Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/0043(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0390/2018

Testi mressqa :

A8-0390/2018

Dibattiti :

PV 17/04/2019 - 24
CRE 17/04/2019 - 24

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2019 - 10.12

Testi adottati :

P8_TA(2019)0432

Testi adottati
PDF 346kWORD 98k
Il-Ħamis, 18 ta' April 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Bonds koperti u superviżjoni pubblika ta' bonds koperti ***I
P8_TA-PROV(2019)0432A8-0390/2018
Riżoluzzjoni
 Test konsolidat

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2019 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħruġ ta' bonds koperti u s-superviżjoni pubblika ta' bonds koperti u li temenda d-Direttiva 2009/65/KE u d-Direttiva 2014/59/UE (COM(2018)0094 – C8-0113/2018 – 2018/0043(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0094),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikoli 53 u 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0113/2018),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali fuq il-bażi legali proposta,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-11 ta' Lulju 2018(1),

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-20 ta' Marzu 2019, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 39 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0390/2018),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni anness ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU C 367, 10.10.2018, p. 56.


Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-18 ta' April 2019 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħruġ ta' bonds koperti u s-superviżjoni pubblika ta' bonds koperti u li temenda d-Direttiva 2009/65/KE u d-Direttiva 2014/59/UE(1)
P8_TC1-COD(2018)0043

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja(3),

Billi:

(1)  L-Artikolu 52(4) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(4), jipprovdi rekwiżiti ġenerali ħafna b'rabta mal-elementi strutturali ta' bonds koperti. Dawn ir-rekwiżiti huma limitati għall-ħtieġa biex il-bonds koperti jinħarġu minn istituzzjoni ta' kreditu li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru u jkunu soġġetti għal superviżjoni pubblika speċjali kif ukoll għal mekkaniżmu ta' rikors doppju. L-oqfsa nazzjonali ta' bonds koperti jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet filwaqt li jirregolawhom f'ħafna aktar dettall. Dawn l-oqfsa nazzjonali fihom ukoll dispożizzjonijiet strutturali oħrajn, b'mod partikolari regoli li jirrigwardaw il-kompożizzjoni tal-aggregazzjoni ta' kopertura, il-kriterji ta' eliġibbiltà tal-assi, il-possibbiltà li l-assi jiġu aggregati, l-obbligi tat-trasparenza u tar-rappurtar, u r-regoli dwar il-mitigazzjoni tar-riskju tal-likwidità. L-approċċi tal-Istati Membri għar-regolamentazzjoni jvarjaw ukoll fir-rigward tas-sustanza. F'bosta Stati Membri, ma hemm l-ebda qafas nazzjonali ddedikat għall-bonds koperti. Bħala konsegwenza, l-elementi strutturali ewlenin li l-bonds koperti maħruġin fl-Unjoni għandhom jikkonformaw magħhom għadhom ma ġewx stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni.

(2)  L-Artikolu 129 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5) iżid kundizzjonijiet ulterjuri għal dawk li jissemmew fl-Artikolu 52(4) tad-Direttiva 2009/65/KE għall-kisba tat-trattament prudenzjali preferenzjali fir-rigward ta' rekwiżiti ta' kapital li jippermettu lil istituzzjonijiet ta' kreditu li jkunu qed jinvestu f'bonds koperti jżommu inqas kapital minn meta jkunu qed jinvestu f'assi oħra. Filwaqt li dawn ir-rekwiżiti addizzjonali jżidu l-livell ta' armonizzazzjoni ta' bonds koperti fi ħdan l-Unjoni, huma jaqdu l-iskop speċifiku li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet sabiex l-investituri ta' bonds koperti jirċievu dan it-trattament preferenzjali, u mhumiex applikabbli barra mill-qafas tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(3)  Atti oħra tad-dritt tal-Unjoni, bħar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/61(6), ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/35(7) u d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(8), ukoll jirreferu għad-definizzjoni stipulata fid-Direttiva 2009/65/KE bħala referenza sabiex jiġu identifikati l-bonds koperti li jistgħu jibbenefikaw mit-trattament preferenzjali li dawn l-atti jagħtu lill-investituri f'bonds koperti. Madankollu, il-kliem ta' dawn l-atti jvarja skont l-għan u s-suġġett tagħhom u b'hekk, ma hemm l-ebda użu konsistenti tat-terminu "bonds koperti".

(4)  It-trattament ta' bonds koperti b'mod ġenerali jista' jitqies▌armonizzat fir-rigward tal-kundizzjonijiet għal investiment f'bonds koperti. Madankollu, hemm nuqqas ta' armonizzazzjoni madwar l-Unjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta' bonds koperti u dan għandu diversi konsegwenzi. L-ewwel nett, trattament preferenzjali jingħata b'mod ugwali lill-istrumenti li jistgħu jvarjaw fin-natura kif ukoll fil-livell tar-riskju u fil-protezzjoni tal-investituri tagħhom. It-tieni, id-differenzi bejn l-oqfsa nazzjonali▌jew in-nuqqas ta' tali qafas, flimkien man-nuqqas ta' definizzjoni miftiehma b'mod komuni ta' bonds koperti, jistgħu joħolqu ostakli għall-iżvilupp ta' suq uniku verament integrat għall-bonds koperti▌. It-tielet, id-differenzi fis-salvagwardji li jingħataw mir-regoli nazzjonali jistgħu joħolqu riskji għall-istabbiltà finanzjarja fejn il-bonds koperti, b'livell differenti ta' protezzjoni tal-investituri, jistgħu jinxtraw taħt dak l-isem bħala tali madwar l-Unjoni u jistgħu jibbenefikaw minn trattament prudenzjali preferenzjali taħt ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u taħt leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni.

(5)  L-armonizzazzjoni ta' xi aspetti tas-sistemi nazzjonali flimkien mal-aħjar prattiki identifikati għadhom għalhekk jiżguraw żvilupp kontinwu u mingħajr xkiel tas-swieq ta' bonds koperti li jaħdmu tajjeb fl-Unjoni, u sabiex jiġu limitati r-riskji u n-nuqqasijiet potenzjali għall-istabbiltà finanzjarja. Tali armonizzazzjoni bbażata fuq il-prinċipji għandha tistabbilixxi bażi komuni għall-ħruġ ta' bonds koperti kollha fl-Unjoni. L-armonizzazzjoni tirrikjedi li l-Istati Membri kollha jistabbilixxu oqfsa ta' bonds koperti, li jenħtieġ li jgħin ukoll biex jiffaċilita l-iżvilupp ta' swieq ta' bonds koperti f'dawk l-Istati Membri fejn fil-preżent m'hemmx. Dan is-suq jipprovdi sors ta' finanzjament stabbli għall-istituzzjonijiet ta' kreditu, li fuq din il-bażi, ikunu f'pożizzjoni aħjar biex jipprovdu self ipotekarju affordabbli għall-konsumaturi u għan-negozji u jagħmlu investimenti aktar siguri disponibbli għall-investituri.

(6)  Il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku ("BERS") ħareġ rakkomandazzjoni(9) li tistieden lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u lill-Awtorità Bankarja Ewropea ("EBA") biex jidentifikaw l-aħjar prattiki rigward il-bonds koperti u jħeġġu l-armonizzazzjoni tal-oqfsa nazzjonali. Tirrakkomanda wkoll li l-EBA tikkoordina l-azzjonijiet meħuda mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, b'mod partikolari fir-rigward tal-kwalità u s-segregazzjoni tal-aggregazzjonijiet ta' kopertura, il-protezzjoni mill-falliment ta' bonds koperti, ir-riskji tal-assi u tal-obbligazzjonijiet li jaffettwaw l-aggregazzjonijiet ta' kopertura u l-iżvelar tal-kompożizzjoni tal-aggregazzjonijiet ta' kopertura. Ir-rakkomandazzjoni tkompli tistieden lill-EBA sabiex timmonitorja l-funzjonament tas-suq għall-bonds koperti b'referenza għall-aħjar prattiki, kif identifikat mill-EBA, għal perjodu ta' sentejn, sabiex tiġi vvalutata l-ħtieġa għal azzjoni leġiżlattiva u sabiex din il-ħtieġa tiġi rrapportata lill-BERS u lill-Kummissjoni.

(7)  Il-Kummissjoni talbet parir lill-EBA skont l-Artikolu 503(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 f'Diċembru 2013.

(8)  B'risposta kemm għar-rakkomandazzjoni tal-BERS tal-20 ta' Diċembru 2012 kif ukoll għat-talba tal-Kummissjoni ta' Diċembru 2013, l-EBA ħarġet rapport fl-1 ta' Lulju 2014(10). Dan ir-rapport jirrakkomanda konverġenza akbar tal-oqfsa nazzjonali legali, regolatorji u superviżorji ta' bonds koperti, sabiex jiġi appoġġjat trattament uniku tal-piż tar-riskju preferenzjali għall-bonds koperti fl-Unjoni.

(9)  Kif previst mill-BERS, l-EBA kompliet timmonitorja l-funzjonament tas-suq għall-bonds koperti għal sentejn b'referenza għall-aħjar prattiki stabbiliti f'dik ir-rakkomandazzjoni. Fuq din il-bażi, l-EBA ħarġet it-tieni rapport dwar bonds koperti lill-BERS, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni fl-20 ta' Diċembru 2016(11). Dan ir-rapport ikkonkluda li armonizzazzjoni ulterjuri hija meħtieġa sabiex jiġu żgurati definizzjonijiet u trattament regolatorju aktar konsistenti ta' bonds koperti fl-Unjoni. Ir-rapport kompla jikkonkludi li l-armonizzazzjoni jenħtieġ li tibni fuq is-swieq eżistenti li jaħdmu tajjeb f'ċerti Stati Membri.

(10)  Il-bonds koperti jinħarġu tradizzjonalment minn istituzzjonijiet ta' kreditu. In-natura inerenti ta' dan l-istrument hija li tipprovdi finanzjament għal self, u waħda mill-attivitajiet ewlenin tal-istituzzjonijiet ta' kreditu hija li tagħti self fuq skala kbira. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tagħti trattament preferenzjali lill-bonds koperti tirrikjedi li dawn jinħarġu mill-istituzzjonijiet ta' kreditu.

(11)  Ir-riżerva tal-ħruġ ta' bonds koperti lill-istituzzjonijiet ta' kreditu tiżgura li l-emittent ikollu l-għarfien meħtieġ biex jimmaniġġa r-riskju tal-kreditu li jirrigwarda s-self fl-aggregazzjoni ta' kopertura. Hija tiżgura li l-emittent ikun soġġett għal rekwiżiti ta' kapital li jirfdu l-protezzjoni tal-investitur tal-mekkaniżmu b'rikors doppju, li jiggarantixxi lill-investitur u lill-kontroparti ta' kuntratti tad-derivattivi pretensjoni kemm fuq l-emittent ta' bonds koperti kif ukoll fuq l-assi▌ta' kopertura. Għalhekk, ir-restrizzjoni tal-ħruġ ta' bonds koperti għall-istituzzjonijiet ta' kreditu tiżgura li l-bonds koperti jibqgħu għodda ta' finanzjament sigura u effiċjenti, u għaldaqstant tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-investitur u għall-istabbiltà finanzjarja, li huma objettivi ta' politika pubblika importanti fl-interess ġenerali. Tkun ukoll konformi mal-approċċ tal-funzjonament tajjeb tas-swieq nazzjonali fejn l-istituzzjonijiet ta' kreditu biss huma permessi joħorġu bonds koperti.

(12)  Huwa għalhekk xieraq li l-istituzzjonijiet ta' kreditu biss kif definiti fl-Artikolu 4(1)(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandhom jiġu permessi joħorġu bonds koperti skont id-dritt tal-Unjoni. Istituzzjonijiet speċjalizzati ta' kreditu ipotekarju huma karatterizzati billi ma jieħdux depożiti iżda pjuttost fondi oħra ripagabbli mill-pubbliku, u bħala tali jikkonformaw ma' dik id-definizzjoni. Mingħajr preġudizzju għal attivitajiet anċillari permessi skont il-liġi nazzjonali applikabbli, istituzzjonijiet speċjalizzati ta' kreditu ipotekarju huma istituzzjonijiet li jwettqu biss self ipotekarju u lis-settur pubbliku, inkluż is-self għall-finanzjament mixtri minn istituzzjonijiet ta' kreditu oħrajn. L-għan ewlieni ta' din id-Direttiva huwa li tirregola l-kundizzjonijiet li taħthom dawn l-istituzzjonijiet ta' kreditu jkunu jistgħu joħorġu bonds koperti bħala għodda ta' finanzjament billi tistabbilixxi r-rekwiżiti tal-prodotti u tistabbilixxi superviżjoni tal-prodotti speċifika li huma soġġetti għaliha, sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni għall-investitur.

(13)  L-eżistenza ta' mekkaniżmu ta' rikors doppju hija kunċett u element essenzjali ta' ħafna oqfsa nazzjonali eżistenti ta' bonds koperti u hija wkoll element kruċjali ta' bonds koperti kif imsemmi fl-Artikolu 52(4) tad-Direttiva 2009/65/KE. Għaldaqstant, huwa meħtieġ li jiġi speċifikat dan il-kunċett sabiex jiġi żgurat li l-investituri u l-kontropartijiet ta' kuntratti tad-derivattivi madwar l-Unjoni jkollhom pretensjoni kemm fuq l-emittent ta' bonds koperti kif ukoll fuq l-assi▌ta' kopertura taħt kundizzjonijiet armonizzati.

(14)  Jenħtieġ li l-protezzjoni mill-falliment tkun ukoll karatteristika essenzjali ta' bonds koperti sabiex jiġi żgurat li l-investituri f'bonds koperti jitħallsu lura malli jimmatura l-bond. Aċċellerazzjoni awtomatika tal-pagament lura f'każ ta' inadempjenza tal-emittent tista' xxekkel il-klassifikazzjoni ta' dawk li jkunu investew fil-bonds koperti. Għalhekk huwa importanti li jiġi żgurat li l-investituri ta' bonds koperti jitħallsu lura f'konformità mal-iskeda kuntrattwali, anki fil-każ ta' inadempjenza. Il-protezzjoni mill-falliment hija direttament marbuta mal-mekkaniżmu tar-rikors doppju u għaldaqstant jenħtieġ li tkun karatteristika ewlenija tal-qafas ta' bonds koperti.

