Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2819(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0097/2019

Dibattiti :

PV 18/09/2019 - 17
CRE 18/09/2019 - 17

Votazzjonijiet :

PV 19/09/2019 - 7.5
CRE 19/09/2019 - 7.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2019)0021

Testi adottati
PDF 144kWORD 54k
Il-Ħamis, 19 ta' Settembru 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
L-importanza tat-tifkira tal-istorja Ewropea għall-ġejjieni tal-Ewropa
P9_TA-PROV(2019)0021RC-B9-0097/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Settembru 2019 dwar l-importanza tat-tifkira tal-istorja Ewropea għall-ġejjieni tal-Ewropa (2019/2819(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-prinċipji universali tad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji fundamentali tal-Unjoni Ewropea bħala komunità msejsa fuq valuri komuni,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni maħruġa fit-22 ta' Awwissu 2019 mill-Ewwel Viċi President Timmermans u l-Kummissarju Jourová qabel il-Jum ta' Tifkira fl-Ewropa kollha għall-vittmi tar-reġimi totalitarji u awtoritarji kollha,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem adottata fl-10 ta' Diċembru 1948,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2005 dwar is-60 anniversarju ta' tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija fl-Ewropea fit-8 ta' Mejju 1945(1),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1481 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tas-26 ta' Jannar 2006 dwar il-ħtieġa ta' kundanna internazzjonali tad-delitti tar-reġimi totalitarji Komunisti,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas 2008/913/ĠAI tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali(2),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Praga dwar il-Kuxjenza Ewropea u l-Komuniżmu, adottata fit-3 ta' Ġunju 2008,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-proklamazzjoni tat-23 ta' Awwissu bħala l-Jum Ewropew ta' Tifkira tal-Vittmi tal-Istaliniżmu u tan-Naziżmu, adottata fit-23 ta' Settembru 2008(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' April 2009 dwar il-kuxjenza Ewropea u t-totalitarjaniżmu(4),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-22 ta' Diċembru 2010 bit-titolu "Il-memorja tad-delitti mwettqa minn reġimi totalitarji fl-Ewropa" (COM(2010)0783),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 u l-10 ta' Ġunju 2011 dwar il-memorja tad-delitti mwettqa minn reġimi totalitarji fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Varsavja tat-23 ta' Awissu 2011 fl-okkażjoni tal-Jum ta' Tifkira tal-Vittmi tar-Reġimi Totalitarji,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-23 ta' Awwissu 2018 tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE biex jikkommemoraw lill-vittmi tal-Komuniżmu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni storika tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja, adottata fit-13 ta' Jannar 1983 b'reazzjoni għall-"Appell Baltiku" ta' 45 ċittadin minn dawn il-pajjiżi,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet dwar id-delitti tar-reġimi totalitarji Komunisti adottati minn għadd ta' parlamenti nazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi din hija s-sena tat-80 anniversarju mindu faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, li wasslet għal livelli bla preċedenti ta' tbatija umana u kkundannat lil pajjiżi fl-Ewropa għal bosta deċennji ta' okkupazzjoni;

B.  billi 80 sena ilu, fit-23 ta' Awwissu 1939, l-Unjoni Sovjetika Komunista u l-Ġermanja Nazista ffirmaw Trattat ta' Non-Aggressjoni, magħruf bħala l-Patt Molotov-Ribbentrop, u l-protokolli sigrieti tiegħu, li qassam l-Ewropa u lit-territorji tal-istati indipendenti bejn żewġ reġimi totalitarji u ġabarhom fi sferi ta' interess, ħaġa li wittiet it-triq biex tfaqqa' it-Tieni Gwerra Dinjija;

C.  billi, bħala konsegwenza diretta tal-Patt Molotov-Ribbentrop, li ġie segwit bit-Trattat dwar il-Konfini u l-Ħbiberija bejn in-Nazisti u s-Sovjetiċi tat-28 ta' Settembru 1939, ir-Repubblika Pollakka ġiet invaduta l-ewwel minn Hitler u ġimagħtejn wara minn Stalin – fatt li ċaħħad lill-pajjiż mill-indipendenza tiegħu u li kien traġedja bla preċedenti għall-poplu Pollakk – l-Unjoni Sovjetika Komunista bdiet gwerra aggressiva kontra l-Finlandja fit-30 ta' Novembru 1939, u f'Ġunju 1940 okkupat u annettiet partijiet mir-Rumanija – territorji li qatt ma traddew lura – u annettiet ir-repubbliki indipendenti tal-Litwanja, tal-Latvja u tal-Estonja;

