Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2883(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0156/2019

Dibattiti :

PV 23/10/2019 - 21
CRE 23/10/2019 - 21

Votazzjonijiet :

PV 24/10/2019 - 8.10
CRE 24/10/2019 - 8.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2019)0050

Testi adottati
PDF 145kWORD 47k
Il-Ħamis, 24 ta' Ottubru 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Il-ftuħ tan-negozjati dwar l-adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u l-Albanija
P9_TA-PROV(2019)0050RC-B9-0156/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ottubru 2019 dwar il-ftuħ ta' negozjati tal-adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u mal-Albanija (2019/2883(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Ġunju 2018, li japprovaw il-konklużjonijiet dwar it-tkabbir u l-proċess ta' stabbilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni adottati mill-Kunsill fis-26 ta' Ġunju 2018, li jistabbilixxu triq ċara lejn il-ftuħ ta' negozjati tal-adeżjoni f'Ġunju 2019,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2019, li fihom iddeċieda li, mhux aktar tard minn Ottubru 2019, jerġa' jittratta l-kwistjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinfetħu negozjati tal-adeżjoni mar-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq u mal-Albanija.

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 u t-18 ta' Ottubru 2019, li fihom iddeċieda li jerġa' jittratta l-kwistjoni tat-tkabbir qabel is-summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent f'Zagreb f'Mejju 2020,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2019 (COM(2019)0260), akkumpanjata mid-dokumenti ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni intitolati "Rapport tal-2019 dwar l-Albanija" (SWD(2019)0215) u "Rapport tal-2019 dwar il-Maċedonja ta' Fuq" (SWD(2016)0218),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Albanija u l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tal-15 ta' Frar 2017(1) u tad-29 ta' Novembru 2018(2) dwar ir-Rapporti dwar l-Albanija 2016 u 2019 tal-Kummissjoni, u dawk tal-14 ta' Ġunju 2017(3) u tad-29 ta' Novembru 2018(4) dwar ir-Rapporti tal-Kummissjoni tal-2016 u l-2018 dwar l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja/il-Maċedonja ta' Fuq,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Frar 2018 intitolata "Perspettiva kredibbli għat-tkabbir u involviment akbar tal-UE mal-Balkani tal-Punent" (COM(2018)0065),

–  wara li kkunsidra l-adeżjoni tal-Albanija man-NATO fl-2009, kif ukoll il-fatt li l-Maċedonja ta' Fuq bħalissa tinsab fi triqtha biex issir it-30 membru tan-NATO,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Sofija tas-summit UE-Balkani tal-Punent tas-17 ta' Mejju 2018 u l-Aġenda ta' Prijoritajiet ta' Sofija annessa magħha,

–  wara li kkunsidra l-ittra konġunta tat-3 ta' Ottubru 2019 mill-Presidenti Tusk, Sassoli, Juncker u l-President elett Von der Leyen dwar il-ftuħ ta' taħditiet tal-adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u mal-Albanija,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Ottubru 2013 intitolata "Strateġija tat-Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2013-2014" (COM(2013)0700),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Tessalonika tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-prospettiva tal-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Proċess ta' Berlin, li ġie varat fit-28 ta' Awissu 2014,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Finali għar-riżoluzzjoni tad-differenzi kif deskritt fir-Riżoluzzjonijiet 817 (1993) u 845 (1993) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, it-tmiem tal-Ftehim Interim tal-1995 u l-ħolqien ta' Sħubija Strateġika bejn il-Greċja u l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja tas-17 ta' Ġunju 2018, magħruf ukoll bħala l-Ftehim ta' Prespa,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2005 li jagħti lill-Maċedonja ta' Fuq l-istatus ta' kandidat għas-sħubija fl-UE, u d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-26 u s-27 ta' Ġunju 2014 li tagħti lill-Albanija l-istatus ta' pajjiż kandidat,

–  wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom u ż-żewġ pajjiżi inkwistjoni, l-Albanija u l-Maċedonja ta' Fuq,

–  wara li kkunsidra l-ftehim politiku (l-hekk imsejjaħ "Ftehim ta' Pržino") li ntlaħaq bejn l-erba' partiti politiċi ewlenin fi Skopje fit-2 ta' Ġunju u fil-15 ta' Lulju 2015, kif ukoll il-ftehim bejn l-erba' partiti dwar l-implimentazzjoni tiegħu tal-20 ta' Lulju u tal-31 ta' Awwissu 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, fl-2003, il-Kunsill Ewropew ta' Tessalonika ssottolinja l-appoġġ tiegħu għall-integrazzjoni futura tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fl-istrutturi Ewropej u ddikjara li s-sħubija aħħarija tagħhom fl-Unjoni kienet prijorità għolja għall-UE u li l-Balkani se jkunu parti integrali minn Ewropa magħquda;