(15)  Karatteristika ewlenija oħra tal-oqfsa nazzjonali eżistenti ta' bonds koperti hija r-rekwiżit li l-assi ta' kopertura jenħtieġ li jkunu ta' kwalità għolja ħafna sabiex tiġi żgurata s-sodezza tal-aggregazzjoni ta' kopertura. Dawk l-assi ta' kopertura huma kkaratterizzati minn karatteristiċi speċifiċi li jirrelataw mal-pretensjonijiet għall-pagament u l-assi kollateral li jiżguraw dawk l-assi ta' kopertura. Għalhekk, huwa xieraq li jiġu stabbiliti l-karatteristiċi ġenerali ta' kwalità li l-assi jenħtieġ li jirrispettaw sabiex ikunu eliġibbli biex iservu bħala assi ta' kopertura. Jenħtieġ li l-assi elenkati fil-punti (a) sa (g) tal-Artikolu 129(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jiġu kkunsidrati bħala assi ta' kopertura ammissibbli fi ħdan qafas għall-bonds koperti. Dan jinkludi l-każ fejn tali assi ta' kopertura ma jibqgħux jikkonformaw ma' xi wieħed mir-rekwiżiti stabbiliti f'dawk il-punti, iżda jitqiesu bħala assi ta' kopertura eliġibbli taħt il-punt (b) tal-paragrafu 1, sakemm jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' din id-Direttiva. Self lil impriżi pubbliċi jew garantiti minnhom kif definit fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE jistgħu jitqiesu bħala assi ta' kopertura eliġibbli sakemm l-impriżi pubbliċi jipprovdu servizzi pubbliċi essenzjali għaż-żamma ta' attivitajiet soċjetali kritiċi. Barra minn hekk, l-impriżi pubbliċi għandhom jipprovdu s-servizzi tagħhom taħt konċessjoni jew awtorizzazzjoni minn awtorità pubblika, għandhom ikunu soġġetti għal superviżjoni pubblika u jenħtieġ li jkollhom biżżejjed setgħat ta' ġenerazzjoni ta' dħul biex jiżguraw is-solvenza tagħhom. Fejn l-Istati Membri jiddeċiedu li jippermettu assi fil-forma ta' self lil jew garantiti minn impriżi pubbliċi fil-qafas nazzjonali tagħhom, huma għandhom jikkunsidraw kif xieraq l-impatt possibbli fuq il-kompetizzjoni b'rabta ma' dawk l-assi. Indipendentement mis-sjieda tagħhom, l-istituzzjonijiet ta' kreditu jew il-kumpaniji ta' assigurazzjoni ma għandhomx jitqiesu bħala impriżi pubbliċi. Għalhekk, skoperturi għal istituzzjonijiet ta' kreditu għandhom jitqiesu bħala assi ta' kopertura eliġibbli skont l-Artikolu 6(1)(a) jew (b) ta' din id-Direttiva, skont jekk jikkonformawx jew le mar-rekwiżiti tal-Artikolu 129 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Skoperturi għal kumpaniji tal-assigurazzjoni għandhom jitqiesu wkoll bħala assi ta' kopertura eliġibbli skont l-Artikolu 6(1)(b) ta' din id-Direttiva. Assi oħra ta' kopertura ta' kwalità għolja simili jistgħu wkoll jitqiesu eliġibbli taħt din id-Direttiva, sakemm tali assi ta' kopertura jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva, inklużi dawk fir-rigward tal-assi kollaterali li jiżguraw il-pretensjoni għal pagament. Għal assi fiżiċi ta' kollateral, is-sjieda għandha tiġi rreġistrata f'reġistru pubbliku biex tiġi żgurata l-infurzabbiltà. Fejn ma jeżisti l-ebda reġistru pubbliku, jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri li jipprovdu għal forma alternattiva ta' ċertifikazzjoni tas-sjieda u pretensjonijiet li hija komparabbli ma' dik ipprovduta mir-reġistrazzjoni pubblika tal-assi fiżiku vinkolat. Meta l-Istati Membri jagħmlu użu minn tali forma alternattiva ta' ċertifikazzjoni, huma għandhom jipprevedu wkoll proċedura għall-introduzzjoni ta' bidliet fir-reġistrazzjoni tas-sjieda u tal-pretensjonijiet. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu ħielsa wkoll li jeskludu ċerti assi fl-oqfsa nazzjonali tagħhom. Sabiex l-investituri ta' bonds koperti jivvalutaw aħjar ir-riskju ta' programm ta' bonds koperti, l-Istati Membri għandhom jipprovdu wkoll għal regoli dwar id-diversifikazzjoni tar-riskju fir-rigward tal-granularità u l-konċentrazzjoni materjali fuq in-numru ta' self jew skoperturi fl-aggregazzjoni tal-kopertura u n-numru ta' kontropartijiet. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu dwar il-livell xieraq ta' granularità u konċentrazzjoni materjali mitluba skont il-liġi nazzjonali tagħhom.

(16)  Il-bonds koperti għandhom karatteristiċi strutturali speċifiċi li l-għan tagħhom hu li jipproteġu lill-investituri f'kull ħin. Dawn il-karatteristiċi jinkludu r-rekwiżit li l-investituri f'bonds koperti jkollhom pretensjoni mhux biss kontra l-emittent iżda wkoll kontra l-assi f'aggregazzjoni ta' kopertura dedikata. Dawk ir-rekwiżiti strutturali relatati mal-prodotti jvarjaw mir-rekwiżiti prudenzjali li japplikaw għal istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ bonds koperti. Jenħtieġ li din tal-ewwel ma tiffokax fuq li tiżgura s-saħħa prudenzjali tal-istituzzjoni emittenti, iżda fuq li tipproteġi lill-investituri billi timponi rekwiżiti speċifiċi fuq il-bond kopert innifsu. Minbarra r-rekwiżit speċifiku li jintużaw assi ta' kopertura għolja▌, huwa wkoll xieraq li r-rekwiżiti ġenerali tal-karatteristiċi tal-aggregazzjoni ta' kopertura jiġu rregolati sabiex tkompli tissaħħaħ il-protezzjoni tal-investituri. Dawk ir-rekwiżiti għandhom jinkludu regoli speċifiċi mmirati li jipproteġu l-aggregazzjoni ta' kopertura, bħal regoli dwar is-segregazzjoni tal-assi ta' kopertura. Is-segregazzjoni tista' tinkiseb b'modi differenti, bħal fil-karta tal-bilanċ, permezz ta' Veikolu bi Skop Speċjali (SPV) jew mezzi oħra. Madankollu, l-iskop tas-segregazzjoni tal-assi huwa li dawn jitqiegħdu lil hinn mil-portata legali tal-kredituri għajr id-detenturi ta' bonds koperti. Il-post tal-assi ta' kopertura jenħtieġ ukoll li jiġi rregolat sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-investitur jiġu ssodisfati▌. Huwa wkoll importanti li l-Istati Membri jistabbilixxu regoli dwar il-kompożizzjoni tal-aggregazzjoni ta' kopertura. Barra minn hekk, jenħtieġ li r-rekwiżiti għall-kopertura jkunu definiti f'din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jippermettu mezzi differenti ta' mitigazzjoni, pereżempju, riskji fil-munita u taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax. Jenħtieġ li l-kalkolu ta' kopertura u l-kundizzjonijiet li taħthom il-kuntratti tad-derivattivi jistgħu jiġu inklużi fl-aggregazzjonijiet ta' kopertura, jiġu definiti wkoll biex ikun żgurat li l-aggregazzjonijiet ta' kopertura jkunu soġġetti għal standards komuni ta' kwalità għolja madwar l-Unjoni. Il-kalkolu tal-kopertura jenħtieġ li jsegwi l-prinċipju nominali għall-prinċipal. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jużaw metodu ieħor ta' kalkolu mill-prinċipju nominali sakemm ikun aktar prudenti, jiġifieri, li ma jirriżultax fi proporzjon ta' kopertura ogħla, fejn l-assi ta' kopertura kif ikkalkolati huma n-numeratur u l-obbligazzjonijiet ta' bonds koperti kif ikkalkolati huma d-denominatur. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jirrikjedu livell ta' sovrakollateralizzazzjoni għal bonds koperti maħruġin minn istituzzjonijiet ta' kreditu li jinsabu fl-Istat Membru kkonċernat li huwa ogħla mir-rekwiżit ta' kopertura fl-Artikolu 15.

(17)  Numru ta' Stati Membri diġà jirrikjedi li monitor tal-aggregazzjoni ta' kopertura jwettaq kompiti speċifiċi li jirrigwardaw il-kwalità tal-assi eliġibbli u jiżgura l-konformità mar-rekwiżiti nazzjonali ta' kopertura. Għalhekk, sabiex jiġi armonizzat it-trattament ta' bonds koperti madwar l-Unjoni, huwa importanti li l-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-monitor tal-aggregazzjoni ta' kopertura, fejn wieħed ikun meħtieġ mill-qafas nazzjonali, jkunu definiti b'mod ċar. L-eżistenza ta' monitor tal-aggregazzjoni ta' kopertura ma jneħħix ir-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fir-rigward tas-superviżjoni pubblika tal-bonds koperti, b'mod partikolari fir-rigward tal-konformità mar-rekwiżiti fl-Artikoli 6 sa 12 u 14 sa 17 ta' din id-Direttiva.

(17a)  L-Artikolu 129 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jistabbilixxi għadd ta' kondizzjonijiet għall-bonds koperti kollateralizzati minn entitajiet ta' titolizzazzjoni. Waħda minn dawk il-kondizzjonijiet tikkonċerna l-limitu sa fejn dak it-tip ta' ass kollateral jista' jintuża u tillimita l-użu ta' tali strutturi sa' 10 jew 15 % tal-ammont ta' bonds koperti pendenti. Dik il-kundizzjoni tista' tiġi rrinunzjata mill-awtoritajiet kompetenti f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Ir-rieżami mill-Kummissjoni tal-adegwatezza ta' din ir-rinunzja kkonkludiet li l-possibbiltà li jintużaw strumenti ta' titolizzazzjoni jew bonds koperti bħala assi kollateral għall-ħruġ ta' bonds koperti jenħtieġ li tkun permessa biss għal bonds koperti oħra ("strutturi ta' bonds koperti miġbura intragrupp") u jenħtieġ li tkun permessa mingħajr limiti b'referenza għall-ammont ta' bonds koperti pendenti. Biex ikun garantit livell ottimali ta' trasparenza, aggregazzjonijiet ta' kopertura għal bonds koperti maħruġin esternament ma għandhomx ikun fihom bonds koperti maħruġin internament minn istituzzjonijiet ta' kreditu differenti fi ħdan il-grupp. Barra minn hekk, billi l-użu ta' strutturi ta' bonds koperti miġbura intragrupp jipprovdi eżenzjoni mil-limiti fuq l-iskoperturi ta' istituzzjonijiet ta' kreditu skont l-Artikolu 129 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jenħtieġ li jkun meħtieġ li l-bonds koperti maħruġin esternament u internament jikkwalifikaw għall-iskala 1 tal-kwalità kreditizja fil-mument tal-ħruġ jew, f'każ ta' bidla sussegwenti fl-iskala tal-kwalità kreditizja u soġġetta għall-approvazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti, l-iskala 2 tal-kwalità kreditizja. Meta l-bonds koperti maħruġin esternament jew internament ma jibqgħux jissodisfaw dak ir-rekwiżit, il-bonds koperti maħruġin internament ma jibqgħux jikkwalifikaw bħala assi eliġibbli skont l-Artikolu 129 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u, bħala konsegwenza, il-bonds koperti maħruġin esternament mill-aggregazzjoni ta' kopertura rilevanti mhux se jibbenefikaw mill-eżenzjoni fl-Artikolu 129(1aa) ta' dak ir-Regolament. Meta dawk il-bonds koperti maħruġin internament ma jibqgħux jikkonformaw mar-rekwiżit ta' skala tal-kwalità kreditizja rilevanti, għandhom madankollu jkunu assi ta' kopertura eliġibbli għall-fini ta' din id-Direttiva sakemm ikunu konformi mar-rekwiżiti kollha f'din id-Direttiva, u l-bonds koperti maħruġin esternament kollateralizzati minn dawk il-bonds koperti maħruġin internament jew assi oħrajn konformi ma' din id-Direttiva għandhom għalhekk ikunu jistgħu jużaw it-tikketta Bonds Koperti Ewropej. Li jkun permess l-użu ta' dawn l-istrutturi huwa previst bħala għażla ta' Stat Membru. Minn dan isegwi li, biex din l-għażla tkun effettivament disponibbli għall-istituzzjonijiet ta' kreditu li jappartjenu għal grupp li jinsab fi Stati Membri differenti, l-Istati Membri rilevanti kollha għandhom ikunu eżerċitaw din l-għażla u ttrasponew dik id-dispożizzjoni fil-leġiżlazzjoni tagħhom.

(18)  L-istituzzjonijiet ta' kreditu żgħar jiffaċċjaw diffikultajiet meta joħorġu bonds koperti peress li l-istabbiliment ta' programmi ta' bonds koperti spiss jimplika kostijiet inizjali għoljin. Il-likwidità wkoll għandha importanza partikolari fis-swieq ta' bonds koperti u fil-parti l-kbira tagħha tiġi ddeterminata mill-volum ta' bonds pendenti. Għalhekk, huwa xieraq li jiġi permess finanzjament konġunt minn żewġ istituzzjonijiet ta' kreditu jew aktar, sabiex il-bonds koperti jkunu jistgħu jinħarġu minn istituzzjonijiet ta' kreditu iżgħar. Dan jipprevedi l-ġbir ta' assi ta' kopertura minn diversi istituzzjonijiet ta' kreditu bħala assi kollaterali għal bonds koperti maħruġin minn istituzzjoni ta' kreditu waħda u jiffaċilita l-ħruġ ta' bonds koperti f'dawk l-Istati Membri fejn bħalissa ma hemm l-ebda suq żviluppat sew. Ir-rekwiżiti għall-użu ta' ftehimiet ta' finanzjament konġunt għandhom jiżguraw li l-assi ta' kopertura li jinbiegħu jew, fejn Stat Membru jkun ippermetta dik l-għażla, trasferiti permezz ta' arranġament kollaterali finanzjarju skont id-Direttiva 2002/47/KE lill-istituzzjonijiet ta' kreditu li joħorġuhom jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' eliġibbiltà▌u ta' segregazzjoni għall-assi ta' kopertura taħt id-dritt tal-Unjoni.

(20)  It-trasparenza tal-aggregazzjoni ta' kopertura li tiggarantixxi l-bond kopert hija parti essenzjali ta' dan it-tip ta' strument finanzjarju billi din issaħħaħ il-komparabbiltà u tippermetti lill-investituri biex iwettqu l-evalwazzjoni tar-riskju meħtieġa. Id-Direttiva 2003/71/KE(12) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tinkludi regoli dwar it-tfassil, l-approvazzjoni u d-distribuzzjoni tal-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f'suq regolat li jkun jinsab jew jopera fi Stat Membru. Diversi inizjattivi li jirrigwardaw l-informazzjoni li għandha tiġi żvelata lil investituri f'bonds koperti li huma supplimentari għad-Direttiva 2003/71/KE ġew żviluppati matul iż-żmien minn leġiżlaturi nazzjonali u parteċipanti fis-suq. Madankollu, huwa meħtieġ li fil-livell tad-dritt tal-Unjoni jiġi speċifikat liema livell ta' informazzjoni komuni minimu l-investituri jenħtieġ li jkollhom aċċess għalih qabel ma jixtru jew meta jixtru l-bonds koperti. Jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jissupplimentaw dawn ir-rekwiżiti minimi b'dispożizzjonijiet addizzjonali.

(21)  Element ewlieni fl-iżgurar tal-protezzjoni tal-investituri f'bonds koperti huwa l-mitigazzjoni tar-riskju tal-likwidità tal-istrument. Dan huwa kruċjali sabiex jiġi żgurat li l-obbligazzjonijiet marbutin mal-bond kopert jitħallsu lura fil-ħin. Għalhekk, huwa xieraq li jiġu introdotti riżervi ta' likwidità tal-aggregazzjoni ta' kopertura sabiex jiġu indirizzati r-riskji ta' nuqqas ta' likwidità, bħal diskrepanzi fil-maturitajiet u fir-rati tal-imgħax, interruzzjonijiet fil-pagamenti, riskji ta' taħlit, derivattivi u obbligazzjonijiet operattivi oħra li jaqgħu fi ħdan il-programm ta' bonds koperti. L-istituzzjoni ta' kreditu tista' tesperjenza sitwazzjonijiet fejn isir diffiċli li jkun hemm konformità mar-rekwiżit tar-riżervi ta' likwidità tal-aggregazzjoni ta' kopertura, pereżempju fi żminijiet ta' stress meta r-riżerva jintuża biex ikopri l-ħruġ. L-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2) għandhom jimmonitorjaw il-konformità mar-riżerva ta' likwidità tal-aggregazzjoni ta' kopertura, u, jekk meħtieġ, jieħdu miżuri biex jeżiġu li l-istituzzjoni ta' kreditu terġa' ddaħħalha fis-seħħ. Ir-riżervi ta' likwidità għall-aggregazzjoni ta' kopertura jvarjaw mir-rekwiżiti ġenerali tal-likwidità imposti fuq l-istituzzjonijiet ta' kreditu f'konformità ma' atti oħra tad-dritt tal-Unjoni peress li tal-ewwel huma direttament relatati mal-aggregazzjoni ta' kopertura u jfittxu li jtaffu r-riskji tal-likwidità speċifiċi għaliha. Sabiex jitnaqqsu l-piżijiet regolatorji, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jippermettu interazzjoni xierqa mar-rekwiżiti tal-likwidità stabbiliti minn atti oħra tad-dritt tal-Unjoni▌u li jservu skopijiet differenti mir-riżervi ta' likwidità tal-aggregazzjoni ta' kopertura. Għaldaqstant, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddeċiedu li, sad-data meta dawk l-atti tad-dritt tal-Unjoni jiġu emendati, ir-rekwiżit tar-riżervi ta' likwidità tal-aggregazzjoni ta' kopertura jkun applikabbli biss jekk ma jiġi impost l-ebda rekwiżit ieħor ta' likwidità fuq l-istituzzjoni ta' kreditu taħt id-dritt tal-Unjoni▌ matul il-perjodu kopert minn rekwiżiti oħra bħal dawn. Tali deċiżjoni għandha tevita li l-istituzzjonijiet ta' kreditu jkunu soġġetti għal obbligu li jkopru l-istess flussi ta' ħruġ b'assi likwidi differenti għall-istess perjodu. Madankollu, din id-dispożizzjoni timplika li l-possibbiltà li l-Istati Membri jiddeċiedu li r-riżerva ta' likwidità tal-aggregazzjoni tal-kopertura ma tapplikax tiġi vvalutata mill-ġdid fil-kuntest ta' bidliet futuri fir-rekwiżiti ta' likwidità għall-istituzzjonijiet ta' kreditu skont id-dritt tal-Unjoni, inkluż ir-regolament ta' delega adottat skont l-Artikolu 460 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Ir-riskji ta' likwidità jistgħu jiġu indirizzati b'mezzi oħra minbarra l-forniment ta' assi likwidi, pereżempju billi jinħarġu bonds koperti soġġetti għal strutturi ta' maturità li jistgħu jiġu estiżi fejn l-iskattaturi jindirizzaw in-nuqqas ta' likwidità jew l-istress. F'dak il-każ, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jippermettu li l-kalkolu tar-riżerva ta' likwidità jkun ibbażat fuq id-data tal-maturità finali tal-bond kopert, filwaqt li jitqiesu l-estensjonijiet possibbli tal-maturità, fejn l-iskattaturi jindirizzaw ir-riskji ta' likwidità. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jippermettu li r-rekwiżiti ta' likwidità tal-aggregazzjoni ta' kopertura ma japplikawx għal bonds koperti li huma soġġetti għal rekwiżiti ta' finanzjament ekwivalenti meta l-pagamenti deħlin kuntrattwalment isiru dovuti qabel il-pagamenti li joħorġu u sadanittant jitqiegħdu f'assi likwidi ħafna.

