Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/0179(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0363/2018

Testi mressqa :

A8-0363/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2019 - 5
CRE 18/04/2019 - 5

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2019 - 10.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0435

Testi adottati
PDF 276kWORD 79k
Il-Ħamis, 18 ta' April 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Divulgazzjonijiet relatati ma' investimenti sostenibbli u riskji għas-sostenibbiltà ***I
P8_TA-PROV(2019)0435A8-0363/2018
Riżoluzzjoni
 Test konsolidat

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar divulgazzjonijiet relatati ma' investimenti sostenibbli u riskji għas-sostenibbiltà u li jemenda d-Direttiva (UE) 2016/2341 (COM(2018)0354 – C8-0208/2018 – 2018/0179(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0354),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0208/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta’ Ottubru 2019(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-5 ta’ Diċembru 2018(2),

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tas-27 ta’ Marzu 2019, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0363/2018),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU C 62, 15.2.2019, p. 97.
(2)ĠU C 86, 7.3.2019, p. 24.


Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-18 ta' April 2019 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ▌ divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji(1)
P8_TC1-COD(2018)0179

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew(2),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(3),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja(4),

Billi:

(-1)   Fil-25 ta’ Settembru 2015, l-Assemblea Ġenerali tan-NU adottat qafas globali ġdid għall-iżvilupp sostenibbli: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli(5), li għandha fil-qalba tagħha l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs). Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2016 dwar il-passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli(6) torbot l-SDGs mal-qafas ta’ politika tal-Unjoni biex jiġi żġurat li l-azzjonijiet u l-inizjattivi ta’ politika kollha tal-Unjoni, kemm fl-Unjoni kif ukoll fuq livell dinji, jieħdu inkonsiderazzjoni mill-bidu nett l-SDGs. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta’ Ġunju 2017(7) ikkonfermaw l-impenn tal-Unjoni u tal-Istati Membri, fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 b’mod sħiħ, koerenti, komprensiv, integrat u effettiv, u f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ sħab u ma’ partijiet ikkonċernati oħra.

(1)  It-transizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, aktar sostenibbli, effiċjenti fir-riżorsi u ċirkolari f'konformità mal-SDGs hija kruċjali biex tiġi żgurata l-kompetittività fit-tul tal-ekonomija tal-Unjoni. Il-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima (COP21) li ġie ratifikat mill-Unjoni fil-5 ta’ Ottubru 2016(8) u li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Novembru 2016, għandu l-għan li jsaħħaħ ir-rispons għat-tibdil fil-klima, fost mezzi oħra, billi jagħmel il-flussi finanzjarji konsistenti ma’ perkors lejn emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet serra u l-iżvilupp reżistenti għat-tibdil fil-klima.

Sabiex jintlaħqu l-għanijiet fit-tul dwar it-tisħin globali tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima u biex jitnaqqsu b'mod sinifikanti r-riskji u l-impatti tat-tibdil fil-klima, l-objettiv globali jenħtieġ li jkun li ż-żieda fit-temperatura medja globali tinżamm sew taħt iż-2°C 'il fuq mil-livelli preindustrijali u li jitkomplew l-isforzi biex iż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal 1.5°C 'il fuq mil-livelli preindustrijali.

(2)  Objettiv komuni tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(9), id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(10), id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(11), id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(12), id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(13), id-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(14), id-Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(15), ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(16), ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(17) u r-Regolament (UE) Nru XYZ tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

[ĠU – jekk jogħġbok daħħal ir-referenza għar-Regolament dwar Prodott tal-Pensjoni Personali pan-Ewropew (PEPP)] huwa li jiġi ffaċilitat l-bidu u t-tkomplija tal-attivitajiet tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS), l-istituzzjonijiet ta' kreditu, il-maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattivi (AIFMs) li jimmaniġġjaw u/jew jikkumerċjalizzaw fondi ta’ investiment alternattivi, inkluż fondi ta' investiment Ewropej fit-tul f'konformità mar-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(18), l-impriżi tal-assigurazzjoni, id-ditti tal-investiment, l-intermedjarji tal-assigurazzjoni, l-istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali (IORPs), il-maniġers ta’ fondi kwalifikanti ta’ kapital ta’ riskju (maniġers tal-EuVECA), ▌ il-maniġers ta’ fondi kwalifikanti ta’ intraprenditorija soċjali (maniġers tal-EuSEF) u fornituri tal-Prodotti tal-Pensjoni Personali pan-Ewropej. Dawn id-Direttivi u r-Regolamenti jiżguraw protezzjoni aktar uniformi tal-investituri ▌ aħħarin u jagħmluha aktar faċli għalihom biex jibbenefikaw minn firxa wiesgħa ta’ prodotti u servizzi finanzjarji (prodotti finanzjarji), u fl-istess ħin jipprevedu regoli li jippermettu lill-investituri aħħarin jiddeċiedu b'mod infurmat dwar investimenti.

Filwaqt li dawn l-għanijiet fil-biċċa l-kbira tagħhom intlaħqu, id-divulgazzjonijiet lill-investituri aħħarin dwar l-integrazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà, il-kunsiderazzjoni ta' impatti avversi għas-sostenibbiltà u l-għanijiet ta' investimenti sostenibbli jew karatteristiċi ambjentali jew soċjali, jew it-taħlita ta' dawk il-karatteristiċi, fit-teħid ta' deċiżjonijiet ta' investiment minn kumpanniji maniġerjali tal-UCITS, AIFMs, impriżi tal-assigurazzjoni li jqiegħdu għad-dispożizzjoni ta' investituri fil-livell tal-konsumatur kif ukoll investituri professjonali prodotti ta’ investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni (IBIPs), istituzzjonijiet ta' kreditu li jipprovdu mmaniġġar ta' portafolji, ditti tal-investiment li jipprovdu mmaniġġar ta' portafolji, IORPs, fornituri tal-pensjoni, maniġers tal-EUVECA u maniġers tal-EUSEF u fornituri tal-PEPP (parteċipanti fis-swieq finanzjarji) u d-divulgazzjonijiet lill-investituri aħħarin dwar l-integrazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà u l-kunsiderazzjoni ta' impatti avversi għas-sostenibbiltà fi proċessi konsultattivi minn intermedjarji tal-assigurazzjoni u impriżi tal-assigurazzjoni li jipprovdu parir dwar l-assigurazzjoni fir-rigward tal-prodotti tal-IBIPs lil investituri fil-livell tal-konsumatur kif ukoll investituri professjonali, istituzzjonijiet ta' kreditu li jipprovdu parir dwar l-investiment, AFIMs li jipprovdu parir dwar l-investiment, kumpanniji maniġerjali tal-UCITS li jipprovdu parir dwar l-investiment u ditti ta' investiment li jipprovdu parir dwar l-investiment bl-eċċezzjoni ta' intermedjarji tal-assigurazzjoni u ditti ta' investiment li huma intrapriżi irrispettivament mill-forma legali tagħhom, inkluż persuni fiżiċi jew persuni li jaħdmu għal rashom li jimpjegaw anqas minn tliet persuni (konsulenti finanzjarji) mhumiex żviluppati biżżejjed peress li dawn id-divulgazzjonijiet għadhom mhumiex soġġetti għal rekwiżiti armonizzati. L-eżenzjoni għal konsulenti finanzjarji li jużaw anqas minn tliet persuni minn dan ir-Regolament jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/65/UE u d-Direttiva (UE) 2016/97, b'mod partikolari r-regoli dwar l-investiment u l-parir dwar l-assigurazzjoni. Dan ifisser li filwaqt li tali konsulenti mhumiex obbligati li jipprovdu informazzjoni f'konformità ma' dan ir-Regolament, fil-proċessi konsultattivi tagħhom huma għandhom iqisu u jieħdu kont tar-riskji għas-sostenibbiltà.

L-entitajiet koperti minn dan ir-Regolament, skont in-natura tal-attivitajiet tagħhom, jenħtieġ li jikkonformaw mar-regoli dwar il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jekk jimmanifatturaw prodotti finanzjarji jew dwar konsulenti finanzjarji fejn jipprovdu parir dwar l-investiment jew parir dwar l-assigurazzjoni. Għaldaqstant f'sitwazzjonijiet fejn l-entitajiet iwettqu fl-istess ħin attivitajiet kemm ta' parteċipanti fis-swieq finanzjarji kif ukoll ta' konsulenti finanzjarji, jenħtieġ li dawk l-entitajiet jitqiesu parteċipanti fis-swieq finanzjarji jekk jaġixxu fil-kapaċità ta' manifatturi ta' prodotti finanzjarji, inkluż proviżjonament ta' mmaniġġjar tal-portafoll, u konsulenti finanzjarji jekk jipprovdu parir dwar l-investiment jew parir dwar l-assigurazzjoni, għall-finijiet ta' divulgazzjonijiet b'rabta mal-attivitajiet inkwistjoni skont dan ir-Regolament.

Peress li kull ma jmur l-Unjoni qed tkun kkonfrontata mill-konsegwenzi katastrofiċi u imprevedibbli tat-tibdil fil-klima, it-tnaqqis tar-riżorsi u kwistjonijiet oħra relatati mas-sostenibbiltà, hija meħtieġa azzjoni urġenti biex jiġi mmobilizzat il-kapital mhux biss permezz ta' politiki pubbliċi iżda anki permezz tas-settur tas-servizzi finanzjarji. Sabiex jadattaw għal din ir-realità l-ġdida, jenħtieġ li l-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u l-konsulenti finanzjarji jiġu meħtieġa jiddivulgaw informazzjoni speċifika dwar l-approċċi tagħhom għall-integrazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà u l-kunsiderazzjoni tal-impatti avversi għas-sostenibbiltà.

