Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2817(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0038/2019

Testi mressqa :

B9-0038/2019

Dibattiti :

PV 18/09/2019 - 7
CRE 18/09/2019 - 7

Votazzjonijiet :

PV 18/09/2019 - 9.6
CRE 18/09/2019 - 9.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2019)0016

Testi adottati
PDF 165kWORD 55k
L-Erbgħa, 18 ta' Settembru 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE
P9_TA-PROV(2019)0016B9-0038/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Settembru 2019 dwar il-qagħda kurrenti tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea (2019/2817(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea(TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta' Diċembru 2000 ("il-Karta"), li ġiet ipproklamata fit-12 ta' Diċembru 2007 fi Strasburgu u li daħlet fis-seħħ mat-Trattat ta' Lisbona f'Diċembru 2009,

–  wara li kkunsidra n-notifika mogħtija mill-Prim Ministru tar-Renju Unit lill-Kunsill Ewropew fid-29 ta' Marzu 2017 skont l-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta' April 2017 dwar in-negozjati mar-Renju Unit wara n-notifika tiegħu li biħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea(1), tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit(2), tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit(3) u tal-14 ta' Marzu 2018 dwar il-qafas tar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit(4),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Kunsill Ewropew (Artikolu 50) tad-29 ta' April 2017 maħruġa wara n-notifika mir-Renju Unit skont l-Artikolu 50 tat-TUE u l-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2017 li tistabbilixxi direttivi għan-negozjar ta' ftehim mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq li jistipula l-arranġamenti dwar il-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Kunsill Ewropew (Artikolu 50) tal-15 ta' Diċembru 2017 u l-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta' Jannar 2018 li tissupplimenta d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2017 li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq għal ftehim li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt tan-negozjaturi tal-Unjoni Ewropea u tal-Gvern tar-Renju Unit tat-8 ta' Diċembru 2017 dwar il-progress matul l-ewwel fażi tan-negozjati skont l-Artikolu 50 tat-TUE dwar il-ħruġ ordinat tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, kif approvat mill-Kunsill Ewropew fil-25 ta' Novembru 2018 ("il-Ftehim dwar il-Ħruġ") u d-dikjarazzjonijiet inklużi fil-minuti tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta' dik id-data,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Politika li tistabbilixxi l-qafas għar-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, kif approvata mill-Kunsill Ewropew fil-25 ta' Novembru 2018 ("id-Dikjarazzjoni Politika"),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew (Artikolu 50) tat-13 ta' Diċembru 2018,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta li tissupplimenta d-Dikjarazzjoni Politika u l-Istrument relatat mal-Ftehim dwar il-Ħruġ tat-11 ta' Marzu 2019,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/476 meħuda bi qbil mar-Renju Unit tat-22 ta' Marzu 2019 li testendi l-perjodu skont l-Artikolu 50(3) tat-TUE,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/584 meħuda bi qbil mar-Renju Unit, tal-11 ta' April 2019, li testendi l-perjodu skont l-Artikolu 50(3) tat-TUE,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/642 tat-13 ta' April 2019 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/274 tal-11 ta' Jannar 2019, li permezz tagħha ġie awtorizzat l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, soġġett għall-konklużjoni tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-"Brexit" huwa ġrajja mingħajr preċedent u ta' dispjaċir, li l-konsegwenzi negattivi tiegħu jkunu mtaffija minn ħruġ ordinat tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea (UE);

B.  billi r-Renju Unit u l-UE se jibqgħu ġirien imqarrba u se jibqa' jkollhom ħafna interessi komuni; billi l-qafas għal tali relazzjoni mill-qrib huwa stabbilit fid-Dikjarazzjoni Politika, li permezz tagħha dawk l-interessi komuni jistgħu jiġu protetti u promossi, inkluż permezz ta' relazzjoni kummerċjali ġdida;

C.  billi l-Parlament Ewropew jirrappreżenta liċ-ċittadini tal-UE u sejjer jaġixxi matul il-proċess kollu li jwassal għall-ħruġ tar-Renju Unit biex jipproteġi l-interessi tagħhom;

