Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2886(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0123/2019

Dibattiti :

PV 23/10/2019 - 7
CRE 23/10/2019 - 7

Votazzjonijiet :

PV 24/10/2019 - 8.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2019)0049

Testi adottati
PDF 160kWORD 53k
Il-Ħamis, 24 ta' Ottubru 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
L-operazzjoni militari Torka fil-Grigal tas-Sirja u l-konsegwenzi tagħha
P9_TA-PROV(2019)0049RC-B9-0123/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ottubru 2019 dwar l-operazzjoni militari Torka fil-Grigal tas-Sirja u l-konsegwenzi tagħha (2019/2886(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar it-Turkija tas-17 ta' Ottubru 2019,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar is-Sirja tal-14 ta' Ottubru 2019,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet rilevanti tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), u b'mod partikolari d-dikjarazzjoni tagħha tad-9 ta' Ottubru 2019 dwar l-iżviluppi reċenti fil-Grigal tas-Sirja u l-kummenti li għamlet kif waslet għall-konferenza stampa u waqt l-istess konferenza stampa li saret wara l-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-14 ta' Ottubru 2019,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar reġim Ewropew ta' sanzjonijiet għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Presidenti tal-Kumitati għall-Affarijiet Barranin tal-Ġermanja, Franza, ir-Renju Unit, il-Parlament Ewropew u l-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti tal-Amerika tat-18 ta' Ottubru 2019,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta Stati Uniti-Turkija dwar il-Grigal tas-Sirja tas-17 ta' Ottubru 2019,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kelliem għall-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-Sirja, Rupert Colville, tal-11 u l-15 ta' Ottubru 2019,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO tal-14 ta' Ottubru 2019,

–  wara li kkunsidra l-komunikat tal-Lega Għarbija tat-12 ta' Ottubru 2019 dwar l-operazzjoni militari Torka fil-Grigal tas-Sirja,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-14 ta' Marzu 2017 dwar elementi għal strateġija tal-UE għas-Sirja (JOIN(2017)0011) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-3 ta' April 2017 dwar strateġija tal-UE għas-Sirja,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-konvenzjonijiet kollha tan-NU li għalihom is-Sirja u t-Turkija huma Stati Partijiet,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU), b'mod partikolari r-riżoluzzjoni 2254 (2015) tat-18 ta' Diċembru 2015 u l-Komunikat ta' Ġinevra tal-2012,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 71/248 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-21 ta' Diċembru 2016 li tistabbilixxi Mekkaniżmu Internazzjonali, Imparzjali u Indipendenti biex Jassisti fl-Investigazzjoni u l-Prosekuzzjoni tal-Persuni Responsabbli għad-Delitti l-Aktar Serji skont id-Dritt Internazzjonali li Twettqu fir-Repubblika Għarbija Sirjana sa minn Marzu 2011,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma u d-dokumenti kostituttivi tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, kif ukoll il-preċedent li nħoloq bit-twaqqif ta' tribunali internazzjonali bħat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja, it-Tribunal Kriminali Internazzjonali għar-Rwanda u t-Tribunal Speċjali għal-Libanu,

–  wara li kkunsidra l-memorandum dwar il-ħolqien ta' żoni għat-tnaqqis tat-tensjonijiet fir-Repubblika Għarbija Sirjana, iffirmat mill-Iran, ir-Russja u t-Turkija fis-6 ta' Mejju 2017,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali tagħhom,

–  wara li kkunsidra t-Trattat tan-NATO tal-1949,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi tal-1993;

