Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2730(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0006/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/07/2019 - 7.4
CRE 18/07/2019 - 7.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2019)0007

Testi adottati
PDF 132kWORD 54k
Il-Ħamis, 18 ta' Lulju 2019 - Strasburgu Verżjoni finali
Is-sitwazzjoni fil-Venezwela
P9_TA(2019)0007RC-B9-0006/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Lulju 2019 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2019/2730(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dawk tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(1), tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela(2), tat-12 ta' Marzu 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(3), tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(4), tas-27 ta' April 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(5), tat-8 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(6), tat-3 ta' Mejju 2018 dwar l-elezzjonijiet fil-Venezwela(7), tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-kriżi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u fuq il-fruntieri tal-art tagħha mal-Kolombja u mal-Brażil(8), tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(9), tal-31 ta' Jannar 2019 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(10) u tat-28 ta' Marzu 2019 dwar is-sitwazzjoni ta' emerġenza fil-Venezwela(11),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-4 ta' Lulju 2019 dwar il-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Union għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tal-10 ta' Jannar 2019, tas-26 ta' Jannar 2019, tal-24 ta' Frar 2019, tat-28 ta' Marzu 2019, tal-4 ta' April 2019, tat-30 ta' April 2019, tat-18 ta' Ġunju 2019 u tas-16 ta' Lulju 2019 dwar il-Venezwela,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) tat-8 ta' Marzu 2019 dwar il-migranti u r-rifuġjati Venezwelani,

–  wara li kkunsidra r-Raba' Laqgħa Teknika Internazzjonali tal-Proċess ta' Quito, li saret fi Buenos Aires fl-4 u l-5 ta' Lulju 2019,

–  wara li kkunsidra l-Istqarrija tal-Grupp ta' Lima tat-30 ta' April 2019,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Grupp ta' Lima tat-3 ta' Mejju 2019,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-3 ta' Ġunju 2019 dwar il-laqgħa konġunta tal-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali u l-Grupp ta' Lima dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1656 tas-6 ta' Novembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela(12), li ġġedded sal-14 ta' Novembru 2019 il-miżuri restrittivi mmirati li hemm bħalissa,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Venezwelana,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, bejn l-2018 u l-2019, il-kriżi politika, ekonomika, istituzzjonali, soċjali u umanitarja – b'ħafna dimensjonijiet – marret għall-agħar b'mod sinifikanti; billi ż-żieda fl-iskarsezza tal-ikel u l-mediċini, il-ksur massiv tad-drittijiet tal-bniedem, l-iperinflazzjoni, l-oppressjoni politika, il-korruzzjoni u l-vjolenza qed jipperikolaw ħajjet in-nies u qed iġegħluhom jaħarbu mill-pajjiż;

B.  billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, żaret il-pajjiż bejn id-19 u l-21 ta' Ġunju 2019; billi ħeġġet lill-gvern de facto tal-Venezwela jieħu miżuri konkreti u immedjati biex itemm u jirrimedja l-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem iddokumentat fil-pajjiż; billi ġie rikonoxxut ukoll li, għal aktar minn għaxar snin, il-Venezwela adottat u implimentat sensiela ta' liġijiet, politiki u prattiki li rrestrinġew l-ispazju demokratiku, dgħajfu l-istituzzjonijiet pubbliċi u affettwaw l-indipendenza tal-ġudikatura;

C.  billi aktar minn 7 miljun ruħ fil-Venezwela jeħtieġu assistenza umanitarja; billi l-gvern de facto ta' Maduro kiser id-dritt għall-ikel, inkluż l-obbligu li l-istat jiżgura li l-popolazzjoni tkun ħielsa mill-ġuħ; billi, skont in-NU, 3,7 miljun Venezwelan huma malnutriti, qagħda li hija ta' ħsara partikolari għat-tfal u għan-nisa tqal; billi 94 % tal-popolazzjoni qiegħda taħt is-soll tal-faqar u 62 % tgħix f'faqar estrem; billi 70 % tat-tfal ma jmorrux skola; billi xi nisa ġew sfurzati jipprostitwixxu ruħhom għall-ikel u bosta drabi kellhom iħabbtu wiċċhom mal-vjolenza;

