Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2733(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0014/2019

Dibattiti :

PV 18/07/2019 - 3.2
CRE 18/07/2019 - 3.2

Votazzjonijiet :

PV 18/07/2019 - 7.2
CRE 18/07/2019 - 7.2

Testi adottati :

P9_TA(2019)0005

Testi adottati
PDF 134kWORD 54k
Il-Ħamis, 18 ta' Lulju 2019 - Strasburgu Verżjoni finali
Is-sitwazzjoni fil-fruntiera Stati Uniti-Messiku
P9_TA(2019)0005RC-B9-0014/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Lulju 2019 dwar is-sitwazzjoni fil-fruntiera Stati Uniti-Messiku (2019/2733(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jistipula li l-aħjar interessi tat-tfal għandhom ikunu kunsiderazzjoni primarja u li t-tfal kollhagħandhom id-dritt li jżommu relazzjoni personali u kuntatt dirett maż-żewġ ġenituri tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet magħmula minn membri tal-Kungress tal-Istati Uniti wara li żaru ċ-ċentri ta' detenzjoni f'Lulju 2019,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Rifuġjati (il-Konvenzjoni tal-1951) u l-Protokoll dwar l-Istatus tar-Rifuġjati tal-1967,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-2008,

–  wara li kkunsidra l-inizjattivi ta' politika tal-amministrazzjoni kurrenti tal-Istati Uniti relatati mal-migrazzjoni u l-asil u l-Protokolli dwar il-Protezzjoni tal-Migranti (MPP),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, tat-8 ta' Lulju 2019,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-aġent Segretarju tad-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti tad-9 ta' Lulju 2019,

–  wara li kkunsidra l-memorandum tal-Uffiċċju tal-Ispettur Ġenerali tal-Istati Uniti (OIG) għad-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-aġent Segretarju tad-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti dwar is-sitwazzjoni fiċ-ċentru ta' akkoljenza tal-Wied tar-Rio Grande, tat-2 ta' Lulju 2019,

–  wara li kkunsidra l-Patt Globali għall-Migrazzjoni, adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-19 ta' Diċembru 2018,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza tal-Istati Uniti tal-1776,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi kemm l-Istati Uniti kif ukoll l-UE jqisu d-drittijiet tal-bniedem bħala dritt inaljenabbli u fundamentali inerenti għall-bnedmin kollha;

B.  billi f'dawn l-aħħar snin, kriżi kumplessa ta' vjolenza u ta' faqar b'saħħitha xprunat il-familji, inklużi ż-żgħażagħ u t-tfal, biex jaħarbu mill-Messiku u t-Triangolu tat-Tramuntana tal-Amerka Ċentrali – El Salvador, il-Gwatemala u l-Honduras – u jfittxu s-sikurezza, il-protezzjoni u l-istabbiltà ekonomika fl-Istati Uniti;

C.  billi l-Istati Uniti storikament hija pajjiż ta' immigrazzjoni li jiġbor fih diversi komunitajiet;

D.  billi kwalunkwe stat sovran għandu l-prerogattiva li jiddeċiedi dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul u s-soġġorn ta' ċittadini barranin, iżda fl-istess ħin irid jikkonforma mal-obbligi internazzjonali rilevanti kollha relatati mad-drittijiet tal-bniedem;

E.  billi fl-2018, l-Istati Uniti kienet l-akbar donatur bil-kbir lill-UNHCR, l-Aġenzija tan-NU għar-Rifuġjati, u b'hekk ikkontribwixxiet total ta' USD 1 589 776 543;

F.  billi l-Istati Uniti adottat miżuri stretti li jaffettwaw il-migranti u l-persuni li jfittxu asil li jaqsmu l-fruntiera fil-pajjiż fit-tfittxija tad-dritt inaljenabbli tagħhom għall-ħajja, għal-libertà u għat-tfittxija tal-kuntentizza;

G.  billi teżisti emerġenza umanitarja fil-fruntiera bejn l-Istati Uniti u l-Messiku, fejn il-migranti u persuni li jfittxu asil huma miżmuma min-naħa tal-Istati Uniti wara li jkunu qasmu l-fruntiera; billi s-sitwazzjoni li jħabbtu wiċċhom magħha t-tfal hija partikolarment allarmanti u ta' min jikkundannaha, peress li hemm mijiet li jinsabu f'kampijiet tat-tined fil-fruntiera jew li huma msakkra f'faċilitajiet ta' detenzjoni li ma jissodisfawx l-istandards minimi tad-drittijiet tal-bniedem, peress li huma ffullati żżejjed u m'għandhomx faċilitajiet adegwati għall-kura tas-saħħa, ikel diċenti u sanità xierqa;