D.  billi wara d-disfatta tar-reġim Nazista u t-tmien tat-Tieni Gwerra Dinjija, xi pajjiżi Ewropej kienu kapaċi jerġgħu jibnu u jidħlu fi proċess ta' rikonċiljazzjoni, filwaqt li pajjiżi Ewropej oħra baqgħu taħt dittatorjati – xi wħud taħt okkupazzjoni jew influwenza Sovjetika diretta – għal nofs seklu u komplew jiġu mċaħħda mil-libertà, mis-sovranità, mid-dinjità, mid-drittijiet tal-bniedem u mill-iżvilupp soċjoekonomiku;

E.  billi minkejja li d-delitti tar-reġim Nazista ġew iġġudikati u kkastigati permezz tal-proċessi ta' Nuremberg, għad hemm bżonn urġenti ta' sensibilizzazzjoni, li jitwettqu valutazzjonijiet morali u li jsiru inkjesti ġuridiċi dwar id-delitti tal-Istaliniżmu u ta' dittatorjati oħra;

F.  billi f'xi Stati Membri, l-ideoloġiji tal-Komuniżmu u tan-Naziżmu huma pprojbiti bil-liġi;

G.  billi l-integrazzjoni Ewropea, mill-bidu tagħha, kienet tweġiba għat-tbatija kkawżata miż-żewġ gwerer dinjija u mit-tirannija Nazista li wasslet għall-Olokawst, u għat-tifrix tar-reġimi totalitarji u Komunisti mhux demokratiċi fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, u kienet ukoll mod li bih setgħu jingħelbu il-qasmiet profondi u l-ostilità fl-Ewropa permezz tal-kooperazzjoni u tal-integrazzjoni u biex tintemm il-gwerra u tiġi żgurata d-demokrazija fl-Ewropa, billi għall-pajjiżi Ewropej li batew taħt l-okkupazzjoni Sovjetika u d-dittaturjati Komunisti, it-tkabbir tal-UE, li beda fl-2004, ifisser li ġew lura fil-familja Ewropea li lilha jappartienu;

H.  billi l-memorji tal-imgħoddi traġiku tal-Ewropa għandhom jinżammu ħajjin, sabiex jiġu onorati l-vittmi, jiġu kkundannati dawk li wettqu d-delitti u jitħejjew il-pedamenti għal rikonċiljazzjoni msejsa fuq il-verità u fuq it-tifkira,

I.  billi t-tifkira tal-vittmi tar-reġimi totalitarji u r-rikonoxximent tal-wirt Ewropew kondiviż tad-delitti mwettqa mid-dittatorjat-Komunist, minn dak Nazist u minn dittatorjati oħra, kif ukoll is-sensibilizzazzjoni dwaru, huma ta' importanza vitali għall-għaqda tal-Ewropa u tal-poplu tagħha u għall-bini tar-reżiljenza Ewropea għat-theddid estern ta' żmienna;

J.  billi 30 sena ilu, fit-23 ta' Awwissu 1989, ġie mfakkar il-50 anniversarju tal-Patt Molotov-Ribbentrop u l-vittmi tar-reġimi totalitarji ġew imfakkra fil-Katina Baltika, dimostrazzjoni bla preċedenti minn żewġ miljun Litwan, Latvjan u Estonjan li qabdu id f'id biex iffurmaw katina ta' ħajja li bdiet minn Vilnius, għaddiet minn Riga u spiċċat Tallinn;

K.  billi minkejja l-fatt li fl-24 ta' Diċembru 1989 il-Kungress tad-Deputati tal-Poplu tal-URSS ikkundanna l-iffirmar tal-Patt Molotov-Ribbentrop, kif ukoll ftehimiet oħra li saru mal-Ġermanja Nazista, f'Awwissu 2019 l-awtoritajiet Russi ċaħdu r-responsabbiltà għal dan il-ftehim u l-konsegwenzi tiegħu u attwalment qegħdin jippromwovu l-idea li l-Polonja, l-Istati Baltiċi u l-Punent huma dawk li fil-verità instigaw it-Tieni Gwerra Dinjija;

