni minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta' pajjiż terz mhux assoċjat, direttament, jew indirettament permezz ta' intrapriża intermedjarja waħda jew aktar, b'tali mod li ma tistax tittieħed azzjoni.

3.  Azzjoni eliġibbli għandha tkun relatata ma' waħda jew aktar mill-attivitajiet li ġejjin:

(a)  l-attivitajiet immirati biex joħolqu, jirfdu u jtejbu għarfien▌, prodotti u teknoloġiji inklużi teknoloġiji rivoluzzjonarji, li jistgħu jħallu effetti sinifikanti fil-qasam tad-difiża;

(b)  l-attivitajiet immirati biex iżidu l-interoperabbiltà u r-reżiljenza, inkluż il-produzzjoni u l-qsim siguri tad-data, biex tinkiseb ħakma ta' teknoloġiji kritiċi tad-difiża, biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista u biex ikun jista' jsir sfruttament effettiv tar-riżultati għal prodotti u teknoloġiji tad-difiża;

(c)  l-istudji, bħal studji ta' fattibbiltà li jeżaminaw il-fattibbiltà ta' teknoloġiji, prodotti, proċessi, servizzi, soluzzjonijiet, ġodda jew imtejba▌;

(d)  id-disinn ta' prodott, komponent tanġibbli jew intanġibbli, jew teknoloġija tad-difiża kif ukoll id-definizzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li skonthom ikun ġie żviluppat dan id-disinn u li jistgħu jinkludu testijiet parzjali għal tnaqqis tar-riskju f'ambjent industrijali jew rappreżentattiv;

(e)  l-iżvilupp ta' mudell ta' prodott, komponent tanġibbli jew intanġibbli, jew teknoloġija tad-difiża, li jkunu jistgħu juru l-prestazzjoni tal-element waqt li jkun qed jitħaddem (prototip ta' sistema);

(f)  l-ittestjar ta' prodott, komponent tanġibbli jew intanġibbli, jew teknoloġija tad-difiża;

(g)  l-ikkwalifikar ta' prodott, komponent tanġibbli jew intanġibbli, jew teknoloġija tad-difiża▌;

(h)  iċ-ċertifikazzjoni ta' prodott, komponent tanġibbli jew intanġibbli, jew teknoloġija tad-difiża▌;

(i)  l-iżvilupp ta' teknoloġiji jew assi li jżidu l-effiċjenza tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta' prodotti u teknoloġiji tad-difiża.

4.  ▌L-azzjoni għandha titwettaq bil-kooperazzjoni fi ħdan konsorzju ta' mill-inqas tliet entitajiet ġuridiċi li jkunu stabbiliti f'mill-anqas tliet Stati Membri ▌jew pajjiżi assoċjati differenti. Tul l-implimentazzjoni kollha tal-azzjoni, mill-inqas ▌żewġ Stati Membri ▌jew pajjiżi assoċjati differenti ma għandhomx ikunu kkontrollati▌, direttament jew indirettament, mill-istess entità jew ma għandhomx ikunu jikkontrollaw lil xulxin.

5.  Il-paragrafu 4 m'għandux japplika għal azzjoni relatata ma' teknoloġiji rivoluzzjonarji għad-difiża jew għal azzjonijiet imsemmija fil-punt (c) ▌tal-paragrafu 3▌.

6.  L-azzjonijiet għall-iżvilupp ta' prodotti u teknoloġiji li l-użu, l-iżvilupp jew il-produzzjoni tagħhom hu pprojbit mil-liġi internazzjonali applikabbli, ma għandhomx ikunu eliġibbli.

Anki l-azzjonijiet għall-iżvilupp ta' armi awtonomi letali mingħajr il-possibbiltà ta' kontroll uman sinifikattiv fuq id-deċiżjonijiet dwar l-għażla u l-ingaġġ meta jsiru attakki kontra l-bnedmin ma għandhomx ikunu wkoll eliġibbli għall-appoġġ finanzjarju mill-Fond, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà ta' finanzjament ta' azzjonijiet għall-iżvilupp ta' sistema ta' twissija bikrija u kontromiżuri għal finijiet difensivi.

Artikolu 12

Il-proċedura tal-għażla u tal-għoti

1.  Il-finanzjament mill-Unjoni għandu jingħata wara sejħiet kompetittivi għal proposti maħruġa f'konformità mar-Regolament Finanzjarju. F'ċerti ċirkostanzi debitament iġġustifikati u eċċezzjonali, il-finanzjament tal-Unjoni jista' jingħata wkoll skont l-Artikolu ▌195(e)▌ tar-Regolament Finanzjarju.

2a.  Għall-għoti ta' finanzjament▌, il-Kummissjoni għandha taġixxi permezz ta' atti ta' implimentazzjoni adottati f'konformità mal-proċedura msemmija fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 28.

Artikolu 13

Kriterji tal-għoti

Kull proposta għandha tiġi vvalutata skont dawn il-kriterji li ġejjin:

(a)  il-kontribut għall-eċċellenza jew il-potenzjal rivoluzzjonarju fil-qasam tad-difiża b'mod partikolari billi jintwera li r-riżultati mistennija tal-azzjoni proposta jippreżentaw vantaġġi sinifikanti fuq il-prodotti jew it-teknoloġiji tad-difiża eżistenti;

(b)  il-kontribut għall-innovazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku tal-industrija Ewropea tad-difiża, b'mod partikolari billi jintwera li l-azzjoni proposta tinkludi kunċetti u approċċi innovattivi jew ġodda, titjib teknoloġiku ġdid promettenti għall-futur jew l-applikazzjoni ta' teknoloġiji jew kunċetti li qatt qabel ma jkunu ġew applikati fis-settur tad-difiża, filwaqt li tiġi evitata duplikazzjoni bla bżonn;

(c)  il-kontribut għall-kompetittività tal-industrija Ewropea tad-difiża billi jintwera li l-azzjoni proposta hija b'mod ċar bilanċ pożittiv bejn il-kosteffiċjenza u l-effikaċja, u b'hekk jinħolqu opportunitajiet ġodda tas-suq fl-Unjoni kollha u globalment u jiġi aċċellerat it-tkabbir ta' kumpanniji fl-Unjoni kollha;

