Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2880(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0138/2019

Dibattiti :

PV 24/10/2019 - 3.2
CRE 24/10/2019 - 3.2

Votazzjonijiet :

PV 24/10/2019 - 8.2

Testi adottati :

P9_TA(2019)0043

Testi adottati
PDF 153kWORD 51k
Il-Ħamis, 24 ta' Ottubru 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
L-Eġittu
P9_TA-PROV(2019)0043RC-B9-0138/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ottubru 2019 dwar l-Eġittu (2019/2880(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Eġittu, b'mod partikolari dawk tas-17 ta' Lulju 2014 dwar il-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda fl-Eġittu(1), tal-15 ta' Jannar 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu(2), tal-10 ta' Marzu 2016 dwar l-Eġittu, b'mod partikolari l-każ ta' Giulio Regeni(3), tat-8 ta' Frar 2018 dwar l-eżekuzzjonijiet fl-Eġittu(4), u tat-13 ta' Diċembru 2018 dwar l-Eġittu, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem(5),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE (KAB) dwar l-Eġittu ta' Awwissu 2013 u Frar 2014,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Eġittu tal-2001, li daħal fis-seħħ fl-2004, u kien konsolidat permezz tal-Pjan ta' Azzjoni tal-2007; wara li kkunsidra l-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Eġittu 2017-2020, adottati formalment fil-25 ta' Lulju 2017, id-dikjarazzjoni konġunta maħruġa wara l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Eġittu tal-2017, u d-dikjarazzjoni konġunta maħruġa wara s-sitt laqgħa tas-Sottokumitat UE-Eġittu dwar Kwistjonijiet Politiċi, id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija f'Ġunju 2019,

–  wara li kkunsidra l-Punt 4 tad-Dikjarazzjoni tal-UE fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tad-19 ta' Settembru 2019 li jsemmi l-Eġittu,

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni ġodda tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li għandhom l-għan li jqiegħdu l-protezzjoni u s-sorveljanza tad-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tal-politiki kollha tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt, dwar it-Tortura, dwar il-Libertà ta' Espressjoni u dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR), il-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra, u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li kollha kienu ratifikati min-naħa tal-Eġittu,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-27 ta' Settembru 2019 mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Michelle Bachelet dwar il-protesti fl-Eġittu,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Eġittu, b'mod partikolari l-Artikolu 52 (dwar il-projbizzjoni tat-tortura fil-forom u t-tipi kollha), l-Artikolu 73 (dwar il-libertà ta' għaqda) u l-Artikolu 93 (dwar in-natura vinkolanti tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem),

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981, ratifikata mill-Eġittu fl-20 ta' Marzu 1984,

–  wara li kkunsidra l-Karta Għarbija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li l-Eġittu huma parti fiha,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2473 (2019) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adottata f'Ġunju 2019 li ġġedded il-miżuri maħsuba li jimplimentaw l-embargo fuq l-armi kontra l-Libja,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi huwa rrappurtat li fil-ġimgħat li għaddew l-awtoritajiet Eġizzjani arrestaw b'mod arbitrarju aktar minn 4 300 persuna (kważi 3 000 minnhom għadhom f'detenzjoni ta' qabel il-proċess), fosthom mill-inqas 114-il mara – u mill-inqas 111-il tifel u tifla skont l-Amnesty International u l-Belady Foundation – bi tweġiba għal dimostrazzjonijiet paċifiċi li bdew fl-20 ta' Settembru 2019; billi ġie rrappurtat li kienet intużat forza eċċessiva mis-servizzi tal-pulizija u tas-sigurtà biex iferrxu d-dimostranti;

B.  billi d-dimostrazzjonijiet kontra l-gvern kienu bi protesta kontra l-miżuri ta' awsterità, il-korruzzjoni endemika tal-gvern u r-repressjoni sistematika, u kienu qed jitolbu r-riżenja tal-President Eġizzjan Abdel Fattah al-Sisi;

