Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2732(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0013/2019

Dibattiti :

PV 18/07/2019 - 3.1
CRE 18/07/2019 - 3.1

Votazzjonijiet :

PV 18/07/2019 - 7.1

Testi adottati :

P9_TA(2019)0004

Testi adottati
PDF 130kWORD 53k
Il-Ħamis, 18 ta' Lulju 2019 - Strasburgu Verżjoni finali
Is-sitwazzjoni f'Hong Kong
P9_TA(2019)0004RC-B9-0013/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Lulju 2019 dwar is-sitwazzjoni f'Hong Kong (2019/2732(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Hong Kong,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mill-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tat-12 ta' Ġunju 2019 dwar il-protesti li qed isiru kontra r-riformi proposti dwar l-estradizzjoni f'Hong Kong,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mill-Kelliem tas-SEAE tal-1 ta' Lulju 2019 dwar l-aħħar żviluppi f'Hong Kong,

–  wara li kkunsidra l-Liġi Bażika tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali (SAR) ta' Hong Kong, adottata fl-4 ta' April 1990, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1997,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Gvern tar-Renju Unit u tal-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-Kwistjoni ta' Hong Kong tad-19 ta' Diċembru 1984, magħrufa wkoll bħala d-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-8 ta' Mejju 2019, intitolata "Ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong: Rapport Annwali 2018",

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni konġunta tal-21 Summit bejn l-UE u ċ-Ċina tad-9 ta' April 2019,

–  wara li kkunsidra d-djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem, varat fl-1995, u s-37 ċiklu ta' dan id-djalogu, li sar fl-1 u t-2 ta' April 2019,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tal-VP/RGħ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2019 intitolata ''L-UE u ċ-Ċina – Prospettiva strateġika",

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra r-reviżjoni perjodika universali (UPR) tan-Nazzjonijiet Uniti dwar iċ-Ċina li saret f'Novembru 2018

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt għandhom jibqgħu fiċ-ċentru tar-relazzjoni li ilha stabbilita bejn l-UE u ċ-Ċina, bi qbil mal-impenn tal-UE li ssostni dawn il-valuri fl-azzjoni esterna tagħha, kif ukoll mal-interess li wriet iċ-Ċina li tikkonforma ma' dawn l-istess valuri fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp u internazzjonali tagħha;

B.  billi l-Gvern tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong (HKSAR) ressaq l-Abbozz ta' Liġi (Emendatorju) dwar it-Trasgressuri Maħruba u l-Assistenza Legali Reċiproka f'Materji Kriminali 2019 biex jemenda l-Ordinanza dwar it-Trasgressuri Maħrubin (FOO) u l-Ordinanza dwar l-Assistenza Legali Reċiproka f'Materji Kriminali (MLAO);

C.  billi l-mexxejja ta' Hong Kong, Carrie Lam, fid-9 ta' Lulju 2019 ħabbret li l-leġiżlazzjoni hekk mibgħuda kienet "mejta"; billi qagħdet lura milli tħabbar li l-abbozz kien se jiġi rtirat;

D.  billi l-abbozz ta' liġi propost jista' jiffaċilita li persuni jittieħdu ċ-Ċina għal raġunijiet politiċi u l-esponiment tagħhom għal sistema ġudizzjarja b'nuqqasijiet serji rigward id-drittijiet tal-bniedem; billi, skont l-emendi proposti, il-qorti ta' Hong Kong ma jkollhiex il-ġurisdizzjoni ċara u espliċita u l-obbligu legali li teżamina d-diversi drittijiet tal-bniedem involuti f'każijiet li jkunu qed jiġu ttrattati mill-qrati fiċ-Ċina kontinentali jew f'pajjiżi oħra;

E.  billi l-ġudikatura taċ-Ċina kontinentali hija nieqsa mill-indipendenza mill-gvern u mill-Partit Komunista Ċiniż u hija kkaratterizzata minn detenzjoni arbitrarja, tortura u tipi oħra ta' maltrattament, ksur serju tad-dritt għal proċess ġust, għajbien furzat u diversi sistemi ta' detenzjoni f'iżolament mid-dinja ta' barra u mingħajr proċess;

F.  billi ħafna ċittadini ta' Hong Kong, minn attivisti favur id-demokrazija għal nies tan-negozju, jibżgħu li jiġu estraditi lejn iċ-Ċina kontinentali;

G.  billi n-nies ta' Hong Kong niżlu fit-toroq f'għadd bla preċedent, u b'hekk eżerċitaw b'mod paċifiku d-dritt fundamentali tagħhom li jingħaqdu u li jipprotestaw; billi, fit-12 ta' Ġunju 2019, għaxriet ta' eluf ta' dimostranti nġabru madwar il-binja tal-Kunsill Leġiżlattiv u t-toroq ta' madwaru, filwaqt li talbu lill-gvern iwaqqa' l-emendi li kien ippropona għal-liġi ta' Hong Kong dwar l-estradizzjoni;