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill adottati fis-16 ta' Marzu 2015 dwar l-istrateġija reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll għat-theddida tal-ISIL/Da'esh,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2019 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2018 dwar it-Turkija(2), li fiha rrakkomanda lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex, skont il-Qafas ta' Negozjar, jissospendu formalment in-negozjati kollha mat-Turkija dwar l-adeżjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi wara d-deċiżjoni tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump li jirtira t-truppi Amerikani mill-Grigal tas-Sirja, fid-9 ta' Ottubru 2019 it-Turkija varat invażjoni militari (Operazzjoni Rebbiegħa tal-Paċi), bi ksur tad-dritt internazzjonali, f'żoni kkontrollati mill-Forzi Demokratiċi Sirjani (FDS); billi dan wassal għal għadd kbir ta' vittmi ċivili u militari fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera u, skont sorsi tan-NU, ikkawża l-ispostament ta' mill-inqas 300 000 ċittadin, inklużi 70 000 tifel u tifla; billi l-KSNU għadu ma ħax azzjoni dwar il-kriżi, minkejja l-għaqda li wriet l-UE;

B.  billi, fit-18 ta' Ottubru 2019, l-Istati Uniti u t-Turkija ħabbru waqfien mill-ġlied immedjat ta' ħamest ijiem fir-reġjun tal-fruntiera mas-Sirja; billi dan il-ftehim huwa wieħed temporanju għax it-Turkija ma qablitx li tirtira t-truppi tagħha mill-Grigal tas-Sirja; billi l-mod li bih jiġi implimentat il-waqfien mill-ġlied għadu mhux ċar; billi fit-22 ta' Ottubru 2019 saret il-laqgħa bejn il-Presidenti Erdoğan u Putin;

C.  billi l-Kunsill ikkundanna l-operazzjoni Torka u wiegħed li jieħu passi inizjali rigward il-bejgħ ta' armi lit-Turkija; billi għadd ta' Stati Membri tal-UE diġà ssospendew b'mod formali l-bejgħ ta' armi lit-Turkija, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari(3);

D.  billi l-Kunsill, fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, daħħal sensiela ta' miżuri restrittivi fil-konfront ta' individwi responsabbli mir-repressjoni vjolenti tal-popolazzjoni ċivili fis-Sirja kif ukoll individwi u entitajiet assoċjati magħhom; billi l-Istati Uniti imponew sanzjonijiet fuq ministeri u uffiċjali għolja tal-gvern Tork b'reazzjoni għall-offensiva militari tal-pajjiż fit-Tramuntana tas-Sirja;

E.  billi din l-operazzjoni militari unilaterali Torka m'għandha l-ebda bażi legali u qed tiggrava l-kunflitt fis-Sirja li ilu għaddej tmien snin; billi l-konsegwenzi tal-operazzjoni qed ikunu ta' dannu serju għall-isforzi magħmula mill-Koalizzjoni Globali kontra d-Da'esh, li fiha l-forzi tal-FDS għad għandhom rwol essenzjali fil-ġlieda kontra l-ġellieda tal-ISIS li għadhom attivi;

F.  billi l-pożizzjoni uffiċjali tal-UE hi li tibqa' impenjata favur l-unità, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Istat Sirjan; billi dawn l-għanijiet ma jistgħux jiġu ggarantiti ħlief permezz ta' tranżizzjoni politika ġenwina f'konformità mar-riżoluzzjoni 2254 tal-KSNU u l-Komunikat ta' Ġinevra tal-2012, li ġie nnegozjat mill-partijiet Sirjani fil-qafas tal-proċess ta' Ġinevra mmexxi min-NU; billi, taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti, intlaħaq ftehim mill-Gvern tar-Repubblika Għarbija Sirjana u l-Kummissjoni tan-Negozjati Sirjana biex jiġi stabbilit Kumitat Kostituzzjonali kredibbli, ibbilanċjat u inklużiv li għandu jiffaċilita soluzzjoni politika għall-gwerra Sirjana, li issa jaf ma sseħħx minħabba l-azzjoni militari unilaterali Torka;

G.  billi kien hemm rapporti speċifiċi ta' qtil, intimidazzjoni, maltrattament, ħtif ta' persuni, sakkeġġ u sekwestru ta' djar min-naħa tal-membri ta' gruppi armati appoġġjati mit-Torok, li allegatament qed ikeċċu bil-forza minn djarhom lil persuni ċivili akkużati b'affiljazzjoni ma' gruppi Kurdi speċifiċi jew jaħtfuhom f'punti ta' kontroll; billi skont in-NU hemm rapporti ta' eżekuzzjonijiet sommarji mwettqa mill-ġellieda li jagħmlu parti mill-grupp armat Ahrar al-Sharqiya, li huwa alleat mat-Turkija; billi ġie rrappurtat li Hevrin Khalaf, politika Kurda magħrufa sew, sfat ittorturata u maqtula mill-ġellieda ta' al-Sharqiya;

