Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 18 ta' Lulju 2019 - StrasburguVerżjoni finali
Is-sitwazzjoni f'Hong Kong
 Is-sitwazzjoni fil-fruntiera Stati Uniti-Messiku
 Ir-Russja, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tal-attivisti ambjentali u talpriġunieri politiċi Ukreni
 Is-sitwazzjoni fil-Venezwela

Is-sitwazzjoni f'Hong Kong
PDF 130kWORD 53k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Lulju 2019 dwar is-sitwazzjoni f'Hong Kong (2019/2732(RSP))
P9_TA(2019)0004RC-B9-0013/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Hong Kong,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mill-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tat-12 ta' Ġunju 2019 dwar il-protesti li qed isiru kontra r-riformi proposti dwar l-estradizzjoni f'Hong Kong,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mill-Kelliem tas-SEAE tal-1 ta' Lulju 2019 dwar l-aħħar żviluppi f'Hong Kong,

–  wara li kkunsidra l-Liġi Bażika tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali (SAR) ta' Hong Kong, adottata fl-4 ta' April 1990, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1997,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Gvern tar-Renju Unit u tal-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-Kwistjoni ta' Hong Kong tad-19 ta' Diċembru 1984, magħrufa wkoll bħala d-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-8 ta' Mejju 2019, intitolata "Ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong: Rapport Annwali 2018",

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni konġunta tal-21 Summit bejn l-UE u ċ-Ċina tad-9 ta' April 2019,

–  wara li kkunsidra d-djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem, varat fl-1995, u s-37 ċiklu ta' dan id-djalogu, li sar fl-1 u t-2 ta' April 2019,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tal-VP/RGħ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2019 intitolata ''L-UE u ċ-Ċina – Prospettiva strateġika",

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra r-reviżjoni perjodika universali (UPR) tan-Nazzjonijiet Uniti dwar iċ-Ċina li saret f'Novembru 2018

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt għandhom jibqgħu fiċ-ċentru tar-relazzjoni li ilha stabbilita bejn l-UE u ċ-Ċina, bi qbil mal-impenn tal-UE li ssostni dawn il-valuri fl-azzjoni esterna tagħha, kif ukoll mal-interess li wriet iċ-Ċina li tikkonforma ma' dawn l-istess valuri fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp u internazzjonali tagħha;

B.  billi l-Gvern tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong (HKSAR) ressaq l-Abbozz ta' Liġi (Emendatorju) dwar it-Trasgressuri Maħruba u l-Assistenza Legali Reċiproka f'Materji Kriminali 2019 biex jemenda l-Ordinanza dwar it-Trasgressuri Maħrubin (FOO) u l-Ordinanza dwar l-Assistenza Legali Reċiproka f'Materji Kriminali (MLAO);

C.  billi l-mexxejja ta' Hong Kong, Carrie Lam, fid-9 ta' Lulju 2019 ħabbret li l-leġiżlazzjoni hekk mibgħuda kienet "mejta"; billi qagħdet lura milli tħabbar li l-abbozz kien se jiġi rtirat;

D.  billi l-abbozz ta' liġi propost jista' jiffaċilita li persuni jittieħdu ċ-Ċina għal raġunijiet politiċi u l-esponiment tagħhom għal sistema ġudizzjarja b'nuqqasijiet serji rigward id-drittijiet tal-bniedem; billi, skont l-emendi proposti, il-qorti ta' Hong Kong ma jkollhiex il-ġurisdizzjoni ċara u espliċita u l-obbligu legali li teżamina d-diversi drittijiet tal-bniedem involuti f'każijiet li jkunu qed jiġu ttrattati mill-qrati fiċ-Ċina kontinentali jew f'pajjiżi oħra;

E.  billi l-ġudikatura taċ-Ċina kontinentali hija nieqsa mill-indipendenza mill-gvern u mill-Partit Komunista Ċiniż u hija kkaratterizzata minn detenzjoni arbitrarja, tortura u tipi oħra ta' maltrattament, ksur serju tad-dritt għal proċess ġust, għajbien furzat u diversi sistemi ta' detenzjoni f'iżolament mid-dinja ta' barra u mingħajr proċess;

F.  billi ħafna ċittadini ta' Hong Kong, minn attivisti favur id-demokrazija għal nies tan-negozju, jibżgħu li jiġu estraditi lejn iċ-Ċina kontinentali;

G.  billi n-nies ta' Hong Kong niżlu fit-toroq f'għadd bla preċedent, u b'hekk eżerċitaw b'mod paċifiku d-dritt fundamentali tagħhom li jingħaqdu u li jipprotestaw; billi, fit-12 ta' Ġunju 2019, għaxriet ta' eluf ta' dimostranti nġabru madwar il-binja tal-Kunsill Leġiżlattiv u t-toroq ta' madwaru, filwaqt li talbu lill-gvern iwaqqa' l-emendi li kien ippropona għal-liġi ta' Hong Kong dwar l-estradizzjoni;

H.  billi aktar minn 70 NGO tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom Amnesty International, Human Rights Watch, Human Rights Monitor, l-Assoċjazzjoni tal-Avukati ta' Hong Kong u s-Soċjetà tal-Liġi ta' Hong Kong, kienu indirizzaw ittra kollettiva lill-Kap Eżekuttiv Lam, bit-talba li l-gvern tagħha jabbanduna l-abbozz ta' liġi dwar l-estradizzjoni peress li kien jirrappreżenta theddida għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

I.  billi l-pulizija ta' Hong Kong użaw l-atti vjolenti ta' għadd żgħir ta' dimostranti bħala skuża biex jużaw forza bla bżonn u eċċessiva kontra l-maġġoranza enormi paċifika, inkluż l-użu ta' gass tad-dmugħ, balal tal-gomma, munizzjoni "beanbag" u sprej tal-bżar, ikkaratterizzaw l-inċident bħala rewwixta u b'hekk għaddew biex jagħmlu diversi tużżani ta' arresti; billi diversi persuni ġew akkużati li ħadu sehem f'rewwixta, offiża punibbli b'sentenza ta' 10 snin ħabs;

J.  billi, tul is-snin, in-nies ta' Hong Kong raw dimostrazzjonijiet tal-massa favur id-demokrazija u l-implimentazzjoni sħiħa tal-Liġi Bażika, bħall-protesti tal-2014 mill-hekk imsejjaħ "Moviment tal-Umbrelel", kif ukoll favur il-libertajiet tal-midja u, fost l-oħrajn, kontra l-għajbien tal-bejjiegħa tal-kotba ta' Hong Kong;

K.  billi, fi tmiem l-2015, għebu erba' residenti ta' Hong Kong, fosthom Gui Minhai, u persuna mhux residenti assoċjata mad-dar ta' pubblikazzjoni Mighty Current u mal-ħanut tal-kotba tagħha; billi, xhur wara, sar magħruf li kienu qed jinżammu fiċ-Ċina kontinentali f'postijiet mhux żvelati; billi, minn dakinhar, wieħed mill-bejjiegħa tal-kotba li reġa' lura Hong Kong mar jgħix fit-Tajwan minħabba l-biża' li jiġi estradit;

L.  billi l-Liġi Bażika tistabbilixxi dispożizzjonijiet li jiggarantixxu protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet individwali; billi l-Artikolu 27 tal-Liġi Bażika jiggarantixxi l-libertà ta' espressjoni, tal-istampa u tal-pubblikazzjoni, u l-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, ta' parteċipazzjoni f'kortej u ta' dimostrazzjoni; billi l-Artikoli 45 u 68 tal-Liġi Bażika jipprevedu li l-Kap tal-Eżekuttiv u l-membri kollha tal-Kunsill Leġiżlattiv għandhom finalment jiġu eletti b'suffraġju universali;

M.  billi l-UE tappoġġja l-prinċipju ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi" kif ukoll il-livell għoli ta' awtonomija ta' Hong Kong;

1.  Jitlob li l-Gvern tal-HKSAR jirtira l-Abbozz ta' Liġi (Emendatorja) dwar it-Trasgressuri Maħruba u l-Assistenza Legali Reċiproka f'Materji Kriminali 2019;

2.  Jitlob li l-Gvern tal-HKSAR jeħles minnufih lid-dimostranti paċifiċi u lil dawk kollha li ġew arrestati għall-eżerċizzju paċifiku tal-libertà ta' espressjoni tagħhom matul il-protesti jew fiż-żmien li wassal għalihom, u jwaqqa' l-akkużi kollha kontra dawn il-persuni;

3.  Jitlob li ssir investigazzjoni indipendenti, imparzjali, effikaċi u f'waqtha dwar l-użu tal-forza min-naħa tal-pulizija ta' Hong Kong kontra d-dimostranti;

4.  Jenfasizza li l-UE tikkondividi ħafna mill-punti ta' tħassib imqajmin miċ-ċittadini ta' Hong Kong rigward ir-riformi proposti ta' estradizzjoni u li dawn esprimiethom lill-Gvern tal-HKSAR; jissottolinja li l-abbozz ta' liġi għandu konsegwenzi estensivi għal Hong Kong u għall-poplu tiegħu, għall-UE u għaċ-ċittadini barranin, kif ukoll għall-fiduċja tan-negozju f'Hong Kong;

5.  Iħeġġeġ lill-HKSAR biex jiżgura li l-leġiżlazzjoni tiegħu tibqa' għalkollox konformi mal-obbligi internazzjonali tiegħu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż mad-dispożizzjonijiet tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u ma' dawk tal-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti;

6.  Jirrikonoxxi li n-nies ta' Hong Kong niżlu fit-toroq f'numri straordinarji f'dawn l-aħħar ġimgħat, bi stimi ta' aktar minn miljun persuna fil-9 ta' Ġunju 2019 u sa żewġ miljuni fil-ġimgħa ta' wara, f'dimostrazzjonijiet tal-massa li kienu paċifiċi fil-parti l-kbira u li kienu ġew skattati minn livelli għolja ta' tħassib rigward il-liġijiet proposti dwar l-estradizzjoni;

7.  Jissottolinja li d-drittijiet taċ-ċittadini ta' Hong Kong ġeneralment ġew irrispettati fl-HKSAR, iżda jesprimi tħassib kbir dwar id-deterjorament kostanti tad-drittijiet ċivili, tad-drittijiet politiċi u tal-libertà tal-istampa; huwa mħasseb bil-kbir minħabba l-pressjoni bla preċedent fuq il-ġurnalisti u l-awtoċensura dejjem akbar tagħhom, b'mod partikolari rigward rappurtar dwar kwistjonijiet sensittivi fiċ-Ċina kontinentali jew dwar dawk li jikkonċernaw lill-Gvern tal-HKSAR;

