Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/0165(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0437/2018

Testi mressqa :

A8-0437/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2019 - 10.19

Testi adottati :

P8_TA(2019)0439

Testi adottati
PDF 228kWORD 70k
Il-Ħamis, 18 ta' April 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Il-promozzjoni tal-użu ta' swieq tat-tkabbir tal-SMEs ***I
P8_TA-PROV(2019)0439A8-0437/2018
Riżoluzzjoni
 Test konsolidat

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 596/2014 u (UE) Nru 2017/1129 fejn tidħol il-promozzjoni tal-użu ta' swieq tat-tkabbir tal-SMEs (COM(2018)0331 – C8-0212/2018 – 2018/0165(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0331),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema Artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0212/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-19 ta' Settembru 2018(1),

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-20 ta' Marzu 2019, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0437/2018),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU C 440, 6.12.2018, p. 79.


Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-18 ta' April 2019 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 596/2014 u (UE) 2017/1129 fejn tidħol il-promozzjoni tal-użu ta' swieq tat-tkabbir tal-SMEs(1)
P8_TC1-COD(2018)0165

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja(3),

Billi:

(1)  L-inizjattiva tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali għandha l-għan li tnaqqas id-dipendenza fuq is-self mill-banek, li tiddiversifika sorsi ta' finanzjament ibbażati fuq is-suq għal intrapriżi iżgħar u ta' daqs medju kollha ("SMEs") u li tippromwovi l-ħruġ ta' bonds u ishma minn SMEs fi swieq pubbliċi. Kumpaniji stabbiliti fl-Unjoni li jfittxu li jiġbru kapital f'ċentri ta' negozjar qed jaffaċċjaw spejjeż ta' żvelar u ta' konformità ta' darba u kontinwi għoljin li jistgħu jiskoraġġixxuhom milli jfittxu ammissjoni għal negozjar f'ċentri ta' negozjar tal-Unjoni. Barra minn hekk, ishma maħruġin minn SMEs f'faċilitajiet tan-negozjar tal-Unjoni għandhom it-tendenza li jbatu minn livelli aktar baxxi ta' likwidità u minn volatilità ogħla, li jżidu l-ispiża tal-kapital, li jagħmlu dan is-sors ta' finanzjament wisq oneruż. Politika orizzontali tal-Unjoni għall-SMEs hija b'hekk essenzjali. Din il-politika jeħtieġ li tkun inklużiva, koerenti u effettiva u trid tikkunsidra s-sottogruppi differenti tal-SMEs u l-ħtiġijiet differenti tagħhom.

(2)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(4) ħolqot tip ġdid ta' ċentri tan-negozjar, is-swieq tat-tkabbir tal-SMEs, subgrupp tal-Faċilitajiet Multilaterali tan-Negozjar ("MTFs"), sabiex tiffaċilita l-aċċess għal kapital għall-SMEs u tippermettilhom jikbru, u biex tiffaċilita aktar żvilupp ta' swieq speċjalisti li jimmiraw li jieħdu ħsieb il-ħtiġijiet ta' emittenti tal-SMEs li għandhom potenzjal ta' tkabbir. Id-Direttiva 2014/65/UE antiċipat ukoll li "jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għall-mod li bih regolamentazzjoni futura għandha tħeġġeġ u tippromwovi aktar l-użu ta' dak is-suq sabiex tagħmlu aktar attraenti għall-investituri, u tipprovdi tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi u aktar inċentivi għall-SMEs biex ikollhom aċċess għal swieq tal-kapital permezz ta' swieq tal-SMEs li qed jespandu". Fil-fehma tiegħu dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal dan ir-Regolament il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali insista li livell baxx ta' komunikazzjoni u approċċi burokratiċi huma ostakli sinifikanti u jrid isir ħafna iktar sforz biex jingħelbu dawn l-ostakli. Barra minn hekk, stqarr li n-naħa t'isfel tal-katina għandha tiġi immirata billi jiġu involuti l-assoċjazzjonijiet tal-SMEs, l-imsieħba soċjali, u l-kmamar tal-kummerċ.

(3)  Madankollu nġibdet l-attenzjoni li emittenti ammessi għall-kummerċ f'suq tat-tkabbir tal-SMEs jibbenefikaw minn relattivament ftit eżenzjonijiet regolatorji meta mqabblin ma' emittenti ammessi għall-kummerċ f'MTFs jew swieq regolati. Ħafna mill-obbligi stipulati fir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill japplikaw bl-istess mod għall-emittenti kollha, irrispettivament mid-daqs tagħhom jew miċ-ċentru ta' negozjar fejn l-istrumenti finanzjarji tagħhom huma ammessi għall-kummerċ. Dak il-livell baxx ta' differenzjazzjoni bejn emittenti tas-suq tat-tkabbir tal-SMEs u tal-MTFs jaġixxi bħala diżinċentiv għall-MTFs milli jfittxu reġistrazzjoni bħala suq tat-tkabbir tal-SMEs, li tidher mill-adozzjoni baxxa li kien hemm sa issa ta' statut bħala suq tat-tkabbir tal-SMEs. Huwa għalhekk meħtieġ li jiddaħħlu mitigazzjonijiet addizzjonali proporzjonati biex jitrawwem b'mod adegwat l-użu tas-swieq tat-tkabbir tal-SMEs.