D.  billi s-sitwazzjoni tas-saħħa fil-pajjiż hija terribbli, u l-isptarijiet huma neqsin minn membri tal-persunal, provvisti, mediċini u elettriku, liema qagħda wasslet għall-mewt ta' mill-inqas 1 557 persuna bejn Novembru 2018 u Frar 2019; billi f'erba' bliet ewlenin tal-Venezwela, fosthom Caracas, hemm nuqqas ta' mediċini essenzjali li jvarja minn 60 % sa 100 %; billi l-imwiet marbuta mal-maternità żdiedu u ħafna nisa kellhom jitilqu mill-pajjiż biex iwelldu;

E.  billi aktar minn 3,4 miljun Venezwelan kellhom jaħarbu mill-pajjiż; billi l-għadd totali ta' Venezwelani li ġew sfurzati jemigraw se jkun qabeż il-5 miljuni sa tmiem l-2019, hekk li din se tkun it-tieni l-akbar kriżi tal-migranti u tar-rifuġjati fid-dinja; billi dan il-fluss migratorju qed ipoġġi pressjoni partikolari fuq il-pajjiżi ġirien, iżda anke, kulma jmur, fuq l-Unjoni Ewropea u t-territorji tal-Istati Membri tal-UE fil-Karibew;

F.  billi, skont il-UNHRC, kważi 7 000 ruħ sfaw maqtula b'mod extraġudizzjarju waqt operazzjonijiet tas-sigurtà fil-Venezwela fl-aħħar sena u nofs; billi l-awtoritajiet de facto qed jużaw il-FAES (il-Forza ta' Azzjonijiet Speċjali tal-Pulizija Nazzjonali Bolivarjana) u forzi oħra tas-sigurtà bħala parti minn politika ta' kontroll soċjali; billi l-familji tal-vittmi ta' atti ta' qtil extraġudizzjarju li seħħew matul il-protesti għadhom qed jinżammu milli jeżerċitaw drittijiethom għal verità, ġustizzja u riparazzjoni;

G.  billi r-reġim juża t-tortura bħala għodda sistemika ta' intimidazzjoni u dissważjoni fil-konfront tad-dimostranti, hekk li ħoloq klima ta' terrur; billi r-rapport tal-UNHRC kkonkluda li s-servizzi tas-sigurtà u tal-intelligence, b'mod partikolari s-SEBIN (is-Servizz tal-Intelligence Bolivarjan) u d-DGCIM (id-Direttorat Ġenerali għall-Kontrospjunaġġ Militari), sikwit irrikorrew għal prattiki bħal dawn; billi l-priġunieri politiċi fil-Venezwela qed ikunu soġġetti għat-tortura, u bħalissa ħafna jinsabu f'iżolament, mingħajr ebda possibbiltà li jagħmlu kuntatt mal-avukati jew mal-membri tal-familja tagħhom, li huma beżgħana dwar ħajjithom u l-integrità fiżika tagħhom;

H.  billi 22 membru parlamentari, inkluż il-President tal-Assemblea Nazzjonali, tneħħitilhom l-immunità parlamentari tagħhom; billi tnejn qegħdin taħt arrest filwaqt li 16-il membru parlamentari ieħor fittxew protezzjoni fl-ambaxxati, ħarbu mill-pajjiż jew inħbew;

I.  billi l-popli indiġeni qed jiġu soġġetti għal atti vjolenti u kriminali; billi 63 membru tal-komunitajiet indiġeni ġew arrestati b'mod arbitrarju u ġew ittorturati, 7 mietu u aktar minn 23 indarbu u kellhom imorru fi sptarijiet barra l-pajjiż biex jingħataw trattament mediku;

J.  billi l-minjieri u l-estrazzjoni taż-żejt, speċjalment f'reġjuni remoti u b'bijodiversità rikka, jeqirdu l-għajxien tal-minoranzi, bħall-komunitajiet indiġeni u suwed, li, jekk joġġezzjonaw għal dawn l-attivitajiet u jaqbżu għad-drittijiet tagħhom, jissugraw li jħabbtu wiċċhom ma' vjolenza ħarxa u spostament min-naħa tal-forzi militari, il-gruppi kriminali organizzati u l-gruppi armati;

K.  billi, fid-29 ta' Ġunju 2019, Rafael Acosta Arévalo, kaptan navali li safa arrestat u ttorturat fuq allegazzjonijiet ta' komplott ta' qtil kontra Nicolás Maduro, miet waqt li kien taħt arrest; billi l-awtoritajiet de facto ssekwestraw ġismu u żammewh moħbi illegalment għal 11-il ġurnata qabel ma difnuh, bla ma rrispettaw id-drittijiet bażiċi tal-familja tiegħu u x-xewqa ta' qrabatu li jibku t-telfa tal-mejjet;