8.  Jenfasizza li l-Liġi Bażika tiggarantixxi l-libertà ta' espressjoni, tal-istampa u tal-pubblikazzjoni, u l-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, ta' parteċipazzjoni f'kortej u ta' dimostrazzjoni; jitlob li l-awtoritajiet f'Hong Kong u fiċ-Ċina jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet minquxa fil-Liġi Bażika għaċ-ċittadini kollha;

9.  Jikkundanna bil-qawwa l-indħil kostanti u dejjem jikber taċ-Ċina fl-affarijiet interni ta' Hong Kong, kif ukoll l-affermazzjoni reċenti miċ-Ċina li d-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika tal-1984 hija dokument storiku, u li għaldaqstant m'għadhiex valida; jenfasizza li l-Gvern Ċiniż huwa marbut mid-Dikjarazzjoni Konġunta li jirrispetta l-livell għoli ta' awtonomija tal-HKSAR kif ukoll id-drittijiet u l-libertajiet tiegħu;

10.  Jinnota bi tħassib kbir, f'dan il-kuntest, li kandidati tal-oppożizzjoni, fosthom Anges Chow u l-ex leġiżlatur Lau Siu-Lai, ma tħallewx joħorġu bħala kandidati fl-elezzjoni straordinarja għall-Kunsill Leġiżlattiv minħabba l-affiljazzjoni politika tagħhom jew il-fehmiet tagħhom;

11.  Jitlob li l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-komunità internazzjonali jaħdmu lejn l-impożizzjoni ta' mekkaniżmi xierqa ta' kontroll fuq l-esportazzjoni sabiex iċaħħdu liċ-Ċina, u b'mod partikolari lil Hong Kong, mill-aċċess għal teknoloġiji li jintużaw biex jiksru d-drittijiet bażiċi;

12.  Iħeġġeġ li ssir riforma sistematika biex jiġu implimentati elezzjonijiet diretti għall-kariga ta' Kap Eżekuttiv u għall-Kunsill Leġiżlattiv, kif minqux fil-Liġi Bażika, u jitlob li jintlaħaq ftehim dwar sistema elettorali li b'mod ġenerali tkun demokratika, ġusta, miftuħa u trasparenti, u li din tagħti lill-poplu tal-HKSAR id-dritt li jeleġġi kandidati u li joħroġ għall-elezzjoni fil-proċess tal-għażla għall-pożizzjonijiet ta' tmexxija kollha;

13.  Itenni t-talba tiegħu għar-rilaxx immedjat tal-pubblikatur Gui Minhai, ċittadin Żvediż;

14.  Jissottolinja l-impenn tal-UE li ssaħħaħ id-demokrazija, inkluż l-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, it-trasparenza, u l-libertà ta' informazzjoni u ta' espressjoni f'Hong Kong;

15.  Ifakkar fl-importanza li l-UE tkompli tqajjem il-kwistjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina f'kull djalogu politiku u dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-awtoritajiet Ċiniżi, bi qbil mal-impenn tal-UE li titkellem b'leħen b'saħħtu, ċar u magħqud fl-approċċ tagħha lejn il-pajjiż; barra minn hekk, ifakkar li, fil-proċess ta' riforma li għaddejja minnu u fl-involviment dinji dejjem akbar tagħha, iċ-Ċina għażlet li tieħu sehem fil-qafas internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem billi ffirmat firxa wiesgħa ta' trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jitlob, għalhekk, li l-UE tkompli d-djalogu maċ-Ċina sabiex tiżgura li din tirrispetta dawn l-impenji;

16.  Jitlob li l-VP/RGħ, is-SEAE u l-Istati Membri jqajmu dawn il-punti ta' tħassib kollha u jiżguraw djalogu mal-gvernijiet tal-HKSAR u taċ-Ċina;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, u lill-Kap Eżekuttiv u lill-Assemblea tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong.


Is-sitwazzjoni fil-fruntiera Stati Uniti-Messiku
PDF 134kWORD 54k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Lulju 2019 dwar is-sitwazzjoni fil-fruntiera Stati Uniti-Messiku (2019/2733(RSP))
P9_TA(2019)0005RC-B9-0014/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jistipula li l-aħjar interessi tat-tfal għandhom ikunu kunsiderazzjoni primarja u li t-tfal kollhagħandhom id-dritt li jżommu relazzjoni personali u kuntatt dirett maż-żewġ ġenituri tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet magħmula minn membri tal-Kungress tal-Istati Uniti wara li żaru ċ-ċentri ta' detenzjoni f'Lulju 2019,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Rifuġjati (il-Konvenzjoni tal-1951) u l-Protokoll dwar l-Istatus tar-Rifuġjati tal-1967,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-2008,

–  wara li kkunsidra l-inizjattivi ta' politika tal-amministrazzjoni kurrenti tal-Istati Uniti relatati mal-migrazzjoni u l-asil u l-Protokolli dwar il-Protezzjoni tal-Migranti (MPP),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, tat-8 ta' Lulju 2019,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-aġent Segretarju tad-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti tad-9 ta' Lulju 2019,

–  wara li kkunsidra l-memorandum tal-Uffiċċju tal-Ispettur Ġenerali tal-Istati Uniti (OIG) għad-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-aġent Segretarju tad-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti dwar is-sitwazzjoni fiċ-ċentru ta' akkoljenza tal-Wied tar-Rio Grande, tat-2 ta' Lulju 2019,

–  wara li kkunsidra l-Patt Globali għall-Migrazzjoni, adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-19 ta' Diċembru 2018,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza tal-Istati Uniti tal-1776,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi kemm l-Istati Uniti kif ukoll l-UE jqisu d-drittijiet tal-bniedem bħala dritt inaljenabbli u fundamentali inerenti għall-bnedmin kollha;

B.  billi f'dawn l-aħħar snin, kriżi kumplessa ta' vjolenza u ta' faqar b'saħħitha xprunat il-familji, inklużi ż-żgħażagħ u t-tfal, biex jaħarbu mill-Messiku u t-Triangolu tat-Tramuntana tal-Amerka Ċentrali – El Salvador, il-Gwatemala u l-Honduras – u jfittxu s-sikurezza, il-protezzjoni u l-istabbiltà ekonomika fl-Istati Uniti;

C.  billi l-Istati Uniti storikament hija pajjiż ta' immigrazzjoni li jiġbor fih diversi komunitajiet;

D.  billi kwalunkwe stat sovran għandu l-prerogattiva li jiddeċiedi dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul u s-soġġorn ta' ċittadini barranin, iżda fl-istess ħin irid jikkonforma mal-obbligi internazzjonali rilevanti kollha relatati mad-drittijiet tal-bniedem;

E.  billi fl-2018, l-Istati Uniti kienet l-akbar donatur bil-kbir lill-UNHCR, l-Aġenzija tan-NU għar-Rifuġjati, u b'hekk ikkontribwixxiet total ta' USD 1 589 776 543;

F.  billi l-Istati Uniti adottat miżuri stretti li jaffettwaw il-migranti u l-persuni li jfittxu asil li jaqsmu l-fruntiera fil-pajjiż fit-tfittxija tad-dritt inaljenabbli tagħhom għall-ħajja, għal-libertà u għat-tfittxija tal-kuntentizza;

G.  billi teżisti emerġenza umanitarja fil-fruntiera bejn l-Istati Uniti u l-Messiku, fejn il-migranti u persuni li jfittxu asil huma miżmuma min-naħa tal-Istati Uniti wara li jkunu qasmu l-fruntiera; billi s-sitwazzjoni li jħabbtu wiċċhom magħha t-tfal hija partikolarment allarmanti u ta' min jikkundannaha, peress li hemm mijiet li jinsabu f'kampijiet tat-tined fil-fruntiera jew li huma msakkra f'faċilitajiet ta' detenzjoni li ma jissodisfawx l-istandards minimi tad-drittijiet tal-bniedem, peress li huma ffullati żżejjed u m'għandhomx faċilitajiet adegwati għall-kura tas-saħħa, ikel diċenti u sanità xierqa;

H.  billi f'memorandum dwar is-sitwazzjoni fiċ-ċentru ta' akkoljenza tal-Wied tar-Rio Grande, l-Uffiċċju tal-Ispettur Ġenerali tal-Istati Uniti (OIG) għad-Dipartiment tas-Sigurtà Interna enfasizza "kwistjonijiet urġenti li jeħtieġu attenzjoni u azzjoni immedjata" minħabba "iffullar serju u detenzjoni mtawla ta' tfal frustiera mhux akkumpanjati, familji, u adulti waħedhom li jeħtieġu attenzjoni immedjata", u għalhekk appella għal "passi immedjati biex itaffu l-iffullar perikoluż u d-detenzjoni fit-tul tat-tfal u l-adulti fil-Wied tar-Rio Grande";

I.  billi ċ-ċaħda tat-tfal mil-libertà tagħhom abbażi tal-istatus ta' migrazzjoni tagħhom jew tal-ġenituri tagħhom qatt ma tkun fl-aħjar interessi tat-tfal, teċċedi r-rekwiżit tal-ħtieġa, issir sproporzjonata għall-aħħar u tista' tikkostitwixxi trattament krudili, inuman jew degradanti ta' tfal migranti; billi kull ċaħda tal-libertà li taffettwa lill-migranti adulti u lil persuni li jfittxu asil għandha tkun miżura tal-aħħar istanza u, jekk din ikollha sseħħ, għandha tkun għall-iqsar żmien possibbli, bis-salvagwardji ta' proċess ġust u f'kundizzjonijiet li jikkonformaw bis-sħiħ mal-istandards internazzjonali rilevanti kollha tad-drittijiet tal-bniedem;

J.  billi, skont id-data ddivulgata lil Amnesty International mill-Aġenzija tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri tal-Istati Uniti, bejn l-2017 u Awwissu 2018 ġew separati madwar 8 000 unità tal-familja wara li qasmu l-fruntiera; billi dawn l-istimi jeskludu ħafna każijiet oħra ta' separazzjoni, bħal dawk bejn it-tfal u ħuthom ikbar minnhom, iz-zijiet tagħhom, in-nanniet tagħhom u qraba oħra mhux familjari diretti tagħhom;

