Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2832(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0175/2019

Testi mressqa :

B9-0175/2019

Dibattiti :

PV 27/11/2019 - 19
CRE 27/11/2019 - 19

Votazzjonijiet :

PV 28/11/2019 - 8.13
CRE 28/11/2019 - 8.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2019)0084

Testi adottati
PDF 147kWORD 47k
Il-Ħamis, 28 ta' Novembru 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
In-negozjati li għaddejjin għal Ftehim ta' Sħubija ġdid UE-AKP
P9_TA-PROV(2019)0084B9-0175/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Novembru 2019 dwar in-negozjati li għaddejjin għal Ftehim ta' Sħubija ġdid bejn l-Unjoni Ewropea u l-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (2019/2832(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 ("il-Ftehim ta' Cotonou")(1), u r-reviżjonijiet tiegħu tal-2005 u l-2010(2),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Diċembru 2017 għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati dwar Ftehim ta' Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-4 ta' Ottubru 2016 dwar il-futur tar-relazzjonijiet AKP-UE wara l-2020(4) u tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar in-negozjati li jmiss għal Ftehim ta' Sħubija ġdid bejn l-Unjoni Ewropea u l-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku(5),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar in-negozjati li għaddejjin għal Ftehim ta' Sħubija ġdid bejn l-Unjoni Ewropea u l-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (O-000035/2019 – B9‑0057/2019 u O-000036/2019 – B9‑0058/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp,

A.  billi n-negozjati għal Ftehim ta' Sħubija ġdid bejn l-Unjoni Ewropea u l-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku għadhom għaddejjin u aktarx jieħdu aktar fit-tul milli kien mistenni oriġinarjament;

B.  billi s-saħħa tal-Ftehim ta' Cotonou u l-acquis tiegħu huma bbażati fuq għadd ta' karatteristiċi uniċi li jeħtieġ li jinżammu u jissaħħu;

C.   billi r-relazzjonijiet AKP-UE huma ta' importanza kbira, b'mod partikolari f'dan l-istadju fejn is-sistema multilaterali tinsab taħt pressjoni u qed jitqajmu dubji dwarha; billi l-Ftehim ta' Cotonou huwa element ewlieni tas-sistema multilaterali tagħna minħabba l-għadd ta' Stati li jiġbor flimkien u minħabba l-kontenut u l-istruttura tas-sħubija, u billi s-sħubija għandha tingħata aktar prominenza u viżibbiltà fin-Nazzjonijiet Uniti u f'fora globali oħra; billi, fl-2015, il-komunità internazzjonali ħadet impenji globali kbar bħala parti mill-Aġenda 2030 u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), il-Ftehim ta' Pariġi u l-Aġenda ta' Addis Ababa, u billi l-kooperazzjoni AKP-UE se tkun essenzjali biex jintlaħqu dawn l-objettivi globali;

D.   billi t-tisħiħ tad-dimensjoni parlamentari bejn l-UE u l-Grupp AKP, bis-saħħa ta' aktar effiċjenza u rappreżentattività, għandu jkun element ewlieni tas-sħubija AKP-UE l-ġdida;

E.  billi l-frekwenza u l-varjetà tal-laqgħat tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE ppermettew djalogu konsistenti matul is-snin u b'hekk ikkontribwew b'mod effikaċi għat-tisħiħ tad-diplomazija parlamentari; billi l-klima internazzjonali attwali għandha sservi ta' inċentiv biex l-Istati AKP-UE jibqgħu għaddejjin b'dan id-djalogu parlamentari u jsaħħu l-effikaċja tiegħu;

1.  Jilqa' l-progress li sar s'issa rigward in-negozjati tal-prijoritajiet strateġiċi tal-ftehim bażi u l-ħidma dwar il-protokolli reġjonali;

2.  Jieħu nota li se jkun hemm bżonn aktar żmien biex jiġu nnegozjati l-partijiet li fadal tal-ftehim u li n-negozjati ma ġewx iffinalizzati sal-aħħar ta' Ottubru 2019 kif kien mistenni oriġinarjament;