C.  billi l-azzjonijiet reċenti mill-awtoritajiet Eġizzjani jimminaw il-libertajiet fundamentali ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda, li huma kollha minquxa fil-Kostituzzjoni Eġizzjana, kif ukoll fid-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; billi dan jifforma parti minn trażżin usa' fuq is-soċjetà ċivili u fuq id-drittijiet fundamentali fl-Eġittu, b'mod partikolari l-libertà ta' espressjoni kemm online kif ukoll offline, il-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda, il-pluraliżmu politiku u l-istat tad-dritt;

D.  billi l-awtoritajiet Eġizzjani komplew irażżnu lill-partiti tal-oppożizzjoni demokratika paċifika fl-Eġittu, bi ksur tad-drittijiet ta' parteċipazzjoni f'affarijiet pubbliċi u tal-libertà ta' espressjoni, inkluża d-detenzjoni arbitrarja ta' għexieren ta' ċittadini fl-ambilu tal-"Hope Case" u l-arrest ta' għexieren ta' membri oħra ta' partiti politiċi paċifiċi minn Settembru 2019 ‘l hawn;

E.  billi l-avukati tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti, l-attivisti u l-membri tal-oppożizzjoni ġew arrestati fuq akkużi serji, inkluż fuq reati relatati mat-terroriżmu; billi d-dissidenti paċifiċi, l-attivisti favur id-demokrazija u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jitqiegħdu fil-periklu meta jiġu ttikkettati bħala terroristi; billi dawn l-arresti huma relatati biss mal-ħidma paċifika u leġittima tagħhom fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem;

F.  billi l-għajbien furzat tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem qed isir prattika sistematika tal-awtoritajiet Eġizzjani, qabel ma dawn jerġgħu jidhru quddiem il-Prosekuzzjoni tal-Istat, u dan huwa l-każ ta' Alaa Abdel Fattah, Asmaa Daabes, Esraa Abdel Fattah, Eman Al-Helw, Mohamed Ibrahim, Abdelrahman Tarek, Ezzat Ghoneim, Haytham Mohamadeen u Ibrahim Metwally Hegazy; billi oħrajn, inkluż Ibrahim Ezz El-Din, għadhom ma reġgħux dehru;

G.  billi qed isir użu eċċessiv ta' detenzjoni preventiva ta' qabel il-proċess u miżuri ta' prekawzjoni sabiex difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-avukati tagħhom bħal Mahienour El-Masry, Mohamed El-Baqer, Esraa Abdel Fattah u Mohamed Ramadan ma jitħallewx iwettqu l-ħidma leġittima tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Eġittu;

H.  billi l-awtoritajiet Eġizzjani xekklu l-progress fl-investigazzjoni u l-iżvelar tal-verità madwar il-ħtif, it-tortura u l-qtil tal-assistent tar-riċerka Taljan Giulio Regeni; billi l-Parlament Taljan issospenda r-relazzjonijiet diplomatiċi tiegħu mal-Parlament Eġizzjan u talab lill-parlamenti tal-Istati Membri biex jagħmlu l-istess b'solidarjetà;

I.  billi Reporters Mingħajr Fruntieri ddokumentaw mill-inqas 31 ħaddiem tal-media li bħalissa jinsabu detenuti fl-Eġittu minħabba x-xogħol tagħhom, fuq il-bażi ta' prosekuzzjoni msejsa fuq il-politika u diversi ksur tal-proċess dovut; billi sitta minn dawn il-ġurnalisti ġew arrestati fir-rigward tal-protesti reċenti; billi l-ħaddiema tal-media barranin jinsabu wkoll fil-mira, u diversi korrispondenti tal-media internazzjonali ġew deportati jew miżmuma milli jidħlu fl-Eġittu; billi l-organizzazzjonijiet internazzjonali ddokumentaw l-imblukkar ta' siti web tal-aħbarijiet u l-imblukkar jew ir-restrizzjoni tal-aċċess għal applikazzjonijiet ta' messaġġi online, b'mod partikolari matul l-aħħar ġimgħat;