L.  billi t-tifkira tal-vittmi tar-reġimi totalitarji u awtoritarji u r-rikonoxximent tal-wirt Ewropew kondiviż tad-delitti mwettqa mid-dittatorjat Stalinist, minn dak Nazist u minn dittatorjati oħra, kif ukoll is-sensibilizzazzjoni dwaru, huma ta' importanza vitali għall-għaqda tal-Ewropa u tal-poplu tagħha u għall-bini tar-reżiljenza Ewropea għat-theddid estern ta' żmienna;

M.  billi l-gruppi u l-partiti politiċi li huma apertament radikali, razzisti u ksenofobi kienu qegħdin ixewxu għall-mibegħda u l-vjolenza fis-soċjetà, pereżempju permezz tat-tixrid online ta' diskors ta' mibegħda, li spiss iwassal biex jiżdiedu l-vjolenza, il-ksenofobija u l-intolleranza;

1.  Ifakkar li, kif hemm minqux fl-Artikolu 2 tat-TUE, l-Unjoni hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-persuni li jappartienu lil minoranza; ifakkar li dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri kollha;

2.  Jisħaq fuq il-fatt li t-Tieni Gwerra Dinjija, l-aktar gwerra devastanti fl-istorja tal-Ewropa, inbdiet b'riżultat dirett tat-Trattat ta' Non-Aggressjoni bejn in-Nazisti u s-Sovjetiċi tat-23 ta' Awwissu 1939, magħruf ukoll bħala l-Patt Molotov-Ribbentrop, u l-protokolli sigrieti tiegħu, fejn żewġ reġimi totalitarji li kellhom l-objettiv komuni li jaħkmu d-dinja qasmu l-Ewropa f'żewġ żoni ta' influwenza;

3.  Ifakkar li r-reġimi Nazista u Komunista kkommettew qtil tal-massa, ġenoċidju u deportazzjonijiet u kkawżaw telf ta' ħajja u ta' libertà fis-seklu 20 fuq skala li l-istorja tal-bniedem qatt ma kienet rat bħalu qabel, u jfakkar fid-delitt tal-waħx tal-Olokawst li wettaq ir-reġim Nazista; Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-atti ta' aggressjoni, id-delitti kontra l-umanità u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fuq skala wiesgħa mwettqa min-Nazisti, mill-Komunisti u minn reġimi totalitarji oħra;

4.  Jesprimi r-rispett kbir tiegħu għal kull vittma ta' dawn ir-reġimi totalitarji u jistieden lill-istituzzjonijiet u lill-atturi kollha tal-UE jagħmlu l-almu tagħhom biex jiżguraw li l-delitti totalitarji orribbli kontra l-umanità u l-ksur gravi u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem jitfakkru u jinġiebu quddiem il-qrati, u biex jiggarantixxu li tali delitti qatt ma jiġu ripetuti; jisħaq fuq l-importanza li l-memorji tal-imgħoddi jinżammu ħajjin, għaliex ma jistax ikun hemm rikonċiljazzjoni mingħajr tifkira, u jtenni l-pożizzjoni soda tiegħu kontra kull ħakma totalitarja minn kwalunkwe sfond ideoloġiku;

5.  Jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE biex jagħmlu valutazzjoni ċara u bi prinċipju tad-delitti u l-atti ta' aggressjoni mwettqa mir-reġimi totalitarji Komunisti u mir-reġim Nazista;

6.  Jikkundanna l-manifestazzjonijiet kollha u t-tixrid ta' ideoloġiji totalitarji, bħan-Naziżmu u l-Istaliniżmu, fl-UE;

7.  Jikkundanna r-reviżjoniżmu u l-glorifikazzjoni storiċi ta' kollaboraturi Nazisti f'xi Stati Membri tal-UE; jinsab imħasseb sew dwar iż-żieda tal-aċċettazzjoni ta' ideoloġiji radikali, u r-riverżjoni għall-faxxiżmu, ir-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta' intolleranza fl-Unjoni Ewropea, u jinsab inkwetat bir-rapporti f'xi Stati Membri ta' kollużjoni bejn il-mexxejja politiċi, il-partiti politiċi u l-entitajiet tal-infurzar tal-liġi u l-movimenti radikali, razzisti u ksenofobiċi ta' denominazzjonijiet politiċi differenti; jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex dawn l-atti jikkundannawhom bl-aktar mod qawwi possibbli, peress li jdgħajfu l-valuri tal-UE, il-paċi, il-libertà u d-demokrazija;