(4)  Jenħtieġ li l-livell ta' attrazzjoni tas-swieq tat-tkabbir tal-SMEs jiġi rinfurzat bit-tnaqqis tal-kosti ta' konformità u tal-piżijiet amministrattivi li jkollhom l-emittenti ta' swieq tat-tkabbir tal-SMEs. Sabiex jinżammu l-ogħla standards ta' konformità fejn jidħlu swieq regolati, il-mitigazzjonijiet li ssir provvista għaliha f'dan ir-Regolament jenħtieġ li tkun limitata għal kumpaniji elenkati fi swieq tat-tkabbir tal-SMEs, irrispettivament mill-fatt li mhux l-SMEs kollha huma elenkati fi swieq tat-tkabbir tal-SMEs u mhux il-kumpaniji kollha elenkati fi swieq tat-tkabbir tal-SMEs huma SMEs. Skont id-Direttiva 2014/65/UE, sa 50 % ta' kumpaniji mhux SMEs jistgħu jiġu ammessi għall-kummerċ fi swieq tat-tkabbir tal-SMEs sabiex tinżamm il-profittabbiltà tal-mudell tan-negozju tas-swieq tat-tkabbir tal-SMEs, fost l-oħrajn, permezz ta' likwidità f'titoli mhux tal-SMEs. Fid-dawl tar-riskji involuti fl-applikazzjoni ta' ġabriet differenti ta' regoli għal emittenti elenkati fl-istess kategorija ta' faċilitajiet, jiġifieri s-swieq tat-tkabbir tal-SMEs, jenħtieġ li t-tibdiliet stipulati f'dan ir-Regolament ma jkunux limitati biss għal emittenti tal-SMEs. Għal raġunijiet ta' konsistenza għall-emittenti u ċarezza għall-investituri, jenħtieġ li t-tnaqqis tal-ispejjeż għall-konformità u ta' piżijiet amministrattivi japplika għall-emittenti kollha fi swieq tat-tkabbir tal-SMEs, irrispettivament mill-kapitalizzazzjoni tas-suq tagħhom. Jeħtieġ li jkun hemm attenzjoni akbar fuq l-SMEs – fl-aħħar mill-aħħar il-benefiċjarji ta' dan ir-Regolament – u l-ħtiġijiet tagħhom. Is-simplifikazzjoni burokratika hija parti vitali minn dan il-proċess, iżda jeħtieġ li jittieħdu passi oħra. Jeħtieġ li jsiru sforzi biex titjieb l-informazzjoni li hi disponibbli direttament mill-SMEs dwar il-possibbiltajiet ta' finanzjament li jeżistu għalihom, sabiex jitrawwem l-iżvilupp tagħhom.

(4a)  Is-suċċess ta' suq tat-tkabbir tal-SMEs jenħtieġ li ma jitkejjilx sempliċiment bl-għadd ta' kumpaniji elenkati, iżda pjuttost bir-rata tat-tkabbir miksuba mill-kumpaniji elenkati. Jenħtieġ li eżenzjoni regolatorja tkun għall-benefiċċju ta' dawk il-kumpaniji iżgħar li jkollhom potenzjal ta' tkabbir.

(5)  Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, l-iżvelar illegali ta' informazzjoni privileġġata jirriżulta meta persuna tippossjedi informazzjoni privileġġata u tiżvela dik l-informazzjoni lil kwalunkwe persuna oħra, ħlief meta l-iżvelar isir waqt it-twettiq normali ta' impjieg, professjoni jew dmirijiet. Skont l-Artikolu 11 (4), żvelar ta' informazzjoni privileġġata matul sondaġġ tas-suq għandu jitqies li jkun sar waqt it-twettiq normali ta' impjieg, professjoni jew dmirijiet ta' persuna, dejjem jekk ikun hemm konformità ma' ċerti proċeduri stabbilit mill-qafas ta' sondaġġ tas-suq. Sondaġġ tas-suq jikkonsisti mill-komunikazzjoni ta' informazzjoni, qabel titħabbar tranżazzjoni, sabiex jitkejjel l-interess ta' investituri potenzjali fi tranżazzjoni possibbli u l-kundizzjonijiet marbuta magħha bħad-daqs jew il-prezz potenzjali tagħha, lil investitur potenzjali wieħed jew aktar. Matul il-fażi ta' negozjar ta' allokazzjoni privata ta' bonds, ▌ l-emittenti jidħlu f'diskussjonijiet ma' sett limitat ta' investituri kkwalifikati potenzjali (kif definit fir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5)) u jinnegozjaw it-termini u l-kondizzjonijiet kuntrattwali kollha tat-tranżazzjoni ma' dawk l-investituri kkwalifikati. Il-komunikazzjoni ta' informazzjoni, f'dik il-fażi ta' negozjar ta' allokazzjoni privata ta' bonds, timmira li tistruttura u tlesti t-tranżazzjoni kollha, u mhux li tkejjel l-interess ta' investituri potenzjali fir-rigward ta' tranżazzjoni predefinita. L-impożizzjoni ta' sondaġġ tas-suq f'allokazzjonijiet privati ta' bonds xi drabi tista' tkun ta' piż u taġixxi bħala diżinċentiv biex jinbdew diskussjonijiet għal tali tranżazzjonijiet kemm għall-emittenti kif ukoll għall-investituri. Sabiex tiżdied l-attrazzjoni tal-allokazzjoni privata ta' bonds, l-iżvelar ta' informazzjoni privileġġjata lil investituri kkwalifikati għal dawk it-tranżizzjonijiet jenħtieġ li jitqies li jkun sar fit-twettiq normali ta' impjieg, professjoni jew dmirijiet ta' persuna u jenħtieġ li jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tar-reġim tas-sondaġġ tas-suq, sakemm ma jkunx hemm stabbilit ftehim adegwat ta' nuqqas ta' żvelar.