H.  billi f'memorandum dwar is-sitwazzjoni fiċ-ċentru ta' akkoljenza tal-Wied tar-Rio Grande, l-Uffiċċju tal-Ispettur Ġenerali tal-Istati Uniti (OIG) għad-Dipartiment tas-Sigurtà Interna enfasizza "kwistjonijiet urġenti li jeħtieġu attenzjoni u azzjoni immedjata" minħabba "iffullar serju u detenzjoni mtawla ta' tfal frustiera mhux akkumpanjati, familji, u adulti waħedhom li jeħtieġu attenzjoni immedjata", u għalhekk appella għal "passi immedjati biex itaffu l-iffullar perikoluż u d-detenzjoni fit-tul tat-tfal u l-adulti fil-Wied tar-Rio Grande";

I.  billi ċ-ċaħda tat-tfal mil-libertà tagħhom abbażi tal-istatus ta' migrazzjoni tagħhom jew tal-ġenituri tagħhom qatt ma tkun fl-aħjar interessi tat-tfal, teċċedi r-rekwiżit tal-ħtieġa, issir sproporzjonata għall-aħħar u tista' tikkostitwixxi trattament krudili, inuman jew degradanti ta' tfal migranti; billi kull ċaħda tal-libertà li taffettwa lill-migranti adulti u lil persuni li jfittxu asil għandha tkun miżura tal-aħħar istanza u, jekk din ikollha sseħħ, għandha tkun għall-iqsar żmien possibbli, bis-salvagwardji ta' proċess ġust u f'kundizzjonijiet li jikkonformaw bis-sħiħ mal-istandards internazzjonali rilevanti kollha tad-drittijiet tal-bniedem;

J.  billi, skont id-data ddivulgata lil Amnesty International mill-Aġenzija tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri tal-Istati Uniti, bejn l-2017 u Awwissu 2018 ġew separati madwar 8 000 unità tal-familja wara li qasmu l-fruntiera; billi dawn l-istimi jeskludu ħafna każijiet oħra ta' separazzjoni, bħal dawk bejn it-tfal u ħuthom ikbar minnhom, iz-zijiet tagħhom, in-nanniet tagħhom u qraba oħra mhux familjari diretti tagħhom;

K.  billi mħallef federali f'San Diego ordna lill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti biex twaqqaf is-separazzjoni f'Ġunju 2018; billi, madankollu, is-separazzjonijiet komplew jiġu infurzati mid-Dwana u l-Protezzjoni tal-Fruntieri tal-Istati Uniti, skont data pprovduta lill-imħallef federali, b'tal-anqas 245 tifel u tifla li tneħħew mill-familji tagħhom minn Ġunju 2018, f'ħafna każijiet mingħajr dokumentazzjoni ċara biex tgħin biex jiġi ttraċċat il-post fejn jinsabu t-tfal;

L.  billi sa Diċembru 2018, id-Dipartiment tas-Saħħa u s-Servizzi tal-Bniedem tal-Istati Uniti identifika 2 737 tifel u tifla separati, filwaqt li rrikonoxxa li eluf oħra setgħu ġew separati mill-2017 mingħajr ma l-amministrazzjoni setgħet tidentifikahom minħabba n-nuqqas ta' sistema ta' traċċar effiċjenti;

M.  billi l-att ta' separazzjoni tal-familja u ta' detenzjoni indefinita jikkostitwixxi trattament ħażin; billi t-tfal li jgħixu f'istituzzjonijiet 'l bogħod mill-familji tagħhom huma vulnerabbli ħafna għal abbuż emozzjonali, fiżiku u psikoloġiku, li jista' jwassal għal problemi ta' żvilupp fit-tul, korrimenti u trawmi profondi, kif ukoll konsegwenzi soċjali negattivi serji;