J.  billi, filwaqt li l-Liġi tal-2019 dwar l-NGO tal-Eġittu tneħħi s-sentenzi ta' ħabs u twarrab l-aġenzija ta' sigurtà qawwija preċedentement magħżula biex tapprova u timmonitorja l-finanzjament barrani, madankollu thedded li tillimita b'mod sinifikanti lis-soċjetà ċivili, tqiegħed aktar restrizzjonijiet problematiċi fuq id-dritt għal-libertà ta' assoċjazzjoni u tillimita b'mod sinifikanti l-attivitajiet kemm ta' NGOs domestiċi kif ukoll ta' dawk barranin;

K.  billi d-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eġittu jkomplu jiffaċċjaw diversi forom ta' fastidju mmexxi mill-Istat, b'mod partikolari fil-forma ta' kampanji ta' malafama u prosekuzzjoni ġudizzjarja; billi l-attivisti li jiddefendu d-drittijiet tal-persuni LGBTQI u n-nisa jiffaċċjaw repressjoni kontinwa, inkluż taħt il-pretest tal-preservazzjoni tal-"morali pubbliku";

L.  billi ksur gravi tad-dritt għall-ħajja qed ikompli fl-Eġittu permezz tal-ġudikatura, li ħarġet u implimentat numru għoli bla preċedent ta' sentenzi tal-mewt kontra bosta individwi – anke sentenzi kontra tfal – inkluż wara proċessi militari u tal-massa li ma kellhomx garanziji minimi ta' proċess ġust; billi l-qrati kriminali u militari ħarġu aktar minn 3 000 sentenza tal-mewt mill-2014 u 50 persuna jinsabu f'riskju imminenti ta' eżekuzzjoni;

M.  billi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (NU OHCHR) iddikjara li diversi kawżi ta' individwi kkundannati abbażi ta' evidenza allegatament miksuba taħt tortura jinsabu pendenti fil-qrati u li dawn qed jiffaċċjaw il-piena tal-mewt; billi dawn il-kundanni jidhru li qed jiksru b'mod dirett kemm il-liġi u kemm il-proċedura Eġizzjana kif ukoll dik internazzjonali;

N.  billi l-obbligu ta' rendikont għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem mill-forzi tas-sigurtà Eġizzjani jibqa' kważi kompletament ineżistenti, u m'hemm l-ebda investigazzjoni xierqa ta' allegazzjonijiet ta' korruzzjoni kontra l-militar;

O.  billi mill-inqas 900 persuna nqatlu mill-forzi tas-sigurtà Eġizzjani matul il-protesti fi Pjazza Rabaa fl-2013; billi, filwaqt li bosta irregolaritajiet ġew ikkundannati matul il-proċess sussegwenti, u l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem iddeskrivih bħala nuqqas serju ta' ġustizzja, l-ebda wieħed minn dawk responsabbli għall-massakru ma ġie mressaq;

P.  billi l-proċess tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU) tal-Eġittu quddiem il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, li jibda f'Novembru 2019, joffri opportunità unika biex il-komunità internazzjonali tiskrutinizza r-rekord tad-drittijiet tal-bniedem tal-Eġittu u tressaq rakkomandazzjonijiet għal titjib;

Q.  billi ħafna attivisti tad-drittijiet tal-bniedem huma soġġetti għal miżuri repressivi, xi wħud b'ritaljazzjoni talli pparteċipaw fl-EPU tal-2014 tal-Eġittu; billi għaxar difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u seba' NGOs imsemmija fil-Kawża 173/2011 (il-"Każ dwar il-Finanzjament Barrani") ġarrbu ffriżar debilitanti tal-assi; billi għad hemm il-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fuq mill-inqas 31 difensur u persunal tal-NGOs tad-drittijiet tal-bniedem indipendenti Eġizzjani involuti fil-Kawża 173/2011, għalkemm 43 membru tal-persunal tal-organizzazzjonijiet barranin tas-soċjetà ċivili li nstabu ħatja fl-2013 fl-istess każ ġew illiberati;