(6)  Ftit likwidità f'ishma ta' emittent tista' tinkiseb permezz ta' mekkaniżmi ta' likwidità bħal arranġamenti ta' ħolqien tas-suq jew kuntratti ta' likwidità. Arranġament ta' ħolqien tas-suq jinvolvi kuntratt bejn l-operatur tas-suq u parti terza li timpenja ruħha li żżomm il-likwidità f'ċerti ishma u tibbenifika minn tnaqqis fuq tariffi ta' negozjar bħala ħlas. Kuntratt ta' likwidità jinvolvi kuntratt bejn emittent u parti terza li tikkommetti li tipprovdi likwidità fl-ishma tal-emittent, u f'ismu. Biex jiġi żgurat li tiġi ppreservata għal kollox l-integrità tas-suq, jenħtieġ li l-kuntratti ta' likwidità jkunu disponibbli għall-emittenti kollha tas-swieq tat-tkabbir tal-SMEs madwar l-Unjoni, soġġett għal għadd ta' kundizzjonijiet. Mhux l-awtoritajiet kompetenti kollha, f'konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, stabbilixxew prattiki tas-suq aċċettati b'rabta ma' kuntratti ta' likwidità ▌, li tfisser li mhux l-emittenti tas-suq tat-tkabbir tal-SMEs kollha attwalment għandhom aċċess għal skemi ta' likwidità fl-Unjoni. Din l-assenza ta' skemi ta' likwidità tista' tkun xkiel għall-iżvilupp effettiv ta' swieq tat-tkabbir tal-SMEs. Huwa għalhekk meħtieġ li jinħoloq qafas tal-Unjoni li ser jippermetti lil emittenti tas-suq tat-tkabbir tal-SMEs jidħlu f'kuntratt ta' likwidità ma' fornitur tal-likwidità fi Stat Membru ieħor fin-nuqqas ta' prattika tas-suq aċċettata stabbilita fil-livell nazzjonali. F'dan il-qafas tal-UE, persuna li tidħol f'kuntratt ta' likwidità bħal dan ma' fornitur tal-likwidità b'hekk ma titqiesx li hi involuta f'manipulazzjoni tas-suq. Madankollu, hu essenzjali li l-qafas tal-Unjoni dwar kuntratti ta' likwidità għal swieq tat-tkabbir tal-SMEs ▌ma jissostitwixxix, iżda pjuttost jikkumplementa, prattiki aċċettati nazzjonali eżistenti jew futuri tas-suq. Hu essenzjali li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jżommu l-possibbiltà li jistabbilixxu prattika tas-suq aċċettata dwar kuntratti ta' likwidità biex ifasslu l-kondizzjonijiet tagħhom apposta għal speċifiċitajiet lokali jew biex jestendu tali ftehimiet għal titoli illikwidi apparti ishma nnegozjati f'ċentri tan-negozjar.

(7)  Sabiex ikun hemm garanzija ta' applikazzjoni uniformi tal-qafas tal-Unjoni għal kuntratti ta' likwidità msemmi fil-premessa 6, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 596/2014 jiġi emendat biex il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta standards tekniċi ta' implimentazzjoni żviluppati mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, bit-tfassil ta' mudell biex jintuża għall-iskop ta' tali kuntratti. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta dawn l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni permezz ta' atti ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 tat-Trattat u skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6).

(7a)  Jenħtieġ li l-użu tas-swieq tat-tkabbir tal-SMEs jiġi mħeġġeġ b'mod attiv. Ħafna SMEs għadhom mhumiex konxji mill-eżistenza tagħhom bħala kategorija ġdida ta' ċentru tan-negozjar.

(8)  Skont l-Artikolu 17(4) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, l-emittenti jistgħu jiddeċiedu li jdewmu l-iżvelar pubbliku ta' informazzjoni privileġġata jekk l-interessi leġittimi tagħhom x'aktarx li jiġu preġudikati. Madankollu l-emittenti huma obbligati li jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti bihom u li jipprovdu spjegazzjoni tar-raġunament għad-deċiżjoni. L-obbligu għal emittenti, li l-istrumenti finanzjarji tagħhom jiġu ammessi għall-kummerċ biss f'suq tat-tkabbir tal-SMEs, li jiddokumentaw bil-miktub ir-raġunijiet għaliex iddeċidew li jdewmu l-iżvelar jista' jkun ta' piż. Huwa kkunsidrat li rekwiżit eħfef għal emittenti li l-istrumenti finanzjarji tagħhom jiġu ammessi għall-kummerċ biss f'suq tat-tkabbir tal-SMEs li jikkonsisti minn obbligu li jiġu spjegati biss ir-raġunijiet għad-dewmien fuq talba mill-awtorità kompetenti mhu se jkollu ebda impatt sinifikanti fuq l-abbiltà tal-awtorità kompetenti li tissorvelja l-iżvelar ta' informazzjoni privileġġata, filwaqt li ▌jnaqqas il-piż amministrattiv għal emittenti tas-swieq tat-tkabbir tal-SMEs, sakemm l-awtoritajiet kompetenti ▌xorta jiġu notifikati bid-deċiżjoni li jkun hemm dewmien u li jkunu f'pożizzjoni li jiftħu investigazzjoni jekk ikollhom dubju rigward tali deċiżjoni.

(9)  Ir-rekwiżit anqas strett attwali għal emittenti tas-swieq tat-tkabbir tal-SMEs li jippreżentaw, f'konformità mal-Artikolu 18(6) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, lista ta' persuni b'informazzjoni privileġġata biss fuq talba tal-awtorità kompetenti, hu ta' effett prattiku limitat, għaliex dawn l-emittenti xorta għadhom soġġetti għal sorveljanza kontinwa tal-persuni li jikkwalifikaw bħala persuni b'informazzjoni privileġġata fil-kuntest ta' proġetti li għaddejjin. Jenħtieġ li l-eżenzjoni eżistenti għalhekk tkun sostitwita bil-possibbiltà għal emittenti tas-swieq tat-tkabbir tal-SMEs li jżommu biss lista ta' ▌persuni li, fil-qadi normali ta' dmirijiethom, ikollhom aċċess regolari għal informazzjoni privileġġata, bħal diretturi, membri ta' korpi amministrattivi jew konsulenti interni. Ikun ta' piż għall-emittenti tas-swieq tat-tkabbir tal-SMEs li jaġġornaw minnufih il-lista sħiħa ta' persuni b'informazzjoni privileġġata li tinsab fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/347. Madankollu, peress li xi Stati Membri jqisu li l-listi ta' persuni b'informazzjoni privileġġata huma element importanti biex jiġi żgurat livell ogħla ta' integrità tas-suq, jenħtieġ li l-Istati Membri jingħataw l-għażla li jintroduċu rekwiżit għall-emittenti tas-swieq tat-tkabbir tal-SMEs li jipprovdu listi aktar estensivi ta' persuni b'informazzjoni privileġġata li jinkludu l-persuni kollha li għandhom aċċess għal informazzjoni privileġġata. Madankollu, b'kont meħud tal-ħtieġa li jiġi żgurat piż amministrattiv proporzjonat għall-SMEs, dawn il-listi għandu jkun fihom ammont eżentat ta' informazzjoni meta mqabbla ma' listi sħaħ ta' persuni b'informazzjoni privileġġata.

