Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2830(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0107/2019

Testi mressqa :

B9-0107/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/10/2019 - 8.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2019)0028

Testi adottati
PDF 173kWORD 56k
Il-Ħamis, 10 ta' Ottubru 2019 - Brussell
Qamħirrum ġenetikament modifikat MZHG0JG (SYN-ØØØJG-2)
P9_TA(2019)0028B9-0107/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn qamħirrum ġenetikament modifikat MZHG0JG (SYN-ØØØJG-2), skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D061869/04 – 2019/2830(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn qamħirrum ġenetikament modifikat MZHG0JG (SYN-ØØØJG-2), skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D061869/04),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament(1), u b'mod partikolari l-Artikoli 7(3) u 19(3) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-votazzjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, tat-30 ta' April 2019, li fiha ma ngħatat ebda opinjoni, kif ukoll il-votazzjoni tal-Kumitat tal-Appell tal-5 ta' Ġunju 2019, li fiha wkoll ma ngħatat ebda opinjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(2),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fis-17 ta' Ottubru 2018, u ppubblikata fl-14 ta' Novembru 2018(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM)(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 112(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

A.  billi, fl-1 ta' Settembru 2016, Syngenta Crop Protection NV/SA ressqet applikazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' ikel, ingredjenti tal-ikel u għalf li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn qamħirrum ġenetikament modifikat (ĠM) MZHG0JG (l-applikazzjoni) lill-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Ġermanja f'isem Syngenta Crop Protection AG u skont l-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003; billi l-applikazzjoni kopriet ukoll it-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jew jikkonsistu minn, qamħirrum ĠM MZHG0JG (qamħirrum MZHG0JG) għal użi oħra għajr l-ikel u l-għalf, bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni;

B.  billi, fis-17 ta' Ottubru 2018, l-EFSA adottat opinjoni favorevoli, li ġiet ippubblikata fl-14 ta' Novembru 2018(5);

C.  billi r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 jgħid li ikel jew għalf ĠM m'għandux ikollu effetti negattivi fuq is-saħħa umana, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent, u jesiġi li l-Kummissjoni tikkunsidra kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u fatturi leġittimi oħra li jkunu rilevanti għall-kwistjoni li tkun qed tiġi kkunsidrata fl-abbozzar tad-deċiżjoni tagħha;

D.  billi l-qamħirrum MZHG0JG ġie mmodifikat biex ikun tolleranti għall-erbiċidi abbażi tal-glifosat, kif ukoll għall-erbiċidi abbażi tal-glufosinat-ammonju(6);

E.  billi l-Istati Membri ressqu bosta kummenti kritiċi lill-EFSA matul il-perjodu ta' konsultazzjoni ta' tliet xhur(7); billi l-kummenti l-aktar kritiċi jikkonċernaw il-valutazzjoni tat-tossikoloġija, l-analiżi komparattiva u l-valutazzjoni tar-riskju ambjentali; billi diversi Stati Membri qiesu li d-data dwar it-tossikoloġija hija insuffiċjenti u inaffidabbli, speċjalment fir-rigward tal-livelli ta' residwi ta' glifosat u glufosinat; billi kumment minnhom jenfasizza l-fatt li l-analiżi komparattiva żvelat nuqqas ta' ekwivalenza għall-aċidu feruliku – kompost importanti tal-membrani taċ-ċelloli tal-pjanti – bejn il-qamħirrum MZHG0JG u varjetajiet ta' referenza, li jista' jwassal għal żieda fl-akkumulazzjoni ta' erbiċidi;

F.  billi studju indipendenti(8) jikkonkludi li l-valutazzjoni tar-riskju mill-EFSA mhijiex aċċettabbli fil-forma preżenti tagħha peress li tonqos milli tivvaluta it-tossiċità kif xieraq, speċjalment fir-rigward tal-effetti kumulattivi possibbli taż-żewġ transġeni u l-erbiċidi komplementari u l-metaboliti tagħhom; billi l-istudju jqajjem dubji dwar l-affidabbiltà tad-data mill-istudju ta' 90 jum dwar l-għalf u, barra minn hekk, jikkonkludi li l-valutazzjoni tar-riskju ambjentali tal-EFSA mhijiex aċċettabbli peress li ma tqisx ir-riskju li t-transġeni jinfirxu permezz tat-trasferiment tal-ġeni bejn il-qamħirrum MZHG0JG u t-teosinte, speċi selvaġġa tiegħu, f'każ li l-materjal tal-pjanta tal-qamħirrum MZHG0JG vijabbli kellu jidħol fl-ambjent;