K.  billi mħallef federali f'San Diego ordna lill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti biex twaqqaf is-separazzjoni f'Ġunju 2018; billi, madankollu, is-separazzjonijiet komplew jiġu infurzati mid-Dwana u l-Protezzjoni tal-Fruntieri tal-Istati Uniti, skont data pprovduta lill-imħallef federali, b'tal-anqas 245 tifel u tifla li tneħħew mill-familji tagħhom minn Ġunju 2018, f'ħafna każijiet mingħajr dokumentazzjoni ċara biex tgħin biex jiġi ttraċċat il-post fejn jinsabu t-tfal;

L.  billi sa Diċembru 2018, id-Dipartiment tas-Saħħa u s-Servizzi tal-Bniedem tal-Istati Uniti identifika 2 737 tifel u tifla separati, filwaqt li rrikonoxxa li eluf oħra setgħu ġew separati mill-2017 mingħajr ma l-amministrazzjoni setgħet tidentifikahom minħabba n-nuqqas ta' sistema ta' traċċar effiċjenti;

M.  billi l-att ta' separazzjoni tal-familja u ta' detenzjoni indefinita jikkostitwixxi trattament ħażin; billi t-tfal li jgħixu f'istituzzjonijiet 'l bogħod mill-familji tagħhom huma vulnerabbli ħafna għal abbuż emozzjonali, fiżiku u psikoloġiku, li jista' jwassal għal problemi ta' żvilupp fit-tul, korrimenti u trawmi profondi, kif ukoll konsegwenzi soċjali negattivi serji;

N.  billi skont rapporti mill-Unjoni Amerikana għal-Libertajiet Ċivili u diversi dikjarazzjonijiet minn kelliema tad-Dipartimenti tal-Istati Uniti tas-Saħħa u s-Servizzi Umani u tas-Sigurtà Interna, mill-inqas sitt ulied huma magħrufa li mietu fil-kustodja tal-immigrazzjoni mis-sena li għaddiet, wara kważi għaxar snin li fihom, huwa rrappurtat, li l-ebda tifel jew tifla ma mietu waqt li kienu fil-kustodja tad-Dwana u l-Protezzjoni tal-Fruntieri tal-Istati Uniti;

O.  billi skont id-data mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), s'issa mietu 197 persuna fl-2019 li kienu qed jippruvaw jaqsmu l-fruntiera mill-Messiku għall-Istati Uniti, fosthom mill-inqas 13-il tifel u tifla; billi l-għadd ta' mwiet ilu jiżdied b'mod kostanti f'dawn l-aħħar 5 snin, b'total ta' aktar minn 1 900 mewta li seħħew bejn l-2014 u l-2018;

P.  billi f'dawn l-aħħar ġimgħat l-awtoritajiet Messikani żiedu b'mod sinifikanti l-isforzi ta' infurzar fil-politiki tal-migrazzjoni, u dan wassal għal żieda fl-għadd ta' migranti miżmuma u deportati;

Q.  billi filwaqt li jħabbtu wiċċhom ma' ċirkostanzi terribbli, il-migranti, li jiġu prinċipalment mill-Amerka Ċentrali, huma sfurzati li jivvjaġġaw u jaqsmu l-fruntiera mal-Istati Uniti; billi l-pressjoni fuq il-fruntieri tan-nofsinhar u tat-tramuntana qed twassal lil eluf ta' migranti, l-iktar nisa u tfal, jipperikolaw ħajjithom b'mod serju;

R.  billi skont il-gvern tiegħu stess, il-Messiku bħalissa qiegħed jiffaċċja kriżi ta' sigurtà pubblika vjolenti; billi skont il-Protokolli dwar il-Protezzjoni tal-Migranti (MPP) tal-Istati Uniti, il-persuni li jfittxu asil qegħdin jiġu ritornati lejn il-Messiku, inkluż f'żewġ stati tat-tramuntana li huma fost l-iktar vjolenti fil-pajjiż – Baja California u Chihuahua – u jgħixu f'kondizzjonijiet ta' prekarjetà qawwija, fejn jirriskjaw li jsiru vittmi ta' delitti gravi, bħall-ħtif ta' persuni, attakk sesswali u vjolenza;

S.  billi l-pushbacks fuq skala kbira ta' persuni li jfittxu asil, is-separazzjonijiet illegali tal-familji u d-detenzjoni arbitrarja u indefinita tal-persuni li jfittxu asil mingħajr il-possibbiltà ta' ħelsien jikkostitwixxu politiki krudili u ksur flagranti kemm tal-liġi dwar l-asil tal-Istati Uniti kif ukoll tad-dritt internazzjonali;

T.  billi fis-27 ta' Ġunju 2019, il-Kamra tad-Deputati tal-Istati Uniti approvat pakkett ta' USD 4,6 biljun biex tindirizza s-sitwazzjoni fil-fruntiera bejn l-Istati Uniti u l-Messiku;

U.  billi l-fergħat tal-Uffiċċji tan-NU għad-drittijiet tal-bniedem fil-Messiku u fl-Amerka Ċentrali ddokumentaw bosta każijiet ta' ksur u abbużi fir-rigward tal-migranti u tal-persuni li jfittxu asil fi tranżitu, inkluż l-użu ta' forza eċċessiva, iċ-ċaħda arbitrarja tal-libertà, is-separazzjoni tal-familja, ir-rifjut ta' aċċess għas-servizzi, ir-refoulement, u l-espulsjonijiet arbitrarji;

V.  billi 195 parti ffirmaw u rratifikaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal; billi l-Istati Uniti hija l-uniku stat membru tan-NU li ma rratifikatx din il-Konvenzjoni;

W.  billi s-sħubija UE-Stati Uniti hija storikament ibbażata fuq rabtiet politiċi, kulturali, ekonomiċi u storiċi qawwija, kif ukoll fuq valuri kondiviżi bħal-libertà, id-demokrazija, il-promozzjoni tal-paċi u l-istabbiltà, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; billi r-relazzjonijiet b'saħħithom bejn l-UE u l-Istati Uniti huma kruċjali biex tinbena dinja iktar demokratika, sikura u għanja;

1.  Jinsab imħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni tal-migranti u tal-persuni li jfittxu asil fil-fruntiera bejn l-Istati Uniti u l-Messiku, speċjalment it-tfal migranti;

2.  Jiddispjaċih għall-bosta mwiet li seħħew waqt il-vjaġġ tagħhom fir-rotot li jwasslu lejn il-fruntiera bejn l-Istati Uniti u l-Messiku; jesprimi s-solidarjetà totali tiegħu mal-vittmi kollha u mal-familji tagħhom;

3.  Jinsab imħasseb dwar il-kundizzjonijiet orribbli li fihom il-migranti u l-persuni li jfittxu asil, b'mod partikolari t-tfal, qed jinżammu fiċ-ċentri ta' detenzjoni tal-migranti fl-Istati Uniti, li huma nieqsa minn kura tas-saħħa adegwata, ikel diċenti u minn sanità xierqa; jiddispjaċih ħafna għall-imwiet ta' seba' migranti minorenni li seħħew f'dawn l-aħħar xhur waqt li kienu fil-kustodja tad-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti, u jappoġġja l-isforzi kollha mill-Kungress tal-Istati Uniti u mill-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti biex jipprovdu sorveljanza, investigazzjoni, trasparenza u responsabbiltà rigward iċ-ċirkostanzi li wasslu għal dawn l-imwiet;

4.  Jenfasizza li l-miżuri għall-ġestjoni tal-fruntiera jridu jikkonformaw mal-obbligi internazzjonali favur id-drittijiet tal-bniedem tal-Istati Uniti u ma għandhomx jiġu bbażati fuq politiki dejqa mmirati lejn is-sejbien, id-detenzjoni u d-deportazzjoni mgħaġġla ta' migranti irregolari;

5.  Jappella li jiġu żgurati d-drittijiet tal-bniedem, is-sikurezza u l-aċċess għal proċessi tal-asil konformi mad-drittijiet tal-bniedem, inkluż billi jinżamm il-prinċipju ta' non-refoulement u jiġu fornuti kundizzjonijiet ta' akkoljenza dinjitużi;

6.  Jiddeplora l-użu tas-separazzjoni tal-familja, li tista' toħloq trawma sistematika tat-tfal u tal-familjari diretti tagħhom, u li taħt l-amministrazzjoni kurrenti tal-Istati Uniti qed tintuża bħala għodda tal-politika tal-immigrazzjoni bil-għan li tiskoraġġixxi lill-persuni li jfittxu sikurezza;

7.  Jenfasizza li s-separazzjoni tal-familja u d-detenzjoni tal-immigranti qatt ma huma fl-aħjar interessi tat-tfal;

8.  Jinnota l-memorandum mill-OIG u rapporti simili, u jitlob lill-Istati Uniti tirrevedi l-politiki u l-prattiki ta' migrazzjoni kurrenti kollha li jiksru l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-dritt ewlieni li wieħed ifittex l-asil, il-prinċipju ta' non-refoulement u d-dritt favur id-dinjità tal-bniedem;

9.  Jappella lill-gvern tal-Istati Uniti biex itemm is-separazzjoni tal-familji, u sabiex b'urġenza jerġa' jgħaqqad it-tfal kollha li għadhom separati mill-ġenituri jew mit-tuturi tagħhom lura mal-familji tagħhom, bil-għan li tiġi żgurata r-riabilitazzjoni tagħhom, billi tingħata attenzjoni speċifika lill-bżonnijiet tat-tfal ikkonċernati;

10.  Jitlob lill-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Uniti minnufih jiżguraw li d-detenuti kollha jkollhom aċċess għad-drittijiet bażiċi tagħhom bħad-drittijiet għall-ilma, l-ikel, is-saħħa u l-kenn;

11.  Jappella lill-awtoritajiet fl-Istati Uniti sabiex b'urġenza jsibu alternattivi mhux ta' kustodja għall-migranti u għal persuni li jfittxu asil, kemm jekk tfal kif ukoll adulti; jitlob li t-tfal kkonċernati jiġu ritornati lill-familji tagħhom;

12.  Iħeġġeġ lill-gvern tal-Istati Uniti jirratifika l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal li kienet iffirmata mill-Istati Uniti fl-1995, iżda li baqgħet qatt ma ġiet adottata, sabiex l-Istati Uniti hija l-uniku pajjiż fid-dinja li ma adottax il-Konvenzjoni; iħeġġeġ lill-gvern tal-Istati Uniti jirratifika t-tielet protokoll fakultattiv għall-Konvenzjoni, dwar proċedura ta' komunikazzjoni għall-ilmenti;