L.  billi, fit-2 ta' Lulju 2019, Rufo Chacón, tifel Venezwelan ta' 16-il sena, tilef il-vista wara li uffiċjali tal-gvern sparawlu u laqtuh f'wiċċu waqt protesta kontra n-nuqqas ta' gass għat-tisjir;

M.  billi l-UE mmobilizzat EUR 117,6 miljun f'għajnuna ta' emerġenza u assistenza għall-iżvilupp b'reazzjoni għall-kriżi, u qed taħdem mal-popolazzjonijiet vulnerabbli kemm fil-Venezwela (60 % tal-finanzjament) kif ukoll fil-pajjiżi ġirien (40 % tal-finanzjament); billi s'issa l-appoġġ miġbur min-NU għall-Pjan ta' Intervent Reġjonali għar-Rifuġjati u l-Migranti jirrappreżenta biss madwar 22 % tat-total mitlub (USD 159 miljun minn appell għal USD 738 miljun);

1.  Itenni t-tħassib profond tiegħu dwar is-sitwazzjoni gravi ta' emerġenza li qed tipperikola bil-kbir ħajjet iċ-ċittadini Venezwelani;

2.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-President leġittimu ad interim Juan Guaidó u għall-Assemblea Nazzjonali, li hija l-korp demokratiku leġittimu tal-Venezwela, u li l-poteri tagħha – inklużi l-prerogattivi u s-sikurezza tal-membri tagħha – jeħtieġ li jitreġġgħulha u jiġu rispettati; jikkundanna r-revoka tal-immunità parlamentari ta' 22 membru parlamentari u l-priġunerija ta' tnejn minnhom; itenni t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' leġittimità tal-elezzjonijiet presidenzjali ta' Mejju 2018;

3.  Jikkundanna l-atti ħorox ta' repressjoni u vjolenza, li wasslu biex persuni sfaw maqtula u midruba; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tal-Venezwela u jagħti l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji u l-ħbieb tal-persuni milquta;

4.  Jissottolinja, bi qbil mar-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Michelle Bachelet, ir-responsabbiltà diretta ta' Nicolás Maduro, kif ukoll tal-forzi armati u tal-intelligence fis-servizz tar-reġim illeġittimu tiegħu, fl-użu indiskriminat tal-vjolenza għar-repressjoni tal-proċess ta' tranżizzjoni demokratika u tar-restawr tal-istat tad-dritt fil-Venezwela; jikkundanna l-użu, fi kwalunkwe ċirkustanza, tal-arresti arbitrarji, it-tortura u l-qtil extraġudizzjarju, li huma pprojbiti mill-konvenzjonijiet internazzjonali, inklużi dawk li l-Venezwela hija firmatarja tagħhom;

5.  Jikkundanna, bi qbil mar-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Michelle Bachelet, l-abbuż mill-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi u r-repressjoni brutali mwettqa mill-forzi tas-sigurtà; jitlob li, bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali, jinħoloq mekkaniżmu nazzjonali imparzjali u indipendenti li jinvestiga l-każijiet ta' qtil extraġudizzjarju waqt operazzjonijiet tas-sigurtà, jiżgura li dawk responsabbli jagħtu kont ta' għemilhom, jagħti rimedju lill-familji tal-vittmi u jipproteġihom minn kwalunkwe intimidazzjoni u tpattija;

6.  Jitlob b'urġenza li jiġi ggarantit li l-ikel, il-mediċini u s-servizzi tal-kura tas-saħħa jkunu disponibbli u aċċessibbli, filwaqt li s-servizzi materni u tat-tfal jingħataw attenzjoni speċjali; jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani de facto jiżguraw li l-għajnuna umanitarja titqassam lill-popolazzjoni kollha mingħajr ebda preġudizzju politiku;

7.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-atti kollha ta' persekuzzjoni u ta' repressjoni selettiva għal raġunijiet politiċi jiġu mwaqqfa, ikkundannati pubblikament, ikkastigati u evitati; jitlob li jinħelsu dawk kollha li, b'mod arbitrarju, sfaw imċaħħda mil-libertà tagħhom;

8.  Ifakkar li kull intimidazzjoni u attakk fil-konfront tal-popli indiġeni, inklużi l-mexxejja, iridu jitwaqqfu u li l-awtoritajiet għandhom jiżguraw il-ħarsien tagħhom u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex iħarsu d-drittijiet individwali u kollettivi tagħhom, inkluż id-dritt tagħhom għall-art;