Erbiċidi komplementari

G.  billi ntwera li l-kultivazzjoni ta' għelejjel ĠM tolleranti għall-erbiċidi tirriżulta f'użu akbar ta' erbiċidi, fil-biċċa l-kbira dovuta għall-emerġenza ta' ħaxix ħażin tolleranti għall-erbiċidi(9); billi, b'konsegwenza, għandu jkun mistenni li l-għelejjel tal-qamħirrum MZHG0JG ikunu esposti għal dożi kemm ogħla kif ukoll ripetuti ta' glifosat u glufosinat, li potenzjalment iwassal għal kwantità ogħla ta' residwi fil-ħsad;

H.  billi, skont l-aħħar programm multiannwali tal-Unjoni kkoordinat u ta' kontroll (għall-2020, l-2021 u l-2022), l-Istati Membri mhumiex obbligati jkejlu r-residwi tal-glufosinat jew tal-glifosat fl-importazzjonijiet tal-qamħirrum(10); billi ma jistax jiġi eskluż li l-qamħirrum MZHG0JG jew il-prodotti derivati minnu għall-ikel u l-għalf jaqbżu l-Livelli Massimi ta' Residwi (MRLs) tal-Unjoni, li ġew stabbiliti biex jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur;

I.  billi l-glufosinat huwa klassifikat bħala sustanza tossika għar-riproduzzjoni (1B) u għalhekk jissodisfa l-kriterji ta' limitu stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(11); billi l-approvazzjoni għall-użu tal-glufosinat fl-Unjoni skadiet fil-31 ta' Lulju 2018(12);

J.  billi għad hemm dubji dwar il-karċinoġeniċità tal-glifosat; billi f'Novembru 2015 l-EFSA kkonkludiet li l-glifosat aktarx mhuwiex karċinoġeniku; billi, għall-kuntrarju, fl-2015 l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa kklassifikat il-glifosat bħala "probabbilment karċinoġeniku għall-bnedmin";

K.  billi, skont l-EFSA, id-data tossikoloġika meħtieġa għal valutazzjoni tar-riskju għall-konsumaturi ta' diversi prodotti ta' dekompożizzjoni tal-glifosat rilevanti għall-għelejjel ĠM tolleranti għall-glifosat hija nieqsa(13);

L.  billi fil-pjanti ĠM, tista' tkun il-modifikazzjoni ġenetika nnifsha li tiddetermina l-mod kif erbiċidi komplementari jiddekomponu skont il-pjanta, kif ukoll il-kompożizzjoni u għalhekk it-tossiċità tal-prodotti ta' dekompożizzjoni (metaboliti); billi, skont l-EFSA, dan hu fil-fatt il-każ meta l-erbiċida komplementari jkun il-glifosat(14);

M.  billi l-valutazzjoni tar-residwi ta' erbiċidi u l-metaboliti tagħhom fi pjanti ĠM titqies li hija barra mill-mandat tal-Bord tal-EFSA dwar l-Organiżmi Ġenetikament Modifikati;

Proċess mhux demokratiku

N.  billi l-votazzjoni fit-30 ta' April 2019 tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 ma tat ebda opinjoni, li jfisser li l-awtorizzazzjoni ma kinitx appoġġjata minn maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri; billi anki l-votazzjoni tal-5 ta' Ġunju 2019 tal-Kumitat tal-Appell ma tat ebda opinjoni;

