Indiċi 
Testi adottati
L-Erbgħa, 23 ta' Ottubru 2019 - Strasburgu
Baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020 - it-taqsimiet kollha
 Kwittanza 2017: L-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO)
 Kwittanza 2017: Baġit Ġenerali tal-UE - Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill
 Oġġezzjoni għal att ta’ implimentazzjoni: L-impatt tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fuq in-naħal tal-għasel

Baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020 - it-taqsimiet kollha
PDF 197kWORD 59k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2019 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020 (11734/2019 – C9-0119/2019 – 2019/2028(BUD))
P9_TA(2019)0038A9-0017/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom)  2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(3) ("ir-Regolament dwar il-QFP"),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2020, Taqsima III – Kummissjoni(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Marzu 2019 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2020(6),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020, adottat mill-Kummissjoni fil-5 ta' Lulju 2019 (COM(2019)0400) (l-"AB"),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020, adottata mill-Kunsill fit-3 ta' Settembru 2019 u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew fit-13 ta' Settembru 2019 (11734/2019 – C9-0119/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2.1c tal-Ftehim ta' Pariġi, ratifikat mill-Unjoni Ewropea fil-5 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra l-analiżi panoramika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titlu "Azzjoni tal-UE f'dak li jirrigwarda l-enerġija u t-tibdil fil-klima" (2017),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu "Pjaneta Nadifa għal kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima" (COM(2018)0773),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-kumitati interessati l-oħra,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9‑0017/2019),

Taqsima III

Ħarsa ġenerali

1.  Ifakkar li, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2020, il-Parlament iddefinixxa prijoritajiet politiċi ċari għall-baġit 2020 bħala pont għall-Ewropa futura u biex jipprovdi valur miżjud Ewropew; jerġa' jafferma l-impenn qawwi tiegħu għal dawk il-prijoritajiet u jistabbilixxi l-pożizzjoni li ġejja biex jiżgura livell xieraq ta' finanzjament biex jintlaħqu;

2.  Itenni l-opinjoni tal-Parlament li l-baġit 2020 għandu jwitti t-triq għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021-2027 u jagħmilha ta' punt tat-tluq sod għat-tnedija tal-ġenerazzjoni l-ġdida ta' programmi u politiki tal-Unjoni; ifakkar, barra minn hekk, li l-2020 hija l-aħħar sena tal-QFP attwali u, għalhekk, l-aħħar opportunità għall-Unjoni biex toqrob lejn l-impenji politiċi stabbiliti għal dak il-perjodu, inkluż biex jintlaħaq l-objettiv tal-UE dwar il-klima, jiġu implimentati l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU u biex jitwettaq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali kif ukoll l-objettiv tal-Unjoni li jkollha ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju sal-2050; jenfasizza, f'dak il-kuntest, li l-baġit tal-Unjoni jrid jevalwa u jintegra l-impatt sħiħ tal-politiki tal-Unjoni dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri (ibbaġitjar skont il-ġeneru), u b'hekk jippromwovi l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u l-opportunitajiet indaqs;

3.  Jieħu nota tal-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-AB, li tnaqqas EUR 1,51 biljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn meta mqabbla mal-proposta tal-Kummissjoni; iqis li t-tnaqqis tal-Kunsill jikkontradixxi għalkollox il-prijoritajiet tal-Unjoni, mhuwiex ġustifikat mill-kapaċità ta' assorbiment u huwa maħsub biex jannulla ż-żidiet speċifiċi kollha mitluba u miksuba mill-Parlament fis-snin baġitarji preċedenti; jiddeċiedi għalhekk, bħala regola ġenerali, li jerġa' jġib l-approprjazzjonijiet kif kienu fuq il-linji kollha mnaqqsa mill-Kunsill għal-livell tal-AB, kemm għan-nefqa operattiva kif ukoll għal dik amministrattiva, u biex jieħu l-AB bħala l-punt tat-tluq biex jibni l-pożizzjoni tiegħu;

4.  Jemmen bis-sħiħ li huwa imperattiv li jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u jitħares l-ambjent b'tali mod li jagħti spinta lill-impjiegi, joħloq oħrajn ġodda, isaħħaħ il-kompetittività, jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli u jiżgura l-prosperità soċjali; jissottolinja r-rwol ewlieni li għandhom it-teknoloġiji ġodda u emerġenti biex jinkiseb dak l-objettiv; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Unjoni tmexxi bl-eżempju u tispira pajjiżi oħra madwar id-dinja biex jinvestu aktar fin-nefqa relatata mal-klima; jilqa' t-talbiet qawwija li saru mill-mexxejja tal-Unjoni fis-summit reċenti tan-NU dwar it-tibdil fil-klima u l-impenji li ħadu dan l-aħħar diversi Stati Membri biex iżidu l-infiq f'oqsma bħall-effiċjenza enerġetika, l-enerġija rinnovabbli, it-trasport sostenibbli u l-infrastruttura tal-enerġija; jemmen li tali dikjarazzjonijiet għandhom ikunu akkumpanjati minn azzjoni konkreta mill-Istati Membri inkluż meta jkunu qed jiddeliberaw bħala Kunsill;

5.  Ifakkar fl-obbligi tal-Unjoni fl-ambitu tal-Ftehim ta' Pariġi u l-impenn tagħha li tilħaq objettiv ta' 20 % tan-nefqa tal-Unjoni relatata mal-klima għall-perjodu 2014-2020; jinnota li 21,0 % tal-approprjazzjonijiet ta' impenn proposti fl-AB għall-2020 huma relatati mal-klima u li mill-inqas EUR 3,5 biljun addizzjonali għandhom ikunu ddedikati għan-nefqa relatata mal-klima sabiex jintlaħaq l-objettiv ta' 20 %; jiddispjaċih li, fl-ambitu tal-QFP attwali, il-baġit tal-Unjoni għandu mezzi limitati biex jindirizza l-isfida klimatika waħdu u jindika ħtiġijiet ferm akbar għall-investiment f'dan il-qasam, stmat mill-Kummissjoni fil-medda ta' bejn EUR 175 biljun u EUR 290 biljun fis-sena; jisħaq li għandu jsir kull sforz sabiex kemm jista' jkun jintlaħaq l-objettiv ġenerali tal-baġit tal-Unjoni sa tmiem l-2020;

6.  Jissottolinja li l-baġit 2020 għandu jħejji lill-Unjoni tilħaq objettiv ta' integrazzjoni tal-kwistjonijiet klimatiċi u tal-bijodiversità saħansitra aktar ambizzjuż fil-QFP 2021-2027, sabiex jiġu ssodisfati l-aspettattivi taċ-ċittadini Ewropej; jitlob metodoloġija aktar trasparenti, rigoruża u komprensiva, stabbilita f'konformità ma' metodoloġiji stabbiliti fuq livell internazzjonali, inklużi indikaturi tal-prestazzjoni riformati għad-definizzjoni u t-traċċar tan-nefqa marbuta mal-klima u mal-bijodiversità; jistenna b'interess l-proposta konkreta dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, kif deskritt fil-linji gwida politiċi tal-President elett tal-Kummissjoni li jmiss; ifakkar, f'dan il-kuntest, fl-impenn qawwi tiegħu favur ir-riforma tas-sistemi tar-riżorsi proprji tal-Unjoni, inkluża l-introduzzjoni ta' basket ta' riżorsi proprji ġodda li huma allinjati aħjar mal-prijoritajiet ewlenin tal-politika tal-Unjoni, u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

7.  Ifakkar fl-impenn stabbilit fir-riżoluzzjoni tiegħu ta' Marzu 2019 li jitlob lill-Kummissjoni għal klawżola obbligatorja fil-ftehimiet kummerċjali kollha tal-UE ma' pajjiżi terzi li titlob ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima;

8.  Jipproponi, għaldaqstant, baġit 2020 li jagħti kontribut importanti biex jiġu indirizzati l-isfidi ambjentali u t-tibdil fil-klima u li jnaqqas kemm jista' jkun ix-xogħol b'lura eżistenti biex jintlaħaq l-objettiv ta' 20 % tan-nefqa tal-Unjoni relatata mal-klima għall-perjodu 2014-2020; jipproponi żieda sinifikanti ta' aktar minn EUR 2 biljun 'il fuq mil-livelli tal-AB għal linji baġitarji f'Intestaturi differenti, u b'mod prevalenti fis-Subintestatura 1a, li jagħtu kontribut kbir għall-objettiv tan-nefqa relatata mal-klima; jimmira b'attenzjoni dawk iż-żidiet lejn linji li għandhom rata ta' implimentazzjoni eċċellenti u l-kapaċità operattiva li jassorbu l-approprjazzjonijiet addizzjonali fl-2020;

9.  Jenfasizza li ż-żgħażagħ jibqgħu prijorità ewlenija għall-baġit tal-Unjoni; jenfasizza li minkejja x-xejriet pożittivi lejn tnaqqis fir-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Unjoni, in-nuqqas ta' opportunitajiet għaż-żgħażagħ fil-futur jirrappreżenta emerġenza soċjali reali f'ċerti nħawi tal-Unjoni, b'disparitajiet sinifikanti fost l-Istati Membri u r-reġjuni; jiddeċiedi għalhekk li jżid l-approprjazzjonijiet tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) 'il fuq mil-livell propost mill-Kummissjoni, anke sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel lejn il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) fil-QFP li jmiss;

10.  Jissottolinja li l-Unjoni jeħtiġilha tonora l-impenji kollha tagħha fir-rigward tal-għajnuna lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u fl-adattament għal dan it-tibdil;

11.  Iżid ir-riżorsi finanzjarji biex tiġi ssodisfata d-domanda futura għal Erasmus+, il-programm prinċipali għall-edukazzjoni u t-taħriġ, inklużi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, iż-żgħażagħ u l-isport fl-Ewropa; jenfasizza li Erasmus+ huwa programm emblematiku tal-Unjoni li huwa magħruf sew fost iċ-ċittadini tagħha u ta riżultati tanġibbli b'valur miżjud Ewropew ċar; ifakkar fl-impenn tiegħu li jittriplika l-finanzjament għal dan il-programm fil-QFP 2021-2027; jenfasizza l-ħtieġa li l-azzjoni preparatorja DiscoverEU titkompla u tissaħħaħ aktar, fid-dawl tal-integrazzjoni programmata tagħha fil-programm Erasmus+ 2021-2027; jitlob li ssir enfasi speċjali fuq l-azzjonijiet ta' mobilità fl-edukazzjoni tal-adulti, b'mod partikolari għall-popolazzjoni anzjana fil-programm Erasmus+;

12.  Jipproponi żidiet immirati ulterjuri għal linji baġitarji oħra relatati mal-prijoritajiet tal-Parlament, f'oqsma bħall-SMEs, id-diġitalizzazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali, ir-riċerka dwar il-kanċer, il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà u l-ġustizzja, id-dwana, il-migrazzjoni u l-politika esterna, inklużi l-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja;