3.  Jilqa', fid-dawl tal-fatt li l-Ftehim ta' Cotonou jiskadi fi Frar 2020, id-deċiżjoni li ħa l-Kunsill tal-Ministri AKP-UE li jiddelega lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE s-setgħa li jadotta miżuri tranżizzjonali sakemm is-sħubija AKP-UE l-ġdida tidħol fis-seħħ;

4.  Jerġa' jikkonferma bil-qawwa l-pożizzjoni espressa fiż-żewġ riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-qafas ta' wara Cotonou, adottati f'Ottubru 2016 u f'Ġunju 2018 rispettivament, u jemmen li wħud mill-elementi essenzjali tal-Ftehim ta' Cotonou jeħtieġ li jiġu mtennija bis-saħħa sabiex ikunu jistgħu jitqiesu kompletament matul il-perjodu li fadal tan-negozjati;

5.  Itenni l-importanza li tissaħħaħ id-dimensjoni parlamentari tal-ftehim futur, li jeħtieġ li jiżgura r-responsabbiltà demokratika fil-livelli kollha; jisħaq li l-qafas istituzzjonali għandu jinkludi Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE; iqis din l-esiġenza bħala waħda mhux negozjabbli biex il-Parlament Ewropew jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-ftehim futur;

6.  Ifakkar li l-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE għandha rwol prominenti x'tiżvolġi biex tiżgura s-sorveljanza demokratika tal-ftehim futur u mill-ġdid jappella għat-tisħiħ tar-rwol tal-Assemblea Parlamentari Konġunta f'dak li jirrigwarda l-konsultazzjoni u l-iskrutinju; jinsab konvint li hemm bżonn laqgħat regolari fil-livell tal-AKP-UE biex tiġi żgurata sħubija b'saħħitha;

7.  Huwa tal-fehma li l-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tiżvolġi rwol ewlieni fil-kisba tal-SDGs u fil-valutazzjoni tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp; jinsab konvint li l-Assemblea Parlamentari Konġunta tippromwovi skambji dwar sfidi globali bħad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, il-governanza tajba, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-paċi u s-sigurtà, kif ukoll il-klima, l-ambjent u l-bijodiversità;

8.  Itenni l-impenn tiegħu favur il-multilateraliżmu u jappella biex ikun hemm koordinazzjoni, notevolment fi ħdan il-qafas tal-Assemblea Parlamentari Konġunta, sabiex tiġi adottata pożizzjoni konġunta AKP-UE f'fora internazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm aktar involviment ma' sħab internazzjonali oħra, kif ukoll mas-soċjetà ċivili, fit-tħejjija għal negozjati multilaterali;

9.  Iqis li l-Assemblea Parlamentari Konġunta għandha tkun magħmula minn numru ndaqs ta' rappreżentanti tal-UE u tal-AKP u li għandha tiltaqa' darbtejn fis-sena f'sessjoni plenarja, darba fl-Unjoni Ewropea u darb'oħra fi Stat AKP;

10.  Jisħaq li l-Kumitati Parlamentari tas-Sħubija Reġjonali jeħtiġilhom jiltaqgħu darba fis-sena f'kull reġjun, indipendentement mill-organizzazzjoni tal-laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri tas-Sħubija Reġjonali; jisħaq, barra minn hekk, li r-reġjonalizzazzjoni tas-sħubija UE-AKP skont il-ftehim il-ġdid, li hija maħsuba bħala inċentiv biex tiġi mħeġġa integrazzjoni reġjonali aktar profonda fost il-pajjiżi AKP, m'għandhiex tiġi implimentata b'tali mod li tkun għad-detriment tal-objettivi komuni ġenerali tal-ftehim;

11.  Itenni li wħud mill-karatteristiċi uniċi tal-Ftehim ta' Cotonou, jiġifieri r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, il-libertajiet fundamentali, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt, jeħtieġ li jinżammu u jissaħħu;

12.  Jisħaq li l-ftehim il-ġdid għandu jkompli jsaħħaħ l-idea ta' sħubija bejn partijiet indaqs, filwaqt li jqis l-ispeċifiċitajiet ta' kull pajjiż kif ukoll il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-AKP u l-UE bħala sħab magħquda u li joffru appoġġ lil xulxin fi ħdan is-sistema multilaterali; jirrimarka li, għaldaqstant, il-ftehim il-ġdid irid jagħmilha possibbli li r-relazzjoni bejn il-partijiet involuti tmur lil hinn minn sempliċement waħda ta' bejn donatur u benefiċjarju;