(3)  Fin-nuqqas ta’ regoli armonizzati tal-Unjoni dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà lill-investituri aħħarin, huwa probabbli li ser jibqgħu jiġu adottati miżuri diverġenti fil-livell nazzjonali u approċċi differenti fis-setturi tas-servizzi finanzjarji differenti jistgħu jibqgħu jippersistu. Miżuri u approċċi diverġenti bħal dawn ikomplu jikkawżaw distorsjonijiet tal-kompetizzjoni sinifikanti li jirriżultaw minn differenzi sinifikanti fl-istandards ta’ divulgazzjoni. Barra minn hekk, żvilupp parallel tal-prattiki bbażati fuq is-suq, fuq il-bażi ta’ prijoritajiet immexxija mill-kummerċ li jipproduċu riżultati diverġenti, attwalment jikkawża frammentazzjoni ulterjuri tas-suq u jista’ jaggrava ulterjorment ineffiċjenzi fil-funzjonament tas-suq intern fil-futur. L-istandards diverġenti tad-divulgazzjoni u l-prattiki bbażati fuq is-suq jagħmluha diffiċli ħafna li jsir paragun bejn prodotti finanzjarji differenti ▌ u joħolqu kundizzjonijiet mhux ekwi bejn dawn il-prodotti ▌ u bejn il-kanali ta’ distribuzzjoni, u joħolqu ostakli addizzjonali għas-suq intern. Dawn id-diverġenzi jistgħu joħolqu wkoll konfużjoni għall-investituri aħħarin u jistgħu jfixklu d-deċiżjonijiet ta’ investiment tagħhom. Fl-iżgurar tal-konformità mal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima, hemm riskju li l-Istati Membri ser jadottaw miżuri nazzjonali diverġenti li jistgħu joħolqu ostakli għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern u jkunu ta' detriment għall-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u l-konsulenti finanzjarji. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ regoli armonizzati relatati mat-trasparenza jagħmilha diffiċli għall-investituri aħħarin biex iqabblu b’mod effettiv il-prodotti finanzjarji ▌ differenti fl-Istati Membri differenti f’dak li jirrigwarda r-riskju ambjentali, soċjali u ta’ governanza tagħhom u l-objettivi ta’ investiment sostenibbli. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu eżaminati l-ostakli eżistenti għall-funzjonament tas-suq intern u li tissaħħaħ il-komparabbiltà tal-prodotti finanzjarji sabiex jiġu evitati ostakli futuri probabbli.

(3a)   Dan ir-Regolament għandu l-għan li jnaqqas asimetriji ta’ informazzjoni f'relazzjonijiet ta' prinċipal-aġent fir-rigward tal-integrazzjoni ta’ riskji għas-sostenibbiltà, il-kunsiderazzjoni ta' impatti avversi għas-sostenibbiltà u l-promozzjoni ta' karatteristiċi ambjentali jew soċjali kif ukoll investiment sostenibbli permezz ta' divulgazzjonijiet prekuntrattwali u kontinwi għal investituri aħħarin, li jaġixxu bħala prinċipali, minn partiċipanti tas-suq finanzjarju jew konsulenti finanzjarji, li jaġixxu bħala aġenti f'isem il-prinċipali.

(3b)   Dan ir-Regolament jistipula rekwiżiti ta' divulgazzjoni li jissuplimentaw ir-regoli minquxin fid-Direttiva 2009/65/KE, id-Direttiva 2009/138/KE, id-Direttiva 2011/61/UE, id-Direttiva 2014/65/UE, id-Direttiva (UE) 2016/97, id-Direttiva (UE) 2016/2341, ir-Regolament (UE) Nru 345/2013, ir-Regolament (UE) Nru 346/2013, ir-Regolament (UE) 2015/760 u r-Regolament (UE) Nru XYZ tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [ĠU – jekk jogħġbok daħħal ir-referenza għar-Regolament dwar Prodott tal-Pensjoni Personali pan-Ewropew (PEPP)] u l-liġi nazzjonali li tirregola prodotti tal-pensjoni personali u individwali. Sabiex tiġi żgurata superviżjoni ordnata u effettiva tal-konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Istati Membri joqgħodu fuq awtoritajiet kompetenti diġà maħtura skont ir-regoli msemmija hawn fuq. Fejn ir-regoli msemmija hawn fuq mhumiex adattati direttament minn dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Istati Membri jaħtru l-awtoritajiet kompetenti f'dan ir-rigward.

(3c)   Dan ir-Regolament isostni r-rekwiżiti għall-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u l-konsulenti finanzjarji li jaġixxu fl-aħjar interess tal-investituri aħħarin, b'mod li jinkludi iżda li ma jkunx limitat għal twettiq tad-diliġenza dovuta adegwata qabel ma jsir investiment, kif minqux fid-Direttiva 2009/65/KE, id-Direttiva 2009/138/KE, id-Direttiva 2011/61/UE, id-Direttiva 2013/36/UE, id-Direttiva 2014/65/UE, id-Direttiva (UE) 2016/97, id-Direttiva (UE) 2016/2341, ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 u r-Regolament (UE) Nru 346/2013 u l-liġi nazzjonali li tirregola prodotti tal-pensjoni personali u individwali. Sabiex jikkonformaw mad-dmirijiet tagħhom skont dawk ir-regoli, jenħtieġ li l-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u l-konsulenti finanzjarji jintegraw fil-proċessi tagħhom, inkluż fil-proċessi tad-diliġenza dovuta tagħhom, u jivvalutaw fuq bażi kontinwa, mhux biss ir-riskji finanzjarji rilevanti kollha iżda wkoll ir-riskji għas-sostenibbiltà rilevanti kollha li jista' jkollhom impatt negattiv sostanzjali rilevanti fuq ir-ritorn finanzjarju ta' investiment u ta' parir rispettivament. Bħala konsegwenza, skont dan ir-Regolament parteċipanti fis-swieq finanzjarji u konsulenti finanzjarji jenħtieġ li jispeċifikaw fil-politiki tagħhom kif huma jintegraw dawk ir-riskji u jippubblikaw dawk il-politiki.

(3d)   Huwa għalhekk li dan ir-Regolament jistabbilixxi l-obbligu fuq il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u l-konsulenti finanzjarji li jipprovdu rispettivament parir dwar l-investiment jew parir dwar l-assigurazzjoni fir-rigward ta' IBIPs, irrispettivament mit-tfassil tal-prodotti finanzjarji u s-suq fil-mira, li jippubblikaw politiki bil-miktub dwar l-integrazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà u li jiżguraw it-trasparenza tal-integrazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà.

(3e)   Jenħtieġ li riskju għas-sostenibbiltà jfisser avveniment jew kundizzjoni inċerta fil-qasam ambjentali, soċjali jew ta' governanza li, jekk dawn iseħħu, jistgħu jikkawżaw impatt materjali negattiv sostanzjali fuq il-valur tal-investiment, kif speċifikat fil-leġislazzjoni settorjali, b'mod partikolari fid-Direttiva 2009/65/KE, id-Direttiva 2009/138/KE, id-Direttiva 2011/61/UE, id-Direttiva 2013/36/UE, id-Direttiva 2014/65/UE, id-Direttiva (UE) 2016/97, id-Direttiva (UE) 2016/2341, jew atti delegati u standards tekniċi regolatorji adottati f'konformità magħhom.

(3f)   Dan ir-regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar l-integrazzjoni tar-riskju skont id-Direttiva 2009/65/KE, id-Direttiva 2009/138/KE, id-Direttiva 2011/61/UE, id-Direttiva 2013/36/UE, id-Direttiva 2014/65/UE, id-Direttiva (UE) 2016/97, id-Direttiva (UE) 2016/2341, ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 u r-Regolament (UE) Nru 346/2013 u l-liġi nazzjonali li tirregola prodotti tal-pensjoni personali u individwali, inkluż iżda mhux limitat għall-kriterji ta’ proporzjonalità applikabbli rilevanti bħad-daqs, l-organizzazzjoni interna u n-natura, l-ambitu u l-kumplessità tal-attivitajiet inkwistjoni. Dan ir-Regolament ifittex li jikseb aktar trasparenza dwar kif il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u l-konsulenti finanzjarji jintegraw riskji għas-sostenibbiltà fid-deċiżjonijiet ta’ investiment, il-parir ta' investiment jew parir ta' assigurazzjoni tagħhom. Fejn il-valutazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà twassal għall-konklużjoni li ma hemm ebda riskji għas-sostenibbiltà meqjusa rilevanti għall-prodott finanzjarju, jenħtieġ li r-raġunijiet jiġu spjegati. Fejn il-valutazzjoni twassal għall-konklużjoni li dawn ir-riskji huma rilevanti, jenħtieġ li l-punt sa fejn ir-riskji għas-sostenibbiltà jista' jkollhom impatt fuq il-prestazzjoni tal-prodott finanzjarju jiġi divulgat f'termini kwalitattivi jew inkella f'termini kwantitattivi. Il-valutazzjonijiet tar-riskji għas-sostenibbiltà u divulgazzjonijiet prekuntrattwali relatati minn parteċipanti fis-swieq finanzjarji jenħtieġ li jikkontribwixxu għal divulgazzjonijiet prekuntrattwali minn konsulenti finanzjarji. Jenħtieġ li l-konsulenti finanzjarji jiddivulgaw kif huma jieħdu kont tar-riskji għas-sostenibbiltà fil-proċess ta' għażla tal-offerta finanzjarja li tiġi ppreżentata lill-investituri aħħarin irrispettivament mill-preferenzi tal-investituri aħħarin rigward is-sostenibbiltà, u dan qabel ma jagħtu l-parir tagħhom. Jenħtieġ li dan ikun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/65/UE u d-Direttiva (UE) 2016/97, b'mod partikolari l-obbligi fuq il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u l-konsulenti finanzjarji fir-rigward tal-governanza tal-prodotti, il-valutazzjoni tal-adattabbiltà u l-adegwatezza, jew it-test bid-domandi u l-ħtiġijiet.

