Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2036(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0001/2019

Testi mressqa :

A9-0001/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/09/2019 - 9.5

Testi adottati :

P9_TA(2019)0015

Testi adottati
PDF 159kWORD 54k
L-Erbgħa, 18 ta' Settembru 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni - EGF/2019/000 TA 2019 - Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni
P9_TA-PROV(2019)0015A9-0001/2019
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Settembru 2019 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2019/000 TA 2019 - Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni) (COM(2019)0290 – C9-0026/2019 – 2019/2036(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

—  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2019)0290 – C9 0026/2019),

—  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

—  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2) u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

—  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Mejju 2018 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2018/000 TA 2018 – Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)(4),

—  wara li kkunsidra l-ewwel qari tiegħu dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-FEG)(5),

—  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0001/2019),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tgħin l-integrazzjoni mill-ġdid neċessarja u fil-pront tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-għajnuna tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u bil-kunsiderazzjoni dovuta tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mmobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-FEG);

C.  billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, biex il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiżdied għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, biex l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet tal-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill tiżdied billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, biex l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli jiġu estiżi bl-introduzzjoni tal-persuni li jaħdmu għal rashom u ż-żgħażagħ, u biex jiġu ffinanzjati inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;

D.  billi l-baġit annwali massimu disponibbli għall-FEG huwa EUR 150 miljun fi prezzijiet tal-2011, jiġifieri EUR 175 748 000 fi prezzijiet tal-2019, u billi l-Artikolu 11(1) tar-Regolament dwar il-FEG jiddikjara li sa 0,5 % ta' dak l-ammont jista' jsir disponibbli għal għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni sabiex jiġu ffinanzjati l-preparazzjoni, il-monitoraġġ, il-ġbir ta' data u l-ħolqien ta' bażi ta' għarfien, l-appoġġ amministrattiv u tekniku, l-attivitajiet ta' informazzjoni u komunikazzjoni, kif ukoll l-attivitajiet ta' awditjar, kontroll u evalwazzjoni meħtieġa biex jiġi implimentat ir-Regolament dwar il-FEG;

E.  billi l-ammont propost ta' EUR 610 000 jikkorrispondi għal madwar 0,35 % tal-baġit annwali massimu disponibbli għall-FEG fl-2019;

1.  Jaqbel mal-miżuri proposti mill-Kummissjoni li jridu jiġu ffinanzjati bħala għajnuna teknika skont l-Artikolu 11(1) u (4) kif ukoll skont l-Artikolu 12(2), (3) u (4) tar-Regolament dwar il-FEG;

2.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-monitoraġġ u l-ġbir ta' data; ifakkar fl-importanza ta' sensiela ta' statistika robusta miġbura fil-forma xierqa li tkun komprensibbli u aċċessibbli faċilment;

3.  Ifakkar fl-importanza ta' sit web apposta dwar il-FEG li jkun aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni;

4.  Jilqa' l-ħidma kontinwa fuq il-proċeduri standardizzati għall-applikazzjonijiet tal-FEG u l-ġestjoni li jużaw il-funzjonalitajiet tas-sistema ta' skambju elettroniku tad-data (SFC2014), li tippermetti s-simplifikazzjoni u l-ipproċessar aktar mgħaġġel tal-applikazzjonijiet kif ukoll rappurtar aħjar;

5.  Jieħu nota li l-Kummissjoni biħsiebha tinvesti EUR 190 000 mill-baġit disponibbli taħt l-appoġġ amministrattiv u tekniku fl-organizzazzjoni ta' żewġ laqgħat tal-Grupp ta' Esperti tal-Persuni ta' Kuntatt tal-FEG (membru wieħed minn kull Stat Membru) u żewġ seminars bil-parteċipazzjoni tal-korpi ta' implimentazzjoni tal-FEG u s-sħab soċjali;

6.  Jappella lill-Kummissjoni tkompli tistieden b'mod sistematiku lill-Parlament għal dawk il-laqgħat u s-seminars skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament u l-Kummissjoni;

7.  Jissottolinja l-ħtieġa li jkomplu jissaħħu l-kuntatti bejn dawk kollha involuti fl-applikazzjonijiet tal-FEG, inklużi, b'mod partikolari, is-sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati fil-livell reġjonali u f'dak lokali, sabiex jinħoloq l-akbar għadd ta' sinerġiji possibbli; jisħaq fuq il-fatt li l-interazzjoni bejn il-Persuna ta' Kuntatt Nazzjonali u s-sħab responsabbli mill-ġestjoni tal-każijiet fil-livell reġjonali jew lokali għandha tissaħħaħ u li kemm l-arranġamenti ta' komunikazzjoni u ta' appoġġ kif ukoll il-flussi ta' informazzjoni (ir-responsabbiltajiet, il-kompiti u d-diviżjonijiet interni) għandhom ikunu espliċiti u maqbula bejn is-sħab kollha kkonċernati;

8.  Jilqa' l-bidu f'waqtu tal-evalwazzjoni ex post li għaliha l-Kummissjoni biħsiebha tinvesti EUR 300 000 mill-baġit disponibbli;

9.  Ifakkar lill-Istati Membri applikanti dwar ir-rwol ewlieni tagħhom li jippubbliċizzaw b'mod wiesa' l-azzjonijiet iffinanzjati mill-FEG lill-pubbliku ġenerali, il-midja, is-sħab soċjali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-benefiċjarji fil-mira, kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament dwar il-FEG;

10.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) Testi adottati, P8_TA(2018)0220.
(5) Testi adottati, P8_TA(2019)0019.


ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni EGF/2019/000 TA 2019 - Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(2), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)  L-għan tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-FEG) hu li jsostni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lill-persuni li jaħdmu għal rashom li l-attivitajiet tagħhom ikunu waqfu minħabba bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji kkawżati mill-globalizzazzjoni, minħabba kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew minħabba kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida, u jgħinhom jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol.

(2)  Il-FEG ma għandux jaqbeż ammont massimu annwali ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013(3).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 jipprevedi li kull sena jista' jintuża massimu ta' 0,5 % tal-ammont massimu annwali tal-FEG għall-għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni.

(4)  Jenħtieġ li l-FEG għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 610 000 għall-għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 610 000 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi …,

Għall-Parlament Ewropew                                                              Għall-Kunsill

Il-President                                                                                      Il-President

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

Aġġornata l-aħħar: 19 ta' Settembru 2019Avviż legali