Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/0142M(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0037/2019

Testi mressqa :

A9-0037/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 28/11/2019 - 8.5

Testi adottati :

P9_TA(2019)0076

Testi adottati
PDF 148kWORD 46k
Il-Ħamis, 28 ta' Novembru 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar l-Allokazzjoni ta' Sehem fil-Kwota Tariffarja għall-importazzjonijiet ta' laħam taċ-ċanga ta' kwalità għolja (riżoluzzjoni)
P9_TA-PROV(2019)0076A9-0037/2019

Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Novembru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea dwar l-Allokazzjoni lill-Istati Uniti ta' Sehem fil-Kwota Tariffarja għal-Laħam taċ-Ċanga ta' Kwalità Għolja msemmija fil-Memorandum ta' Qbil Rivedut Rigward l-Importazzjoni tal-Laħam taċ-Ċanga minn Annimali li Ma Jkunux Ġew Ittrattati b'Ċerti Ormoni Tat-Tkabbir u Rigward id-Dazji Ogħla Applikati mill-Istati Uniti għal Ċerti Prodotti tal-Unjoni Ewropea (2014) (10681/2019 – C9-0107/2019 – 2019/0142M(NLE))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (10681/2019),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea dwar l-Allokazzjoni lill-Istati Uniti ta' Sehem fil-Kwota Tariffarja għal-Laħam taċ-Ċanga ta' Kwalità Għolja msemmija fil-Memorandum ta' Qbil Rivedut Rigward l-Importazzjoni tal-Laħam taċ-Ċanga minn Annimali Li Ma Jkunux Ġew Ittrattati b'Ċerti Ormoni tat-Tkabbir u Rigward id-Dazji Ogħla Applikati mill-Istati Uniti għal Ċerti Prodotti tal-Unjoni Ewropea (2014) (10678/2019),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C9-0107/2019),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-12 ta' Settembru 2018 dwar il-qagħda tar-relazzjonijiet UE-Stati Uniti(1), tat-3 ta' Lulju 2018 dwar id-diplomazija dwar il-klima(2) u tal-14 ta' Marzu 2019 dwar it-tibdil fil-klima – viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi(3),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta bejn l-Istati Uniti u l-UE tal-25 ta' Lulju 2018 wara ż-żjara tal-President Juncker fil-White House (Dikjarazzjoni Konġunta)(4),

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress dwar l-Implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta UE-Stati Uniti tal-25 ta' Lulju 2018(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-28 ta’ Novembru 2019(6) dwar l-abbozz ta' deċiżjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 105(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A9-0037/2019),

A.  billi l-UE u l-Istati Uniti għandhom l-akbar relazzjoni kummerċjali u ta' investiment bilaterali, igawdu l-aktar relazzjoni ekonomika integrata fid-dinja u jikkondividu valuri u interessi ekonomiċi u politiċi importanti, u dan minkejja t-tensjonijiet kummerċjali kurrenti;

B.  billi fl-2009, l-UE u l-Istati Uniti kkonkludew Memorandum ta' Qbil (MtQ, rivedut fl-2014(7)) li jipprevedi soluzzjoni interim għal tilwima li ilha għaddejja fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) rigward miżuri li l-UE imponiet fl-1989 fuq l-esportazzjonijiet ta' laħam mill-Istati Uniti li fih ormoni ta' tkabbir artifiċjali taċ-ċanga(8); billi l-MtQ stabbilixxa kwota tariffarja (KT) ta' 45 000 tunnellata għal ċanga mhux ittrattata bl-ormoni, miftuħa għall-fornituri kollha li jikkwalifikaw fl-istati membri tad-WTO;

C.  billi fl-2019, il-Kummissjoni nnegozjat allokazzjoni ġdida tal-KT mal-Istati Uniti (35 000 tunnellata għall-Istati Uniti mill-45 000 tunnellata globali), filwaqt li l-fornituri l-oħra (l-Awstralja, l-Urugwaj u l-Arġentina) qablu li jikkondividu l-bqija tal-kwota;