13.  Japprova, bħala regola ġenerali, l-estimi tal-Kummissjoni tal-ħtiġijiet baġitarji tal-aġenziji deċentralizzati; iqis, għalhekk, li kwalunkwe tnaqqis propost mill-Kunsill jipperikola l-funzjonament xieraq tal-aġenziji u ma jippermettilhomx iwettqu l-kompiti tagħhom; jipproponi żidiet immirati għal-livell ta' approprjazzjonijiet ta' aġenziji li se jkunu qed jittrattaw kompiti addizzjonali jew li qed iħabbtu wiċċhom ma' żieda fl-ammont ta' xogħol minħabba sfidi emerġenti;

14.  Jikkonkludi li, bil-għan li jiġu ffinanzjati b'mod adegwat il-prijoritajiet urġenti espressi hawn fuq, u meta jitqiesu l-marġnijiet stretti ħafna jew ineżistenti taħt ċerti Intestaturi fl-2020, jeħtieġ li l-Istrument ta' Flessibbiltà u l-Marġni Globali għall-Impenji jiġu mobilizzati bis-sħiħ, li l-Marġni ta' Kontinġenza jiġi mobilizzat, filwaqt li parti minnu tibqa' wkoll disponibbli għall-finanzjament ta' avvenimenti mhux previsti li jistgħu jinqalgħu s-sena d-dieħla; ifakkar ukoll li l-flessibbiltajiet stabbiliti fir-Regolament dwar il-QFP se jiskadu fl-aħħar ta' dak il-perjodu;

15.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li d-diżimpenji għal riċerka jerġgħu jintużaw bis-sħiħ kif stabbilit fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Finanzjarju; jiddispjaċih ħafna li l-Kunsill jirrifjuta għal darb'oħra l-applikazzjoni ta' dik id-dispożizzjoni leġiżlattiva li l-Kummissjoni pproponiet li tattiva parzjalment fl-AB; jiddikjara l-intenzjoni tiegħu li jinsisti fuq il-pożizzjoni tiegħu li tirrifletti kemm il-kelma kif ukoll l-ispirtu tar-Regolament Finanzjarju; beħsiebu jsolvi din il-kwistjoni fil-konċiljazzjoni baġitarja ta' din is-sena; jipproponi l-użu mill-ġdid bis-sħiħ ta' dawn id-diżimpenji biex jissaħħu l-erba' linji baġitarji tal-programm Orizzont 2020 bl-ogħla livell ta' attività ta' riċerka relatata mal-klima;

16.  Jistabbilixxi l-livell ġenerali ta' approprjazzjonijiet għall-baġit 2020 (it-taqsimiet kollha) għal EUR 170 971 519 973 f'approprjazzjonijiet ta' impenn, li jirrappreżenta żieda ta' EUR 2 699 813 994 meta mqabbel mal-AB; jiddeċiedi, barra minn hekk, li jagħmel disponibbli ammont ta' EUR 280 700 000 f'approprjazzjonijiet ta' impenn apparti d-diżimpenji skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Finanzjarju; jistabbilixxi l-livell ġenerali ta' approprjazzjonijiet għall-baġit 2020 (it-taqsimiet kollha) għal EUR 159 146 168 195 f'approprjazzjonijiet ta' impenn;

Subintestatura 1a – Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi

17.  Jirrimarka li Orizzont 2020 joffri valur miżjud Ewropew b'saħħtu ħafna u jagħti kontribut vitali għall-iżvilupp tat-teknoloġija ekoloġika u l-innovazzjoni li tirrispetta l-klima u l-ambjent, sabiex jinbnew il-pedamenti għal ġejjieni dekarbonizzat u tiġi appoġġjata bidla lejn ekonomija aktar ċirkolari; jisħaq, barra minn hekk, fuq l-importanza tal-programm għal oqsma sinifikanti oħra tar-riċerka Ewropea bħad-diġitalizzazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali u r-riċerka dwar il-kanċer; iżid b'mod sinifikanti, għalhekk, l-allokazzjoni ta' Orizzont 2020 fuq il-livell tal-AB b'EUR 737,8 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn; barra minn hekk, skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Finanzjarju, jagħmel disponibbli l-ammont sħiħ ta' EUR 280,7 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn diżimpenjati fl-2018 bħala riżultat ta' nuqqas ta' implimentazzjoni ta' proġetti ta' riċerka, għal-linji baġitarji ta' Orizzont 2020 li huma l-aktar rilevanti għal proġetti ta' riċerka relatata mal-klima, u jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċjali lit-tqassim ġeografiku ġust ta' dawk il-fondi;

18.  Jinsab konvint li l-ġlieda kontra l-kanċer għandha tkun prijorità assoluta għall-Unjoni, u li jeħtieġ li l-isforzi sinifikanti jiżdiedu f'din id-direzzjoni; jissottolinja l-fatt li r-riċerka dwar il-kanċer hija pilastru importanti f'dan il-proċess; jadotta, għalhekk, żieda ta' riżorsi finanzjarji li għandhom jiġu allokati għar-riċerka dwar il-kanċer fil-linji baġitarji rilevanti ta' Orizzont 2020 li juru wkoll eżekuzzjoni baġitarja għolja ħafna; jisħaq fuq il-fatt li r-riċerka f'dan il-qasam tiġi intensifikata mingħajr ebda dewmien, anki fid-dawl tal-investimenti aktar sostanzjali antiċipati fil-QFP li jmiss;

19.  Ifakkar fil-fatt li l-pożizzjoni tal-Ewropa bħala fornitur ewlieni għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) tiddependi mir-riżorsi għall-iżvilupp u l-ittestjar ta' teknoloġiji ġodda tal-ICT kif ukoll għall-għoti ta' assistenza lil negozji ġodda u lil intrapriżi tat-teknoloġija sabiex tiżdied il-kapaċità rilevanti tas-suq; itenni, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jiġu pprovduti fondi addizzjonali għall-faċilitajiet tar-riċerka Ewropej u n-negozji tal-SMEs b'enfasi fuq l-iżvilupp u l-progress tat-teknoloġiji bħall-magni tat-tiftix, is-servizzi tat-traduzzjoni u t-teknoloġiji innovattivi simili;

20.  Jenfasizza r-rwol kruċjali tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) fit-trawwim tal-iżvilupp strateġiku ta' netwerk trans-Ewropew bi prestazzjoni għolja li jkun sostenibbli u interkonness fil-qasam tat-trasport, b'enfasi speċjali fuq in-netwerk ferrovjarju inklużi l-ferroviji ta' bil-lejl, u fl-oqsma tal-enerġija u tal-infrastrutturi tal-ICT, u li jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għat-tranżizzjoni lejn soċjetà newtrali f'termini klimatiċi; jipproponi għalhekk li jiżdied il-finanzjament għall-oqsma tat-trasport u l-enerġija tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa b'ammont totali ta' EUR 545 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn 'il fuq mil-livelli tal-AB;

21.  Iqis li jeħtieġ ukoll li jissaħħu aktar il-prijoritajiet importanti f'din is-Subintestatura; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, lejn l-SMEs, li huma parti essenzjali mill-ekonomija tal-Unjoni u jiżvolġu rwol kruċjali fit-twettiq ta' investimenti ta' kwalità eċċellenti u fil-ħolqien tal-impjiegi fl-Istati Membri kollha; jadotta, f'dan il-kuntest, żieda għall-programm COSME, sabiex jissaħħaħ aktar il-potenzjal tal-programm fil-promozzjoni tal-intraprenditorija, inkluża l-intraprenditorija tan-nisa, it-titjib tal-kompetittività u l-aċċess għas-swieq tal-intrapriżi tal-Unjoni, u jitlob li ssir enfasi fuq it-trasformazzjoni diġitali tal-SMEs; ifakkar li l-allokazzjoni proposta fl-AB għall-COSME kienet saħansitra inqas minn dak li kien previst fl-ipprogrammar finanzjarju u jadotta żieda ta' EUR 50 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn 'il fuq mil-livelli tal-AB;

22.  Jenfasizza li Erasmus+ jibqa' programm ferm apprezzat u popolari immens, b'volum ta' applikazzjonijiet li jaqbeż sew il-finanzjament disponibbli, u li jgħin biex jitrawwem sens qawwi ta' identità Ewropea kondiviża; jadotta, għaldaqstant, żieda ta' EUR 123,4 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn 'il fuq mil-livelli tal-AB, sabiex jiġu miġġielda r-rati baxxi ta' suċċess u aktar nies ikunu jistgħu jibbenefikaw minn dan il-programm;

23.  Jipproponi żidiet immirati għal-livell ta' approprjazzjonijiet għall-Awtorità Ewropea tax-Xogħol, l-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji , l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA), u l-livell ta' approprjazzjonijiet u l-persunal għall-Aġenzija tal-GNSS Ewropea, l-Uffiċċju tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER);

24.  Iżid għaldaqstant il-livell ta' approprjazzjonijiet ta' impenn għas-Subintestatura 1a b'EUR 1 503 766 221 'il fuq mill-AB (esklużi l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji), li għandhom jiġu ffinanzjati bl-użu tal-marġni disponibbli u l-mobilizzazzjoni tal-istrumenti speċjali; barra minn hekk, f'din is-Subintestatura jagħmel disponibbli ammont ta' EUR 280 700 000 f'approprjazzjonijiet ta' impenn apparti d-diżimpenji skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Finanzjarju;

Subintestatura 1b – Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

25.  Ifakkar li tkabbir sostenibbli u investiment immirat tajjeb huma kruċjali biex jinħolqu impjiegi ta' kwalità u tiżdied il-prosperità għal kulħadd u dan hu għalhekk meħtieġ biex il-fondi strutturali u l-investimenti jiġu diretti b'mod iktar effettiv lejn il-promozzjoni tat-tkabbir inklużiv, it-tnaqqis fl-inugwaljanzi u t-tisħiħ tal-konverġenza soċjali għall-aħjar;

26.  Jiddispjaċih għal-livell ta' qgħad fost iż-żgħażagħ, li f'April 2019 ġie stmat għal 14,2 %, u li għadu għoli b'mod inaċċettabbli u jibqa' partikolarment gravi f'xi Stati Membri u reġjuni tal-Unjoni; jissottolinja l-importanza li jissaħħu l-impjegabbiltà u l-kapaċità intraprenditorjali taż-żgħażagħ filwaqt li jiġu indirizzati l-inugwaljanzi; jinsab konvint li l-ġlieda kontra l-qgħad tirrikjedi sforzi finanzjarji sostanzjali; huwa determinat li jiżgura finanzjament addizzjonali għall-programm tal-YEI fl-aħħar sena tal-QFP attwali; jissottolinja l-ħtieġa li tiġi aċċelerata l-implimentazzjoni ta' dak il-programm u li tittejjeb aktar l-effiċjenza tiegħu, bil-għan li jiġi żgurat li jġib aktar valur miżjud Ewropew għall-politiki nazzjonali dwar l-impjiegi; jipproponi għalhekk żieda ta' EUR 363,3 miljun 'il fuq mil-livelli tal-AB f'approprjazzjonijiet ta' impenn għall-YEI;

27.  Iżid il-finanzjament għall-assistenza teknika, biex tiġi indirizzata l-kumplessità tal-proċeduri ta' ġestjoni tal-proġetti, sa mit-tħejjija tal-applikazzjonijiet għall-ġestjoni finanzjarja u l-monitoraġġ tal-impatt, li huwa ostaklu kbir għal assorbiment aħjar ta' "Fondi Strutturali";