(22)  F'għadd ta' Stati Membri, ġew żviluppati strutturi innovattivi għal profili tal-maturità sabiex jiġu indirizzati r-riskji potenzjali ta' likwidità, inklużi diskrepanzi fil-maturità. Dawk l-istrutturi jinkludu l-possibbiltà li l-maturità skedata tal-bond kopert tiġi estiża għal ċertu perjodu ta' żmien jew li l-flussi tal-flus mill-assi▌ta' kopertura jitħallew jgħaddu direttament għad-detenturi ta' bonds koperti. Sabiex jiġu armonizzati l-istrutturi ta' maturità li jistgħu jiġu estiżi madwar l-Unjoni, huwa importanti li jiġu ddefiniti l-kundizzjonijiet li taħthom l-Istati Membri jistgħu jippermettu dawn l-istrutturi▌sabiex jiġi żgurat li dawn ma jkunux kumplessi wisq jew li l-investituri jiġu esposti għal aktar riskji. Element importanti tiegħu huwa li jiġi żgurat li l-istituzzjoni ta' kreditu ma tistax testendi l-maturità fid-diskrezzjoni tagħha. Il-maturità għandha tkun permessa tiġi estiża biss meta jseħħu jew huma mistennija li jseħħu fil-futur qrib avvenimenti ta' skattar oġġettivi u definiti b'mod ċar stabbiliti taħt il-liġi nazzjonali. Tali skattaturi għandhom jimmiraw li jipprevjenu l-inadempjenza, pereżempju billi jindirizzaw in-nuqqas ta' likwidità, il-falliment tas-suq jew it-tfixkil tas-suq. L-estensjonijiet jistgħu wkoll jiffaċilitaw l-istralċ ordnat tal-istituzzjonijiet ta' kreditu li joħorġu l-bonds koperti, filwaqt li jippermettu l-estensjonijiet fil-każ ta' insolvenza jew riżoluzzjoni sabiex jiġi evitat li l-assi jerġgħu jinbiegħu.

(23)  L-eżistenza ta' qafas ta' superviżjoni pubbliku speċjali huwa element li jiddefinixxi l-bonds koperti, skont l-Artikolu 52(4) tad-Direttiva 2009/65/KE. Madankollu, din id-Direttiva ma tiddefinix in-natura, il-kontenut u l-awtoritajiet li jenħtieġ li jkunu responsabbli sabiex iwettqu din is-superviżjoni. Għalhekk, huwa essenzjali li l-elementi kostituttivi ta' din is-superviżjoni pubblika ta' bonds koperti jkunu armonizzati u li l-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jwettquha jkunu stabbiliti b'mod ċar.

(24)  Peress li s-superviżjoni pubblika ta' bonds koperti hija distinta mis-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu fl-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jaħtru awtoritajiet nazzjonali kompetenti differenti li jkunu inkarigati li jeżerċitaw dan ir-rwol ta' superviżjoni differenti minn dak ta' superviżjoni ġenerali tal-istituzzjoni ta' kreditu. Madankollu, sabiex tiġi żgurata konsistenza fl-applikazzjoni ta' superviżjoni pubblika ta' bonds koperti madwar l-Unjoni, huwa meħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti li jwettqu s-superviżjoni pubblika ta' bonds koperti jikkooperaw mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti li jwettqu s-superviżjoni ġenerali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu.

(25)  Is-superviżjoni pubblika ta' bonds koperti jenħtieġ li tinvolvi l-għoti ta' permess lill-istituzzjonijiet ta' kreditu biex joħorġu l-bonds koperti. Peress li huma biss l-istituzzjonijiet ta' kreditu li għandhom jitħallew joħorġu bonds koperti, jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni bħala istituzzjoni ta' kreditu tkun prerekwiżit għal dan il-permess. Filwaqt li fl-Istati Membri li qed jipparteċipaw fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, il-Bank Ċentrali Ewropew għandu l-kompitu li jawtorizza lill-istituzzjonijiet ta' kreditu f'konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013, huma biss l-awtoritajiet maħtura skont din id-Direttiva li huma kompetenti biex jagħtu permess biex joħorġu bonds koperti u jeżerċitaw superviżjoni pubblika fuq bonds koperti. Barra minn hekk, jenħtieġ li din id-Direttiva tinkludi dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kundizzjonijiet li taħthom l-istituzzjonijiet ta' kreditu awtorizzati skont id-dritt tal-Unjoni jistgħu jiksbu l-permess li jwettqu l-attività ta' ħruġ ta' bonds koperti▌.

(26)  Il-kamp ta' applikazzjoni tal-permess jenħtieġ li jkun relatat mal-programm ta' bonds koperti. Programm bħal dan jenħtieġ li jkun suġġett għal superviżjoni skont din id-Direttiva. Istituzzjoni ta' kreditu jista' jkollha aktar minn programm wieħed ta' bonds koperti. F'dak il-każ, jenħtieġ li jkun meħtieġ permess separat għal kull programm. Programm ta' bonds koperti jista' jinkludi aggregazzjoni ta' kopertura waħda jew aktar. Aggregazzjonijiet ta' kopertura multipli jew ħruġ differenti (Numri Internazzjonali ta' Identifikazzjoni ta' Titoli (ISINs) differenti) taħt l-istess programm ta' bonds koperti mhux neċessarjament jikkostitwixxi programmi ta' bonds koperti separati.

(26a)  Il-programmi eżistenti ta' bonds koperti mhumiex meħtieġa li jiksbu permess ġdid ladarba r-regoli l-ġodda tal-liġi nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva jsiru applikabbli. L-istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds koperti madankollu għandha tikkonforma mar-rekwiżiti kollha ta' din id-Direttiva. Dik il-konformità għandha tkun issorveljata mill-awtoritajiet kompetenti maħtura skont din id-Direttiva bħala parti mis-superviżjoni pubblika tal-bonds koperti. L-Istati Membri jistgħu jagħtu gwida skont il-liġi nazzjonali dwar kif għandhom imexxu l-valutazzjoni tal-konformità wara d-data li minnha l-Istati Membri għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li jittrasponu din id-Direttiva. L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jistgħu jirrevedu programm ta' bonds koperti u jivvalutaw il-ħtieġa għal bidla fil-permess għal dak il-programm. Tali ħtieġa għal bidla tista' tkun minħabba bidliet sostanzjali fil-mudell tan-negozju tal-istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds koperti, pereżempju wara bidla fil-qafas ta' bonds koperti nazzjonali jew wara deċiżjonijiet mill-istituzzjoni ta' kreditu. Bidliet bħal dawn jistgħu jitqiesu bħala sostanzjali fejn jeħtieġu rivalutazzjoni tal-kundizzjonijiet li taħthom ingħata l-permess għall-ħruġ ta' bonds ta' kopertura.

(26b)  Meta Stat Membru jipprovdi għall-ħatra ta' amministratur speċjali, jenħtieġ li jkun jista' jistabbilixxi regoli dwar il-kompetenzi u r-rekwiżiti operattivi għal tali amministratur speċjali. Dawk ir-regoli jistgħu jeskludu l-possibbiltà li l-amministratur speċjali jiġbor depożiti jew fondi oħra ripagabbli mingħand il-konsumaturi u l-investituri fil-livell tal-konsumatur, iżda jippermetti l-ġbir ta' depożiti jew ta' fondi ripagabbli oħrajn biss minn investituri professjonali.

(27)  Sabiex tiġi żgurata konformità mal-obbligi imposti fuq l-istituzzjonijiet ta' kreditu li joħorġu l-bonds koperti u sabiex jiġu żgurati trattament u konformità simili madwar l-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jintalbu jipprevedu penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi wkoll jipprovdu għal pieni kriminali. L-Istati Membri li jagħżlu li jipprovdu għal pieni kriminali minflok amministrattivi għandhom jinnotifikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi kriminali lill-Kummissjoni.

(28)  Dawn il-penali amministrattivi u l-miżuri amministrattivi l-oħra stabbiliti mill-Istati Membri jenħtieġ li jissodisfaw ċerti rekwiżiti essenzjali fir-rigward tad-destinatarji ta' dawn il-penali jew miżuri, il-kriterji li jridu jitqiesu fl-applikazzjoni tagħhom, l-obbligi tal-pubblikazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti li jwettqu s-superviżjoni pubblika ta' bonds koperti, is-setgħa li jiġu imposti l-penali, u l-livell ta' penali pekunarji amministrattivi li jistgħu jiġu imposti. Qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni li timponi penali amministrattivi jew miżuri amministrattivi oħra, id-destinatarju jenħtieġ li jingħata l-opportunità li jinstema'. Madankollu, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jipprovdu għal eċċezzjonijiet għad-dritt li jinstemgħu fir-rigward ta' miżuri amministrattivi oħra. Kwalunkwe eċċezzjoni bħal din għandha tkun limitata għal każijiet ta' periklu imminenti fejn hija meħtieġa azzjoni urġenti sabiex jiġi evitat telf sinifikanti għal partijiet terzi bħal investituri ta' bonds koperti jew biex tiġi evitata jew rimedjata ħsara sinifikanti lis-sistema finanzjarja. F'każijiet bħal dawn, id-destinatarju jenħtieġ li jingħata l-opportunità li jinstema' wara li tkun ġiet imposta l-miżura.

(29)  L-Istati Membri jenħtieġ li jintalbu jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti li jwettqu s-superviżjoni pubblika ta' bonds koperti jqisu ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha sabiex jiżguraw applikazzjoni konsistenti tal-penali amministrattivi jew ta' miżuri amministrattivi oħra fl-Istati Membri, meta jkunu qed jiddeterminaw it-tip ta' penali amministrattivi jew miżuri amministrattivi oħra u l-livell ta' dawk il-penali. L-Istati Membri jistgħu jinkludu miżuri amministrattivi fir-rigward tal-estensjoni tal-maturità taħt strutturi ta' maturità li jistgħu jiġu estiżi. Fejn l-Istati Membri jipprovdu għal tali miżuri, dawk il-miżuri jistgħu jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti li jinvalidaw estensjoni tal-maturità u jistgħu jistabbilixxu kundizzjonijiet għal invalidazzjoni bħal din biex jindirizzaw is-sitwazzjoni fejn istituzzjoni ta' kreditu testendi l-maturità bi ksur ta' skattaturi oġġettivi stabbiliti fil-liġi nazzjonali, jew sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja u l-protezzjoni tal-investitur.

(30)  Sabiex jidentifikaw ksur potenzjali tar-rekwiżiti relatati mal-ħruġ u mal-kummerċjalizzazzjoni ta' bonds koperti, l-awtoritajiet kompetenti li jwettqu s-superviżjoni pubblika ta' bonds koperti jenħtieġ li jkollhom is-setgħat investigattivi neċessarji u l-mekkaniżmi effettivi sabiex jinkoraġġixxu r-rapportar ta' ksur potenzjali jew reali. Dawn il-mekkaniżmi jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża ta' kull persuna jew entità affettwata ħażin mill-eżerċizzju ta' dawn is-setgħat u l-mekkaniżmi.

(31)  L-awtoritajiet kompetenti li jwettqu s-superviżjoni pubblika ta' bonds koperti jenħtieġ li jkollhom ukoll is-setgħa li jimponu penali amministrattivi u jadottaw miżuri amministrattivi oħra sabiex jiżguraw l-akbar kamp ta' applikazzjoni possibbli għal azzjoni wara ksur u sabiex jgħinu jipprevjenu ksur ulterjuri, irrispettivament minn jekk dawn il-miżuri jkunux ikkwalifikati bħala penali amministrattiva jew miżura amministrattiva oħra taħt il-liġi nazzjonali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu penali pekunjarji amministrattivi ta' livelli ogħla minn dawk previsti f'din id-Direttiva u penali addizzjonali għalihom.

(32)  Il-liġijiet nazzjonali eżistenti fuq il-bonds koperti huma kkaratterizzati mill-fatt li huma soġġetti għal regolamentazzjoni dettaljata fil-livell nazzjonali u għal superviżjoni tal-ħruġ u tal-programmi ta' bonds koperti sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-investituri jiġu rispettati l-ħin kollu fir-rigward tal-ħruġ ta' bonds koperti. Din is-superviżjoni tinkludi l-monitoraġġ kontinwu tal-karatteristiċi tal-programm, ir-rekwiżiti ta' kopertura u l-kwalità tal-aggregazzjoni ta' kopertura. Livell adegwat ta' informazzjoni dwar l-investituri dwar il-qafas regolatorju li jirregola l-ħruġ ta' bonds koperti huwa element essenzjali tal-protezzjoni tal-investituri. Għalhekk, huwa xieraq li jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jippubblikaw informazzjoni regolari li tikkonċerna l-miżuri nazzjonali tagħhom li jittrasponu din id-Direttiva u dwar il-mod li bih huma jwettqu s-superviżjoni pubblika ta' bonds koperti.

(33)  Il-bonds koperti bħalissa jiġu kkumerċjalizzati fl-Unjoni taħt denominazzjonijiet u tikketti nazzjonali, li xi wħud minnhom huma stabbiliti sew filwaqt li oħrajn mhumiex.▌Għalhekk, jidher li jagħmel sens li l-istituzzjonijiet ta' kreditu li joħorġu bonds koperti fl-Unjoni jitħallew jużaw tikketta speċifika "Bonds Koperti Ewropej" meta jkunu qed ibigħu bonds koperti kemm lil investituri tal-Unjoni kif ukoll lil investituri ta' pajjiżi terzi, bil-kundizzjoni li dawn il-bonds koperti jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti f'din id-Direttiva. Jekk il-bonds koperti jkunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 129 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 ukoll, l-istituzzjonijiet ta' kreditu jenħtieġ li jkollhom il-permess jużaw it-tikketta "Bonds Koperti Ewropej (Premium)". Dik it-tikketta, li tindika li r-rekwiżiti speċifiċi addizzjonali ġew sodisfatti li tirriżulta fi kwalità partikolarment imsaħħa u mifhuma sew, tista' tkun attraenti anki fi Stati Membri li jkollhom tikketti nazzjonali stabbiliti sew. Il-mira taż-żewġ tikketti "Bonds Koperti Ewropej" u "Bonds Koperti Ewropej (Premium)" jagħmluha aktar faċli għal dawk l-investituri jivvalutaw il-kwalità ta' bonds koperti u b'hekk isiru aktar attraenti bħala strument ta' investiment kemm ġewwa kif ukoll barra l-Unjoni. Madankollu, l-użu ta' dawk it-tikketti jenħtieġ li jkun fakultattiv u l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jżommu l-qafas tad-denominazzjonijiet u tat-tikkettar nazzjonali tagħhom stess▌b'mod parallel mat-tikketti "Bonds Koperti Ewropej".