(4)  Biex tiġi żgurata applikazzjoni koerenti u konsistenti ta’ dan ir-Regolament u li l-obbligi ta’ divulgazzjoni stabbiliti f’dan ir-Regolament jiġu applikati b’mod ċar u konsistenti mill-parteċipanti fis-swieq finanzjarji, huwa meħtieġ li tiġi stabbilita definizzjoni armonizzata ta’ “investimenti sostenibbli”, inkluż investimenti f'attivitajiet ekonomiċi li jikkontribwixxu għall-objettivi ambjentali jew soċjali kif ukoll it-taħlita tagħhom, dment li l-kumpanniji li fihom isiru l-investimenti jsegwu prattiki ta' governanza tajbin u jiġi żgurat il-prinċipju ta’ prekawzjoni "la tagħmilx ħsara sinifikanti", jiġifieri li la ssir ħsara sinifikanti lill-objettiv ambjentali u lanqas lill-objettiv soċjali.

(4-a)   Deċiżjonijiet u pariri ta' investiment jistgħu jikkawżaw, jikkontribwixxu jew ikunu direttament marbutin ma' effetti negattivi, materjali, jew x'aktarx li jkunu materjali fuq il-fatturi ta’ sostenibbiltà.

(4 –a)   Fejn il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji, b'kont meħud tad-daqs tagħhom, in-natura u l-iskala tal-attivitajiet tagħhom u t-tipi tal-prodotti finanzjarji tagħhom, iqisu l-impatti avversi prinċipali, materjali, jew x'aktarx li jkunu materjali, tad-deċiżjonijiet ta’ investiment fuq fatturi ta’ sostenibbiltà, jenħtieġ li dawn jintegraw fil-proċessi tagħhom, inkluż fil-proċessi ta’ diliġenza dovuta, l-arranġamenti biex jitqiesu l-impatti avversi prinċipali flimkien mar-riskji finanzjarji rilevanti u r-riskji għas-sostenibbiltà rilevanti. L-informazzjoni dwar l-arranġamenti tista’ tiddeskrivi kif il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jwettqu r-responsabbiltajiet ta' ġestjoni jew impenji oħra tal-azzjonisti relatati mas-sostenibbiltà. Il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jenħtieġ li jinkludu fuq is-siti web tagħhom informazzjoni dwar dawn l-arranġamenti u deskrizzjonijiet tal-impatti avversi prinċipali. F’dan ir-rigward, il-Kumitat Konġunt tal-EBA, l-EIOPA u l-ESMA u l-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u l-konsulenti finanzjarji jenħtieġ li jikkunsidraw il-gwida dwar id-diliġenza dovuta għal imġiba kummerċjali responsabbli żviluppata mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi u l-Prinċipji għall-Investiment Responsabbli appoġġati min-Nazzjonijiet Uniti.

(4- - a)   Il-kunsiderazzjoni ta' fatturi ta' sostenibbiltà fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-investiment u dawk konsultattivi tista' twassal għal benefiċċji li jmorru lil hinn mis-swieq finanzjarji. Hija tista' żżid ir-reżiljenza tal-ekonomija reali u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u b'hekk ikollha fl-aħħar mill-aħħar impatt fuq ir-riskju/redditu tal-prodotti finanzjarji. Għaldaqstant, huwa essenzjali li l-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u l-konsulenti finanzjarji jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa biex l-investituri aħħarin ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet ta' investiment infurmati.

(4 - - - a)   Il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji li jqisu l-impatti avversi prinċipali tad-deċiżjonijiet ta’ investiment fuq il-fatturi ta’ sostenibbiltà jenħtieġ li jiddivulgaw għal kull prodott finanzjarju f'informazzjoni prekuntrattwali, b'mod konċiż, f'termini kwalitattivi jew kwantitattivi, kif jitqiesu l-impatti avversi prinċipali u dikjarazzjoni li l-informazzjoni dwar l-impatti avversi prinċipali fuq il-fatturi ta' sostenibbiltà hija disponibbli fir-rapportar li jkun għaddej. L-impatti avversi prinċipali jenħtieġ li jinftiehmu bħala dawk l-impatti ta’ deċiżjonijiet u pariri ta' investiment li jirriżultaw f’effetti negattivi fuq fatturi ta’ sostenibbiltà.

(4a)   S'issa ġew żviluppati prodotti sostenibbli b’livelli differenti ta’ ambizzjoni. Għalhekk, huwa meħtieġ li ssir distinzjoni, għall-finijiet ta’ divulgazzjoni prekuntrattwali u divulgazzjoni permezz ta’ rapporti perjodiċi, bejn ir-rekwiżiti għal prodotti finanzjarji li jippreżentaw karatteristiċi ambjentali jew soċjali, minn naħa waħda naħa, u bejn dawk għal prodotti finanzjarji li għandhom bħala objettiv impatt pożittiv għall-ambjent u s-soċjetà, min-naħa l-oħra. Bħala konsegwenza, fir-rigward tal-prodotti finanzjarji b'karatteristiċi ambjentali jew soċjali, jenħtieġ li parteċipanti fis-swieq finanzjarji jiddivulgaw jekk u kif l-indiċi indikat, l-indiċi ta’ sostenibbiltà jew l-indiċi konvenzjonali, huwa allinjat ma' dawk il-karatteristiċi u fejn ma jintuża l-ebda punt ta' riferiment, informazzjoni dwar kif il-karatteristiċi ta’ sostenibbiltà tal-prodotti finanzjarji huma sodisfatti. Fir-rigward tal-prodotti finanzjarji li għandhom bħala objettiv impatt pożittiv għall-ambjent u s-soċjetà, parteċipanti fis-swieq finanzjarji jenħtieġ li jiddivulgaw liema punt ta' riferiment sostenibbli jużaw biex ikejlu l-prestazzjoni sostenibbli u fejn ma jintuża l-ebda punt ta' riferiment, jispjegaw kif jintlaħaq l-objettiv sostenibbli. Id-divulgazzjonijiet permezz ta' rapporti perjodiċi jenħtieġ li jitwettqu kull sena.

(4)   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar ir-remunerazzjoni jew il-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-persunal tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u l-konsulenti finanzjarji skont id-Direttiva 2009/65/KE, id-Direttiva 2009/138/KE, id-Direttiva 2011/61/UE, id-Direttiva 2013/36/UE, id-Direttiva 2014/65/UE, id-Direttiva (UE) 2016/97, id-Direttiva (UE) 2016/2341, ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 u r-Regolament (UE) Nru 346/2013, l-atti ta' implimentazzjoni u l-liġi nazzjonali li tirregola prodotti tal-pensjoni personali u individwali, inkluż iżda mhux limitat għall-kriterji ta’ proporzjonalità applikabbli rilevanti bħad-daqs, l-organizzazzjoni interna u n-natura, l-ambitu u l-kumplessità tal-attivitajiet inkwistjoni. Madankollu huwa xieraq li tinkiseb aktar trasparenza, f'termini kwalitattivi jew kwantitattivi, dwar il-politiki ta' remunerazzjoni tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u l-konsulenti finanzjarji, fir-rigward tal-investiment jew il-parir dwar l-assigurazzjoni tagħhom, li jippromwovu maniġġjar tar-riskju b'saħħitha u effettiva fir-rigward tar-riskji għas-sostenibbiltà filwaqt li l-istruttura ta' remunerazzjoni ma tinkoraġġixxix teħid eċċessiv ta' riskji rigward riskji għas-sostenibbiltà u hija marbuta ma' rendiment aġġustat għar-riskju.

(8)  Sabiex tiġi inkoraġġuta t-trasparenza u jiġu infurmati l-investituri aħħarin, l-aċċess għall-informazzjoni dwar kif riskji għas-sostenibbiltà rilevanti, materjali jew li x’aktarx ikunu materjali, huma integrati mill-parteċipanti fis-swieq finanzjarji fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-investiment, inkluż aspetti organizzattivi, ta' maniġġjar tar-riskju u ta' governanza, u mill-konsulenti finanzjarji fi proċessi konsultattivi, jenħtieġ li jiġi rregolat billi dawk l-entitajiet jintalbu jżommu informazzjoni konċiża dwar dawn il-politiki fuq is-siti web tagħhom.

(9)  Ir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni attwali stabbiliti fil-leġislazzjoni tal-Unjoni ma jipprovdux li trid tiġi ddivulgata l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiġu infurmati kif xieraq l-investituri aħħarin dwar l-impatt relatat mas-sostenibbiltà tal-investimenti tagħhom permezz ta’ prodotti finanzjarji li għandhom l-għan li jinkorporaw karatteristiċi ambjentali jew soċjali jew prodotti finanzjarji li jsegwu objettivi ta’ sostenibbiltà. Għalhekk, huwa xieraq li jiġu stabbiliti rekwiżiti ta’ divulgazzjoni aktar speċifiċi u standardizzati fir-rigward ta' tali investimenti. Pereżempju, l-impatt ġenerali relatat mas-sostenibbiltà tal-prodotti finanzjarji jenħtieġ li jiġi rrappurtat regolarment permezz ta’ indikaturi rilevanti għall-kejl tal-objettiv ta’ investiment sostenibbli magħżul. Meta indiċi xieraq jkun ġie magħżul bħala punt ta' riferiment dik l-informazzjoni jenħtieġ li tiġi pprovduta wkoll għall-indiċi magħżul u għal indiċi tas-suq wiesa’ biex ikun jista’ jsir paragun. ▌ Meta l-maniġers tal-EuSEF jagħmlu disponibbli informazzjoni dwar l-impatt soċjali pożittiv ▌ li fond partikolari jkollu bħala objettiv, l-eżitu soċjali globali milħuq u l-metodi relatati użati skont ir-Regolament (UE) Nru 346/2013, dawn jistgħu, fejn xieraq, jużaw din l-informazzjoni għall-finijiet tad-divulgazzjonijiet skont dan ir-Regolament.