H.  billi aktar minn 70 NGO tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom Amnesty International, Human Rights Watch, Human Rights Monitor, l-Assoċjazzjoni tal-Avukati ta' Hong Kong u s-Soċjetà tal-Liġi ta' Hong Kong, kienu indirizzaw ittra kollettiva lill-Kap Eżekuttiv Lam, bit-talba li l-gvern tagħha jabbanduna l-abbozz ta' liġi dwar l-estradizzjoni peress li kien jirrappreżenta theddida għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

I.  billi l-pulizija ta' Hong Kong użaw l-atti vjolenti ta' għadd żgħir ta' dimostranti bħala skuża biex jużaw forza bla bżonn u eċċessiva kontra l-maġġoranza enormi paċifika, inkluż l-użu ta' gass tad-dmugħ, balal tal-gomma, munizzjoni "beanbag" u sprej tal-bżar, ikkaratterizzaw l-inċident bħala rewwixta u b'hekk għaddew biex jagħmlu diversi tużżani ta' arresti; billi diversi persuni ġew akkużati li ħadu sehem f'rewwixta, offiża punibbli b'sentenza ta' 10 snin ħabs;

J.  billi, tul is-snin, in-nies ta' Hong Kong raw dimostrazzjonijiet tal-massa favur id-demokrazija u l-implimentazzjoni sħiħa tal-Liġi Bażika, bħall-protesti tal-2014 mill-hekk imsejjaħ "Moviment tal-Umbrelel", kif ukoll favur il-libertajiet tal-midja u, fost l-oħrajn, kontra l-għajbien tal-bejjiegħa tal-kotba ta' Hong Kong;

K.  billi, fi tmiem l-2015, għebu erba' residenti ta' Hong Kong, fosthom Gui Minhai, u persuna mhux residenti assoċjata mad-dar ta' pubblikazzjoni Mighty Current u mal-ħanut tal-kotba tagħha; billi, xhur wara, sar magħruf li kienu qed jinżammu fiċ-Ċina kontinentali f'postijiet mhux żvelati; billi, minn dakinhar, wieħed mill-bejjiegħa tal-kotba li reġa' lura Hong Kong mar jgħix fit-Tajwan minħabba l-biża' li jiġi estradit;

L.  billi l-Liġi Bażika tistabbilixxi dispożizzjonijiet li jiggarantixxu protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet individwali; billi l-Artikolu 27 tal-Liġi Bażika jiggarantixxi l-libertà ta' espressjoni, tal-istampa u tal-pubblikazzjoni, u l-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, ta' parteċipazzjoni f'kortej u ta' dimostrazzjoni; billi l-Artikoli 45 u 68 tal-Liġi Bażika jipprevedu li l-Kap tal-Eżekuttiv u l-membri kollha tal-Kunsill Leġiżlattiv għandhom finalment jiġu eletti b'suffraġju universali;

M.  billi l-UE tappoġġja l-prinċipju ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi" kif ukoll il-livell għoli ta' awtonomija ta' Hong Kong;

1.  Jitlob li l-Gvern tal-HKSAR jirtira l-Abbozz ta' Liġi (Emendatorja) dwar it-Trasgressuri Maħruba u l-Assistenza Legali Reċiproka f'Materji Kriminali 2019;

2.  Jitlob li l-Gvern tal-HKSAR jeħles minnufih lid-dimostranti paċifiċi u lil dawk kollha li ġew arrestati għall-eżerċizzju paċifiku tal-libertà ta' espressjoni tagħhom matul il-protesti jew fiż-żmien li wassal għalihom, u jwaqqa' l-akkużi kollha kontra dawn il-persuni;

3.  Jitlob li ssir investigazzjoni indipendenti, imparzjali, effikaċi u f'waqtha dwar l-użu tal-forza min-naħa tal-pulizija ta' Hong Kong kontra d-dimostranti;

4.  Jenfasizza li l-UE tikkondividi ħafna mill-punti ta' tħassib imqajmin miċ-ċittadini ta' Hong Kong rigward ir-riformi proposti ta' estradizzjoni u li dawn esprimiethom lill-Gvern tal-HKSAR; jissottolinja li l-abbozz ta' liġi għandu konsegwenzi estensivi għal Hong Kong u għall-poplu tiegħu, għall-UE u għaċ-ċittadini barranin, kif ukoll għall-fiduċja tan-negozju f'Hong Kong;

5.  Iħeġġeġ lill-HKSAR biex jiżgura li l-leġiżlazzjoni tiegħu tibqa' għalkollox konformi mal-obbligi internazzjonali tiegħu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż mad-dispożizzjonijiet tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u ma' dawk tal-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti;