(34)  Sabiex tiġi vvalutata l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni f'kooperazzjoni mill-qrib mal-EBA, jenħtieġ li timmonitorja l-iżvilupp ta' bonds koperti fl-Unjoni u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-livell ta' protezzjoni tal-investituri u l-iżvilupp tas-swieq ta' bonds koperti. Ir-rapport jenħtieġ li jiffoka wkoll fuq l-iżviluppi li jirrigwardaw l-assi li jikkollateralizzaw il-ħruġ ta' bonds koperti▌. L-użu ta' strutturi ta' maturità li jistgħu jiġu estiżi kien qed jiżdied. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament u r-riskji u l-benefiċċji li jirriżultaw mill-ħruġ ta' bonds koperti b'maturitajiet estendibbli. Klassi ġdida ta' strumenti finanzjarji taħt l-isem Noti Garantiti Ewropej (ESNs), koperta minn assi li huma aktar riskjużi minn skoperturi pubbliċi u minn self ipotekarju u li mhumiex assi ta' kopertura eliġibbli skont din id-Direttiva, ġiet proposta minn parteċipanti fis-suq u oħrajn bħala strument addizzjonali għall-banek biex jiffinanzjaw l-ekonomija reali. Il-Kummissjoni kkonsultat lill-EBA fit-3 ta' Ottubru 2017 għall-valutazzjoni ta' kemm l-ESNs setgħu jużaw l-"aħjar prattiki" iddefiniti mill-EBA għall-bonds koperti tradizzjonali, it-trattament xieraq tar-riskju tal-ESNs u l-effett possibbli ta' ħruġ tal-ESN fuq il-livelli tal-aggravar tal-assi tal-bank. Bi tweġiba għal dan, l-EBA ħarġet rapport fl-24 ta' Lulju 2018. B'mod parallel mar-rapport tal-EBA, il-Kummissjoni ppubblikat studju fit-12 ta' Ottubru 2018. L-istudju tal-Kummissjoni u r-rapport tal-EBA kkonkludew li kienet meħtieġa valutazzjoni ulterjuri dwar, pereżempju, it-trattament regolatorju. Il-Kummissjoni għandha għalhekk tkompli tivvaluta jekk qafas leġiżlattiv għall-ESNs ikunx xieraq u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-sejbiet tagħha, flimkien ma' proposta leġiżlattiva, jekk ikun xieraq.

(35)  Bħalissa ma hemm l-ebda reġim ta' ekwivalenza għar-rikonoxximent mill-Unjoni ta' bonds koperti maħruġin minn istituzzjonijiet ta' kreditu f'pajjiżi terzi▌, ħlief f'kuntest prudenzjali fejn trattament preferenzjali li jirrigwarda l-likwidità taħt ċerti kundizzjonijiet jingħata lil xi bonds ta' pajjiżi terzi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni f'kooperazzjoni mill-qrib mal-EBA, jenħtieġ li tivvaluta l-ħtieġa u r-rilevanza għall-introduzzjoni ta' reġim ta' ekwivalenza għal emittenti ta' pajjiżi terzi ta' bonds koperti u għal investituri f'bonds koperti. Mhux aktar minn sentejn wara d-data li fiha l-Istati Membri jridu japplikaw id-dispożizzjonijiet li jittrasponu din id-Direttiva, il-Kummissjoni jenħtieġ li tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien ma' proposta leġiżlattiva, jekk ikun xieraq, dwar din il-kwistjoni.

(36)  Il-bonds koperti huma kkaratterizzati bħala li jkollhom maturità skedata ta' diversi snin. Huwa għalhekk meħtieġ li jiddaħħlu miżuri ta' tranżizzjoni biex jiżguraw li bonds koperti▌maħruġin qabel ... [OP: Jekk jogħġbok daħħal id-data stipulata fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(1) ta' din id-Direttiva] ma jkunux affettwati. Bonds koperti maħruġin qabel dik id-data għandhom għalhekk jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 52(4) tad-Direttiva 2009/65/KE fuq bażi kontinwa u għandhom ikunu eżentati mill-biċċa l-kbira tar-rekwiżiti l-ġodda stabbiliti f'din id-Direttiva. Tali bonds koperti għandhom ikunu jistgħu jkomplu jiġu riferuti bħala bonds koperti sakemm il-konformità tagħhom mal-Artikolu 52(4) tad-Direttiva 2009/65/KE, kif applikabbli fid-data tal-ħruġ tagħhom, u mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva li huma applikabbli għalihom, tkun soġġetta għal superviżjoni mill-awtoritajiet kompetenti maħtura skont din id-Direttiva. Sorveljanza bħal din ma għandhiex testendi għar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva li minnhom dawn il-bonds koperti jkunu eżentati. F'xi Stati Membri, l-ISINs huma miftuħa għal perjodu itwal li jippermetti li bonds koperti jinħarġu kontinwament taħt dak il-kodiċi bil-għan li jiżdied il-volum (id-daqs tal-ħruġ) ta' dik il-bond koperta (ħruġ tap). Il-miżuri ta' tranżizzjoni għandhom ikopru l-ħruġ tap ta' bonds koperti taħt l-ISINs miftuħa qabel... [OP: Jekk jogħġbok daħħal id-data stipulata fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(1) ta' din id-Direttiva + jum wieħed] soġġett għal numru ta' limitazzjonijiet.

(37)  Bħala konsegwenza tal-istabbiliment ta' qafas uniformi għall-bonds koperti, jenħtieġ li d-deskrizzjoni ta' bonds koperti fl-Artikolu 52(4) tad-Direttiva 2009/65/KE tiġi emendata. Id-Direttiva 2014/59/UE tiddefinixxi bonds koperti billi tirreferi għall-Artikolu 52(4) tad-Direttiva 2009/65/KE u, peress li din id-deskrizzjoni jenħtieġ li tiġi emendata, id-Direttiva 2014/59/UE għandha tiġi emendata wkoll. Barra minn hekk, sabiex ikun evitat l-effett ta' bonds koperti maħruġin f'konformità mal-Artikolu 52(4) tad-Direttiva 2009/65/KE qabel ... [OP: Jekk jogħġbok daħħal id-data stipulata fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(1) ta' din id-Direttiva], dawn il-bonds koperti għandhom ikomplu jissemmew jew jiġu definiti bħala bonds koperti sal-maturità tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttivi 2009/65/KE u 2014/59/UE jiġu emendati kif xieraq.

(38)  F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti spjegattivi(13), l-Istati Membri ntrabtu li, f'każijiet ġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta' tali dokumenti hija ġustifikata.

(39)  Peress li l-objettivi ta' din id-Direttiva, li jiġi stabbilit qafas komuni għal bonds koperti li jiżgura li l-karatteristiċi strutturali ta' bonds koperti madwar l-Unjoni jikkorrispondu mal-profil ta' riskju aktar baxx li jiġġustifika trattament preferenzjali tal-Unjoni, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu, minħabba l-ħtieġa ta' żvilupp ulterjuri tas-suq tal-bonds koperti u li jiġu appoġġjati l-investimenti transfruntiera fl-Unjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawn l-objettivi.

(39a)  Il-Parlament Ewropew ġie kkonsultat u ta l-opinjoni tiegħu fit-22 ta' Awwissu 2018.

(40)  Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f'konformità mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(14) u ta opinjoni nhar …(15). Istituzzjonijiet ta' kreditu li joħorġu bonds koperti jipproċessaw ammonti sinifikanti ta' data personali. Dan l-ipproċessar jenħtieġ li f'kull ħin ikun konformi mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data). Bl-istess mod, l-ipproċessar ta' data personali mill-Awtorità Bankarja Ewropea meta, kif mitlub mid-Direttiva, iżomm bażi ta' data ċentrali ta' sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra li jiġu kkomunikati lilha mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, għandha titwettaq f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

TITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli li ġejjin dwar il-protezzjoni tal-investituri li jikkonċernaw:

(1)  ir-rekwiżiti għall-ħruġ ta' bonds koperti;

(2)  il-karatteristiċi strutturali ta' bonds koperti;

(3)  is-superviżjoni pubblika ta' bonds koperti;

(4)  ir-rekwiżiti ta' pubblikazzjoni ▌fir-rigward ta' bonds koperti.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

Id-Direttiva tapplika għal bonds koperti maħruġin minn istituzzjonijiet ta' kreditu stabbiliti fl-Unjoni.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)  "bond kopert" tfisser obbligu ta' dejn maħruġ minn istituzzjoni ta' kreditu jew f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li tittrasponi r-rekwiżiti mandatorji ta' din id-Direttiva u ggarantit minn▌assi ta' kopertura li▌investituri ta' bonds koperti għandhom rikors dirett għalihom bħala kredituri ppreferuti;

(2)  "programm ta' bonds koperti" tfisser il-karatteristiċi strutturali ta' ħruġ ta' bonds koperti determinati b'regoli statutorji, termini u kundizzjonijiet kuntrattwali, f'konformità mal-permess mogħti lill-istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds koperti;

(3)  "aggregazzjoni ta' kopertura" tfisser sett ta' assi ddefiniti sew li jiżguraw l-obbligi ta' pagament marbuta mal-bonds koperti u li huma segregati minn assi oħra miżmuma mill-istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds koperti;

(3a)  "assi ta' kopertura" tfisser assi inklużi f'aggregazzjoni ta' kopertura;

(3b)  "assi kollaterali" tfisser l-assi fiżiċi u l-assi fil-forma ta' skoperturi li jiżguraw l-assi ta' kopertura;

(3c)  "segregazzjoni" tfisser l-azzjonijiet imwettqa mill-istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ bonds koperti ta' identifikazzjoni ta' assi ta' kopertura u li tqegħedhom lil hinn mill-portata legali tal-kredituri għajr l-investituri ta' bonds koperti u l-kontropartijiet ta' kuntratti tad-derivattivi;

(4)  "istituzzjoni ta' kreditu" tfisser istituzzjoni ta' kreditu kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(5)  "istituzzjoni speċjalizzata ta' kreditu ipotekarju" tfisser istituzzjoni ta' kreditu li tiffinanzja self biss jew primarjament permezz tal-ħruġ ta' bonds koperti, li għandha l-permess bil-liġi li twettaq self ipotekarju u self fis-settur pubbliku biss u li m'għandhiex il-permess li tieħu depożiti iżda tieħu fondi oħra mill-pubbliku li jistgħu jitħallsu lura;

(6)  "aċċellerazzjoni awtomatika" tfisser sitwazzjoni li fiha bond kopert isir awtomatikament immedjatament dovut u pagabbli fuq insolvenza jew riżoluzzjoni tal-emittent u li fir-rigward tiegħu l-investituri tal-bonds koperti għandhom pretensjoni infurzabbli għal ripagament fi żmien qabel id-data oriġinali ta' maturità;

(7)  "valur tas-suq", tfisser għall-finijiet ta' proprjetà immobbli, valur tas-suq kif definit fil-punt (76) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(8)  "valur tas-self ipotekarju" għall-finijiet ta' proprjetà immobbli, tfisser il-valur tas-self ipotekarju kif definit fil-punt (74) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(10)  "assi primarji" tfisser assi dominanti fl-aggregazzjoni ta' kopertura li jiddeterminaw in-natura tal-aggregazzjoni ta' kopertura;

(11)  "assi ta' sostituzzjoni" tfisser assi li jikkontribwixxi għar-rekwiżiti ta' kopertura, għajr l-assi primarji;

(12)  "sovrakollateralizzazzjoni" tfisser il-livell, fl-intier tiegħu, statutorju, kuntrattwali jew volontarju ta' kollateral li jaqbeż ir-rekwiżit ta' kopertura▌stabbilit fl-Artikolu 15;

(13)  "rekwiżiti ta' finanzjament simetriku" tfisser regoli li jirrikjedu li l-flussi ta' flus bejn l-obbligazzjonijiet u l-assi dovuti jkunu bbilanċjati billi jiġi żgurat f'termini kuntrattwali li l-pagamenti mill-mutwatarji u mill-kontropartijiet ta' kuntratti tad-derivattivi jsiru dovuti qabel ma jsiru pagamenti lil investituri f'bonds koperti u lill-kontropartijiet ta' kuntratti tad-derivattivi, u dawk l-ammonti jkunu għall-inqas tal-istess valur għall-pagamenti li għandhom isiru lill-investituri f'bonds koperti u lill-kontropartijiet ta' kuntratti tad-derivattivi, u li l-ammonti rċevuti mill-mutwatarji u mill-kontropartijiet ta' kuntratti tad-derivattivi jitqiegħdu fl-aggregazzjoni ta' assi ta' kopertura f'konformità mal-Artikolu 16(3) sakemm il-pagamenti jsiru dovuti lill-investituri f'bonds koperti u lill-kontropartijiet ta' kuntratti tad-derivattivi;

(14)  "ħruġ nett ta' likwidità" tfisser il-ħruġ ta' pagamenti kollha li huma dovuti f'jum wieħed kalendarju, inklużi l-pagamenti prinċipali u tal-imgħax u l-pagamenti taħt il-kuntratti tad-derivattivi tal-programm ta' bonds koperti, netti mill-pagamenti kollha li jkunu daħlu, li huma dovuti f'jum wieħed kalendarju, għal pretensjonijiet relatati mal-assi▌ta' kopertura;

(15)  "struttura ta' maturità li tista' tiġi estiża" tfisser mekkaniżmu li jipprovdi għall-possibbiltà li tiġi estiża l-maturità skedata ta' bonds koperti għal perjodu ta' żmien predeterminat u fil-każ li jseħħ skattatur speċifiku;

(16)  "superviżjoni pubblika ta' bonds koperti" tfisser is-superviżjoni tal-programmi ta' bonds koperti li tiżgura l-infurzar tar-rekwiżiti applikabbli għall-ħruġ ta' bonds koperti u l-konformità magħhom;

(17)  "amministratur speċjali" tfisser il-persuna jew l-entità maħtura biex tamministra programm ta' bonds koperti fil-każ ta' insolvenza ta' istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ bonds koperti taħt dak il-programm, jew meta jkun ġie stabbilit li istituzzjoni ta' kreditu bħal din qed tfalli jew aktarx li tfalli skont l-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2014/59/UE jew, f'ċirkostanzi eċċezzjonali, fejn l-awtorità kompetenti rilevanti tiddetermina li l-funzjonament xieraq ta' dik l-istituzzjoni ta' kreditu jkun f'riskju serju;

(17a)  "riżoluzzjoni" tfisser riżoluzzjoni kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(18)  ''grupp'' tfisser grupp kif definit fil-punt (137) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

TITOLU II

KARATTERISTIĊI STRUTTURALI TA' BONDS KOPERTI

Kapitolu 1

Rikors doppju u protezzjoni mill-falliment

Artikolu 4

Rikors doppju

1.  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli li jintitolaw lill-investituri f'bonds koperti u lill-kontropartijiet ta' kuntratti tad-derivattivi li jikkonformaw mal-Artikolu 11 għall-pretensjonijiet li ġejjin:

(a)  pretensjoni fuq l-istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds koperti;

(b)  f'każ ta' insolvenza jew riżoluzzjoni tal-istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds koperti, pretensjoni ta' prijorità fuq l-imgħax prinċipali u kull imgħax dovut u futur mill-assi▌ta' kopertura;

(c)  f'każ ta' insolvenza tal-istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds koperti u fil-każ li l-pretensjoni ta' prijorità, kif imsemmi fil-punt (b), ma tkunx tista' tiġi ssodisfata b'mod sħiħ, pretensjoni fuq il-proprjetà tal-insolvenza ta' dik l-istituzzjoni ta' kreditu, li tikklassifika pari passu mal-pretensjonijiet tal-kredituri ordinarji mhux iggarantiti tal-istituzzjoni ta' kreditu ddeterminati f'konformità mal-liġijiet nazzjonali li jirregolaw il-klassifikazzjoni fi proċeduri normali ta' insolvenza.

2.  Il-pretensjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu limitati għall-obbligazzjonijiet tal-pagament sħiħ marbutin mal-bonds koperti.

3.  Għall-finijiet tal-punt (c) tal-paragrafu 1, fil-każ ta' insolvenza ta' istituzzjoni speċjalizzata ta' kreditu ipotekarju, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli li jagħtu lill-investituri ta' bonds tal-kreditu u kontropartijiet ta' kuntratti tad-derivattivi li jikkonformaw mal-Artikolu 11 pretensjoni li tikklassifika bħala superjuri għall-pretensjoni tal-kredituri ordinarji mhux iggarantiti ta' dik l-istituzzjoni speċjalizzata ta' kreditu ipotekarju ddeterminata f'konformità mal-liġijiet nazzjonali li jirregolaw il-klassifikazzjoni tal-kredituri fi proċedura ta' insolvenza normali, iżda iżgħar minn kull kreditur ippreferut ieħor.

Artikolu 5

Protezzjoni mill-falliment ta' bonds koperti

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-obbligazzjonijiet tal-pagament marbutin mal-bonds koperti ma jkunux soġġetti għal aċċellerazzjoni awtomatika f'każ ta' insolvenza jew riżoluzzjoni tal-istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds koperti.

