Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2882(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0117/2019

Testi mressqa :

B9-0117/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 24/10/2019 - 8.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2019)0048

Testi adottati
PDF 139kWORD 44k
Il-Ħamis, 24 ta' Ottubru 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Is-sitwazzjoni attwali rigward id-divulgazzjoni tal-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu minn ċerti intrapriżi u fergħat - rapportar pubbliku għal kull pajjiż
P9_TA-PROV(2019)0048B9-0117/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ottubru 2019 dwar is-sitwazzjoni attwali tal-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni tal-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu minn ċerti intrapriżi u fergħat (2016/0107(COD)), magħrufa bħala rapportar pubbliku għal kull pajjiż (2019/2882(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni tal-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu minn ċerti intrapriżi u fergħat (COM(2016)0198), kif ippreżentata mill-Kummissjoni Ewropea fit-12 ta' April 2016, magħrufa bħala rapportar pubbliku għal kull pajjiż (CBCR pubbliku),

–  wara li kkunsidra l-emendi li adotta fl-4 ta' Lulju 2017 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni tal-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu minn ċerti intrapriżi u fergħat(1),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-27 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni tal-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu minn ċerti intrapriżi u fergħat(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u (3) kif ukoll l-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0146/2016),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-bażi ġuridika proposta kif maħruġa f'Jannar 2017,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija tiegħu għal tweġiba orali lill-Kunsill tas-6 ta' Frar 2018(3),

–  wara li kkunsidra s-seduti ta' smigħ tal-Viċi Presidenti Eżekuttivi nnominati tal-Kummissjoni Ewropea, Valdis Dombrovskis(4) u Margrethe Vestager(5),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE, magħrufa bħala r-raba' Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital (CRD IV)(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Artikolu 50(1) tat-TFUE jikkostitwixxi l-bażi ġuridika għall-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni tal-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu minn ċerti intrapriżi u fergħat, magħruf bħala CBCR pubbliku;

B.  billi l-Parlament diġà adotta l-mandat tiegħu fl-4 ta' Lulju 2017 biex ir-rapporteurs jidħlu f'negozjati interistituzzjonali ta' "trilogu" abbażi ta' rapport konġunt tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Kumitat għall-Affarijiet Legali;

C.  billi test ta' kompromess teknikament matur għadu ma laħaqx il-livell tal-COREPER, minkejja 18-il laqgħa tal-Gruppi ta' Ħidma tal-Kunsill u tal-Attachés waqt il-presidenzi preċedenti tal-Kunsill; billi l-Kunsill, għalhekk, s'issa għadu ma daħalx f'negozjati ta' trilogu;

D.  billi l-Parlament finalment adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari qabel it-tmiem tal-mandat leġiżlattiv preċedenti fis-27 ta' Marzu 2019;

E.  billi l-Artikolu 89 tad-Direttiva CRD IV adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fl-2013 introduċa l-obbligu fuq l-Istati Membri li jeżiġu li l-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti ta' investiment jiddivulgaw kull sena, filwaqt li jispeċifikaw, skont l-Istat Membru u skont il-pajjiż terz li fih għandhom stabbiliment, informazzjoni bħan-natura u l-post ġeografiku tal-attivitajiet, il-fatturat, in-numru ta' impjegati, il-profitt jew it-telf qabel it-taxxa, it-taxxa fuq il-profitt jew it-telf kif ukoll is-sussidji pubbliċi li jirċievu, fuq bażi konsolidata għal kull sena finanzjarja;

1.  Jistieden b'urġenza lill-Istati Membri biex iwaqqfu l-imblokk fi ħdan il-Kunsill u biex jikkonkludu l-ewwel qari tagħhom dwar il-proposta għal CBCR pubbliku u biex jidħlu f'negozjati interistituzzjonali mal-Parlament sabiex jiffinalizzaw il-proċess leġiżlattiv malajr kemm jista' jkun u biex jirrispettaw il-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera kif stabbilit fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE);

2.  Jappella b'urġenza lill-presidenza Finlandiża biex terġa' tibda u tipprijoritizza l-ħidma dwar il-proposta għal CBCR pubbliku abbażi tal-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari sabiex tkun tista' tiġi kkunsidrata l-proposta fil-COREPER;

3.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni li jmiss tenniet l-appoġġ sħiħ tagħha għal adozzjoni fil-pront tal-proposta għal CBCR pubbliku;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P8_TA(2017)0284.
(2) Testi adottati, P8_TA(2019)0309.
(3) O-000015/2018 (B8-0013/2018).
(4) rapport verbatim tas-seduta ta' smigħ disponibbli fuq https://www.europarl.europa.eu/resources/library/media/20191008RES63730/20191008RES63730.pdf.
(5) rapport verbatim tas-seduta ta' smigħ disponibbli fuq https://www.europarl.europa.eu/resources/library/media/20191009RES63801/20191009RES63801.pdf.
(6) ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338.

Aġġornata l-aħħar: 25 ta' Ottubru 2019Avviż legali