(9a)  Huwa essenzjali li jiġi ċċarat li l-obbligu li jiġu stabbiliti listi ta' persuni b'informazzjoni privileġġata jaqa' kemm fuq l-emittenti kif ukoll fuq persuni li jaġixxu f'isimhom jew akkont tagħhom. Ir-responsabbiltajiet tal-persuni li jaġixxu f'isem l-emittent jew akkont tiegħu f'dak li jirrigwarda l-istabbiliment tal-listi ta' persuni b'informazzjoni privileġġata jenħtieġ li jiġu ċċarati biex jiġu evitati interpretazzjonijiet u prattiki diverġenti madwar l-Unjoni. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 jenħtieġ li jiġu emendati kif meħtieġ.

(10)  F'konformità mal-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, jenħtieġ li l-emittenti jippubblikaw it-tranżazzjonijiet imwettqa minn persuni li jeżerċitaw responsabbiltajiet maniġerjali ("PDMRs") u persuni assoċjati mill-qrib magħhom ("PCAs") fi żmien tlett ijiem wara t-tranżazzjoni. L-istess data ta' skadenza tapplika għal PDMRs u PCAs fir-rigward tad-dmir tagħhom li jirrappurtaw it-tranżazzjonijiet tagħhom lill-emittent. Fejn emittenti u parteċipanti fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet jiġu nnotifikati tard minn PDMRs u PCAs bit-tranżazzjonijiet tagħhom, tkun ta' sfida teknika għal dawk l-emittenti u parteċipanti fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet li jikkonformaw mad-data ta' skadenza ta' tlett ijiem, li tista' toħloq kwistjonijiet ta' responsabbiltà. ▌Għalhekk, jenħtieġ li l-emittenti u parteċipanti fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet jitħallew jiżvelaw tranżazzjonijiet fi żmien jumejn wara li dawn it-tranżazzjonijiet ikunu ġew innotifikati mill-PDMRs jew il-PCAs.

(10a)  L-Artikolu 1(4) (għal offerti ta' titoli lill-pubbliku) u 1(5) tar-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jippermetti li emittent, taħt ċerti kondizzjonijiet, ma jfassalx prospett, f'każ ta' offerta ta' skambju, fużjoni jew diviżjoni. Minflok, dokument li jkun fih informazzjoni minima li tiddeskrivi t-tranżazzjoni u l-impatt tagħha fuq l-emittent irid isir disponibbli fis-suq. Dan id-dokument la jiġi eżaminat, u lanqas approvat minn awtorità kompetenti nazzjonali u l-kontenut tiegħu jenħtieġ li jiġi eżentat meta mqabbel ma' prospett. Konsegwenza mhux intenzjonata ta' tali eżenzjoni hi li, f'xi ċirkustanzi, kumpanija ta' emittenti mhux elenkata tista' tagħmel ammissjoni inizjali tal-ishma tagħha għall-kummerċ mingħajr ma tipproduċi prospett, filwaqt li tevita kull rieżami minn awtorità kompetenti nazzjonali tal-informazzjoni mogħtija lis-suq. Hu b'hekk xieraq li jiġi introdott rekwiżit biex jiġi abbozzat prospett għal emittent mhux elenkat li jrid ammissjoni għall-kummerċ wara offerta ta' skambju, fużjoni jew diviżjoni.

(10b)  L-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bħalissa ma jippermettix l-użu ta' prospett simplifikat għal emittenti li t-titoli ta' ekwità tagħhom ikunu ġew ammessi għall-kummerċ f'suq regolat jew Suq tat-Tkabbir tal-SMEs kontinwament għal mill-inqas 18-il xahar u li jfittxu li joħorġu titoli li jagħtu aċċess għal titoli ta' ekwità funġibbli ma' titoli ta' ekwità li jkunu nħarġu qabel. Għaldaqstant, l-Artikolu 14 għandu jiġi emendat biex l-emittenti jkunu jistgħu jużaw il-prospett simplifikat.

(11)  Jenħtieġ li s-swieq tat-tkabbir tal-SMEs ma jiġux ipperċepiti bħala l-aħħar pass fl-espansjoni ta' emittenti u jenħtieġ li jippermettu lil kumpaniji ta' suċċess jikbru u xi darba jimxu għal swieq regolati biex jibbenefikaw minn likwidità akbar u ġabra ta' investituri akbar. Sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni minn suq tat-tkabbir tal-SMEs għal suq regolat, jenħtieġ li kumpaniji li qed jikbru jkunu kapaċi jużaw ir-reġim ta' żvelar simplifikat ▌kif stipulat fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għall-ammissjoni f'suq regolat ta' titoli funġibbli ma' titoli li jkunu nħarġu qabel, dejjem sakemm dawk il-kumpaniji jkunu offrew titoli lill-pubbliku li jkunu ġew ammessi kontinwament għall-kummerċ f'suq tat-tkabbir tal-SMEs għal mill-anqas sentejn u jkunu kkonformaw bis-sħiħ mal-obbligi ta' rappurtar u żvelar tul il-perijodu sħiħ li fih ikunu ġew elenkati. Jenħtieġ li dak il-perijodu jippermetti lill-emittenti jkollhom rekord suffiċjenti u jipprovdu lis-suq b'informazzjoni dwar il-prestazzjoni finanzjarja tagħhom u rekwiżiti ta' rappurtar skont ir-regoli tad-Direttiva 2014/65/UE.