28.  Iżid il-livell ta' approprjazzjonijiet ta' impenn għas-Subintestatura 1b bi EUR 373 278 264 'l fuq mill-AB (esklużi l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji), li għandhom jiġu ffinanzjati permezz tal-mobilizzazzjoni tal-istrumenti speċjali;

Intestatura 2 – Tkabbir sostenibbli: riżorsi naturali

29.  Jinnota bi tħassib li għal darb'oħra 8,3 % biss tal-impenji totali marbuta ma' miżuri maħsuba biex ireġġgħu lura d-deklin tal-bijodiversità, li huwa l-perċentwal l-iktar baxx mill-2015, minkejja r-rata ta' estinzjoni mingħajr preċedent u aċċelerata tal-ispeċijiet li qiegħda tiġi osservata; jitlob li jiġu allokati aktar riżorsi suffiċjenti u traċċabbli għall-protezzjoni fit-tul u koerenti tal-bijodiversità fl-Unjoni kollha; f'konformità mal-prijorità ġenerali biex jiġi indirizzat t-tibdil fil-klima, jiffoka żidiet sostanzjali b'valur ta' EUR 233 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn fuq linji baġitarji relatati mal-programm LIFE+ fit-Titoli 7 u 34; jistenna li l-Kummissjoni tiggarantixxi l-kapaċità ta' assorbiment neċessarja għal użu effikaċi ta' dawn ir-riżorsi addizzjonali u tiżgura distribuzzjoni ġeografika aktar ekwa ta' tali fondi favur l-ambjent, bħal fil-każ tal-programmi tal-QFP li jmiss;

30.  Jipproponi żidiet neċessarji għal-linji baġitarji magħżula, b'mod partikolari għall-finanzjament ta' miżuri li jindirizzaw l-impatt tad-deni Afrikan tal-ħnieżer f'diversi Stati Membri; jinnota l-gravità ta' dan l-impatt u l-għadd kbir ta' tifqigħat irreġistrati sa mill-bidu tal-2019, bil-konsegwenza tal-qtil ta' għexieren ta' eluf ta' annimali; josserva li xi pajjiżi terzi investew fir-riċerka għal finijiet tal-iżvilupp ta' vaċċin kontra d-deni Afrikan tal-ħnieżer u huwa tal-fehma li l-Unjoni wkoll imissha tinvesti fir-riċerka u fl-iżvilupp ta' vaċċin li jgħin biex iwaqqaf fl-iqsar żmien possibbli l-firxa u l-okkorrenza tad-deni Afrikan tal-ħnieżer;

31.  Ifakkar li l-livell ta' approprjazzjonijiet tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) għad irid jiġi aġġustat billi jitqies id-dħul assenjat li mistenni jkun disponibbli fl-2020 kif ikkomunikat fl-Ittra Emendatorja tal-Kummissjoni;

32.  Jipproponi żieda mmirata fil-livell ta' approprjazzjonijiet u tal-persunal għall-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent;

33.  Fil-qosor, iżid l-approprjazzjonijiet ta' impenn b'EUR 267,3 miljun fl-Intestatura 2 (esklużi l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji), li għandhom jiġu ffinanzjati bl-użu tal-marġni disponibbli taħt il-limitu massimu; jinsisti li m'għandu jkun hemm ebda tnaqqis ulterjuri fil-baġit tal-agrikoltura, peress li s-settur agrikolu ta' spiss jiġi affettwat minn kriżijiet li jirrikjedu risposta baġitarja;

Intestatura 3 – Sigurtà u Ċittadinanza

34.  Iżid, fid-dawl ta' limitu massimu irrealistikament baxx mill-bidu tal-QFP attwali, il-finanzjamenti għall-prijoritajiet tal-Parlament fl-oqsma tas-sigurtà interna, tal-migrazzjoni, tad-drittijiet fundamentali u tar-rispett tal-istat tad-dritt kif ukoll għall-promozzjoni tan-nondiskriminazzjoni u tal-ugwaljanza u għall-ġlieda kontra l-vjolenza sessista; jopponi bil-qawwa t-tnaqqis li għamel il-Kunsill lill-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF) u lill-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) u jirrifjuta l-proposta tal-Kunsill li jiġu trasferiti f'riżerva EUR 400 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn AMIF sa ma jsir progress fir-riforma tar-Regolament ta' Dublin III(7), billi dan ikun jimpedixxi lill-Istati Membri l-aktar esposti li jirċievu sostenn biex jiġġestixxu b'mod uman il-pressjoni migratorja;

35.  Jissottolinja l-importanza assoluta li jsir investiment f'finanzjamenti u f'livelli ta' persunal adegwati għall-aġenziji kollha li joperaw fl-oqsma tal-migrazzjoni, tas-sigurtà, tal-kontroll fil-fruntieri u tad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari l-Europol, l-Eurojust, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE), il-Frontex u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA); jenfasizza li l-UPPE jeħtieġlu jkun mgħammar bil-mezzi neċessarji biex ikun jista' jwettaq investigazzjoni bir-reqqa u prosekuzzjoni tal-attivitajiet kriminali transfruntieri;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni toħloq b'urġenza fond dirett għas-sostenn favur l-operazzjonijiet ta' riċerka u salvataġġ bil-għan li tiġi garantita preżenza qawwija ta' SAR fil-Mediterran;

37.  Itenni r-rieda tiegħu li juża l-baġit tal-Unjoni bħala strument biex ikunu miġġielda b'mod effikaċi l-inugwaljanzi eżistenti u tkun promossa l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, b'mod partikolari jiġu ddestinati aktar riżorsi għall-objettiv Daphne tal-Programm ta' Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza u għall-iżvilupp tal-bniedem fil-qafas tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp; jenfasizza li huma meħtieġa finanzjamenti adegwati għall-ġlieda kontra l-vjolenza sessista u l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet rifuġjati u ta' kategoriji vulnerabbli oħrajn, bħall-persuni LGBTQI+;

38.  Jipproponi żieda ta' 10 % f'approprjazzjonijiet ta' impenn għas-sottoprogrammi MEDIA u Kultura tal-programm Ewropa Kreattiva, sabiex jiġu rimedjati s-sottofinanzjament kroniku tagħhom u r-rati ta' suċċess baxxi tal-applikazzjoni; iżid ukoll l-approprjazzjonijiet għall-azzjonijiet multimedjali, li huma kruċjali biex tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni u jiġi promoss il-ġurnaliżmu indipendenti;

39.  Jipproponi wkoll żieda mmirata tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni ddestinata għall-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini;

40.  Iżid għalhekk l-Intestatura 3 b'EUR 121 799 746 f'approprjazzjonijiet ta' impenn 'il fuq mil-livelli tal-AB (esklużi l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji), li għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta' mobilizzazzjoni ulterjuri ta' strumenti speċjali;

Intestatura 4 – Ewropa Globali

41.  Jissottolinja l-ħtieġa li l-baġit tal-Unjoni jikkontribwixxi aktar għall-miżuri ta' mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u ta' adattament għalih kif ukoll għad-diplomazija klimatika fil-pajjiżi koperti mill-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili; jindika l-possibbiltà li l-baġit tal-Unjoni jagħti assistenza finanzjarja għat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri u jimmobilizza strumenti finanzjarji innovattivi, inkluż il-pjan tal-UE għall-investimenti esterni, biex jingħata sostenn lit-tħejjija u lill-finanzjament ta' proġetti ta' żvilupp relatati mal-klima fl-Afrika;

42.  Jipproponi żieda sostanzjali fil-finanzjamenti għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fl-ambitu tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni, speċjalment fl-oqsma tal-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u l-amministrazzjoni pubblika; jissottolinja l-importanza ta' finanzjamenti sinifikattivi fid-dawl tal-bosta sfidi li l-Unjoni se jkollha tħabbat wiċċha magħhom flimkien mal-Istati Membri fil-Viċinat Ewropew biex issostni r-riformi politiċi u l-allinjament mal-acquis fil-Balkani tal-Punent;

43.  Ifakkar li, minħabba t-theddid persistenti għas-sigurtà u d-deterjorament tal-kundizzjonijiet ta' sigurtà fil-fruntieri tal-Lvant tal-Unjoni, kif ukoll ir-riformi impenjattivi li s-sħab tal-Ewropa tal-Lvant jiffaċċjaw, huwa importanti li jiġi pprovdut finanzjament suffiċjenti li jappoġġja l-prevenzjoni tal-kriżijiet u tal-kunflitti, l-istabbiltà, id-demokrazija u t-tisħiħ tal-fiduċja u li jiġu intensifikati l-isforzi sabiex jiġu appoġġjati t-tnaqqis tal-faqar u l-iżvilupp ekonomiku fir-reġjun; ifakkar ukoll li l-pajjiżi tal-viċinat tan-Nofsinhar għandhom bżonn appoġġ finanzjarju addizzjonali billi qegħdin jaffrontaw pressjoni enormi, inklużi l-kunflitti fis-Sirja u fil-Libja, il-qawmien tal-estremiżmu u l-movimenti relatati tar-rifuġjati u tal-migranti;

44.  Jinsab inkwetat ħafna bid-deċiżjoni tal-Istati Uniti li jirtiraw il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali tagħhom favur l-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA) u jqis li l-Unjoni jmissha tikkontribwixxi biex tikkumpensa d-distakk li jirriżulta; jirrikonoxxi r-rwol effikaċi li tiżvolġi l-UNRWA biex tiżgura li ma jiġix interrott l-għoti ta' servizzi bażiċi lil miljuni ta' rifuġjati Palestinjani, billi tikkontribwixxi għall-istabbiltà reġjonali u tiġġieled kontra r-radikalizzazzjoni, konformement mal-Istrateġija Globali tal-UE fil-Lvant Nofsani.

45.  Jinsab inkwetat ħafna bid-deċiżjoni tal-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti li timponi dazji fuq diversi prodotti tal-UE wara s-sentenza tat-tribunal tal-arbitraġġ tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fil-każ Airbus; jimpenja ruħu li jindirizza din il-kwistjoni fil-perjodu ta' konċiljazzjoni li jmiss tal-proċedura baġitarja 2020, billi jforni ż-żidiet neċessarji għal linji baġitarji magħżula, b'mod partikolari għall-finanzjament ta' miżuri biex jindirizzaw u jtaffu l-impatt tal-ostakli kummerċjali tal-Istati Uniti fil-konfront tal-impriżi tal-Unjoni.