6.  Jirrikonoxxi li n-nies ta' Hong Kong niżlu fit-toroq f'numri straordinarji f'dawn l-aħħar ġimgħat, bi stimi ta' aktar minn miljun persuna fil-9 ta' Ġunju 2019 u sa żewġ miljuni fil-ġimgħa ta' wara, f'dimostrazzjonijiet tal-massa li kienu paċifiċi fil-parti l-kbira u li kienu ġew skattati minn livelli għolja ta' tħassib rigward il-liġijiet proposti dwar l-estradizzjoni;

7.  Jissottolinja li d-drittijiet taċ-ċittadini ta' Hong Kong ġeneralment ġew irrispettati fl-HKSAR, iżda jesprimi tħassib kbir dwar id-deterjorament kostanti tad-drittijiet ċivili, tad-drittijiet politiċi u tal-libertà tal-istampa; huwa mħasseb bil-kbir minħabba l-pressjoni bla preċedent fuq il-ġurnalisti u l-awtoċensura dejjem akbar tagħhom, b'mod partikolari rigward rappurtar dwar kwistjonijiet sensittivi fiċ-Ċina kontinentali jew dwar dawk li jikkonċernaw lill-Gvern tal-HKSAR;

8.  Jenfasizza li l-Liġi Bażika tiggarantixxi l-libertà ta' espressjoni, tal-istampa u tal-pubblikazzjoni, u l-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, ta' parteċipazzjoni f'kortej u ta' dimostrazzjoni; jitlob li l-awtoritajiet f'Hong Kong u fiċ-Ċina jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet minquxa fil-Liġi Bażika għaċ-ċittadini kollha;

9.  Jikkundanna bil-qawwa l-indħil kostanti u dejjem jikber taċ-Ċina fl-affarijiet interni ta' Hong Kong, kif ukoll l-affermazzjoni reċenti miċ-Ċina li d-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika tal-1984 hija dokument storiku, u li għaldaqstant m'għadhiex valida; jenfasizza li l-Gvern Ċiniż huwa marbut mid-Dikjarazzjoni Konġunta li jirrispetta l-livell għoli ta' awtonomija tal-HKSAR kif ukoll id-drittijiet u l-libertajiet tiegħu;

10.  Jinnota bi tħassib kbir, f'dan il-kuntest, li kandidati tal-oppożizzjoni, fosthom Anges Chow u l-ex leġiżlatur Lau Siu-Lai, ma tħallewx joħorġu bħala kandidati fl-elezzjoni straordinarja għall-Kunsill Leġiżlattiv minħabba l-affiljazzjoni politika tagħhom jew il-fehmiet tagħhom;

11.  Jitlob li l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-komunità internazzjonali jaħdmu lejn l-impożizzjoni ta' mekkaniżmi xierqa ta' kontroll fuq l-esportazzjoni sabiex iċaħħdu liċ-Ċina, u b'mod partikolari lil Hong Kong, mill-aċċess għal teknoloġiji li jintużaw biex jiksru d-drittijiet bażiċi;

12.  Iħeġġeġ li ssir riforma sistematika biex jiġu implimentati elezzjonijiet diretti għall-kariga ta' Kap Eżekuttiv u għall-Kunsill Leġiżlattiv, kif minqux fil-Liġi Bażika, u jitlob li jintlaħaq ftehim dwar sistema elettorali li b'mod ġenerali tkun demokratika, ġusta, miftuħa u trasparenti, u li din tagħti lill-poplu tal-HKSAR id-dritt li jeleġġi kandidati u li joħroġ għall-elezzjoni fil-proċess tal-għażla għall-pożizzjonijiet ta' tmexxija kollha;

13.  Itenni t-talba tiegħu għar-rilaxx immedjat tal-pubblikatur Gui Minhai, ċittadin Żvediż;

14.  Jissottolinja l-impenn tal-UE li ssaħħaħ id-demokrazija, inkluż l-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, it-trasparenza, u l-libertà ta' informazzjoni u ta' espressjoni f'Hong Kong;

15.  Ifakkar fl-importanza li l-UE tkompli tqajjem il-kwistjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina f'kull djalogu politiku u dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-awtoritajiet Ċiniżi, bi qbil mal-impenn tal-UE li titkellem b'leħen b'saħħtu, ċar u magħqud fl-approċċ tagħha lejn il-pajjiż; barra minn hekk, ifakkar li, fil-proċess ta' riforma li għaddejja minnu u fl-involviment dinji dejjem akbar tagħha, iċ-Ċina għażlet li tieħu sehem fil-qafas internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem billi ffirmat firxa wiesgħa ta' trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jitlob, għalhekk, li l-UE tkompli d-djalogu maċ-Ċina sabiex tiżgura li din tirrispetta dawn l-impenji;

16.  Jitlob li l-VP/RGħ, is-SEAE u l-Istati Membri jqajmu dawn il-punti ta' tħassib kollha u jiżguraw djalogu mal-gvernijiet tal-HKSAR u taċ-Ċina;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, u lill-Kap Eżekuttiv u lill-Assemblea tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong.

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Ottubru 2019Avviż legali