9.  Jenfasizza l-ħtieġa li wieħed iżomm lura milli jidħol fi proġetti kbar biex ifittex sorsi ta' introjtu sabiex tingħeleb il-kriżi ekonomika, għax dawn jagħmlu ħsara lill-ambjent, il-klima u l-għajxien tal-komunitajiet fl-inħawi; jitlob protezzjoni bla riżervi għall-persuni indiġeni u suwed li jiddefendu l-ambjent minn attivitajiet bħall-estrazzjoni tad-deheb f'żoni remoti bħal Arco Minero del Orinoco fil-Venezwela;

10.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-gravità dejjem akbar tal-kriżi migratorja fir-reġjun kollu u jfaħħar lill-pajjiżi ġirien, b'mod partikolari lill-Kolombja, l-Ekwador u l-Perù, għall-isforzi li għamlu u s-solidarjetà li wrew; jitlob li l-Kummissjoni tkompli tikkoopera ma' dawn il-pajjiżi, mhux biss billi tagħti għajnuna umanitarja, iżda anke billi tipprovdi aktar riżorsi u permezz tal-politika tal-iżvilupp;

11.  Isostni mill-ġdid li soluzzjoni paċifika, demokratika u inklużiva hija l-uniku mod sostenibbli kif il-pajjiż joħroġ mill-impass politiku attwali u mill-kriżi soċjali u umanitarja serja li dan ikkaġuna; jirrimarka li d-djalogu li għaddej irid iqis il-pjan direzzjonali adottat fl-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela; jappoġġja l-proċess iffaċilitat li għaddej bħalissa – immexxi min-Norveġja – u jilqa' l-qbil taż-żewġ naħat li jinvolvu ruħhom fi djalogu għall-paċi; jenfasizza li, biex proċess ta' ffaċilitar jirnexxi, għandhom jiġu adottati l-miżuri ta' bini ta' fiduċja minimi; jinsisti li l-għan esklużiv tad-djalogu jrid ikun li jinħolqu l-kundizzjonijiet li jwasslu għal elezzjonijiet presidenzjali ħielsa, trasparenti u kredibbli abbażi ta' kalendarju fiss, kundizzjonijiet ġusti għall-atturi kollha, trasparenza u l-preżenza ta' osservaturi internazzjonali kredibbli;

12.  Jitlob li l-Kunsill jimponi sanzjonijiet addizzjonali mmirati lejn l-awtoritajiet statali de facto responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u għar-repressjoni; jemmen li l-awtoritajiet tal-UE jeħtiġilhom jirrestrinġu l-movimenti tal-individwi kkonċernati u jiffriżaw l-assi u l-viżi tagħhom kif ukoll dawk tal-eqreb qraba tagħhom;

13.  Jitlob li l-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tmexxi l-politika tal-UE dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela u tkompli tikkoopera mal-Grupp ta' Kuntatt u mal-pajjiżi demokratiċi tar-reġjun irrappreżentati mill-Grupp ta' Lima;

14.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-investigazzjonijiet tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) dwar id-delitti u l-atti ta' repressjoni estensivi mwettqa mir-reġim Venezwelan; iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha jissieħbu fl-inizjattiva ta' diversi Stati Parti tal-QKI għall-investigazzjoni tad-delitti kontra l-umanità mwettqa mill-gvern de facto ta' Maduro, sabiex dawk responsabbli jagħtu kont ta' għemilhom;

15.  Jappoġġja l-inizjattiva biex, flimkien mal-UNHRC, titwaqqaf Kummissjoni ta' Inkjesta li tistabbilixxi r-responsabbiltajiet individwali għall-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President leġittimu ad interim tar-Repubblika u l-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-pajjiżi tal-Grupp ta' Lima, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

(1) ĠU C 285, 29.8.2017, p. 145.
(2) ĠU C 294, 12.8.2016, p. 21.
(3) ĠU C 316, 30.8.2016, p. 190.
(4) ĠU C 86, 6.3.2018, p. 101.
(5) ĠU C 298, 23.8.2018, p. 137.
(6) ĠU C 463, 21.12.2018, p. 61.
(7) Testi adottati, P8_TA(2018)0199.
(8) Testi adottati, P8_TA(2018)0313.
(9) Testi adottati, P8_TA(2018)0436.
(10) Testi adottati, P8_TA(2019)0061.
(11) Testi adottati, P8_TA(2019)0327.
(12) ĠU L 276, 7.11.2018, p. 10.

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Ottubru 2019Avviż legali