D.  billi bħalissa hemm madwar 3,2 miljun ċittadin tas-27 Stat Membru li jifdal (UE-27) li huma residenti fir-Renju Unit u 1,2 miljun ċittadin tar-Renju Unit ("ċittadini Brittaniċi") li huma residenti fl-UE-27; billi dawk iċ-ċittadini marru jgħixu fi Stat Membru ieħor abbażi tad-drittijiet li jgawdu skont id-dritt tal-UE u bil-fehma li kienu se jibqgħu jgawdu dawk id-drittijiet tul ħajjithom kollha;

E.  billi, barra minn hekk, hemm 1,8 miljun ċittadin li twieldu fl-Irlanda ta' Fuq u li, bis-saħħa tal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira, huma intitolati għaċ-ċittadinanza Irlandiża u b'hekk għal dik tal-UE u għad-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-UE fejn jgħixu;

F.  billi l-UE u r-Renju Unit, bħala Stat Membru li se joħroġ mill-UE, għandhom obbligu tal-ogħla preċedenza li jiżguraw approċċ komprensiv u reċiproku biex iħarsu d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fir-Renju Unit u dawk taċ-ċittadini Brittaniċi li jgħixu fl-UE-27;

G.  billi dikjarazzjonijiet reċenti mill-Gvern tar-Renju Unit favur li jimxi fuq politika ta' diverġenza regolatorja mill-UE jqajmu dubji dwar kemm tista' tkun imqarrba r-relazzjoni ekonomika futura bejn l-UE u r-Renju Unit;

H.  billi jeħtieġ li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE la jipperikola b'xi mod il-proċess ta' paċi fl-Irlanda ta' Fuq u lanqas jagħmel ħsara lill-ekonomija tal-gżira tal-Irlanda, effetti li jseħħu bi kwalunkwe twebbis tal-fruntiera bejn l-Irlanda ta' Fuq u l-Irlanda u li l-garanzija ta' kontinġenza maqbula bejn ir-Renju Unit u l-UE fil-Ftehim dwar il-Ħruġ ġiet imfassla biex tipprevjenihom f'kull ċirkustanza;

I.  billi l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira jirrikonoxxi "l-leġittimità ta' kwalunkwe għażla li tiġi eżerċitata b'mod liberu mill-maġġoranza tal-poplu tal-Irlanda ta' Fuq fir-rigward tal-istatus tiegħu";

J.  billi l-Gvern tar-Renju Unit jinsisti li l-garanzija ta' kontinġenza trid titneħħa mill-Ftehim dwar il-Ħruġ, iżda s'issa ma ressaqx proposti legalment operazzjonali li jistgħu jieħdu postha;

K.  billi jidher li l-Gvern tar-Renju Unit għamel l-ippjanar għall-"ebda ftehim" il-prijorità politika prinċipali tiegħu u li wħud mill-membri tal-Gvern tar-Renju Unit jemmnu li "ħruġ bla ebda ftehim" ikun l-aħjar eżitu tal-proċess ta' ħruġ tar-Renju Unit mill-UE;

L.  billi l-Prim Ministru tar-Renju Unit qal li "l-Brexit bla ebda ftehim" ikun "falliment ta' ħila fit-tmexxija politika";

M.  billi, f'konformità mal-Istrument Konġunt relatat mal-Ftehim dwar il-Ħruġ maqbul fil-11 ta' Marzu 2019 fuq l-insistenza tar-Renju Unit, il-ħidma konġunta dwar arranġamenti alternattivi tippresupponi r-ratifika tal-Ftehim dwar il-Ħruġ;

N.  billi l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE bla ftehim jagħmel ħsara ekonomika kbira liż-żewġ partijiet, għalkemm, kif juru ċ-ċifri uffiċjali u r-rapporti tal-Gvern tar-Renju Unit, din il-ħsara ekonomika taqa' b'mod sproporzjonat fuq ir-Renju Unit, inklużi t-territorji extra-Ewropej tiegħu;