(d)  il-kontribut għall-awtonomija ta' bażi teknoloġika u industrijali tad-difiża Ewropea, inkluż billi tiżdied in-nondipendenza fuq sorsi mhux tal-UE u tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista, u għall-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni f'konformità mal-prijoritajiet imsemmija fl-Artikolu 3▌;

(e)  il-kontribut għall-ħolqien ta' kooperazzjoni transfruntiera ġdida bejn l-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Istati Membri jew pajjiżi assoċjati, b'mod partikolari għall-SMEs u kumpannija b'kapitalizzazzjoni medja b'parteċipazzjoni sostanzjali fl-azzjoni, bħala destinatarji, sottokuntratturi jew bħala entitajiet oħra fil-katina tal-provvista u li huma stabbiliti fi Stati Membri ▌jew f'pajjiżi assoċjati għajr dawk fejn huma stabbiliti l-entitajiet fil-konsorzju li mhumiex SMEs jew kumpanniji b'kapitalizzazzjoni medja;

(f)  il-kwalità u l-effiċjenza tal-implimentazzjoni tal-azzjoni.

Artikolu 14

Rati ta' kofinanzjament

1.  Il-Fond għandu jiffinanzja sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli ta' attività, elenkata fl-Artikolu 11(3), mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 190 tar-Regolament Finanzjarju.

2.  B'deroga mill-paragrafu 1:

(a)  għall-attivitajiet definiti fl-Artikolu 11(3)(e), l-assistenza finanzjarja tal-Fond ma għandhiex taqbeż l-20 % tal-ispejjeż eliġibbli tagħha;

(b)  għall-attivitajiet definiti fl-Artikolu 11(3)(f) sa (h), l-assistenza finanzjarja tal-Fond ma għandhiex taqbeż it-80 % tal-ispejjeż eliġibbli tagħha.

3.  Għall-azzjonijiet tal-iżvilupp, ir-rati ta' finanzjament għandhom jiżdiedu f'dawn il-każijiet li ġejjin:

(a)  attività żviluppata fil-kuntest tal-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti kif stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2315 tal-11 ta' Diċembru 2017 tista' tibbenefika minn rata ta' finanzjament miżjuda b'10 punti perċentwali addizzjonali;

(b)  attività tista' tibbenefika minn rata ta' finanzjament miżjuda, kif imsemmi fit-tieni u t-tielet subparagrafi ta' dan il-paragrafu, fejn mill-inqas 10 % tal-ispejjeż totali eliġibbli tal-attività huma allokati lil SMEs stabbiliti fi Stat Membru jew f'pajjiż assoċjat u li jipparteċipaw fl-attività bħala destinatarji jew bħala entitajiet fil-katina tal-provvista.

Ir-rata ta' finanzjament tista' tiżdied b'punti perċentwali ekwivalenti għall-perċentwal tal-ispejjeż eliġibbli totali tal-azzjoni allokata għall-SMEs stabbiliti fi Stati Membri jew f'pajjiżi assoċjati li fihom destinatarji li mhumiex SMEs huma stabbiliti u li jipparteċipaw fl-attività bħala destinatarji, sottokuntratturi jew bħala entitajiet fil-katina tal-provvista, sa 5 punti perċentwali addizzjonali.

Ir-rata ta' finanzjament tista' tiżdied b'punti perċentwali ekwivalenti għad-doppju tal-perċentwali tal-ispejjeż eliġibbli totali tal-attività allokata għall-SMEs stabbiliti fi Stati Membri jew f'pajjiżi assoċjati barra minn dawk li fihom destinatarji li mhumiex SMEs huma stabbiliti u li jipparteċipaw fl-attività bħala destinatarji, sottokuntratturi jew bħala entitajiet fil-katina tal-provvista;

(c)  attività tista' tibbenefika minn rata ta' finanzjament miżjuda b'10 punti perċentwali addizzjonali, fejn mill-inqas 15 % tal-ispejjeż eliġibbli totali tal-attività jkunu allokati għall-kumpanniji b'kapitalizzazzjoni medja stabbiliti fl-Unjoni jew f'pajjiż assoċjat;

(d)  iż-żieda ġenerali fir-rata ta' finanzjament ta' attività ma għandhiex taqbeż it-3.5 punti perċentwali.

L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni pprovduta skont il-Fond, inkluż ir-rati ta' finanzjament miżjuda, ma għandhiex tkopri iktar minn 100 % tal-ispejjeż eliġibbli tal-azzjoni.

Artikolu 15

Kapaċità finanzjarja

B'deroga mill-Artikolu ▌198▌ tar-Regolament Finanzjarju:

(a)  il-kapaċità finanzjarja għandha tiġi verifikata biss għall-koordinatur u biss jekk il-finanzjament mitlub mingħand l-Unjoni jkun daqs jew iżjed minn EUR 500 000. Madankollu, jekk ikun hemm raġunijiet biex tiġi ddubitata l-kapaċità finanzjarja, il-Kummissjoni għandha tivverifika wkoll il-kapaċità finanzjarja tal-applikanti l-oħra jew tal-koordinaturi taħt il-livell limitu msemmi fl-ewwel sentenza;

(b)  il-kapaċità finanzjarja ma għandhiex tiġi verifikata fir-rigward ta' entitajiet ġuridiċi li l-vijabilità tagħhom tkun garantita mill-awtoritajiet rilevanti ta' Stat Membru▌;

(c)  jekk il-kapaċità finanzjarja hi garantita strutturalment minn entità ġuridika oħra, il-kapaċità finanzjarja ta' din tal-aħħar għandha tiġi verifikata.

Artikolu 16

Spejjeż indiretti

1.  B'deroga mill-Artikolu 181(6) tar-Regolament Finanzjarju, l-ispejjeż eliġibbli indiretti għandhom jiġu determinati bl-applikazzjoni ta' rata fissa ta' 25 % tal-ispejjeż eliġibbli diretti totali, li ma jkunux jinkludu l-ispejjeż eliġibbli diretti ta' sottokuntrattar u l-appoġġ finanzjarju lill-partijiet terzi u kwalunkwe spiża unitarja jew somom f'daqqa li jinkludu spejjeż indiretti.