Kapitolu 2

Aggregazzjoni ta' kopertura u kopertura

Taqsima I

Assi eliġibbli

Artikolu 6

Assi ta' kopertura eliġibbli

1.  L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li bonds koperti f'kull ħin ikunu ggarantiti b':

(a)  assi msemmija bħala eliġibbli fil-punti (a) sa (g) tal-Artikolu 129(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u diment li l-istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds koperti tissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafi (1a) sa (3) tal-Artikolu 129 ta' dak ir-Regolament;

(b)  assi ta' kopertura ta' kwalità għolja li jipprovdu lill-istituzzjoni ta' kreditu li tkun qed toħroġ il-bonds koperti jkollha pretensjoni għall-pagament kif stabbilit fil-paragrafu 2 u ggarantit b'assi kollaterali kif stabbilit fil-paragrafu 3; jew

(c)  assi fil-forma ta' self lil impriżi pubbliċi jew garantiti minnhom kif definit fil-punt (b) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE, soġġett għall-paragrafu 4.

2.  Il-pretensjoni għall-pagament imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għandha tkun soġġetta għar-rekwiżiti legali li ġejjin:

(a)  l-ass jirrappreżenta pretensjoni għal pagament ta' flejjes li jkollu valur minimu li jista' jiġi ddeterminat f'kull ħin, li huwa legalment validu u infurzabbli, li mhuwiex soġġett għal kundizzjonijiet għajr il-kundizzjoni li l-pretensjoni timmatura f'data futura u li l-pretensjoni tkun garantita b'ipoteka, ħlas, rahan jew garanzija oħra;

(b)  is-self ipotekarju, il-ħlas, ir-rahan jew garanzija oħra li jiggarantixxu li l-pretensjoni tkun infurzabbli;

(c)  ir-rekwiżiti legali kollha għall-istabbiliment tas-self ipotekarju, it-tariffa, ir-rahan jew il-garanzija li tiggarantixxi l-pretensjoni jkunu ġew issodisfati;

(d)  is-self ipotekarju, it-tariffa, ir-rahan jew garanzija oħra li tiggarantixxi l-pretensjoni għall-pagament jippermettu lill-istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds koperti li tirkupra l-valur tal-pretensjoni mingħajr dewmien żejjed.

▌L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-istituzzjonijiet ta' kreditu li joħorġu l-bonds koperti▌jivvalutaw l-eżegwibilità tal-pretensjonijiet għall-pagament u l-assi kollaterali qabel ma jinkluduhom fl-aggregazzjoni ta' kopertura.

3.  L-assi kollaterali msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għandhom jissodisfaw wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)  għal assi fiżiċi, jeżistu standards ta' valutazzjoni li huma ġeneralment aċċettati fost l-esperti u li huma xierqa għall-assi fiżiku kkonċernat u jeżisti reġistru pubbliku li jirreġistra s-sjieda u l-pretensjonijiet fuq dawk l-assi fiżiċi;

(b)  għal assi fil-forma ta' skoperturi, is-sikurezza u s-solidità tal-kontroparti tal-iskopertura hija implikata b'setgħat ta' żieda tat-taxxa jew billi tiġi soġġetta għal superviżjoni pubblika kontinwa tas-solidità operazzjonali u s-solvenza finanzjarja tal-kontroparti.

Assi kollaterali fiżiċi msemmijin fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu jikkontribwixxu għall-kopertura ta' obbligazzjonijiet marbuta mal-bond kopert sal-inqas ammont tal-ammont prinċipali tar-rahan li huma kkombinati ma' kwalunkwe rahan preċedenti u 70 % tal-valur ta' dawk l-assi kollaterali fiżiċi. L-assi kollaterali fiżiċi msemmija fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu li huma eliġibbli skont il-punt (a) tal-paragrafu 1 ma għandhomx għalfejn jikkonformaw mal-limitu ta' 70 % jew mal-limiti fil-punti (a) sa (g) tal-Artikolu 129(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Meta, għall-finijiet tal-punt (a) ta' dan il-paragrafu, ma jeżisti l-ebda reġistru pubbliku għal assi fiżiku partikolari, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal forma alternattiva ta' ċertifikazzjoni tas-sjieda u pretensjonijiet fuq dak l-assi fiżiku, sa fejn dan ikun komparabbli mal-protezzjoni pprovduta minn reġistru pubbliku fis-sens li jippermetti, f'konformità mad-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, li partijiet terzi interessati jaċċessaw informazzjoni fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-assi fiżiċi aggravati, l-attribuzzjoni ta' sjieda, id-dokumentazzjoni u l-attribuzzjoni ta' aggravar u l-infurzabbiltà tal-interessi ta' garanzija.

4.  Għall-finijiet tal-punt (c) tal-paragrafu 1, bonds koperti ggarantiti minn self lill-impriżi pubbliċi jew garantiti minnhom bħala assi primarji għandhom ikunu soġġetti għal livell minimu ta' 10 % ta' sovrakollateralizzazzjoni, kif definit fl-Artikolu 3(12), u għall-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)  l-impriżi pubbliċi jipprovdu servizzi pubbliċi essenzjali fuq il-bażi ta' liċenzja, kuntratt ta' konċessjoni jew forma oħra ta' inkarigu mogħti minn awtorità pubblika;

(b)  l-impriżi pubbliċi huma suġġetti għal superviżjoni pubblika;

(c)  l-impriżi pubbliċi jkollhom biżżejjed setgħat ta' ġenerazzjoni ta' dħul, li huma żgurati minn tali impriżi pubbliċi:

(i)  ikollhom flessibbiltà adegwata biex jiġbru u jżidu l-miżati, it-tariffi u r-riċevibbli għas-servizz ipprovdut sabiex jiżguraw is-sodezza finanzjarja u s-solvenza tagħhom,

(ii)  jirċievu biżżejjed għotjiet fuq bażi statutorja sabiex jiżguraw is-solidità finanzjarja tagħhom u s-solvenza tagħhom bi skambju għall-forniment ta' servizzi pubbliċi essenzjali, jew

(iii)  li jkunu daħlu fi ftehim ta' trasferiment ta' qligħ u telf ma' awtorità pubblika.

5.  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-metodoloġija u l-proċess għall-valutazzjoni tal-assi fiżiċi użati bħala assi kollaterali msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1. Dawk ir-regoli għandhom tal-anqas jiżguraw dan li ġej:

(a)  għal kull assi kollaterali fiżiku, li valutazzjoni kurrenti f'valur tas-suq jew anqas minn valur tas-suq jew valur tas-self ipotekarju jeżistu fil-mument tal-inklużjoni tal-assi tal-kopertura fl-aggregazzjoni ta' kopertura;

(b)  li l-valutazzjoni titwettaq minn valutatur li għandu l-kwalifiki, il-kapaċità u l-esperjenza meħtieġa; u

(c)  li l-valutatur ikun indipendenti mill-proċess ta' deċiżjoni ta' kreditu, ma jikkunsidrax l-elementi spekulattivi fil-valutazzjoni tal-valur tal-assi tal-kollateral u jiddokumenta l-valur tal-assi tal-kollateral b'mod trasparenti u ċar.

6.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-istituzzjonijiet ta' kreditu li joħorġu l-bonds koperti jkollhom fis-seħħ proċeduri biex jimmonitorjaw li l-assi fiżiċi li jintużaw bħala assi kollaterali msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 ikunu assigurati b'mod adegwat kontra r-riskju ta' ħsara u li l-pretensjoni tal-assigurazzjoni tiġi segregata f'konformità mal-Artikolu 12.

7.  ▌L-Istati Membri għandhom jirrikjedu lill-istituzzjonijiet ta' kreditu li joħorġu l-bonds koperti jiddokumentaw l-assi ta' kopertura kif imsemmi fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 u l-konformità tal-politiki tagħhom tas-self▌ma' dan l-Artikolu.

8.  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli li jiżguraw id-diversifikazzjoni tar-riskju fl-aggregazzjoni tal-kopertura fir-rigward tal-granularità u l-konċentrazzjoni materjali għal assi mhux imsemmija bħala eliġibbli taħt il-punt (a) tal-paragrafu 1.

Artikolu 7

Assi kollaterali li jinsabu barra mill-Unjoni

1.  Soġġetti għall-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-istituzzjonijiet ta' kreditu li joħorġu bonds koperti biex jinkludu fl-aggregazzjoni ta' kopertura, assi ggarantiti minn assi kollaterali li jinsabu barra l-Unjoni.

2.  Meta l-Istati Membri jippermettu l-inklużjoni tal-assi msemmija fil-paragrafu 1, huma għandhom jiżguraw il-protezzjoni tal-investituri billi jirrikjedu li l-istituzzjonijiet ta' kreditu jivverifikaw li dawk l-assi kollaterali jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk l-assi kollaterali joffru livell simili ta' sigurtà għall-assi kollaterali li jinsabu fl-Unjoni u li r-realizzazzjoni ta' dawk l-assi kollaterali tkun legalment infurzabbli b'tali mod li fil-fatt tkun ekwivalenti għat-twettiq ta' assi kollaterali li jinsabu fl-Unjoni.

Artikolu 8

Strutturi ta' bonds koperti miġbura intragrupp

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxi regoli rigward l-użu ta' strutturi ta' bonds koperti miġbura intragrupp li taħthom bonds koperti maħruġin minn istituzzjoni ta' kreditu li tappartjeni għal grupp ("bonds koperti maħruġin internament") huma użati bħala assi ta' kopertura għall-ħruġ estern ta' bonds koperti minn istituzzjoni ta' kreditu oħra li tappartjeni għall-istess grupp ("bonds koperti maħruġin esternament"). Dawk ir-regoli għandhom jinkludu għall-inqas ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)  il-bonds koperti maħruġin internament jinbiegħu lill-istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds koperti maħruġin esternament;

(b)  il-bonds koperti maħruġin internament, li jintużaw bħala assi ta' kopertura fl-aggregazzjoni ta' kopertura għall-bonds koperti maħruġin esternament u rreġistrati fuq il-karta bilanċjali tal-istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds koperti maħruġin esternament;

(ba)  l-aggregazzjoni ta' kopertura għal bonds koperti maħruġin esternament tikkontjeni biss bonds koperti maħruġin internament maħruġin minn istituzzjoni ta' kreditu waħda fi ħdan il-grupp;

(c)  l-istituzzjoni ta' kreditu li esternament ħarġet bonds koperti għandha l-intenzjoni li tbiegħhom lill-investituri f'bonds koperti barra mill-grupp;

(d)  kemm il-bonds koperti maħruġin internament kif ukoll dawk maħruġin esternament jikkwalifikaw għall-iskala 1 tal-kwalità kreditizja, kif imsemmi fil-Parti Tlieta, it-Titolu II, il-Kapitolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fil-ħin tal-ħruġ u huma garantiti permezz ta' assi ta' kopertura eliġibbli kif imsemmi fl-Artikolu 6;

(da)  fil-każ ta' strutturi ta' bonds koperti miġbura intragrupp transkonfinali, l-assi ta' kopertura tal-bonds koperti maħruġin internament jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' eliġibbiltà u ta' kopertura tal-bonds koperti maħruġin esternament.

Għall-finijiet tal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jippermettu l-bonds koperti li jikkwalifikaw għall-iskala 2 tal-kwalità tal-kreditu wara bidla li tnaqqas l-iskala tal-kwalità kreditizja tagħhom biex ikomplu jkunu parti minn struttura ta' bonds koperti miġbura intragrupp diment li l-awtoritajiet kompetenti jikkonkludu li l-bidla fl-iskala tal-kwalità kreditizja ma tkunx dovuta għal ksur tar-rekwiżiti għall-permess kif stabbilit fid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 19(2). L-awtoritajiet kompetenti għandhom sussegwentement jinnotifikaw lill-EBA dwar kwalunkwe deċiżjoni skont dan is-subparagrafu.

Artikolu 9

Finanzjament konġunt

1.  l-Istati Membri għandhom jippermettu assi eliġibbli ta' kopertura li oriġinaw minn istituzzjoni ta' kreditu u li nxtraw minn istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ bonds koperti biex jintużaw bħala assi ta' kopertura għall-ħruġ ta' bonds koperti. L-Istati Membri għandhom jirregolaw tali xirjiet sabiex jiżguraw li r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 6 u 12 jiġu ssodisfati.

2.  Minbarra r-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jippermettu trasferimenti permezz ta' arranġament kollaterali finanzjarju skont id-Direttiva 2002/47/KE.

L-Istati Membri jistgħu jippermettu wkoll li assi li oriġinaw minn impriża li mhijiex istituzzjoni ta' kreditu jintużaw bħala assi ta' kopertura. Meta l-Istati Membri jeżerċitaw dik l-għażla, huma għandhom jirrikjedu li l-istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds koperti jew tivvaluta l-istandards tal-għoti ta' kreditu tal-impriża li minnha tixtri l-assi ta' kopertura, jew hija stess twettaq valutazzjoni bir-reqqa tal-affidabbiltà kreditizja tal-mutwatarju.

Artikolu 10

Kompożizzjoni tal-aggregazzjoni ta' kopertura

L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-protezzjoni tal-investitur billi jistabbilixxu regoli dwar il-kompożizzjoni tal-aggregazzjonijiet ta' kopertura. Ir-regoli għandhom jiddeskrivu, fejn rilevanti, il-kondizzjonijiet għall-istituzzjonijiet ta' kreditu li joħorġu bonds koperti sabiex jinkludu assi ta' kopertura primarji li għandhom karatteristiċi differenti f'termini ta' karatteristiċi strutturali, tal-ħajja,▌tal-profil tar-riskju tal-assi ta' kopertura kkonċernati.

Artikolu 11

Kuntratti tad-derivattivi fl-aggregazzjoni ta' kopertura

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw protezzjoni tal-investituri billi jippermettu l-inklużjoni ta' kuntratti tad-derivattivi fl-aggregazzjoni ta' kopertura biss meta jiġu ssodisfati mill-inqas ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)  il-kuntratti tad-derivattivi jkunu inklużi fl-aggregazzjoni ta' kopertura esklussivament għal finijiet ta' hedging kontra r-riskju, il-volum tagħhom jiġi aġġustat f'każ ta' tnaqqis fir-riskju iħħeġġjat u jitneħħew meta r-riskju ħħeġġjat ma jibqax jeżisti;

(b)  il-kuntratti tad-derivattivi jkunu dokumentati biżżejjed;

(c)  il-kuntratti tad-derivattivi jkunu ssegregati f'konformità mal-Artikolu 12;

(d)  il-kuntratti tad-derivattivi ma jkunux jistgħu jintemmu f'każ ta' insolvenza jew riżoluzzjoni tal-istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds koperti;

(e)  il-kuntratti tad-derivattivi jikkonformaw mar-regoli stabbiliti f'konformità mal-paragrafu 2.

2.  Sabiex tiġi żgurata konformità mar-rekwiżiti elenkati fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli għal kuntratti tad-derivattivi fl-aggregazzjoni tal-koperturi▌.

Dawk ir-regoli għandhom jispeċifikaw, sa fejn ikun rilevanti:

(a)  il-kriterji ta' eliġibbiltà għall-kontropartijiet tal-hedging;

(b)   id-dokumentazzjoni meħtieġa li għandha tingħata fir-rigward tal-kuntratti tad-derivattivi.

Artikolu 12

Segregazzjoni tal-assi ta' kopertura

1.  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli li jirregolaw is-segregazzjoni tal-assi▌ta' kopertura. Dawk ir-regoli għandhom jinkludu mill-anqas ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)  l-assi kollha▌ta' kopertura jkunu identifikabbli mill-istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds koperti f'kull ħin;

(b)  l-assi kollha▌ta' kopertura jkunu soġġetti għal segregazzjoni legalment vinkolanti u ġuridikament eżegwibbli mill-istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds koperti;

(c)  l-assi kollha▌ta' kopertura jkunu protetti minn kull pretensjoni ta' parti terza u ma jiffurmawx parti mill-proprjetà ta' insolvenza tal-istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds ta' kopertura sa ma tiġi ssodisfata l-pretensjoni ta' prijorità skont il-punt b tal-Artikolu 4(1).

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, l-assi▌ta' kopertura għandhom jinkludu kull kollateral irċevut f'rabta mal-pożizzjonijiet tal-kuntratti tad-derivattivi.

2.  Is-segregazzjoni tal-assi▌ta' kopertura msemmija fil-paragrafu 1 għandhom japplikaw ukoll fil-każ ta' insolvenza jew riżoluzzjoni tal-istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds koperti.

Artikolu 13

Monitor tal-aggregazzjoni ta' kopertura

1.  L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-istituzzjonijiet ta' kreditu li joħorġu l-bonds koperti jaħtru monitor tal-aggregazzjoni ta' kopertura sabiex jitwettaq monitoraġġ kontinwu tal-aggregazzjoni ta' kopertura fir-rigward tar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 6 sa 12 u l-Artikoli 14 sa 17.