B.  billi, fis-Summit UE-Balkani tal-Punent tas-17 ta' Mejju 2017, l-UE reġgħet affermat l-appoġġ inekwivoku tagħha għall-prospett ta' sħubija fl-UE għall-Balkani tal-Punent;

C.  billi l-prospett ta' sħubija fl-UE kien inċentiv fundamentali għal riformi fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; billi l-proċess ta' tkabbir kellu rwol deċiżiv fl-istabbilizzazzjoni tal-Balkani tal-Punent, li jitqies bħala reġjun ta' importanza strateġika għall-UE;

D.  billi hemm kunsens politiku u appoġġ pubbliku wiesa' għall-proċess tal-adeżjoni mal-UE, sew fil-Maċedonja ta' Fuq u sew fl-Albanija;

E.  billi l-kooperazzjoni reġjonali u r-relazzjonijiet ta' ġirien tajba huma essenzjali għall-progress tal-pajjiżi fi triqthom lejn adeżjoni mal-UE;

F.  billi kull pajjiż kandidat jiġi vvalutat individwalment fuq il-merti proprji tiegħu, u billi huma l-ħeffa u l-kwalità tar-riformi li għandhom jiddeterminaw il-kalendarju tal-adeżjoni u r-ritmu tan-negozjati;

G.  billi l-Albanija għamlet talba ta' adeżjoni mal-Unjoni Ewropea fl-2009 u billi kisbet l-istatus ta' pajjiż kandidat fl-2014; billi, fl-2016, il-Kummissjoni rrakkomandat li jinfetħu n-negozjati tal-adeżjoni mal-Albanija; billi l-Maċedonja ta' Fuq għamlet talba ta' adeżjoni mal-Unjoni Ewropea fl-2004 u billi kisbet l-istatus ta' pajjiż kandidat fl-2005; billi, mill-2009 'l hawn, il-Kummissjoni ripetutament irrakkomandat li jinfetħu negozjati tal-adeżjoni formali mal-Maċedonja ta' Fuq;

H.  billi din hija t-tielet darba li l-Kunsill Ewropew wera li mhuwiex kapaċi jilħaq deċiżjoni pożittiva dwar it-tkabbir, wara l-Kunsilli Ewropej ta' Ġunju 2018 u 2019; billi l-Kunsill Ewropew ikkonkluda li jerġa' jittratta l-kwistjoni tat-tkabbir qabel is-summit UE-Balkani tal-Punent f'Zagreb f'Mejju 2020;

I.  billi l-Maċedonja ta' Fuq, taħt l-isem preċedenti tagħha, f'Awwissu 2017 iffirmat l-hekk imsejjaħ "Trattat ta' Ħbiberija" mal-Bulgarija, li temm il-kontroversji bilaterali u qarreb iż-żewġ pajjiżi lejn xulxin permezz ta' sħubija orjentata lejn l-UE, segwit mill-Ftehim ta' Prespa mal-Greċja;

J.  billi sar progress tajjeb fir-riforma ġudizzjarja maħsuba biex tqawwi l-indipendenza, l-obbligu ta' rendikont, il-professjonalità u l-effiċjenza tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji tal-pajjiż, u biex ittejjeb il-fiduċja tan-nies fl-organi ġudizzjarji; billi r-riformi għandhom jitqiesu bħala l-aktar sforzi komprensivi f'dan il-qasam, ukoll meta jitqabblu ma' dak li l-pajjiżi l-oħra kollha fir-reġjun se jkollhom iwettqu fi triqthom lejn is-sħubija fl-UE;

K.  billi elezzjonijiet ta' malajr tħabbru fil-Maċedonja ta' Fuq b'reazzjoni għall-posponiment tad-deċiżjoni dwar il-ftuħ ta' negozjati mal-pajjiż;

1.  Jesprimi d-diżappunt kbir tiegħu għan-nuqqas ta' qbil dwar il-ftuħ ta' taħditiet tal-adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u mal-Albanija minħabba l-imblukkar min-naħa ta' Franza, id-Danimarka u n-Netherlands, peress li ż-żewġ pajjiżi għamlu sforzi konsiderevoli u jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-UE għall-ftuħ ta' negozjati tal-adeżjoni;