2.  Bħala alternattiva, l-ispejjeż indiretti eliġibbli ▌jistgħu jiġu determinati skont il-prattiki kontabilistiċi tal-ispejjeż tas-soltu tad-destinatarji abbażi tal-ispejjeż indiretti reali, dment li dawn il-prattiki kontabilistiċi tal-ispejjeż ikunu aċċettati mill-awtoritajiet nazzjonali għal attivitajiet komparabbli fil-qasam tad-difiża f'konformità mal-Artikolu ▌185▌ tar-Regolament Finanzjarju u kkomunikati lill-Kummissjoni.

Artikolu 17

L-użu ta' somma f'daqqa unika jew kontribuzzjoni li mhix marbuta mal-ispejjeż

1.  Fejn l-għotja tal-Unjoni tikkofinanzja inqas minn 50 % tal-ispejjeż totali tal-azzjoni, il-Kummissjoni tista' tuża:

(a)  kontribuzzjoni li mhix marbuta mal-ispejjeż kif imsemmi fl-Artikolu ▌180(3)▌ tar-Regolament Finanzjarju u abbażi tal-kisba tar-riżultati mkejlin b'referenza għal tappi preċedenti stabbiliti jew permezz ta' indikaturi tal-prestazzjoni; jew

(b)  somma f'daqqa unika kif imsemmi fl-Artikolu ▌182▌ tar-Regolament Finanzjarju u abbażi tal-baġit proviżorju tal-azzjoni li diġà approvaw l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati kofinanzjaturi.

2.  L-ispejjeż indiretti għandhom ikunu inklużi fis-somma f'daqqa.

Artikolu 18

Akkwist prekummerċjali

1.  L-Unjoni tista' tappoġġa l-akkwist prekummerċjali billi tagħti għotja lil awtoritajiet kontraenti jew lil entitajiet kontraenti kif definit fid-Direttivi 2014/24/UE(15), 2014/25/UE(16) u 2009/81/KE(17) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li b'mod konġunt qed jakkwistaw servizzi tar-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tad-difiża ta' servizzi jew qed jikkoordinaw il-proċeduri tal-akkwist tagħhom.

2.  Il-proċeduri tal-akkwist għandhom ikunu:

(a)  konformi mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament;

(b)  jistgħu jawtorizzaw l-għoti ta' kuntratti multipli fi ħdan l-istess proċedura (akkwisti minn diversi sorsi);

(c)  jipprevedu l-għoti tal-kuntratti lill-offerta/i li joffru l-aqwa valur għall-flus filwaqt li jiżguraw nuqqas ta' kunflitt ta' interess.

Artikolu 19

Il-Fond ta' Garanzija

Il-kontribuzzjonijiet għal mekkaniżmu ta' assigurazzjoni reċiproka jistgħu jkopru r-riskju assoċjat mal-irkupru ta' fondi dovuti minn benefiċjarji, u għandhom jitqiesu bħala garanzija biżżejjed skont ir-Regolament Finanzjarju. Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet stabbiliti [fl-Artikolu X] tar-Regolament XXX [is-suċċessur tar-Regolament dwar il-Fond ta' Garanzija].

Artikolu 20

Kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà għall-akkwist u l-premjijiet

1.  L-Artikoli 10 u 11 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-premjijiet.

2.  L-Artikolu 10, b'deroga mill-Artikolu 176 tar-Regolament Finanzjarju, u l-Artikolu 11, għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-akkwist ta' studji msemmija fl-Artikolu 11(3)(c).

TITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI APPLIKABBLI GĦAL AZZJONIJIET TA' RIĊERKA

Artikolu 22

Sjieda tar-riżultati ta' azzjonijiet ta' riċerka

1.  Ir-riżultati ta' azzjonijiet ta' riċerka b'appoġġ finanzjarju mill-Fond għandhom ikunu tad-destinatarji li jiġġenerawhom. Meta l-entitajiet ġuridiċi jiġġeneraw riżultati b'mod konġunt, u meta l-kontribut rispettiv tagħhom ma jkunx jista' jiġi aċċertat, jew ma tkunx tista' ssir separazzjoni ta' dawn ir-riżultati konġunti, l-entitajiet ġuridiċi għandu jkollhom sjieda konġunta tar-riżultati. Is-sidien konġunti għandhom jikkonkludu ftehim dwar l-allokazzjoni u t-termini tal-eżerċizzju ta' dik is-sjieda konġunta, f'konformità mal-obbligi tagħhom taħt il-ftehim tal-għotja.

2.  B'deroga mill-paragrafu 1, jekk l-appoġġ tal-Unjoni jingħata fil-forma ta' akkwist pubbliku, ir-riżultati ta' azzjonijiet ta' riċerka appoġġati mill-Fond għandhom ikunu tal-Unjoni. L-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati għandu jkollhom drittijiet tal-aċċess għar-riżultati, mingħajr ħlas, meta jitolbu dan bil-miktub.

3.  ▌Ir-riżultati ta' azzjonijiet ta' riċerka b'appoġġ appoġġ finanzjarju mill-Fond ma għandhomx ikunu soġġetti għal ebda kontroll jew restrizzjoni minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta' pajjiż terz mhux assoċjat, direttament, jew indirettament, permezz ta' entità ġuridika intermedjarja waħda jew aktar, inkluż f'termini ta' trasferiment tat-teknoloġija.

4.  B'rabta mar-riżultati ġġenerati mid-destinatarji permezz ta' azzjonijiet appoġġati finanzjarjament mill-Fond u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 8a ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tkun notifikata ex ante bi kwalunkwe trasferiment ta' sjieda▌ jew għoti ta' liċenzja esklużiva lil pajjiż terz mhux assoċjat jew entità ta' pajjiż terz mhux assoċjat. Jekk dan it-trasferiment ta' sjieda jmur kontra l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha jew kontra l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3, il-finanzjament mogħti mill-Fond għandu jiġi rimborżat.