2.  Meta l-Istati Membri jeżerċitaw l-għażla prevista fil-paragrafu 1, huma għandhom jistabbilixxu regoli tal-inqas dwar l-aspetti li ġejjin:

(a)  il-ħatra u t-tkeċċija tal-monitor tal-aggregazzjoni ta' kopertura;

(b)  kull kriterju ta' eliġibbiltà għall-monitor tal-aggregazzjoni ta' kopertura;

(c)  ir-rwol u d-dmirijiet tal-monitor tal-aggregazzjoni ta' kopertura, inkluż fil-każ ta' insolvenza jew riżoluzzjoni tal-istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds koperti;

(d)  l-obbligu li jsir rapport lill-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2);

(e)  id-dritt ta' aċċess għal informazzjoni meħtieġa għat-twettiq tad-dmirijiet tal-monitor tal-aggregazzjoni ta' kopertura.

3.   Fejn Stati Membri jeżerċitaw l-għażla pprovduta fil-paragrafu 1, il-monitor tal-aggregazzjoni ta' kopertura għandu jkun separat u indipendenti mill-istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds koperti u mill-awditur ta' dik l-istituzzjoni ta' kreditu.

4.  l-Istati Membri jistgħu jippermettu kontrollur tal-aggregazzjoni tal-kopertura li ma jkunx separat mill-istituzzjoni ta' kreditu meta:

(a)  il-monitor tal-aggregazzjoni ta' kopertura interna huwa indipendenti mill-proċess ta' deċiżjoni ta' kreditu tal-istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds koperti;

(b)  mingħajr preġudizzju għall-ittra (a) tal-paragrafu 2, l-Istati Membri jiżguraw li l-monitor tal-aggregazzjoni ta' kopertura interna ma għandux jitneħħa mill-funzjoni bħala superviżur tal-aggregazzjoni tal-kopertura mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-korp maniġerjali tal-istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds koperti fil-funzjoni superviżorja tiegħu; u

(c)  il-monitor tal-aggregazzjoni ta' kopertura interna jkollu aċċess dirett għall-korp maniġerjali fil-funzjoni superviżorja tiegħu fejn meħtieġ.

4.  Meta l-Istati Membri jeżerċitaw l-għażla prevista fil-paragrafu 1, huma għandhom jinnotifikaw lill-EBA.

Artikolu 14

Informazzjoni għall-investitur

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds koperti tipprovdi informazzjoni dwar il-programmi ta' bonds koperti li tkun biżżejjed dettaljata sabiex tippermetti lill-investituri jivvalutaw il-profil u r-riskji ta' dak il-programm u jwettqu d-diliġenza dovuta tagħhom.

2.  Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni tingħata lill-investituri mill-inqas fuq bażi trimestrali u tinkludi l-informazzjoni minima dwar il-portafoll li ġejja:

(a)  il-valur tal-aggregazzjoni ta' kopertura u l-bonds koperti pendenti;

(aa)  lista tan-Numru Internazzjonali għall-Identifikazzjoni tat-Titoli (ISINs) għall-ħruġ ta' bonds koperti kollha taħt dak il-programm;

(b)  id-distribuzzjoni ġeografika u t-tip ta' assi▌ta' kopertura, id-daqs tas-self tagħhom u l-metodu ta' evalwazzjoni;

(c)  id-dettalji fir-rigward tar-riskju tas-suq, inklużi r-riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax u r-riskju fil-munita, u riskji relatati mal-kreditu u l-likwidità;

(d)  l-istruttura tal-maturità tal-assi▌ta' kopertura u ta' bonds koperti, inkluż, jekk applikabbli, ħarsa ġenerali tal-iskattaturi tal-estensjoni tal-maturità;

(e)  il-livelli ta'▌ kopertura meħtieġa u disponibbli, u tas-sovrakollateralizzazzjoni statutorja, kuntrattwali u volontarja;

(f)  il-perċentwal ta' self fejn inadempjenza titqies li tkun seħħet skont l-Artikolu 178 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u fi kwalunkwe każ fejn is-self ikun ilu li skada aktar minn disgħin jum.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li għal bonds koperti maħruġin esternament fi strutturi ta' bonds koperti aggregati intragrupp kif imsemmi fl-Artikolu 8, l-informazzjoni msemmija fil-punti (a) sa (f) tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, jew konnessjoni għaliha, tiġi pprovduta lill-investituri fir-rigward tal-bonds koperti kollha maħruġin internament tal-grupp.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dik l-informazzjoni tingħata lill-investituri għall-inqas fuq bażi aggregata. ▌

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-protezzjoni tal-investituri billi jirrikjedu lill-istituzzjonijiet ta' kreditu li joħorġu l-bonds koperti jippubblikaw l-informazzjoni li tkun disponibbli għall-investituri fuq is-sit web tagħhom, f'konformità mal-paragrafi 1 u 2. L-Istati Membri ma jistgħux jeħtieġu li dawk l-istituzzjonijiet ta' kreditu jippubblikaw dik l-informazzjoni fuq il-karta.

Taqsima II

Rekwiżiti ta' kopertura u ta' likwidità

Artikolu 15

Rekwiżiti ta' kopertura

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-protezzjoni tal-investituri billi jirrikjedu li l-programmi ta' bonds koperti jikkonformaw il-ħin kollu tal-inqas mar-rekwiżiti ta' kopertura fil-paragrafi 2 sa 8.

2.  L-obbligazzjonijiet kollha tal-bonds koperti għandhom ikunu koperti minn pretensjonijiet ta' pagament marbuta mal-assi ta' kopertura.

3.  L-obbligazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 jinkludu:

(a)  l-obbligi għall-pagament tal-ammont prinċipali ta' bonds koperti pendenti;

(b)  l-obbligi għall-pagament ta' kwalunkwe imgħax fuq bonds koperti pendenti;

(c)  obbligazzjonijiet tal-pagament marbuta ma' kuntratti tad-derivattivi miżmuma f'konformità mal-Artikolu 11; u

(d)  il-kostijiet mistennija relatati mal-manutenzjoni u l-amministrazzjoni għat-tmiem tal-programm ta' bonds koperti.

Għall-finijiet tal-punt (d) l-Istati Membri jistgħu jippermettu kalkolu ta' somma f'daqqa.

4.  L-assi li ġejjin ta' kopertura għandhom jikkontribwixxu għar-rekwiżit ta' kopertura:

(a)   l-assi primarji;

(b)   l-assi ta' sostituzzjoni;

(c)   l-assi likwidi miżmuma f'konformità mal-Artikolu 16; u

(d)  pretensjonijiet ta' pagament marbuta ma' kuntratti tad-derivattivi miżmuma f'konformità mal-Artikolu 11.

Pretensjonijiet mhux kollateralizzati fejn jitqies li tkun seħħet inadempjenza skont l-Artikolu 178 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, ma jikkontribwux għall-kopertura.

5.  Għall-finijiet tal-punt (c) tal-paragrafu 3 u l-punt (d) tal-paragrafu 4, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli għal valutazzjoni ta' kuntratti tad-derivattivi.

6.  Il-kalkolu tal-kopertura meħtieġa għandu jiżgura li l-ammont aggregat prinċipali tal-assi kollha ta' kopertura huwa indaqs jew jeċċedi l-ammont aggregat prinċipali ta' bonds koperti pendenti ("prinċipju nominali").

▌L-Istati Membri jistgħu jippermettu prinċipji oħra ta' kalkolu sakemm dawn ma jirriżultawx f'proporzjon ta' kopertura ogħla minn dak ikkalkolat taħt il-prinċipju nominali.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-kalkolu ta' kwalunkwe imgħax pagabbli u riċevibbli fir-rigward ta' bonds koperti pendenti, li għandhom jirriflettu prinċipji prudenzjali sodi f'konformità mal-istandards kontabilistiċi applikabbli.

7.  B'deroga mill-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 6, l-Istati Membri jistgħu, b'mod li jirrifletti prinċipji prudenzjali sodi u f'konformità ma' standards kontabilistiċi applikabbli, jippermettu imgħax futur riċevibbli fuq l-assi ta' kopertura nett ta' mgħax futur pagabbli fuq il-bond kopert korrispondenti li għandu jiġi kkunsidrat sabiex jiġi bbilanċjat kwalunkwe nuqqas fil-kopertura tal-obbligu tal-pagament prinċipali marbut mal-bond kopert, fejn hemm korrispondenza mill-qrib skont it-tifsira tal-Artikolu 2 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 523/2014, soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)  il-pagamenti riċevuti matul il-ħajja tal-assi ta' kopertura u meħtieġa biex jiġi kopert l-obbligu ta' pagament marbut mal-bond kopert korrispondenti huma segregati f'konformità mal-Artikolu 12 jew inklużi fl-aggregazzjoni ta' kopertura fil-forma ta' assi ta' kopertura msemmija fl-Artikolu 6 sakemm il-pagamenti jkunu dovuti; u

(b)  il-pagament minn qabel tal-assi ta' kopertura huwa possibbli biss permezz tal-eżerċitar tal-opzjoni ta' konsenja, kif definita fir-regolament ta' delega adottat skont l-Artikolu 33(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jew, fil-każ ta' bonds koperti eżerċitabbli b'parità mill-istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds koperti, permezz ta' mutwatarju ta' assi ta' kopertura li mill-inqas iħallas l-ammont b'parità ta' bond kopert.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kalkolu ta' assi u l-kalkolu tal-obbligazzjonijiet ikunu bbażati fuq l-istess metodoloġija. L-Istati Membri jistgħu jippermettu metodoloġiji ta' kalkolu differenti, sakemm dawn ma jirriżultawx fi proporzjon ogħla ta' kopertura minn dak ikkalkulat taħt l-istess metodoloġija.

Artikolu 16

Rekwiżiti għal riżervi ta' likwidità tal-aggregazzjoni ta' kopertura

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw protezzjoni tal-investituri billi jirrikjedu li l-aggregazzjoni ta' kopertura tinkludi dejjem riżervi ta' likwidità magħmula mill-assi likwidi disponibbli sabiex jiġi kopert il-ħruġ nett tal-likwidità tal-programm ta' bonds koperti.

2.  Ir-riżervi ta' likwidità tal-aggregazzjoni ta' kopertura għandhom ikopru l-ħruġ nett tal-likwidità massimu akkumulat għal 180 jum kalendarju.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-riżervi ta' likwidità tal-aggregazzjoni ta' kopertura msemmija fil-paragrafu 1 ikunu jikkonsistu mit-tipi ta' assi li ġejjin, segregati f'konformità mal-Artikolu 12 ta' din id-Direttiva:

(a)  assi li jikkwalifikaw bħala assi ta' livell 1, livell 2A jew livell 2B skont l-Artikoli 10, 11 u 12 tar-regolament ta' delega adottat skont l-Artikolu 460 tar-Regolament (UE) 575/2013, ivvalutati f'konformità mal-Artikolu 9 ta' dak ir-regolament ta' delega, u mhux ħruġ tiegħu stess f'konformità mal-Artikolu 7(3) ta' dak ir-regolament ta' delega;

(b)  skoperturi fuq terminu qasir għall-istituzzjonijiet ta' kreditu li jikkwalifikaw għall-iskala tal-kwalità kreditizja 1 jew 2, jew depożiti fuq terminu qasir għall-istituzzjonijiet ta' kreditu li jikkwalifikaw għall-iskala tal-kwalità kreditizja 1, 2 jew 3 f'konformità mal-Artikolu 129(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jillimitaw it-tipi ta' assi likwidi msemmija fil-punti (a) sa (b) tal-ewwel subparagrafu.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pretensjonijiet mhux kollateralizzati minn skoperturi kkunsidrati inadempjenti f'konformità mal-Artikolu 178 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 ma jistgħux jikkontribwixxu għar-riżervi ta' likwidità tal-aggregazzjoni ta' kopertura.

4.  Fejn l-istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds koperti tkun soġġetta għal rekwiżiti ta' likwidità stabbiliti f'atti oħra tad-dritt tal-Unjoni li jirriżultaw f'trikkib mar-riżerva ta' likwidità tal-aggregazzjoni ta' kopertura, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx ir-regoli nazzjonali li jittrasponu l-paragrafi 1, 2 u 3 għall-perjodu previst f'dawk l-atti tad-dritt tal-Unjoni▌. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu minn dik l-għażla biss sad-data li fiha tkun tapplika emenda għal dawk l-atti legali tal-Unjoni biex jiġi eliminat it-trikkib u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-EBA fejn jagħmlu dan.

5.  L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-kalkolu tal-kapital għal strutturi ta' maturità li jistgħu jiġu estiżi jkun ibbażat fuq id-data tal-maturità finali f'konformità mat-termini u l-kundizzjonijiet tal-bond kopert.

6.  L-Istati Membri jistgħu jippermettu li r-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 1 ma japplikawx għal bonds koperti li jkunu soġġetti għal rekwiżiti ta' finanzjament simetriku.

Artikolu 17

Kundizzjonijiet għal strutturi ta' maturità li jistgħu jiġu estiżi

1.  L-Istati Membri jistgħu jippermettu l-ħruġ ta' bonds koperti bi strutturi ta' maturità li jistgħu jiġu estiżi meta l-protezzjoni tal-investituri tkun żgurata tal-inqas b'dan li ġej:

(a)  il-maturità tista' tiġi estiża biss soġġetta għal skattaturi oġġettivi stabbiliti fil-liġi nazzjonali, u mhux fid-diskrezzjoni tal-istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds koperti;

(b)  l-iskattaturi tal-estensjoni tal-maturità huma speċifikati fit-termini u l-kundizzjonijiet kuntrattwali tal-bond kopert;

(c)  l-informazzjoni li tingħata lill-investitur dwar l-istruttura tal-maturità tkun biżżejjed sabiex huma jkunu jistgħu jiddeterminaw ir-riskju tal-bond kopert, u tinkludi deskrizzjoni dettaljata ta':

(i)  l-iskattaturi tal-estensjonijiet tal-maturità;

(ii)  il-konsegwenzi▌tal-insolvenza jew tar-riżoluzzjoni tal-istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds koperti għal estensjoni tal-maturità;

(iii)  ir-rwol tal-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2) u, fejn rilevanti, tal-amministratur speċjali fir-rigward tal-estensjoni tal-maturità▌;

(d)  id-data finali tal-maturità tal-bond kopert tkun tista' tiġi determinata f'kull mument;

(e)  fil-każ ta' insolvenza jew ta' riżoluzzjoni tal-istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds koperti, l-estensjonijiet tal-maturità ma jaffettwawx il-klassifikazzjoni tal-investituri tal-bonds koperti jew jibdlu s-sekwenzar tal-iskeda ta' maturità oriġinali tal-programm tal-bonds koperti;

(f)  l-estensjoni tal-maturità ma tibdilx il-karatteristiċi strutturali ta' bonds koperti li jirrigwardaw ir-rikors doppju, kif imsemmi fl-Artikolu 4, u l-protezzjoni mill-falliment, kif imsemmi fl-Artikolu 5.

2.  L-Istati Membri li jippermettu l-ħruġ ta' bonds koperti bi strutturi ta' maturità li jistgħu jiġu estiżi għandhom jinnotifikaw lill-EBA dwar dan.

TITOLU III

SUPERVIŻJONI PUBBLIKA TA' BONDS KOPERTI

Artikolu 18

Superviżjoni pubblika ta' bonds koperti

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-protezzjoni tal-investituri billi jipprevedu li l-ħruġ ta' bonds koperti jkun suġġett għal superviżjoni pubblika ta' bonds koperti.

2.  Għall-finijiet tas-superviżjoni pubblika ta' bonds koperti msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità kompetenti waħda jew aktar. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-EBA dwar dawn l-awtoritajiet maħtura u għandhom jindikaw kull diviżjoni tal-funzjonijiet u tad-dmirijiet.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont il-paragrafu 2 jimmonitorjaw il-ħruġ ta' bonds koperti sabiex jivvalutaw il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta' kreditu li joħorġu l-bonds koperti jirreġistraw it-tranżazzjonijiet kollha tagħhom relatati mal-programm ta' bonds koperti u jkollhom fis-seħħ sistemi u proċessi ta' dokumentazzjoni adegwati u xierqa.

5.  L-Istati Membri għandhom ikomplu jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ miżuri xierqa sabiex jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti maħtura skont il-paragrafu 2 jiksbu l-informazzjoni meħtieġa sabiex jivvalutaw il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, jinvestigaw ksur possibbli ta' dawn ir-rekwiżiti, u jimponu penali amministrattivi u miżuri oħra amministrattivi f'konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 23.

