Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2028(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0017/2019

Testi mressqa :

A9-0017/2019

Dibattiti :

PV 22/10/2019 - 14
CRE 22/10/2019 - 14

Votazzjonijiet :

PV 23/10/2019 - 11.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2019)0038

Testi adottati
PDF 207kWORD 56k
L-Erbgħa, 23 ta' Ottubru 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020 - it-taqsimiet kollha
P9_TA-PROV(2019)0038A9-0017/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2019 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020 (11734/2019 – C9-0119/2019 – 2019/2028(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom)  2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(3) ("ir-Regolament dwar il-QFP"),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2020, Taqsima III – Kummissjoni(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Marzu 2019 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2020(6),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020, adottat mill-Kummissjoni fil-5 ta' Lulju 2019 (COM(2019)0400) (l-"AB"),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020, adottata mill-Kunsill fit-3 ta' Settembru 2019 u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew fit-13 ta' Settembru 2019 (11734/2019 – C9-0119/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2.1c tal-Ftehim ta' Pariġi, ratifikat mill-Unjoni Ewropea fil-5 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra l-analiżi panoramika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titlu "Azzjoni tal-UE f'dak li jirrigwarda l-enerġija u t-tibdil fil-klima" (2017),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu "Pjaneta Nadifa għal kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima" (COM(2018)0773),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-kumitati interessati l-oħra,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9‑0017/2019),

Taqsima III

Ħarsa ġenerali

1.  Ifakkar li, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2020, il-Parlament iddefinixxa prijoritajiet politiċi ċari għall-baġit 2020 bħala pont għall-Ewropa futura u biex jipprovdi valur miżjud Ewropew; jerġa' jafferma l-impenn qawwi tiegħu għal dawk il-prijoritajiet u jistabbilixxi l-pożizzjoni li ġejja biex jiżgura livell xieraq ta' finanzjament biex jintlaħqu;

2.  Itenni l-opinjoni tal-Parlament li l-baġit 2020 għandu jwitti t-triq għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021-2027 u jagħmilha ta' punt tat-tluq sod għat-tnedija tal-ġenerazzjoni l-ġdida ta' programmi u politiki tal-Unjoni; ifakkar, barra minn hekk, li l-2020 hija l-aħħar sena tal-QFP attwali u, għalhekk, l-aħħar opportunità għall-Unjoni biex toqrob lejn l-impenji politiċi stabbiliti għal dak il-perjodu, inkluż biex jintlaħaq l-objettiv tal-UE dwar il-klima, jiġu implimentati l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU u biex jitwettaq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali kif ukoll l-objettiv tal-Unjoni li jkollha ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju sal-2050; jenfasizza, f'dak il-kuntest, li l-baġit tal-Unjoni jrid jevalwa u jintegra l-impatt sħiħ tal-politiki tal-Unjoni dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri (ibbaġitjar skont il-ġeneru), u b'hekk jippromwovi l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u l-opportunitajiet indaqs;

3.  Jieħu nota tal-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-AB, li tnaqqas EUR 1,51 biljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn meta mqabbla mal-proposta tal-Kummissjoni; iqis li t-tnaqqis tal-Kunsill jikkontradixxi għalkollox il-prijoritajiet tal-Unjoni, mhuwiex ġustifikat mill-kapaċità ta' assorbiment u huwa maħsub biex jannulla ż-żidiet speċifiċi kollha mitluba u miksuba mill-Parlament fis-snin baġitarji preċedenti; jiddeċiedi għalhekk, bħala regola ġenerali, li jerġa' jġib l-approprjazzjonijiet kif kienu fuq il-linji kollha mnaqqsa mill-Kunsill għal-livell tal-AB, kemm għan-nefqa operattiva kif ukoll għal dik amministrattiva, u biex jieħu l-AB bħala l-punt tat-tluq biex jibni l-pożizzjoni tiegħu;

4.  Jemmen bis-sħiħ li huwa imperattiv li jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u jitħares l-ambjent b'tali mod li jagħti spinta lill-impjiegi, joħloq oħrajn ġodda, isaħħaħ il-kompetittività, jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli u jiżgura l-prosperità soċjali; jissottolinja r-rwol ewlieni li għandhom it-teknoloġiji ġodda u emerġenti biex jinkiseb dak l-objettiv; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Unjoni tmexxi bl-eżempju u tispira pajjiżi oħra madwar id-dinja biex jinvestu aktar fin-nefqa relatata mal-klima; jilqa' t-talbiet qawwija li saru mill-mexxejja tal-Unjoni fis-summit reċenti tan-NU dwar it-tibdil fil-klima u l-impenji li ħadu dan l-aħħar diversi Stati Membri biex iżidu l-infiq f'oqsma bħall-effiċjenza enerġetika, l-enerġija rinnovabbli, it-trasport sostenibbli u l-infrastruttura tal-enerġija; jemmen li tali dikjarazzjonijiet għandhom ikunu akkumpanjati minn azzjoni konkreta mill-Istati Membri inkluż meta jkunu qed jiddeliberaw bħala Kunsill;

5.  Ifakkar fl-obbligi tal-Unjoni fl-ambitu tal-Ftehim ta' Pariġi u l-impenn tagħha li tilħaq objettiv ta' 20 % tan-nefqa tal-Unjoni relatata mal-klima għall-perjodu 2014-2020; jinnota li 21,0 % tal-approprjazzjonijiet ta' impenn proposti fl-AB għall-2020 huma relatati mal-klima u li mill-inqas EUR 3,5 biljun addizzjonali għandhom ikunu ddedikati għan-nefqa relatata mal-klima sabiex jintlaħaq l-objettiv ta' 20 %; jiddispjaċih li, fl-ambitu tal-QFP attwali, il-baġit tal-Unjoni għandu mezzi limitati biex jindirizza l-isfida klimatika waħdu u jindika ħtiġijiet ferm akbar għall-investiment f'dan il-qasam, stmat mill-Kummissjoni fil-medda ta' bejn EUR 175 biljun u EUR 290 biljun fis-sena; jisħaq li għandu jsir kull sforz sabiex kemm jista' jkun jintlaħaq l-objettiv ġenerali tal-baġit tal-Unjoni sa tmiem l-2020;