O.  billi l-unità tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-UE-27 għadha kruċjali u sejra tinżamm;

Il-Ftehim dwar il-Ħruġ u d-Dikjarazzjoni Politika

1.  Jemmen li huwa fl-akbar interess tar-Renju Unit, kif ukoll tal-UE, li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE jsir b'mod ordinat;

2.  Jibqa' jemmen li l-Ftehim dwar il-Ħruġ, bħala l-mezz li jippermetti tali ħruġ ordinat tar-Renju Unit mill-UE, huwa ġust u bbilanċjat, filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ sew "il-linji ħomor" tar-Renju Unit u sew il-prinċipji tal-UE;

3.  Jinnota li l-valur tal-Ftehim dwar il-Ħruġ huwa li jipprovdi ċertezza legali lil dawk kollha milquta mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE u li, fl-ogħla grad possibbli, il-Ftehim:

   jissalvagwardja d-drittijiet u l-għażliet tal-ħajja taċ-ċittadini tal-UE residenti fir-Renju Unit u taċ-ċittadini Brittaniċi residenti fl-UE-27,
   jinkludi l-garanzija ta' kontinġenza għall-fruntiera bejn l-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq li, fin-nuqqas ta' soluzzjonijiet maqbula fil-kuntest ta' ftehim futur jew ta' arranġamenti alternattivi operazzjonali li jipprovdu l-istess garanziji, sejra tipproteġi l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira u l-proċess ta' paċi fl-Irlanda ta' Fuq u tevita "twebbis" tal-fruntiera, u b'hekk issostni l-kooperazzjoni bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar u l-ekonomija tal-gżira kollha kemm hi, kif ukoll tiggarantixxi l-integrità tas-suq intern tal-UE,
   jipprevedi saldu finanzjarju uniku mar-Renju Unit li jinkludi l-obbligazzjonijiet legali kollha li jirriżultaw minn impenji pendenti u li jkopri entrati li ma jidhrux fil-karta bilanċjali, obbligazzjonijiet kontinġenti u kostijiet finanzjarji oħra li jirriżultaw direttament mill-ħruġ tar-Renju Unit,
   jinkludi, kif mitlub mir-Renju Unit u bil-ħsieb li jiżgura ċ-ċertezza u l-kontinwità legali kif ukoll iż-żmien għan-negozjar tar-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit, perjodu ta' tranżizzjoni sal-31 ta' Diċembru 2020 li jista' jiġi estiż darba b'sa sentejn żmien;
   jindirizza kwistjonijiet oħra ta' separazzjoni li jippermettu l-ħruġ ordinat tar-Renju Unit mill-UE,
   fih dispożizzjonijiet ta' governanza li jissalvagwardjaw ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) fl-interpretazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, kif ikun f'loku;

4.  Jinnota li l-għażliet fundamentali quddiem ir-Renju Unit bi rbit mal-fruntiera bejn l-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq għadhom l-istess u hekk sejrin jibqgħu, ikun xi jkun il-Gvern tal-pajjiż; ifakkar li l-Gvern tar-Renju Unit irrifjuta l-ewwel proposta tal-UE għal garanzija ta' kontinġenza għall-Irlanda ta' Fuq biss, u li sussegwentement talab li titfassal mill-ġdid fil-forma li issa tinsab fil-Ftehim dwar il-Ħruġ; jesprimi li lest jerġa' lura għal garanzija ta' kontinġenza għall-Irlanda ta' Fuq biss, iżda jenfasizza li mhux sejjer jagħti l-kunsens tiegħu għal Ftehim dwar il-Ħruġ mingħajr garanzija ta' kontinġenza;

5.  Jinnota li l-garanzija ta' kontinġenza hija appoġġjata minn maġġoranza kbira ħafna tal-partiti politiċi rappreżentati fl-Assemblea tal-Irlanda ta' Fuq u, skont stħarriġiet reċenti, minn maġġoranza taċ-ċittadini fl-Irlanda ta' Fuq;