6.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont il-paragrafu 2 ikollhom il-kompetenza, ir-riżorsi, il-kapaċità operattiva, is-setgħat u l-indipendenza meħtieġa sabiex iwettqu l-funzjonijiet relatati mas-superviżjoni pubblika ta' bonds koperti.

Artikolu 19

Permess għal programmi ta' bonds koperti

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-protezzjoni tal-investituri billi jirrikjedu permess biex jinkiseb programm ta' bonds koperti qabel jinħarġu l-bonds koperti taħt dan il-programm. L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2) is-setgħa li jagħtu dawn il-permessi.

2.  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-rekwiżiti għall-permess imsemmi fil-paragrafu 1, inklużi tal-inqas dawn li ġejjin:

(a)  programm adegwat ta' operazzjonijiet li jistabbilixxi l-ħruġ ta' bonds koperti;

(b)  politiki, proċessi u metodoloġiji adegwati mmirati lejn il-protezzjoni tal-investituri għall-approvazzjoni, l-emendar, it-tiġdid u r-rifinanzjament ta' self inkluż fl-aggregazzjoni ta' kopertura;

(c)  maniġment u persunal iddedikati għall-programm ta' bonds koperti li jkollhom kwalifiki u għarfien adegwat dwar il-ħruġ ta' bonds koperti u l-amministrazzjoni tal-programm ta' bonds koperti;

(d)  stabbiliment amministrattiv tal-aggregazzjoni ta' kopertura u tal-monitoraġġ tagħha li jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli stabbiliti fid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.

Artikolu 20

Superviżjoni pubblika ta' bonds koperti f'każ ta' insolvenza jew riżoluzzjoni

1.  L-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2) għandhom jikkooperaw mal-awtorità ta' riżoluzzjoni f'każ ta' riżoluzzjoni ta' istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds koperti, sabiex jiżguraw li d-drittijiet u l-interessi tal-investituri f'bonds koperti jiġu ppreservati, inkluż, tal-inqas, billi jivverifikaw il-ġestjoni kontinwa u kompetenti tal-programm ta' bonds koperti matul il-perjodu tal-proċess ta' riżoluzzjoni.

2.  L-Istati Membri jistgħu jipprevedu għall-ħatra ta' amministratur speċjali▌sabiex jiżgura li d-drittijiet u l-interessi tal-investituri f'bonds koperti jiġu ppreservati, inkluż, mill-inqas, billi jivverifikaw il-ġestjoni kontinwa u kompetenti tal-programm ta' bonds koperti matul il-perjodu neċessarju.

Meta l-Istati Membri jużaw dik l-għażla, huma jistgħu jirrikjedu li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom maħtura skont l-Artikolu 18(2) japprovaw il-ħatra u t-tkeċċija tal-amministratur speċjali u għandhom tal-inqas jirrikjedu li l-awtoritajiet kompetenti jiġu kkonsultati dwar il-ħatra u t-tkeċċija tal-amministratur speċjali.

3.  Fejn l-Istati Membri jipprevedu l-ħatra ta' amministratur speċjali f'konformità mal-paragrafu 2, huma għandhom jadottaw regoli li jistabbilixxu l-kompiti u r-responsabbiltajiet ta' dan l-amministratur speċjali, tal-inqas fir-rigward ta':

(a)  it-tneħħija tal-obbligazzjonijiet marbutin mal-bonds koperti;

(b)  il-ġestjoni u r-realizzazzjoni tal-assi▌ta' kopertura, inkluż it-trasferiment tagħhom flimkien ma' obbligazzjonijiet ta' bonds koperti għal istituzzjoni ta' kreditu oħra li toħroġ il-bonds koperti;

(c)  it-tranżazzjonijiet legali meħtieġa għall-amministrazzjoni xierqa tal-aggregazzjoni ta' kopertura, għall-monitoraġġ kontinwu ta' kopertura tal-obbligazzjonijiet marbuta mal-bonds koperti, biex jingħata bidu għall-proċedimenti sabiex jerġgħu jiddaħħlu lura assi fl-aggregazzjoni ta' kopertura u għat-trasferiment ta' dawk l-assi li jifdal għall-proprjetà tal-insolvenza tal-istituzzjoni ta' kreditu li ħarġet il-bonds koperti wara li jiġu ssodisfati l-obbligazzjonijiet kollha ta' bonds koperti. Għal dawk il-finijiet, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li amministratur speċjali jopera, fil-każ ta' insolvenza tal-istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds koperti, taħt l-awtorizzazzjoni miżmuma minn dik l-istituzzjoni ta' kreditu, soġġett għall-istess rekwiżiti operazzjonali.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-koordinazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni għall-finijiet tal-proċess ta' insolvenza jew riżoluzzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2), l-amministratur speċjali, fejn tali amministratur ikun ġie maħtur, u l-awtorità ta' riżoluzzjoni.

Artikolu 21

Rapportar lill-awtoritajiet kompetenti

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-protezzjoni tal-investituri billi jirrikjedu lill-istituzzjonijiet ta' kreditu li joħorġu l-bonds koperti jirrapportaw l-informazzjoni stipulata fil-paragrafu 2 dwar il-programmi ta' bonds koperti lill-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2). Ir-rapportar għandu jsir fuq bażi regolari u fuq talba ta' dawk l-awtoritajiet kompetenti. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-frekwenza ta' dak ir-rapportar▌regolari.

2.  L-obbligi tar-rapportar stabbiliti skont il-paragrafu 1 għandhom jirrikjedu li l-informazzjoni li għandha tingħata tinkludi mill-inqas informazzjoni dwar▌dan li ġej:

(c)  l-eliġibbiltà tar-rekwiżiti tal-assi u tal-aggregazzjoni ta' kopertura f'konformità mal-Artikoli 6 sa 11;

(d)  is-segregazzjoni tal-assi▌ta' kopertura f'konformità mal-Artikolu 12;

(e)  il-funzjonament tal-monitor tal-aggregazzjoni ta' kopertura f'konformità mal-Artikolu 13;

(g)  ir-rekwiżiti ta' kopertura f'konformità mal-Artikolu 15;

(h)  ir-riżervi ta' likwidità tal-aggregazzjoni ta' kopertura f'konformità mal-Artikolu 16;

(i)  il-kundizzjonijiet għal strutturi ta' maturità li jistgħu jiġu estiżi f'konformità mal-Artikolu 17.

3.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu regoli dwar ir-rapportar▌stipulati fil-paragrafu 2 mill-istituzzjonijiet ta' kreditu li joħorġu l-bonds koperti lill-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2) f'każ ta' insolvenza jew ta' riżoluzzjoni ta' istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds koperti.

Artikolu 22

Setgħat tal-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tas-superviżjoni pubblika ta' bonds koperti

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-protezzjoni tal-investituri billi jagħtu lill-awtoritajiet kompetenti nominati skont l-Artikolu 18(2) is-setgħat kollha ta' superviżjoni, ta' investigazzjoni u ta' sanzjonar li huma meħtieġa biex jitwettaq il-kompitu tas-superviżjoni pubblika ta' bonds koperti.

2.  Is-setgħat imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom mill-anqas jinkludu dan li ġej:

(a)  is-setgħa li jingħataw jew jiġu mċaħħda l-permessi skont l-Artikolu 19;

(b)  is-setgħa li l-programm ta' bonds koperti jiġi rieżaminat b'mod regolari sabiex tiġi vvalutata l-konformità ma' din id-Direttiva;

(c)  is-setgħa li jitwettqu verifiki fuq il-post u mhux fuq il-post;

(d)  is-setgħa li jimponu▌penali amministrattivi u miżuri oħra amministrattivi f'konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 23;

(e)  is-setgħa li jiġu adottati u implimentati linji gwida superviżorji relatati mal-ħruġ ta' bonds koperti.

Artikolu 23

Penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra

1.  Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jipprovdu pieni kriminali, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli li jistabbilixxu penali amministrattivi u miżuri amministrattivi xierqa li mill-inqas japplikaw fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)  istituzzjoni ta' kreditu tkun kisbet permess għal programm ta' bonds koperti permezz ta' dikjarazzjonijiet foloz jew mezzi irregolari oħra;

(b)  istituzzjoni ta' kreditu ma tkunx għadha tissodisfa l-kundizzjonijiet li taħthom ingħata permess għal programm ta' bonds koperti;

(c)  istituzzjoni ta' kreditu toħroġ bonds koperti mingħajr ma tikseb il-permess f'konformità mad-dispożizzjonijiet li jittrasponu l-Artikolu 19;

(d)  istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds koperti tonqos milli tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fid-dispożizzjonijiet li jittrasponu l-Artikolu 4;

(e)  istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds koperti toħroġ bonds koperti li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti stabbiliti fid-dispożizzjonijiet li jittrasponu l-Artikolu 5;

(f)  istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds koperti toħroġ bonds koperti mhux kollateralizzati f'konformità mad-dispożizzjonijiet li jittrasponu l-Artikolu 6;

(g)  istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds koperti toħroġ bonds koperti li huma kollateralizzati minn assi li jinsabu barra mill-Unjoni fi ksur tar-rekwiżiti stabbiliti fid-dispożizzjonijiet li jittrasponu l-Artikolu 7;

(h)  istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds koperti toħroġ bonds koperti kollateralizzati minn assi li jinsabu barra mill-Unjoni bi ksur tar-rekwiżiti stabbiliti fid-dispożizzjonijiet li jittrasponu l-Artikolu 8;

(i)  istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds koperti tonqos milli tissodisfa l-kundizzjonijiet għal finanzjament konġunt stabbiliti fid-dispożizzjonijiet li jittrasponu l-Artikolu 9;

(j)  istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds koperti tonqos milli tissodisfa r-rekwiżiti tal-kompożizzjoni tal-aggregazzjoni ta' kopertura stabbiliti fid-dispożizzjonijiet li jittrasponu l-Artikolu 10;

(k)  istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds koperti tinkludi kuntratti tad-derivattivi fl-aggregazzjoni ta' kopertura għal skopijiet differenti minn dawk ta' hedging jew tonqos milli tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fid-dispożizzjonijiet li jittrasponu l-Artikolu 11;

(l)  istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds koperti tonqos milli tissodisfa r-rekwiżiti tas-segregazzjoni tal-assi▌ta' kopertura f'konformità mad-dispożizzjonijiet li jittrasponu l-Artikolu 12;

(m)  istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds koperti tonqos milli tirrapporta informazzjoni jew tipprovdi informazzjoni mhux kompluta jew mhux preċiża bi ksur tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu l-Artikolu 14;

(n)  istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds koperti b'mod ripetut jew persistenti tonqos milli żżomm riżervi ta' likwidità tal-aggregazzjoni ta' kopertura bi ksur tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu l-Artikolu 16;

(o)  istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ il-bonds koperti bi strutturi ta' maturità li jistgħu jiġu estiżi tonqos milli tissodisfa l-kundizzjonijiet għal strutturi ta' maturità li jistgħu jiġu estiżi li huma stabbiliti fid-dispożizzjonijiet li jittrasponu l-Artikolu 17;

(p)  istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ bonds koperti tonqos milli tirrapporta informazzjoni jew tipprovdi informazzjoni mhux kompluta jew mhux preċiża dwar l-obbligazzjonijiet bi ksur tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu l-punti (a) sa (i) tal-Artikolu 21(2).

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jipprovdux regoli għal pieni amministrattivi jew miżuri oħra amministrattivi għal ksur li huwa soġġett għal pieni kriminali taħt id-dritt nazzjonali tagħhom. F'dawn il-każijiet, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi kriminali.

2.  Il-penali jew il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u, tal-inqas, għandhom jinkludu dawn li ġejjin:

(a)  irtirar ta' permess għal programm ta' bonds koperti;

(b)  dikjarazzjoni pubblika, li tindika l-identità tal-persuna fiżika jew ġuridika u n-natura tal-ksur f'konformità mal-Artikolu 24;

(c)  ordni li titlob lill-persuna fiżika jew ġuridika biex tieqaf minn din l-imġiba u ma tirrepetihiex;

(d)  penali pekunarji amministrattivi.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-penali▌u l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 jiġu implimentati b'mod effettiv.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta jiddeterminaw it-tip ta' penali amministrattivi jew miżuri amministrattivi oħra u l-ammont ta' dawn il-penali pekunarji amministrattivi, l-awtoritajiet kompetenti jqisu ċ-ċirkostanzi kollha li ġejjin, fejn ikun rilevanti:

(a)  il-gravità u d-durata tal-ksur;

(b)  il-grad ta' responsabbiltà tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-ksur;

(c)  is-saħħa finanzjarja tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-ksur, inkluż b'referenza għall-fatturat totali ta' persuna ġuridika jew l-introjtu annwali ta' persuna fiżika;

(d)  l-importanza tal-profitti miksuba jew it-telf evitat minħabba l-ksur mill-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-ksur, sa fejn ikunu jistgħu jiġu ddeterminati;

(e)  it-telf ikkawżat lil partijiet terzi mill-ksur, sa fejn dan it-telf ikun jista' jiġi ddeterminat;

(f)  il-livell ta' kooperazzjoni mill-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-ksur mal-awtoritajiet kompetenti;

(g)  il-ksur preċedenti mill-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-ksur;

(h)  kull konsegwenza sistemika reali jew potenzjali tal-ksur.

5.  Meta d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 japplikaw għall-persuni ġuridiċi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2) japplikaw il-penali amministrattivi u l-miżuri oħra amministrattivi stipulati fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għal membri tal-korp maniġerjali, u għal individwi oħrajn li huma responsabbli għall-ksur skont il-liġi nazzjonali.

6.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2), qabel ma jieħdu deċiżjoni li timponi penali amministrattivi jew miżuri oħra amministrattivi kif stipulat fil-paragrafu 2, jagħtu lill-persuna fiżika jew ġuridika kkonċernata l-opportunità li ssemma' leħinha. L-eċċezzjonijiet għad-dritt li wieħed jinstema' jistgħu japplikaw għall-adozzjoni ta' dawk il-miżuri amministrattivi l-oħra fejn hija meħtieġa azzjoni urġenti sabiex jiġi evitat telf sinifikanti għal partijiet terzi jew dannu sinifikanti lis-sistema finanzjarja. F'każ bħal dan, il-persuna kkonċernata għandha tingħata l-opportunità li tinstema' mill-aktar fis possibbli wara l-adozzjoni ta' din il-miżura amministrattiva u, fejn meħtieġ, dik il-miżura għandha tiġi riveduta.

7.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe deċiżjoni li timponi penali amministrattivi jew miżuri amministrattivi oħra kif stipulat fil-paragrafu 2 tkun motivata kif xieraq u tkun soġġetta għad-dritt tal-appell.

Artikolu 24

Pubblikazzjoni ta' penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dispożizzjonijiet li jittrasponu din id-Direttiva jinkludu regoli li jirrikjedu li l-penali amministrattivi u l-miżuri amministrattivi oħra jiġu ppubblikati mingħajr dewmien żejjed fuq is-siti web uffiċjali tal-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2). L-istess obbligi japplikaw meta Stat Membru jiddeċiedi li jipprovdi pieni kriminali skont l-ewwel sentenza u l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 23(1).

2.  Ir-regoli adottati skont il-paragrafu 1 għandhom mill-inqas jirrikjedu l-pubblikazzjoni ta' kull deċiżjoni li ma ġietx appellata u li ma tistax tiġi appellata u li hija imposta għall-ksur tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu din id-Direttiva.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li din il-pubblikazzjoni tinkludi informazzjoni dwar it-tip u n-natura tal-ksur u l-identità tal-persuna fiżika jew ġuridika li fuqha tiġi imposta l-penali jew miżura. Soġġett għall-paragrafu 4, l-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li tali informazzjoni tiġi ppubblikata mingħajr dewmien żejjed wara li d-destinatarju jkun ġie infurmat dwar dik il-piena jew il-miżura kif ukoll dwar il-pubblikazzjoni fuq is-siti web uffiċjali tal-awtoritajiet kompetenti tad-deċiżjoni li timponi dik il-piena jew dik il-miżura.

4.  Meta l-Istati Membri jippermettu l-pubblikazzjoni ta' deċiżjoni li timponi penali li dwarhom ikun hemm appell pendenti, l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2) għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jippubblikaw ukoll fuq is-siti web uffiċjali tagħhom, informazzjoni dwar l-istatus tal-appell u l-eżitu tiegħu.