6.  Jissottolinja li l-baġit 2020 għandu jħejji lill-Unjoni tilħaq objettiv ta' integrazzjoni tal-kwistjonijiet klimatiċi u tal-bijodiversità saħansitra aktar ambizzjuż fil-QFP 2021-2027, sabiex jiġu ssodisfati l-aspettattivi taċ-ċittadini Ewropej; jitlob metodoloġija aktar trasparenti, rigoruża u komprensiva, stabbilita f'konformità ma' metodoloġiji stabbiliti fuq livell internazzjonali, inklużi indikaturi tal-prestazzjoni riformati għad-definizzjoni u t-traċċar tan-nefqa marbuta mal-klima u mal-bijodiversità; jistenna b'interess l-proposta konkreta dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, kif deskritt fil-linji gwida politiċi tal-President elett tal-Kummissjoni li jmiss; ifakkar, f'dan il-kuntest, fl-impenn qawwi tiegħu favur ir-riforma tas-sistemi tar-riżorsi proprji tal-Unjoni, inkluża l-introduzzjoni ta' basket ta' riżorsi proprji ġodda li huma allinjati aħjar mal-prijoritajiet ewlenin tal-politika tal-Unjoni, u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

7.  Ifakkar fl-impenn stabbilit fir-riżoluzzjoni tiegħu ta' Marzu 2019 li jitlob lill-Kummissjoni għal klawżola obbligatorja fil-ftehimiet kummerċjali kollha tal-UE ma' pajjiżi terzi li titlob ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima;

8.  Jipproponi, għaldaqstant, baġit 2020 li jagħti kontribut importanti biex jiġu indirizzati l-isfidi ambjentali u t-tibdil fil-klima u li jnaqqas kemm jista' jkun ix-xogħol b'lura eżistenti biex jintlaħaq l-objettiv ta' 20 % tan-nefqa tal-Unjoni relatata mal-klima għall-perjodu 2014-2020; jipproponi żieda sinifikanti ta' aktar minn EUR 2 biljun 'il fuq mil-livelli tal-AB għal linji baġitarji f'Intestaturi differenti, u b'mod prevalenti fis-Subintestatura 1a, li jagħtu kontribut kbir għall-objettiv tan-nefqa relatata mal-klima; jimmira b'attenzjoni dawk iż-żidiet lejn linji li għandhom rata ta' implimentazzjoni eċċellenti u l-kapaċità operattiva li jassorbu l-approprjazzjonijiet addizzjonali fl-2020;

9.  Jenfasizza li ż-żgħażagħ jibqgħu prijorità ewlenija għall-baġit tal-Unjoni; jenfasizza li minkejja x-xejriet pożittivi lejn tnaqqis fir-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Unjoni, in-nuqqas ta' opportunitajiet għaż-żgħażagħ fil-futur jirrappreżenta emerġenza soċjali reali f'ċerti nħawi tal-Unjoni, b'disparitajiet sinifikanti fost l-Istati Membri u r-reġjuni; jiddeċiedi għalhekk li jżid l-approprjazzjonijiet tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) 'il fuq mil-livell propost mill-Kummissjoni, anke sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel lejn il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) fil-QFP li jmiss;

10.  Jissottolinja li l-Unjoni jeħtiġilha tonora l-impenji kollha tagħha fir-rigward tal-għajnuna lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u fl-adattament għal dan it-tibdil;

11.  Iżid ir-riżorsi finanzjarji biex tiġi ssodisfata d-domanda futura għal Erasmus+, il-programm prinċipali għall-edukazzjoni u t-taħriġ, inklużi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, iż-żgħażagħ u l-isport fl-Ewropa; jenfasizza li Erasmus+ huwa programm emblematiku tal-Unjoni li huwa magħruf sew fost iċ-ċittadini tagħha u ta riżultati tanġibbli b'valur miżjud Ewropew ċar; ifakkar fl-impenn tiegħu li jittriplika l-finanzjament għal dan il-programm fil-QFP 2021-2027; jenfasizza l-ħtieġa li l-azzjoni preparatorja DiscoverEU titkompla u tissaħħaħ aktar, fid-dawl tal-integrazzjoni programmata tagħha fil-programm Erasmus+ 2021-2027; jitlob li ssir enfasi speċjali fuq l-azzjonijiet ta' mobilità fl-edukazzjoni tal-adulti, b'mod partikolari għall-popolazzjoni anzjana fil-programm Erasmus+;

12.  Jipproponi żidiet immirati ulterjuri għal linji baġitarji oħra relatati mal-prijoritajiet tal-Parlament, f'oqsma bħall-SMEs, id-diġitalizzazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali, ir-riċerka dwar il-kanċer, il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà u l-ġustizzja, id-dwana, il-migrazzjoni u l-politika esterna, inklużi l-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja;

13.  Japprova, bħala regola ġenerali, l-estimi tal-Kummissjoni tal-ħtiġijiet baġitarji tal-aġenziji deċentralizzati; iqis, għalhekk, li kwalunkwe tnaqqis propost mill-Kunsill jipperikola l-funzjonament xieraq tal-aġenziji u ma jippermettilhomx iwettqu l-kompiti tagħhom; jipproponi żidiet immirati għal-livell ta' approprjazzjonijiet ta' aġenziji li se jkunu qed jittrattaw kompiti addizzjonali jew li qed iħabbtu wiċċhom ma' żieda fl-ammont ta' xogħol minħabba sfidi emerġenti;

14.  Jikkonkludi li, bil-għan li jiġu ffinanzjati b'mod adegwat il-prijoritajiet urġenti espressi hawn fuq, u meta jitqiesu l-marġnijiet stretti ħafna jew ineżistenti taħt ċerti Intestaturi fl-2020, jeħtieġ li l-Istrument ta' Flessibbiltà u l-Marġni Globali għall-Impenji jiġu mobilizzati bis-sħiħ, li l-Marġni ta' Kontinġenza jiġi mobilizzat, filwaqt li parti minnu tibqa' wkoll disponibbli għall-finanzjament ta' avvenimenti mhux previsti li jistgħu jinqalgħu s-sena d-dieħla; ifakkar ukoll li l-flessibbiltajiet stabbiliti fir-Regolament dwar il-QFP se jiskadu fl-aħħar ta' dak il-perjodu;