5.  L-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri u tal-pajjiżi assoċjati għandu jkollhom drittijiet tal-aċċess għar-rapport speċjali ta' azzjoni ta' riċerka li rċeviet finanzjament tal-Unjoni. Dawn id-drittijiet tal-aċċess għandhom jingħataw mingħajr il-ħlas ta' royalty u jintbagħtu mill-Kummissjoni lill-Istati Membri u lill-pajjiżi assoċjati, wara li jkun żgurat li fis-seħħ hemm obbligi xierqa ta' kunfidenzjalità.

6.  L-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri u tal-pajjiżi assoċjati għandhom jużaw ir-rapport speċjali biss għal finijiet relatati mal-użu mill-forzi armati jew il-forzi tas-sigurtà jew tal-intelligence tagħhom, jew għal finijiet relatati mal-użu għalihom, inkluż fi ħdan il-qafas tal-programmi koperattivi tagħhom. Mingħajr ma jkun limitat għalihom, użu bħal dan għandu jinkludi l-istudju, l-evalwazzjoni, il-valutazzjoni, ir-riċerka, id-disinn ▌u l-aċċettazzjoni tal-prodotti u ċ-ċertifikazzjoni, l-operazzjoni, it-taħriġ u r-rimi ▌kif ukoll il-valutazzjoni u l-abbozzar ta' rekwiżiti tekniċi għall-akkwist.

7.  Id-destinatarji għandhom jagħtu d-drittijiet ta' aċċess għar-riżultati tal-attivitajiet ta' riċerka b'appoġġ finanzjarju mill-Fond fuq bażi ħielsa minn royalties lill-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-aġenziji tal-Unjoni, għall-finijiet debitament ġustifikati ta' żvilupp, implimentazzjoni u monitoraġġ tal-politiki jew tal-programmi eżistenti tal-Unjoni fl-oqsma ta' kompetenza tagħha. Dawn id-drittijiet tal-aċċess għandhom ikunu limitati għal użu mhux kummerċjali u mhux kompetittiv.

8.  Fil-ftehimiet ta' finanzjament u fil-kuntratti tal-għotjiet għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi dwar is-sjieda, id-drittijiet tal-aċċess u l-liċenzjar fir-rigward tal-akkwist prekummerċjali biex ikun żgurat l-użu massimu tar-riżultati u jkun evitat kull żvantaġġ inġust. L-awtoritajiet kontraenti għandu jkollhom mill-inqas drittijiet tal-aċċess għar-riżultati, mingħajr il-ħlas ta' royalty, biex jużawhom għalihom stess, u għandu jkollhom id-dritt li jagħtu, jew li jitolbu lill-benefiċjarji biex jagħtu, liċenzji mhux esklużivi lil partijiet terzi biex jisfruttaw ir-riżultati b'kundizzjonijiet ġusti u raġonevoli mingħajr id-dritt ta' subliċenzjar. L-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati kollha għandu jkollhom aċċess għar-rapport speċjali mingħajr il-ħlas ta' royalty. Jekk kuntrattur jonqos milli jisfrutta kummerċjalment ir-riżultati tul perjodu partikolari wara l-akkwist prekummerċjali kif identifikat fil-kuntratt, dan għandu jittrasferixxi kwalunkwe sjieda tar-riżultati lill-awtoritajiet kontraenti.

8a.  Id-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament ma għandhomx jaffettwaw l-esportazzjoni ta' prodotti, tagħmir jew teknoloġiji li jintegraw ir-riżultati ta' attivitajiet ta' riċerka appoġġati finanzjarjament mill-Fond, u ma għandhomx jaffettwaw id-diskrezzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-politika dwar l-esportazzjoni ta' prodotti relatati mad-difiża.

8b.   Kwalunkwe żewġ Stati Membri jew pajjiżi assoċjati jew aktar li, multilateralment jew fi ħdan il-qafas tal-organizzazzjoni tal-Unjoni, ikunu kkonkludew b'mod konġunt kuntratt wieħed jew aktar ma' destinatarju wieħed jew aktar biex ikomplu jiżviluppaw flimkien ir-riżultati tal-attivitajiet ta' riċerka appoġġati mill-Fond, għandhom igawdu mid-drittijiet ta' aċċess għal dawk ir-riżultati li huma proprjetà ta' dawn id-destinatarji u huma meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt jew il-kuntratti. Tali drittijiet ta' aċċess għandhom jingħataw ħielsa minn royalties u taħt kondizzjonijiet speċifiċi bil-għan li jiġi żgurat li dawk id-drittijiet jintużaw biss għall-fini tal-kuntratt jew il-kuntratti u li obbligi ta' kunfidenzjalità adatti jkunu fis-seħħ.

TITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI APPLIKABBLI GĦAL AZZJONIJIET TA' ŻVILUPP

Artikolu 23

Kriterji addizzjonali tal-eliġibbiltà għal azzjonijiet ta' żvilupp

1.  ▌Il-konsorzju għandu juri li l-ispejjeż ta' attività li mhumiex koperti mill-appoġġ tal-Unjoni ser jiġu koperti b'mezzi oħra ta' finanzjament, bħal kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri ▌jew il-pajjiżi assoċjati jew kofinanzjament mingħand entitajiet ġuridiċi.

2.  Attivitajiet kif imsemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 11 ▌għandhom ikunu bbażati fuq rekwiżiti armonizzati tal-kapaċitajiet maqbula b'mod konġunt minn tal-inqas żewġ Stati Membri ▌jew pajjiżi assoċjati.

3.  Fir-rigward tal-attivitajiet imsemmija fil-punti (e) sa (h) tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 11, il-konsorzju għandu juri permezz ta' dokumenti maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali li:

(a)  mill-inqas żewġ Stati Membri ▌jew pajjiżi assoċjati beħsiebhom jakkwistaw il-prodott finali jew jużaw it-teknoloġija b'mod koordinat, inkluż permezz ta' akkwist konġunt fejn applikabbli;

(b)  l-attività hija bbażata fuq speċifikazzjonijiet tekniċi komuni maqbula b'mod konġunt mill-Istati Membri ▌jew pajjiżi assoċjati li jkunu ser jikkofinanzjaw l-azzjoni jew li jkun beħsiebhom jiksbu b'mod konġunt il-prodott finali jew jużaw it-teknoloġija b'mod konġunt.

