Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2023(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0002/2019

Testi mressqa :

A9-0002/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/09/2019 - 9.3

Testi adottati :

P9_TA(2019)0013

Testi adottati
PDF 152kWORD 49k
L-Erbgħa, 18 ta' Settembru 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lir-Rumanija, l-Italja u l-Awstrija
P9_TA-PROV(2019)0013A9-0002/2019
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Settembru 2019 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lir-Rumanija, l-Italja u l-Awstrija (COM(2019)0206 – C9-0005/2019 – 2019/2023(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2019)0206 – C9-0005/2019),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà ta' l-Unjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3), u b'mod partikolari l-punt 11 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0002/2019),

1.  Jilqa' d-deċiżjoni bħala sinjal tas-solidarjetà tal-Unjoni maċ-ċittadini u r-reġjuni tal-Unjoni milquta mid-diżastri naturali;

2.  Jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li tingħata assistenza finanzjarja mill-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (‘il-Fond’) lir-reġjuni fl-Unjoni milquta minn diżastri naturali fl-2018;

3.  Jilqa' l-proposta(4) tal-Kummissjoni tas-7 ta' Marzu 2019 biex jiġi emendat il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili bħala għodda ewlenija għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' ġestjoni tar-riskju tad-diżastri tal-Unjoni, b'pakkett finanzjarju għall-perjodu ta' finanzjament 2021-2027 li jaqbel mal-livell ta' ambizzjoni stabbilit fid-Deċiżjoni (UE) 2019/420 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5) u f'konformità mar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2018 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 (6); huwa konvint li l-Fond u l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili għandhom jimxu id f'id fil-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għal diżastri naturali fl-Istati Membri;

4.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) COM(2019)0125.
(5) Id-Deċiżjoni (UE) 2019/420 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Marzu 2019 li temenda d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 77I, 20.3.2019, p. 1.).
(6) Testi adottati, P8-TA-PROV(2018)0449.


ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Awstrija, l-Italja u r-Rumanija

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(2), u b'mod partikolari l-punt 11 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)  Il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea ('il-Fond') għandu l-għan li jippermetti lill-Unjoni tirrispondi b'mod rapidu, effiċjenti u flessibbli għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza sabiex tintwera solidarjetà mal-popolazzjonijiet ta' reġjuni milquta minn diżastri naturali.

(2)  Il-Fond ma għandux jaqbeż l-ammont annwali massimu ta' EUR 500 000 000 (bil-prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013(3).

(3)  Fis-7 ta' Settembru 2018, ir-Rumanija ressqet applikazzjoni biex timmobilizza l-Fond, wara avvenimenti estremi tat-temp li ħolqu għargħar estensiv.

(4)  Fl-20 ta' Diċembru 2018, l-Italja ressqet applikazzjoni biex timmobilizza l-Fond, wara avvenimenti estremi tat-temp.

(5)  Fl-14 ta' Jannar 2019, l-Awstrija ressqet applikazzjoni biex timmobilizza l-Fond, wara avvenimenti estremi tat-temp.

(6)  L-applikazzjonijiet mill-Awstrija, mill-Italja u mir-Rumanija jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond, kif stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2012/2002.

(7)  Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Fond jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja lill-Awstrija, lill-Italja u lir-Rumanija.

(8)  Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun il-ħin li jieħu l-Fond biex jiġi mobilizzat, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tiġi tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019, il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea għandu jkun mobilizzat kif ġej f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament:

(a)  l-ammont ta' EUR 8 192 300 għandu jiġi pprovdut lir-Rumanija;

(b)  l-ammont ta' EUR 277 204 595 għandu jiġi pprovdut lill-Italja;

(c)  l-ammont ta' EUR 8 154 899 għandu jiġi pprovdut lill-Awstrija.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Hija għandha tapplika minn... [id-data tal-adozzjoni tagħha](4).

Magħmul fi...,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

(1) ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3.
(2) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).
(4)* Id-data trid tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU.

Aġġornata l-aħħar: 19 ta' Settembru 2019Avviż legali