(12)  Skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7), l-emittenti tas-suq tat-tkabbir tal-SMEs mhumiex obbligati jippubblikaw id-dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħhom fl-Istandards Internazzjonali ta' Rapportar Finanzjarju. Madankollu, biex ikun evitat li jitbiegħdu minn standards tas-suq regolat, jenħtieġ li l-emittenti tas-swieq tat-tkabbir tal-SMEs li jixtiequ jużaw ir-reġim ta' żvelar simplifikat għal trasferiment għal suq regolat jippreparaw l-aħħar dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħhom, inkluż informazzjoni komparattiva għas-sena preċedenti skont dak ir-Regolament, dejjem jekk ikunu meħtieġa jħejju kontijiet ikkonsolidati. L-emittenti tas-suq tat-tkabbir tal-SMEs li ma jkollhomx iħejju kontijiet ikkonsolidati jenħtieġ li jikkonformaw mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li fih il-kumpanija tkun inkorporata.

(12a)  L-għan ta' dan ir-Regolament huwa kompletament konsistenti mal-għanijiet tal-prospett tal-UE għat-tkabbir, kif jinsab fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Il-Prospett tal-UE għat-Tkabbir huwa qasir u għalhekk ekonomiku biex jiġi prodott, u dan inaqqas l-ispejjeż għall-SMEs. L-SMEs jenħtieġ li jkunu jistgħu jagħżlu li jużaw il-Prospett tal-UE għat-Tkabbir. Id-definizzjonijiet attwali tal-SMEs fir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jistgħu jkunu restrittivi wisq, b'mod partikolari għal emittenti li jfittxu ammissjoni għall-kummerċ f'Suq tat-Tkabbir tal-SMEs li għandhom tendenza jkunu ikbar minn SMEs tradizzjonali. Bħala riżultat, fir-rigward tal-offerti pubbliċi, immedjatament segwiti minn ammissjoni inizjali għall-kummerċ f'Suq tat-Tkabbir tal-SMEs, kumpaniji iżgħar ma jkunux jistgħu jużaw il-prospett tal-UE għat-Tkabbir, anki jekk il-kapitalizzazzjoni tas-suq tagħhom wara l-ammissjoni inizjali tagħhom għall-kummerċ tkun inqas minn EUR 200 miljun. Bħala konsegwenza, l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jenħtieġ li jiġi emendat biex il-kumpaniji li jfittxu offerta pubblika b'kapitalizzazzjoni tentattiva tas-suq ta' taħt EUR 200 miljun jkunu jistgħu jfasslu Prospett għat-Tkabbir tal-UE.

(12b)  Meta titqies l-importanza tal-SMEs għall-funzjonament tal-ekonomija tal-Unjoni, jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali għall-impatt tas-servizzi finanzjarji tal-Unjoni fuq il-finanzjament tal-SMEs. Biex jingħata effett lil din l-importanza, meta tagħmel ir-rieżami tal-leġislazzjoni kollha li taffettwa l-finanzjament tal-AMEs elenkati u dawk mhux elenkati, il-Kummissjoni jenħtieġ li tanalizza ostakli regolatorji u amministrattivi, inkluż fir-riċerka, li jillimitaw jew jipprevjenu l-investiment fl-SMEs. Meta tagħmel dan, il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta l-evoluzzjoni tal-flussi ta' kapital fl-SMEs u tagħmel ħilitha biex toħloq ambjent regolatorju favorevoli biex irawwem il-finanzjament tal-SMEs.

(13)  Għalhekk jenħtieġ li r-Regolamenti (UE) Nru 596/2014 u (UE) Nru 2017/1129 jiġu emendati kif xieraq.

(14)  L-emendi stipulati f'dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Madankollu, l-Artikolu 1 japplika minn 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 596/2014

Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 huwa emendat kif ġej:

1.  fl-Artikolu 11, jiddaħħal il-Paragrafu 1a li ġej:"

"1a. Fejn offerta għal titoli tiġi indirizzata biss lil investituri kwalifikati kif iddefinit fl-Artikolu 2(e) tar-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*, il-komunikazzjoni ta' informazzjoni lil dawn l-investituri kwalifikati għall-għanijiet ta' negozjar tat-termini u kundizzjonijiet kuntrattwali tal-parteċipazzjoni tagħhom fi ħruġ ta' bonds minn emittent li jkollu strumenti finanzjarji ammessi għall-kummerċ f'post ta' kummerċ, jew minn parti terza li taġixxi f'isimha jew akkont tagħha, ma għandhiex tikkostitwixxi sondaġġ tas-suq. Din il-komunikazzjoni għandha ssir fit-twettiq normali ta' impjieg, professjoni jew dmirijiet ta' persuna skont l-Artikolu 10(1), u b'hekk ma għandhiex tikkostitwixxi żvelar illegali ta' informazzjoni privileġġata. Dak l-emittent għandu jiżgura li l-investituri li jkunu qed jirċievu l-informazzjoni jkunu konxji ta', u jirrikonoxxu bil-miktub, id-dmirijiet legali u regolatorji involuti u jkunu konxji mis-sanzjonijiet applikabbli għall-abbuż ta' informazzjoni privileġġata u żvelar illegali ta' informazzjoni privileġġata.

* Ir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f'suq regolat, u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE (ĠU L 168, 30.6.2017, p. 12).";

"

2.  fl-Artikolu 13, jiddaħħlu l-paragrafi 12 u 13 li ġejjin:"

"12. Mingħajr preġudizzju lejn prattiki aċċettati nazzjonali tas-suq stabbiliti skont il-paragrafi 1 sa 11, emittent li l-istrumenti finanzjarji tiegħu jiġu ammessi għall-kummerċ f'suq tat-tkabbir tal-SMEs huwa awtorizzat jidħol f'kuntratt ta' likwidità għall-ishma tiegħu, bl-użu ta' mudell tal-Unjoni li għandu jiġi żviluppat mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq skont il-paragrafu 13, fejn huma sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

   (a) it-termini u kondizzjonijiet tal-kuntratt ta' likwidità huma konformi mal-kriterji stipulati fl-Artikolu 13(2) ta' dan ir-Regolament u fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/908**;
   (b) il-kuntratt ta' likwidità huwa stabbilit skont il-mudell kif imsemmi fil-paragrafu 13;
   (c) il-fornitur tal-likwidità huwa awtorizzat kif meħtieġ mill-awtorità kompetenti skont id-Direttiva 2014/65/UE u hu rreġistrat bħala membru tas-suq mal-operatur tas-suq jew id-ditta tal-investiment li topera s-suq tat-tkabbir tal-SMEs;
   (d) l-operatur tas-suq jew id-ditta tal-investiment li joperaw is-suq tat-tkabbir tal-SMEs jirrikonoxxu bil-kitba lill-emittent li rċevew kopja tal-kuntratt ta' likwidità u jaqblu mat-termini u kundizzjonijiet tal-kuntratt.