13.  Jesprimi tħassib serju għall-iktar tfittxijiet riċenti mill-aġenzija tal-Istati Uniti għall-Immigrazzjoni u l-Infurzar Doganali (ICE), li qegħdin jaffettwaw migranti mhux dokumentati, primarjament dawk mill-Amerka Ċentrali, il-ġenituri tagħhom u t-tfal tagħhom u li qed iwasslu għall-kriminalizzazzjoni tagħhom;

14.  Jemmen li r-risposta għall-flussi migratorji bl-użu ta' repressjoni jew kriminalizzazzjoni tiffavorixxi l-ksenofobija, il-mibegħda u l-vjolenza;

15.  Jinsab imħasseb dwar it-tibdiliet riċenti fil-politiki migratorji adottati mill-awtoritajiet Messikani u jappella lill-Gvern Messikan jikkonforma mal-istandards internazzjonali u mal-liġi dwar id-drittijiet tal-bniedem meta jindirizza l-migrazzjoni;

16.  Iqis li l-armata mhijiex l-istrument adattat biex jiġu trattati kwistjonijiet ta' migrazzjoni; jirrimarka li s-sitwazzjoni fil-fruntiera għandha tiġi trattata minn pulizija speċjalizzata li jkunu rċevew taħriġ xieraq u li jiġu mħarrġa jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità tal-migranti;

17.  Jirrikonoxxi li l-migrazzjoni hija sfida globali u jappella lill-pajjiżi tal-oriġini, ta' tranżitu u ta' destinazzjoni biex jaħdmu flimkien ħalli jindirizzaw l-kawżi fundamentali tal-flussi ta' migrazzjoni permezz ta' approċċ komprensiv; itenni, f'dan ir-rigward, l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Patt Globali dwar ir-Rifuġjati u l-Patt Globali għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari, li jipprovdu opportunità sinifikanti ta' titjib tal-governanza tal-migrazzjoni u tal-indirizzar tal-isfidi assoċjati magħha;

18.  Itenni t-twemmin tiegħu f'kummerċ miftuħ u ġust u jesprimi l-konvinzjoni soda tiegħu li l-koerċizzjoni ekonomika u t-theddida ta' tariffi punittivi hija kontroproduċenti u ma twassalx biex pajjiżi sovrani jsibu soluzzjonijiet kostruttivi u sostenibbli għall-isfidi politiki bħall-migrazzjoni;

19.  Jagħti ġieħ lill-individwi u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jiżguraw li l-migranti jgawdu l-iktar drittijiet bażiċi, bħad-drittijiet għall-ilma, l-ikel, is-saħħa, kenn adegwat u assistenza simili oħra fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera u fir-reġjun kollu; itenni t-talba tiegħu li l-assistenza umanitarja ma tiġix kriminalizzata u jħeġġeġ lill-Kummissjoni, sabiex għal darb'oħra, tadotta l-linji gwida dwar din il-kwistjoni b'konformità mar-riżoluzzjoni tagħha tal-5 ta' Lulju 2018;

20.  Jilqa' bi pjaċir id-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem; jilqa' l-ħolqien ta' missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) jew mill-esperti rilevanti tan-NU li jkollha l-għan li tinvestiga s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-fruntiera bejn l-Istati Uniti u l-Messiku;

21.  Jimpenja ruħu li jsegwi mill-qrib l-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE fir-reġjun biex jiġi garantit standard ta' żvilupp effiċjenti, peress li dan jista' jgħin biex jiġu trattati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni sfurzata;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-President tal-Istati Uniti Donald Trump u lill-amministrazzjoni tiegħu, lill-Kungress tal-Istati Uniti kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tal-Messiku.


Ir-Russja, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tal-attivisti ambjentali u talpriġunieri politiċi Ukreni
PDF 156kWORD 58k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Lulju 2019 dwar ir-Russja, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tal-attivisti ambjentali u tal-priġunieri politiċi Ukreni (2019/2734(RSP))
P9_TA(2019)0006RC-B9-0012/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja u dwar is-sitwazzjoni fil-Krimea, b'mod partikolari dik tal-11 ta' Ġunju 2015 dwar is-sitwazzjoni militari strateġika fil-Baċir tal-Baħar l-Iswed wara l-annessjoni illegali tal-Krimea mir-Russja,(1) dik tal-10 ta' Settembru 2015 dwar ir-Russja, b'mod partikolari l-każijiet ta' Eston Kohver, Oleg Sentsov u Olexandr Kolchenko(2), dik tal-4 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Krimea, b'mod partikolari tat-Tartari tal-Krimea(3), dik tat-12 ta' Mejju 2016 dwar it-Tartari tal-Krimea(4); dik tas-16 ta' Marzu 2017 dwar il-priġunieri Ukreni fir-Russja u s-sitwazzjoni fil-Krimea(5), dik tal-5 ta' Ottubru 2017 dwar il-każijiet tal-mexxejja tat-Tatari tal-Krimea, Akhtem Chiygoz u Ilmi Umerov, u tal-ġurnalista Mykola Semena(6), dik tat-8 ta' Frar 2018 dwar ir-Russja, il-każ ta' Oyub Titiev u ċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial(7), dik tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar ir-Russja, b'mod partikolari l-każ tal-priġunier politiku Oleg Sentsov(8), dik tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Baħar ta' Azov(9), dik tal-14 ta' Frar 2019 dwar is-sitwazzjoni fiċ-Ċeċenja u l-każ ta' Oyub Titiev(10), dik tat-12 ta' Diċembru 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-UE mal-Ukrajna(11) u dik tat-12 ta' Marzu 2019 dwar l-istat tar-relazzjonijiet politiċi UE-Russja(12),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tal-25 ta' Mejju 2018 dwar il-każijiet ta' diversi detenuti fil-Krimea u f'Sevastopol, illegalment annessi, jew mit-tali reġjuni, dik tal-10 ta' Jannar 2019 dwar il-każijiet ta' ċittadini Ukreni detenuti illegalment, dik tas-17 ta' Jannar 2019 dwar id-detenzjoni illegali kontinwa ta' membri tal-militar Ukreni mir-Russja, dik tal-22 ta' Marzu 2019 dwar il-kundanna ta' Pavlo Hryb u dik tas-17 ta' April 2019 dwar id-detenzjoni illegali estiża ta' membri tal-militar Ukreni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) tat-28 ta' Ġunju 2018 dwar ċittadini Ukreni detenuti mill-Federazzjoni Russa bħala priġunieri politiċi,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-PACE tal-24 ta' Jannar 2019 dwar l-eskalazzjoni tat-tensjonijiet madwar il-Baħar ta' Azov u l-Istrett ta' Kerch u t-theddid għas-sigurtà Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-PACE tal-25 ta' Ġunju 2019 dwar it-tisħiħ tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Assemblea Parlamentari dwar il-kredenzjali u l-votazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-ordni tat-Tribunal Internazzjonali għal-Liġi tal-Baħar (ITLOS) tal-25 ta' Mejju 2019 fil-Kawża Nru 26 dwar id-detenzjoni ta' tliet bastimenti navali Ukreni,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Federazzjoni Russa, b'mod partikolari l-Kapitolu 2 dwar id-drittijiet u l-libertajiet tal-bniedem u ċ-ċittadin,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 68/262 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-27 ta' Marzu 2014 dwar l-integrità territorjali tal-Ukrajna u r-riżoluzzjoni 71/205 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tad-19 ta' Diċembru 2016 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u fil-belt ta' Sevastopol (l-Ukrajna),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Protokoll għaliha, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR), li l-Federazzjoni Russa hija parti għaliha, u l-Artikolu 7 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li t-tnejn li huma jipprevedu li ħadd ma għandu jkun soġġett għal tortura jew għal trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti, l-Artikolu 9 tal-UDHR li jipprevedi li ħadd ma għandu jkun soġġett għal arrest, detenzjoni jew eżilju arbitrarji, u l-Artikoli 19 u 20 tal-UDHR li jipprevedu rispettivament il-libertà ta' opinjoni u ta' espressjoni u l-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta' Venezja tat-18 ta' Marzu 2019 dwar il-finanzjament tal-assoċjazzjonijiet,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja tat-13 ta' Ġunju 2016 dwar il-Liġi Federali Russa Nru 129-FZ (liġi federali dwar attivitajiet mhux mixtieqa ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi barranin u internazzjonali),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-12 ta' Awwissu 1949 dwar il-Protezzjoni ta' Persuni Ċivili fi Żmien ta' Gwerra,

A.  billi l-Federazzjoni Russa, li hija marbuta bl-obbligu tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u bħala membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, ikkommettiet ruħha li tosserva l-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem;

B.  billi l-Unjoni Ewropea ma tirrikonoxxix l-infurzar tal-leġiżlazzjoni Russa fil-Krimea u f'Sevastopol u tistenna li ċ-ċittadini Ukreni kollha detenuti illegalment fil-peniżola tal-Krimea u fir-Russja jinħelsu minnufih;

C.  billi l-UE tkompli tappoġġja bis-sħiħ is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment u ttenni l-ogħla importanza tal-politika tan-nonrikonoxximent tal-annessjoni illegali tal-Krimea u ta' Sevastopol;

D.  billi l-awtoritajiet u l-mexxejja politiċi Russi qed ikomplu jħaddnu r-reġim repressiv u awtoritarju tagħhom fil-konfront taċ-ċittadini tagħhom stess, tas-soċjetà ċivili, tal-oppożizzjoni politika u tal-ħaddiema tal-midja; billi ċ-ċaqliq tar-Russja lejn tmexxija awtoritarja kellu impatt negattiv fuq ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja u fuq l-istabbiltà fl-Ewropa u fid-dinja; billi tali repressjoni tieħu wkoll il-forma tal-iskwalifika ta' kandidati tal-oppożizzjoni mill-elezzjonijiet, bħalma qed jiġri fil-preżent fil-każ tal-kandidati muniċipali, bħal Ilya Yashin, Lyubov Sobol u Ivan Zhdanov, għall-elezzjonijiet ta' Moska;

E.  billi "l-liġi dwar l-organizzazzjonijiet mhux mixtieqa" tal-2015 tat is-setgħa lill-Prosekutur Ġenerali tar-Russja jipprojbixxi organizzazzjonijiet barranin u internazzjonali meqjusa bħala "mhux mixtieqa" mingħajr ebda proċediment ġudizzjarju; billi din il-liġi qed tintuża dejjem aktar biex tippenalizza lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi Russi u lill-attivisti Russi tas-soċjetà ċivili;