13.  Itenni l-importanza tad-djalogu politiku kemm għad-difiża tal-valuri komuni tagħna kif ukoll bħala parti integrali mis-sħubija u jappella biex id-djalogu politiku jintuża sistematikament, kif ukoll b'mod aktar effikaċi u proattiv, sabiex jiġu evitati l-kriżijiet politiċi;

14.  Jiddispjaċih li f'xi pajjiżi l-ispazju għas-soċjetà ċivili qiegħed jiċkien u jtenni li l-ftehim futur għandu jipprevedi rwol akbar għas-soċjetà ċivili, inklużi l-NGOs, il-gruppi difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-gruppi lokali, id-dijaspori, il-knejjes u l-assoċjazzjonijiet u l-komunitajiet reliġjużi, ir-rappreżentanti taż-żgħażagħ u tan-nisa b'mod partikolari, bil-ħsieb li jiġu ssalvagwardjati l-interessi tal-persuni b'diżabbiltà, kif ukoll il-movimenti soċjali u t-trade unions, il-fondazzjonijiet u l-popli indiġeni, u r-rappreżentanza tal-persuni vulnerabbli u emarġinati li jsofru d-diskriminazzjoni, u li dan għandu jinkiseb bis-saħħa tad-djalogu politiku u fil-livelli kollha;

15.  Jappella biex il-qerda tal-faqar u l-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli jkunu l-objettivi ġenerali tal-kooperazzjoni AKP-UE, f'konformità mal-prinċipju li "ħadd ma jitħalla barra"; itenni li l-ġlieda kontra l-esklużjoni, id-diskriminazzjoni u l-inugwaljanzi trid tkun fil-qalba ta' dan il-ftehim;

16.  Ifakkar li l-parti tal-ftehim futur iddedikata għad-drittijiet tal-bniedem għandha tinkludi kliem espliċitu dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi ta' kwalunkwe raġuni, inkluża l-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru, jew fil-konfront tat-tfal, il-persuni li jiċċaqilqu minn pajjiżhom, l-anzjani jew il-persuni b'diżabbiltà;

17.  Jisħaq fuq l-importanza tal-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa bħala xprun tal-iżvilupp u jistieden lill-UE u lill-pajjiżi tal-AKP jinkludu l-ugwaljanza bejn is-sessi bħala kwistjoni trasversali fil-ftehim; jissottolinja l-importanza li l-partijiet jimpenjaw ruħhom favur is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati u favur l-implimentazzjoni sħiħa tal-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp;

18.  Jistenna li, hija u talloka l-għajnuna finanzjarja tagħha, l-UE tagħti l-attenzjoni dovuta lill-politiki tal-pajjiżi sħab tagħha u lill-isfidi li dawn il-pajjiżi jkunu qed jiffaċċjaw, b'mod partikolari meta wieħed iqis li l-maġġoranza tal-movimenti migratorji jseħħu bejn il-pajjiżi AKP stess; itenni li l-ftehim futur irid joffri assistenza lill-komunitajiet ospitanti milquta minn għadd kbir ta' persuni spostati u jrid jindirizza l-kawżi ewlenin tal-ispostament furzat b'mod komprensiv u msejjes fuq id-drittijiet;

19.  Jilqa' l-fatt li l-kisba tal-SDGs hija meqjusa bħala objettiv ewlieni tal-ftehim futur u mill-ġdid jitlob b'insistenza li jinħolqu mekkaniżmi ta' monitoraġġ b'saħħithom biex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tal-ftehim tikkontribwixxi b'mod effikaċi għall-SDGs u tippromovihom; jisħaq fuq il-ħtieġa li kwistjonijiet trasversali, bħas-sostenibbiltà ambjentali, l-objettivi fil-qasam tat-tibdil fil-klima, il-kwistjonijiet tal-ġeneru u l-ġustizzja soċjali, jiġu integrati u inkorporati fil-politiki, il-pjanijiet u l-interventi kollha bħala parti mill-ftehim futur;