L-emittent imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandu jkun kapaċi juri fi kwalunkwe ħin li l-kundizzjonijiet li taħthom ġie stabbilit il-kuntratt huma ssodisfati fuq bażi kontinwa. Dak l-emittent u d-ditta tal-investiment li joperaw is-suq tat-tkabbir tal-SMEs għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti b'kopja tal-kuntratt tal-likwidità fuq talba tagħhom.

13.  L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' Standards Tekniċi Regolatorji biex tiddetermina mudell kuntrattwali msemmi fil-paragrafu 12 li għandu jintuża għall-għanijiet ta' dħul f'kuntratt ta' likwidità biex tkun żgurata konformità mal-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2, inkluż fir-rigward tat-trasparenza u l-prestazzjoni tad-dispożizzjoni tal-likwidità.

L-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa … [tmien xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament].

Is-setgħa hija delegata lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

** Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/908 tas-26 ta' Frar 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula standards tekniċi regolatorji dwar il-kriterji, il-proċedura u r-rekwiżiti biex tiġi stabbilita prattika tas-suq aċċettata u r-rekwiżiti biex tinżamm, tiġi terminata jew jiġu modifikati l-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni tagħha (ĠU L 153, 10.6.2016, p. 3).";

"

3.  fl-Artikolu 17(4), jinżied is-subparagrafu li ġej:"

"B'deroga mit-tielet subparagrafu, l-emittent li l-istrumenti finanzjarji tiegħu jkunu ammessi biss għall-kummerċ f'suq tat-tkabbir tal-SMEs, ▌ għandu jipprovdi spjegazzjoni bil-miktub lill-awtorità kompetenti ▌biss fuq talba. Sakemm l-emittent ikun jista' jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu għal dewmien, ma jkunx mitlub iżomm rekord ta' dik l-ispjegazzjoni.";

"

4.  fl-Artikolu 18, il-paragrafi 1 sa 6 jiġu sostitwiti b'dan li ġej:"

"1. Emittenti u kwalunkwe persuna li taġixxi f'isimhom jew akkont tagħhom, kull wieħed minnhom għandu:

   (a) ifassal lista tal-persuni kollha li għandhom aċċess għal informazzjoni privileġġata u li qed jaħdmu għalihom taħt kuntratt ta' impjieg, jew inkella jwettqu kompiti li permezz tagħhom għandhom aċċess għal informazzjoni privileġġata, bħal konsulenti, kontabilisti jew aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu (lista' ta' persuni b'informazzjoni privileġġata);
   (b) jaġġorna l-lista ta' persuni b'informazzjoni privileġġata fil-pront skont il-paragrafu 4; u
   (c) jipprovdu l-lista ta' persuni b'informazzjoni privileġġata lill-awtorità kompetenti malajr kemm jista' jkun fuq talba tagħha.

2.  L-emittenti u kwalunkwe persuna li taġixxi f'isimhom jew akkont tagħhom, għandhom jieħdu l-passi raġonevoli kollha biex jiżguraw li kwalunkwe persuna fuq il-lista ta' persuni b'informazzjoni privileġġata tagħraf bil-miktub id-dmirijiet legali u regolatorji involuti u tkun konxja mis-sanzjonijiet applikabbli għal abbuż ta' informazzjoni privileġġata u żvelar illegali ta' informazzjoni privileġġata.

Fejn persuna oħra tintalab mill-emittent tfassal u taġġorna l-lista ta' persuni b'informazzjoni privileġġata, l-emittent jibqa' kompletament responsabbli milli jikkonforma ma' dan l-Artikolu. L-emittent għandu dejjem iżomm dritt ta' aċċess għal-lista ta' persuni b'informazzjoni privileġġata li l-persuna l-oħra tkun qed tfassal.

3.  Il-lista ta' persuni b'informazzjoni privileġġata għandha tinkludi tal-anqas:

   (a) l-identità ta' kwalunkwe persuna li jkollha aċċess għal informazzjoni privileġġata;
   (b) ir-raġuni għaliex dik il-persuna ddaħħlet fil-lista ta' persuni b'informazzjoni privileġġata;
   (c) id-data u l-ħin li fihom dik il-persuna kisbet aċċess għal informazzjoni privileġġata; u
   (d) id-data li fiha nkitbet il-lista ta' persuni b'informazzjoni privileġġata.

4.  L-emittenti u kwalunkwe persuna li taġixxi f'isimhom jew akkont tagħhom għandhom it-tnejn jaġġornaw il-lista ta' persuni b'informazzjoni privileġġata tagħhom fil-pront, inkluż id-data tal-aġġornament, fiċ-ċirkustanzi li ġejjin:

   (a) meta jkun hemm bidla fir-raġuni għaliex tiddaħħal persuna li tkun diġà fil-lista ta' persuni b'informazzjoni privileġġata;
   (b) meta jkun hemm persuna ġdida li jkollha aċċess għal informazzjoni privileġġata u teħtieġ, għalhekk, tinżied mal-lista ta' persuni b'informazzjoni privileġġata; u
   (c) meta persuna ma jibqax ikollha aċċess għal informazzjoni privileġġata.

Kull aġġornament għandu jispeċifika d-data u l-ħin meta tkun seħħet il-bidla li wasslet għall-aġġornament.