8.  Jistieden lill-Istati Membri kollha jikkommemoraw it-23 ta' Awwissu bħala l-Jum Ewropew ta' Tifkira għall-vittmi tar-reġimi totalitarji kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali, u biex jissensibilizzaw lill-ġenerazzjoni żagħżugħa dwar dawn il-kwistjonijiet, billi jinkludu l-istorja u l-analiżi tal-konsegwenzi tar-reġimi totalitarji fil-kurrikuli u fil-kotba tal-iskejjel kollha fl-UE; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jappoġġaw id-dokumentazzjoni tal-imgħoddi mimli inkwiet tal-Ewropa, pereżempju permezz tat-traduzzjoni tal-proċedimenti tal-Proċessi ta' Nuremberg fil-lingwi kollha tal-UE;

9.  Jistieden lill-Istati Membri jikkundannaw u jikkontrobattu kull forma ta' ċaħda tal-Olokawst, inklużi t-trivjalizzazzjoni u l-minimizzazzjoni tad-delitti mwettqa min-Nazisti u l-kollaboraturi tagħhom, u jipprevjenu t-trivjalizzazzjoni fid-diskors politiku u medjatiku;

10.  Jappella għal kultura komuni ta' tifkira li twarrab id-delitti tar-reġimi Faxxisti, Stalinisti, u r-reġimi totalitarji u awtoritarji oħra tal-imgħoddi bħala mod kif titrawwem ir-reżiljenza kontra t-theddid modern għad-demokrazija, b'mod partikolari fost il-ġenerazzjonijiet aktar żagħżugħa; iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu l-edukazzjoni permezz tal-kultura tradizzjonali dwar id-diversità tas-soċjetà tagħna u dwar l-istorja komuni tagħna, inkluża edukazzjoni dwar l-atroċitajiet tat-Tieni Gwerra Dinjija, bħall-Olokawst u d-diżumanizzazzjoni sistematika tal-vittmi tagħha tul għadd ta' snin;

11.  Jitlob, barra minn hekk, li l-25 ta' Mejju (anniversarju tal-eżekuzzjoni tal-Kaptan Witold Pilecki, eroj ta' Auschwitz) jiġi pproklamat "Jum Internazzjonali tal-Eroj tal-Ġlieda kontra t-Totalitariżmu", bħala turija ta' rispett u ġieħ lil dawk kollha li, huma u jiġġieldu t-tirannija, taw xhieda tal-eroiżmu tagħhom u ta' mħabba vera fil-konfront tal-umanità, u b'hekk taw lill-ġenerazzjonijiet tal-futur eżempju ċar tal-imġiba ġusta li għandha tiġi adottata quddiem it-theddida tat-tjassir totalitarju;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ effikaċi għall-proġetti ta' memorja storika u l-kommemorazzjoni fl-Istati Membri u għall-attivitajiet tal-Pjattaforma tal-Memorja u tal-Kuxjenza Ewropej, u talloka riżorsi finanzjarji adegwati fil-qafas tal-programm Ewropa għaċ-Ċittadini sabiex tappoġġja t-tifkira u l-kommemorazzjoni tal-vittmi tat-totalitariżmu, kif stabbilit fil-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-Programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri 2021-2027;

13.  Jiddikjara li l-integrazzjoni Ewropea bħala mudell għall-paċi u għar-rikonċiljazzjoni kienet għażla ħielsa mill-popli tal-Ewropa biex jimpenjaw ruħhom lejn futur kondiviż u li l-Unjoni Ewropea għandha responsabilità partikolari biex tippromwovi u tissalvagwardja d-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għall-istat tad-dritt, mhux biss fl-Unjoni Ewropea iżda wkoll barra minnha;