R.  billi l-Eġittu għadda minn diversi żviluppi diffiċli sa mir-rivoluzzjoni tal-2011 u l-komunità internazzjonali qed tappoġġa lill-pajjiż fl-indirizzar tal-isfidi multipli tiegħu; billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Eġittu hija fraġli, b'riskju għoli ta' attakki terroristiċi fil-peniżola tas-Sinaj u bliet ewlenin madwar il-pajjiż minn diversi organizzazzjonijiet Iżlamiċi, minkejja l-użu mill-gvern ta' tattiċi aggressivi u kultant abbużivi biex jiġu miġġielda; billi l-attakki terroristiċi ħadu l-ħajja ta' għadd kbir ta' ċivili innoċenti, inklużi persuni Kopti; billi l-operazzjonijiet militari komplew jeskalaw fit-Tramuntana tas-Sinai sa minn l-aħħar parti tal-2013, u l-gvern wettaq demolizzjonijiet bil-massa u żgumbrament furzat ta' għexieren ta' eluf ta' residenti, filwaqt li ma ħalliex li jsir rappurtar indipendenti billi impona qtugħ assolut fuq il-media u restrizzjonijiet fuq il-movimenti fis-Sinaj u lil hinn minnha;

S.  billi ma ġie ppreżentat l-ebda rispons uffiċjali, b'saħħtu u unit mill-UE u mill-Istati Membri tagħha għat-trażżin ta' Settembru-Ottubru 2019 fl-Eġittu; billi l-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Eġittu għall-2017-2020, adottati f'Ġunju 2017 huma ggwidati minn impenn komuni favur il-valuri universali tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u jikkostitwixxu qafas imġedded għal impenn politiku u kooperazzjoni msaħħa, inkluż dwar is-sigurtà, ir-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, fuq il-bażi ta' rispett xieraq għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; billi l-isforzi Ewropej biex l-Eġittu jiġi involut biex jindirizza l-aktar aspetti severi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem ma tawx riżultati apprezzabbli;

T.  billi l-Eġittu huwa sieħeb importanti għall-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha f'firxa wiesgħa ta' oqsma, inklużi l-kummerċ, is-sigurtà u l-kuntatti bejn il-persuni; billi fil-21 ta' Awwissu 2013 il-Kunsill Affarijiet Barranin inkariga lir-Rappreżentant Għoli biex teżamina mill-ġdid l-assistenza tal-UE lill-Eġittu; billi l-Kunsill iddeċieda li l-kooperazzjoni tal-UE mal-Eġittu għandha tkun aġġustata mill-ġdid skont l-iżviluppi fil-post; billi l-UE u l-Eġittu adottaw Prijoritajiet ta' Sħubija f'Ġunju 2017 li għandhom l-għan li jsaħħu l-kooperazzjoni f'firxa wiesgħa ta' oqsma, inkluża l-ġlieda kontra t-terroriżmu, bir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali;

U.  billi l-konklużjonijiet tal-KAB tal-UE tal-21 ta' Awwissu 2013 iddikjaraw li "l-Istati Membri qablu wkoll li jissospendu l-liċenzji tal-esportazzjoni lejn l-Eġittu ta' kwalunkwe tagħmir li jista' jintuża għar-repressjoni interna u li jivvalutaw mill-ġdid il-liċenzji tal-esportazzjoni ta' tagħmir kopert mill-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK u jeżaminaw mill-ġdid l-assistenza tagħhom fil-qasam tas-sigurtà mal-Eġittu"; billi kumpaniji bbażati f'diversi Stati Membri tal-UE komplew jesportaw teknoloġija ta' sorveljanza u tagħmir ieħor tas-sigurtà lejn l-Eġittu, u b'hekk iffaċilitaw il-hacking u l-malware kif ukoll forom oħra ta' attakki fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti tas-soċjetà ċivili kemm fiżikament kif ukoll online; billi din l-attività wasslet għar-repressjoni tal-libertà ta' espressjoni online;

1.  Jikkundanna bil-qawwa t-trażżin reċenti u r-restrizzjonijiet kontinwi tad-drittijiet fundamentali fl-Eġittu, b'mod partikolari l-libertà ta' espressjoni kemm online kif ukoll offline, il-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda, il-pluraliżmu politiku u l-istat tad-dritt; jikkundanna l-użu eċċessiv ta' vjolenza kontra d-dimostranti u jfakkar lill-Eġittu li kwalunkwe reazzjoni mill-forzi tas-sigurtà għandha tkun konformi man-normi u l-istandards internazzjonali u mal-Kostituzzjoni tiegħu stess;