(10)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(19) timponi obbligi ta’ trasparenza fir-rigward tal-aspetti soċjali, ambjentali u ta’ governanza korporattiva f’rappurtar mhux finanzjarju. Madankollu, il-forma u l-preżentazzjoni meħtieġa minn dawk id-Direttivi, mhumiex dejjem xierqa għall-użu dirett mill-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u l-konsulenti finanzjarji fir-relazzjonijiet tagħhom mal-investituri aħħarin. Il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u l-konsulenti finanzjarji jenħtieġ li jkollhom l-għażla li jużaw l-informazzjoni fir-rapporti ta’ maniġġjar u d-dikjarazzjonijiet mhux finanzjarji skont id-Direttiva 2013/34/UE għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, fejn xieraq.

Fejn l-informazzjoni pprovduta skont dan ir-Regolament ma tkunx soġġetta għal kontrolli xierqa skont il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali, il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u l-konsulenti finanzjarji huma mħeġġa li jkollhom fis-seħħ arranġamenti xierqa għal dak il-għan.

(11)  Biex tiġi żgurata l-affidabbiltà tal-informazzjoni ppubblikata fuq is-siti web tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u s-siti web tal-konsulenti, dik l-informazzjoni jenħtieġ li tinżamm aġġornata, u kwalunkwe rieżami jew tibdil jenħtieġ li jiġi spjegat b’mod ċar.

(11a)   Għalkemm dan ir-Regolament ma jkoprix skemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali koperti mir-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009, bil-ħsieb tal-fatt li kull ma jmur l-Istati Membri qed jiftħu partijiet tal-immaniġġjar tal-iskemi tal-pensjonijiet obbligatorji fi ħdan is-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom għal parteċipanti fis-swieq finanzjarji jew entitajiet oħra tad-dritt privat, u li dawn huma esposti għal riskji għas-sostenibbiltà kif ukoll li jistgħu jqisu impatti avversi għas-sostenibbiltà jew jippromwovu karatteristiċi ambjentali jew soċjali jew isegwu investimenti sostenibbli bħal parteċipanti fis-swieq finanzjarji u prodotti finanzjarji oħra, sabiex jimmitigaw asimetriji ta' informazzjoni f'relazzjonijiet prinċipal-aġent bħal dawn, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew japplikaw dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament ma jwaqqafx lill-Istati Membri milli jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet aktar stretti dwar il-pubblikazzjoni ta' politiki ta’ adattament għat-tibdil fil-klima u divulgazzjonijiet addizzjonali lill-investituri aħħarin dwar ir-riskji għas-sostenibbiltà biss fil-każ ta' parteċipanti fis-swieq finanzjarji u konsulenti finanzjarji bl-uffiċċji prinċipali fit-territorji tagħhom. Jenħtieġ li dispożizzjonijiet bħal dawn madankollu ma jfixklux l-applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament jew l-ilħuq tal-objettivi tiegħu, u jenħtieġ li f’kull każ ikunu konformi mar-regoli stabbiliti fit-Trattat.

(12)  F'konformità mad-Direttiva (UE) 2016/2341, jenħtieġ li IORPs jiżguraw li regoli dwar il-governanza u l-immaniġġar tar-riskju japplikaw diġà għad-deċiżjonijiet ta' investiment tagħhom u l-valutazzjonijiet tar-riskju sabiex tkun żgurata kontinwità u regolarità ▌. Id-deċiżjonijiet dwar l-investiment u l-valutazzjoni tar-riskji rilevanti, inkluż riskji ambjentali, soċjali u ta’ governanza, jenħtieġ li jsiru b’tali mod li jiżguraw konformità mal-interessi tal-membri u l-benefiċjarji tal-IORPs. Jenħtieġ li l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol ("EIOPA") toħroġ linji gwida li jispeċifikaw kif deċiżjonijiet ta' investiment u valutazzjonijiet tar-riskju minn IORPs jieħdu kont tar-riskji ambjentali, soċjali u ta’ governanza skont id-Direttiva (UE) 2016/2341.

(13)  L-Awtorità Bankarja Ewropea ("EBA"), l-EIOPA u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq ("ESMA") (kollettivament magħrufa bħala l-"ESAs") stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(20), ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(21) u r-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(22) rispettivament jenħtieġ li, permezz tal-Kumitat Konġunt, jiżviluppaw standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw aktar id-dettalji tal-kontenut, il-metodoloġiji u l-preżentazzjoni ▌tal-informazzjoni b'rabta mal-indikaturi tas-sostenibbiltà dwar l-impatti avversi fuq il-klima u impatti avversi oħra relatati mal-ambjent u kwistjonijiet soċjali u dawk relatati mal-impjegati, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u t-tixħim, kif ukoll id-dettalji tal-preżentazzjoni u l-kontenut tal-informazzjoni rigward il-promozzjoni ta' karatteristiċi ambjentali u soċjali u objettivi ta’ investiment ta’ sostenibbiltà li għandhom jiġu ddivulgati f’dokumenti prekuntrattwali, rapporti perjodiċi annwali u siti web ta’ parteċipanti fis-swieq finanzjarji skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament Nru 1093/2010, ir-Regolament Nru 1094/2010 u tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tadotta dawk l-istandards tekniċi regolatorji.

(14)  Il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tadotta standards tekniċi ta’ implimentazzjoni żviluppati mill-ESAs permezz tal-Kumitat Konġunt, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 TFUE u skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, biex tiġi stabbilita l-preżentazzjoni standard tal-promozzjoni tal-karatteristiċi ambjentali jew soċjali u investimenti sostenibbli fil-komunikazzjonijiet kummerċjali.

(15)  Peress li r-rapporti perjodiċi fi prinċipju jagħtu sommarju tar-riżultati tan-negozju għal snin kalendarji sħaħ, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament dwar ir-rekwiżiti ta' trasparenza fir-rapporti perjodiċi jenħtieġ li jiġu differiti għal ... [UP: Jekk jogħġbok daħħal l-1 ta' Jannar tas-sena ta' wara d-data msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12].

(16)  Ir-regoli ta’ divulgazzjoni inklużi f’dan ir-Regolament jenħtieġ li jissupplimentaw, u jenħtieġ li japplikaw flimkien mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/65/KE, id-Direttiva 2009/138/KE, id-Direttiva 2011/61/UE, id-Direttiva 2014/65/UE, id-Direttiva (UE) 2016/97, id-Direttiva (UE) 2016/2341, ir-Regolament (UE) Nru 345/2013, ir-Regolament (UE) Nru 346/2013, ir-Regolament (UE) 2015/760, ir-Regolament (UE) Nru XYZ [ĠU – jekk jogħġbok daħħal ir-referenza għar-Regolament dwar Prodott tal-Pensjoni Personali Pan-Ewropew (PEPP)].

(17)  Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(18)  Peress li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li tissaħħaħ il-protezzjoni għall-investituri aħħarin u li jittejbu d-divulgazzjonijiet għalihom, inkluż f’każijiet ta’ xiri transfruntier għall-investituri aħħarin, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni minħabba l-ħtieġa li jiġu stabbiliti rekwiżiti uniformi ta’ divulgazzjoni fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli armonizzati dwar it-trasparenza li għandhom jiġu applikati mill-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u l-konsulenti finanzjarji fir-rigward ▌tal-integrazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà u l-kunsiderazzjoni ta’ impatti avversi għas-sostenibbiltà fil-proċessi tagħhom u l-għoti ta’ informazzjoni relatata mas-sostenibbiltà dwar il-prodotti finanzjarji.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)  “parteċipant fis-swieq finanzjarji” tfisser waħda minn dawn li ġejjin:

(i)  impriża tal-assigurazzjoni li tagħmel disponibbli IBIP ▌;

(ia)   ditta tal-investiment li tipprovdi mmaniġġar ta' portafolji,

(ib)   IORP ▌;

(ic)   manifattur ta' prodott tal-pensjoni;

(id)   AIFM;

(ie)  fornitur tal-PEPP;

(ii)  maniġer ta’ fond kwalifikanti ta’ kapital ta’ riskju rreġistrat skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 345/2013;

(iii)  maniġer ta’ fond kwalifikanti ta’ intraprenditorija soċjali rreġistrat skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 346/2013;

(iv)  kumpannija maniġerjali tal-UCITS;

(v)   istituzzjoni ta' kreditu li tipprovdi mmaniġġar ta' portafolji;

(b)  “impriża tal-assigurazzjoni” tfisser impriża tal-assigurazzjoni awtorizzata skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/138/KE;

(c)  "IBIP" tfisser waħda minn dawn li ġejjin:

(i)  prodott ta' investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni kif definit fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(23);

(ii)  prodott tal-assigurazzjoni, magħmul disponibbli għal investitur professjonali, li joffri valur fil-maturità jew valur ta' ċessjoni u meta dak il-valur fil-maturità jew dak il-valur ta' ċessjoni jkunu kompletament jew parzjalment esposti, direttament jew indirettament, għaċ-ċaqliq tas-suq;

(d)  "AIFM” tfisser AIFM kif definit fl-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2011/61/UE;

(e)  “ditta tal-investiment” tfisser ditta tal-investiment kif definita fl-Artikolu 4(1)(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(f)  “immaniġġar ta’ portafoll” tfisser immaniġġar ta’ portafoll kif definit fl-Artikolu 4(1)(8) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(g)  “IORP” tfisser istituzzjoni għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali awtorizzata jew irreġistrata skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2016/2341, sakemm Stat Membru ma jkunx għażel li japplika l-Artikolu 5 ta' dik id-Direttiva jew IORP ma tkunx topera skemi tal-pensjoni li flimkien ikollhom anqas minn 15-il membru b'kollox;