N.  billi skont rapporti mill-Unjoni Amerikana għal-Libertajiet Ċivili u diversi dikjarazzjonijiet minn kelliema tad-Dipartimenti tal-Istati Uniti tas-Saħħa u s-Servizzi Umani u tas-Sigurtà Interna, mill-inqas sitt ulied huma magħrufa li mietu fil-kustodja tal-immigrazzjoni mis-sena li għaddiet, wara kważi għaxar snin li fihom, huwa rrappurtat, li l-ebda tifel jew tifla ma mietu waqt li kienu fil-kustodja tad-Dwana u l-Protezzjoni tal-Fruntieri tal-Istati Uniti;

O.  billi skont id-data mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), s'issa mietu 197 persuna fl-2019 li kienu qed jippruvaw jaqsmu l-fruntiera mill-Messiku għall-Istati Uniti, fosthom mill-inqas 13-il tifel u tifla; billi l-għadd ta' mwiet ilu jiżdied b'mod kostanti f'dawn l-aħħar 5 snin, b'total ta' aktar minn 1 900 mewta li seħħew bejn l-2014 u l-2018;

P.  billi f'dawn l-aħħar ġimgħat l-awtoritajiet Messikani żiedu b'mod sinifikanti l-isforzi ta' infurzar fil-politiki tal-migrazzjoni, u dan wassal għal żieda fl-għadd ta' migranti miżmuma u deportati;

Q.  billi filwaqt li jħabbtu wiċċhom ma' ċirkostanzi terribbli, il-migranti, li jiġu prinċipalment mill-Amerka Ċentrali, huma sfurzati li jivvjaġġaw u jaqsmu l-fruntiera mal-Istati Uniti; billi l-pressjoni fuq il-fruntieri tan-nofsinhar u tat-tramuntana qed twassal lil eluf ta' migranti, l-iktar nisa u tfal, jipperikolaw ħajjithom b'mod serju;

R.  billi skont il-gvern tiegħu stess, il-Messiku bħalissa qiegħed jiffaċċja kriżi ta' sigurtà pubblika vjolenti; billi skont il-Protokolli dwar il-Protezzjoni tal-Migranti (MPP) tal-Istati Uniti, il-persuni li jfittxu asil qegħdin jiġu ritornati lejn il-Messiku, inkluż f'żewġ stati tat-tramuntana li huma fost l-iktar vjolenti fil-pajjiż – Baja California u Chihuahua – u jgħixu f'kondizzjonijiet ta' prekarjetà qawwija, fejn jirriskjaw li jsiru vittmi ta' delitti gravi, bħall-ħtif ta' persuni, attakk sesswali u vjolenza;

S.  billi l-pushbacks fuq skala kbira ta' persuni li jfittxu asil, is-separazzjonijiet illegali tal-familji u d-detenzjoni arbitrarja u indefinita tal-persuni li jfittxu asil mingħajr il-possibbiltà ta' ħelsien jikkostitwixxu politiki krudili u ksur flagranti kemm tal-liġi dwar l-asil tal-Istati Uniti kif ukoll tad-dritt internazzjonali;

T.  billi fis-27 ta' Ġunju 2019, il-Kamra tad-Deputati tal-Istati Uniti approvat pakkett ta' USD 4,6 biljun biex tindirizza s-sitwazzjoni fil-fruntiera bejn l-Istati Uniti u l-Messiku;

U.  billi l-fergħat tal-Uffiċċji tan-NU għad-drittijiet tal-bniedem fil-Messiku u fl-Amerka Ċentrali ddokumentaw bosta każijiet ta' ksur u abbużi fir-rigward tal-migranti u tal-persuni li jfittxu asil fi tranżitu, inkluż l-użu ta' forza eċċessiva, iċ-ċaħda arbitrarja tal-libertà, is-separazzjoni tal-familja, ir-rifjut ta' aċċess għas-servizzi, ir-refoulement, u l-espulsjonijiet arbitrarji;

V.  billi 195 parti ffirmaw u rratifikaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal; billi l-Istati Uniti hija l-uniku stat membru tan-NU li ma rratifikatx din il-Konvenzjoni;

W.  billi s-sħubija UE-Stati Uniti hija storikament ibbażata fuq rabtiet politiċi, kulturali, ekonomiċi u storiċi qawwija, kif ukoll fuq valuri kondiviżi bħal-libertà, id-demokrazija, il-promozzjoni tal-paċi u l-istabbiltà, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; billi r-relazzjonijiet b'saħħithom bejn l-UE u l-Istati Uniti huma kruċjali biex tinbena dinja iktar demokratika, sikura u għanja;