15.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li d-diżimpenji għal riċerka jerġgħu jintużaw bis-sħiħ kif stabbilit fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Finanzjarju; jiddispjaċih ħafna li l-Kunsill jirrifjuta għal darb'oħra l-applikazzjoni ta' dik id-dispożizzjoni leġiżlattiva li l-Kummissjoni pproponiet li tattiva parzjalment fl-AB; jiddikjara l-intenzjoni tiegħu li jinsisti fuq il-pożizzjoni tiegħu li tirrifletti kemm il-kelma kif ukoll l-ispirtu tar-Regolament Finanzjarju; beħsiebu jsolvi din il-kwistjoni fil-konċiljazzjoni baġitarja ta' din is-sena; jipproponi l-użu mill-ġdid bis-sħiħ ta' dawn id-diżimpenji biex jissaħħu l-erba' linji baġitarji tal-programm Orizzont 2020 bl-ogħla livell ta' attività ta' riċerka relatata mal-klima;

16.  Jistabbilixxi l-livell ġenerali ta' approprjazzjonijiet għall-baġit 2020 (it-taqsimiet kollha) għal EUR 170 971 519 973 f'approprjazzjonijiet ta' impenn, li jirrappreżenta żieda ta' EUR 2 699 813 994 meta mqabbel mal-AB; jiddeċiedi, barra minn hekk, li jagħmel disponibbli ammont ta' EUR 280 700 000 f'approprjazzjonijiet ta' impenn apparti d-diżimpenji skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Finanzjarju; jistabbilixxi l-livell ġenerali ta' approprjazzjonijiet għall-baġit 2020 (it-taqsimiet kollha) għal EUR 159 146 168 195 f'approprjazzjonijiet ta' impenn;

Subintestatura 1a – Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi

17.  Jirrimarka li Orizzont 2020 joffri valur miżjud Ewropew b'saħħtu ħafna u jagħti kontribut vitali għall-iżvilupp tat-teknoloġija ekoloġika u l-innovazzjoni li tirrispetta l-klima u l-ambjent, sabiex jinbnew il-pedamenti għal ġejjieni dekarbonizzat u tiġi appoġġjata bidla lejn ekonomija aktar ċirkolari; jisħaq, barra minn hekk, fuq l-importanza tal-programm għal oqsma sinifikanti oħra tar-riċerka Ewropea bħad-diġitalizzazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali u r-riċerka dwar il-kanċer; iżid b'mod sinifikanti, għalhekk, l-allokazzjoni ta' Orizzont 2020 fuq il-livell tal-AB b'EUR 737,8 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn; barra minn hekk, skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Finanzjarju, jagħmel disponibbli l-ammont sħiħ ta' EUR 280,7 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn diżimpenjati fl-2018 bħala riżultat ta' nuqqas ta' implimentazzjoni ta' proġetti ta' riċerka, għal-linji baġitarji ta' Orizzont 2020 li huma l-aktar rilevanti għal proġetti ta' riċerka relatata mal-klima, u jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċjali lit-tqassim ġeografiku ġust ta' dawk il-fondi;

18.  Jinsab konvint li l-ġlieda kontra l-kanċer għandha tkun prijorità assoluta għall-Unjoni, u li jeħtieġ li l-isforzi sinifikanti jiżdiedu f'din id-direzzjoni; jissottolinja l-fatt li r-riċerka dwar il-kanċer hija pilastru importanti f'dan il-proċess; jadotta, għalhekk, żieda ta' riżorsi finanzjarji li għandhom jiġu allokati għar-riċerka dwar il-kanċer fil-linji baġitarji rilevanti ta' Orizzont 2020 li juru wkoll eżekuzzjoni baġitarja għolja ħafna; jisħaq fuq il-fatt li r-riċerka f'dan il-qasam tiġi intensifikata mingħajr ebda dewmien, anki fid-dawl tal-investimenti aktar sostanzjali antiċipati fil-QFP li jmiss;

19.  Ifakkar fil-fatt li l-pożizzjoni tal-Ewropa bħala fornitur ewlieni għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) tiddependi mir-riżorsi għall-iżvilupp u l-ittestjar ta' teknoloġiji ġodda tal-ICT kif ukoll għall-għoti ta' assistenza lil negozji ġodda u lil intrapriżi tat-teknoloġija sabiex tiżdied il-kapaċità rilevanti tas-suq; itenni, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jiġu pprovduti fondi addizzjonali għall-faċilitajiet tar-riċerka Ewropej u n-negozji tal-SMEs b'enfasi fuq l-iżvilupp u l-progress tat-teknoloġiji bħall-magni tat-tiftix, is-servizzi tat-traduzzjoni u t-teknoloġiji innovattivi simili;

20.  Jenfasizza r-rwol kruċjali tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) fit-trawwim tal-iżvilupp strateġiku ta' netwerk trans-Ewropew bi prestazzjoni għolja li jkun sostenibbli u interkonness fil-qasam tat-trasport, b'enfasi speċjali fuq in-netwerk ferrovjarju inklużi l-ferroviji ta' bil-lejl, u fl-oqsma tal-enerġija u tal-infrastrutturi tal-ICT, u li jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għat-tranżizzjoni lejn soċjetà newtrali f'termini klimatiċi; jipproponi għalhekk li jiżdied il-finanzjament għall-oqsma tat-trasport u l-enerġija tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa b'ammont totali ta' EUR 545 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn 'il fuq mil-livelli tal-AB;

21.  Iqis li jeħtieġ ukoll li jissaħħu aktar il-prijoritajiet importanti f'din is-Subintestatura; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, lejn l-SMEs, li huma parti essenzjali mill-ekonomija tal-Unjoni u jiżvolġu rwol kruċjali fit-twettiq ta' investimenti ta' kwalità eċċellenti u fil-ħolqien tal-impjiegi fl-Istati Membri kollha; jadotta, f'dan il-kuntest, żieda għall-programm COSME, sabiex jissaħħaħ aktar il-potenzjal tal-programm fil-promozzjoni tal-intraprenditorija, inkluża l-intraprenditorija tan-nisa, it-titjib tal-kompetittività u l-aċċess għas-swieq tal-intrapriżi tal-Unjoni, u jitlob li ssir enfasi fuq it-trasformazzjoni diġitali tal-SMEs; ifakkar li l-allokazzjoni proposta fl-AB għall-COSME kienet saħansitra inqas minn dak li kien previst fl-ipprogrammar finanzjarju u jadotta żieda ta' EUR 50 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn 'il fuq mil-livelli tal-AB;