6.  Ifakkar li l-garanzija ta' kontinġenza għandha tintuża biss bħala miżura temporanja aħħarija u jilqa' l-miżuri kollha li dan jagħmluh ċar; jilqa' b'mod partikolari, kif previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ innifsu, li l-ħidma u l-investiment jiġu diretti lejn l-esplorazzjoni ta' kif arranġamenti alternattivi għall-fruntiera, ibbażati fuq teknoloġiji ġodda, jistgħu eventwalment jintużaw fil-ġejjieni biex jiżguraw li ma jkunx hemm fruntiera fiżika fuq il-gżira tal-Irlanda;

7.  Jinnota li dawk l-arranġamenti alternattivi jkunu aċċettabbli biss jekk jagħmluha possibbli li jiġi evitat li jkun hemm infrastruttura fiżika fil-fruntiera jew verifiki u kontrolli relatati, li l-ekonomija tal-gżira kollha kemm hi tkun protetta, li l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira jkun salvagwardjat, inkluż li jinżammu l-kundizzjonijiet meħtieġa għal kooperazzjoni kontinwa bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar, u li l-integrità tas-suq intern tal-UE tkun żgurata;

8.  Jemmen li sta għar-Renju Unit li jressaq proposti bil-miktub għal tali arranġamenti alternattivi li jkunu għalkollox operazzjonali, li jittrattaw b'mod komprensiv il-verifiki u l-kontrolli kollha li jitwettqu fil-fruntiera esterna tal-UE, li jkunu konsistenti mal-paragrafi 43 u 49 tar-Rapport Konġunt tad-8 ta' Diċembru 2017 u li jistgħu jieħdu kont ta' kwalunkwe diverġenza regolatorja futura bejn ir-Renju Unit u l-UE; jiddispjaċih li, minkejja dikjarazzjonijiet minn xi wħud mill-membri tiegħu dwar id-disponibbiltà ta' arranġamenti alternattivi, il-Gvern tar-Renju Unit s'issa ma ressaqx proposti legalment operazzjonali li jistgħu jieħdu post il-garanzija ta' kontinġenza;

9.  Jinnota li d-Dikjarazzjoni Politika, li tistabbilixxi l-qafas għar-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit, hija konformi mar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2018 dwar il-qafas tar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit, li titlob ftehim ta' assoċjazzjoni, kif ukoll mal-kontributi dettaljati tal-kumitati tiegħu, u tirrifletti l-għażliet magħmula mir-Renju Unit rigward l-ambitu u l-profondità tar-relazzjoni futura tiegħu mal-UE;

10.  Jesprimi li huwa lest jittrasforma d-Dikjarazzjoni Politika f'dokument b'karattru aktar formali u legali li jiddefinixxi l-għan li jiġi stabbilit ftehim ta' assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit ta' natura hekk imqarrba li, anke fin-nuqqas ta' arranġamenti alternattivi vijabbli, il-garanzija ta' kontinġenza ma jkollhiex għalfejn titħaddem;

Ebda ftehim

11.  Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 50 tat-TUE, fin-nuqqas ta' ftehim jew estensjoni tal-perjodu msemmi fl-Artikolu 50(3) tat-TUE, it-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit mill-1 ta' Novembru 2019;

12.  Jenfasizza li, jekk ir-Renju Unit joħroġ mill-UE bla ftehim, dan ikun għalkollox ir-responsabbiltà tal-Gvern tar-Renju Unit; jirrimarka, barra minn hekk, l-implikazzjonijiet li "ħruġ bla ftehim" bħal dan ikollu għall-fruntiera bejn l-Irlanda ta' Fuq u l-Irlanda, kif ukoll għat-tħaddim u l-implimentazzjoni tal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira;

13.  Jinnota l-oppożizzjoni qawwija fil-House of Commons, u lil hinn minnha, għad-deċiżjoni li l-Parlament tar-Renju Unit jiġi prorogat sal-14 ta' Ottubru 2019, liema proroga tqawwi l-probabbiltà li r-Renju Unit joħroġ mill-UE mingħajr ftehim;