Artikolu 24

Kriterji addizzjonali tal-għoti għal azzjonijiet ta' żvilupp

Minbarra l-kriterji tal-għoti msemmija fl-Artikolu 13, il-programm ta' ħidma għandu wkoll jikkunsidra:

(a)  il-kontribut għal żieda fl-effiċjenza tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti u t-teknoloġiji tad-difiża, inkluż il-kosteffikaċja u l-potenzjal għal sinerġiji fil-proċess tal-akkwist u tal-manutenzjoni u fil-proċessi tar-rimi;

(b)  il-kontribut għal aktar integrazzjoni tal-industrija Ewropea tad-difiża fl-Unjoni kollha billi d-destinatarji juru li l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jużaw, ikollhom pussess jew iżommu b'mod konġunt, il-prodott jew it-teknoloġija finali b'mod koordinat.

Artikolu 25

Sjieda tar-riżultati ta' azzjonijiet ta' żvilupp

1.  L-Unjoni la għandu jkollha sjieda ta' prodotti jew teknoloġiji li jirriżultaw mill-azzjonijiet ta' żvilupp b'appoġġ finanzjarju mill-Fond, u lanqas ma għandu jkollha xi dritt tal-proprjetà intellettwali relatat mar-riżultati ta' dawk l-azzjonijiet.

2.  Ir-riżultati tal-azzjonijiet b'appoġġ finanzjarju mill-Fond ma għandhomx ikunu soġġetti għal kontrolli jew restrizzjonijiet mill-pajjiżi terzi mhux assoċjati jew mill-entitajiet ta' pajjiżi terzi mhux assoċjati, direttament jew indirettament, permezz ta' entità ġuridika intermedjarja waħda jew aktar, inkluż f'termini ta' trasferiment tat-teknoloġija.

2a.  Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa d-diskrezzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-politika dwar l-esportazzjoni ta' prodotti relatati mad-difiża.

3.  B'rabta mar-riżultati ġġenerati mid-destinatarji permezz ta' azzjonijiet b'appoġġ finanzjarju mill-Fond u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2a ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tkun notifikata ex ante bi kwalunkwe trasferiment ta' sjieda ▌lil pajjiż terz mhux assoċjat jew entità ta' pajjiż terz mhux assoċjat. Jekk dan it-trasferiment ta' sjieda jmur kontra l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha jew kontra l-għanijiet ▌stabbiliti fl-Artikolu 3,▌ il-finanzjament mogħti mill-Fond għandu jiġi rimborżat.

4.  Jekk l-assistenza tal-Unjoni tkun provduta fil-forma ta' akkwist pubbliku ta' studju, l-Istati Membri ▌jew il-pajjiżi assoċjati għandu jkollhom id-dritt, mingħajr ħlas, għal liċenzja mhux esklużiva għall-użu tiegħu fuq talba bil-miktub tagħhom.

TITOLU IV

GOVERNANZA, MONITORAĠĠ, EVALWAZZJONI U KONTROLL

Artikolu 27

Programmi ta' ħidma

1.  Il-Fond għandu jiġi implimentat permezz ta' programmi ta' ħidma annwali ▌stabbiliti skont l-Artikolu 110 tar-Regolament Finanzjarju. Il-programmi ta' ħidma għandhom jistabbilixxu, meta applikabbli, l-ammont ġenerali riżervat għall-operazzjonijiet ta' taħlit. Il-programmi ta' ħidma għandhom jistabbilixxu l-baġit ġenerali li jkun għall-benefiċċju tal-parteċipazzjoni transfruntiera tal-SMEs.

2.  Il-Kummissjoni għandha tadotta l-programmi ta' ħidma permezz ta' atti ta' implimentazzjoni skont il-proċedura ta' eżami msemmija fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 28.

3.  Il-programmi ta' ħidma għandhom jistabbilixxu fid-dettall it-temi tar-riċerka u l-kategoriji tal-azzjonijiet li jridu jingħataw appoġġ finanzjarju mill-Fond. Dawk il-kategoriji għandhom ikunu konformi mal-prijoritajiet tad-difiża msemmija fl-Artikolu 3.

Bl-eċċezzjoni tal-parti tal-programm ta' ħidma ddedikata għal teknoloġiji rivoluzzjonarji għall-applikazzjonijiet tad-difiża, dawk is-suġġetti u l-kategoriji ta' azzjonijiet ta' riċerka għandhom ikopru l-prodotti u t-teknoloġiji fl-oqsma ta':

(a)  it-tħejjija, il-protezzjoni, l-introduzzjoni u s-sostenibbiltà;

(b)  il-ġestjoni u s-superjorità ta' informazzjoni u l-kmand, il-kontroll, il-komunikazzjoni, il-kompjuters, l-intelligence, is-sorveljanza, ir-rikonjizzjoni (C4ISR), iċ-ċiberdifiża u iċ-ċibersigurtà; u

(c)  l-involviment u l-effetturi.

4.  Il-programmi ta' ħidma għandu jkun fihom, fejn xieraq, rekwiżiti funzjonali u jispeċifikaw il-forma ta' finanzjament tal-UE f'konformità mal-Artikolu 8, filwaqt li ma jwaqqfux il-kompetizzjoni fil-livell ta' sejħiet għal proposti.

It-transizzjoni tar-riżultati tal-azzjonijiet ta' riċerka li juru valur miżjud li diġà għandhom appoġġ finanzjarju mill-Fond fil-fażi ta' żvilupp jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll fil-programmi ta' ħidma.

Artikolu 28

Kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża għandha tiġi mistiedna bħala osservatur biex tagħti l-fehmiet u l-għarfien espert tagħha. Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandu jiġi mistieden ukoll biex jassisti.

Il-kumitat għandu wkoll jiltaqa' f'konfigurazzjonijiet speċjali, inkluż sabiex jiġu diskussi aspetti tad-difiża u s-sigurtà, relatati ma' azzjonijiet taħt il-Fond.

2.  Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Fejn il-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 28a

Konsultazzjoni tal-maniġer ta' proġett

Jekk jinħatar maniġer ta' proġett minn Stat Membru jew pajjiż assoċjat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-maniġer tal-proġett dwar il-progress fir-rigward tal-azzjoni qabel ma jsir il-pagament.