2.  Jitlob li jieqfu minnufih l-atti kollha ta' vjolenza, inċitament, diskors ta' mibegħda, fastidju, intimidazzjoni, għajbien sfurzat u ċensura fil-konfront ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, avukati, dimostranti, ġurnalisti, bloggers, sindakalisti, studenti, tfal, attivisti tad-drittijiet tan-nisa, persuni LGBTI, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, avversarji politiċi u minoranzi min-naħa tal-awtoritajiet tal-istat, il-forzi u s-servizzi tas-sigurtà u gruppi oħra fl-Eġittu; jitlob li ssir investigazzjoni indipendenti u trasparenti dwar il-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem u li dawk li jwettquh jinżammu responsabbli; jissottolinja li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem huwa l-uniku mod biex jiġu żgurati l-istabbiltà u s-sigurtà fit-tul tal-Eġittu;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jeħilsu immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet lid-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem detenuti jew kundannati sempliċement talli wettqu l-ħidma leġittima u paċifika tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem, fosthom Eman Al-Helw, Mohamed Ibrahim, Mohamed Ramadan, Abdelrahman Tarek, Ezzat Ghoneim, Haytham Mohamadeen, Alaa Abdel Fattah, Ibrahim Metwally Hegazy, Mahienour El-Masry, Mohamed El-Baqer u Esraa Abdel Fattah, u biex jaċċertaw minnufih fejn jinsab Ibrahim Ezz El-Din; jitlob ukoll li jinħelsu difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, akkademiċi u oħrajn li jinsabu f'detenzjoni qabel il-proċess fl-ambitu tal-każ "Coalition Hope", fosthom Zyad el-Elaimy, Hassan Barbary u Ramy Shaath, kif ukoll membri tal-Bread and Freedom Party, il-partit Al-Dostour u l-Partit Soċjaldemokratiku Eġizzjan li ġew detenuti reċentement mingħajr raġunijiet kredibbli għal akkużi kriminali; sakemm jinħelsu, jistieden lill-Eġittu jiżvela fejn jinsabu, jippermettilhom aċċess sħiħ għall-familji tagħhom, l-avukati tal-għażla tagħhom u kura medika adegwata, u jwettqu investigazzjonijiet kredibbli dwar kwalunkwe allegazzjoni ta' trattament ħażin jew tortura;

4.  Jenfasizza l-importanza li tiġi ggarantita l-ugwaljanza tal-Eġizzjani kollha, irrispettivament mill-fidi jew mit-twemmin tagħhom; jistieden lill-Eġittu jeżamina mill-ġdid il-liġijiet tiegħu dwar il-blasfemija sabiex jiżgura l-protezzjoni tal-minoranzi reliġjużi; jilqa' d-dikjarazzjonijiet li jitolbu tiġdid tad-diskors Iżlamiku biex jiġu sfidati l-estremiżmu u r-radikalizzazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani, inklużi l-forzi militari u tas-sigurtà, biex jirrispettaw id-drittijiet tal-Insara, jipproteġuhom mill-vjolenza u mid-diskriminazzjoni u jiżguraw li dawk responsabbli għal atti bħal dawn ikunu soġġetti għal proċeduri kriminali;

5.  Jappoġġa l-aspirazzjonijiet tal-maġġoranza tal-poplu Eġizzjan li trid tistabbilixxi pajjiż liberu, stabbli, prosperu, inklużiv u demokratiku li jirrispetta l-impenji nazzjonali u internazzjonali tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; itenni li d-dritt ta' espressjoni paċifika ta' opinjoni u ta' kritika għandu jiġi ggarantit;

6.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani biex ma jibqgħux jimblukkaw is-siti web ta' organizzazzjonijiet tal-aħbarijiet lokali u internazzjonali u ta' organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, u biex jeħilsu lill-ħaddiema tal-media kollha li ġew detenuti talli wettqu l-ħidma ġurnalistika tagħhom;