14.  Jilqa', fil-frattemp, il-miżuri ta' tħejjija u ta' ppjanar ta' kontinġenza għal xenarju ta' "ebda ftehim" adottati mill-istituzzjonijiet tal-UE u mill-UE-27; jinnota li dawn huma unilaterali, fl-interess tal-UE u ta' natura temporanja; jenfasizza, barra minn hekk, li dawn ma għandhomx l-istess effetti bħal ftehim li jippermetti ħruġ ordinat jew li jirreplika l-benefiċċji tas-sħubija fl-UE, jew it-termini ta' kwalunkwe perjodu ta' tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ; jilqa' l-aħħar proposti ppreżentati mill-Kummissjoni fl-4 ta' Settembru 2019 u jimpenja ruħu li jittrattahom malajr kemm jista' jkun u, b'mod partikolari fir-rigward tal-għoti ta' assistenza finanzjarja lill-impriżi żgħar u ta' daqs medju, bil-ħsieb li jiżgura li l-piżijiet li jirriżultaw minn proċeduri amministrattivi jinżammu f'livell minimu;

15.  Jinnota li ma jista' jkun hemm l-ebda perjodu ta' tranżizzjoni fin-nuqqas tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u li lanqas ma jistgħu jiġu implimentati xi "ftehimiet żgħar" maħsuba biex itaffu t-taqlib ta' ħruġ diżordinat tar-Renju Unit mill-UE;

16.  Jenfasizza li negozjati ulterjuri bejn l-UE u r-Renju Unit wara li r-Renju Unit ikun ħareġ mill-UE bla ftehim jistgħu jsiru biss bil-kundizzjoni li r-Renju Unit jonora l-obbligi u l-impenji tiegħu rigward id-drittijiet taċ-ċittadini, is-saldu finanzjarju u l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira f'kull parti tiegħu;

17.  Jinnota li, fil-każ ta' "ħruġ bla ftehim", l-obbligi finanzjarji u ta' tip ieħor tar-Renju Unit jibqgħu jeżistu; jafferma li, f'tali każ, huwa sejjer jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu għal kwalunkwe ftehim bejn l-UE u r-Renju Unit sakemm ir-Renju Unit ma jonorax l-impenji tiegħu;

18.  Ifakkar li, ladarba dawn l-impenji jkunu ġew onorati, in-negozjati futuri bejn l-UE u r-Renju Unit ser jirrikjedu salvagwardji b'saħħithom u dispożizzjonijiet dwar kundizzjonijiet ekwi bil-għan li jissalvagwardjaw is-suq intern tal-UE u li jevitaw li d-ditti tal-UE potenzjalment jitqiegħdu fi żvantaġġ kompetittiv inġust; itenni, f'dan ir-rigward, il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2018, b'mod partikolari rigward l-iżgurar ta' livelli għoljin ta' protezzjoni ambjentali, tal-impjiegi u tal-konsumatur; jinnota li kwalunkwe ftehim ta' kummerċ ħieles li jonqos milli jirrispetta dawn il-livelli ta' protezzjoni ma jiġix ratifikat mill-Parlament Ewropew;

19.  Ifakkar li s-salvagwardja tad-drittijiet u tal-għażliet tal-ħajja, inklużi l-istatus tal-impjieg u l-intitolamenti soċjali, taċ-ċittadini tal-UE residenti fir-Renju Unit u taċ-ċittadini Brittaniċi residenti fl-UE-27 għadha l-ewwel prijorità tiegħu u li għandu jsir kull sforz biex jiġi żgurat li dawk iċ-ċittadini ma jintlaqtux mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE;

20.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-implimentazzjoni tal-Iskema ta' Residenza Permanenti ("Settlement Scheme") tar-Renju Unit u l-għadd kbir tal-applikanti, sa 42 % skont l-aħħar ċifri uffiċjali tar-Renju Unit, li ngħataw biss status preliminari ("pre-settled"); ifakkar li dan jista' jiġi evitat jekk ir-Renju Unit jagħżel proċedura amministrattiva li tkun ta' natura dikjarattiva u jqiegħed l-oneru tal-prova fuq l-awtoritajiet tar-Renju Unit biex jikkontestaw id-dikjarazzjoni; għaldaqstant iħeġġeġ lir-Renju Unit biex jirrevedi l-approċċ tiegħu;