F.  billi, f'diversi każijiet, saru rapporti ta' użu tat-tortura u ta' trattament krudili u degradanti; billi dawn l-allegazzjonijiet sal-lum għadhom ma ġewx investigati b'mod adegwat; billi t-tortura ntużat biex jinkisbu stqarrijiet u evidenza falza ta' ħtija; billi avukati mill-Krimea li jipprovdu assistenza legali lill-vittmi, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jirrappurtaw każijiet ta' għajbien furzat politikament motivat fil-Krimea u ġurnalisti li jirrappurtaw dwar is-sitwazzjoni tat-Tatari tal-Krimea sfaw ukoll fil-mira;

G.  billi ħafna priġunieri u detenuti ffaċċjaw kundizzjonijiet ħorox u inumani fil-ħabsijiet, b'mod li kkawżalhom dannu fiżiku u riskji psikoloġiċi għal saħħithom; billi l-priġunieri għandhom bżonn urġenti li jingħataw attenzjoni u trattament ta' natura medika;

H.  billi, fil-25 ta' Novembru 2018, 24 baħri Ukren u t-tliet bastimenti tagħhom ġew maħtufa qrib l-Istrett ta' Kerch mill-Federazzjoni Russa bl-użu tal-forza militari; billi dawn il-membri tal-militar Ukreni ilhom detenuti illegalment mill-25 ta' Novembru 2018;

I.  billi l-forzi separatisti appoġġjati mir-Russja qed iżommu mill-anqas 130 priġunier Ukren fir-reġjun ta' Donbas, inkluż mhux anqas minn 25 suldat;

J.  billi fid-digriet tiegħu tal-25 ta' Mejju 2019, ITLOS iddeċieda, bi 19-il vot favur u vot wieħed kontra, li l-Federazzjoni Russa għandha teħles minnufih il-bastimenti navali Ukreni Berdyansk, Nikopol u Yani Kapu u tirritornahom taħt il-kustodja tal-Ukrajna, kif ukoll teħles minnufih l-24 membru tal-militar Ukren li jinsabu detenuti u tippermettilhom imorru lura lejn l-Ukrajna, u li ż-żewġ partijiet għandhom jastjenu milli jieħdu kwalunkwe azzjoni li tista' taggrava jew testendi t-tilwima;

K.  billi, bħala reazzjoni għall-eskalazzjoni fl-Istrett ta' Kerch u fil-Baħar ta' Azov, inkluża d-detenzjoni illegali ta' 24 membru tal-militar Ukren, fil-15 ta' Marzu 2019 l-Unjoni Ewropea żiedet tmien uffiċjali Russi mal-lista tagħha ta' persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna;

L.  billi, skont ir-rapport tal-OHCHR tal-25 ta' Ġunju 2019, fis-27 ta' Marzu 2019 ir-Russja wettqet 26 tfittxija fid-djar u sussegwentement arrestat 24 persuna, li l-biċċa l-kbira minnhom huma attivisti Tatari tal-Krimea u li issa qed jiffaċċjaw pieni ta' priġunerija illegali sa 20 sena; billi mill-anqas 37 ċittadin Ukren ġew arrestati illegalment mir-Russja fil-Krimea okkupata illegalment fl-ewwel sitt xhur tal-2019; billi kważi kollha huma rappreżentanti tal-poplu indiġenu tat-Tatari tal-Krimea;

M.  billi, sa mill-bidu ta' Ġunju 2018, aktar minn 70 ċittadin Ukren ġew detenuti għal raġunijiet politiċi f'reġjuni differenti tal-Federazzjoni Russa u fil-Krimea okkupata; billi, skont l-istimi taċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial, sa minn Marzu 2019, 297 persuna bħalissa qed jinżammu bħala priġunieri politiċi fir-Russja, meta erba' snin ilu l-għadd tagħhom kien ta' 50, inkluż ir-reġista Oleg Sentsov, rebbieħ tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb 2018;

N.  billi, f'Diċembru 2017, Andrey Rudomakha, kap tal-NGO Environmental Watch for the North Caucausus (Osservatorju Ambjentali għall-Kawkasu tat-Tramuntana) u l-kollegi tiegħu Victor Chirikov, Aleksandr Savelyev u Vera Kholodnaya ġew attakkati brutalment minn irġiel mgħammda, u wara dan is-Sur Rudomakha ġie djanjostikat b'konkussjoni ċerebrali u bi ksur multiplu fil-wiċċ; billi, għalkemm l-awtoritajiet għandhom evidenza sostantiva għad-dispożizzjoni tagħhom, inklużi filmati b'CCTV u l-marki tas-swaba' tal-aggressuri, l-investigazzjoni ma tat l-ebda riżultat tanġibbli u t-trasgressuri u l-imħuħ li orkestraw l-attakk brutali għadhom igawdu l-impunità; billi, minflok, is-Sur Rudomakha bħalissa qed jiffaċċja investigazzjoni kriminali għad-"diffamazzjoni" ta' membru tad-Duma;

O.  billi, skont il-liġi Russa dwar "l-aġenti barranin", l-NGOs li jirċievu fondi barranin u li jkunu involuti f'xi "attività politika" jeħtiġilhom japplikaw biex ikunu inklużi f'lista speċjali tal-gvern għall-aġenti barranin, li jkunu soġġetti għal skrutinju addizzjonali u mill-qrib min-naħa tal-gvern, u għandhom l-obbligu li fil-pubblikazzjonijiet, fl-istqarrijiet għall-istampa u fir-rapporti kollha jiddikjaraw li dawn saru minn aġent barrani;

P.  billi waħda mill-aktar difensuri ambjentali antiki u prominenti fil-pajjiż, Alexandra Koroleva, kap tal-NGO Ekozaschita! (Ekodifiża!), ibbażata f'Kaliningrad, kellha taħrab mill-pajjiż u tfittex asil ġo pajjiż ieħor minħabba akkużi kriminali kontra tagħha talli naqset milli tħallas multi b'rabta mar-rifjut kontinwu tal-grupp li jirreġistra bħala "aġent barrani"; billi, jekk tinstab ħatja, hija tista' tiffaċċja piena ta' priġunerija sa sentejn;

Q.  billi Ekozaschita! hija waħda mid-49 NGO Russa li għandhom applikazzjonijiet pendenti quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (applikazzjoni Nru 9988/13), u targumenta li l-liġi dwar l-aġenti barranin tikser diversi normi tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż dwar il-libertà ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni, konklużjoni approvata mill-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem;

R.  billi, f'dawn l-aħħar xhur, infetħu mill-anqas żewġ kawżi kriminali kontra d-difensuri ambjentali Andrey Borovikov u Vyacheslav Yegorov għal ksur ripetut tal-leġiżlazzjoni dwar l-assembleji pubbliċi b'rabta ma' protesti ambjentali fir-reġjuni ta' Arkhangelsk u Moska;

S.  billi l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna, fid-dikjarazzjoni konġunta tagħhom wara s-summit l-aktar reċenti bejniethom fit-8 ta' Lulju 2019, appellaw għall-ħelsien immedjat taċ-ċittadini Ukreni kollha detenuti u miżmuma priġunieri b'mod illegali fil-peniżola tal-Krimea u fir-Russja, inklużi attivisti Tatari tal-Krimea;

T.  billi erba' priġunieri politiċi Ukreni – Oleg Sentsov, rebbieħ tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb 2018, Oleksandr Kolchenko, Oleksandr Shumkov u Volodymyr Balukh – għamlu strajk tal-ġuħ f'Ġunju 2018 bi protesta kontra d-detenzjoni kontinwa ta' priġunieri politiċi Ukreni min-naħa tar-Russja;

U.  billi l-PACE ppermettiet lid-delegazzjoni tal-Federazzjoni Russa terġa' lura fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa, l-organizzazzjoni ewlenija tal-Ewropa fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, u fil-25 ta' Ġunju 2019 reġgħet tat id-dritt tal-vot lid-delegazzjoni tal-Federazzjoni Russa, filwaqt li insistiet li dan l-impenn imġedded kellu jkun akkumpanjat minn konformità mal-valuri u n-normi tiegħu;

1.  Jistieden lill-awtoritajiet Russi jeħilsu, mingħajr aktar dewmien u mingħajr kundizzjonijiet, liċ-ċittadini Ukreni kollha detenuti illegalment u arbitrarjament(13), kemm fir-Russja kif ukoll fit-territorji temporanjament okkupati tal-Ukrajna, u jipprovdu għar-ritorn sikur tagħhom, inklużi t-Tatari tal-Krimea, id-dimostranti paċifiċi tal-Pjazza l-Ħamra tal-10 ta' Lulju 2019 detenuti reċentement, iċ-ċittadini Ukreni detenuti fuq akkużi b'motivazzjoni politika u l-24 membru tal-ekwipaġġ tal-bastimenti navali Ukreni;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet Russi biex immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet itemmu kwalunkwe att ta' fastidju, fosthom fil-livell ġudizzjarju, kontra Alexandra Koroleva u Ekozaschita!, u kontra d-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti ambjentali fil-pajjiż, u biex jippermettulhom iwettqu x-xogħol leġittimu tagħhom mingħajr ebda ndħil;

3.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jirtiraw l-hekk imsejħa liġi dwar "l-aġenti barranin" u jfittxu li jappoġġjaw u jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa, f'konformità mal-obbligi internazzjonali tal-Russja f'dan ir-rigward;

4.  Jistieden lir-Russja tippubblika lista sħiħa tal-priġunieri miżmuma fit-territorji okkupati tal-Ukrajna f'Donbas u f'Luhansk u tiffaċilita l-kuntatt tagħhom mal-familji u l-avukati;

5.  Jikkundanna bil-qawwa l-ksur kontinwu tal-prinċipji u r-regoli fundamentali tad-dritt internazzjonali min-naħa tar-Russja, b'mod partikolari r-rifjut tagħha li tikkonforma mad-deċiżjonijiet ta' tribunali u qrati internazzjonali; iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa timplimenta d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni detenuti fil-peniżola tal-Krimea u fil-Federazzjoni Russa;

6.  Jenfasizza li l-qrati Russi, kemm dawk militari kif ukoll dawk ċivili, ma għandhomx il-kompetenza biex jiġġudikaw atti mwettqa barra mit-territorju rikonoxxut internazzjonalment tar-Russja, u jindika li l-proċedimenti ġudizzjarji f'każijiet bħal dawn ma jistgħux jitqiesu leġittimi;