7.  Jesprimi tħassib serju dwar ir-ritaljazzjonijiet kontra persuni li jikkooperaw jew jippruvaw jikkooperaw ma' organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem jew mal-korpi tad-drittijiet tal-bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani biex jagħlqu l-Kawża 173/2011 (il-"Kawża tal-Finanzjament Barrani"), biex ineħħu l-projbizzjonijiet kollha fuq l-ivvjaġġar imposti fuq mill-inqas 31 difensur tad-drittijiet tal-bniedem u membru tal-persunal ta' NGOs tad-drittijiet tal-bniedem fil-kawża – kif ukoll projbizzjonijiet oħra fuq l-ivvjaġġar imposti b'mod arbitrarju – u biex jippermettu lid-difensuri Eġizzjani tad-drittijiet tal-bniedem ibbażati fl-Eġittu jivvjaġġaw sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw personalment fl-Eżami Perjodiku Universali tal-Eġittu li jibda fit-13 ta' Novembru 2019;

8.  Jitlob li l-liġi dwar l-NGOs li għadha kif ġiet adottata titħassar u li din tiġi sostitwita b'qafas leġiżlattiv ġdid, imfassal b'konsultazzjoni ġenwina mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li jkun konformi mal-Kostituzzjoni Eġizzjana u mal-istandards internazzjonali;

9.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' investigazzjoni kredibbli dwar il-ħtif, it-tortura u l-qtil fl-2016 tal-assistent tar-riċerka Taljan Giulio Regeni, u li dawk responsabbli ma wiġbux għal għemilhom; itenni l-istedina tiegħu lill-awtoritajiet Eġizzjani biex jitfgħu dawl fuq iċ-ċirkustanzi li jirrigwardaw l-imwiet ta' Giulio Regeni u Eric Lang u biex dawk responsabbli jwieġbu għal għemilhom, b'kooperazzjoni sħiħa mal-awtoritajiet tal-Istati Membri kkonċernati minn dawn il-każijiet;

10.  Jitlob b'insistenza li l-awtoritajiet jemendaw, jadottaw u jimplimentaw b'mod effettiv leġiżlazzjoni biex jiġu eliminati l-forom kollha ta' diskriminazzjoni u jiġu kriminalizzati l-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, inkluż bl-emendar tal-Liġi dwar l-Istatus Personali u bl-introduzzjoni ta' dispożizzjonijiet legali li jipprojbixxu l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, kif ukoll il-fastidju sesswali, l-attakki u l-istupru; jistieden ukoll lill-awtoritajiet biex iwettqu b'mod effettiv l-Istrateġija Nazzjonali għall-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa bi sħubija ma' organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili b'għarfien espert rikonoxxut fil-qasam;

11.  Jesprimi tħassib li l-użu tal-piena tal-mewt fl-Eġittu żdied sew mindu l-President Sisi ħa l-poter; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jordnaw moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet bil-ħsieb li jabolixxu l-użu tal-piena tal-mewt fl-Eġittu, u jtenni l-istedina tiegħu lill-Eġittu biex jiffirma u jirratifika t-Tieni Protokoll Fakultattiv għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi bil-għan tal-abolizzjoni tal-piena tal-mewt;

12.  Jibgħat il-kondoljanzi l-aktar sinċieri tiegħu lill-familji tal-vittmi tat-terroriżmu; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Eġizzjan u jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu biex jiġġieled kontra t-tixrid ta' ideoloġiji radikali u gruppi terroristiċi; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jiżguraw li l-operazzjonijiet militari tagħhom li għaddejjin fis-Sinaj jitwettqu b'konformità mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, jinvestigaw bir-reqqa l-abbużi kollha u jiftħu immedjatament it-Tramuntana tas-Sinaj għal organizzazzjonijiet indipendenti ta' sokkors u għal osservaturi u ġurnalisti indipendenti;