(h)  “prodott tal-pensjoni” tfisser waħda minn dawn li ġejjin:

(i)  prodott tal-pensjoni msemmi fl-Artikolu 2(2)(e) tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014;

(ii)  prodott tal-pensjoni individwali msemmi fl-Artikolu 2(2)(g) tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014;

(ha)   "Prodott tal-Pensjoni Personali pan-Ewropew (PEPP)" tfisser prodott kif imsemmi fl-Artikolu 2(2) ta' [UP: Jekk jogħġbok daħħal ir-referenza għar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Prodott tal-Pensjoni Personali pan-Ewropew (PEPP)];

(i)  “kumpannija maniġerjali tal-UCITS” tfisser kumpannija maniġerjali kif definita fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2009/65/KE jew kumpannija ta’ investiment awtorizzata skont id-Direttiva 2009/65/KE li ma nnominatx kumpannija maniġerjali awtorizzata skont dik id-Direttiva għall-immaniġġjar tagħha;

(ib)   "konsulent finanzjarju" tfisser intermedjarju tal-assigurazzjoni li jipprovdi parir dwar l-assigurazzjoni fir-rigward ta' IBIPs, impriża tal-assigurazzjoni li tipprovdi konsulenza tal-assigurazzjoni fir-rigward ta' IBIPs, istituzzjoni ta’ kreditu li tipprovdi konsulenza ta' investiment, ditta tal-investiment li tipprovdi parir dwar l-investiment, AIFM li jipprovdi parir dwar l-investiment skont l-Artikolu 6(4)(b)(i) tad-Direttiva 2011/61/UE, u kumpannija maniġerjali tal-UCITS li tipprovdi parir dwar l-investiment skont l-Artikolu 6(3)(b)(i) tad-Direttiva 2009/65/KE;

(j)  “prodott tal-pensjoni” tfisser waħda minn dawn li ġejjin:

(i)   tfisser portafoll immaniġġjat skont il-punt (f) ta’ dan il-paragrafu

(ii)   AIF,

(iii)   IBIP,

(iv)   prodott tal-pensjoni,

(iv)   skema tal-pensjoni ▌,

(v)   UCITS,

(vi)   Prodott tal-Pensjoni Personali Pan-Ewropew

(k)  “AIF” tfisser AIF kif definit fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2011/61/UE;

(l)  “skema tal-pensjoni” tfisser skema tal-pensjoni kif definita fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva (UE) 2016/2341;

(m)  “UCITS” tfisser impriża għal investiment kollettiv f’titoli trasferibbli awtorizzata skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/65/KE;

(n)  “parir dwar l-investiment” tfisser parir dwar l-investiment kif definit fl-Artikolu 4(1)(4) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(o)  “investimenti sostenibbli” tfisser kwalunkwe minn dawn li ġejjin jew kombinazzjoni ta’ kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(i)  investimenti f’attività ekonomika li jikkontribwixxu għal objettiv ambjentali, bħal dawk imkejla b’indikaturi ewlenin tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi dwar l-użu tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli, il-materja prima, l-ilma u l-art, dwar il-produzzjoni tal-iskart, u l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, u dwar l-impatt fuq il-bijodiversità u l-ekonomija ċirkolari;

(ii)  investimenti f'attività ekonomika li jikkontribwixxu għal objettiv soċjali, u b’mod partikolari investimenti li jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati l-inugwaljanza, li jrawmu l-koeżjoni soċjali, l-integrazzjoni soċjali u r-relazzjonijiet industrijali, jew investimenti fil-kapital uman jew f’komunitajiet ekonomikament jew soċjalment żvantaġġati;

Dment li l-investimenti ma jagħmlux ħsara sinifikanti lil xi wieħed minn dawk l-objettivi u l-kumpanniji destinatarji ta’ investiment isegwu prattiki ta' governanza tajbin, ▌b'mod partikolari ▌fir-rigward ta’ strutturi ta' maniġġjar b'saħħithom, relazzjonijiet mal-impjegati, remunerazzjoni tal-persunal rilevanti u konformità tat-taxxa;

(p)  “investitur fil-livell tal-konsumatur” tfisser investitur li mhuwiex investitur professjonali;

(q)  “investitur professjonali” tfisser klijent li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Anness II tad-Direttiva 2014/65/UE;

(r)  “intermedjarju tal-assigurazzjoni” tfisser intermedjarju tal-assigurazzjoni kif definit fl-Artikolu 2(1)(3) tad-Direttiva (UE) 2016/97;

(s)  “parir dwar l-assigurazzjoni” tfisser parir kif definit fl-Artikolu 2(1)(15) tad-Direttiva (UE) 2016/97.

(t)   "riskju għas-sostenibbiltà" tfisser avveniment jew kundizzjoni ambjentali, soċjali jew ta' governanza li, jekk dawn iseħħu, jistgħu jikkawżaw impatt attwali jew potenzjali negattiv fuq il-valur tal-investiment li jirriżulta minn impatt avvers għas-sostenibbiltà.

(u)   "ELTIF" tfisser fond Ewropew tal-investiment fuq terminu twil awtorizzat skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 2015/760.

(v)   “fatturi ta’ sostenibbiltà” tfisser kwistjonijiet dwar l-ambjent, dawk soċjali u tal-persunal, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

Artikolu 3

Trasparenza tal-politiki dwar ir-riskju għas-sostenibbiltà

1.  Il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji għandhom jippubblikaw informazzjoni dwar il-politiki tagħhom dwar l-integrazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ investiment tagħhom fuq is-siti web tagħhom.

2.  Il-konsulenti finanzjarji għandhom jippubblikaw informazzjoni dwar il-politiki tagħhom dwar l-integrazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà fil-pariri tagħhom ta' investiment jew assigurazzjoni fuq is-siti web tagħhom.

Artikolu 3gamma

Trasparenza ta’ impatti avversi għas-sostenibbiltà fil-livell ta’ entità

1.   Il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji għandhom jippubblikaw u jżommu fuq is-siti web tagħhom kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

a)   meta jqisu l-impatti avversi prinċipali tad-deċiżjonijiet ta’ investiment fuq fatturi ta’ sostenibbiltà, dikjarazzjoni dwar il-politiki tad-diliġenza dovuta fir-rigward ta’ dawn l-impatti avversi prinċipali, li jikkunsidraw kif dovut id-daqs, in-natura u l-iskala tal-attivitajiet tagħhom u t-tipi ta’ prodotti finanzjarji tagħhom;

b)   meta ma jqisux l-impatti avversi tad-deċiżjonijiet ta’ investiment fuq fatturi ta’ sostenibbiltà, raġunijiet ċari biex dan ma jsirx, u, fejn rilevanti, inkluż informazzjoni dwar jekk u meta huma għandhom l-intenzjoni li jikkunsidraw tali impatti avversi.

2.   L-informazzjoni pprovduta skont il-punt (a) tal-paragrafu 1 għandha tinkludi mill-inqas dan li ġej:

a)   informazzjoni dwar il-politiki dwar l-identifikazzjoni u l-prijoritizzazzjoni tal-impatti u l-indikaturi għas-sostenibbiltà avversi ewlenin;

b)   deskrizzjoni tal-impatti prinċipali avversi għas-sostenibbiltà u tal-azzjonijiet meħuda u, fejn rilevanti, ippjanati;

c)   sommarji qosra tal-politiki ta’ involviment skont l-Artikolu 3g tad-Direttiva 2007/36/KE, fejn applikabbli;

d)   referenza għall-konformità ma’ kodiċijiet responsabbli ta’ kondotta kummerċjali u standards rikonoxxuti internazzjonalment għad-diliġenza dovuta u r-rappurtar u, fejn rilevanti, il-grad ta’ allinjament mal-miri ta’ tisħin globali fit-tul tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima.

3.   B’deroga mill-paragrafu 1, minn [UP: jekk jogħġbok daħħal 18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], parteċipanti fis-suq finanzjarju li fid-dati tal-karta tal-bilanċ tagħhom jaqbżu l-kriterju tan-numru medju ta' 500 impjegat matul is-sena finanzjarja għandu jippubblika u jżomm fuq is-siti web tagħhom dikjarazzjoni dwar politiki ta’ diliġenza dovuta fir-rigward ta' impatti avversi prinċipali ta’ deċiżjonijiet ta' investiment fuq fatturi ta’ sostenibbiltà.

Id-dikjarazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tal-inqas tinkludi l-informazzjoni msemmija fil-punti (a) sa (d) tal-paragrafu 2.

4.   B’deroga mill-paragrafu 1, minn [UP: jekk jogħġbok daħħal 18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], parteċipanti fis-suq finanzjarju li huma impriżi omm ta’ grupp kbir imsemmija fl-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2013/34/UE li fid-dati tal-karta tal-bilanċ tagħha jaqbżu, fuq bażi konsolidata, il-kriterju tan-numru medju ta' 500 impjegat matul is-sena finanzjarja għandu jippubblika u jżomm fuq il-websajts tagħhom dikjarazzjoni dwar politiki ta’ diliġenza dovuta fir-rigward ta' impatti avversi prinċipali ta’ deċiżjonijiet ta' investiment fuq fatturi ta’ sostenibbiltà.

Id-dikjarazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tal-inqas tinkludi l-informazzjoni msemmija fil-punti (a) sa (d) tal-paragrafu 2.