21.  Iħeġġeġ lir-Renju Unit u lill-UE-27 biex jadottaw miżuri li jipprovdu ċertezza legali liċ-ċittadini tal-UE residenti fir-Renju Unit u liċ-ċittadini Brittaniċi residenti fl-UE-27; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu li l-UE-27 għandhom jimxu fuq approċċ konsistenti u ġeneruż huma u jipproteġu d-drittijiet taċ-ċittadini Brittaniċi residenti f'dawk l-Istati Membri;

22.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu għall-fatt li avviżi reċenti u konfliġġenti mill-Home Office b'rabta mal-moviment liberu wara l-31 ta' Ottubru 2019 iġġeneraw inċertezza xejn pożittiva għaċ-ċittadini tal-UE residenti fir-Renju Unit, bir-riskju li dawk l-avviżi jistgħu jiggravaw l-ambjent ostili fil-konfront ta' dawn iċ-ċittadini u jkollhom impatt negattiv fuq il-kapaċità tagħhom li jinfurzaw drittijiethom;

23.  Ifakkar li bosta ċittadini Brittaniċi esprimew oppożizzjoni qawwija għat-telfien tad-drittijiet li jgawdu bħalissa skont l-Artikolu 20 tat-TFUE; jipproponi li l-UE-27 jeżaminaw kif jistgħu itaffu dan it-telfien fil-limiti tad-dritt primarju tal-UE, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipji ta' reċiproċità, ekwità, simetrija u nondiskriminazzjoni;

Estensjoni tal-perjodu tal-Artikolu 50

24.  Jinnota li, fid-9 ta' Settembru 2019, ġie adottat Att tal-Parlament tar-Renju Unit, li lill-Gvern tar-Renju Unit jobbligah jitlob estensjoni jekk ma jkunx intlaħaq ftehim mal-UE sad-19 ta' Ottubru 2019;

25.  Jindika li jkun lest jappoġġja estensjoni tal-perjodu previst fl-Artikolu 50 jekk ikun hemm raġunijiet u skop għal tali estensjoni (pereżempju biex jiġi evitat "ħruġ bla ftehim", biex issir elezzjoni ġenerali jew isir referendum, biex jiġi revokat l-Artikolu 50, jew biex jiġi approvat ftehim dwar il-ħruġ) u li x-xogħol u l-funzjonament tal-istituzzjonijiet tal-UE ma jintlaqtux b'mod negattiv;

26.  Ifakkar li mhuwa se jipproċedi għall-ebda votazzjoni ta' approvazzjoni sakemm il-Parlament tar-Renju Unit ma jkunx approva ftehim mal-UE;

27.  Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Gvern tar-Renju Unit li, fiċ-ċirkostanzi kurrenti, la jaħtar Kummissarju kandidat għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss u lanqas jibgħat rappreżentanti mir-Renju Unit jattendu ċerti laqgħat tal-UE mill-1 ta' Settembru 2019; jenfasizza li dan mhux se jaffettwa l-kapaċità tal-istituzzjonijiet tal-UE li jiffunzjonaw bla xkiel, u jafferma mill-ġdid, f'dak li jirrigwarda l-Parlament Ewropew, li l-Membri tar-Renju Unit tal-Parlament Ewropew (MPE), sal-ħruġ tar-Renju Unit, sejrin jibqgħu MPE bid-drittijiet u bl-obbligi kollha tagħhom intatti; ifakkar li, sakemm jibqa' Stat Membru, ir-Renju Unit se jibqa' jgawdi drittijietu u jibqa' marbut bl-obbligi tiegħu skont it-Trattati, inkluż bil-prinċipju ta' kooperazzjoni leali;

o
o   o

28.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern tar-Renju Unit.

(1) ĠU C 298, 23.8.2018, p. 24.
(2) ĠU C 346, 27.9.2018, p. 2.
(3) ĠU C 369, 11.10.2018, p. 32.
(4) ĠU C 162, 10.5.2019, p. 40.

Aġġornata l-aħħar: 19 ta' Settembru 2019Avviż legali