13.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' reazzjoni uffiċjali mir-Rappreżentant Għoli jew mill-Istati Membri għall-mewġa reċenti ta' arresti; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jirreaġixxu b'mod magħqud u determinat għat-trażżin u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li qed iseħħ; jistenna li s-SEAE jagħti prijorità lis-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eġittu u jirrapporta lura lill-Parlament dwar l-impenn tiegħu mal-Eġittu dwar dan, kif ukoll dwar il-każijiet individwali mqajma f'din ir-riżoluzzjoni; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jużaw l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħhom, inklużi l-għodod bilaterali u multilaterali, in-negozjati kummerċjali, il-Politika Ewropea tal-Viċinat, l-għajnuna u, fejn meħtieġ, miżuri restrittivi mmirati, biex iwaqqfu t-trażżin fil-pajjiż u jiżguraw progress konkret fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eġittu;

14.  Jitlob li ssir analiżi profonda u komprensiva tar-relazzjonijiet tiegħu mal-Eġittu; iqis li s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eġittu tirrikjedi reviżjoni serja tal-operazzjonijiet ta' appoġġ baġitarju tal-Kummissjoni, li għandhom ikunu ristretti primarjament għall-appoġġ tas-soċjetà ċivili;

15.  Iħeġġeġ bil-qawwa li l-impenji li saru fil-Prijoritajiet ta' Sħubija bejn l-UE u l-Eġittu tal-2017-2020 jiġu rrispettati, u jitlob li jiġu implimentati b'mod sħiħ u xieraq; jitlob lill-UE, bil-ħsieb li jiġu nnegozjati prijoritajiet ta' sħubija ġodda, biex tistabbilixxi punti ta' riferiment ċari li jagħmlu l-kooperazzjoni ulterjuri mal-Eġittu soġġetta għal progress fir-riforma tal-istituzzjonijiet demokratiċi, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, u biex it-tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem jiġi integrati fit-taħditiet kollha mal-awtoritajiet Eġizzjani; itenni li d-drittijiet tal-bniedem m'għandhomx jiġu kompromessi mill-ġestjoni tal-migrazzjoni jew mill-azzjonijiet kontra t-terroriżmu;

16.  Itenni l-istediniet tiegħu lill-Istati Membri tal-UE biex jagħtu segwitu għall-konklużjonijiet tagħhom tal-21 ta' Awwissu 2013 li jħabbru s-sospensjoni tal-liċenzji tal-esportazzjoni għal kwalunkwe tagħmir li jista' jintuża għal repressjoni interna b'konformità mal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK, u jikkundanna n-nuqqas ta' konformità persistenti tal-Istati Membri tal-UE ma' dawn l-impenji; għaldaqstant, jistedinhom iwaqqfu l-esportazzjonijiet lejn l-Eġittu ta' teknoloġija ta' sorveljanza u tagħmir ieħor ta' sigurtà li jistgħu jiffaċilitaw l-attakki fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti tas-soċjetà ċivili, inkluż fuq il-media soċjali, kif ukoll kwalunkwe tip ieħor ta' repressjoni interna; jistieden lill-VP/RGħ tirrapporta dwar is-sitwazzjoni kurrenti tal-kooperazzjoni militari u tas-sigurtà tal-Istati Membri tal-UE mal-Eġittu; jitlob lill-UE timplimenta bis-sħiħ il-kontrolli tal-esportazzjoni tagħha lejn l-Eġittu, fir-rigward ta' oġġetti li jistgħu jintużaw għar-repressjoni, għat-tortura jew għall-piena kapitali;

17.  Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li kwalunkwe arranġament bejn l-UE u l-Eġittu dwar il-migrazzjoni jikkonforma strettament mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, jirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-migranti u r-refuġjati, u jiżgura livelli adegwati ta' trasparenza u akkontabilità;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament Eġizzjan, u lill-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli.

(1) ĠU C 224, 21.6.2016, p. 5.
(2) ĠU C 300, 18.8.2016, p. 34.
(3) ĠU C 50, 9.2.2018, p. 42.
(4) ĠU C 463, 21.12.2018, p. 35.
(5) Testi adottati, P8_TA(2018)0526.

Aġġornata l-aħħar: 25 ta' Ottubru 2019Avviż legali