H.  billi wara l-irtirar tat-truppi Amerikani, fl-14 ta' Ottubru 2019 it-truppi ta' Bashar al-Assad daħlu f'għadd ta' bliet fil-Grigal tas-Sirja għall-ewwel darba f'seba' snin wara li l-forzi Kurdi qablu ma' ftehim negozjat mir-Russja bil-ħsieb li jiġi pospost attakk min-naħa tat-Turkija; billi d-dettalji preċiżi tal-ftehim bejn Damasku u l-Kurdi għadhom mhumiex ċari; billi, skont rapporti li għadhom mhux konfermati, it-truppi Russi qed jgħassu l-linji fuq quddiem tal-kunflitt bejn il-pożizzjonijiet tal-armata Torka u dik Sirjana biex iżommuhom 'il bogħod minn xulxin;

I.  billi ġie allegat li forzi appoġġjati mit-Turkija użaw munizzjon b'kontenut ta' fosforu abjad; billi ritratti u filmati mill-isptarijiet f'Tal Tamr u al-Hasakah juru tfal bi ħruq kimiku sever; billi t-Turkija ċaħdet dawn l-akkużi; billi l-FDS talbu lill-organizzazzjonijiet internazzjonali jibagħtu esperti biex jinvestigaw il-kwistjoni; billi l-ispetturi tal-armi kimiċi tan-NU ħabbru li bdew jiġbru informazzjoni wara dawn l-akkużi;

J.  billi l-atroċitajiet imwettqa matul il-kunflitt Sirjan mir-reġim ta' Assad u l-alleati tiegħu, kif ukoll mill-ISIS/Da'esh u minn gruppi terroristiċi oħra, jinkludu attakki b'armi kimiċi, attakki fuq il-popolazzjoni ċivili, qtil extraġudizzjarju, tortura u maltrattament, għajbien furzat, arresti arbitrarji u fuq skala kbira, kastigi kollettivi, attakki kontra l-persunal mediku u ċ-ċaħda ta' ikel, ilma u għajnuna medika; billi dawn ir-reati jammontaw għal delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju, u s'issa għadha ma saritx ġustizzja;

K.  billi ġie rrappurtat li mijiet ta' allegati membri tad-Da'esh, uħud minnhom ċittadini tal-UE, flimkien mal-familji tagħhom, ħarbu mill-kustodja tal-FDS waqt l-offensiva Torka; billi dawn għandhom jinżammu milli jerġgħu jmorru jiġġieldu u jxerrdu t-terrur, bħala prijorità ewlenija għas-sigurtà tar-reġjun u tal-UE; billi l-FDS isostnu li għandhom madwar 10 000 ġellied tal-Istat Iżlamiku fil-kustodja tagħhom; billi l-parti l-kbira tal-eluf ta' tfal Ewropej li huma wlied ġellieda tal-Istat Iżlamiku bħalissa jinsabu fi tliet kampijiet differenti fil-Grigal tas-Sirja – Al Hol, Roj u Ein Issa – li huma affettwati serjament mill-offensiva Torka;

L.  billi l-istabbiliment ta' żoni sikuri fis-Sirja jqajjem tħassib serju dwar is-sikurezza tal-persuni spostati minħabba l-kunflitt u ta' dawk li għandhom mnejn jiġu rilokati mit-Turkija; billi l-ispostament furzat tal-persuni, inkluż għal finijiet ta' tibdil demografiku, jikkostitwixxi ksur ċar tad-dritt umanitarju internazzjonali, huwa delitt kontra l-umanità u jista' jwassal għal bidliet demografiċi u etniċi; billi ż-żoni sikuri fil-kuntest ta' kunflitti militari spiss isiru "żoni ta' gwerra" għall-popolazzjoni ċivili;