5.   Il-konsulenti finanzjarji għandhom jippubblikaw u jżommu fuq is-siti web tagħhom kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

a)   informazzjoni dwar jekk, li jikkunsidraw kif dovut id-daqs, in-natura u l-iskala tal-attivitajiet tagħhom u t-tipi tal-prodotti finanzjarji li jagħtu konsulenza dwarhom, li jikkunsidraw fil-pariri dwar l-investiment jew pariri dwar l-assigurazzjoni tagħhom l-impatti avversi prinċipali fuq il-fatturi ta’ sostenibbiltà;

b)   informazzjoni għalfejn ma jqisux l-impatti avversi tad-deċiżjonijiet ta’ investiment fuq fatturi ta’ sostenibbiltà fil-pariri dwar l-investiment jew pariri dwar l-assigurazzjoni tagħhom, u, fejn rilevanti, inkluż informazzjoni dwar jekk u meta huma għandhom l-intenzjoni li jikkunsidraw tali impatti avversi.

6.   Sa ... [UP: jekk jogħġbok daħħal 12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], fir-rigward tal-indikaturi tas-sostenibbiltà b’rabta mal-klima u impatti avversi oħra relatati mal-ambjent, l-EBA, l-EIOPA u l-ESMA għandhom jiżviluppaw, permezz tal-Kumitat Konġunt, Standards Tekniċi Regolatorji f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u r-Regolament (UE) Nru 1095/2010, u sussegwentement jaġġornawhom perjodikament, fir-rigward tal-kontenut, il-metodoloġiji u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu.

L-EBA, l-EIOPA u l-ESMA għandhom, fejn rilevanti, ifittxu l-kontribut tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea.

7.   Sa ... [UP: jekk jogħġbok daħħal 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], fir-rigward tal-indikaturi tas-sostenibbiltà b’rabta mal-impatti avversi fil-qasam tal-kwistjonijiet soċjali u tal-impjegati, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, kwistjonijiet kontra l-korruzzjoni u t-tixħim, l-EBA, l-EIOPA u l-ESMA għandhom jiżviluppaw, permezz tal-Kumitat Konġunt, Standards Tekniċi Regolatorji f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u r-Regolament (UE) Nru 1095/2010, u sussegwentement jaġġornawhom perjodikament, dwar il-kontenut, il-metodoloġiji u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 3a

Trasparenza tal-politiki ta' remunerazzjoni b'rabta mal-integrazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà

1.   Il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u l-konsulenti finanzjarji għandhom jinkludu fil-politiki ta' remunerazzjoni tagħhom informazzjoni dwar kif il-politiki ta' remunerazzjoni tagħhom huma konsistenti mal-integrazzjoni tar-riskji ta' sostenibbiltà u jippubblikaw dik l-informazzjoni fuq is-siti web tagħhom.

2.   Id-divulgazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun inkluża fil-politiki ta' remunerazzjoni li parteċipanti fis-swieq finanzjarji u konsulenti finanzjarji għandhom jistabbilixxu u jżommu f'konformità mal-leġislazzjoni settorjali, b'mod partikolari d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE, 2011/61/UE, 2013/36/UE, 2014/65/UE, (UE) 2016/97 u (UE) 2016/234.

Artikolu 4

Trasparenza tal-integrazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà

1.  Il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji għandhom jinkludu deskrizzjonijiet ta’ dawn li ġejjin fid-divulgazzjonijiet prekuntrattwali:

(a)  il-mod kif riskji għas-sostenibbiltà huma integrati fid-deċiżjonijiet ta' investiment tagħhom, u

(b)  ir-riżultat tal-valutazzjoni tal-impatti probabbli tar-riskji għas-sostenibbiltà ▌fuq ir-ritorni tal-prodotti finanzjarji ▌.

Fejn riskji għas-sostenibbiltà ma jitqisux rilevanti, id-deskrizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) għandhom jinkludu spjegazzjoni ċara u konċiża tar-raġuni għaliex mhumiex rilevanti.

2.  Il-konsulenti finanzjarji għandhom jinkludu deskrizzjonijiet ta’ dawn li ġejjin fid-divulgazzjonijiet prekuntrattwali:

(a)  kif riskji għas-sostenibbiltà huma integrati fil-parir ta' investiment ▌jew assigurazzjoni tagħhom, u

(b)  ir-riżultat tal-valutazzjoni tal-impatti probabbli tar-riskji għas-sostenibbiltà ▌fuq ir-ritorni tal-prodotti finanzjarji ▌.

Fejn riskji għas-sostenibbiltà ma jitqisux rilevanti, id-deskrizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) għandhom jinkludu spjegazzjoni ċara u konċiża tar-raġuni għaliex mhumiex rilevanti.

3.  L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u ▌ 2 għandha tiġi divulgata b’dan il-mod:

(a)  għall-AIFMs, fid-divulgazzjonijiet lill-investituri msemmija fl-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2011/61/UE;

(b)  għall-impriżi tal-assigurazzjoni, fl-għoti ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 185(2) tad-Direttiva 2009/138/KE jew, fejn rilevanti, skont l-Artikolu 29(1) tad-Direttiva (UE) 2016/97;

(c)  għall-IORPs, fl-għoti ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 41 tad-Direttiva (UE) 2016/2341;

(d)  għall-maniġers ta' fondi kwalifikanti ta’ kapital ta’ riskju, fl-għoti ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 345/2013;

(e)  għall-maniġers ta’ fondi kwalifikanti ta’ intraprenditorija soċjali, fl-għoti tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 346/2013;

(f)  għall-manifatturi ta’ prodotti tal-pensjoni, bil-miktub, fi żmien sew qabel investitur fil-livell tal-konsumatur ikun marbut minn kuntratt relatat ma’ prodott tal-pensjoni;

(g)  għall-kumpanniji maniġerjali tal-UCITS, fil-prospett imsemmi fl-Artikolu 69 tad-Direttiva 2009/65/KE;

(h)  għad-ditti ta’ investiment li jipprovdu mmaniġġar ta’ portafolji jew jipprovdu parir dwar l-investiment, skont l-Artikolu 24(4) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(ha)   għall-istituzzjonijiet tal-kreditu li jipprovdu mmaniġġar ta’ portafolji jew jipprovdu parir dwar l-investiment, skont l-Artikolu 24(4) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(i)  għall-intermedjarji tal-assigurazzjoni u impriżi tal-assigurazzjoni li jipprovdu parir dwar l-assigurazzjoni fir-rigward tal-IBIPs u għall-intermedjarji tal-assigurazzjoni li jipprovdu parir dwar l-assigurazzjoni fir-rigward ta' prodotti tal-pensjoni esposti għal fluttwazzjonijiet tas-suq, skont l-Artikolu 29(1) tad-Direttiva (UE) 2016/97;

(j)   għall-AIFMs ta' ELTIFs, fil-prospett imsemmi fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2015/760;

(k)   għall-fornituri tal-PEPPs, fid-dokument bit-tagħrif ewlieni tal-PEPP imsemmi fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) XYZ [UP – jekk jogħġbok daħħal ir-referenza għar-Regolament tal-PEPP dwar Prodott tal-Pensjoni Personali Pan-Ewropew (PEPP)].

Artikolu 4gamma

Trasparenza ta’ impatti avversi għas-sostenibbiltà fil-livell ta’ prodotti finanzjarji

1.   Mhux aktar tard minn ... [UP: jekk jogħġbok daħħal 36 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], għal kull prodott finanzjarju, fejn parteċipant fis-suq finanzjarju japplika l-iżvelar tal-Artikolu 3γ(1)(a), (3) jew (4) imsemmija fil-punti (a) sa (k) tal-Artikolu 4(3) għandhom jinkludu dan li ġej:

(a)   spjegazzjoni ċara u motivata dwar jekk, u, f’każ li iva, kif prodott finanzjarju jqis l-impatti avversi prinċipali fuq il-fatturi ta’ sostenibbiltà;

(b)   dikjarazzjoni li l-informazzjoni dwar l-impatti avversi prinċipali fuq fatturi ta’ sostenibbiltà hija disponibbli fl-informazzjoni li għandha tiġi divulgata skont il-punti (a) sa (j) tal-Artikolu 7(2).

Meta l-informazzjoni fil-punti (a) sa (j) tal-Artikolu 7(2) tinkludi kwantifikazzjonijiet tal-impatti avversi prinċipali fuq fatturi ta’ sostenibbiltà, li l-informazzjoni tista’ tiddependi fuq id-dispożizzjonijiet tal-RTS adottati skont l-Artikolu 3γ(6) u (7).

2.   Għal kull prodott finanzjarju, meta parteċipant fis-swieq finanzjarji japplika l-Artikolu 3γ(1)(b), id-divulgazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (k) tal-Artikolu 4(3) għandhom jinkludu dikjarazzjoni li l-parteċipant fis-swieq finanzjarji ma jqisx l-impatti avversi tad-deċiżjonijiet ta’ investiment fuq fatturi ta’ sostenibbiltà u spjegazzjoni motivata għaliex ma jagħmilx dan.

Artikolu 4a

Trasparenza tal-promozzjoni tal-karatteristiċi ambjentali jew soċjali f'divulgazzjonijiet prekuntrattwali

1.   Fejn prodott finanzjarju jippreżenta, fost karatteristiċi oħra, il-promozzjoni ta’ karatteristiċi ambjentali jew soċjali jew taħlita tagħhom, dment li l-kumpanniji li fihom isiru l-investimenti isegwu prattiki ta’ governanza tajba, l-informazzjoni li għandha tiġi ddivulgata skont l-Artikolu 4(1) u (3) għandha tinkludi dawn li ġejjin:

(a)   informazzjoni dwar kif dawn il-karatteristiċi jiġu sodisfatti;

(b)   jekk indiċi jintgħażel bħala punt ta' riferiment, informazzjoni dwar jekk u kif dan l-indiċi huwa konsistenti ma' dawk il-karatteristiċi.