46.  Iqis li hemm bżonn jiżdiedu l-approprjazzjonijiet għal-linja baġitarja għall-Komunità Ċiprijotta Torka, bl-iskop li jingħata kontribut b'mod deċiżiv għat-tkomplija u għall-intensifikazzjoni tal-missjoni tal-Kumitat għall-Persuni Nieqsa f'Ċipru, għall-benesseri tal-Maroniti li jkunu jixtiequ risistemazzjoni u dik tal-persuni li jinsabu f'enklavi kif miftiehem fit-tielet Ftehim ta' Vjenna, u li jingħata appoġġ lill-Kumitat Tekniku dwar il-Patrimonju Kulturali taż-żewġ komunitajiet (TCCH), biex b'hekk jiġu promossi l-fiduċja u r-rikonċiljazzjoni bejn iż-żewġ komunitajiet;

47.  Jisħaq fuq ir-responsabbiltà tal-Unjoni li tappoġġja l-protezzjoni tal-Artiku; jissottolinja l-importanza li jsir investiment f'politika tal-UE għall-Artiku li tkun aktar koerenti;

48.  Jitlob żieda fil-finanzjamenti għall-proġetti ċċentrati fuq l-appoġġ għar-rifuġjati mill-Venezwela li jkunu ħarbu lejn il-pajjiżi ġirien inklużi t-territorji tal-Istati Membri fil-Karibew;

49.  Jemmen li, fid-dawl tat-tentattivi gravi u persistenti min-naħa tat-Turkija li tikkomprometti l-istabbiltà reġjonali u tal-aġir aggressiv tagħha fil-konfront tal-Istati Membri, kif ukoll tal-azzjoni militari unilaterali reċenti tagħha fis-Sirja tal-Grigal diretta kontra l-popolazzjoni Kurda, li ddeterminat spostament ulterjuri ta' rifuġjati Sirjani u diffikultajiet importanti għall-aċċess għall-assistenza umanitarja bi tbatija iebsa għall-popolazzjoni ċivili, u b'hekk ikkompromettiet l-istabbiltà tar-reġjun kollu kemm hu kif ukoll tan-nuqqasijiet tagħha f'dak li għandu x'jaqsam mad-demokrazija, mal-istat tad-dritt u mad-drittijiet fundamentali, huwa ġustifikat li jitqaċċtu l-approprjazzjonijiet għat-Turkija fl-ambitu tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni u jiġu ffriżati l-EUR 100 miljun (ammont li jiddaħħal f'riżerva); jissottolinja madankollu li l-iffriżar u t-tqaċċit la għandhom jolqtu lis-soċjetà ċivili, la r-rifuġjati u lanqas l-istudenti Sirjani fit-Turkija;

50.  Jikkundanna l-invażjoni Torka tas-Sirja tal-Grigal, li qiegħda tikkawża numru kbir ta' vittmi fost il-popolazzjoni ċivili, b'hekk iżżid in-numru ta' rifuġjati u tkompli tiddestabbilizza r-reġjun; jippjana għaldaqstant li jintervjeni b'konsegwenza t'hekk, fid-dawl tal-iżviluppi li għaddejjin, billi jaġġusta l-pożizzjoni tiegħu fuq il-linji baġitarji ddedikati għat-Turkija, u, fl-istess ħin, iżomm l-appoġġ finanzjarju favur l-atturi tas-soċjetà ċivili, matul il-konċiljazzjoni għall-baġit annwali 2020.

51.  Jiddeplora r-rwol limitat tal-Parlament fis-superviżjoni u fil-governanza tal-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-Afrika (EUTF); iqis li huwa fundamentali li l-Parlament jista' jissorvelja l-attivitajiet tal-Kumitat Operattiv u jistieden lill-Kummissjoni tforni informazzjoni dettaljata dwar id-deċiżjonijiet meħuda f'dan il-Kumitat u tiżgura li l-Parlament ikun irrappreżentat fil-laqgħat tal-Kumitat;

52.  Iżid l-Intestatura 4 b'total ta' EUR 257 217 394 'l fuq mill-AB (esklużi l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji), li għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta' mobilizzazzjoni ulterjuri ta' strumenti speċjali;

Intestatura 5 – Amministrazzjoni; Intestaturi oħra - nefqa amministrattiva u ta' sostenn għar-riċerka

53.  Jerġa' jġib il-livelli tal-AB għal-linji tan-nefqa amministrattiva kif kienu, inkluża n-nefqa ta' sostenn amministrattiv u għar-riċerka fl-Intestaturi 1 sa 4; jipproponi żieda ta' EUR 5,5 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn 'il fuq mill-AB għal Konferenza dwar id-Demokrazija Ewropea/il-Futur tal-Ewropa; jirrimarka li l-Konferenza għandha tkun tista' topera bil-livell meħtieġ ta' awtonomija u li l-Parlament għandu jkun involut fuq bażi ugwali mal-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra; jenfasizza, barra minn hekk, li l-Konferenza għandha tippermetti l-parteċipazzjoni u l-impenn ta' firxa wiesgħa ta' ċittadini inklużi ż-żgħażagħ;

Proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji (PP-AP)

54.  Ifakkar fl-importanza tal-proġetti pilota u tal-azzjonijiet preparatorji (PP-AP) bħala għodod għall-formulazzjoni ta' prijoritajiet politiċi u għall-introduzzjoni ta' inizjattivi ġodda li għandhom il-potenzjal li jinbidlu f'attivitajiet u programmi permanenti tal-Unjoni; jenfasizza f'dan ir-rigward li, fil-każ tal-proġetti pilota u tal-azzjonijiet preparatorji li jwittu t-triq għal programmi ġodda sostnuti mill-President tal-Kummissjoni attwali u mill-Parlament, bħall-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, il-Kummissjoni għandha toqgħod partikolarment attenta li timplimentahom f'forma li tkun tikseb l-akbar appoġġ min-naħa tal-Parlament; wara li wettaq analiżi bir-reqqa tal-proposti kollha mressqa u kkunsidra bis-sħiħ il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-konformità tagħhom mar-rekwiżiti ġuridiċi u l-implimentabbiltà tagħhom, jadotta pakkett ibbilanċjat ta' PP-AP li jirrifletti l-prijoritajiet politiċi tal-Parlament; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta malajr il-PP-AP u tipprovdi feedback dwar il-prestazzjonijiet u r-riżultati tagħhom fuq il-post;

Pagamenti

55.  Jiġbed l-attenzjoni għall-marġni mingħajr preċedent ta' EUR 20 067,6 miljun li kien baqa' taħt il-limitu massimu għall-pagamenti fl-AB, minħabba l-bidu tard ħafna tal-programmi 2014-2020 u l-akkumulu korrispondenti ta' pagamenti mhux użati, b'mod partikolari fis-Subintestatura 1b; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi evitat akkumulu enormi ta' talbiet għal pagamenti fil-bidu tal-QFP li jmiss li jista' jwassal għal kriżi oħra tal-pagamenti fil-baġit tal-Unjoni, kif kien il-każ fil-perjodu li għaddej bħalissa, u li jista' jimpedixxi l-bidu ordnat tal-ġenerazzjoni li jmiss tal-programmi għall-2021-2027;

56.  Iżid, għaldaqstant, il-pagamenti għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej b'total ta' EUR 3 biljun u jistenna li l-Istati Membri se jkomplu jaċċeleraw l-implimentazzjoni tal-programmi operattivi tagħhom fl-aħħar sena tal-QFP attwali, u jirrispettaw aktar it-tbassir tagħhom stess; iżid il-proviżjonament tal-fond ta' garanzija tal-FEIS b'EUR 948 miljun sabiex jiġu riportati għall-2020, b'mod newtrali għall-baġit, dawk il-pagamenti akkont annwali li s'issa kienu ppjanati għas-snin 2021 sal-2023, jiġifieri meta l-pressjoni fuq il-pagamenti tkun mistennija li tkun ogħla; fl-aħħar nett, iżid l-approprjazzjonijiet ta' pagament fuq dawk il-linji li għalihom hemm żieda fl-approprjazzjonijiet ta' impenn;

Taqsimiet oħrajn

Taqsima I – Il-Parlament Ewropew

57.  Jerġa' jġib l-approprjazzjonijiet stabbiliti fl-estimi kif kienu fuq il-bażi ta' analiżi bir-reqqa u responsabbli tal-bżonnijiet tal-Parlament għall-2020 u adottati b'maġġoranza kbira mill-Plenarja fir-riżoluzzjoni tiegħu li ssemmiet hawn fuq tal-28 ta' Marzu 2019; huwa konxju li l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jippermetti lill-Kummissjoni taġġusta l-abbozz tal-estimi tal-Istituzzjonijiet l-oħra; jesprimi madankollu s-sorpriża u t-tħassib serju tiegħu rigward it-tnaqqis tal-Kummissjoni fil-baġit tal-Parlament, li jikser it-tradizzjoni ta' kooperazzjoni tajba bejn iż-żewġ istituzzjonijiet.

58.  Iżid żewġ linji 'l fuq mill-AB, minħabba elementi ġodda li għandhom impatt fuq l-allowances tranżitorji għall-baġit 2020, li ma kienx possibbli li jiġu evitati, jiġifieri: ir-rata ogħla ta' Membri li ma reġgħux ġew eletti fl-elezzjonijiet Ewropej (63 %, meta għall-kalkolu kienet intużat medja ta' 50 %) u l-posponiment tal-Brexit għall-31 ta' Ottubru 2019; iżid ukoll il-linja dwar il-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, peress li xogħolhom huwa kruċjali fil-promozzjoni tad-demokrazija u l-ġlieda kontra l-aħbarijiet foloz u d-diżinformazzjoni;

59.  F'konformità mal-estimi li adotta l-Parlament:

   a) jitlob lill-Bureau jaħdem fuq soluzzjoni teknika li tippermetti lill-Membri jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw anki meta jibbenefikaw mil-liv tal-maternità, tal-paternità jew tal-mard għal żmien twil;
   b) itenni l-appell tiegħu favur proċess deċiżjonali trasparenti fil-qasam tal-politika immobiljari; ma jaqbilx, għalhekk, mal-prattika kurrenti tat-"trasferiment ta' tlaqqit" ta' tmiem is-sena biex tikkontribwixxi għall-proġetti immobiljari ta' bħalissa, trasferiment li sistematikament isir fl-istess kapitoli u l-istess titoli u, spiss, eżattament fl-istess linji baġitarji; iqis li l-politika immobiljari għandha tkun iffinanzjata b'mod trasparenti mil-linji baġitarji ddedikati għaliha;
   c) ifakkar fit-talba tiegħu lill-Bureau biex jieħu azzjoni ħalli jallinja b'mod sħiħ, mill-1 ta' Jannar 2020, l-ammonti tal-allowances imħallsa lill-uffiċjali, lill-aġenti l-oħrajn u lill-assistenti parlamentari akkreditati (APA) għall-ispejjeż imġarrba waqt l-ivvjaġġar fit-tliet postijiet tax-xogħol tal-Parlament;
   d) itenni t-talba tiegħu lill-Konferenza tal-President u lill-Bureau biex jirrevedu d-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni li jirregolaw il-ħidma tad-delegazzjonijiet u tal-missjonijiet barra mill-Unjoni Ewropea; jissottolinja l-fatt li tali reviżjoni għandha tqis il-possibbiltà li l-APA, suġġetti għal ċerti kundizzjonijiet, jakkumpanjaw lill-Membri f'delegazzjonijiet u f'missjonijiet uffiċjali tal-Parlament;
   e) jitlob lis-Segretarju Ġenerali jippreżenta malajr ir-regoli ta' implimentazzjoni biex jiġu żgurati d-drittijiet statutorji tal-APA sabiex tiġi evitata interpretazzjoni diskrezzjonali u l-inugwaljanzi attwali li jimpedixxu l-eżerċizzju sħiħ ta' xogħolhom kif iddikjarat fl-ambitu tal-Istatuti tal-Membri u tal-Assistenti;
   f) jitlob li jiġu implimentati bis-sħiħ il-miżuri li l-Parlament irrakkomanda fir-riżoluzzjoni tas-26 ta' Ottubru 2017 dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-Unjoni Ewropea(8), jiġifieri l-implimentazzjoni ta' taħriġ kontra l-fastidju għall-persunal u l-Membri kollha, l-awditjar estern għaż-żewġ kumitati eżistenti kontra l-fastidju kif ukoll ir-ristrutturar taż-żewġ kumitati eżistenti f'kumitat wieħed indipendenti, fejn bħala membri permanenti jkun hemm tobba u avukati; jitlob aktar appoġġ biex ikopri l-kost ta' persunal addizzjonali li jkun kompetenti biex jittratta l-każijiet ta' fastidju fi ħdan il-Parlament, li jlaqqa' flimkien f'servizz ad hoc persunal b'kompetenzi esperti fil-qasam mediku, psikoloġiku, ġuridiku u ta' ġestjoni tar-riżorsi umani u li jkopri l-ispejjeż legali u mediċi tal-vittmi ta' fastidju skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal;
   g) itenni t-talba tiegħu lis-Segretarju Ġenerali biex jippreżenta stimi dettaljati u qsim analitiku tal-kostijiet tax-xogħlijiet tekniċi preparatorji fil-binja SPAAK fid-dawl tar-rinnovazzjoni tagħha, ivvalutati fi EUR 12,4-il miljun;
   h) jitlob mill-ġdid li jsir aktar użu tal-vidjokonferenzi u ta' teknoloġiji oħra biex jitħares l-ambjent u jiġu ffrankati r-riżorsi, b'mod partikolari biex jonqsu l-vjaġġi tal-persunal bejn it-tliet postijiet tax-xogħol;