M.  billi, f'diversi provinċji, skont rapporti kredibbli, l-awtoritajiet Torok qed iżommu b'mod arbitrarju għexieren ta' Sirjani u jirritornawhom bil-forza lejn it-Tramuntana tas-Sirja, u dan ilu għaddej minn Lulju 2019, bi ksur tal-obbligu internazzjonali tat-Turkija li ma tirritorna lil ħadd f'post fejn ikun jiffaċċja riskju reali ta' persekuzzjoni, tortura, maltrattament jew theddida għal ħajtu;

N.  billi sa mill-bidu tal-intervent militari l-awtoritajiet Torok għamlu kampanja ta' repressjoni ħarxa kontra kull min jikkritika l-operazzjoni militari bl-użu ta' liġijiet Torok kontra t-terroriżmu; billi l-awtoritajiet Torok nedew investigazzjonijiet f'aktar minn 500 kont tal-midja soċjali, b'akkużi li qed ixerrdu "propaganda terroristika"; billi skont il-Ministru tal-Intern tat-Turkija, 121 persuna diġà ġew arrestati għall-posts tagħhom fuq il-midja soċjali fejn ikkritikaw l-operazzjoni militari; billi sa mill-bidu tal-operazzjoni ġew arrestati aktar minn 150 membru tal-Partit Demokratiku tal-Popli (HDP);

O.  billi l-parti l-kbira tal-organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali ġew imġiegħla jissospendu l-operazzjonijiet u jevakwaw lill-membri tal-persunal internazzjonali tagħhom minħabba biża' relatat mas-sigurtà; billi l-ħolqien ta' ostakli għal għajnuna umanitarja, kura medika u evakwazzjonijiet sikuri, sostnuti u bla xkiel jikkostitwixxi wkoll ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali u ta' diversi riżoluzzjonijiet tal-KSNU; billi n-NU u s-sħab tagħha qed ikomplu jipprovdu provvisti umanitarji lil għexieren ta' eluf ta' persuni spostati minħabba l-vjolenza;

P.  billi l-komunità internazzjonali u l-Istati individwali għandhom ir-responsabbiltà jaraw li dawk responsabbli mill-ksur tad-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali mwettaq tul il-kunflitt Sirjan jagħtu kont ta' għemilhom, anke bl-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ġurisdizzjoni universali u l-leġiżlazzjoni nazzjonali; billi dan jista' jsir fi qrati u tribunali nazzjonali u internazzjonali eżistenti jew fi tribunali kriminali internazzjonali ad hoc li għad iridu jitwaqqfu;

Q.  billi l-unjoni doganali bejn it-Turkija u l-UE daħlet fis-seħħ fl-1995 u qatt ma nbidlet minn dakinhar 'l hawn; billi, minħabba f'hekk, il-valur tal-kummerċ bilaterali żdied b'aktar minn erba' darbiet; billi, fl-2018, it-Turkija baqgħet il-ħames l-akbar sieħba kummerċjali tal-UE b'mod ġenerali, filwaqt li l-UE hija fil-wisa' l-aktar sieħba kummerċjali importanti tat-Turkija kif ukoll is-sors ewlieni tagħha ta' investiment dirett barrani (IDB); billi, fl-2018, l-inizjattiva biex tiġi mmodernizzata l-unjoni doganali ġiet sospiża mill-UE minħabba l-iżviluppi politiċi inkwetanti fit-Turkija;