2.  Ifaħħar lill-Maċedonja ta' Fuq għar-riżoluzzjoni storika u sodisfaċenti tagħha ta' kwistjonijiet bilaterali diffiċli u miftuħa u talli ppromoviet relazzjonijiet ta' ġirien tajba, b'mod partikolari permezz tal-Ftehim ta' Prespa mal-Greċja, u tat-Trattat dwar il-Ħbiberija, Relazzjonijiet ta' Ġirien Tajba u Kooperazzjoni mal-Bulgarija; jistieden lill-Kunsill jikkunsidra l-messaġġi pożittivi ta' dawn il-ftehimiet u r-riperkussjonijiet negattivi tad-deċiżjoni tiegħu fuq l-istabbiltà politika, il-kooperazzjoni reġjonali u l-koeżistenza paċifika, u barra minn hekk, jifraħ lir-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq għall-kontribut tagħha għall-paċi fil-Balkani u talli tagħti eżempju eċċellenti ta' kif jinstabu soluzzjonijiet paċifiċi għal tilwimiet li jkunu ilhom għaddejjin żmien twil; jitlob li jitkomplew id-Djalogi Jean Monnet mal-Assemblea tal-Maċedonja ta' Fuq bħala strument ewlieni ta' appoġġ;

3.  Jilqa' l-fatt li l-Albanija wriet id-determinazzjoni tagħha li timxi 'l quddiem fuq l-aġenda tal-UE għal riformi u wettqet riżultati tanġibbli u sostnuti, u jilqa' wkoll ir-riformi ġudizzjarji mwettqa mill-Albanija; japprova bis-sħiħ ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Albanija b'rikonoxximent ta' dawn l-isforzi ta' riforma inkoraġġanti; iqis li ftuħ rapidu tal-proċess ta' eżami u ta' taħditiet tal-adeżjoni jkollu l-effett li jsostni u jqawwi l-ispinta għar-riformi; iqis li l-ftuħ tan-negozjati jikkostitwixxi katalist qawwi għall-implimentazzjoni tar-riformi u għall-konsolidazzjoni tal-istituzzjonijiet demokratiċi u jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-iskrutinju min-naħa tal-UE, l-obbligu ta' rendikont u r-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-minoranzi, sew fl-Albanija u sew fil-Maċedonja ta' Fuq;

4.  Jenfasizza li nondeċiżjoni bħal din hija żball strateġiku u tħalli effett detrimentali fuq il-kredibbiltà tal-UE, peress li l-integrazzjoni tal-pajjiżi eliġibbli tgħin lill-UE żżomm ir-rwol internazzjonali tagħha u tħares l-interessi tagħha, filwaqt li l-progress fit-triq lejn l-adeżjoni mal-UE għandu wkoll effett trasformattiv fuq il-pajjiżi kandidati nfushom; barra minn hekk, jistqarr li l-politika ta' tkabbir tal-UE kienet l-aktar strument effikaċi tal-politika barranija tal-Unjoni u li ż-żarmar ulterjuri tagħha jista' jwassal għal sitwazzjoni instabbli fil-viċinat immedjat tal-UE;

5.  Jinnota li riforma possibbli tal-proċess ta' tkabbir ma għandhiex tfixkel lil dawk il-pajjiżi li diġà ssodisfaw ir-rekwiżiti għall-ftuħ ta' negozjati tal-adeżjoni, u barra minn hekk jinnota li l-pajjiżi kandidati jeħtieġ li jiġu vvalutati fuq il-bażi tal-mertu proprju tagħhom abbażi ta' kriterji oġġettivi u mhux kunsiderazzjonijiet ta' aġendi politiċi domestiċi fi Stati Membri individwali, u li huma l-ħeffa u l-kwalità tar-riformi li jiddeterminaw l-iskeda ta' żmien għall-adeżjoni;

6.  Ifakkar fil-kunsens imġedded dwar it-Tkabbir approvat mill-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2006, u li wara ġie approvat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2016;

7.  Jenfasizza li n-nuqqas min-naħa tal-UE li tiftaħ negozjati tal-adeżjoni wassal għat-tnedija ta' elezzjonijiet ta' malajr fil-Maċedonja ta' Fuq, bir-riżultat li dawk li għamlu kompromessi tilfu l-kredibbiltà; iqis li dan jibgħat messaġġ negattiv lill-pajjiżi kandidati possibbli rigward ir-relazzjonijiet ta' ġirien tajba; jinnota bi tħassib li dan jista' jagħti lok biex atturi oħra barranin, li l-attivitajiet tagħhom jistgħu ma jkunux konformi mal-valuri u mal-interessi tal-UE, jinvolvu ruħhom aktar mill-qrib sew mal-Maċedonja ta' Fuq u sew mal-Albanija;