Taqsimiet oħra (Taqsimiet IV-X)

60.  Jinnota li, sostanzjalment, l-AB jirrifletti l-estimi tal-istituzzjonijiet varji li jaqgħu taħt it-taqsimiet l-oħra tal-baġit u għalhekk jaqbel, b'xi eċċezzjonijiet, mar-rekwiżiti finanzjarji tagħhom; iqis li t-tnaqqis propost mill-Kunsill għalhekk ikollu effett deleterju fuq il-funzjonament tal-istituzzjonijiet ikkonċernati, u konsegwentement fuq il-kontribut vitali li jagħtu għall-funzjonament tal-Unjoni; jipproponi, għal din ir-raġuni, li jinġiebu lura l-livelli tal-AB kif kienu fi kważi l-każijiet kollha, inkluż fir-rigward tat-tabelli tal-persunal tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna; ma jimmodifikax, konformement mal-gentlemen's agreement, il-qari tal-Kunsill li jikkonċerna l-Kunsill u l-Kunsill Ewropew;

61.  Iqis li, f'għadd limitat ta' każijiet u b'kont meħud tal-estimi tal-istituzzjonijiet, huwa meħtieġ li jiżdiedu l-linji 'l fuq mill-AB u li jiġu ssuġġeriti postijiet tax-xogħol addizzjonali; jipproponi għaldaqstant:

   a) fir-rigward tal-Qorti tal-Ġustizzja, u minħabba l-ammont ta' xogħol dejjem jiżdied tagħha, li jiġu jiddaħħlu l-11-il post tax-xogħol proposti mill-Qorti fl-estimi tagħha (7 postijiet AD u 4 AST), li l-Kummissjoni ma inkludietx fl-AB, u li jiġu previsti l-approprjazzjonijiet meħtieġa għar-remunerazzjonijiet u l-allowances;
   b) fir-rigward tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni, li jiżdiedu l-approprjazzjonijiet 'il fuq mill-AB għal xi linji, sabiex jinżamm livell ta' approprjazzjonijiet simili għal tas-sena l-oħra;
   c) fir-rigward tal-Ombudsman Ewropew, li jiżdiedu żewġ postijiet AD 'il fuq mill-AB, flimkien ma' tnaqqis ċkejken għal tliet linji baġitarji, sabiex l-ammonti jinġiebu lura għal żewġ linji oħra;

o
o   o

62.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-emendi għall-abbozz tal-baġit ġenerali, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-istituzzjonijiet l-oħra u lill-entitajiet ikkonċernati kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105.
(2) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(4) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(5) Testi adottati, P8_TA(2019)0210.
(6) Testi adottati, P8_TA(2019)0326.
(7) Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31).
(8) Testi adottati, P8_TA(2017)0417.


Kwittanza 2017: L-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO)
PDF 165kWORD 54k
Deċiżjoni
Deċiżjoni
Riżoluzzjoni
1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2019 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil għas-sena finanzjarja 2017 (2018/2208(DEC))
P9_TA(2019)0039A9-0011/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Uffiċċju(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2019 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Uffiċċju għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017 (05825/2019 – C8-0098/2019),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2019(3) li tipposponi d-deċiżjoni ta' kwittanza għas-sena finanzjarja 2017, kif ukoll ir-risposti tad-Direttur Eżekuttiv tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom)  2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 70 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 439/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 li jistabbilixxi Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 36 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta' Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(8), u b'mod partikolari l-Artikolu 105 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0011/2019),

1.  Jiċħad il-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju għas-sena finanzjarja 2017;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil għas-sena finanzjarja 2017 (2018/2208(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Uffiċċju(9),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(10) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2019 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Uffiċċju għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017 (05825/2019 – C8-0098/2019),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2019(11) li tipposponi d-deċiżjoni ta' kwittanza għas-sena finanzjarja 2017, kif ukoll ir-risposti tad-Direttur Eżekuttiv tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(12), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom)  2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(13), u b'mod partikolari l-Artikolu 70 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 439/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 li jistabbilixxi Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil(14), u b'mod partikolari l-Artikolu 36 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(15), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta' Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(16), u b'mod partikolari l-Artikolu 105 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0011/2019),

1.  Jirrimarka li l-proposta għall-għeluq tal-kontijiet tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil għas-sena finanzjarja 2017 għandha tiġi ppreżentata fis-sessjoni parzjali ta’ wara;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

3. Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Ottubru 2019 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil għas-sena finanzjarja 2017 (2018/2208(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0011/2019),

A.  billi l-istituzzjonijiet deċentralizzati kollha tal-Unjoni għandhom ikunu trasparenti u jagħtu rendikont sħiħ liċ-ċittadini tal-Unjoni għall-fondi fdati lilhom bħala korpi tal-Unjoni;

B.  billi r-rwol tal-Parlament fir-rigward tal-kwittanza baġitarja huwa speċifikat fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), fir-Regolament Finanzjarju u fir-Regolament Finanzjarju Strutturali;

1.  Jenfasizza l-importanza ta' aġir responsabbli u trasparenti fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni;

2.  Ifakkar fir-rwol tal-Parlament fil-proċedura ta' kwittanza, kif regolata mit-TFUE, mir-Regolament Finanzjarju u mir-Regoli ta' Proċedura tiegħu;

Bażi għal opinjoni avversa dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet għas-sena finanzjarja 2017

3.  Ifakkar li, skont ir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), l-istanzi materjali u sistematiċi ta' nonkonformità tal-pagamenti mar-Regolament Finanzjarju tal-EASO u ma' regoli u dispożizzjonijiet applikabbli oħra huma prinċipalment relatati mal-proċeduri ta' reklutaġġ u akkwist pubbliku li fuqhom huma bbażati l-pagamenti; jiddispjaċih, barra minn hekk, li n-natura sistematika tan-nonkonformità turi sistema ta' kontroll intern inadegwata; jiddispjaċih ħafna li s-somma kkombinata ta' żbalji li jirriżultaw minn pagamenti irregolari tammonta għal mill-inqas EUR 7,7 miljun jew 10,3 % tal-pagamenti totali magħmula mill-Uffiċċju fl-2017;

L-eżitu tal-investigazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF)

4.  Jiddeplora l-irregolaritajiet li sab l-OLAF b'rabta ma' ksur fil-proċeduri ta' akkwist, miżapproprjazzjoni tal-fondi tal-Unjoni, amministrazzjoni ħażina, abbuż tal-poter fi kwistjonijiet relatati mar-riżorsi umani, ksur tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, fastidju u mġiba mhux xierqa fil-konfront tal-membri tal-persunal fl-2017; itenni l-appell tiegħu biex l-Uffiċċju jinforma lill-awtorità tal-kwittanza dwar is-segwitu tal-miżuri proposti mill-OLAF; jifhem it-talba tal-Uffiċċju li jirrapporta f'aktar dettall fil-post opportun minħabba kwistjonijiet ta' kunfidenzjalità u protezzjoni tad-data;

5.  Jilqa' d-deċiżjoni tas-6 ta' Ġunju 2018 tal-Bord ta' Tmexxija tal-Uffiċċju li jneħħi lid-Direttur Eżekuttiv mill-kariga tiegħu b'effett immedjat; jenfasizza, madankollu, li l-baġit għas-sena finanzjarja 2017 ġie implimentat taħt is-superviżjoni tal-amministrazzjoni preċedenti tal-Uffiċċju; jenfasizza li dan ir-rapport jirrigwarda l-proċedura ta' kwittanza għas-sena finanzjarja 2017; jilqa' l-ħatra ta' Direttur Eżekuttiv ad interim fis-6 ta' Ġunju 2018 u l-ħatra ta' Direttur Eżekuttiv ġdid fis-16 ta' Ġunju 2019; jirrikonoxxi l-impenn tad-Direttur Eżekuttiv il-ġdid li jwettaq riformi sinifikanti li jiżguraw governanza soda; japprezza l-messaġġ pożittiv li esprima d-Direttur Eżekuttiv il-ġdid fis-seduta ta' smigħ pubbliku tal-4 ta' Settembru 2019, kif ukoll l-intenzjoni tal-Uffiċċju li jikkoopera mill-qrib fil-futur;

Segwitu għall-kwittanza tal-2016 u għar-rapport tal-ewwel kwittanza tal-2017

6.  Ifakkar fid-deċiżjoni motivata tal-24 ta' Ottubru 2018(17) li fiha l-Parlament Ewropew irrifjuta li jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Uffiċċju għas-sena finanzjarja 2016; ifakkar li, fis-26 ta' Marzu 2019, il-Parlament iddeċieda li jipposponi d-deċiżjoni dwar il-kwittanza tal-Uffiċċju għall-2017;

7.  Jilqa' r-rapport ta' segwitu min-naħa tal-Uffiċċju dwar l-osservazzjonijiet tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2017, partikolarment il-miżuri korrettivi meħuda mill-Bord ta' Tmexxija tal-Uffiċċju, id-Direttur Eżekuttiv ad interim u d-Direttur Eżekuttiv il-ġdid sabiex isir titjib fl-istruttura ta' governanza u l-effiċjenza tal-Uffiċċju, tinġieb lura t-trasparenza u tissaħħaħ il-fiduċja; jappoġġja u japprezza l-miżuri mħabbra fil-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Governanza tal-EASO għall-2019; iħeġġeġ lill-Uffiċċju jinforma regolarment u pubblikament lill-awtorità tal-kwittanza dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni;

