Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Id-disà leġislatura - Lulju 2019
EPUB 148kPDF 1205k
KONTENUT
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

TITOLU V : RELAZZJONIJIET MA’ ISTITUZZJONIJIET U KORPI OĦRA
KAPITOLU 5 : RIŻOLUZZJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET

Artikolu 143 : Mozzjonijiet għal riżoluzzjonijiet

1.   Kull Membru jista' jqiegħed fuq il-Mejda mozzjoni għal riżoluzzjoni dwar kwistjoni li taqa' taħt l-isferi ta' attività tal-Unjoni Ewropea.

Dik il-mozzjoni m'għandhiex tkun itwal minn 200 kelma.

2.   Tali mozzjoni

-   ma jista' jkun fiha ebda deċiżjoni dwar kwistjonijiet li għalihom ġew stabbiliti proċeduri u kompetenzi speċifiċi oħra f'dawn ir-Regoli ta' Proċedura, b'mod partikolari l-Artikolu 47, jew

-   ma tistax tittratta s-suġġett ta' proċedimenti li għaddejjin fil-Parlament.

3.   L-ebda Membru ma jista' jqiegħed fuq il-Mejda aktar minn mozzjoni waħda ta' dan it-tip kull xahar.

4.   Il-mozzjoni għal riżoluzzjoni għandha tiġi ppreżentata lill-President, li għandu jivverifika jekk tissodisfax il-kriterji applikabbli. Jekk il-President jiddikjara li l-mozzjoni hija ammissibbli, għandu jħabbar dan fil-plenarja u jirreferiha lill-kumitat responsabbli.

5.   Il-kumitat responsabbli għandu jiddeċiedi liema proċeduri għandhom jiġu segwiti, li jistgħu jinkludu l-kombinazzjoni tal-mozzjoni għal riżoluzzjoni ma' mozzjonijiet għal riżoluzzjoni oħra jew ma rapporti; l-adozzjoni ta' opinjoni, li tista' tieħu l-forma ta' ittra; jew it-tfassil ta' rapport skont l-Artikolu 54. Il-kumitat responsabbli jista' wkoll jiddeċiedi li ma jagħtix segwitu lill-mozzjoni għal riżoluzzjoni.

6.   L-awturi ta' mozzjoni għal riżoluzzjoni għandhom jiġu mgħarrfa bid-deċiżjonijiet tal-President, tal-kumitat u tal-Konferenza tal-Presidenti.

7.   Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 5 għandu jinkludi t-test tal-mozzjoni għal riżoluzzjoni.

8.   Opinjonijiet f'forma ta' ittra imsemmija fil-paragrafu 5 li huma ndirizzati lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu mgħoddija mill-President.

9.   Mozzjoni għal riżoluzzjoni mqiegħda fuq il-Mejda skont il-paragrafu 1 tista' tiġi rtirata mill-awtur, l-awturi jew mill-ewwel firmatarju tagħha qabel ma l-kumitat jiddeċiedi li jħejji rapport dwarha skont il-paragrafu 5.

Ladarba dik il-mozzjoni għal riżoluzzjoni tkun ittieħdet mill-kumitat responsabbli, dak il-kumitat biss għandu jkollu s-setgħa li jirtiraha. Il-kumitat responsabbli għandu jżomm dik is-setgħa li jirtiraha sa qabel ma tibda l-votazzjoni aħħarija fil-plenarja.

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Ġunju 2019Avviż legali