5.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2) jippubblikaw id-deċiżjoni li timponi l-penali jew miżuri fuq bażi anonima u f'konformità mal-liġi nazzjonali, f'kull waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)  meta l-penali jew miżura tkun ġiet imposta fuq persuna fiżika u l-pubblikazzjoni tad-data personali tinstab li tkun sproporzjonata;

(b)  meta l-pubblikazzjoni tipperikola l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji jew investigazzjoni kriminali li tkun għadha għaddejja;

(c)  meta l-pubblikazzjoni tikkawża, sa fejn dan ikun jista' jiġi ddeterminat, dannu sproporzjonat lill-istituzzjonijiet jew lill-persuni fiżiċi involuti.

6.  Fejn Stat Membru jippubblika deċiżjoni li timponi penali jew sanzjoni jew miżura fuq bażi anonima, dan jista' jippermettu li l-pubblikazzjoni tad-data rilevanti tiġi posposta.

7.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull deċiżjoni finali mill-qorti li tannulla deċiżjoni li timponi penali jew miżura▌tiġi ppubblikata wkoll.

8.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull pubblikazzjoni msemmija fil-paragrafi minn 2 sa 6 tibqa' fuq is-siti web uffiċjali tal-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2) għal tal-anqas ħames snin mid-data tal-pubblikazzjoni. Data personali li tinsab fil-pubblikazzjoni għandha tinżamm biss fuq is-sit web uffiċjali għall-perjodu li huwa meħtieġ u f'konformità mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data personali. Tali perjodu ta' żamma għandu jiġi ddeterminat billi jitqiesu l-perjodi ta' limitazzjoni previsti fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri kkonċernati iżda fi kwalunkwe każ m'għandux ikun itwal minn għaxar snin.

9.  L-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2) għandhom jinfurmaw lill-EBA dwar kull penali amministrattiva u miżuri amministrattivi oħra imposta, inkluż, fejn ikun xieraq, kull appell b'rabta magħha u l-eżitu ta' dan. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jirċievu informazzjoni u dettalji tas-sentenza finali b'rabta ma' kull penali kriminali impost, li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jippreżentaw ukoll lill-EBA.

10.  L-EBA għandha żżomm bażi ċentrali ta' data tal-penali amministrattivi jew miżuri amministrattivi oħra kkomunikati lilha. Il-bażi ta' data għandha tkun aċċessibbli biss lill-awtoritajiet kompetenti u għandha tiġi aġġornata fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti f'konformità mal-paragrafu 9.

Artikolu 25

Obbligi ta' kooperazzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2) jikkooperaw mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti li jwettqu s-superviżjoni ġenerali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu f'konformità mad-dritt tal-Unjoni rilevanti applikabbli għal dawn l-istituzzjonijiet u mal-awtorità tar-riżoluzzjoni fil-każ ta' riżoluzzjoni ta' istituzzjoni ta' kreditu li toħroġ bonds koperti.

2.  L-Istati Membri għandhom ikomplu jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2) jikkooperaw mill-qrib ma' xulxin. Dik il-kooperazzjoni għandha tinkludi li dawn l-awtoritajiet jagħtu lil xulxin kull informazzjoni li tkun rilevanti għall-eżerċitar tal-kompiti ta' superviżjoni tal-awtoritajiet l-oħra skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.

3.  Għall-finijiet tat-tieni sentenza tal-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2) iwettqu dan li ġej:

(a)  jikkomunikaw l-informazzjoni rilevanti kollha fuq talba ta' awtorità kompetenti oħra maħtura skont l-Artikolu 18(2);

(b)  fuq inizjattiva tagħhom stess jikkomunikaw kull informazzjoni essenzjali lil awtoritajiet kompetenti oħra maħtura skont l-Artikolu 18(2) fi Stati Membri oħra.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 jikkooperaw mal-EBA, jew fejn rilevanti, mal-ESMA għall-finijiet ta' din id-Direttiva.

5.  Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, l-informazzjoni għandha titqies bħala essenzjali jekk tkun tista' tinfluwenza b'mod materjali l-valutazzjoni tal-ħruġ ta' bonds koperti fi Stat Membru ieħor.

Artikolu 26

Rekwiżiti ta' żvelar

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni li ġejja tiġi ppubblikata mill-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2) fuq is-siti web uffiċjali tagħhom:

(a)  it-testi tal-liġijiet nazzjonali, ir-regolamenti, ir-regoli amministrattivi u l-gwida ġenerali tagħhom adottati fir-rigward tal-ħruġ ta' bonds koperti;

(b)  il-lista ta' istituzzjonijiet ta' kreditu li għandhom il-permess joħorġu bonds koperti;

(c)  il-lista ta' bonds koperti li jistgħu▌jużaw it-tikketta "Bond Kopert Ewropew" u l-lista ta' bonds koperti li jistgħu jużaw it-tikketta "Bond Kopert Ewropew (Premium)".

2.  L-informazzjoni ppubblikata f'konformità mal-paragrafu 1 għandha tkun suffiċjenti biex ikun jista' jsir paragun sodisfaċenti rigward l-approċċi adottati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri differenti. Din l-informazzjoni għandha tiġi aġġornata biex tikkunsidra kull bidla.

3.  Għall-finijiet tal-punti (b) u (c) tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2) għandhom▌jinnotifikaw lill-EBA dwar il-listi ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u bonds koperti fuq bażi annwali.

TITOLU IV

TIKKETTAR

Artikolu 27

Tikkettar

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tikketta "Bonds Koperti Ewropej" u t-traduzzjoni uffiċjali tagħha bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni tintuża biss għal bonds koperti li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fid-dispożizzjonijiet li jittrasponu din id-Direttiva.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tikketta "Bond Kopert Ewropew (Premium)" u t-traduzzjoni uffiċjali tagħha bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni tintuża biss għal bonds koperti li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fid-dispożizzjonijiet li jittrasponu din id-Direttiva u mar-rekwiżiti tal-Artikolu 129 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

TITOLU V

EMENDI GĦAL DIRETTIVI OĦRA

Artikolu 28

Emenda għad-Direttiva 2009/65/KE

L-Artikolu 52(4) tad-Direttiva 2009/65/KE huwa emendat kif ġej:

(1)  l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"L-Istati Membri jistgħu jgħollu l-limitu ta' 5 % stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għal massimu ta' 25 % għal bonds li nħarġu qabel [OP: Jekk jogħġbok daħħal id-data stipulata fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(1) ta' din id-Direttiva + jum wieħed] u ssodisfaw ir-rekwiżiti stipulati f'dan il-paragrafu, fil-verżjoni applikabbli fid-data tal-ħruġ tagħhom, jew meta l-bonds jaqgħu taħt id-definizzjoni ta' bonds koperti f'konformità mal-punt (1) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 20XX/XX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*.

____________________________

* [OP: Jekk jogħġbok daħħal ir-referenza għad-Direttiva (UE) …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' … dwar il-ħruġ ta' bonds koperti u s-superviżjoni pubblika ta' bonds koperti u li temenda d-Direttiva 2009/65/KE u d-Direttiva 2014/59/UE (ĠU C […], […], p. […])].";

"

(2)  it-tielet subparagrafu huwa mħassar.

Artikolu 29

Emenda għad-Direttiva 2014/59/UE

Fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2014/59/UE, il-punt 96 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"(96) "bond kopert" tfisser strument kif imsemmi fl-Artikolu 52(4) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*, fil-verżjoni applikabbli fid-data tal-ħruġ, u maħruġ qabel ... [OP: Jekk jogħġbok daħħal id-data stipulata fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(1) ta' din id-Direttiva + jum wieħed] jew bond kopert kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 20XX/XX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill**;

__________________________________

* Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

** [OP: Jekk jogħġbok daħħal ir-referenza għad-Direttiva (UE) …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' … dwar il-ħruġ ta' bonds koperti u s-superviżjoni pubblika ta' bonds koperti u li temenda d-Direttiva 2009/65/KE u d-Direttiva 2014/59/UE (ĠU C […], […], p. […])].".

"

TITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 30

Miżuri ta' tranżizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li bonds koperti maħruġin qabel [OP: Jekk jogħġbok daħħal id-data stipulata fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(1) ta' din id-Direttiva + jum wieħed] u li jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 52(4) tad-Direttiva 2009/65/KE, fil-verżjoni applikabbli fid-data tal-ħruġ tagħhom, ma jkunux soġġetti għar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 5 sa 12 u l-Artikoli 15, 16, 17 u 19 ta' din id-Direttiva, iżda jistgħu jkomplu jissemmew bħala bonds koperti f'konformità ma' din id-Direttiva sal-maturità tagħhom.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2) ta' din id-Direttiva jissorveljaw il-konformità ta' bonds koperti maħruġin qabel ... [OP: Jekk jogħġbok daħħal id-data stipulata fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(1) ta' din id-Direttiva + jum wieħed] mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 52(4) tad-Direttiva 2009/65/KE fil-verżjoni applikabbli fid-data tal-ħruġ tagħhom kif ukoll mar-rekwiżit ta' din id-Direttiva applikabbli f'konformità mal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

2.  L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-ewwel paragrafu japplika wkoll għal ħruġ ta' bonds koperti li għalihom il-ftuħ tal-ISIN ikun qabel ... [OP: Jekk jogħġbok daħħal id-data stipulata fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(1) ta' din id-Direttiva] sa 24 xahar wara …[OP: Jekk jogħġbok daħħal id-data stipulata fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(1) ta' din id-Direttiva] dment li dawk il-ħruġ ikunu konformi mar-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)  id-data tal-maturità tal-bond kopert hija qabel ... [OP: Jekk jogħġbok daħħal id-data stipulata fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(1) ta' din id-Direttiva + ħames snin];

(b)  id-daqs tal-ħruġ totali ta' ħruġ tap li jsiru wara ... [OP: Jekk jogħġbok daħħal id-data stipulata fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(1) ta' din id-Direttiva + jum wieħed] ma jeċċedix id-doppju tad-daqs ta' ħruġ totali tal-bonds koperti pendenti fil- … [OP: Jekk jogħġbok daħħal id-data stipulata fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(1) ta' din id-Direttiva + jum wieħed];

(c)  id-daqs totali tal-ħruġ tal-bond kopert fil-maturità ma jaqbiżx EUR 6 000 000 000 jew l-ammont ekwivalenti fil-munita domestika;

(d)  l-assi kollaterali jinsabu fl-Istat Membru li eżerċita dik l-għażla meta ttraspona din id-Direttiva.

Artikolu 31

Rieżami u rapporti

1.  Sa XX [OP: Jekk jogħġbok daħħal id-data stipulata fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(1) ta' din id-Direttiva + sentejn], il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-EBA, għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien ma' proposta leġiżlattiva, jekk xieraq, dwar jekk u kif reġim ta' ekwivalenza jistax jiġi introdott għal istituzzjonijiet ta' kreditu ta' pajjiżi terzi li joħorġu l-bonds koperti u għal investituri f'dawk il-bonds koperti, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi internazzjonali fil-qasam ta' bonds koperti, b'mod partikolari l-iżvilupp tal-oqfsa leġiżlattivi fil-pajjiżi terzi.

2.  Sa XX [OP: Jekk jogħġbok daħħal id-data stipulata fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(1) ta' din id-Direttiva + tliet snin], il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-EBA, għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva fir-rigward tal-livell tal-protezzjoni tal-investituri u l-iżviluppi li jirrigwardaw il-ħruġ ta' bonds koperti fl-Unjoni, u rakkomandazzjonijiet għal azzjoni ulterjuri. Ir-rapport għandu jinkludi l-iżviluppi li ġejjin:

(a)  l-iżviluppi li jirrigwardaw l-għadd ta' permessi għall-ħruġ ta' bonds koperti;

(b)  l-iżviluppi li jirrigwardaw l-għadd ta' bonds koperti maħruġin f'konformità mad-dispożizzjonijiet li jittrasponu din id-Direttiva u mal-Artikolu 129 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(c)  l-iżviluppi li jirrigwardaw l-assi li jikkollateralizzaw il-ħruġ ta' bonds koperti;

(d)  l-iżviluppi li jirrigwardaw il-livell ta' sovrakollateralizzazzjoni;

(e)  l-investimenti transfruntiera fil-bonds koperti, inkluż investiment intern minn u estern▌lejn pajjiżi terzi;

(f)  l-iżviluppi li jirrigwardaw il-ħruġ ta' bonds koperti bi strutturi ta' maturità li jistgħu jiġu estiżi;

(g)  żviluppi rigward ir-riskji u l-benefiċċji tal-użu tal-iskoperturi kif imsemmija fl-Artikolu 129 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(h)  il-funzjonament tas-swieq tal-bonds koperti.

3.  Għall-finijiet tal-paragrafu 2, sa ... [OP: Jekk jogħġbok daħħal id-data stipulata fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(1) ta' din id-Direttiva + sentejn], l-Istati Membri għandhom jibagħtu informazzjoni dwar il-punti (a) sa (g) lill-Kummissjoni.

4.  Sa ... [OP: Jekk jogħġbok daħħal id-data stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(1) ta' din id-Direttiva + sentejn], wara li tordna u tirċievi studju li jivvaluta r-riskji u l-benefiċċji li jirriżultaw minn bonds koperti bi strutturi ta' maturità li jistgħu jiġu estiżi u wara konsultazzjoni mal-EBA, il-Kummissjoni għandha tadotta rapport u għandha tissottometti dak l-istudju lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien ma' proposta leġiżlattiva, jekk xieraq.

5.  Sa ... [OP: Jekk jogħġbok daħħal id-data stipulata fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(1) ta' din id-Direttiva + sentejn], il-Kummissjoni għandha tadotta rapport dwar il-possibbiltà li jiġi introdott strument ta' rikors doppju bl-isem Noti Garantiti Ewropej. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien ma' proposta leġiżlattiva, fejn adatt.

Artikolu 32

Traspożizzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard minn ... [għandha tiddaħħal – dħul fis-seħħ + 18-il xahar] il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-testi ta' dawk id-dispożizzjonijiet.

Għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet l-aktar tard minn ... [skadenza tat-traspożizzjoni + 12-il xahar].

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza mal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

Artikolu 33

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 34

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi ...,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

Dikjarazzjoni dwar il-bidla fir-Regolament Delegat (UE) 2015/61 fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ kopertura tal-likwidità għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu

Ir-rekwiżiti għal riżerva ta’ likwidità ddedikata għal bonds koperti stabbiliti fl-Artikolu 16 tal-proposta għal [Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħruġ ta’ bonds koperti u s-superviżjoni pubblika ta’ bonds koperti u li temenda d-Direttiva 2009/65/KE u d-Direttiva 2014/59/UE] jistgħu jirriżultaw f’sovrapożizzjoni mar-rekwiżiti għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex iżommu bafer ta’ likwidità ġenerali, kif stipulat fir-Regolament Delegat (UE) 2015/61.

Sabiex tindirizza din id-duplikazzjoni u tiżgura, fl-istess ħin, li bafer ta’ likwidità ddedikat għal bonds koperti jiġi applikat ukoll matul il-perjodu kopert mill-Proporzjon tal-Kopertura tal-Likwidità (LCR), il-Kummissjoni hija lesta li temenda r-Regolament Delegat (UE) 2015/61 sabiex tipprovdi għas-sitwazzjoni speċifika ta’ bonds koperti. Din l-emenda għandha tiġi adottata fil-ħin sabiex tkun tista’ tidħol fis-seħħ qabel id-data tal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-ħruġ ta’ bonds koperti u s-superviżjoni ta’ bonds koperti.

(1)* IL-FINALIZZAZZJONI LEGALI-LINGWISTIKA TA' DAN IT-TEST GĦADHA MA SARITX.
(2)ĠU C 367, 10.10.2018, p. 56.
(3) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2019.
(4)Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).
(5)Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
(6)Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/61 tal-10 ta' Ottubru 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-rekwiżit ta' kopertura tal-likwidità għall-Istituzzjonijiet ta' Kreditu (ĠU L 11, 17.1.2015, p. 1).
(7)Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/35 tal-10 ta' Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2009/138/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u r-Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 12, 17.1.2015, p. 1).
(8)Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).
(9)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-finanzjament ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (BERS/2012/2) (2013/C 119/01).
(10)"EBA report on EU covered bond frameworks and capital treatment" (Rapport tal-EBA dwar l-oqfsa tal-UE ta' bonds koperti u t-trattament tal-kapital) (2014).
(11)"Report on covered bonds - Recommendations on harmonisation of covered bond frameworks in the EU" (Rapport dwar il-bonds koperti - Rakkomandazzjonijiet dwar l-armonizzazzjoni tal-oqsfa ta' bonds koperti fl-UE) (2016), EBA-Op-2016-23.
(12)Id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64).
(13)ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.
(14)Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).
(15)[ĠU C (…).]

Aġġornata l-aħħar: 24 ta' April 2019Avviż legali