8.  Jirrikonoxxi l-isforzi u japprezza l-progress li sar fl-implimentazzjoni tas-sistemi ta' kontroll intern, li jinkludu kontrolli fuq l-operazzjonijiet relatati mal-akkwist u mal-infiq; jappoġġja d-deċiżjoni li, bil-ħolqien ta' servizz legali intern, l-esternalizzazzjoni tal-konsulenza legali tonqos u ma ddumx ma tispiċċa; jappoġġja l-osservazzjonijiet tal-Qorti dwar il-bżonn ta' aktar azzjonijiet korrettivi;

9.  Jinnota b'sodisfazzjon l-implimentazzjoni ta' żewġ terzi tal-azzjonijiet korrettivi tal-Uffiċċju f'dak li għandu x'jaqsam mal-proċeduri ta' akkwist, b'mod partikolari rigward il-pagamenti fi proċessi ta' akkwist irregolari, kif ukoll it-tlestija ta' proċeduri miftuħa ġodda, li ġew awditjati mill-Qorti mingħajr ma tqajjem ebda kumment;

10.  Jilqa' l-pjan ta' reklutaġġ ambizzjuż li ġie implimentat u l-impatt pożittiv tiegħu fuq il-mili ta' pożizzjonijiet maniġerjali u pożizzjonijiet vakanti oħrajn; jinnota b'sodisfazzjon l-implimentazzjoni ta' miżuri ġodda li huma mmirati lejn il-prevenzjoni tal-fastidju, iż-żieda fil-benessri tal-persunal u t-tnaqqis fit-tibdil kontinwu tal-ħaddiema; iħeġġeġ lill-Uffiċċju jfittex jiffinalizza r-reklutaġġ – f'konformità sħiħa mal-proċeduri legali rilevanti – u jipprovdi segwitu regolari dwar ir-riżultati miksuba;

11.   Jinnota b'sodisfazzjon li l-maġġoranza tal-membri tal-Bord ta' Tmexxija ppubblikaw id-dikjarazzjonijiet ta' interess u is-CVs tagħhom fis-sit web tal-Uffiċċju; jitlob li l-membri li għadhom ma ppubblikawx is-CVs tagħhom jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli; jilqa' l-impenn tat-tmexxija l-ġdida li tqajjem kuxjenza, tipprevjeni, tidentifika u tindirizza kwalunkwe sitwazzjoni ta' kunflitt ta' interess li jista' jkun hemm; jistieden lill-Uffiċċju biex, f'dan is-sens, fil-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Governanza li jmiss, jiżviluppa u jimplimenta strateġija komprensiva li tispjega dan l-impenn, u jinforma lill-awtorità tal-kwittanza bir-riżultati li jinkisbu;

12.   Jinnota b'sodisfazzjon il-miżuri maħsuba mit-tmexxija l-ġdida tal-Uffiċċju biex l-informaturi jingħataw kuraġġ u protezzjoni; ifakkar li ambjent sikur għall-informaturi huwa element kruċjali għall-prevenzjoni, il-kxif u l-indirizzar ta' prattiki irregolari u illegali; jistenna l-adozzjoni rapida ta' regoli u linji gwida interni fir-rigward ta' żvelar ta' informazzjoni protetta u "revolving doors" u jistieden lill-Uffiċċju jirrapporta aktar fid-dettall dwar ir-riżultati miksuba;

o
o   o

13.  Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta' natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2019(18) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) ĠU C 434, 30.11.2018, p. 116.
(2) ĠU C 434, 30.11.2018, p. 116.
(3) ĠU L 249, 27.9.2019, p. 182.
(4) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(5) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(6) ĠU L 132, 29.5.2010, p. 11.
(7) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.
(8) ĠU L 122, 10.5.2019, p. 1.
(9) ĠU C 434, 30.11.2018, p. 116.
(10) ĠU C 434, 30.11.2018, p. 116.
(11) ĠU L 249, 27.9.2019, p. 182.
(12) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(13) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(14) ĠU L 132, 29.5.2010, p. 11.
(15) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.
(16) ĠU L 122, 10.5.2019, p. 1.
(17) ĠU L 331, 28.12.2018, p. 213.
(18) ĠU L 249, 27.9.2019, p. 361.


Kwittanza 2017: Baġit Ġenerali tal-UE - Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill
PDF 138kWORD 51k
Deċiżjoni
Riżoluzzjoni
1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2019 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill (2018/2168(DEC))
P9_TA(2019)0040A9-0010/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017 (COM(2018)0521 – C8-0320/2018)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kunsill għall-awtorità ta' kwittanza dwar il-verifiki interni mwettqa fis-sena 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet,(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2019(5) li tiddifferixxi d-deċiżjoni ta' kwittanza għas-sena finanzjarja 2017, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li takkumpanjaha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(6), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(7), u b'mod partikolari l-Artikoli 59, 118, 260, 261 u 262 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0010/2019),

1.  Jiċħad il-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill għas-sena finanzjarja 2017;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Ottubru 2019 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill (2018/2168(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0010/2019),

A.  billi l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni jeħtiġilhom ikunu trasparenti u jagħtu rendikont sħiħ liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni għall-fondi fdati lilhom biex iwettqu l-kompiti tagħhom;

B.  billi l-Parlament huwa l-uniku korp direttament elett fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, bir-responsabbiltà li jagħti l-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea;

C.  billi l-proċedura tal-għoti ta' kwittanza b'mod separat lill-istituzzjonijiet u lill-korpi individwali tal-Unjoni hija prattika stabbilita minn żmien ilu u aċċettata mill-istituzzjonijiet l-oħrajn kollha għajr il-Kunsill, u billi din il-proċedura ġiet żviluppata biex tiggarantixxi t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont demokratiku fil-konfront taċ-ċittadini tal-Unjoni u tiġi segwita l-ġlieda meħtieġa kontra l-frodi;

1.  Ifakkar li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom awtonomija amministrattiva fi kwistjonijiet relatati mal-operazzjonijiet rispettivi tagħhom; jissottolinja l-importanza li jaġixxu b'mod responsabbli u professjonali fl-implimentazzjoni tal-baġits tagħhom;

2.  Jissottolinja r-rwol tal-Parlament fil-proċedura ta' kwittanza, hekk kif regolat mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament Finanzjarju u li, b'rikonoxximent sħiħ tar-rwol tal-Kunsill bħala istituzzjoni li tagħti rakkomandazzjonijiet fil-proċedura ta' kwittanza, trid tinżamm distinzjoni fir-rigward tar-rwoli differenti tal-Parlament u tal-Kunsill biex ikun hemm konformità mal-qafas istituzzjonali stabbilit fit-Trattati u fir-Regolament Finanzjarju;

3.  Ifakkar li l-Parlament jagħti kwittanza lill-istituzzjonijiet l-oħra wara li jikkunsidra d-dokumenti pprovduti u r-risposti mogħtija lill-mistoqsijiet, u wara li jisma' s-segretarji ġenerali tal-istituzzjonijiet l-oħra; itenni li l-Kunsill jeħtieġlu jieħu sehem bis-sħiħ u b'rieda tajba fil-proċedura ta' kwittanza annwali, bħalma jagħmlu l-istituzzjonijiet l-oħra; jiddispjaċih bid-diffikultajiet li nqalgħu s'issa fil-proċeduri ta' kwittanza tal-Kunsill;

4.  Jiddispjaċih li l-Kunsill reġa' naqas milli jagħti risposti lill-mistoqsijiet bil-miktub mibgħuta mill-Parlament, u li s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ma attendiex is-seduta ta' smigħ organizzata fis-27 ta' Novembru 2018 fil-kuntest tal-proċedura annwali ta' kwittanza; jiddispjaċih ukoll li l-Kunsill ukoll ma tax risposta għall-osservazzjonijiet li l-Parlament għamel fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza tiegħu tas-26 ta' Marzu 2019 u li b'hekk injora r-rwol tal-Parlament;

5.  Ifakkar fid-diffikultajiet li nqalgħu ripetutament fil-proċeduri ta' kwittanza tal-Kunsill sal-lum minħabba n-nuqqas ta' kooperazzjoni min-naħa tal-Kunsill u li wasslet biex il-Parlament irrifjuta li jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill fir-rigward tas-snin finanzjarji 2009-2016 u biex jippostponi d-deċiżjoni tiegħu f'Marzu 2019 għas-sena finanzjarja 2017;

6.  Jinnota li l-Kunsill ta risposta għall-proposta tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament dwar il-proċedura ta' kwittanza tal-Kunsill fit-2 ta' Mejju 2018 bi proposta emendata, u li l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament bagħat ir-reazzjoni tiegħu għall-proposta emendata tal-Kunsill fis-16 ta' Lulju 2018; iħeġġeġ lill-Kunsill jirreaġixxi rapidament għall-aktar proposta reċenti biex b'hekk l-arranġamenti l-ġodda għall-proċedura ta' kwittanza jkunu jistgħu jiġu applikati mill-aktar fis possibbli;

7.  Jiddispjaċih li t-talba biex il-baġit tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill jiġi sseparat f'baġit wieħed għal kull istituzzjoni, magħmula mill-Parlament f'riżoluzzjonijiet preċedenti ta' kwittanza, ma ġietx ikkunsidrata; jinsisti fuq din is-separazzjoni li tikkontribwixxi għal aktar trasparenza fil-ġestjoni finanzjarja taż-żewġ istituzzjonijiet u ttejjeb ir-responsabbiltà u l-effiċjenza tan-nefqa tagħhom;

8.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar l-ammont għoli ħafna ta' approprjazzjonijiet li ġew riportati mill-2017 għall-2018, b'mod partikolari dawk relatati mal-għamara, mat-tagħmir tekniku, mat-trasport u mas-sistemi informatiċi; ifakkar lill-Kunsill li r-riporti huma eċċezzjonijiet għall-prinċipju tal-annwalità u li għandhom jirriflettu ħtiġijiet reali; jiddeplora, barra minn hekk, il-fatt li l-Kunsill naqas milli jagħti biżżejjed informazzjoni dwar il-politika tal-proprjetà immobbli;

9.  Jilqa' pożittivament l-isforzi għat-tkomplija tat-titjib tal-ġestjoni u l-prestazzjoni finanzjarja, bħall-armonizzazzjoni tal-ippjanar baġitarju fuq livell ċentrali bl-integrazzjoni tal-Attività Pluriennali u l-Ippjanar tal-Baġit (MABP);

10.  Jirrikonoxxi titjib fil-proċess ta' modernizzazzjoni amministrattiva tal-Kunsill, bħal pereżempju li r-regoli interni għar-rapportar ta' irregolaritajiet serji jiġu ppubblikati fis-sit web tal-Kunsill flimkien ma' gwida dwar l-etika u l-imġiba għall-membri tal-persunal tal-Kunsill; jappella lill-Kunsill biex jissensibilizza dwar dawn ir-regoli u jiżgura li l-membri kollha tal-persunal jiġu informati kif xieraq dwar drittijiethom;