D.  billi dan il-ftehim għandu jitqies fid-dawl tat-tnaqqis tat-tensjoni kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti li kien hemm qbil dwaru fid-Dikjarazzjoni Konġunta bejn l-Istati Uniti u l-UE tal-25 ta' Lulju 2018;

E.  billi l-Istati Uniti, huma u jinvokaw tħassib dwar is-sigurtà nazzjonali, f'Marzu 2018 imponew tariffi addizzjonali fuq l-importazzjonijiet tal-azzar u l-aluminju, u qed jheddu li japplikaw tariffi simili fuq l-importazzjonijiet ta' vetturi bil-mutur u parts ta' vetturi bil-mutur mill-UE (skont it-Taqsima 232 tat-Trade Expansion Act tal-Istati Uniti tal-1962);

F.  billi l-UE qed toġġezzjona fid-WTO għall-impożizzjoni ta' dazji anti-dumping u kumpensatorji mill-Istati Uniti fuq iż-żebbuġ Spanjol(9);

G.  billi, abbażi tad-deċiżjoni arbitrali tad-WTO ċċirkolata fit-2 ta' Ottubru 2019(10), u b'ritaljazzjoni għal sussidji illegali mill-UE li ngħataw lill-manifattur tal-inġenji tal-ajru Airbus, l-Istati Uniti fit-18 ta' Ottubru 2019 imponew tariffi fuq b'kemm jiswew USD 7,5 biljun f'importazzjonijiet mill-UE, hekk li pperikolaw parti kbira mis-setturi agrikoli tal-UE b'tariffa ta' 25 % minflok dik industrijali, inklużi l-inġenji tal-ajru b'tariffa ta' 10 %;

H.   billi l-Parlament Ewropew ripetutament ħeġġeġ lill-UE tikkunsidra modi biex iżżid il-livell ta' ambizzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi u tintegra l-ambizzjoni klimatika fil-politiki kollha tal-UE, inkluża l-politika kummerċjali, u billi huwa jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-ftehimiet kummerċjali kollha ffirmati mill-UE jkunu kompletament kompatibbli mal-Ftehim ta' Pariġi;

1.  Jilqa' dan il-ftehim mal-Istati Uniti dwar l-allokazzjoni ta' sehem fil-KT għal ċanga ta' kwalità għolja bħala soluzzjoni għal tilwima kummerċjali twila, peress li jagħti eżempju pożittiv ta' soluzzjoni negozjata bejn l-UE u l-Istati Uniti;

2.  Jilqa' u jirrikonoxxi l-fatt li l-membri l-oħra tad-WTO li jesportaw ċanga mhux ittrattata bl-ormoni lejn l-UE qablu li jappoġġjaw dan il-ftehim billi jaċċettaw li l-parti l-kbira ħafna tal-kwota tiġi allokata lill-Istati Uniti; jirrikonoxxi l-fatt li, skont il-Kummissjoni, ma ngħata l-ebda kumpens lil dawk il-membri tad-WTO talli appoġġjaw il-ftehim;

3.  Jinnota li l-ftehim ma jaffettwax il-livelli kurrenti tal-aċċess taċ-ċanga għas-suq tal-UE, u li l-kwota ġenerali tal-aċċess għas-suq tal-UE għal ċanga mhux ittrattata bl-ormoni ma tridx tiżdied; jirrikonoxxi li l-ftehim m'għandux jaffettwa l-karatteristiċi tekniċi tal-kwota, kif definit fl-Anness 2 tar-Regolament (UE) 481/2012(11), inkluża l-kwalità u t-traċċabbiltà tal-prodotti, sabiex jiġi ggarantit l-ogħla livell possibbli ta' protezzjoni għall-konsumaturi tal-UE; jinnota li l-ftehim ma jaffettwax il-projbizzjoni tal-UE fuq l-importazzjonijiet taċ-ċanga minn annimali ttrattati b'ċerti ormoni tat-tkabbir;