R.  billi t-Turkija għadha sieħba ewlenija tal-UE, membru tan-NATO u parteċipanti importanti fil-kriżi Sirjana u fir-reġjun; billi l-Artikolu 1 tat-Trattat tan-NATO jipprovdi li l-partijiet għat-Trattat jimpenjaw ruħhom li jsolvu kwalunkwe tilwim internazzjonali li jistgħu jkunu involuti fih b'mezzi paċifiċi b'tali mod li l-paċi u s-sigurtà internazzjonali u l-ġustizzja ma jiġux ipperikolati, u li fir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom iżommu lura milli jirrikorru għat-theddida jew għall-użu tal-forza bi kwalunkwe mod li jkun inkonsistenti mal-iskopijiet tan-Nazzjonijiet Uniti;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-intervent militari unilaterali Tork fil-Grigal tas-Sirja, li jikkostitwixxi ksur serju tad-dritt internazzjonali, qed idgħajjef l-istabbiltà u s-sigurtà tar-reġjun kollu, qed ikun kaġun ta' aktar sofferenza għal nies li diġà huma milquta mill-gwerra, u dan iwassal għall-ispostament tal-massa ta' persuni ċivili, u jista' jikkontribwixxi għall-qawmien mill-ġdid tad-Da'esh, li jibqa' theddida għas-sigurtà fis-Sirja, fit-Turkija, fir-reġjun kollu, fl-UE u globalment, u qed jostakola l-aċċess għall-assistenza umanitarja;

2.  Iħeġġeġ lit-Turkija ttemm b'mod immedjat u definittiv l-operazzjoni militari tagħha fil-Grigal tas-Sirja u tirtira l-forzi kollha tagħha mit-territorju Sirjan; jisħaq li l-operazzjoni militari mhux se tindirizza t-tħassib sottostanti dwar is-sigurtà tal-pajjiż; jitlob rispett sħiħ għad-dritt umanitarju, inkluż il-ħarsien tal-popolazzjoni ċivili, u li l-organizzazzjonijiet umanitarji lokali u internazzjonali jingħataw aċċess bla xkiel;

3.  Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-Kurdi u mal-abitanti l-oħra kollha tar-reġjun; jenfasizza l-kontibut importanti tal-Forzi Demokratiċi Sirjani (FDS), b'mod partikolari n-nisa, bħala alleati fil-ġlieda kontra d-Da'esh u talli affermaw mill-ġdid l-importanza tal-libertà u tad-drittijiet ċivili fl-iżvilupp tal-ħajja soċjali, politika u kulturali tar-reġjun tas-Sirja b'maġġoranza Kurda;

4.  Jistieden lill-VP/RGħ tieħu l-pożizzjoni tal-UE għand l-awtoritajiet Torok u tqiegħed il-pedament għal tweġiba b'saħħitha u komprensiva min-naħa tal-UE għal din il-kriżi; iħeġġiġha tibda djalogu mal-awtoritajiet Torok bil-għan li jkun previst tnaqqis rapidu fit‑tensjonijiet u tinstab soluzzjoni sostenibbli għall-kriżi; jissottolinja li l-UE għandha tikkunsidra l-għażliet kollha disponibbli fil-ħidma mas-sħab internazzjonali tagħha, fil-kuntest tal-qafas tan-NU;

5.  Jieħu nota tal-ftehim bejn l-Istati Uniti u t-Turkija tas-17 ta' Ottubru 2019 dwar waqfien temporanju mill-ġlied; jesprimi tħassib, madankollu, li d-dispożizzjonijiet tiegħu jilleġittimizzaw l-okkupazzjoni Torka taż-"żona sikura" fil-Grigal tas-Sirja; jesprimi, barra minn hekk, tħassib kbir li l-ftehim jirrikjedi mhux biss l-ispostament tal-popolazzjoni lokali bħall-Kurdi, il-Yazidi u l-Assirjani u tal-minoranzi Turkmeni, Armeni, Għarab u oħrajn, iżda wkoll ir-rilokazzjoni tagħhom lejn iż-żoni b'maġġoranza Għarbija, qagħda li tista' toħloq tensjonijiet ġodda u theddid ġdid għas-sikurezza tal-popolazzjonijiet ċivili;

6.  Jinsisti li għandu jkun hemm soluzzjoni politika globali għall-kunflitt Sirjan ibbażata fuq ir-rikonoxximent tal-unità, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Istat Sirjan, b'rispett sħiħ għad-drittijiet tal-komponenti etniċi u reliġjużi kollha tas-soċjetà Sirjana, fi ħdan il-qafas tar-riżoluzzjoni 2254 tal-KSNU u l-Komunikat ta' Ġinevra tal-2012, li ġie nnegozjat mill-partijiet Sirjani fi ħdan il-proċess ta' Ġinevra mmexxi min-NU u li jistabbilixxi l-pedament għal tranżizzjoni politika ġenwina;