22.  Jenfasizza li Erasmus+ jibqa' programm ferm apprezzat u popolari immens, b'volum ta' applikazzjonijiet li jaqbeż sew il-finanzjament disponibbli, u li jgħin biex jitrawwem sens qawwi ta' identità Ewropea kondiviża; jadotta, għaldaqstant, żieda ta' EUR 123,4 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn 'il fuq mil-livelli tal-AB, sabiex jiġu miġġielda r-rati baxxi ta' suċċess u aktar nies ikunu jistgħu jibbenefikaw minn dan il-programm;

23.  Jipproponi żidiet immirati għal-livell ta' approprjazzjonijiet għall-Awtorità Ewropea tax-Xogħol, l-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji , l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA), u l-livell ta' approprjazzjonijiet u l-persunal għall-Aġenzija tal-GNSS Ewropea, l-Uffiċċju tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER);

24.  Iżid għaldaqstant il-livell ta' approprjazzjonijiet ta' impenn għas-Subintestatura 1a b'EUR 1 503 766 221 'il fuq mill-AB (esklużi l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji), li għandhom jiġu ffinanzjati bl-użu tal-marġni disponibbli u l-mobilizzazzjoni tal-istrumenti speċjali; barra minn hekk, f'din is-Subintestatura jagħmel disponibbli ammont ta' EUR 280 700 000 f'approprjazzjonijiet ta' impenn apparti d-diżimpenji skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Finanzjarju;

Subintestatura 1b – Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

25.  Ifakkar li tkabbir sostenibbli u investiment immirat tajjeb huma kruċjali biex jinħolqu impjiegi ta' kwalità u tiżdied il-prosperità għal kulħadd u dan hu għalhekk meħtieġ biex il-fondi strutturali u l-investimenti jiġu diretti b'mod iktar effettiv lejn il-promozzjoni tat-tkabbir inklużiv, it-tnaqqis fl-inugwaljanzi u t-tisħiħ tal-konverġenza soċjali għall-aħjar;

26.  Jiddispjaċih għal-livell ta' qgħad fost iż-żgħażagħ, li f'April 2019 ġie stmat għal 14,2 %, u li għadu għoli b'mod inaċċettabbli u jibqa' partikolarment gravi f'xi Stati Membri u reġjuni tal-Unjoni; jissottolinja l-importanza li jissaħħu l-impjegabbiltà u l-kapaċità intraprenditorjali taż-żgħażagħ filwaqt li jiġu indirizzati l-inugwaljanzi; jinsab konvint li l-ġlieda kontra l-qgħad tirrikjedi sforzi finanzjarji sostanzjali; huwa determinat li jiżgura finanzjament addizzjonali għall-programm tal-YEI fl-aħħar sena tal-QFP attwali; jissottolinja l-ħtieġa li tiġi aċċelerata l-implimentazzjoni ta' dak il-programm u li tittejjeb aktar l-effiċjenza tiegħu, bil-għan li jiġi żgurat li jġib aktar valur miżjud Ewropew għall-politiki nazzjonali dwar l-impjiegi; jipproponi għalhekk żieda ta' EUR 363,3 miljun 'il fuq mil-livelli tal-AB f'approprjazzjonijiet ta' impenn għall-YEI;

27.  Iżid il-finanzjament għall-assistenza teknika, biex tiġi indirizzata l-kumplessità tal-proċeduri ta' ġestjoni tal-proġetti, sa mit-tħejjija tal-applikazzjonijiet għall-ġestjoni finanzjarja u l-monitoraġġ tal-impatt, li huwa ostaklu kbir għal assorbiment aħjar ta' "Fondi Strutturali";

28.  Iżid il-livell ta' approprjazzjonijiet ta' impenn għas-Subintestatura 1b bi EUR 373 278 264 'l fuq mill-AB (esklużi l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji), li għandhom jiġu ffinanzjati permezz tal-mobilizzazzjoni tal-istrumenti speċjali;

Intestatura 2 – Tkabbir sostenibbli: riżorsi naturali

29.  Jinnota bi tħassib li għal darb'oħra 8,3 % biss tal-impenji totali marbuta ma' miżuri maħsuba biex ireġġgħu lura d-deklin tal-bijodiversità, li huwa l-perċentwal l-iktar baxx mill-2015, minkejja r-rata ta' estinzjoni mingħajr preċedent u aċċelerata tal-ispeċijiet li qiegħda tiġi osservata; jitlob li jiġu allokati aktar riżorsi suffiċjenti u traċċabbli għall-protezzjoni fit-tul u koerenti tal-bijodiversità fl-Unjoni kollha; f'konformità mal-prijorità ġenerali biex jiġi indirizzat t-tibdil fil-klima, jiffoka żidiet sostanzjali b'valur ta' EUR 233 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn fuq linji baġitarji relatati mal-programm LIFE+ fit-Titoli 7 u 34; jistenna li l-Kummissjoni tiggarantixxi l-kapaċità ta' assorbiment neċessarja għal użu effikaċi ta' dawn ir-riżorsi addizzjonali u tiżgura distribuzzjoni ġeografika aktar ekwa ta' tali fondi favur l-ambjent, bħal fil-każ tal-programmi tal-QFP li jmiss;

30.  Jipproponi żidiet neċessarji għal-linji baġitarji magħżula, b'mod partikolari għall-finanzjament ta' miżuri li jindirizzaw l-impatt tad-deni Afrikan tal-ħnieżer f'diversi Stati Membri; jinnota l-gravità ta' dan l-impatt u l-għadd kbir ta' tifqigħat irreġistrati sa mill-bidu tal-2019, bil-konsegwenza tal-qtil ta' għexieren ta' eluf ta' annimali; josserva li xi pajjiżi terzi investew fir-riċerka għal finijiet tal-iżvilupp ta' vaċċin kontra d-deni Afrikan tal-ħnieżer u huwa tal-fehma li l-Unjoni wkoll imissha tinvesti fir-riċerka u fl-iżvilupp ta' vaċċin li jgħin biex iwaqqaf fl-iqsar żmien possibbli l-firxa u l-okkorrenza tad-deni Afrikan tal-ħnieżer;

31.  Ifakkar li l-livell ta' approprjazzjonijiet tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) għad irid jiġi aġġustat billi jitqies id-dħul assenjat li mistenni jkun disponibbli fl-2020 kif ikkomunikat fl-Ittra Emendatorja tal-Kummissjoni;

32.  Jipproponi żieda mmirata fil-livell ta' approprjazzjonijiet u tal-persunal għall-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent;

33.  Fil-qosor, iżid l-approprjazzjonijiet ta' impenn b'EUR 267,3 miljun fl-Intestatura 2 (esklużi l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji), li għandhom jiġu ffinanzjati bl-użu tal-marġni disponibbli taħt il-limitu massimu; jinsisti li m'għandu jkun hemm ebda tnaqqis ulterjuri fil-baġit tal-agrikoltura, peress li s-settur agrikolu ta' spiss jiġi affettwat minn kriżijiet li jirrikjedu risposta baġitarja;

Intestatura 3 – Sigurtà u Ċittadinanza

34.  Iżid, fid-dawl ta' limitu massimu irrealistikament baxx mill-bidu tal-QFP attwali, il-finanzjamenti għall-prijoritajiet tal-Parlament fl-oqsma tas-sigurtà interna, tal-migrazzjoni, tad-drittijiet fundamentali u tar-rispett tal-istat tad-dritt kif ukoll għall-promozzjoni tan-nondiskriminazzjoni u tal-ugwaljanza u għall-ġlieda kontra l-vjolenza sessista; jopponi bil-qawwa t-tnaqqis li għamel il-Kunsill lill-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF) u lill-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) u jirrifjuta l-proposta tal-Kunsill li jiġu trasferiti f'riżerva EUR 400 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn AMIF sa ma jsir progress fir-riforma tar-Regolament ta' Dublin III(7), billi dan ikun jimpedixxi lill-Istati Membri l-aktar esposti li jirċievu sostenn biex jiġġestixxu b'mod uman il-pressjoni migratorja;

35.  Jissottolinja l-importanza assoluta li jsir investiment f'finanzjamenti u f'livelli ta' persunal adegwati għall-aġenziji kollha li joperaw fl-oqsma tal-migrazzjoni, tas-sigurtà, tal-kontroll fil-fruntieri u tad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari l-Europol, l-Eurojust, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE), il-Frontex u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA); jenfasizza li l-UPPE jeħtieġlu jkun mgħammar bil-mezzi neċessarji biex ikun jista' jwettaq investigazzjoni bir-reqqa u prosekuzzjoni tal-attivitajiet kriminali transfruntieri;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni toħloq b'urġenza fond dirett għas-sostenn favur l-operazzjonijiet ta' riċerka u salvataġġ bil-għan li tiġi garantita preżenza qawwija ta' SAR fil-Mediterran;

37.  Itenni r-rieda tiegħu li juża l-baġit tal-Unjoni bħala strument biex ikunu miġġielda b'mod effikaċi l-inugwaljanzi eżistenti u tkun promossa l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, b'mod partikolari jiġu ddestinati aktar riżorsi għall-objettiv Daphne tal-Programm ta' Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza u għall-iżvilupp tal-bniedem fil-qafas tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp; jenfasizza li huma meħtieġa finanzjamenti adegwati għall-ġlieda kontra l-vjolenza sessista u l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet rifuġjati u ta' kategoriji vulnerabbli oħrajn, bħall-persuni LGBTQI+;

38.  Jipproponi żieda ta' 10 % f'approprjazzjonijiet ta' impenn għas-sottoprogrammi MEDIA u Kultura tal-programm Ewropa Kreattiva, sabiex jiġu rimedjati s-sottofinanzjament kroniku tagħhom u r-rati ta' suċċess baxxi tal-applikazzjoni; iżid ukoll l-approprjazzjonijiet għall-azzjonijiet multimedjali, li huma kruċjali biex tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni u jiġi promoss il-ġurnaliżmu indipendenti;

39.  Jipproponi wkoll żieda mmirata tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni ddestinata għall-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini;

40.  Iżid għalhekk l-Intestatura 3 b'EUR 121 799 746 f'approprjazzjonijiet ta' impenn 'il fuq mil-livelli tal-AB (esklużi l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji), li għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta' mobilizzazzjoni ulterjuri ta' strumenti speċjali;

Intestatura 4 – Ewropa Globali

41.  Jissottolinja l-ħtieġa li l-baġit tal-Unjoni jikkontribwixxi aktar għall-miżuri ta' mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u ta' adattament għalih kif ukoll għad-diplomazija klimatika fil-pajjiżi koperti mill-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili; jindika l-possibbiltà li l-baġit tal-Unjoni jagħti assistenza finanzjarja għat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri u jimmobilizza strumenti finanzjarji innovattivi, inkluż il-pjan tal-UE għall-investimenti esterni, biex jingħata sostenn lit-tħejjija u lill-finanzjament ta' proġetti ta' żvilupp relatati mal-klima fl-Afrika;

42.  Jipproponi żieda sostanzjali fil-finanzjamenti għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fl-ambitu tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni, speċjalment fl-oqsma tal-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u l-amministrazzjoni pubblika; jissottolinja l-importanza ta' finanzjamenti sinifikattivi fid-dawl tal-bosta sfidi li l-Unjoni se jkollha tħabbat wiċċha magħhom flimkien mal-Istati Membri fil-Viċinat Ewropew biex issostni r-riformi politiċi u l-allinjament mal-acquis fil-Balkani tal-Punent;

43.  Ifakkar li, minħabba t-theddid persistenti għas-sigurtà u d-deterjorament tal-kundizzjonijiet ta' sigurtà fil-fruntieri tal-Lvant tal-Unjoni, kif ukoll ir-riformi impenjattivi li s-sħab tal-Ewropa tal-Lvant jiffaċċjaw, huwa importanti li jiġi pprovdut finanzjament suffiċjenti li jappoġġja l-prevenzjoni tal-kriżijiet u tal-kunflitti, l-istabbiltà, id-demokrazija u t-tisħiħ tal-fiduċja u li jiġu intensifikati l-isforzi sabiex jiġu appoġġjati t-tnaqqis tal-faqar u l-iżvilupp ekonomiku fir-reġjun; ifakkar ukoll li l-pajjiżi tal-viċinat tan-Nofsinhar għandhom bżonn appoġġ finanzjarju addizzjonali billi qegħdin jaffrontaw pressjoni enormi, inklużi l-kunflitti fis-Sirja u fil-Libja, il-qawmien tal-estremiżmu u l-movimenti relatati tar-rifuġjati u tal-migranti;

44.  Jinsab inkwetat ħafna bid-deċiżjoni tal-Istati Uniti li jirtiraw il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali tagħhom favur l-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA) u jqis li l-Unjoni jmissha tikkontribwixxi biex tikkumpensa d-distakk li jirriżulta; jirrikonoxxi r-rwol effikaċi li tiżvolġi l-UNRWA biex tiżgura li ma jiġix interrott l-għoti ta' servizzi bażiċi lil miljuni ta' rifuġjati Palestinjani, billi tikkontribwixxi għall-istabbiltà reġjonali u tiġġieled kontra r-radikalizzazzjoni, konformement mal-Istrateġija Globali tal-UE fil-Lvant Nofsani.

45.  Jinsab inkwetat ħafna bid-deċiżjoni tal-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti li timponi dazji fuq diversi prodotti tal-UE wara s-sentenza tat-tribunal tal-arbitraġġ tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fil-każ Airbus; jimpenja ruħu li jindirizza din il-kwistjoni fil-perjodu ta' konċiljazzjoni li jmiss tal-proċedura baġitarja 2020, billi jforni ż-żidiet neċessarji għal linji baġitarji magħżula, b'mod partikolari għall-finanzjament ta' miżuri biex jindirizzaw u jtaffu l-impatt tal-ostakli kummerċjali tal-Istati Uniti fil-konfront tal-impriżi tal-Unjoni.

46.  Iqis li hemm bżonn jiżdiedu l-approprjazzjonijiet għal-linja baġitarja għall-Komunità Ċiprijotta Torka, bl-iskop li jingħata kontribut b'mod deċiżiv għat-tkomplija u għall-intensifikazzjoni tal-missjoni tal-Kumitat għall-Persuni Nieqsa f'Ċipru, għall-benesseri tal-Maroniti li jkunu jixtiequ risistemazzjoni u dik tal-persuni li jinsabu f'enklavi kif miftiehem fit-tielet Ftehim ta' Vjenna, u li jingħata appoġġ lill-Kumitat Tekniku dwar il-Patrimonju Kulturali taż-żewġ komunitajiet (TCCH), biex b'hekk jiġu promossi l-fiduċja u r-rikonċiljazzjoni bejn iż-żewġ komunitajiet;

47.  Jisħaq fuq ir-responsabbiltà tal-Unjoni li tappoġġja l-protezzjoni tal-Artiku; jissottolinja l-importanza li jsir investiment f'politika tal-UE għall-Artiku li tkun aktar koerenti;

48.  Jitlob żieda fil-finanzjamenti għall-proġetti ċċentrati fuq l-appoġġ għar-rifuġjati mill-Venezwela li jkunu ħarbu lejn il-pajjiżi ġirien inklużi t-territorji tal-Istati Membri fil-Karibew;

49.  Jemmen li, fid-dawl tat-tentattivi gravi u persistenti min-naħa tat-Turkija li tikkomprometti l-istabbiltà reġjonali u tal-aġir aggressiv tagħha fil-konfront tal-Istati Membri, kif ukoll tal-azzjoni militari unilaterali reċenti tagħha fis-Sirja tal-Grigal diretta kontra l-popolazzjoni Kurda, li ddeterminat spostament ulterjuri ta' rifuġjati Sirjani u diffikultajiet importanti għall-aċċess għall-assistenza umanitarja bi tbatija iebsa għall-popolazzjoni ċivili, u b'hekk ikkompromettiet l-istabbiltà tar-reġjun kollu kemm hu kif ukoll tan-nuqqasijiet tagħha f'dak li għandu x'jaqsam mad-demokrazija, mal-istat tad-dritt u mad-drittijiet fundamentali, huwa ġustifikat li jitqaċċtu l-approprjazzjonijiet għat-Turkija fl-ambitu tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni u jiġu ffriżati l-EUR 100 miljun (ammont li jiddaħħal f'riżerva); jissottolinja madankollu li l-iffriżar u t-tqaċċit la għandhom jolqtu lis-soċjetà ċivili, la r-rifuġjati u lanqas l-istudenti Sirjani fit-Turkija;

50.  Jikkundanna l-invażjoni Torka tas-Sirja tal-Grigal, li qiegħda tikkawża numru kbir ta' vittmi fost il-popolazzjoni ċivili, b'hekk iżżid in-numru ta' rifuġjati u tkompli tiddestabbilizza r-reġjun; jippjana għaldaqstant li jintervjeni b'konsegwenza t'hekk, fid-dawl tal-iżviluppi li għaddejjin, billi jaġġusta l-pożizzjoni tiegħu fuq il-linji baġitarji ddedikati għat-Turkija, u, fl-istess ħin, iżomm l-appoġġ finanzjarju favur l-atturi tas-soċjetà ċivili, matul il-konċiljazzjoni għall-baġit annwali 2020.

51.  Jiddeplora r-rwol limitat tal-Parlament fis-superviżjoni u fil-governanza tal-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-Afrika (EUTF); iqis li huwa fundamentali li l-Parlament jista' jissorvelja l-attivitajiet tal-Kumitat Operattiv u jistieden lill-Kummissjoni tforni informazzjoni dettaljata dwar id-deċiżjonijiet meħuda f'dan il-Kumitat u tiżgura li l-Parlament ikun irrappreżentat fil-laqgħat tal-Kumitat;

52.  Iżid l-Intestatura 4 b'total ta' EUR 257 217 394 'l fuq mill-AB (esklużi l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji), li għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta' mobilizzazzjoni ulterjuri ta' strumenti speċjali;

Intestatura 5 – Amministrazzjoni; Intestaturi oħra - nefqa amministrattiva u ta' sostenn għar-riċerka

53.  Jerġa' jġib il-livelli tal-AB għal-linji tan-nefqa amministrattiva kif kienu, inkluża n-nefqa ta' sostenn amministrattiv u għar-riċerka fl-Intestaturi 1 sa 4; jipproponi żieda ta' EUR 5,5 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn 'il fuq mill-AB għal Konferenza dwar id-Demokrazija Ewropea/il-Futur tal-Ewropa; jirrimarka li l-Konferenza għandha tkun tista' topera bil-livell meħtieġ ta' awtonomija u li l-Parlament għandu jkun involut fuq bażi ugwali mal-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra; jenfasizza, barra minn hekk, li l-Konferenza għandha tippermetti l-parteċipazzjoni u l-impenn ta' firxa wiesgħa ta' ċittadini inklużi ż-żgħażagħ;

Proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji (PP-AP)

54.  Ifakkar fl-importanza tal-proġetti pilota u tal-azzjonijiet preparatorji (PP-AP) bħala għodod għall-formulazzjoni ta' prijoritajiet politiċi u għall-introduzzjoni ta' inizjattivi ġodda li għandhom il-potenzjal li jinbidlu f'attivitajiet u programmi permanenti tal-Unjoni; jenfasizza f'dan ir-rigward li, fil-każ tal-proġetti pilota u tal-azzjonijiet preparatorji li jwittu t-triq għal programmi ġodda sostnuti mill-President tal-Kummissjoni attwali u mill-Parlament, bħall-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, il-Kummissjoni għandha toqgħod partikolarment attenta li timplimentahom f'forma li tkun tikseb l-akbar appoġġ min-naħa tal-Parlament; wara li wettaq analiżi bir-reqqa tal-proposti kollha mressqa u kkunsidra bis-sħiħ il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-konformità tagħhom mar-rekwiżiti ġuridiċi u l-implimentabbiltà tagħhom, jadotta pakkett ibbilanċjat ta' PP-AP li jirrifletti l-prijoritajiet politiċi tal-Parlament; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta malajr il-PP-AP u tipprovdi feedback dwar il-prestazzjonijiet u r-riżultati tagħhom fuq il-post;

Pagamenti

55.  Jiġbed l-attenzjoni għall-marġni mingħajr preċedent ta' EUR 20 067,6 miljun li kien baqa' taħt il-limitu massimu għall-pagamenti fl-AB, minħabba l-bidu tard ħafna tal-programmi 2014-2020 u l-akkumulu korrispondenti ta' pagamenti mhux użati, b'mod partikolari fis-Subintestatura 1b; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi evitat akkumulu enormi ta' talbiet għal pagamenti fil-bidu tal-QFP li jmiss li jista' jwassal għal kriżi oħra tal-pagamenti fil-baġit tal-Unjoni, kif kien il-każ fil-perjodu li għaddej bħalissa, u li jista' jimpedixxi l-bidu ordnat tal-ġenerazzjoni li jmiss tal-programmi għall-2021-2027;

56.  Iżid, għaldaqstant, il-pagamenti għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej b'total ta' EUR 3 biljun u jistenna li l-Istati Membri se jkomplu jaċċeleraw l-implimentazzjoni tal-programmi operattivi tagħhom fl-aħħar sena tal-QFP attwali, u jirrispettaw aktar it-tbassir tagħhom stess; iżid il-proviżjonament tal-fond ta' garanzija tal-FEIS b'EUR 948 miljun sabiex jiġu riportati għall-2020, b'mod newtrali għall-baġit, dawk il-pagamenti akkont annwali li s'issa kienu ppjanati għas-snin 2021 sal-2023, jiġifieri meta l-pressjoni fuq il-pagamenti tkun mistennija li tkun ogħla; fl-aħħar nett, iżid l-approprjazzjonijiet ta' pagament fuq dawk il-linji li għalihom hemm żieda fl-approprjazzjonijiet ta' impenn;

Taqsimiet oħrajn

Taqsima I – Il-Parlament Ewropew

57.  Jerġa' jġib l-approprjazzjonijiet stabbiliti fl-estimi kif kienu fuq il-bażi ta' analiżi bir-reqqa u responsabbli tal-bżonnijiet tal-Parlament għall-2020 u adottati b'maġġoranza kbira mill-Plenarja fir-riżoluzzjoni tiegħu li ssemmiet hawn fuq tal-28 ta' Marzu 2019; huwa konxju li l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jippermetti lill-Kummissjoni taġġusta l-abbozz tal-estimi tal-Istituzzjonijiet l-oħra; jesprimi madankollu s-sorpriża u t-tħassib serju tiegħu rigward it-tnaqqis tal-Kummissjoni fil-baġit tal-Parlament, li jikser it-tradizzjoni ta' kooperazzjoni tajba bejn iż-żewġ istituzzjonijiet.

58.  Iżid żewġ linji 'l fuq mill-AB, minħabba elementi ġodda li għandhom impatt fuq l-allowances tranżitorji għall-baġit 2020, li ma kienx possibbli li jiġu evitati, jiġifieri: ir-rata ogħla ta' Membri li ma reġgħux ġew eletti fl-elezzjonijiet Ewropej (63 %, meta għall-kalkolu kienet intużat medja ta' 50 %) u l-posponiment tal-Brexit għall-31 ta' Ottubru 2019; iżid ukoll il-linja dwar il-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, peress li xogħolhom huwa kruċjali fil-promozzjoni tad-demokrazija u l-ġlieda kontra l-aħbarijiet foloz u d-diżinformazzjoni;

59.  F'konformità mal-estimi li adotta l-Parlament:

   a) jitlob lill-Bureau jaħdem fuq soluzzjoni teknika li tippermetti lill-Membri jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw anki meta jibbenefikaw mil-liv tal-maternità, tal-paternità jew tal-mard għal żmien twil;
   b) itenni l-appell tiegħu favur proċess deċiżjonali trasparenti fil-qasam tal-politika immobiljari; ma jaqbilx, għalhekk, mal-prattika kurrenti tat-"trasferiment ta' tlaqqit" ta' tmiem is-sena biex tikkontribwixxi għall-proġetti immobiljari ta' bħalissa, trasferiment li sistematikament isir fl-istess kapitoli u l-istess titoli u, spiss, eżattament fl-istess linji baġitarji; iqis li l-politika immobiljari għandha tkun iffinanzjata b'mod trasparenti mil-linji baġitarji ddedikati għaliha;
   c) ifakkar fit-talba tiegħu lill-Bureau biex jieħu azzjoni ħalli jallinja b'mod sħiħ, mill-1 ta' Jannar 2020, l-ammonti tal-allowances imħallsa lill-uffiċjali, lill-aġenti l-oħrajn u lill-assistenti parlamentari akkreditati (APA) għall-ispejjeż imġarrba waqt l-ivvjaġġar fit-tliet postijiet tax-xogħol tal-Parlament;
   d) itenni t-talba tiegħu lill-Konferenza tal-President u lill-Bureau biex jirrevedu d-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni li jirregolaw il-ħidma tad-delegazzjonijiet u tal-missjonijiet barra mill-Unjoni Ewropea; jissottolinja l-fatt li tali reviżjoni għandha tqis il-possibbiltà li l-APA, suġġetti għal ċerti kundizzjonijiet, jakkumpanjaw lill-Membri f'delegazzjonijiet u f'missjonijiet uffiċjali tal-Parlament;
   e) jitlob lis-Segretarju Ġenerali jippreżenta malajr ir-regoli ta' implimentazzjoni biex jiġu żgurati d-drittijiet statutorji tal-APA sabiex tiġi evitata interpretazzjoni diskrezzjonali u l-inugwaljanzi attwali li jimpedixxu l-eżerċizzju sħiħ ta' xogħolhom kif iddikjarat fl-ambitu tal-Istatuti tal-Membri u tal-Assistenti;
   f) jitlob li jiġu implimentati bis-sħiħ il-miżuri li l-Parlament irrakkomanda fir-riżoluzzjoni tas-26 ta' Ottubru 2017 dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-Unjoni Ewropea(8), jiġifieri l-implimentazzjoni ta' taħriġ kontra l-fastidju għall-persunal u l-Membri kollha, l-awditjar estern għaż-żewġ kumitati eżistenti kontra l-fastidju kif ukoll ir-ristrutturar taż-żewġ kumitati eżistenti f'kumitat wieħed indipendenti, fejn bħala membri permanenti jkun hemm tobba u avukati; jitlob aktar appoġġ biex ikopri l-kost ta' persunal addizzjonali li jkun kompetenti biex jittratta l-każijiet ta' fastidju fi ħdan il-Parlament, li jlaqqa' flimkien f'servizz ad hoc persunal b'kompetenzi esperti fil-qasam mediku, psikoloġiku, ġuridiku u ta' ġestjoni tar-riżorsi umani u li jkopri l-ispejjeż legali u mediċi tal-vittmi ta' fastidju skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal;
   g) itenni t-talba tiegħu lis-Segretarju Ġenerali biex jippreżenta stimi dettaljati u qsim analitiku tal-kostijiet tax-xogħlijiet tekniċi preparatorji fil-binja SPAAK fid-dawl tar-rinnovazzjoni tagħha, ivvalutati fi EUR 12,4-il miljun;
   h) jitlob mill-ġdid li jsir aktar użu tal-vidjokonferenzi u ta' teknoloġiji oħra biex jitħares l-ambjent u jiġu ffrankati r-riżorsi, b'mod partikolari biex jonqsu l-vjaġġi tal-persunal bejn it-tliet postijiet tax-xogħol;

Taqsimiet oħra (Taqsimiet IV-X)

60.  Jinnota li, sostanzjalment, l-AB jirrifletti l-estimi tal-istituzzjonijiet varji li jaqgħu taħt it-taqsimiet l-oħra tal-baġit u għalhekk jaqbel, b'xi eċċezzjonijiet, mar-rekwiżiti finanzjarji tagħhom; iqis li t-tnaqqis propost mill-Kunsill għalhekk ikollu effett deleterju fuq il-funzjonament tal-istituzzjonijiet ikkonċernati, u konsegwentement fuq il-kontribut vitali li jagħtu għall-funzjonament tal-Unjoni; jipproponi, għal din ir-raġuni, li jinġiebu lura l-livelli tal-AB kif kienu fi kważi l-każijiet kollha, inkluż fir-rigward tat-tabelli tal-persunal tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna; ma jimmodifikax, konformement mal-gentlemen's agreement, il-qari tal-Kunsill li jikkonċerna l-Kunsill u l-Kunsill Ewropew;

61.  Iqis li, f'għadd limitat ta' każijiet u b'kont meħud tal-estimi tal-istituzzjonijiet, huwa meħtieġ li jiżdiedu l-linji 'l fuq mill-AB u li jiġu ssuġġeriti postijiet tax-xogħol addizzjonali; jipproponi għaldaqstant:

   a) fir-rigward tal-Qorti tal-Ġustizzja, u minħabba l-ammont ta' xogħol dejjem jiżdied tagħha, li jiġu jiddaħħlu l-11-il post tax-xogħol proposti mill-Qorti fl-estimi tagħha (7 postijiet AD u 4 AST), li l-Kummissjoni ma inkludietx fl-AB, u li jiġu previsti l-approprjazzjonijiet meħtieġa għar-remunerazzjonijiet u l-allowances;
   b) fir-rigward tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni, li jiżdiedu l-approprjazzjonijiet 'il fuq mill-AB għal xi linji, sabiex jinżamm livell ta' approprjazzjonijiet simili għal tas-sena l-oħra;
   c) fir-rigward tal-Ombudsman Ewropew, li jiżdiedu żewġ postijiet AD 'il fuq mill-AB, flimkien ma' tnaqqis ċkejken għal tliet linji baġitarji, sabiex l-ammonti jinġiebu lura għal żewġ linji oħra;

o
o   o

62.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-emendi għall-abbozz tal-baġit ġenerali, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-istituzzjonijiet l-oħra u lill-entitajiet ikkonċernati kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105.
(2) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(4) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(5) Testi adottati, P8_TA(2019)0210.
(6) Testi adottati, P8_TA(2019)0326.
(7) Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31).
(8) Testi adottati, P8_TA(2017)0417.

Aġġornata l-aħħar: 24 ta' Ottubru 2019Avviż legali