5.  L-emittenti u kwalunkwe persuna li taġixxi f'isimhom jew akkont tagħhom għandhom iżommu l-lista ta' persuni b'informazzjoni privileġġata tagħhom għal perijodu ta' mill-inqas ħames snin wara li tkun tfasslet jew ġiet aġġornata.

6.  Emittenti li l-istrumenti finanzjarji tagħhom huma ammessi għan-negozjar f'suq tat-tkabbir tal-SMEs għandhom ikunu awtorizzati sabiex jinkludu fil-listi ta' persuni b'informazzjoni privileġġata tagħhom biss lil dawk il-persuni li, minħabba n-natura tal-funzjoni jew pożizzjoni tagħhom fir-rigward tal-emittent, għandhom aċċess regolari għal informazzjoni privileġġata.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu u fejn ġustifikat minn tħassib speċifiku dwar l-integrità tas-suq nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-emittenti li l-istrumenti finanzjarji tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq tat-tkabbir tal-SMEs biex jużaw listi tal-persuni kollha b'informazzjoni privileġġata kif definit skont il-punt a tal-paragrafu 1, li jkun fihom informazzjoni speċifika fil-format żviluppat mill-ESMA, skont it-tielet subparagrafu.

L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni biex tiddetermina l-format preċiż tal-listi ta' persuni b'informazzjoni privileġġata kif imsemmi fit-tieni paragrafu billi jiġu żviluppati standards tekniċi ta' implimentazzjoni. Il-format tal-listi ta' persuni b'informazzjoni privileġġata għandu jkun proporzjonat u eħfef meta mqabbel mal-format tal-listi ta' persuni b'informazzjoni privileġġata msemmija fil-paragrafu 9 ta' dan l-Artikolu.

L-ESMA għandha tippreżenta dawk l-abbozzi ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sa [tmien xhur wara d-dħul fis-seħħ]. Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fit-tielet subparagrafu f'konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Dik il-lista għandha tiġi pprovduta lill-awtorità kompetenti mill-aktar fis possibbli fuq it-talba tagħha.";

"

5.  fl-▌Artikolu 19(3), l-ewwel subparagrafu jinbidel b'dan li ġej ▌:"

"L-emittent jew il-parteċipant fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet għandu jkollu jumejn ta' xogħol wara li jirċievi n-notifika kif imsemmi fil-paragrafu 1 biex jagħmel pubblika l-informazzjoni li tinsab f'dik in-notifika.";

"

5a.  L-Artikolu 35(2) jinbidel b'dan li ġej:"

"2. Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 6(5) u (6), l-Artikolu 12(5), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(2), l-Artikolu 17(3) u l-Artikolu 19(13) u (14) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin minn ... [id-data tad-dħul fis-seħħ tal-att emendatorju]. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta' tul identiku ta' żmien, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perijodu.".

"

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament (UE) ▌2017/1129

▌Ir-Regolament (UE) 2017/1129 huwa emendat kif ġej:

1.  fl-Artikolu 1, jiddaħħlu l-punti 6a u 6b li ġejjin:"

"6a. L-eżenzjonijiet stipulati fil-punt (f) tal-paragrafu 4 u fil-punt (e) tal-paragrafu 5 għandhom japplikaw biss fir-rigward tat-titoli ta' ekwità fejn:

   (a) It-titoli ta' ekwità offerti diġà ġew ammessi għall-kummerċ f'suq regolat qabel ix-xiri u t-tranżazzjoni, u x-xiri ma jitqiesx bħala tranżazzjoni ta' akkwist invers fis-sens tal-paragrafu B19 tal-IFRS 3, Kombinamenti ta' Negozji kif approvat mill-Unjoni Ewropea, jew
   (b) l-awtorità li għandha l-kompetenza teżamina d-dokument tal-offerta skont id-Direttiva 2004/25/KE tkun ħarġet approvazzjoni minn qabel tad-dokument imsemmi fil-punt (f) tal-paragrafu 4 jew il-punt (e) tal-paragrafu 5.

6b.  L-eżenzjonijiet stipulati fil-punt (g) tal-paragrafu 4 u fil-punt (f) tal-paragrafu 5 għandhom japplikaw biss fir-rigward tat-titoli ta' ekwità fil-każijiet li ġejjin:

   (a) it-titoli ta' ekwità tal-entità li tkun għamlet l-akkwist ikunu diġà ġew ammessi għall-kummerċ f'suq regolat qabel it-tranżazzjoni;
   (b) it-titoli ta' ekwità tal-entità soġġetta għad-diviżjoni jkunu diġà ġew ammessi għall-kummerċ f'suq regolat qabel it-tranżazzjoni;
   (c) il-fużjoni ma tkunx tikkwalifika bħala "tranżazzjoni ta' akkwist invers" fis-sens tal-paragrafu B19 tal-IFRS 3, Kombinamenti ta' Negozji kif approvat mill-Unjoni Ewropea.";

"

2.   L-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

(a)   l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)  il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:"

"(b) Mingħajr preġudizzju lejn l-Artikolu 1(5), emittenti li t-titoli ta' ekwità tagħhom ikunu ġew ammessi għall-kummerċ f'suq regolat jew suq tat-tkabbir tal-SMEs kontinwament għal mill-inqas 18-il xahar u li joħorġu titoli mingħajr ekwità jew titoli li jagħtu aċċess għal titoli ta' ekwità funġibbli mat-titoli ta' ekwità eżistenti tal-emittent diġà ammess għall-kummerċ;";

"

(ii)  jinżied il-punt li ġej:"

"(d) emittenti li t-titoli tagħhom ikunu ġew offruti lill-pubbliku u ammessi għall-kummerċ jew suq tat-tkabbir tal-SMEs kontinwament għal mill-inqas sentejn, u jkunu kkonformaw bis-sħiħ mal-obbligi ta' rappurtar u żvelar tul il-perijodu sħiħ tal-ammissjoni għall-kummerċ u li jfittxu ammissjoni ▌għall-kummerċ f'suq regolat ta' titoli funġibbli ma' titoli li jkunu nħarġu qabel.";

"

(b)   ▌ il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)  fit-tieni subparagrafu, tinżied is-sentenza li ġejja:"

"Għal emittenti msemmija fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, li t-titoli tagħhom ikunu ġew ammessi għall-kummerċ f'suq tat-tkabbir tal-SMEs u li ser ikunu meħtieġa jħejju kontijiet ikkonsolidati skont id-Direttiva 2013/34/UE wara l-ammissjoni tat-titoli tagħhom għall-kummerċ f'suq regolat, l-aħħar dikjarazzjonijiet finanzjarji skont l-Artikolu 14(3)(a), li fihom informazzjoni komparattiva għas-sena preċedenti inkluża fil-prospett simplifikat, għandhom jitħejjew skont l-Istandards Internazzjonali ta' Rapportar Finanzjarju kif approvat mill-Unjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002***.