7.  Jilqa', f'dan ir-rigward, it-tnedija tal-Kumitat Kostituzzjonali u l-isforzi ta' Geir O. Pedersen, il-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għas-Sirja, li għandhom jipprovdu bażi kredibbli, ibbilanċjata u inklużiva għal proċess politiku fost is-Sirjani li jkun ħieles mill-interferenza esterna; jitlob li l-atturi rilevanti kollha fil-Grigal tas-Sirja jkunu involuti bis-sħiħ f'dan il-proċess; ifakkar li ma jista' jkun hemm l-ebda soluzzjoni militari sostenibbli għall-kunflitt u jistieden lill-partijiet kollha jirrispettaw bis-sħiħ ir-riżoluzzjonijiet tal-KSNU li jesiġu l-waqfien immedjat tal-ostilitajiet, it-tmiem tal-assedji kollha, l-aċċess umanitarju sħiħ u bla restrizzjonijiet fil-pajjiż kollu u l-protezzjoni tal-operaturi umanitarji min-naħa tal-partijiet kollha; jistieden lill-Istati Membri jerġgħu jitolbu lill-KSNU jadotta riżoluzzjoni li tippermetti lill-Kunsill jaġixxi b'mod immirat, biex fl-aħħar mill-aħħar tinħoloq żona ta' sigurtà mmexxija min-NU fit-Tramuntana tas-Sirja għall-benefiċċju tal-persuni li jgħixu hemm;

8.  Itenni l-gravità tal-konsegwenzi li ġġib magħha kwalunkwe eskalazzjoni u destabbilizzazzjoni ulterjuri fir-reġjun, kemm għar-reġjun innifsu kif ukoll għall-UE, fosthom aktar riskji għas-sigurtà, kriżijiet umanitarji u flussi migratorji; jistieden lill-Kummissjoni tħejji lill-UE fl-aspetti kollha tagħha biex tirreaġixxi bl-aħjar mod għal kwalunkwe sitwazzjoni li tista' tinqala' u tinforma lill-Parlament Ewropew bi kwalunkwe konsegwenza ta' eskalazzjoni u destabbilizzazzjoni ulterjuri fir-reġjun;

9.  Jiddispjaċih li l-Kunsill Affarijiet Barranin tal-14 ta' Ottubru 2019 ma rnexxilux jilħaq ftehim dwar embargo fuq l-armi mill-UE kollha fuq it-Turkija; jilqa', madankollu, id-deċiżjoni ta' diversi Stati Membri tal-UE li jwaqqfu l-liċenzjar tal-esportazzjoni tal-armi lejn it-Turkija, iżda jħeġġiġhom jiżguraw li s-sospensjoni tapplika wkoll għal trasferimenti li diġà ġew liċenzjati u għal trasferimenti li għadhom ma ġewx ikkonsenjati; itenni, b'mod partikolari, il-bżonn li l-Istati Membri kollha japplikaw strettament ir-regoli stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK dwar l-esportazzjoni tal-armi, fosthom il-kriterju 4 dwar l-istabbiltà reġjonali; jistieden bil-qawwa lill-VP/RGħ, li sakemm tibqa' għaddejja l-operazzjoni militari Torka fis-Sirja u jkun għad hemm il-preżenza militari Torka fil-pajjiż, tniedi inizjattiva mmirata biex timponi embargo fuq l-armi kontra t-Turkija mifrux mal-UE kollha, inklużi fuq oġġetti teknoloġiċi b'użu doppju, fid-dawl ta' allegazzjonijiet serji ta' ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali;