2.   Fl-informazzjoni li għandha tiġi ddivulgata skont l-Artikolu 4(1) u (3), il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji għandhom jinkludu indikazzjoni dwar fejn għandha tinstab il-metodoloġija użata għall-kalkolu tal-indiċijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.   L-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u tal-Pensjonijiet Okkupazzjonali (EIOPA), u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) għandhom, permezz tal-Kumitat Konġunt tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (“il-Kumitat Konġunt”) jiżviluppaw abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw aktar id-dettalji tal-preżentazzjoni u l-kontenut tal-informazzjoni li għandha tiġi ddivulgata skont dan l-Artikolu.

Meta jkunu qed jiżviluppaw l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji, l-EBA, l-EIOPA u l-ESMA għandhom jikkunsidraw id-diversi tipi ta’ prodotti finanzjarji, il-karatteristiċi tagħhom imsemmija fil-paragrafi 1 u d-differenzi tagħhom u l-għan ta’ divulgazzjonijiet preċiżi, ġusti, ċari, mhux qarrieqa, sempliċi u konċiżi.

L-EBA, l-EIOPA u l-ESMA għandhom jissottomettu dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa ... [UP: Jekk jogħġbok daħħal id-data 12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ].

Il-Kummissjoni qiegħda tingħata s-setgħa biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 5

Trasparenza tal-investimenti sostenibbli fid-divulgazzjonijiet prekuntrattwali

1.  Fejn prodott finanzjarju għandu bħala l-objettiv tiegħu investimenti sostenibbli ▌ u jintgħażel indiċi bħala punt ta' riferiment, l-informazzjoni li għandha tiġi ddivulgata skont l-Artikolu 4(1) u (3) għandha tkun akkumpanjata minn dawn li ġejjin:

(a)  informazzjoni dwar kif l-indiċi magħżul huwa allinjat ma’ dak l-objettiv;

(b)  spjegazzjoni għaliex ▌ u kif l-indiċi magħżul li huwa allinjat ma’ dak l-objettiv huwa differenti minn indiċi wiesa’ tas-suq.

2.  Fejn prodott finanzjarju għandu bħala l-objettiv tiegħu investimenti sostenibbli ▌ u ma jkun ġie nnominat l-ebda indiċi bħala punt ta' riferiment, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) u (3) għandha tinkludi spjegazzjoni dwar kif għandu jintlaħaq dak l-objettiv.

3.  Meta prodott finanzjarju għandu bħala l-objettiv tiegħu t-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-karbonju, l-informazzjoni li għandha tiġi ddivulgata skont l-Artikolu 4(1) u (3) għandha tinkludi l-objettiv tal-iskopertura għal emissjonijiet baxxi ta’ karbonju bil-ħsieb li jinkisbu l-miri fit-tul kontra t-tisħin globali tal-Ftehim ta’ Pariġi.

B'deroga mill-paragrafu 2, meta l-ebda ▌ Parametru Referenzjarju tat-Transizzjoni tal-Klima tal-UE jew Parametru Referenzjarji tal-UE allinjat ma’ Pariġi ▌ skont ir-Regolament (UE) 2016/1011 ma jkun disponibbli, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4 għandha tinkludi spjegazzjoni dettaljata dwar kif l-isforz kontinwu biex jintlaħaq l-objettiv li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju jiġi żgurat bil-ħsieb li jinkisbu l-miri fit-tul kontra t-tisħin globali tal-Ftehim ta' Pariġi.

4.  Fl-informazzjoni li għandha tiġi ddivulgata skont l-Artikolu 4(1) u (3), il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji għandhom jinkludu indikazzjoni dwar fejn għandhom jinstabu l-metodoloġija użata għall-kalkolu tal-indiċijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u l-punti ta' riferiment msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

5.  L- EBA, l-EIOPA u l-ESMA għandhom, permezz tal-Kumitat Konġunt tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (“il-Kumitat Konġunt”) jiżviluppaw abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw aktar id-dettalji tal-preżentazzjoni u l-kontenut tal-informazzjoni li għandha tiġi ddivulgata skont dan l-Artikolu.

Meta jkunu qed jiżviluppaw l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji l-EBA, l-EIOPA u l-ESMA għandhom jikkunsidraw id-diversi tipi ta’ prodotti finanzjarji, l-objettivi tagħhom kif imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 u d-differenzi tagħhom kif ukoll l-għan ta’ divulgazzjonijiet preċiżi, ġusti, ċari, mhux qarrieqa, sempliċi u konċiżi.

L-EBA, l-EIOPA u l-ESMA għandhom jissottomettu dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa … [UP: Jekk jogħġbok daħħal id-data 12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].

Il-Kummissjoni qiegħda tingħata s-setgħa biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 6

Trasparenza tal-promozzjoni ta' karatteristiċi ambjentali jew soċjali u ta' investimenti sostenibbli fuq sit web

1.   Il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji għandhom jippubblikaw u jżommu fuq is-siti web tagħhom, għal kull prodott finanzjarju msemmi fil-paragrafi (1) tal-Artikolu 4a u l-paragrafi 1, 2 u 3 tal-Artikolu 5, dawn li ġejjin:

(a)   deskrizzjoni tal-karatteristiċi ambjentali jew soċjali jew l-objettiv ta' investiment sostenibbli;

(b)   informazzjoni dwar il-metodoloġiji użati biex jiġu vvalutati, imkejla u ssorveljati l-karatteristiċi ambjentali jew soċjali jew l-impatt tal-investimenti sostenibbli magħżula għall-prodott finanzjarju, inkluż is-sorsi ta’ data tiegħu, il-kriterji ta’ skrinjar għall-assi sottostanti u l-indikaturi ta’ sostenibbiltà rilevanti użati biex jitkejlu l-karatteristiċi ambjentali jew soċjali jew l-impatt sostenibbli globali tal-prodott finanzjarju;

(c)   l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4a u 5;

(d)   l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 7.

L-informazzjoni li għandha tiġi ddivulgata skont l-ewwel subparagrafu għandha tkun ċara, konċiża u tinftiehem mill-investituri. Għandha tiġi ppubblikata b’mod preċiż, ġust, ċar, mhux qarrieqi, sempliċi u konċiż u f’parti tas-sit web prominenti u aċċessibbli b'mod faċli.

2.   L-EBA, l-EIOPA u l-ESMA għandhom, permezz tal-Kumitat Konġunt, jiżviluppaw abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw aktar id-dettalji tal-kontenut tal-informazzjoni msemmija fil-punt (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, u r-rekwiżiti ta’ preżentazzjoni kif imsemmi fit-tieni subparagrafu ta’ dak il-paragrafu.

Meta jkunu qed jiżviluppaw l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji, l-EBA, l-EIOPA u l-ESMA għandhom jikkunsidraw id-diversi tipi ta’ prodotti finanzjarji, il-karatteristiċi u l-objettivi tagħhom imsemmija fil-paragrafi 1 u d-differenzi tagħhom. L-EBA, l-EIOPA u l-ESMA għandhom jaġġornaw l-istandards tekniċi regolatorji fid-dawl tal-iżviluppi regolatorji u teknoloġiċi.

L-EBA, l-EIOPA u l-ESMA għandhom jissottomettu dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [UP: Jekk jogħġbok daħħal id-data 12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ].

Il-Kummissjoni qiegħda tingħata s-setgħa biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 7

Trasparenza tal-promozzjoni ta' karatteristiċi ambjentali jew soċjali u ta' investimenti sostenibbli f'rapporti perjodiċi

1.  Meta l-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jagħmlu disponibbli prodott finanzjarju msemmi fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 4a u l-paragrafi 1, 2 u 3 tal-Artikolu 5, dawn għandhom jinkludu deskrizzjoni ta’ dawn li ġejjin fir-rapporti perjodiċi:

(a)  għal prodott finanzjarju msemmi fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 4a, sa liema punt jinkisbu l-karatteristiċi ambjentali jew soċjali;

(b)  għal prodott finanzjarju msemmi fil-paragrafi (1), (2) u (3) tal-Artikolu 5,

(i)   l-impatt globali relatat mas-sostenibbiltà tal-prodott finanzjarju permezz ta’ indikaturi tas-sostenibbiltà rilevanti, jew

(ii)  meta indiċi jintgħażel bħala punt ta' riferiment, paragun bejn l-impatt globali tal-prodott finanzjarju mal-indiċi magħżul u indiċi tas-suq wiesa’ permezz ta' indikaturi tas-sostenibbiltà.

2.  L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi divulgata b’dan il-mod:

(a)  għall-AIFMs fir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 22 tad-Direttiva 2011/61/UE;

(b)  għall-impriżi tal-assigurazzjoni, kull sena bil-miktub skont l-Artikolu 185(6) tad-Direttiva 2009/138/KE;

(c)  għall-IORPs, fir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 29 tad-Direttiva (UE) 2016/2341;

(d)  għall-maniġers ta’ fondi kwalifikanti ta’ kapital ta’ riskju fir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 345/2013;

(e)  għall-maniġers ta’ fondi kwalifikanti ta’ intraprenditorija soċjali fir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 346/2013;

(f)  għall-manifatturi ta’ prodotti tal-pensjoni, bil-miktub ▌ f'rapporti annwali jew f'rapporti skont il-liġi nazzjonali;

(g)  għall-kumpanniji maniġerjali tal-UCITS, fir-rapporti annwali msemmija fl-Artikolu 69 tad-Direttiva 2009/65/KE;

(h)  għad-ditti ta' investiment li jipprovdu mmaniġġjar ta' portafolji, fir-rapport perjodiku kif imsemmi fl-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(i)   għad-ditti ta' investiment li jipprovdu mmaniġġjar ta' portafolli, fir-rapporti perjodiċi msemmija fl-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 2014/65/UE,

(j)   għall-fornituri tal-PEPPs, f’Rapport tal-Benefiċċju tal-PEPP kif imsemmi fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru XYZ [UP – jekk jogħġbok daħħal ir-referenza għar-Regolament tal-PEPP dwar Prodott tal-Pensjoni Personali Pan-Ewropew (PEPP)].