11.  Ifakkar li l-Kunsill qabel fuq il-proposta tal-Kummissjoni għal reġistru ta' trasparenza obbligatorju fis-6 ta' Diċembru 2017, iżda għadu ma implimentahiex; jiddeplora bil-qawwa l-fatt li l-Kunsill ma pparteċipax fl-iskema tar-reġistru ta' trasparenza; jappella bis-sħiħ lill-Kunsill ikompli bid-diskussjonijiet dwar l-aspetti tekniċi tal-pakkett ta' strumenti dwar ir-Reġistru ta' Trasparenza, biex jintlaħaq qbil politiku bejn it-tliet istituzzjonijiet mill-aktar fis possibbli, hekk kif aktar trasparenza fi ħdan l-istituzzjoni tal-Unjoni jżidu l-fiduċja pubblika fl-Unjoni;

12.  Jenfasizza li l-Parlament appoġġja b'votazzjoni f'seduta plenarja l-proposti tal-Ombudsman Ewropew relatati mar-rakkomandazzjonijiet u mas-suġġerimenti tal-Ombudsman Ewropew lill-Kunsill biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jsegwu l-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni b'mod aktar faċli (trasparenza tal-proċess leġiżlattiv tal-Kunsill, OI/2/2017/TE); ifakkar li l-Kunsill għandu, fost oħrajn, jirreġistra b'mod sistematiku l-pożizzjoni ta' kull Stat Membru fil-korpi preparatorji tal-Kunsill, jiżviluppa kriterji ċari u disponibbli għall-pubbliku għall-klassifikazzjoni ta' dokumenti bħala 'LIMITE', skont id-dritt tal-Unjoni, u jiżviluppa paġna web dedikata għal kull proposta leġiżlattiva u jtejjeb il-faċilità għall-utent li juża r-reġistru pubbliku tad-dokumenti;

13.  Itenni li l-Kunsill għandu jkun trasparenti u responsabbli għalkollox fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni għall-fondi fdati lilu bħala istituzzjoni tal-Unjoni;

14.  Jinsisti li eżerċizzju ta' kontroll baġitarju effikaċi jirrikjedi kooperazzjoni bejn il-Parlament u l-Kunsill b'rispett dovut għar-rwoli rispettivi tagħhom; iqis li kooperazzjoni sodisfaċenti bejn iż-żewġ istituzzjonijiet f'għamla ta' proċedura ta' djalogu miftuħ u formali tkun sinjal pożittiv għaċ-ċittadini tal-Unjoni;

15.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-informazzjoni rrapportata mill-mezzi tal-informazzjoni Ewropej dwar l-isponsorizzazzjoni minn impriżi tal-Istati Membri li jkollhom il-Presidenza tal-Unjoni u jirrifletti t-tħassib espress miċ-ċittadini tal-Unjoni u mill-Membri tal-Parlament; jirrikonoxxi li l-Istati Membri huma mistennija jiffinanzjaw il-Presidenzi tagħhom u jiddispjaċih li f'dawn l-aħħar snin saret prassi komuni li jsir użu minn sponsorizzazzjoni minn impriżi biex jiġu koperti wħud mill-ispejjeż tagħhom f'dan ir-rigward; jinsab imħasseb ħafna dwar il-ħsara possibbli għar-reputazzjoni u r-riskju ta' telf ta' fiduċja li din il-prattika jista' jkollha fuq l-Unjoni, fuq l-istituzzjonijiet tagħha u speċjalment fuq il-Kunsill f'għajnejn iċ-ċittadini tal-Unjoni; jissuġġerixxi li l-Kunsill jadotta linji gwida biex jippromwovi t-trasparenza finanzjarja u l-indipendenza tal-Presidenzi; jirrakkomanda bis-sħiħ li l-Kunsill jipprevedi l-ibbaġitjar tal-Presidenzi; ser jissorvelja mill-qrib il-konklużjonijiet tal-inkjesta tal-Ombudsman Ewropew relatata ma' din il-kwistjoni; jitlob lill-Kunsill jippreżenta dan it-tħassib lill-Istati Membri, b'mod partikolari lit-Triju ta' Presidenzi attwali;

16.  Huwa inkuraġġit bil-fatt li l-Kunsill iqis li jeħtieġ li jindirizza l-proċedura ta' kwittanza u huwa miftuħ għas-sejba ta' soluzzjoni flimkien mal-Parlament dwar kif għandhom jikkooperaw f'din il-kwistjoni mill-aktar fis possibbli.

(1) ĠU L 51, 28.2.2017.
(2) ĠU C 348, 28.9.2018, p. 1.
(3) ĠU C 357, 04.10.2018, p. 1.
(4) ĠU C 357, 04.10.2018, p. 9.
(5) ĠU L 249, 27.9.2019, p. 25.
(6) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(7) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.


Oġġezzjoni għal att ta’ implimentazzjoni: L-impatt tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fuq in-naħal tal-għasel
PDF 151kWORD 51k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2019 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (UE) Nru 546/2011 fir-rigward tal-valutazzjoni tal-impatt tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fuq in-naħal tal-għasel (D045385/06 – 2019/2776(RPS))
P9_TA(2019)0041B9-0149/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (UE) Nru 546/2011 fir-rigward tal-valutazzjoni tal-impatt tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fuq in-naħal tal-għasel (D045385/06),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE(1), u b'mod partikolari l-Artikolu (4) u l-Artikolu 78(1)(c) tiegħu u l-punt 3.8.3 tal-Anness II tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 546/2011 tal-10 ta' Ġunju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prinċipji uniformi għall-evalwazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 283/2013 tal-1 ta' Marzu 2013 li jistipula r-rekwiżiti tad-dejta għas-sustanzi attivi, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti(3) u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 284/2013 tal-1 ta' Marzu 2013 li jistipula r-rekwiżiti tad-dejta għall-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti(4),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Gwida tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fuq in-naħal (Apis mellifera, Bombus spp. u naħal solitarju), approvat fis-27 ta' Ġunju 2013 u aġġornat l-aħħar fl-4 ta' Lulju 2014(5) ("gwida dwar in-naħal tal-EFSA tal-2013"),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5a(3)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2019 dwar il-proċedura tal-Unjoni għall-awtorizzazzjoni tal-pestiċidi(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 112(2), (3) u (4)(c) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

A.  billi, skont il-Kummissjoni, kien hemm "tnaqqis drammatiku fl-okkorrenza u d-diversità tat-tipi kollha ta' insetti pollinaturi selvaġġi, inkluż naħal selvaġġi, sirfidi, friefet u baħrijiet. Għadd kbir ta' speċijiet pollinaturi huma estinti jew mhedda bl-estinzjoni"(8);

B.  billi r-rapport xjentifiku estern tal-EFSA tad-29 ta' Frar 2016 dwar it-tossiċità tal-pestiċidi wera li "t-tossiċità fit-tul tista' taqbeż il-previżjonijiet ibbażati fuq testijiet għal żmien qasir b'ordni ta' kobor"(9);

C.  billi, skont l-Artikolu 1(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-għan ta' dak ir-Regolament huwa "li jiżgura livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent u li jtejjeb it-tħaddim tas-suq intern permezz tal-armonizzazzjoni tar-regoli fuq it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, filwaqt li jtejjeb il-produzzjoni agrikola";

D.  billi l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 jipprevedi li "sustanza attiva għandha tkun approvata skont l-Anness II jekk jista' jkun mistenni, fid-dawl tat-tagħrif xjentifiku u tekniku attwali, li, meta jitqiesu l-kriterji għall-approvazzjoni li ġew stabbiliti fil-punti 2 u 3 ta' dak l-Anness, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom dik is-sustanza attiva jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti fil-paragrafi 2 u 3";

E.  billi, skont l-Artikolu 4(3)(e) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, prodott għall-protezzjoni tal-pjanti "m'għandu jkollu l-ebda effett inaċċettabbli fuq l-ambjent", meta jitqiesu b'mod partikolari ċerti konsiderazzjonijiet fejn il-metodi xjentifiċi aċċettati mill-Awtorità biex issir valutazzjoni ta' effetti bħal dawn ikunu disponibbli, b'mod partikolari l-kunsiderazzjoni "tal-impatt tiegħu fuq l-ispeċijiet li mhumiex immirati, inkluż fuq l-imġiba kurrenti ta' dawk l-ispeċi";

F.  billi, skont it-tieni inċiż tal-punt 3.8.3 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, sustanza attiva, aġent protettiv jew sinerġist għandha tiġi approvata biss jekk tkun stabbilita wara valutazzjoni xierqa tar-riskju fuq il-bażi ta' linji gwida għat-testijiet maqbula fil-livell Komunitarju jew internazzjonali, li l-użu taħt il-kondizzjonijiet proposti għall-użu ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom din is-sustanza attiva, aġent protettiv jew sinerġist "ma jkollu l-ebda effett akut jew kroniku inaċċettabbli fuq is-sopravivenza u l-iżvilupp ta' kolonji, meta jitqiesu l-effetti fuq il-larva tan-naħal tal-għasel jew l-imġiba tan-naħal tal-għasel";

G.  billi, b'hekk, ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 mar lil hinn mid-Direttiva l-antika tal-Kunsill 91/414/KEE(10) billi, fost affarijiet oħra, introduċa espliċitament rekwiżiti speċifiċi fir-rigward tal-effetti kroniċi tal-użu ta' sustanza attiva, aġent protettiv jew sinerġist fuq is-sopravivenza u l-iżvilupp ta' kolonji;

H.  billi r-rekwiżiti tad-data għas-sustanzi attivi kif ukoll għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ġew immodifikati fl-2013 biex jinkludu studji dwar l-effetti kroniċi ta' sustanzi u prodotti bħal dawn fuq in-naħal, kif ukoll studju dwar l-effetti ta' sustanzi u prodotti bħal dawn fuq l-iżvilupp tan-naħal tal-għasel u fuq stadji oħra tal-ħajja tan-naħal tal-għasel(11);

I.  billi fl-2013, l-EFSA aġġornat il-metodoloġija tal-valutazzjoni tar-riskju skont dan, fost oħrajn billi qieset l-effetti kroniċi fuq in-naħal kif ukoll l-effetti negattivi fuq in-naħal bagħli u n-naħal solitarju;

J.  billi l-metodoloġija aġġornata tal-valutazzjoni tar-riskju ġiet applikata fil-valutazzjonijiet tal-EFSA tad-data konfermatorja skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 485/2013(12) fir-rigward ta' tliet neonikotinojdi, u fl-2018 wasslet għal restrizzjonijiet kważi totali(13);

K.  billi, madankollu, il-gwida dwar in-naħal tal-EFSA tal-2013 għadha ma ġietx approvata formalment mill-Kumitat Permanenti stabbilit bl-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 ("il-Kumitat Permanenti");

L.  billi l-Kummissjoni tqis li tista' toqgħod biss fuq il-gwida dwar in-naħal tal-EFSA tal-2013 għal deċiżjonijiet fil-kuntest ta' rieżamijiet tal-approvazzjoni ad hoc skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, iżda mhux għal deċiżjonijiet standard dwar applikazzjonijiet għal approvazzjoni jew tiġdid, jekk il-gwida ma tiġix approvata mill-Istati Membri;