10.  Jistieden lill-Kunsill jimponi sensiela ta' sanzjonijiet immirati u projbizzjonijiet ta' viżi fil-konfront tal-uffiċjali Torok responsabbli mill-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem matul l-intervent militari attwali flimkien ma' proposta simili għall-uffiċjali Torok responsabbli mir-repressjoni interna fuq id-drittijiet fundamentali; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK(4) dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, b'mod partikolari l-iffriżar tal-assi tal-individwi msemmijin fiha u r-restrizzjonijiet fuq l-ammissjoni ta' persuni li qegħdin jibbenefikaw mir-reġim ta' Assad jew jappoġġjawh;

11.  Jopponi bil-qawwa l-pjanijiet tat-Turkija li tistabbilixxi l-hekk imsejħa "żona sikura" tul il-fruntiera fil-Grigal tas-Sirja; jenfasizza li kwalunkwe trasferiment furzat ta' rifuġjati Sirjani jew persuni spostati internament (IDPs) f'din iż-żona jikkostitwixxi ksur serju tad-dritt internazzjonali konvenzjonali dwar ir-rifuġjati, tad-dritt umanitarju internazzjonali u tal-prinċipju ta' non-refoulement; ifakkar li kwalunkwe ritorn ta' rifuġjati għandu jkun sikur, volontarju u dinjituż u li ċ-ċirkostanzi attwali ikunu tali li b'mod kategoriku jipprevjenu movimenti bħal dawn; jinsisti li m'għandha titwassal l-ebda assistenza tal-UE għall-istabbilizzazzjoni jew għall-iżvilupp f'tali żoni; jisħaq li l-gruppi etniċi u reliġjużi fis-Sirja għandhom id-dritt li jkomplu jgħixu jew li jirritornaw għall-artijiet storiċi u tradizzjonali tagħhom fid-dinjità u s-sikurezza;

12.  Jistieden lill-Kunsill jikkunsidra li jadotta miżuri ekonomiċi xierqa u mmirati kontra t-Turkija, li m'għandhomx jaffettwaw lis-soċjetà ċivili jew lil persuni li diġà ntlaqtu ħażin mill-kriżi ekonomika tal-pajjiż, lis-sitwazzjoni tar-rifuġjati Sirjani, jew il-parteċipazzjoni kontinwa tal-istudenti Torok fil-programmi Ewropej ta' skambju bħal Erasmus+; jistieden lill-Kunsill jikkunsidra – bħala miżura dissważiva kontra eskalazzjoni oħra tal-kunflitt fil-Grigal tas-Sirja – is-sospensjoni tal-preferenzi kummerċjali skont il-ftehim dwar il-prodotti agrikoli u, bħala l-aħħar rimedju, is-sospensjoni tal-unjoni doganali bejn l-UE u t-Turkija;

13.  Jirrimarka li l-Parlament kien proattiv fit-tnaqqis tal-finanzjament tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) II f'dawn l-aħħar snin meta kien hemm tħassib dwar nuqqas ta' rispett għad-drittijiet tal-bniedem; jikkonkludi li l-passi li ttieħdu dan l-aħħar mill-awtoritajiet Torok imorru kontra l-valuri Ewropej; isejjaħ lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-fondi tal-UE ma jintużawx biex jiffinanzjaw l-operazzjoni militari li għaddejja jew biex jiġi ffaċilitat ir-ritorn furzat tar-rifuġjati Sirjani lejn l-hekk imsejħa "żona sikura";

14.  Jinsab imħasseb għall-aħħar dwar l-allegazzjonijiet ta' użu tal-fosforu abjad mill-forzi Torok u/jew ir-rappreżentanti tagħhom fil-konfront tal-popolazzjoni ċivili, liema użu huwa pprojbit mid-dritt internazzjonali; jappoġġja bis-sħiħ il-ħidma tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW), li bdiet l-investigazzjoni dwar il-possibbiltà li ntuża l-fosforu abjad; jappella biex jittieħdu passi legali fil-konfront tal-persuni responsabbli;

15.  Jistieden lit-Turkija tiżgura r-responsabbiltà għall-atroċitajiet imwettqa mill-milizzji bi prokura tagħha, inkluż il-qtil ta' Hevrin Khalaf u qtil sommarju ieħor; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġaw il-proċess ta' dokumentazzjoni tal-ksur kollu fil-Grigal tas-Sirja u jinsistu li dawn jiġu investigati bir-reqqa u b'mod imparzjali, u li l-awturi tar-reati jiġu mħarrka;