Artikolu 29

Esperti indipendenti

1.  Il-Kummissjoni għandha taħtar esperti indipendenti biex jassistu fl-iskrutinju etiku tal-Artikolu 7 u fl-evalwazzjoni ta' proposti skont l-Artikolu ▌237▌ tar-Regolament Finanzjarju. ▌

2.  L-esperti indipendenti għandhom ikunu ċittadini tal-Unjoni minn firxa wiesgħa kemm jista' jkun ta' Stati Membri u jintgħażlu abbażi ta' sejħiet għal espressjonijiet ta' interess indirizzati ▌lill-Ministeri tad-Difiża u aġenziji subordinati, korpi governattivi oħra rilevanti, istituti ta' riċerka, universitajiet, assoċjazzjonijiet tan-negozju jew intrapriżi tas-settur tad-difiża bil-għan li tiġi stabbilita lista ta' esperti. B'deroga mill-Artikolu ▌237▌ tar-Regolament Finanzjarju, din il-lista ma għandhiex issir pubblika.

3.  Il-kredenzjali ta' sigurtà tal-esperti indipendenti maħtura għandhom jiġu vvalidati mill-Istat Membru rispettiv.

4.  Il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 28 għandu jiġi infurmat kull sena dwar il-lista ta' esperti, biex ikun trasparenti fir-rigward tal-kredenzjali ta' sigurtà tal-esperti. Il-Kummissjoni għandha tiżgura wkoll li l-esperti ma jivvalutawx, jagħtu parir jew jassistu fi kwistjonijiet li fir-rigward tagħhom għandhom kunflitt ta' interess.

5.  L-esperti indipendenti għandhom jintgħażlu abbażi tal-ħiliet, l-esperjenza u l-għarfien tagħhom li jeħtieġu biex iwettqu l-kompiti assenjati lilhom.

Artikolu 30

Applikazzjoni tar-regoli dwar informazzjoni klassifikata

1.  Fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament:

(a)  kull Stat Membru ▌għandu jiżgura li▌ joffri grad ta' protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-Unjoni Ewropea ekwivalenti għal dak ipprovdut mir-regoli dwar is-sigurtà ▌tal-Kunsill stabbiliti fl-Annessi għad-Deċiżjoni 2013/488/UE(18);

(a1)  il-Kummissjoni għandha tipproteġi informazzjoni klassifikata skont ir-regoli dwar is-sigurtà stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta' Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE;

(c)  il-persuni fiżiċi residenti f'pajjiżi terzi ▌u l-persuni ġuridiċi stabbiliti f'pajjiżi terzi ▌jistgħu jittrattaw informazzjoni klassifikata tal-UE fir-rigward tal-Fond biss meta dawn ikunu soġġetti, f'dawk il-pajjiżi, għal regolamenti dwar is-sigurtà li jiżguraw grad ta' protezzjoni li jkun minn tal-inqas ekwivalenti għal dak li jagħtu r-regoli dwar is-sigurtà tal-Kummissjoni stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 u li jagħtu r-regoli dwar is-sigurtà tal-Kunsill stabbiliti ▌fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE;

(c1)   l-ekwivalenza tar-regolamenti dwar is-sigurtà applikati f'pajjiż terz jew f'organizzazzjoni internazzjonali għandha tiġi definita fi ftehim dwar is-sigurtà tal-informazzjoni, li jinkludi kwistjonijiet ta' sigurtà industrijali jekk ikunu rilevanti, li jiġi konkluż bejn l-Unjoni u dak il-pajjiż terz jew dik l-organizzazzjoni internazzjonali b'konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 218 tat-TFUE u billi jitqies l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni 2013/488/UE;

(d)  mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE u għar-regoli li jirregolaw il-qasam tas-sigurtà industrijali kif stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444, persuna fiżika jew persuna ġuridika, pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali jista' jingħatalhom aċċess għal informazzjoni klassifikata tal-UE meta jitqies meħtieġ fuq bażi ta' każ b'każ, skont in-natura u l-kontenut ta' din l-informazzjoni, il-ħtieġa għall-għarfien tal-benefiċjarju u l-grad ta' vantaġġ għall-Unjoni.

2.  Meta l-azzjonijiet ikunu jinvolvu, jeħtieġu ▌jew jinkludu informazzjoni klassifikata, il-korp rilevanti ta' finanzjament għandu jispeċifika fid-dokumenti tas-sejħa għal proposti/offerti, il-miżuri u r-rekwiżiti meħtieġa biex tkun żgurata s-sigurtà ta' din l-informazzjoni fil-livell meħtieġ.

3.  Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi sistema ta' skambju sigur sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni sensittiva u klassifikata bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u pajjiżi assoċjati u, fejn xieraq, mal-applikanti u d-destinatarji. Is-sistema għandha tqis ir-regolamenti nazzjonali dwar is-sigurtà tal-Istati Membri.

4.  L-oriġini ta' informazzjoni ġdida klassifikata ġġenerata fit-twettiq ta' riċerka jew azzjoni ta' żvilupp għandha ssir deċiżjoni dwarha mill-Istati Membri li fit-territorju tagħhom huma stabbiliti d-destinatarji. Għal dak il-għan, dawk l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu dwar qafas ta' sigurtà speċifiku għall-protezzjoni u t-trattament ta' informazzjoni klassifikata relatata mal-azzjoni u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan. Dan il-qafas ta' sigurtà għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Kummissjoni jkollha aċċess għall-informazzjoni meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-azzjoni.

Jekk ma jiġi stabbilit l-ebda qafas ta' sigurtà speċifiku minn dawk l-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-qafas ta' sigurtà għall-azzjoni skont id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444.

Il-qafas ta' sigurtà applikabbli għall-azzjoni għandu jkun fis-seħħ mhux aktar tard minn qabel l-iffirmar tal-ftehim ta' finanzjament jew tal-kuntratt.

Artikolu 31

Monitoraġġ u rappurtar

1.  L-indikaturi għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u tal-progress tal-Fond biex jintlaħqu l-għanijiet ġenerali u speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 3 huma stabbiliti fl-Anness.