M.  billi l-Kummissjoni ppruvat tikseb l-implimentazzjoni tal-gwida dwar in-naħal tal-EFSA tal-2013 sabiex tkun tista' tapplika wkoll għal deċiżjonijiet standard dwar l-approvazzjoni jew it-tiġdid ta' sustanzi attivi u l-awtorizzazzjonijiet u l-awtorizzazzjonijiet mil-ġdid ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti;

N.  billi l-implimentazzjoni tal-gwida dwar in-naħal tal-EFSA tal-2013 tista' tinkiseb parzjalment billi jiġu emendati l-prinċipji uniformi stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 546/2011;

O.  billi l-Kummissjoni naqset milli tagħmel dan, madankollu, meta fl-2018, 16-il Stat Membru oġġezzjonaw għall-implimentazzjoni tal-gwida dwar in-naħal tal-EFSA tal-2013 fin-nuqqas ta' rieżami ulterjuri(14), b'mod partikolari tal-partijiet relatati mal-metodoloġija ta' valutazzjoni għar-riskji kroniċi;

P.  billi skont l-Artikolu 78(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-emendi għar-Regolament (UE) Nru 546/2011 għandhom iqisu l-għarfien xjentifiku u tekniku attwali;

Q.  billi l-premessa 2 tal-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni tgħid li "jeħtieġ li dawn il-prinċipji uniformi għall-evalwazzjoni u għall-awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jiġu mmodifikati fid-dawl tal-iżviluppi l-aktar reċenti fl-għarfien xjentifiku u tekniku";

R.  billi l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni jintroduċi biss modifiki indikati fil-gwida dwar in-naħal tal-EFSA tal-2013 fir-rigward tat-tossiċità akuta għan-naħal tal-għasel, iżda jibqa' sieket dwar it-tossiċità kronika għan-naħal tal-għasel, kif ukoll dwar it-tossiċità għan-naħal bagħli u n-naħal solitarju;

S.  billi l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni għalhekk ma jirrappreżentax l-aktar żviluppi reċenti fl-għarfien xjentifiku u tekniku, għall-kuntrarju ta' dak li huwa ddikjarat fil-premessa 2 tiegħu u għall-kuntrarju tar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 78(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, li min-naħa tiegħu jimmina r-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 4(1) ta' dak ir-Regolament biex jiġu approvati sustanzi fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, li, b'hekk, jimmina wkoll l-għan previst fl-Artikolu 1(3) ta' dak ir-Regolament, jiġifieri li jinkiseb livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-annimali u tal-ambjent;

T.  billi, skont l-EFSA, għal valutazzjoni xierqa tar-riskju dwar in-naħal, huwa importanti li titqies it-tossiċità akuta, it-tossiċità kronika u t-tossiċità għal-larva(15);

U.  billi huwa tal-akbar importanza li t-tossiċità kronika u t-tossiċità għal-larva jiġu vvalutati, sabiex ikunu jistgħu jiġu indirizzati r-riskji ppreżentati mill-ġenerazzjoni l-ġdida ta' prodotti sistemiċi għall-protezzjoni tal-pjanti, li jwasslu għal esponiment kroniku fit-tul, minflok esponiment akut għal perjodu qasir;

V.  billi l-bidliet proposti mill-Kummissjoni fl-abbozz ta' regolament jirriżultaw biss f'irfinar tat-testijiet fir-rigward tat-tossiċità akuta(16), li, skont valutazzjoni tal-impatt mill-industrija tal-pestiċidi, ma jibdlux il-livell ta' protezzjoni(17);

W.  billi la huwa suffiċjenti, la xieraq u lanqas konformi mal-kriterji ta' approvazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, li l-bidliet proposti mill-EFSA jiġu integrati biss fir-rigward tat-tossiċità akuta fl-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni;

X.  billi l-applikanti għandhom jissottomettu data rilevanti dwar it-tossiċità kronika skont ir-Regolament (UE) Nru 283/2013 u r-Regolament (UE) Nru 284/2013;

Y.  billi fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet fir-rigward tat-tossiċità kronika fir-Regolament (UE) Nru 546/2011, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jiffaċċjaw diffikultajiet biex iqisu l-effetti kroniċi ta' tali sustanzi u prodotti fuq in-naħal fid-deċiżjonijiet tagħhom dwar l-approvazzjoni jew l-awtorizzazzjoni;

Z.  billi din is-sitwazzjoni timmina l-applikazzjoni xierqa tal-kriterji ta' approvazzjoni fl-Artikolu 4 u fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 fir-rigward tan-naħal, li min-naħa tagħha timmina l-għan tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, jiġifieri li jinkiseb livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-annimali u tal-ambjent;

AA.  billi huwa inaċċettabbli li l-Istati Membri jopponu l-implimentazzjoni sħiħa tal-gwida dwar in-naħal tal-EFSA tal-2013 u, b'hekk, jimpedixxu l-applikazzjoni xierqa tal-kriterji ta' approvazzjoni fir-rigward tan-naħal;

AB.  billi tali oppożizzjoni hija saħansitra aktar inaċċettabbli fid-dawl tal-fatt li l-linji gwida għall-ittestjar tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) huma disponibbli fir-rigward ta' testijiet tat-tossiċità kronika għan-naħal tal-għasel u l-effetti fuq il-larva tan-naħal tal-għasel (linji gwida għall-ittestjar 245 u 239 tal-OECD), u għal testijiet ta' tossiċità akuta għan-naħal bagħlija (linji gwida għall-ittestjar 246 u 247 tal-OECD);

AC.  billi l-Kummissjoni lanqas biss issottomettiet abbozz li kien jikkorrispondi għall-gwida dwar in-naħal tal-EFSA tal-2013 lill-Kumitat Permanenti; billi, b'hekk, ħarbet mill-obbligu stabbilit fl-Artikolu 5a(4) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE li tippreżenta proposta lill-Kunsill, u wara din, tkun setgħet tadotta l-miżura sakemm il-Kunsill ma jkunx opponieha b'maġġoranza kwalifikata;

AD.  billi huwa ta' dispjaċir kbir li l-Kummissjoni ma għamlitx użu mis-setgħat tagħha skont l-Artikolu 5a(2) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, u b'hekk effettivament wasslet biex 16-il Stat Membru, li madankollu ma ffurmawx maġġoranza kwalifikata, jirnexxilhom jimpedixxu l-applikazzjoni xierqa tal-kriterji ta' approvazzjoni fir-rigward tan-naħal;

AE.  billi l-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2019, ikkunsidra li r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 fih innifsu, u l-implimentazzjoni tiegħu, kellhom jittejbu sabiex ikun jista' jilħaq l-iskop tiegħu, u stieden b'mod espliċitu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw mingħajr dewmien il-gwida aġġornata dwar in-naħal li tintuża mill-EFSA;

1.  Jopponi l-adozzjoni tal-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni;

2.  Iqis li l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni mhux kompatibbli mal-għan u l-kontenut tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' regolament tagħha u tippreżenta wieħed ġdid lill-Kumitat Permanenti mingħajr dewmien;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-abbozz il-ġdid ikun ibbażat fuq l-aħħar għarfien xjentifiku u tekniku, u b'hekk jipproponi li jiġu mmodifikati l-prinċipji uniformi mhux biss fir-rigward tat-tossiċità akuta għan-naħal tal-għasel, kif inhuma fl-abbozz attwali, iżda tal-anqas ukoll fir-rigward tat-tossiċità kronika u t-tossiċità tal-larva għan-naħal tal-għasel u t-tossiċità akuta għan-naħal bagħli, b'mod partikolari minħabba li l-linji gwida għall-ittestjar tal-OECD huma disponibbli għal dawk il-parametri kollha;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni, jekk meħtieġ, biex tagħmel użu sħiħ mis-setgħat tagħha skont id-Deċiżjoni 1999/468/KE biex tikseb is-sottomissjoni ta' proposta xierqa għal skrutinju mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.
(2) ĠU L 155, 11.6.2011, p. 127.
(3) ĠU L 93, 3.4.2013, p. 1.
(4) ĠU L 93, 3.4.2013, p. 85.
(5) Dokument ta' Gwida tal-EFSA dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fuq in-naħal (Apis mellifera, Bombus spp. u naħal solitarju), Ġurnal EFSA 2013;11(7):3295, https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/3295
(6) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.
(7) Testi adottati, P8_TA(2019)0023.
(8) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-1 ta' Ġunju 2018 dwar l-Inizjattiva tal-UE dwar il-Pollinaturi (COM(2018)0395).
(9) Rapport Xjentifiku Estern tal-EFSA dwar it-tossiċitajiet kroniċi orali letali u subletali ta' taħlitiet binarji differenti ta' pestiċidi u kontaminanti fin-naħal (Apis mellifera, Osmia bicornis u Bombus terrestris), DOI: 10.2903/sp.efsa.2016.EN-1076, https://www.efsa.europa.eu/en/supporting/pub/en-1076.
(10) Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).
(11) Ir-Regolament (UE) Nru 283/2013 u r-Regolament (UE) Nru 284/2013.
(12) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 485/2013 tal-24 ta' Mejju 2013 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi klotijanidin, tijametossam u imidakloprid u li jipprojbixxi l-użu u l-bejgħ taż-żerriegħa trattata bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom dawk is-sustanzi attivi (ĠU L 139, 25.5.2013, p. 12).
(13) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/783 tad-29 ta' Mejju 2018 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva imidakloprid (ĠU L 132, 30.5.2018, p. 31), ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/784 tad-29 ta' Mejju 2018 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 f'dak li għandu x'jaqsam mal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva klotijanidin (ĠU L 132, 30.5.2018, p. 35), u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/785 tad-29 ta' Mejju 2018 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 f'dak li għandu x'jaqsam mal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva tijametossam (ĠU L 132, 30.5.2018, p. 40).
(14) Ara r-rapport fil-qosor tal-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Għalf u l-Ikel (PAFF) tat-23-24 ta' Ottubru 2018 fuq https://ec.europa.eu/food/sites/food/files/plant/docs/sc_phyto_20181023_ppl_sum.pdf
(15) Ara l-gwida dwar in-naħal tal-EFSA tal-2013, p. 14.
(16) Rapport Tekniku tal-EFSA tat-18 ta' Diċembru 2015 dwar l-eżitu tal-laqgħa ta' evalwazzjoni bejn il-pari dwar kwistjonijiet ġenerali rikorrenti fl-ekotossikoloġija, DOI: 10.2903/sp.efsa.2015.EN-924, https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/epdf/10.2903/sp.efsa.2015.EN-924, p. 44.
(17) "Forsi mhu se jkun hemm ebda tibdil sinifikanti ġenerali fir-riżultat tal-valutazzjoni tar-riskju għal valutazzjoni tar-riskju akuta għall-prodotti applikati fuq il-weraq, jiġifieri l-livell ta' protezzjoni globali huwa simili": Miles et al, 2018, "Improving pesticide regulation by use of impact analyses: A case study for bees", p. 87-88, https://www.researchgate.net/publication/326711149_Improving_pesticide_regulation_by_use_of_impact_analyses_A_case_study_for_bees.

Avviż legali - Politika tal-privatezza