1.  Jinsab imħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni tal-migranti u tal-persuni li jfittxu asil fil-fruntiera bejn l-Istati Uniti u l-Messiku, speċjalment it-tfal migranti;

2.  Jiddispjaċih għall-bosta mwiet li seħħew waqt il-vjaġġ tagħhom fir-rotot li jwasslu lejn il-fruntiera bejn l-Istati Uniti u l-Messiku; jesprimi s-solidarjetà totali tiegħu mal-vittmi kollha u mal-familji tagħhom;

3.  Jinsab imħasseb dwar il-kundizzjonijiet orribbli li fihom il-migranti u l-persuni li jfittxu asil, b'mod partikolari t-tfal, qed jinżammu fiċ-ċentri ta' detenzjoni tal-migranti fl-Istati Uniti, li huma nieqsa minn kura tas-saħħa adegwata, ikel diċenti u minn sanità xierqa; jiddispjaċih ħafna għall-imwiet ta' seba' migranti minorenni li seħħew f'dawn l-aħħar xhur waqt li kienu fil-kustodja tad-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti, u jappoġġja l-isforzi kollha mill-Kungress tal-Istati Uniti u mill-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti biex jipprovdu sorveljanza, investigazzjoni, trasparenza u responsabbiltà rigward iċ-ċirkostanzi li wasslu għal dawn l-imwiet;

4.  Jenfasizza li l-miżuri għall-ġestjoni tal-fruntiera jridu jikkonformaw mal-obbligi internazzjonali favur id-drittijiet tal-bniedem tal-Istati Uniti u ma għandhomx jiġu bbażati fuq politiki dejqa mmirati lejn is-sejbien, id-detenzjoni u d-deportazzjoni mgħaġġla ta' migranti irregolari;

5.  Jappella li jiġu żgurati d-drittijiet tal-bniedem, is-sikurezza u l-aċċess għal proċessi tal-asil konformi mad-drittijiet tal-bniedem, inkluż billi jinżamm il-prinċipju ta' non-refoulement u jiġu fornuti kundizzjonijiet ta' akkoljenza dinjitużi;

6.  Jiddeplora l-użu tas-separazzjoni tal-familja, li tista' toħloq trawma sistematika tat-tfal u tal-familjari diretti tagħhom, u li taħt l-amministrazzjoni kurrenti tal-Istati Uniti qed tintuża bħala għodda tal-politika tal-immigrazzjoni bil-għan li tiskoraġġixxi lill-persuni li jfittxu sikurezza;

7.  Jenfasizza li s-separazzjoni tal-familja u d-detenzjoni tal-immigranti qatt ma huma fl-aħjar interessi tat-tfal;

8.  Jinnota l-memorandum mill-OIG u rapporti simili, u jitlob lill-Istati Uniti tirrevedi l-politiki u l-prattiki ta' migrazzjoni kurrenti kollha li jiksru l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-dritt ewlieni li wieħed ifittex l-asil, il-prinċipju ta' non-refoulement u d-dritt favur id-dinjità tal-bniedem;

9.  Jappella lill-gvern tal-Istati Uniti biex itemm is-separazzjoni tal-familji, u sabiex b'urġenza jerġa' jgħaqqad it-tfal kollha li għadhom separati mill-ġenituri jew mit-tuturi tagħhom lura mal-familji tagħhom, bil-għan li tiġi żgurata r-riabilitazzjoni tagħhom, billi tingħata attenzjoni speċifika lill-bżonnijiet tat-tfal ikkonċernati;

10.  Jitlob lill-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Uniti minnufih jiżguraw li d-detenuti kollha jkollhom aċċess għad-drittijiet bażiċi tagħhom bħad-drittijiet għall-ilma, l-ikel, is-saħħa u l-kenn;

11.  Jappella lill-awtoritajiet fl-Istati Uniti sabiex b'urġenza jsibu alternattivi mhux ta' kustodja għall-migranti u għal persuni li jfittxu asil, kemm jekk tfal kif ukoll adulti; jitlob li t-tfal kkonċernati jiġu ritornati lill-familji tagħhom;