2.  Biex tiżgura valutazzjoni effettiva tal-progress tal-Fond biex jintlaħqu l-għanijiet tiegħu, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 36 biex temenda l-Anness ħalli tirrevedi jew tikkumplimenta l-indikaturi meta meqjus meħtieġ u biex tissupplimenta dan ir-Regolament b'dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta' qafas tal-monitoraġġ u tal-evalwazzjoni.

3.  Jenħtieġ li l-Kummissjoni għandha timmonitorja regolarment l-implimentazzjoni tal-Fond u tirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, dwar il-progress li sar, inkluż il-mod li bih qegħdin jitqiesu t-tagħlimiet identifikati u t-tagħlimiet meħuda mill-EDIDP u mill-PADR fl-implimentazzjoni tal-Fond. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-arranġamenti meħtieġa tal-monitoraġġ.

4.  Is-sistema tar-rapportar dwar il-prestazzjoni għandha tiżgura li d-data tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u tar-riżultati tal-Fond tinġabar b'mod effiċjenti, effettiv u fil-ħin. Għal dan il-għan, għandhom jiġu imposti rekwiżiti tar-rapportar proporzjonati fuq il-benefiċjarji tal-fondi tal-Unjoni.

Artikolu 32

Evalwazzjoni tal-Fond

1.  L-evalwazzjonijiet għandhom isiru fil-ħin biex jikkontribwixxu għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

2.  L-evalwazzjoni interim tal-Fond għandha ssir malli jkun hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli dwar l-implimentazzjoni tiegħu, iżda mhux aktar tard minn erba' snin wara l-bidu tal-implimentazzjoni tiegħu. Ir-rapport ta' evalwazzjoni interim għandu jinkludi b'mod partikolari valutazzjoni tal-governanza tal-Fond, inkluż fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati ma' esperti indipendenti, l-implimentazzjoni tal-proċeduri tal-etika kif imsemmija fl-Artikolu 7 u t-tagħlimiet meħuda mill-EDIDP u PADR, ir-rati ta' implimentazzjoni, ir-riżultati tal-għotja tal-proġetti inkluż il-livell ta' involviment tal-SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja u l-grad tal-parteċipazzjoni transfruntiera tagħhom, ir-rati ta' rimborż tal-ispejjeż indiretti kif definiti fl-Artikolu 16, l-ammonti allokati għat-teknoloġiji rivoluzzjonarji fis-sejħiet għal proposti, u l-finanzjament mogħti skont l-Artikolu ▌195▌ tar-Regolament Finanzjarju, sal-31 ta' Lulju 2024. L-evalwazzjoni interim għandu jkun fiha wkoll informazzjoni dwar il-pajjiżi tal-oriġini tad-destinatarji u n-numru ta' pajjiżi involuti fi proġetti individwali, u, meta possibbli, id-distribuzzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ġġenerati. Il-Kummissjoni tista' tippreżenta proposti għal kwalunkwe emenda xierqa għal dan ir-Regolament.

3.  Fi tmiem il-perjodu ta' implimentazzjoni, iżda sa mhux aktar tard minn erba' snin wara l-31 ta' Diċembru 2027, il-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni finali tal-implimentazzjoni tal-Fond. Ir-rapport tal-evalwazzjoni finali għandu jinkludi r-riżultati tal-implimentazzjoni u, sa fejn possibbli f'mument partikolari, l-impatt tal-Fond. Ir-rapport, imsejjes fuq konsultazzjonijiet rilevanti mal-Istati Membri, mal-pajjiżi assoċjati u mal-partijiet ikkonċernati ewlenin, għandu jevalwa b'mod partikolari l-progress li jkun sar biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3. Huwa għandu wkoll jgħin biex jiġi identifikat fejn l-Unjoni hija dipendenti fuq pajjiżi terzi għall-iżvilupp ta' prodotti u teknoloġiji tad-difiża. Għandu janalizza wkoll il-parteċipazzjoni transfruntiera, inkluż tal-SMEs u tal-kumpanniji b'kapitalizzazzjoni medja, fil-proġetti implimentati permezz tal-Fond kif ukoll l-integrazzjoni tal-SMEs u tal-kumpanniji b'kapitalizzazzjoni medja fil-katina tal-valur globali u l-kontribuzzjoni tal-Fond biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati fil-Pjan ta' Żvilupp tal-Kapaċitajiet. L-evalwazzjoni għandu jkun fiha ukoll informazzjoni dwar il-pajjiżi tal-oriġini tal-benefiċjarji u, meta possibbli, id-distribuzzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ġġenerati.

4.  Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet, mehmużin mal-osservazzjonijiet tagħha, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

Artikolu 33

Awditjar

L-awditjar tal-użu tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni mwettaq minn persuni jew entitajiet, inkluż minn dawk li mhumiex imqabbda mill-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-Unjoni, għandu jifforma l-bażi tal-assigurazzjoni kumplessiva skont l-Artikolu ▌127▌ tar-Regolament Finanzjarju. Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri għandha teżamina l-kontijiet tad-dħul u l-ħruġ kollha tal-Unjoni skont l-Artikolu 287 tat-TFUE.

Artikolu 34

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

Meta pajjiż terz jipparteċipa fil-programm permezz ta' deċiżjoni taħt ftehim internazzjonali jew permezz ta' kwalunkwe strument ġuridiku ieħor, il-pajjiż terz għandu jagħti d-drittijiet u l-aċċess meħtieġa mill-uffiċjal ta' awtorizzazzjoni responsabbli, ▌l-OLAF u mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri biex jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b'mod komprensiv. Fil-każ tal-OLAF, dawn id-drittijiet għandhom jinkludu d-dritt li jwettaq investigazzjonijiet, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fil-post, previsti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi▌.

Artikolu 35

Informazzjoni, komunikazzjoni u pubbliċità

1.  Il-benefiċjarji tal-finanzjament tal-Unjoni għandhom jirrikonoxxu l-oriġini u jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni, b'mod partikolari meta jippromwovu l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom, billi jipprovdu informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi, inkluż lill-midja u lill-pubbliku. Il-possibbiltà għall-pubblikazzjoni ta' dokumenti akkademiċi bbażati fuq ir-riżultati tal-azzjonijiet ta' riċerka għandhom ikunu regolati fil-ftehim ta' fondi jew ta' finanzjament.