8.  Ifaħħar il-konklużjonijiet tal-Laqgħa tal-Mexxejja tal-Maċedonja ta' Fuq fl-20 ta' Ottubru 2019, li jerġgħu jaffermaw l-impenn tal-pajjiż favur il-proċess tal-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea u jenfasizzaw li ma hemmx alternattiva għall-Maċedonja ta' Fuq;

9.  Jenfasizza li din id-deċiżjoni tibgħat sinjal ta' twissija lil pajjiżi kandidati oħra u lil pajjiżi kandidati potenzjali fil-Balkani tal-Punent u toħloq opportunitajiet għal influwenzi oħra, u li tista' tbatti r-ritmu tal-implimentazzjoni ta' riformi pro-Ewropej f'pajjiżi oħra li se jissieħbu, jew saħansitra twaqqaf dik l-implimentazzjoni għalkollox;

10.  Ifakkar li ż-żgħażagħ fir-reġjun għandhom aspettattivi għoljin fir-rigward tal-adeżjoni mal-UE u jemmen li futur mingħajr perspettiva ċara jista' jwassal għal migrazzjoni mir-reġjun;

11.  Jiddispjaċih li din id-deċiżjoni timmina l-isforzi li saru mill-Parlament fil-proċess ta' tkabbir, kif ukoll l-Istrateġija għall-Balkani tal-Punent;

12.  Jiddispjaċih li l-Istati Membri ma kinux kapaċi jaslu għal deċiżjoni unanima dwar il-ftuħ tan-negozjati; jistieden lill-Istati Membri juru responsabbiltà fil-konfront tal-Albanija u tal-Maċedonja ta' Fuq u jieħdu deċiżjoni pożittiva unanima dwar il-ftuħ ta' negozjati fil-laqgħa tagħhom li jmiss, filwaqt li jżommu quddiem għajnejhom il-konsegwenzi ta' nuqqas ta' azzjoni;

13.  Iqis li l-Kummissjoni li dieħla għandha immedjatament tara fiex tinsab il-politika tat-tkabbir, fil-qies tal-effetti kkawżati mid-deċiżjoni riċenti tal-Kunsill, filwaqt li tenfasizza l-vantaġġi tat-tkabbir sew għall-pajjiżi kandidati u sew għall-Istati Membri tal-UE; jemmen, barra minn hekk, li l-Kummissjoni għandha terġa' tevalwa u temenda skont dan l-Istrateġija tagħha ta' Frar 2018 għall-Balkani tal-Punent;

14.  Itenni li, skont l-Artikolu 49 tat-TUE, kwalunkwe stat Ewropew jista' japplika biex isir membru tal-Unjoni Ewropea, dment li jaderixxi mal-kriterji ta' Copenhagen u mal-prinċipji tad-demokrazija, jirrispetta l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem u dawk tal-minoranzi u jirrispetta l-istat tad-dritt;

15.  Jitlob li l-Parlament Ewropew ikompli jintensifika l-attivitajiet tiegħu ta' appoġġ għad-demokrazija (id-Djalogi Jean Monnet u l-bini tal-kapaċitajiet) fir-reġjun, bil-għan li jiżgura li l-parlamenti jaqdu r-rwol sħiħ tagħhom bħala muturi għal riforma demokratika u li jkunu jistgħu jwettqu l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini tar-reġjun;

16.  Jitlob li l-Parlament, f'dan ir-rigward, u b'risposta għall-imblokk fi ħdan il-Kunsill Ewropew, ilaqqa' djalogu parlamentari reġjonali mat-tmexxija tal-parlamenti tal-Balkani tal-Punent, bil-għan li tiġi żviluppata strateġija dwar il-rwol tal-parlamenti biex jimbuttaw l-aġenda tal-UE favur riforma u fit-twettiq ta' miżuri konkreti li jissodisfaw l-aspirazzjonijiet Ewropej tan-nies tar-reġjun;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Maċedonja ta' Fuq u tal-Albanija u tal-pajjiżi fil-proċess tal-adeżjoni.

(1) ĠU C 252, 18.7.2018, p. 122.
(2) Testi adottati, P8_TA(2018)0481.
(3) ĠU C 331, 18.9.2018, p. 88.
(4) Testi adottati, P8_TA(2018)0480.

Aġġornata l-aħħar: 25 ta' Ottubru 2019Avviż legali