O.  billi, kemm fil-memorandum ta' spjegazzjoni tal-proposta leġiżlattiva tagħha ppreżentata fit-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu ta' ikel u għalf ĠM fit-territorju tagħhom kif ukoll fil-memorandum ta' spjegazzjoni tal-proposta leġiżlattiva ppreżentata fl-14 ta' Frar 2017 li temenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011, il-Kummissjoni ddeplorat il-fatt li, mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, id-deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni ġew adottati mill-Kummissjoni mingħajr l-appoġġ tal-opinjoni tal-kumitat tal-Istati Membri u li r-ritorn tad-dossier lill-Kummissjoni għal deċiżjoni finali, li hija verament l-eċċezzjoni għall-proċedura kollha kemm hi, sar in-norma għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjonijiet tal-ikel u tal-għalf ĠM; billi l-President tal-Kummissjoni diversi drabi ddeplora din il-prattika bħala waħda li mhijiex demokratika(15);

P.  billi, fit-tmien leġiżlatura tiegħu, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjonijiet li joġġezzjonaw għat-tqegħid fis-suq tal-OĠM għall-ikel u għall-għalf (33 riżoluzzjoni) u għall-kultivazzjoni tal-OĠM fl-Unjoni (3 riżoluzzjonijiet); billi ma kienx hemm maġġoranza kwalifikata ta' Stati Membri favur l-awtorizzazzjoni ta' kwalunkwe wieħed minn dawk l-OĠM; billi minkejja r-rikonoxximent tagħha stess tan-nuqqasijiet demokratiċi, tan-nuqqas ta' appoġġ mill-Istati Membri u tal-oġġezzjonijiet tal-Parlament, il-Kummissjoni qed tkompli tawtorizza OĠM, minkejja li m'għandha ebda obbligu legali li tagħmel dan;

1.  Hu tal-fehma li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003;

2.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhuwiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, billi mhuwiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(16), huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward ta' ikel u għalf ĠM, jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benesseri tal-annimali, u l-interessi tal-ambjent u tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effettiv tas-suq intern;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;