12.  Iħeġġeġ lill-gvern tal-Istati Uniti jirratifika l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal li kienet iffirmata mill-Istati Uniti fl-1995, iżda li baqgħet qatt ma ġiet adottata, sabiex l-Istati Uniti hija l-uniku pajjiż fid-dinja li ma adottax il-Konvenzjoni; iħeġġeġ lill-gvern tal-Istati Uniti jirratifika t-tielet protokoll fakultattiv għall-Konvenzjoni, dwar proċedura ta' komunikazzjoni għall-ilmenti;

13.  Jesprimi tħassib serju għall-iktar tfittxijiet riċenti mill-aġenzija tal-Istati Uniti għall-Immigrazzjoni u l-Infurzar Doganali (ICE), li qegħdin jaffettwaw migranti mhux dokumentati, primarjament dawk mill-Amerka Ċentrali, il-ġenituri tagħhom u t-tfal tagħhom u li qed iwasslu għall-kriminalizzazzjoni tagħhom;

14.  Jemmen li r-risposta għall-flussi migratorji bl-użu ta' repressjoni jew kriminalizzazzjoni tiffavorixxi l-ksenofobija, il-mibegħda u l-vjolenza;

15.  Jinsab imħasseb dwar it-tibdiliet riċenti fil-politiki migratorji adottati mill-awtoritajiet Messikani u jappella lill-Gvern Messikan jikkonforma mal-istandards internazzjonali u mal-liġi dwar id-drittijiet tal-bniedem meta jindirizza l-migrazzjoni;

16.  Iqis li l-armata mhijiex l-istrument adattat biex jiġu trattati kwistjonijiet ta' migrazzjoni; jirrimarka li s-sitwazzjoni fil-fruntiera għandha tiġi trattata minn pulizija speċjalizzata li jkunu rċevew taħriġ xieraq u li jiġu mħarrġa jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità tal-migranti;

17.  Jirrikonoxxi li l-migrazzjoni hija sfida globali u jappella lill-pajjiżi tal-oriġini, ta' tranżitu u ta' destinazzjoni biex jaħdmu flimkien ħalli jindirizzaw l-kawżi fundamentali tal-flussi ta' migrazzjoni permezz ta' approċċ komprensiv; itenni, f'dan ir-rigward, l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Patt Globali dwar ir-Rifuġjati u l-Patt Globali għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari, li jipprovdu opportunità sinifikanti ta' titjib tal-governanza tal-migrazzjoni u tal-indirizzar tal-isfidi assoċjati magħha;

18.  Itenni t-twemmin tiegħu f'kummerċ miftuħ u ġust u jesprimi l-konvinzjoni soda tiegħu li l-koerċizzjoni ekonomika u t-theddida ta' tariffi punittivi hija kontroproduċenti u ma twassalx biex pajjiżi sovrani jsibu soluzzjonijiet kostruttivi u sostenibbli għall-isfidi politiki bħall-migrazzjoni;

19.  Jagħti ġieħ lill-individwi u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jiżguraw li l-migranti jgawdu l-iktar drittijiet bażiċi, bħad-drittijiet għall-ilma, l-ikel, is-saħħa, kenn adegwat u assistenza simili oħra fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera u fir-reġjun kollu; itenni t-talba tiegħu li l-assistenza umanitarja ma tiġix kriminalizzata u jħeġġeġ lill-Kummissjoni, sabiex għal darb'oħra, tadotta l-linji gwida dwar din il-kwistjoni b'konformità mar-riżoluzzjoni tagħha tal-5 ta' Lulju 2018;

20.  Jilqa' bi pjaċir id-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem; jilqa' l-ħolqien ta' missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) jew mill-esperti rilevanti tan-NU li jkollha l-għan li tinvestiga s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-fruntiera bejn l-Istati Uniti u l-Messiku;

21.  Jimpenja ruħu li jsegwi mill-qrib l-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE fir-reġjun biex jiġi garantit standard ta' żvilupp effiċjenti, peress li dan jista' jgħin biex jiġu trattati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni sfurzata;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-President tal-Istati Uniti Donald Trump u lill-amministrazzjoni tiegħu, lill-Kungress tal-Istati Uniti kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tal-Messiku.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Settembru 2019Avviż legali