16.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar rapporti li, f'nofs l-offensiva Torka, mijiet ta' priġunieri tal-ISIS – fosthom ħafna ġellieda barranin – qed jaħarbu minn kampijiet fit-Tramuntana tas-Sirja u b'hekk qed jiżdied ir-riskju li l-ISIS jerġa' jqum fuq saqajh; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jħejju pjanijiet ta' kontinġenza dwar it-theddid għas-sigurtà li jirriżulta mir-ritorn possibbli ta' ġellieda barranin tal-ISIS u jipproċedu bil-prosekuzzjoni f'konformità mal-istandards internazzjonali għall-atroċitajiet imwettqa minn tali individwi; jistieden lill-aġenziji tal-intelligence u s-servizzi tas-sigurtà nazzjonali jżidu l-viġilanza għall-possibbiltà li l-ġellieda barranin u l-familji tagħhom jirritornaw lura;

17.  Jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni drammatika u d-destin tat-tfal Ewropej li huma wlied ġellieda tal-Istat Iżlamiku fit-Tramuntana tas-Sirja; jistieden lill-Istati Membri jaraw li l-qagħda u l-ħtiġijiet ta' dawn it-tfal jingħataw attenzjoni speċjali sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet bażiċi tagħhom jiġu rispettati; jistieden lill-Istati Membri jżommu l-aħjar interess tat-tfal bħala l-kunsiderazzjoni primarja f'kull deċiżjoni relatata mat-tfal;

18.  Jikkonferma l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tal-Koalizzjoni Globali kontra d-Da'esh, li t-Turkija hija sħab fiha; jissottolinja li l-forzi tal-koalizzjoni u bi sħab mas-Sirja għamlu progress sinifikanti fil-kampanja biex jingħeleb id-Da'esh fis-Sirja, iżda jesprimi t-tħassib tiegħu li l-azzjoni militari unilaterali tat-Turkija qed tfixkel dan il-progress;

19.  Jilqa' l-impenn tal-UE favur l-għajnuna umanitarja li qed tingħata bħalissa lill-pajjiżi ġirien tas-Sirja, b'mod partikolari il-Ġordan, il-Libanu, it-Turkija, l-Iraq u l-Eġittu, li qed ikomplu jospitaw miljuni ta' rifuġjati; iqis li huwa inaċċettabbli li l-President Tork Recep Tayyip Erdoğan qed juża lir-rifuġjati bħala arma u biex jirrikatta lill-UE; jistieden lill-Istati Membri juru impenn aktar qawwi favur il-kondiviżjoni tar-responsabbiltà, sabiex ir-rifuġjati li qed jaħarbu miż-żoni ta' gwerra fis-Sirja jkunu jistgħu jsibu protezzjoni lil hinn mir-reġjun tal-viċinat immedjat permezz tar-risistemazzjoni; jenfasizza l-bżonn li l-prinċipju ta' non-refoulement jiġi rispettat bis-sħiħ; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jipprovdu aktar finanzjament lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan fl-Iraq biex jgħinuh ilaħħaq mal-influss ta' rifuġjati mis-Sirja;

20.  Jirrikonoxxi l-fatt li t-Turkija għandha tħassib leġittimu dwar is-sigurtà, iżda jinsisti li dan it-tħassib għandu jiġi indirizzat b'mezzi politiċi u diplomatiċi, u mhux b'azzjoni militari, bi qbil mad-dritt internazzjonali, inkluż id-dritt umanitarju;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lin-Nazzjonijiet Uniti, lit-Turkija, lill-membri tal-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għas-Sirja u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt, u jara li dan it-test jiġi tradott bl-Għarbi u bit-Tork.

(1) Testi adottati, P8_TA(2019)0215.
(2) Testi adottati, P8_TA(2019)0200).
(3) ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99.
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal-31 ta' Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 147, 1.6.2013, p. 14).

Aġġornata l-aħħar: 25 ta' Ottubru 2019Avviż legali