4.  Itenni l-impenn tiegħu li javvanza l-ħidma fuq il-proposta tal-Kummissjoni li temenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011; jistieden lill-Kunsill imexxi 'l quddiem il-ħidma tiegħu fuq dik il-proposta tal-Kummissjoni bħala kwistjoni ta' urġenza;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tissospendi kwalunkwe deċiżjoni ta' implimentazzjoni rigward l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta' OĠM sakemm il-proċedura ta' awtorizzazzjoni tkun ġiet riveduta b'tali mod li tindirizza n-nuqqasijiet tal-proċedura attwali, li wriet li mhijiex adegwata;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tirtira proposti għal awtorizzazzjonijiet ta' OĠM jekk ma tingħata ebda opinjoni mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali, kemm għall-kultivazzjoni kif ukoll biex jintużaw bħala ikel u għalf;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni ma tawtorizza ebda pjanta ĠM tolleranti għall-erbiċidi mingħajr valutazzjoni sħiħa tar-residwi minn bexx b'erbiċidi komplementari, il-metaboliti tagħhom u l-formulazzjonijiet kummerċjali, kif applikati fil-pajjiżi ta' kultivazzjoni;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tintegra bis-sħiħ il-valutazzjoni tar-riskju tal-applikazzjoni tal-erbiċidi komplementari u r-residwi tagħhom fil-valutazzjoni tar-riskju tal-pjanti ĠM tolleranti għall-erbiċidi, irrispettivament minn jekk il-pjanta ĠM konċernata għandha tiġi kkultivata fl-Unjoni jew importata fl-Unjoni biex tintuża bħala ikel u għalf;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni ma tawtorizzax l-importazzjoni, biex tintuża bħala ikel jew għalf, ta' kwalunkwe pjanta ĠM li saret tolleranti għal erbiċida mhux awtorizzata għall-użu fl-Unjoni, f'dan il-każ il-glufosinat;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.
(2) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(3) Scientific opinion on the assessment of genetically modified maize MZHG0JG for food and feed uses, import and processing under Regulation (EC) No 1829/2003 (application EFSA‐GMO‐DE‐2016‐133) (Opinjoni xjentifika dwar il-valutazzjoni tal-qamħirrum ġenetikament modifikat MZHG0JG biex jintuża bħala ikel u għalf, għall-importazzjoni u għall-ipproċessar skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 (applikazzjoni EFSA‐GMO‐DE‐2016‐133)), EFSA Journal, 14 ta' Novembru 2018, 16(11):5469, https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/full/10.2903/j.efsa.2018.5469
(4) Fit-tmien leġiżlatura tiegħu l-Parlament Ewropew adotta 36 riżoluzzjoni li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni tal-OĠM.
(5) Scientific opinion on the assessment of genetically modified maize MZHG0JG for food and feed uses, import and processing under Regulation (EC) No 1829/2003 (application EFSA‐GMO‐DE‐2016‐133), (Opinjoni xjentifika dwar il-valutazzjoni tal-qamħirrum ġenetikament modifikat MZHG0JG biex jintuża bħala ikel u għalf, għall-importazzjoni u għall-ipproċessar skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 (applikazzjoni EFSA‐GMO‐DE‐2016‐133)), EFSA Journal, 14 ta' Novembru  2018, 16(11):5469, https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/full/10.2903/j.efsa.2018.5469
(6) Opinjoni tal-EFSA, p. 7-8.
(7) Fittex il-Qamħirrum MZHG0JG: EFSA-Q-2018-00810 fuq http://registerofquestions.efsa.europa.eu/roqFrontend/ListOfQuestionsNoLogin?2
(8) Kumment ta' Testbiotech dwar "Assessment of genetically modified maize MZHG0JG for food and feed uses, import and processing under Regulation (EC) No 1829/2003 (application EFSA-GMO-DE-2016-133)" (Valutazzjoni tal-qamħirrum ġenetikament modifikat MZHG0JG biex jintuża bħala ikel u għalf, għall-importazzjoni u għall-ipproċessar skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 (applikazzjoni EFSA-GMO-DE-2016-133)) mill-kumpanija Syngenta, https://www.testbiotech.org/sites/default/files/Testbiotech_Comment_Maize_MZHG0JG.pdf
(9) Ara, pereżempju, Bonny, S., "Genetically Modified Herbicide-Tolerant Crops, Weeds, and Herbicides: Overview and Impact" (Għelejjel Ġenetikament Modifikati Tolleranti għall-Erbiċidi), Environmental Management, Jannar 2016, 57(1), p. 31-48, https://www.ncbi.nlm.nih.gov/pubmed/26296738 u Benbrook, C.M., "Impacts of genetically engineered crops on pesticide use in the U.S. – the first sixteen years" (L-impatti ta' għelejjel ġenetikament modifikati fuq l-użu tal-pestiċidi fl-Istati Uniti – l-ewwel sittax-il sena), Environmental Sciences Europe, 28 ta' Settembru 2012, Vol 24(1), https://enveurope.springeropen.com/articles/10.1186/2190-4715-24-24
(10) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/533 tat-28 ta' Marzu 2019 dwar programm multiannwali tal-Unjoni kkoordinat u ta' kontroll għall-2020, l-2021 u l-2022 biex tiġi żgurata l-konformità mal-livelli massimi ta' residwi ta' pestiċidi fi u fuq ikel li joriġina mill-pjanti u mill-annimali u biex jiġi vvalutat l-esponiment tal-konsumatur għalihom, ĠU L 88, 29.3.2019, p. 28.
(11) Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE, ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.
(12) https://ec.europa.eu/food/plant/pesticides/eu-pesticides-database/public/?event=activesubstance.detail&language=EN&selectedID=1436
(13) EFSA conclusion on the peer review of the pesticide risk assessment of the active substance glyphosate (Konklużjoni tal-EFSA dwar ir-rieżami bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva glifosat), EFSA Journal, 12 ta' Novembru 2015, 13(11), p. 3, https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/4302
(14) EFSA review of the existing maximum residue levels for glyphosate according to Article 12 of Regulation (EC) No 396/2005 (Rieżami tal-EFSA tal-livelli massimi ta' residwi eżistenti għall-glifosat skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 396/2005), 17 ta' Mejju 2018, p. 12, https://www.efsa.europa.eu/fr/efsajournal/pub/5263
(15) Ara, pereżempju, id-Dikjarazzjoni Inawgurali fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew inkluża fil-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss (Strasburgu, 15 ta' Lulju 2014), jew id-diskors tal-2016 dwar l-Istat tal-Unjoni (Strasburgu, 14 ta' Settembru 2016).
(16) Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel, ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

Aġġornata l-aħħar: 23 ta' Awwissu 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza