Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2168(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0010/2019

Testi mressqa :

A9-0010/2019

Dibattiti :

PV 22/10/2019 - 17
CRE 22/10/2019 - 17

Votazzjonijiet :

PV 23/10/2019 - 11.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2019)0040

Testi adottati
PDF 148kWORD 51k
L-Erbgħa, 23 ta' Ottubru 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Kwittanza 2017: Baġit Ġenerali tal-UE - Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill
P9_TA-PROV(2019)0040A9-0010/2019
Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2019 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill (2018/2168(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017 (COM(2018)0521 – C8-0320/2018)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kunsill għall-awtorità ta' kwittanza dwar il-verifiki interni mwettqa fis-sena 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet,(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2019(5) li tiddifferixxi d-deċiżjoni ta' kwittanza għas-sena finanzjarja 2017, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li takkumpanjaha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(6), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(7), u b'mod partikolari l-Artikoli 59, 118, 260, 261 u 262 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0010/2019),

1.  Jiċħad il-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill għas-sena finanzjarja 2017;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU L 51, 28.2.2017.
(2) ĠU C 348, 28.9.2018, p. 1.
(3) ĠU C 357, 04.10.2018, p. 1.
(4) ĠU C 357, 04.10.2018, p. 9.
(5) ĠU L 249, 27.9.2019, p. 25.
(6) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(7) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.


2. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Ottubru 2019 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill (2018/2168(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0010/2019),

A.  billi l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni jeħtiġilhom ikunu trasparenti u jagħtu rendikont sħiħ liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni għall-fondi fdati lilhom biex iwettqu l-kompiti tagħhom;

B.  billi l-Parlament huwa l-uniku korp direttament elett fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, bir-responsabbiltà li jagħti l-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea;

C.  billi l-proċedura tal-għoti ta' kwittanza b'mod separat lill-istituzzjonijiet u lill-korpi individwali tal-Unjoni hija prattika stabbilita minn żmien ilu u aċċettata mill-istituzzjonijiet l-oħrajn kollha għajr il-Kunsill, u billi din il-proċedura ġiet żviluppata biex tiggarantixxi t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont demokratiku fil-konfront taċ-ċittadini tal-Unjoni u tiġi segwita l-ġlieda meħtieġa kontra l-frodi;

1.  Ifakkar li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom awtonomija amministrattiva fi kwistjonijiet relatati mal-operazzjonijiet rispettivi tagħhom; jissottolinja l-importanza li jaġixxu b'mod responsabbli u professjonali fl-implimentazzjoni tal-baġits tagħhom;

2.  Jissottolinja r-rwol tal-Parlament fil-proċedura ta' kwittanza, hekk kif regolat mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament Finanzjarju u li, b'rikonoxximent sħiħ tar-rwol tal-Kunsill bħala istituzzjoni li tagħti rakkomandazzjonijiet fil-proċedura ta' kwittanza, trid tinżamm distinzjoni fir-rigward tar-rwoli differenti tal-Parlament u tal-Kunsill biex ikun hemm konformità mal-qafas istituzzjonali stabbilit fit-Trattati u fir-Regolament Finanzjarju;

3.  Ifakkar li l-Parlament jagħti kwittanza lill-istituzzjonijiet l-oħra wara li jikkunsidra d-dokumenti pprovduti u r-risposti mogħtija lill-mistoqsijiet, u wara li jisma' s-segretarji ġenerali tal-istituzzjonijiet l-oħra; itenni li l-Kunsill jeħtieġlu jieħu sehem bis-sħiħ u b'rieda tajba fil-proċedura ta' kwittanza annwali, bħalma jagħmlu l-istituzzjonijiet l-oħra; jiddispjaċih bid-diffikultajiet li nqalgħu s'issa fil-proċeduri ta' kwittanza tal-Kunsill;

4.  Jiddispjaċih li l-Kunsill reġa' naqas milli jagħti risposti lill-mistoqsijiet bil-miktub mibgħuta mill-Parlament, u li s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ma attendiex is-seduta ta' smigħ organizzata fis-27 ta' Novembru 2018 fil-kuntest tal-proċedura annwali ta' kwittanza; jiddispjaċih ukoll li l-Kunsill ukoll ma tax risposta għall-osservazzjonijiet li l-Parlament għamel fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza tiegħu tas-26 ta' Marzu 2019 u li b'hekk injora r-rwol tal-Parlament;

5.  Ifakkar fid-diffikultajiet li nqalgħu ripetutament fil-proċeduri ta' kwittanza tal-Kunsill sal-lum minħabba n-nuqqas ta' kooperazzjoni min-naħa tal-Kunsill u li wasslet biex il-Parlament irrifjuta li jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill fir-rigward tas-snin finanzjarji 2009-2016 u biex jippostponi d-deċiżjoni tiegħu f'Marzu 2019 għas-sena finanzjarja 2017;

6.  Jinnota li l-Kunsill ta risposta għall-proposta tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament dwar il-proċedura ta' kwittanza tal-Kunsill fit-2 ta' Mejju 2018 bi proposta emendata, u li l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament bagħat ir-reazzjoni tiegħu għall-proposta emendata tal-Kunsill fis-16 ta' Lulju 2018; iħeġġeġ lill-Kunsill jirreaġixxi rapidament għall-aktar proposta reċenti biex b'hekk l-arranġamenti l-ġodda għall-proċedura ta' kwittanza jkunu jistgħu jiġu applikati mill-aktar fis possibbli;

7.  Jiddispjaċih li t-talba biex il-baġit tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill jiġi sseparat f'baġit wieħed għal kull istituzzjoni, magħmula mill-Parlament f'riżoluzzjonijiet preċedenti ta' kwittanza, ma ġietx ikkunsidrata; jinsisti fuq din is-separazzjoni li tikkontribwixxi għal aktar trasparenza fil-ġestjoni finanzjarja taż-żewġ istituzzjonijiet u ttejjeb ir-responsabbiltà u l-effiċjenza tan-nefqa tagħhom;

8.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar l-ammont għoli ħafna ta' approprjazzjonijiet li ġew riportati mill-2017 għall-2018, b'mod partikolari dawk relatati mal-għamara, mat-tagħmir tekniku, mat-trasport u mas-sistemi informatiċi; ifakkar lill-Kunsill li r-riporti huma eċċezzjonijiet għall-prinċipju tal-annwalità u li għandhom jirriflettu ħtiġijiet reali; jiddeplora, barra minn hekk, il-fatt li l-Kunsill naqas milli jagħti biżżejjed informazzjoni dwar il-politika tal-proprjetà immobbli;

9.  Jilqa' pożittivament l-isforzi għat-tkomplija tat-titjib tal-ġestjoni u l-prestazzjoni finanzjarja, bħall-armonizzazzjoni tal-ippjanar baġitarju fuq livell ċentrali bl-integrazzjoni tal-Attività Pluriennali u l-Ippjanar tal-Baġit (MABP);

10.  Jirrikonoxxi titjib fil-proċess ta' modernizzazzjoni amministrattiva tal-Kunsill, bħal pereżempju li r-regoli interni għar-rapportar ta' irregolaritajiet serji jiġu ppubblikati fis-sit web tal-Kunsill flimkien ma' gwida dwar l-etika u l-imġiba għall-membri tal-persunal tal-Kunsill; jappella lill-Kunsill biex jissensibilizza dwar dawn ir-regoli u jiżgura li l-membri kollha tal-persunal jiġu informati kif xieraq dwar drittijiethom;

11.  Ifakkar li l-Kunsill qabel fuq il-proposta tal-Kummissjoni għal reġistru ta' trasparenza obbligatorju fis-6 ta' Diċembru 2017, iżda għadu ma implimentahiex; jiddeplora bil-qawwa l-fatt li l-Kunsill ma pparteċipax fl-iskema tar-reġistru ta' trasparenza; jappella bis-sħiħ lill-Kunsill ikompli bid-diskussjonijiet dwar l-aspetti tekniċi tal-pakkett ta' strumenti dwar ir-Reġistru ta' Trasparenza, biex jintlaħaq qbil politiku bejn it-tliet istituzzjonijiet mill-aktar fis possibbli, hekk kif aktar trasparenza fi ħdan l-istituzzjoni tal-Unjoni jżidu l-fiduċja pubblika fl-Unjoni;

12.  Jenfasizza li l-Parlament appoġġja b'votazzjoni f'seduta plenarja l-proposti tal-Ombudsman Ewropew relatati mar-rakkomandazzjonijiet u mas-suġġerimenti tal-Ombudsman Ewropew lill-Kunsill biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jsegwu l-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni b'mod aktar faċli (trasparenza tal-proċess leġiżlattiv tal-Kunsill, OI/2/2017/TE); ifakkar li l-Kunsill għandu, fost oħrajn, jirreġistra b'mod sistematiku l-pożizzjoni ta' kull Stat Membru fil-korpi preparatorji tal-Kunsill, jiżviluppa kriterji ċari u disponibbli għall-pubbliku għall-klassifikazzjoni ta' dokumenti bħala 'LIMITE', skont id-dritt tal-Unjoni, u jiżviluppa paġna web dedikata għal kull proposta leġiżlattiva u jtejjeb il-faċilità għall-utent li juża r-reġistru pubbliku tad-dokumenti;

13.  Itenni li l-Kunsill għandu jkun trasparenti u responsabbli għalkollox fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni għall-fondi fdati lilu bħala istituzzjoni tal-Unjoni;

14.  Jinsisti li eżerċizzju ta' kontroll baġitarju effikaċi jirrikjedi kooperazzjoni bejn il-Parlament u l-Kunsill b'rispett dovut għar-rwoli rispettivi tagħhom; iqis li kooperazzjoni sodisfaċenti bejn iż-żewġ istituzzjonijiet f'għamla ta' proċedura ta' djalogu miftuħ u formali tkun sinjal pożittiv għaċ-ċittadini tal-Unjoni;

15.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-informazzjoni rrapportata mill-mezzi tal-informazzjoni Ewropej dwar l-isponsorizzazzjoni minn impriżi tal-Istati Membri li jkollhom il-Presidenza tal-Unjoni u jirrifletti t-tħassib espress miċ-ċittadini tal-Unjoni u mill-Membri tal-Parlament; jirrikonoxxi li l-Istati Membri huma mistennija jiffinanzjaw il-Presidenzi tagħhom u jiddispjaċih li f'dawn l-aħħar snin saret prassi komuni li jsir użu minn sponsorizzazzjoni minn impriżi biex jiġu koperti wħud mill-ispejjeż tagħhom f'dan ir-rigward; jinsab imħasseb ħafna dwar il-ħsara possibbli għar-reputazzjoni u r-riskju ta' telf ta' fiduċja li din il-prattika jista' jkollha fuq l-Unjoni, fuq l-istituzzjonijiet tagħha u speċjalment fuq il-Kunsill f'għajnejn iċ-ċittadini tal-Unjoni; jissuġġerixxi li l-Kunsill jadotta linji gwida biex jippromwovi t-trasparenza finanzjarja u l-indipendenza tal-Presidenzi; jirrakkomanda bis-sħiħ li l-Kunsill jipprevedi l-ibbaġitjar tal-Presidenzi; ser jissorvelja mill-qrib il-konklużjonijiet tal-inkjesta tal-Ombudsman Ewropew relatata ma' din il-kwistjoni; jitlob lill-Kunsill jippreżenta dan it-tħassib lill-Istati Membri, b'mod partikolari lit-Triju ta' Presidenzi attwali;

16.  Huwa inkuraġġit bil-fatt li l-Kunsill iqis li jeħtieġ li jindirizza l-proċedura ta' kwittanza u huwa miftuħ għas-sejba ta' soluzzjoni flimkien mal-Parlament dwar kif għandhom jikkooperaw f'din il-kwistjoni mill-aktar fis possibbli.

Aġġornata l-aħħar: 24 ta' Ottubru 2019Avviż legali