14.  Josserva li meta l-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant ingħaqdu mal-UE u man-NATO, huma mhux biss irritornaw għall-familja Ewropea ta' pajjiżi demokratiċi ħielsa, iżda wrew ukoll suċċess, bl-għajnuna tal-UE, fir-riformi u l-iżvilupp soċjoekonomiku; jisħaq, madankollu, fuq il-punt li din l-għażla għandha tibqa' miftuħa għal pajjiżi oħra Ewropej kif stipulat fl-Artikolu 49 tat-TUE;

15.  Isostni li r-Russja għadha l-akbar vittma tat-totalitarjaniżmu Komunista u li l-iżvilupp tagħha fi stat demokratiku se jkompli jiġi mxekkel sakemm il-gvern, l-elite politiku u l-propaganda politika jkomplu jgħattu d-delitti Komunisti u jigglorifikaw ir-reġim totalitarju Sovjetiku; jistieden, għaldaqstant, lis-soċjetà Russa taċċetta l-imgħoddi traġiku tagħha;

16.  Jinsab inkwetat sew bl-isforzi tat-tmexxija Russa attwali biex tgħawweġ il-fatti storiċi u tgħatti d-delitti mwettqa mir-reġim totalitarju Sovjetiku, u jqis dawn l-isforzi bħala komponent perikoluż tal-gwerra ta' informazzjoni li qed issir kontra l-Ewropa demokratika bl-iskop li taqsam l-Ewropa, u għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni deċiżiva kontra dawn l-isforzi;

17.  Jesprimi tħassib minħabba l-użu kontinwu tas-simboli tar-reġim Sovjetiku fl-isferi pubbliċi u għal finijiet kummerċjali, u jfakkar li għadd ta' pajjiżi Ewropej introduċew projbizzjoni fuq l-użu ta' simboli kemm Nazisti kif ukoll Komunisti;

18.  Jinnota li f'xi Stati Membri għadhom jeżistu monumenti u memorjali fi spazji pubbliċi (parks, pjazez, toroq, eċċ.) li jigglorifikaw ir-reġimi totalitarji, u dan joħloq kundizzjonijiet għal distorsjoni tal-fatti storiċi dwar il-konsegwenzi tat-Tieni Gwerra Dinjija u għat-tixrid tas-sistema politika totalitarja;

19.  Jikkundanna l-fatt li l-forzi politiċi estremisti u ksenofobiċi fl-Ewropa qegħdin jirrikorru dejjem aktar għad-distorsjoni tal-fatti storiċi, jagħmlu użu minn simboliżmu u retorika li jfakkru aspetti ta' propaganda totalitarja, inklużi r-razziżmu, l-anti-Semitiżmu u l-mibegħda lejn minoranzi sesswali jew ta' tip ieħor;

20.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw il-konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill, sabiex jiġġieldu kontra organizzazzjonijiet li jxerrdu diskors ta' mibegħda u vjolenza fi spazji pubbliċi u online, u jipprojbixxu b'mod effettiv il-gruppi neo-Faxxisti u neo-Nażisti kif ukoll kwalunkwe fondazzjoni jew assoċjazzjoni oħra li jfaħħru u jigglorifikaw in-Naziżmu u l-Faxxiżmu jew kwalunkwe forma oħra ta’ totalitarjaniżmu, fir-rispett tal-ordinament ġuridiku nazzjonali u l-kompetenza nazzjonali;

21.  Jisħaq fuq il-punt li l-imgħoddi traġiku tal-Ewropa għandu jkompli jservi ta' ispirazzjoni morali u politika biex tgħinha taffaċċja l-isfidi tad-dinja tal-lum, inkluża l-ġlieda għal dinja aktar ġusta, il-ħolqien ta' soċjetajiet u komunitajiet miftuħa għal minoranzi etniċi, reliġjużi u sesswali, u valuri Ewropej li jista' jibbenefika minnhom kulħadd;

22.  Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu sabiex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lid-Duma Russa u lill-parlamenti tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant.

(1) ĠU C 92 E, 20.4.2006, p. 392.
(2) ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55.
(3) ĠU C 8 E, 14.1.2010, p. 57.
(4) ĠU C 137 E, 27.5.2010, p. 25.

Aġġornata l-aħħar: 20 ta' Settembru 2019Avviż legali