4.  Jappoġġja lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex issib soluzzjoni ġusta u bbilanċjata bil-għan li tikkalma t-tensjonijiet kummerċjali kurrenti, inkluż permezz ta' dan il-ftehim; jisħaq fuq l-importanza li jinstabu soluzzjonijiet negozjati, jinnota li l-UE għamlet dak kollu li tista' biex ittaffi t-tensjonijiet kummerċjali attwali; jistieden lill-Istati Uniti biex jaħdmu mal-UE f'dan ir-rigward; jiddeplora n-notifika formali tal-Istati Uniti tal-4 ta' Novembru 2019 dwar l-irtirar tagħhom mill-Ftehim ta' Pariġi; ifakkar li l-Politika Kummerċjali Komuni tal-UE trid tikkontribwixxi għall-promozzjoni tat-twettiq tal-Ftehim ta' Pariġi;

5.   Jenfasizza l-importanza li dan il-ftehim jiġi stabbilit apparti minn negozjati kummerċjali oħra li għaddejjin bejn l-Istati Uniti u l-UE, li fihom ma għandux jiġi inkluż is-settur agrikolu;

6.  Jieħu nota tan-nuqqas ta' progress fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta, għalkemm l-UE qed twettaq l-objettivi biex tnaqqas it-tensjoni kummerċjali, kif stipulat fid-Dikjarazzjoni;

7.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Istati Uniti sa issa rrifjutaw li jaħdmu mal-UE fuq soluzzjoni ġusta u bilanċjata għall-industriji rispettivi tagħna tal-inġenji tal-ajru fil-kuntest tat-tilwima Airbus/Boeing li ilha għaddejja żmien, u jistieden lill-Istati Uniti biex jibdew negozjati ħalli din tissolva; jinsab imħasseb dwar il-miżuri li ħadu l-Istati Uniti li jaffettwaw lis-settur tal-avjazzjoni Ewropew u lil bosta prodotti agroalimentari; jitlob li l-Kummissjoni timplimenta miżuri ta' appoġġ għall-produtturi Ewropej;

8.  Jistieden lill-Istati Uniti biex jirrevokaw it-tariffi unilaterali addizzjonali fuq l-azzar u l-aluminju, u dawk fuq iż-żebbuġ, u biex jirtiraw it-theddida tagħhom li jimponu tariffi addizzjonali fuq il-karozzi u l-parts tal-karozzi;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Istati Uniti tal-Amerka.

(1) Testi adottati, P8_TA(2018)0342.
(2) Testi adottati, P8_TA(2018)0280.
(3) Testi adottati, P8_TA(2019)0217.
(4) https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/STATEMENT_18_4687
(5) https://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2019/july/tradoc_158272.pdf
(6) Testi adottati, P9_TA-PROV(2019)0075.
(7) Memorandum ta' Qbil Rivedut mal-Istati Uniti tal-Amerika Rigward l-Importazzjoni taċ-Ċanga ġejja minn Annimali li Ma Jkunux Ġew Ittrattati b'Ċerti Ormoni tat-Tkabbir u Rigward id-Dazji Ogħla Applikati mill-Istati Uniti għal ċerti prodotti tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 27, 30.1.2014, p. 2).
(8) Komunikazzjoni konġunta tas-17 ta' April 2014 mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti dwar miżuri li jikkonċernaw il-laħam u l-prodotti tal-laħam (ormoni) (WT/DS26/29).
(9) Dazji Anti-Dumping u Kumpensatorji fuq Żebbuġ Misjur minn Spanja: Talba tas-17 ta' Mejju 2019 biex l-Unjoni Ewropea tistabbilixxi bord (WT/DS577/3).
(10) Il-Komunitajiet Ewropej u Ċerti Stati Membri – Miżuri li jolqtu l-Kummerċ ta' Inġenji tal-Ajru Ċivili ta' Daqs Kbir: Rikors għall-Artikolu 7.9 tal-Ftehim SCM u l-Artikolu 22.7 tad-DSU mill-Istati Uniti tal-4 ta' Ottubru 2019 (WT/DS316/42).
(11) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 481/2012 tas-7 ta' Ġunju 2012 li jistipula regoli għall-ġestjoni ta' kwota tariffarja għal ċanga ta' kwalità għolja, (ĠU L 148, 8.6.2012, p. 9).

Aġġornata l-aħħar: 29 ta' Novembru 2019Avviż legali