20.  Itenni l-mira ewlenija tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (EPAs) li hija l-promozzjoni tal-iżvilupp fit-tul u l-integrazzjoni reġjonali; jisħaq li l-ftehimiet kummerċjali għandhom jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli u d-drittijiet tal-bniedem u jinsisti li dawn għandhom ikunu parti integrali mill-ftehim futur;

21.  Jappella biex fl-EPAs kollha li qed jiġu nnegozjati fil-preżent u dawk kollha futuri jiġu inklużi dispożizzjonijiet infurzabbli dwar l-iżvilupp sostenibbli u d-drittijiet tal-bniedem u biex issir analiżi fil-fond dwar l-impatt tal-EPAs fuq l-ekonomiji lokali u l-kummerċ intrareġjonali bil-għan li jiġi indirizzat it-tħassib dwar l-implimentazzjoni tagħhom f'termini ta' integrazzjoni reġjonali u industrijalizzazzjoni;

22.  Jemmen li l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 u l-SDGs tirrikjedi l-parteċipazzjoni qawwija tal-awtoritajiet lokali u tal-atturi mhux statali biex tissaħħaħ is-sjieda demokratika; iqis li, biex jintlaħaq dan il-għan, ikun siewi li jiġi adottat mekkaniżmu AKP-UE ta' monitoraġġ bejn il-pari, ta' obbligu ta' rendikont u ta' rieżami, li jkun jinvolvi rappreżentanti mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, mis-soċjetà ċivili u mill-komunitajiet xjentifiċi u li jkollu d-dmir li kull sena jfassal konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet għal segwitu;

23.  Ifakkar li s-settur privat huwa sieħeb essenzjali fl-isforzi favur l-iżvilupp sostenibbli, il-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku u l-ġlieda kontra l-faqar; jappella biex il-ftehim futur ikun fih dispożizzjonijiet ċari dwar ir-rwol u r-responsabbiltajiet tal-intrapriżi li huma involuti fi sħubijiet għall-iżvilupp u jippromwovu l-prinċipji tar-responsabbiltà soċjali korporattiva, il-Patt Globali tan-NU, il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, l-istandards fundamentali tax-xogħol tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), l-istandards ambjentali u l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni;

24.  Ifakkar lill-partijiet involuti fin-negozjati jinkludu dispożizzjonijiet ambizzjużi fil-ftehim il-ġdid biex jiġġieldu l-flussi finanzjarji illeċiti u l-evażjoni tat-taxxa u jagħtu għajnuna finanzjarja u teknika lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp biex dawn ikampaw ma' standards globali emerġenti għall-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, inkluż l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni, informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja tal-kumpaniji u dwar ir-rapportar pubbliku għal kull pajjiż fir-rigward tal-kumpaniji multinazzjonali bil-għan li jintemmu l-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitti, abbażi tal-mudelli tal-G20 u tal-OECD;

25.  Itenni li l-allokazzjoni tal-għajnuna m'għandhiex tiddependi mill-kooperazzjoni mal-UE dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni, għax dan mhuwiex kompatibbli mal-prinċipji maqbula dwar l-effikaċja tal-iżvilupp;

26.  Ifakkar li l-Parlament Ewropew jeħtieġlu jkun informat minnufih u bis-sħiħ fil-fażijiet kollha tal-proċedura tan-negozjati, konformement mal-Artikolu 218(10) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u jtenni l-bżonn ta' qbil dwar it-titjib tal-arranġamenti prattiċi għall-kooperazzjoni u għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni tul iċ-ċiklu ta' ħajja kollu tal-ftehimiet internazzjonali;

27.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ministri AKP, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana, lill-Parlament Pan-Afrikan u lill-Bureau tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.

(1) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.
(2) ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3.
(3) COM(2017)0763.
(4) ĠU C 215, 19.6.2018, p. 2.
(5) Testi adottati, P8_TA(2018)0267.

Aġġornata l-aħħar: 29 ta' Novembru 2019Avviż legali