7.  Jistieden lill-Federazzjoni Russa tiggarantixxi aċċess bla xkiel għat-territorji okkupati Ukreni tal-Krimea u Donbas għal organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali, b'mod partikolari l-Missjoni ta' Monitoraġġ tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, il-Missjoni ta' Valutazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Krimea tal-OSKE, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, konvenzjonijiet u mekkaniżmi istituzzjonali oħra tal-Kunsill tal-Ewropa, u organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali, b'mod partikolari l-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar;

8.  Jistieden lill-awtoritajiet Russi jiżguraw kooperazzjoni sħiħa mal-Proċeduri Speċjali tan-NU, fosthom billi jistiednu lir-Rapporteur Speċjali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent, lir-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lir-Rappreżentant Speċjali dwar id-drittijiet għal-libertà ta' assemblea paċifika u ta' assoċjazzjoni jżuru l-pajjiż, sabiex dawn ikunu jistgħu jirrappurtaw dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tal-ambjent u tad-drittijiet tal-bniedem;

9.  Jindika li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Federazzjoni Russa, inklużi l-attivisti ambjentali, spiss huma soġġetti għal atti ta' fastidju, sorveljanza, attakki fiżiċi, theddidiet, rejds u tfittxijiet fl-uffiċċji u fid-djar tagħhom, kampanji ta' diffamazzjoni u malafama, fastidju ġudizzjarju, detenzjoni arbitrarja, u trattament ħażin, kif ukoll ksur tad-drittijiet għal-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda;

10.  Jipproponi li l-Unjoni Ewropea tikkunsidra li tintroduċi monitoraġġ permanenti tal-proċessi ġudizzjarji tal-vittmi ta' persekuzzjoni politika fil-Federazzjoni Russa u fil-Krimea okkupata, u jistieden lid-delegazzjoni tal-UE għar-Russja u lill-ambaxxati tal-Istati Membri jkomplu jissorveljaw u jattendu l-proċessi ġudizzjarji tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u tal-priġunieri politiċi Ukreni, u jorganizzaw missjonijiet li jinvolvu tobba indipendenti għaċ-ċittadini Ukreni detenuti għal raġunijiet politiċi fil-Federazzjoni Russa u l-Krimea okkupata, sabiex jissorveljaw il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni tagħhom u l-istat ta' saħħithom;

11.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi fil-livelli kollha jirrikonoxxu r-rwol kruċjali tad-difensuri ambjentali fil-ħarsien tal-ambjent u fl-iżgurar tar-rispett tad-drittijiet ambjentali u jikkundannaw pubblikament kull attakk, intimidazzjoni, fastidju u kriminalizzazzjoni tad-difensuri ambjentali;

12.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi ma jkomplux irażżnu l-attivitajiet paċifiċi u leġittimi tal-organizzazzjonijiet ambjentali permezz tal-fabbrikazzjoni ta' kawżi kriminali kontra attivisti ambjentali lokali, l-arrest tal-parteċipanti fi protesti lokali paċifiċi u l-impożizzjoni ta' multi sproporzjonatament kbar fuqhom;

13.  Jistieden lill-awtoritajiet Russi jieħdu l-passi legali xierqa u jużaw l-għodod legali kollha disponibbli biex jipprevjenu u jwaqqfu l-attakki kontra l-attivisti ambjentali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jiżguraw li ssir investigazzjoni effettiva u li l-persuni kkonċernati jħallsu ta' għemilhom fil-każ ta' Andrey Rudomakha u każijiet oħra ta' attakki kontra d-difensuri ambjentali;

14.  Jistieden lir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, id-delegazzjoni tal-UE għar-Russja u l-ambaxxati tal-Istati Membri tal-UE jagħtu attenzjoni kontinwa lis-sitwazzjoni tad-difensuri ambjentali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jieħdu passi addizzjonali biex jappoġġjaw id-difensuri tal-ambjent u tad-drittijiet tal-bniedem Russi;

15.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar rapporti dwar il-kundizzjonijiet tad-detenzjoni, inklużi allegazzjonijiet ta' tortura u trattament ħażin u ċ-ċaħda ta' aċċess għal kura tas-saħħa essenzjali, u għalhekk itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet Russi biex jiżguraw rispett sħiħ tad-drittijiet tal-persuni kollha detenuti, biex jiżguraw li l-priġunieri kollha jirċievu attenzjoni u trattament mediċi xierqa, u biex jirrispettaw l-etika medika, fosthom li ma jimponu ebda trattament mhux mixtieq jew tmigħ sfurzat fil-każ ta' strajks tal-ġuħ li jistgħu jammontaw għal tortura u trattament ħażin ieħor;

16.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kunsill li jipprolunga l-miżuri restrittivi; itenni l-konvinzjoni qawwija tiegħu li s-sanzjonijiet tal-UE ma għandhomx jitneħħew sakemm ir-Russja tikkonforma mal-obbligi internazzjonali tagħha, fosthom li tirrispetta l-ftehimiet ta' Minsk; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jibqgħu sodi u magħquda fl-impenn tagħhom fir-rigward tas-sanzjonijiet maqbula kontra r-Russja u jikkunsidraw miżuri mmirati kontra l-individwi responsabbli għad-detenzjoni u l-proċess ġudizzjarju tal-priġunieri politiċi; jistieden lill-komunità internazzjonali tintensifika l-pressjoni biex tiżgura l-ħelsien tal-priġunieri politiċi kollha detenuti fit-territorju okkupat mir-Russja;

17.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà li għad irid jinħatar biex isawwar strateġija komprensiva ġdida għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, immirata lejn it-tisħiħ tal-paċi u l-istabbiltà; jissottolinja li d-djalogu meħtieġ għandu jkun ibbażat fuq prinċipji sodi, fosthom ir-rispett tad-dritt internazzjonali u l-integrità territorjali tal-ġirien tar-Russja, filwaqt li fl-istess ħin isaħħaħ il-kuntatti bejn il-persuni maċ-ċittadini tar-Russja; jissottolinja li s-sanzjonijiet kontra r-Russja jistgħu jitneħħew biss meta l-pajjiż jirrispetta għalkollox l-obbligi tiegħu; jenfasizza, madankollu, li l-UE għandha wkoll tkun lesta, jekk ikun meħtieġ, li tadotta aktar sanzjonijiet, inklużi sanzjonijiet personali mmirati, u li tillimita l-aċċess għall-finanzi u t-teknoloġija jekk ir-Russja tkompli tikser id-dritt internazzjonali;

18.  Itenni l-appoġġ tiegħu favur sistema ta' sanzjonijiet tal-Unjoni Ewropea f'każ ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, l-hekk imsejjaħ Liġi Magnitsky, li għandha tissanzjona lill-awturi ta' ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, u jistieden lill-Kunsill ikompli x-xogħol tiegħu fuq din il-kwistjoni mingħajr dewmien; jenfasizza li l-awturi ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem ma għandhomx jingħataw viżi tal-UE, u lanqas ma għandhom jitħallew iżommu assi fl-Istati Membri;

19.  Itenni l-kundanna qawwija tiegħu għall-att ta' aggressjoni mwettaq mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna fil-25 ta' Novembru 2018 ħdejn l-Istrett ta' Kerch, lil hinn mix-xatt tal-Krimea okkupata illegalment; jissottolinja li l-ITLOS ordna lir-Russja teħles lill-bastimenti u lill-membri tal-militar minnufih u mingħajr kundizzjonijiet; jenfasizza li n-nuqqas ta' implimentazzjoni tal-ordni tal-ITLOS jikkostitwixxi ksur gravi ieħor tal-obbligi internazzjonali; iqis li "l-kundizzjonijiet" tar-Russja għall-ħelsien tal-bastimenti u tal-membri tal-militar, li huma deskritti fin-nota tagħha lill-Ukrajna tal-25 ta' Ġunju 2019, jikkostitwixxu kontravenzjoni tal-ordni u possibilment jiksruha saħansitra aktar billi jaggravaw jew jestendu t-tilwima;

20.  Jistieden lir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem jħares b'attenzjoni kontinwa lejn is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-peniżola tal-Krimea u fiż-żoni tal-Lvant tal-Ukrajna li mhumiex ikkontrollati mill-gvern;

21.  Jistieden lill-Federazzjoni Russa timplimenta għalkollox ir-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-27 ta' Marzu 2014 dwar l-integrità territorjali tal-Ukrajna, tad-19 ta' Diċembru 2016 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u l-belt ta' Sevastopol (l-Ukrajna), tad-19 ta' Diċembru 2017 u tat-22 ta' Diċembru 2018, u l-ordni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar miżuri proviżorji fil-kawża tal-Ukrajna vs ir-Russja rigward l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali;

22.  Ifakkar bi tħassib li ħafna mis-sentenzi tal-qrati Russi kontra priġunieri politiċi Ukreni għandhom x'jaqsmu mal-ispjunaġġ (fosthom fil-kawżi ta' Pavlo Hryb, Oleksiy Stogniy, Gleb Shabliy, Volodymyr Prysych, Volodymyr Dudka, Dmitry Shtyblikov, Yevlen Panov, Andriy Zakhtey, Valentyn Vygovskyi, Viktor Shur u Dmytro Dolgopolov), u dan ifakar fil-perjodu repressiv ta' bejn it-tletinijiet u nofs il-ħamsinijiet tas-seklu għoxrin, meta ħafna ċittadini ta' dik li dak iż-żmien kienet l-Unjoni Sovjetika kienu ġew detenuti u nstabu ħatja ta' dan;

23.  Jipprotesta kontra d-deċiżjoni maħruġa mill-Prosekutur Ġenerali tar-Russja, li tiddikjara li l-Kungress Dinji Ukren huwa theddida għas-sigurtà nazzjonali tar-Russja;

24.  Jistenna li d-deċiżjoni tal-PACE tal-25 ta' Ġunju 2019 se twassal għal titjib immedjat fir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa fir-Russja, u b'mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

25.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa, u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukrajna.