2.  Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta' informazzjoni u komunikazzjoni relatati mal-Fond, u l-azzjonijiet u r-riżultati tiegħu. Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Fond għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni ▌dwar il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, dment li dawn ikunu relatati mal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 3.

2a.  Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Fond jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-organizzazzjoni ta' attivitajiet ta' tixrid, avvenimenti ta' tlaqqigħ u attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni, b'mod partikolari mmirati lejn il-ftuħ ta' ktajjen ta' provvista biex titrawwem il-parteċipazzjoni transfruntiera tal-SMEs.

TITOLU V

ATTI DELEGATI, DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI U FINALI

Artikolu 36

Atti delegati

1.  Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 31 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu taż-żmien indeterminat mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

2.  Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 31 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. M'għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun fis-seħħ.

3.  Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

4.  Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.  Att delegat adottat skont l-Artikolu 31 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, jew jekk, qabel jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 37

Tħassir

Ir-Regolament (UE) Nru 2018/1092 (il-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża) huwa mħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2021.

Artikolu 38

Dispożizzjonijiet transizzjonali

1.  Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-kontinwazzjoni jew il-modifika tal-azzjonijiet ikkonċernati, sal-għeluq tagħhom, skont ir-Regolament (UE) 2018/1092 kif ukoll l-Azzjoni Preparatorja għar-Riċerka dwar id-Difiża, li għandu jibqa' japplika għall-azzjonijiet ikkonċernati sal-għeluq tagħhom, kif ukoll għar-riżultati tagħhom.

2.  Il-pakkett finanzjarju tal-Fond jista' jkopri wkoll l-ispejjeż tal-assistenza teknika u amministrattiva meħtieġa biex tkun żgurata t-tranżizzjoni bejn il-Fond u l-miżuri adottati permezz tal-predeċessuri tiegħu, il-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża kif ukoll l-Azzjoni Preparatorja għar-Riċerka dwar id-Difiża.

3.  Jekk meħtieġ, jistgħu jiddaħħlu approprjazzjonijiet fil-baġit lil hinn mill-2027 biex ikopru l-ispejjeż previsti fil-paragrafu 4 tal-Artikolu 4, ħalli tkun tista' ssir il-ġestjoni tal-azzjonijiet li ma jkunux tlestew sal-31 ta' Diċembru 2027.

Artikolu 39

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

ANNESS

INDIKATURI LI JIRRAPPURTAW DWAR IL-PROGRESS TAL-FOND BIEX JINTLAĦQU L-GĦANIJIET SPEĊIFIĊI TIEGĦU

Għan speċifiku stabbilit fl-Artikolu 3(2)(a):

Indikatur 1 Parteċipanti

Imkejjel bi: L-għadd ta' entitajiet ġuridiċi involuti (sottodiviż skont id-daqs, it-tip u n-nazzjonalità)

Indikatur 2 Riċerka kollaborattiva

Imkejjel bi:

2.1  L-għadd u l-valur tal-proġetti ffinanzjati

2.2  Il-kollaborazzjoni transfruntiera: is-sehem ta' kuntratti mogħtija lil SMEs u kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja, bil-valur tal-kuntratti għal kollaborazzjoni transfruntiera

2.3  Is-sehem tal-benefiċjarji li ma wettqux attivitajiet ta' riċerka b'applikazzjonijiet tad-difiża qabel id-dħul fis-seħħ tal-Fond

Indikatur 3 Prodotti tal-innovazzjoni

Imkejjel bi:

3.1   L-għadd ta' privattivi ġodda li joħorġu mill-proġetti b'appoġġ finanzjarju mill-Fond

3.2  Id-distribuzzjoni aggregata ta' privattivi fost kumpanniji b'kapitalizzazzjoni medja, SMEs u entitajiet ġuridiċi li la huma kumpanniji b'kapitalizzazzjoni medja u lanqas ma huma SMEs

3.3  Id-distribuzzjoni aggregata ta' privattivi għal kull Stat Membru

Għan speċifiku stabbilit fl-Artikolu 3(2)(b):

Indikatur 4 Żvilupp kollaborattiv tal-kapaċitajiet

Imkejjel bi: L-għadd u l-valur ta' azzjonijiet iffinanzjati li jindirizzaw in-nuqqasijiet tal-kapaċità identifikati fil-Pjan ta' Żvilupp tal-Kapaċitajiet

Indikatur 4 Appoġġ kontinwu tul iċ-ċiklu sħiħ tar-R&Ż

Imkejjel bi: Il-preżenza fl-isfond ta' IPRs jew riżultati ġġenerati f'azzjonijiet appoġġati preċedentement

Indikatur 5 Ħolqien/appoġġ tal-impjiegi:

Imkejjel bi: Għadd ta' impjegati tar-R&Ż tad-difiża appoġġati għal kull Stat Membru

(1) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2019. It-test fuq sfond griż ma ntlaħaqx qbil dwaru fil-kuntest tan-negozjati interistituzzjonali.
(2) Id-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta' prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità, ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1; Id-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta' ċerti kuntratti ta' xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, (ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE tal-25 ta' Novembru 2013 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej mal-Unjoni Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea) (ĠU L 344, 19.12.2013, p. 1).
(4) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.
(5) Ir-Regolament (UE) 2018/1092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 li jistabbilixxi l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża bil-għan li jappoġġa l-kompetittività u l-kapaċità ta' innovazzjoni tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni (ĠU L 200, 7.8.2018, p. 30).
(6) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(7) Ir-referenza trid tiġi aġġornata: ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1. Il-ftehim jinsab f'dan l-indirizz: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=uriserv%3AOJ.C_.2013.373.01.0001.01.MLT&toc=OJ%3AC%3A2013%3A373%3ATOC
(8) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1.
(9) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).
(10) Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-kontrolli u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).
(11) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ("l-UPPE") (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).
(12) Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).
(13) Id-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta' prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità (ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1).
(14)
(15) Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.03.2014, p. 65).
(16) Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.03.2014, p. 243).
(17) Id-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta' ċerti kuntratti ta' xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 216, 20.08.2009, p. 76).
(18) ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1-50.

Aġġornata l-aħħar: 17 ta' Lulju 2019Avviż legali