________________________________

*** Ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1).";

"

(ii)  jinżiedu s-subparagrafi li ġejjin:"

"Għal emittenti kif imsemmija fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 li t-titoli tagħhom ikunu ġew ammessi għall-kummerċ f'suq tat-tkabbir tal-SMEs u li mhux ser ikunu meħtieġa jħejju kontijiet ikkonsolidati skont id-Direttiva 2013/34/UE wara l-ammissjoni tat-titoli tagħhom għall-kummerċ f'suq regolat, l-aħħar dikjarazzjonijiet finanzjarji skont l-Artikolu 14(3)(a), li fihom informazzjoni komparattiva għas-sena preċedenti inkluża fil-prospett simplifikat, għandhom jitħejjew skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li fih tkun inkorporata l-kumpanija.

Għal emittenti ta' pajjiż terz li t-titoli tagħhom ikunu ġew ammessi għall-kummerċ f'suq tat-tkabbir tal-SMEs, l-aħħar dikjarazzjonijiet finanzjarji skont l-Artikolu 14(3)(a), li fihom informazzjoni komparattiva għas-sena preċedenti inkluża fil-prospett simplifikat, għandhom jitħejjew skont l-istandard nazzjonali tal-kontabilità tal-pajjiż terz ekwivalenti għar-Regolament (KE) Nru 1606/2002. Jekk l-istandards nazzjonali tal-kontabilità ta' dan il-pajjiż terz ma jkunux ekwivalenti għall-IFRS id-dikjarazzjonijiet finanzjarji għandhom jerġgħu jiġu ddikjarati skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002.";

"

(c)  il-punt (e) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 jiġi emendat kif ġej:"

"(e) għal titoli ta' ekwità, inkluż titoli li jagħtu aċċess għal titoli ta' ekwità, id-dikjarazzjoni tal-kapital operatorju, id-dikjarazzjoni tal-kapitalizzazzjoni u l-pożizzjoni ta' dejn, żvelar ta' kunflitti ta' interess rilevanti u tranżazzjonijiet ma' parti relatata, azzjonisti maġġuri u, fejn applikabbli, informazzjoni finanzjarja pro forma.";

"

3.  Fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1), jiddaħħal il-punt li ġej:"

"(ca) emittenti, minbarra SMEs, li joffru ishma lill-pubbliku fl-istess waqt li japplikaw għal ammissjoni ta' dawk l-ishma f'suq tat-tkabbir tal-SMEs, dejjem jekk ma jkollhomx ishma diġà ammessi għall-kummerċ f'suq tat-tkabbir tal-SMEs u li l-prodott taż-żewġ komponenti li ġejjin ikun inqas minn EUR 200 000 000:

   (i) il-prezz tal-offerta finali jew il-prezz massimu fil-każ imsemmi fil-punt (b)(i) tal-Artikolu 17(1);
   (ii) l-għadd totali ta' ishma pendenti immedjatament wara l-offerta ta' ishma lill-pubbliku, ikkalkulat jew fuq l-ammont ta' ishma offruti lill-pubbliku jew fuq l-ammont massimu ta' ishma offruti lill-pubbliku, fil-każ imsemmi fil-punt (b)(i) tal-Artikolu 17(1).";

"

4.  Fl-Anness V, il-punt II jinbidel b'dan li ġej:"

"II. Dikjarazzjoni tal-kapitalizzazzjoni u l-pożizzjoni ta' dejn (biss għal titoli ta' ekwità maħruġa minn kumpanniji b'kapitalizzazzjoni tas-suq 'il fuq minn EUR 200 000 000) u dikjarazzjoni tal-kapital operatorju (għal titoli ta' ekwità biss).

L-għan huwa li tingħata informazzjoni dwar il-kapitalizzazzjoni u l-pożizzjoni ta' dejn tal-emittent u informazzjoni dwar jekk il-kapital operatorju huwiex biżżejjed biex jaqdi l-ħtiġijiet preżenti tal-emittent jew, jekk le, kif l-emittent jipproponi li jipprovdi l-kapital operatorju addizzjonali meħtieġ."

"

Artikolu 2a

Emendi għad-Direttiva 2014/65/UE

Fl-Artikolu 33 tad-Direttiva 2014/65/UE, jinżied il-paragrafu li ġej:"

"9. Il-Kummissjoni għandu tistabbilixxi grupp ta' esperti magħmul minn partijiet ikkonċernati [sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament] biex jissorvelja s-suċċess tas-swieq tat-tkabbir tal-SMEs. Sa [18-il xahar wara dħul fis-seħħ tar-Regolament], il-grupp ta' partijiet ikkonċernati għandu jippublika rapport dwar il-konklużjonijiet tieħu."

"

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika minn... [id-data tad-dħul fis-seħħ]. Madankollu, l-Artikolu 1 japplika minn [12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ.]

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il- President

Or. en

(1)* IL-FINALIZZAZZJONI LEGALI-LINGWISTIKA TA' DAN IT-TEST GĦADHA MA SARITX.
(2)ĠU C 440, 6.12.2018, p. 79.
(3)Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2019.
(4)Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).
(5)Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f'suq regolat, u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE.
(6)Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).
(7)Ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1).

Aġġornata l-aħħar: 24 ta' April 2019Avviż legali