(1) ĠU C 407, 4.11.2016, p. 74.
(2) ĠU C 316, 22.9.2017, p. 198.
(3) ĠU C 35, 31.1.2018, p. 38.
(4) ĠU C 76, 28.2.2018, p. 27.
(5) ĠU C 263, 25.7.2018, p. 109.
(6) ĠU C 346, 27.9.2018, p. 86.
(7) ĠU C 463, 21.12.2018, p. 31.
(8) Testi adottati, P8_TA(2018)0259.
(9) Testi adottati, P8_TA(2018)0435.
(10) Testi adottati, P8_TA(2019)0115.
(11) Testi adottati, P8_TA(2018)0518.
(12) Testi adottati, P8_TA(2019)0157.
(13) Il-lista mhux eżawrjenti tinkludi lil: Oleh Sentsov, Oleksandr Kolchenko, Oleksiy Chyrniy, Mykola Karpyuk, Stanislav Klykh, Valentyn Vyhivskyi, Yurii Primov, Rustem Vaitov, Ruslan Zeytullayev, Ferat Sayfullayev, Viktor Shur, Andriy Kolomiyets, Roman Sushchenko, Pavlo Hryb, Oleksiy Syzonovych, Enver Mamutov, Rustem Abiltarov, Zevri Abseitov, Remzi Memetov, Henadii Lymeshko, Yevhen Panpv, Hlib Shablii, Volodymyr Prisich, Ihor Kyiashko, Teimur Abdillaiev, Uzeir Adsullaiev, Rustem Ismailov, Aider Saledinov, Emil Dzhemadenov, Volodymyr Balukh, Dmytro Shtyblikov, Muslim Aliyev, Emir Usein Kuku, Vadym Siruk, Inver Bekirov, Refat Alimov, Arsen Dzhepparov, Oleksandr Shumkov, Tofik Abdulgaziev, Izzet Abdullaev, Vladlen Abdulkadyrov, Mejit Abdurakhmanov, Bilyal Adilov, , Osman Arifmemetov, Farkhod Bazarov, , Servet Gaziev, Dzhemil Gafarov, Reza Izetov, Alim Karimov, Seyran Murtaza, Yashar Muyedinov, Erfan Osmanov, Seytveli Sietabdiev, Rustem Siethalilov, Ruslan Suleymanov, Shaban Umerov, Marlen Asanov, Seiran Sakiiev, Memet Belialov, Tymur Ibrahimov, Server Zekiriaiev, Ernes Ametov, Oleksiy Bessarabov, Volodymyr Dudka, Oleksii Stohnii, Mykola Shyptur, Evhen Karakashev, Nariman Memedeminov, Oleksandr Steshenko, Enver Seitosmanov, Server Mustafaiev, Edem Smailov, Edem Bekirov, Diliaver Gafarov, Renat Suleimanov, Eskender Abdulganiev, Rustem Emiruseinov, Arsen Abkhairov, Raim Aivazov, Aider Dzepparov, Taliat Abdurakhmanov, Seiran Mustafaiev, Arsen Kubedinov, Mustafa Dehermendzhi, Ali Asanov, Arsen Yunusov, Eskender Kantemyrov, Eskender Emirvaliev, Suleiman Kadyrov, Taliat Yunusov, Mykola Semena, Musa Abkerimov, Vitaliy Kuharenko Asan Chapukh, Bekir Dehermendzhi, Kiazim Ametov, Ruslan Trubach, Shaban Umerov, Rustem Seytkhalilov, Riza Izetov, Farid Bazarov, Dzemil Gafarov, Seyran Murtazi, Alim Kerimov, Tofik Abdulgariev, Bilyala Adilov, Medzhit Abdurakhmanov, Rustem Sheykhaliev, Alim Sheykhaliev, Seytveli Seytabdiev, Yashar Muedinov, Asan Yanikov, Enver Ametov, Ruslan Suleymanov, Akim Bekirov, Erfan Osmanov, Server Gaziev, Remzi Bekirov, Osman Arifmetov, Vlaslen Abdulkadyrov, Izzet Abdullaiev, Tair Ibragimov, Ayder Dzepparov, Eldar Kantermirov, Ruslan Mesutov, Ruslan Nagaiev, Enver Omerov, Riza Omerov, Eskander Suleymanov u Lenur Khalilov


Is-sitwazzjoni fil-Venezwela
PDF 132kWORD 54k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Lulju 2019 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2019/2730(RSP))
P9_TA(2019)0007RC-B9-0006/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dawk tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(1), tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela(2), tat-12 ta' Marzu 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(3), tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(4), tas-27 ta' April 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(5), tat-8 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(6), tat-3 ta' Mejju 2018 dwar l-elezzjonijiet fil-Venezwela(7), tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-kriżi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u fuq il-fruntieri tal-art tagħha mal-Kolombja u mal-Brażil(8), tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(9), tal-31 ta' Jannar 2019 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(10) u tat-28 ta' Marzu 2019 dwar is-sitwazzjoni ta' emerġenza fil-Venezwela(11),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-4 ta' Lulju 2019 dwar il-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Union għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tal-10 ta' Jannar 2019, tas-26 ta' Jannar 2019, tal-24 ta' Frar 2019, tat-28 ta' Marzu 2019, tal-4 ta' April 2019, tat-30 ta' April 2019, tat-18 ta' Ġunju 2019 u tas-16 ta' Lulju 2019 dwar il-Venezwela,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) tat-8 ta' Marzu 2019 dwar il-migranti u r-rifuġjati Venezwelani,

–  wara li kkunsidra r-Raba' Laqgħa Teknika Internazzjonali tal-Proċess ta' Quito, li saret fi Buenos Aires fl-4 u l-5 ta' Lulju 2019,

–  wara li kkunsidra l-Istqarrija tal-Grupp ta' Lima tat-30 ta' April 2019,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Grupp ta' Lima tat-3 ta' Mejju 2019,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-3 ta' Ġunju 2019 dwar il-laqgħa konġunta tal-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali u l-Grupp ta' Lima dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1656 tas-6 ta' Novembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela(12), li ġġedded sal-14 ta' Novembru 2019 il-miżuri restrittivi mmirati li hemm bħalissa,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Venezwelana,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, bejn l-2018 u l-2019, il-kriżi politika, ekonomika, istituzzjonali, soċjali u umanitarja – b'ħafna dimensjonijiet – marret għall-agħar b'mod sinifikanti; billi ż-żieda fl-iskarsezza tal-ikel u l-mediċini, il-ksur massiv tad-drittijiet tal-bniedem, l-iperinflazzjoni, l-oppressjoni politika, il-korruzzjoni u l-vjolenza qed jipperikolaw ħajjet in-nies u qed iġegħluhom jaħarbu mill-pajjiż;

B.  billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, żaret il-pajjiż bejn id-19 u l-21 ta' Ġunju 2019; billi ħeġġet lill-gvern de facto tal-Venezwela jieħu miżuri konkreti u immedjati biex itemm u jirrimedja l-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem iddokumentat fil-pajjiż; billi ġie rikonoxxut ukoll li, għal aktar minn għaxar snin, il-Venezwela adottat u implimentat sensiela ta' liġijiet, politiki u prattiki li rrestrinġew l-ispazju demokratiku, dgħajfu l-istituzzjonijiet pubbliċi u affettwaw l-indipendenza tal-ġudikatura;

C.  billi aktar minn 7 miljun ruħ fil-Venezwela jeħtieġu assistenza umanitarja; billi l-gvern de facto ta' Maduro kiser id-dritt għall-ikel, inkluż l-obbligu li l-istat jiżgura li l-popolazzjoni tkun ħielsa mill-ġuħ; billi, skont in-NU, 3,7 miljun Venezwelan huma malnutriti, qagħda li hija ta' ħsara partikolari għat-tfal u għan-nisa tqal; billi 94 % tal-popolazzjoni qiegħda taħt is-soll tal-faqar u 62 % tgħix f'faqar estrem; billi 70 % tat-tfal ma jmorrux skola; billi xi nisa ġew sfurzati jipprostitwixxu ruħhom għall-ikel u bosta drabi kellhom iħabbtu wiċċhom mal-vjolenza;

D.  billi s-sitwazzjoni tas-saħħa fil-pajjiż hija terribbli, u l-isptarijiet huma neqsin minn membri tal-persunal, provvisti, mediċini u elettriku, liema qagħda wasslet għall-mewt ta' mill-inqas 1 557 persuna bejn Novembru 2018 u Frar 2019; billi f'erba' bliet ewlenin tal-Venezwela, fosthom Caracas, hemm nuqqas ta' mediċini essenzjali li jvarja minn 60 % sa 100 %; billi l-imwiet marbuta mal-maternità żdiedu u ħafna nisa kellhom jitilqu mill-pajjiż biex iwelldu;

E.  billi aktar minn 3,4 miljun Venezwelan kellhom jaħarbu mill-pajjiż; billi l-għadd totali ta' Venezwelani li ġew sfurzati jemigraw se jkun qabeż il-5 miljuni sa tmiem l-2019, hekk li din se tkun it-tieni l-akbar kriżi tal-migranti u tar-rifuġjati fid-dinja; billi dan il-fluss migratorju qed ipoġġi pressjoni partikolari fuq il-pajjiżi ġirien, iżda anke, kulma jmur, fuq l-Unjoni Ewropea u t-territorji tal-Istati Membri tal-UE fil-Karibew;

F.  billi, skont il-UNHRC, kważi 7 000 ruħ sfaw maqtula b'mod extraġudizzjarju waqt operazzjonijiet tas-sigurtà fil-Venezwela fl-aħħar sena u nofs; billi l-awtoritajiet de facto qed jużaw il-FAES (il-Forza ta' Azzjonijiet Speċjali tal-Pulizija Nazzjonali Bolivarjana) u forzi oħra tas-sigurtà bħala parti minn politika ta' kontroll soċjali; billi l-familji tal-vittmi ta' atti ta' qtil extraġudizzjarju li seħħew matul il-protesti għadhom qed jinżammu milli jeżerċitaw drittijiethom għal verità, ġustizzja u riparazzjoni;

G.  billi r-reġim juża t-tortura bħala għodda sistemika ta' intimidazzjoni u dissważjoni fil-konfront tad-dimostranti, hekk li ħoloq klima ta' terrur; billi r-rapport tal-UNHRC kkonkluda li s-servizzi tas-sigurtà u tal-intelligence, b'mod partikolari s-SEBIN (is-Servizz tal-Intelligence Bolivarjan) u d-DGCIM (id-Direttorat Ġenerali għall-Kontrospjunaġġ Militari), sikwit irrikorrew għal prattiki bħal dawn; billi l-priġunieri politiċi fil-Venezwela qed ikunu soġġetti għat-tortura, u bħalissa ħafna jinsabu f'iżolament, mingħajr ebda possibbiltà li jagħmlu kuntatt mal-avukati jew mal-membri tal-familja tagħhom, li huma beżgħana dwar ħajjithom u l-integrità fiżika tagħhom;