3.  Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jistgħu jużaw l-informazzjoni fir-rapporti tal-immaniġġjar skont l-Artikolu 19 jew l-informazzjoni f’dikjarazzjonijiet mhux finanzjarji skont l-Artikolu 19a tad-Direttiva 2013/34/UE fejn xieraq.

4.  L-EBA, l-EIOPA u l-ESMA, permezz tal-Kumitat Konġunt, għandhom jiżviluppaw abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji tal-kontenut u l-preżentazzjoni ta’ informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Meta jkunu qed jiżviluppaw l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji, l-EBA, l-EIOPA u l-ESMA għandhom jikkunsidraw id-diversi tipi ta’ prodotti finanzjarji, il-karatteristiċi u l-objettivi tagħhom imsemmija fil-paragrafi 1 u d-differenzi tagħhom. L-EBA, l-EIOPA u l-ESMA għandhom jaġġornaw l-istandards tekniċi regolatorji fid-dawl tal-iżviluppi regolatorji u teknoloġiċi.

L-EBA, l-EIOPA u l-ESMA għandhom jissottomettu dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [UP: Jekk jogħġbok daħħal id-data 12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ].

Il-Kummissjoni qiegħda tingħata s-setgħa biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, ▌(UE) Nru 1094/2010 u ▌(UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 8

Rieżami ta’ divulgazzjonijiet

1.  Il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji għandhom jiżguraw li kwalunkwe informazzjoni ppubblikata skont l-Artikolu 3, l-Artikolu 3a jew l-Artikolu 6 tinżamm aġġornata. Meta parteċipant fis-swieq finanzjarji jemenda informazzjoni bħal din, għandha tiġi ppubblikata spjegazzjoni ċara ta’ dik il-bidla fuq l-istess sit web.

2.  Il-paragrafu 1 għandu japplika mutatis mutandis għal konsulenti finanzjarji fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni ppubblikata f'konformità mal-Artikolu 3 u l-Artikolu 3a.

Artikolu 9

Komunikazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni

1.  Mingħajr preġudizzju għal leġislazzjoni settorjali aktar stretta, b’mod partikolari d-Direttivi 2009/65/KE, ▌ 2014/65/UE, ▌ (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (UE) Nru 1286/2014, il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u l-konsulenti finanzjarji għandhom jiżguraw li l-komunikazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni tagħhom ma jkunux f’kontradizzjoni mal-informazzjoni ddivulgata skont dan ir-Regolament.

2.  L-EBA, l-EIOPA u l-ESMA jistgħu jiżviluppaw, permezz tal-Kumitat Konġunt, abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni biex jistabbilixxu l-preżentazzjoni standard ta’ informazzjoni dwar il-promozzjoni ta' karatteristiċi ambjentali jew soċjali u investimenti sostenibbli.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 15 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, ▌(UE) Nru 1094/2010 u ▌ (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 9a

Awtoritajiet kompetenti

1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont il-leġislazzjoni settorjali, b'mod partikolari dawk imsemmija fil-punti (a) sa (j) tal-Artikolu 4(3) u d-Direttiva (UE) 2013/36/UE, jimmonitorjaw ukoll il-konformità mar-rekwiżiti mitluba minn dan ir-Regolament dwar il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u l-konsulenti finanzjarji. L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħat superviżorji u investigattivi kollha li huma meħtieġa għall-eżerċitar tal-funzjonijiet tagħhom skont dan ir-Regolament.

2.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw ma' xulxin u, mingħajr dewmien mhux dovut, għandhom jipprovdu lil xulxin bl-informazzjoni li tkun rilevanti għall-finijiet tat-twettiq ta' dmirijiethom skont dan ir-Regolament u għall-finijiet tal-użu tas-setgħat tagħhom.

Artikolu 9b

Trasparenza min-naħa ta' IORPs u intermedjarji tal-assigurazzjoni

1.   L-IORPs għandhom jippubblikaw u jżommu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3, l-Artikolu 3a, l-Artikolu 3gamma u 4gamma, l-Artikolu 4 u l-punti (a) sa (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) f'konformità mal-punt (f) tal-Artikolu 36(2) tad-Direttiva (UE) 2016/2341.

2.   L-intermedjarji tal-assigurazzjoni għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3, l-Artikolu 3a, l-Artikolu 3gamma (5), l-Artikolu 4 u l-punti (a) sa (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) f'konformità mal-Artikolu 23 tad-Direttiva (UE) 2016/97.

Artikolu 9c

Prodotti tal-pensjoni koperti bir-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009

1.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw dan ir-Regolament lill-manifatturi ta' prodotti tal-pensjoni li joperaw skemi ta' sigurtà soċjali nazzjonali li huma koperti bir-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. F'każijiet bħal dawn, il-manifatturi ta’ prodotti tal-pensjoni msemmija fl-Artikolu 2(a) għandhom jinkludu manifatturi ta’ prodotti tal-pensjoni li joperaw skemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali u prodotti tal-pensjoni msemmija fl-Artikolu 2(h). Il-prodotti tal-pensjoni msemmija fl-Artikolu 2(h) għandhom jinkludu l-prodotti tal-pensjoni msemmija fl-ewwel sentenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, l-EBA, l-EIOPA u l-ESMA bid-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 9d

Eżenzjonijiet

1.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal intermedjarji tal-assigurazzjoni li jipprovdu parir dwar l-assigurazzjoni fir-rigward ta' IBIPs u ditti tal-investiment li jipprovdu parir dwar l-investiment li huma intrapriżi irrispettivament mill-forma legali tagħhom, inkluż persuni fiżiċi jew persuni li jaħdmu għal rashom, dment li jimpjegaw anqas minn tliet persuni.

2.  L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw dan ir-Regolament għal intermedjarji tal-assigurazzjoni li jipprovdu parir dwar l-assigurazzjoni fir-rigward ta' IBIPs u ditti tal-investiment li jipprovdu parir dwar l-investiment imsemmi fil-paragrafu 1.

3.  L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, l-EBA, l-EIOPA u l-ESMA bid-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2.

Artikolu 9e

Rapport

L-EBA, l-EIOPA u l-ESMA għandhom iqisu l-firxa tal-iżvelar volontarju skont l-Artikolu 3gamma 1(a) u l-Artikolu 4gamma 1(a). Mhux aktar tard minn … [PO: jekk jogħġbok daħħal 18-il xahar mid-data tal-applikazzjoni tal-Artikoli 3gamma u 4gamma], l-EBA, l-EIOPA u l-ESMA għandhom jissottomettu rapport annwali lill-Kummissjoni dwar l-aħjar prattiki u jagħmlu rakkomandazzjonijiet favur standards ta’ rappurtar volontarju. Ir-rapport annwali għandu jikkunsidra l-implikazzjonijiet tal-prattiki tad-diliġenza dovuta dwar l-iżvelar skont dan ir-Regolament u jipprovdi gwida dwar din il-kwistjoni. Dak ir-rapport għandu jkun disponibbli pubblikament u jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 11

Evalwazzjoni

Sa ... [UP: Jekk jogħġbok daħħal id-data 36 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ], il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u b’mod partikolari:

(a)   jekk ir-referenza għan-numru medju ta’ impjegati fl-Artikolu 3γ(3) u (4) għandhiex tinżamm, tiġi sostitwita jew tkun akkumpanjata minn kriterji oħrajn, u tqis il-benefiċċji u l-proporzjonalità tal-piż amministrattiv relatat;

(b)   jekk il-funzjonament ta’ dan ir-Regolament ma jkunx ostakolat min-nuqqas ta’ data jew mill-kwalità subottimali tagħhom, inkluż indikaturi dwar impatti avversi fuq fatturi ta’ sostenibbiltà minn kumpanniji li jsir investiment fihom.

Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, jekk ikun meħtieġ, minn proposti leġislattivi.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika minn ... [UP: Jekk jogħġbok daħħal 15-il xahar wara d-data ta’ pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea].

Madankollu, l-Artikolu 3gamma (6) u (7), l-Artikolu 4a (3), l-Artikolu 5(5), l-Artikolu 6(2), l-Artikolu 7(4), u l-Artikolu 9(2) ▌għandhom japplikaw minn [UP: Jekk jogħġbok daħħal id-data tad-dħul fis-seħħ] l-Artikolu 7(1) sa (3) għandhom japplikaw minn [UP: Jekk jogħġbok daħħal l-1 ta' Jannar tas-sena ta' wara d-data msemmija fit-tieni subparagrafu].

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

(1)* IL-FINALIZZAZZJONI LEGALI-LINGWISTIKA TA' DAN IT-TEST GĦADHA MA SARITX.
(2)ĠU C , , p. .
(3)ĠU C , , p. .
(4) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2019.
(5)Nittrasformaw id-Dinja tagħna: L-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli (NU 2015).
(6)COM(2016) 739 final.
(7)CO EUR 17, CONCL. 5.
(8)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1841 tal-5 ta’ Ottubru 2016 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (ĠU L 282, 19.10.2016, p. 1).
(9)Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).
(10)Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).
(11)Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).
(12)Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).
(13)Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).
(14)Id-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Jannar 2016 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (ĠU L 26, 2.2.2016, p. 19).
(15) Id-Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali (IORPs) (ĠU L 354, 23.12.2016, p. 37).
(16)Ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 1).
(17)Ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 18).
(18)Ir-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-Fondi ta’ Investiment Ewropej fuq Terminu Twil (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 98).
(19)Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).
(20)Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).
(21)Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).
(22)Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).
(23)Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2014 dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) (ĠU L 352, 9.12.2014, p. 1).

Aġġornata l-aħħar: 29 ta' April 2019Avviż legali