H.  billi 22 membru parlamentari, inkluż il-President tal-Assemblea Nazzjonali, tneħħitilhom l-immunità parlamentari tagħhom; billi tnejn qegħdin taħt arrest filwaqt li 16-il membru parlamentari ieħor fittxew protezzjoni fl-ambaxxati, ħarbu mill-pajjiż jew inħbew;

I.  billi l-popli indiġeni qed jiġu soġġetti għal atti vjolenti u kriminali; billi 63 membru tal-komunitajiet indiġeni ġew arrestati b'mod arbitrarju u ġew ittorturati, 7 mietu u aktar minn 23 indarbu u kellhom imorru fi sptarijiet barra l-pajjiż biex jingħataw trattament mediku;

J.  billi l-minjieri u l-estrazzjoni taż-żejt, speċjalment f'reġjuni remoti u b'bijodiversità rikka, jeqirdu l-għajxien tal-minoranzi, bħall-komunitajiet indiġeni u suwed, li, jekk joġġezzjonaw għal dawn l-attivitajiet u jaqbżu għad-drittijiet tagħhom, jissugraw li jħabbtu wiċċhom ma' vjolenza ħarxa u spostament min-naħa tal-forzi militari, il-gruppi kriminali organizzati u l-gruppi armati;

K.  billi, fid-29 ta' Ġunju 2019, Rafael Acosta Arévalo, kaptan navali li safa arrestat u ttorturat fuq allegazzjonijiet ta' komplott ta' qtil kontra Nicolás Maduro, miet waqt li kien taħt arrest; billi l-awtoritajiet de facto ssekwestraw ġismu u żammewh moħbi illegalment għal 11-il ġurnata qabel ma difnuh, bla ma rrispettaw id-drittijiet bażiċi tal-familja tiegħu u x-xewqa ta' qrabatu li jibku t-telfa tal-mejjet;

L.  billi, fit-2 ta' Lulju 2019, Rufo Chacón, tifel Venezwelan ta' 16-il sena, tilef il-vista wara li uffiċjali tal-gvern sparawlu u laqtuh f'wiċċu waqt protesta kontra n-nuqqas ta' gass għat-tisjir;

M.  billi l-UE mmobilizzat EUR 117,6 miljun f'għajnuna ta' emerġenza u assistenza għall-iżvilupp b'reazzjoni għall-kriżi, u qed taħdem mal-popolazzjonijiet vulnerabbli kemm fil-Venezwela (60 % tal-finanzjament) kif ukoll fil-pajjiżi ġirien (40 % tal-finanzjament); billi s'issa l-appoġġ miġbur min-NU għall-Pjan ta' Intervent Reġjonali għar-Rifuġjati u l-Migranti jirrappreżenta biss madwar 22 % tat-total mitlub (USD 159 miljun minn appell għal USD 738 miljun);

1.  Itenni t-tħassib profond tiegħu dwar is-sitwazzjoni gravi ta' emerġenza li qed tipperikola bil-kbir ħajjet iċ-ċittadini Venezwelani;

2.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-President leġittimu ad interim Juan Guaidó u għall-Assemblea Nazzjonali, li hija l-korp demokratiku leġittimu tal-Venezwela, u li l-poteri tagħha – inklużi l-prerogattivi u s-sikurezza tal-membri tagħha – jeħtieġ li jitreġġgħulha u jiġu rispettati; jikkundanna r-revoka tal-immunità parlamentari ta' 22 membru parlamentari u l-priġunerija ta' tnejn minnhom; itenni t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' leġittimità tal-elezzjonijiet presidenzjali ta' Mejju 2018;

3.  Jikkundanna l-atti ħorox ta' repressjoni u vjolenza, li wasslu biex persuni sfaw maqtula u midruba; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tal-Venezwela u jagħti l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji u l-ħbieb tal-persuni milquta;

4.  Jissottolinja, bi qbil mar-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Michelle Bachelet, ir-responsabbiltà diretta ta' Nicolás Maduro, kif ukoll tal-forzi armati u tal-intelligence fis-servizz tar-reġim illeġittimu tiegħu, fl-użu indiskriminat tal-vjolenza għar-repressjoni tal-proċess ta' tranżizzjoni demokratika u tar-restawr tal-istat tad-dritt fil-Venezwela; jikkundanna l-użu, fi kwalunkwe ċirkustanza, tal-arresti arbitrarji, it-tortura u l-qtil extraġudizzjarju, li huma pprojbiti mill-konvenzjonijiet internazzjonali, inklużi dawk li l-Venezwela hija firmatarja tagħhom;

5.  Jikkundanna, bi qbil mar-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Michelle Bachelet, l-abbuż mill-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi u r-repressjoni brutali mwettqa mill-forzi tas-sigurtà; jitlob li, bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali, jinħoloq mekkaniżmu nazzjonali imparzjali u indipendenti li jinvestiga l-każijiet ta' qtil extraġudizzjarju waqt operazzjonijiet tas-sigurtà, jiżgura li dawk responsabbli jagħtu kont ta' għemilhom, jagħti rimedju lill-familji tal-vittmi u jipproteġihom minn kwalunkwe intimidazzjoni u tpattija;

6.  Jitlob b'urġenza li jiġi ggarantit li l-ikel, il-mediċini u s-servizzi tal-kura tas-saħħa jkunu disponibbli u aċċessibbli, filwaqt li s-servizzi materni u tat-tfal jingħataw attenzjoni speċjali; jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani de facto jiżguraw li l-għajnuna umanitarja titqassam lill-popolazzjoni kollha mingħajr ebda preġudizzju politiku;

7.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-atti kollha ta' persekuzzjoni u ta' repressjoni selettiva għal raġunijiet politiċi jiġu mwaqqfa, ikkundannati pubblikament, ikkastigati u evitati; jitlob li jinħelsu dawk kollha li, b'mod arbitrarju, sfaw imċaħħda mil-libertà tagħhom;

8.  Ifakkar li kull intimidazzjoni u attakk fil-konfront tal-popli indiġeni, inklużi l-mexxejja, iridu jitwaqqfu u li l-awtoritajiet għandhom jiżguraw il-ħarsien tagħhom u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex iħarsu d-drittijiet individwali u kollettivi tagħhom, inkluż id-dritt tagħhom għall-art;

9.  Jenfasizza l-ħtieġa li wieħed iżomm lura milli jidħol fi proġetti kbar biex ifittex sorsi ta' introjtu sabiex tingħeleb il-kriżi ekonomika, għax dawn jagħmlu ħsara lill-ambjent, il-klima u l-għajxien tal-komunitajiet fl-inħawi; jitlob protezzjoni bla riżervi għall-persuni indiġeni u suwed li jiddefendu l-ambjent minn attivitajiet bħall-estrazzjoni tad-deheb f'żoni remoti bħal Arco Minero del Orinoco fil-Venezwela;

10.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-gravità dejjem akbar tal-kriżi migratorja fir-reġjun kollu u jfaħħar lill-pajjiżi ġirien, b'mod partikolari lill-Kolombja, l-Ekwador u l-Perù, għall-isforzi li għamlu u s-solidarjetà li wrew; jitlob li l-Kummissjoni tkompli tikkoopera ma' dawn il-pajjiżi, mhux biss billi tagħti għajnuna umanitarja, iżda anke billi tipprovdi aktar riżorsi u permezz tal-politika tal-iżvilupp;

11.  Isostni mill-ġdid li soluzzjoni paċifika, demokratika u inklużiva hija l-uniku mod sostenibbli kif il-pajjiż joħroġ mill-impass politiku attwali u mill-kriżi soċjali u umanitarja serja li dan ikkaġuna; jirrimarka li d-djalogu li għaddej irid iqis il-pjan direzzjonali adottat fl-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela; jappoġġja l-proċess iffaċilitat li għaddej bħalissa – immexxi min-Norveġja – u jilqa' l-qbil taż-żewġ naħat li jinvolvu ruħhom fi djalogu għall-paċi; jenfasizza li, biex proċess ta' ffaċilitar jirnexxi, għandhom jiġu adottati l-miżuri ta' bini ta' fiduċja minimi; jinsisti li l-għan esklużiv tad-djalogu jrid ikun li jinħolqu l-kundizzjonijiet li jwasslu għal elezzjonijiet presidenzjali ħielsa, trasparenti u kredibbli abbażi ta' kalendarju fiss, kundizzjonijiet ġusti għall-atturi kollha, trasparenza u l-preżenza ta' osservaturi internazzjonali kredibbli;

12.  Jitlob li l-Kunsill jimponi sanzjonijiet addizzjonali mmirati lejn l-awtoritajiet statali de facto responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u għar-repressjoni; jemmen li l-awtoritajiet tal-UE jeħtiġilhom jirrestrinġu l-movimenti tal-individwi kkonċernati u jiffriżaw l-assi u l-viżi tagħhom kif ukoll dawk tal-eqreb qraba tagħhom;

13.  Jitlob li l-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tmexxi l-politika tal-UE dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela u tkompli tikkoopera mal-Grupp ta' Kuntatt u mal-pajjiżi demokratiċi tar-reġjun irrappreżentati mill-Grupp ta' Lima;

14.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-investigazzjonijiet tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) dwar id-delitti u l-atti ta' repressjoni estensivi mwettqa mir-reġim Venezwelan; iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha jissieħbu fl-inizjattiva ta' diversi Stati Parti tal-QKI għall-investigazzjoni tad-delitti kontra l-umanità mwettqa mill-gvern de facto ta' Maduro, sabiex dawk responsabbli jagħtu kont ta' għemilhom;

15.  Jappoġġja l-inizjattiva biex, flimkien mal-UNHRC, titwaqqaf Kummissjoni ta' Inkjesta li tistabbilixxi r-responsabbiltajiet individwali għall-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President leġittimu ad interim tar-Repubblika u l-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-pajjiżi tal-Grupp ta' Lima, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

(1) ĠU C 285, 29.8.2017, p. 145.
(2) ĠU C 294, 12.8.2016, p. 21.
(3) ĠU C 316, 30.8.2016, p. 190.
(4) ĠU C 86, 6.3.2018, p. 101.
(5) ĠU C 298, 23.8.2018, p. 137.
(6) ĠU C 463, 21.12.2018, p. 61.
(7) Testi adottati, P8_TA(2018)0199.
(8) Testi adottati, P8_TA(2018)0313.
(9) Testi adottati, P8_TA(2018)0436.
(10) Testi adottati, P8_TA(2019)0061.
(11) Testi adottati, P8_TA(2019)0327.
(12) ĠU L 276, 7.11.2018, p. 10.

Avviż legali