Il-politika Ewropea tat-trasport ferrovjarju għandha l-għan li toħloq żona ferrovjarja unika. Tliet pakketti u riformulazzjoni ġew adottati f’temp ta’ għaxar snin mill-ftuħ tas-settur ferrovjarju għall-kompetizzjoni fl-2001. Ir-raba’ pakkett, imfassal biex jikkompleta ż-żona ferrovjarja unika Ewropea, ġie adottat f’April 2016 (il-pilastru tekniku) u f’Diċembru 2016 (il-pilastru tas-suq).

Il-bażi ġuridika u l-objettivi

L-Artikolu 100(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

L-għan tal-politika komuni tat-trasport huwa li jissalvagwardja kemm il-kompetizzjoni kif ukoll il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Dan jirrikjedi l-armonizzazzjoni tar-regoli tekniċi, amministrattivi u dwar is-sikurezza, li hija indispensabbli għall-interoperabilità tas-sistemi ferrovjarji nazzjonali. Jista’ jkun il-każ li l-miżuri li jħarsu l-ambjent u l-konsumatur ukoll ikollhom jiġu armonizzati sa ċertu punt biex jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u biex jiġi ffaċilitat id-dħul fis-suq ta’ kumpaniji ġodda.

Fil-white paper tagħha tal-2011 bit-titolu, “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti” (COM(2011)0144), il-Kummissjoni stabbiliet il-mira li tiżgura li sal-2050, il-maġġoranza tat-trasport tal-passiġġieri għal distanza medja ssir bil-ferrovija. Fuq terminu medju (sal-2030), it-tul tan-network eżistenti b’veloċità għolja għandu jiżdied bi tliet darbiet u jinżamm network ferrovjarju sfiq fl-Istati Membri kollha. Fuq terminu twil, għandu jiġi kkompletat network ferrovjarju tal-UE b’veloċità għolja.

Kif irrappurtat fl-Istrateġija Komprensiva għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti tal-2020, “il-Patt Ekoloġiku Ewropew jimmira li parti sostanzjali mill-75 % ta’ merkanzija interna li tinġarr bit-triq illum tingħadda għat-trasport bil-ferroviji u l-passaġġi fuq l-ilma interni. (...) Għalhekk trid tittieħed azzjoni urġenti minħabba l-progress limitat li sar s’issa: pereżempju, is-sehem modali tal-ferroviji fit-trasport tal-merkanzija interna niżel minn 18,3 % fl-2011 għal 17,9 % fl-2018”.

Il-kisbiet

A. L-interoperabilità

Permezz tal-adozzjoni tad-Direttiva 96/48/KE tat-23 ta’ Lulju 1996 dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja u d-Direttiva 2001/16/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 fuq l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea, l-UE nediet proċess bl-għan li tiżgura li l-ferroviji jkunu jistgħu jgħaddu bla xkiel u b’mod sikur minn network ferrovjarju ta’ Stat Membru għal ieħor. Fil-kuntest ta’ dawn id-direttivi, tfasslu għadd ta’ soluzzjonijiet tekniċi (magħrufa bħala “Speċifikazzjonijiet Tekniċi ta’ Interoperabilità”).

Iż-żewġ direttivi ġew emendati u aġġornati bid-Direttiva 2004/50/KE tad-29 ta’ April 2004. Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva ġie estiż biex ikopri n-network ferrovjarju Ewropew konvenzjonali kollu biex ilaħħaq mad-domanda maħluqa mill-ftuħ sħiħ tan-network ferrovjarju ta’ servizzi tat-trasport nazzjonali u internazzjonali tal-merkanzija (f’Jannar 2007) u tas-servizzi ta’ trasport internazzjonali tal-passiġġieri (f’Jannar 2010). Id-Direttiva 2008/57/KE tas-17 ta’ Ġunju 2008 – emendata iktar tard mid-Direttivi 2009/131/KE u 2011/18/UE – irriformulat f’test wieħed id-Direttivi preċedenti. Bħala parti mir-Raba’ Pakkett Ferrovjarju, id-Direttiva 2008/57/KE ġiet ukoll riformulata bid-Direttiva (UE) 2016/797 tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea.

Mill-1 ta’ Jannar 2007, it-trasport nazzjonali u internazzjonali tal-merkanzija nfetaħ totalment għall-kompetizzjoni. Sabiex isir użu aħjar min-network internazzjonali tal-merkanzija u tittejjeb l-interoperabilità tiegħu, l-UE ddefiniet disa’ kurituri tal-merkanzija kompetittivi tal-UE fir-Regolament (UE) Nru 913/2010 tat-22 ta’ Settembru 2010 dwar network ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta’ merkanzija kompetittiv. L-objettiv kien li s-settur ferrovjarju jsir aktar kompetittiv meta mqabbel ma’ modi oħra ta’ trasport tal-merkanzija li jridu jaqsmu diversi Stati Membri. Ir-Regolament (UE) Nru 913/2010 ġie amendat bir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għas-snin 2014 sa 2020. Fl-2015, ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 ġie emendat bir-Regolament (UE) 2015/1017 tal-25 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment. Il-proposta tal-Kummissjoni COM(2016)0597 għandha l-għan li testendi d-durata tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, kif ukoll tintroduċi titjib tekniku għal dan il-fond u għaċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti, u din daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Ottubru 2017.

Permezz tar-Raba’ Pakkett Ferrovjarju, ir-Regolament (KEE) Nru 1192/69 tas-26 ta’ Ġunju 1969 dwar regoli komuni għan-normalizzazzjoni tal-kontijiet ta’ intrapriżi tal-ferrovija ġie mħassar u sostitwit bir-Regolament (UE) 2016/2337 tal-14 ta’ Diċembru 2016. Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq ġie emendat ukoll permezz tar-Raba’ Pakkett Ferrovjarju. Magħruf ukoll bħala r-Regolament dwar l-obbligi tas-servizz pubbliku, ir-Regolament (UE) 2016/2338 tal-14 ta’ Diċembru 2016, jemenda r-Regolament (UE) Nru 1370/2007, billi jindirizza l-ftuħ tas-suq għas-servizzi tat-trasport domestiku tal-passiġġieri bil-ferrovija.

Fl-2022, il-Kummissjoni evalwat ir-Regolament (UE) Nru 913/2010 u sabet li ma kienx biżżejjed biex jiżdiedu l-ferroviji transfruntiera jew biex jiġu appoġġjati l-ambizzjonijiet tat-trasport, tal-enerġija, tal-ambjent u tat-tibdil fil-klima tal-UE. B’riżultat ta’ dan, f’Lulju 2023, il-Kummissjoni ppreżentat proposta biex tistabbilixxi qafas għall-ġestjoni aktar effiċjenti tal-kapaċità u tat-traffiku tal-infrastruttura ferrovjarja, u b’hekk tittejjeb il-kwalità tas-servizzi u jiġi akkomodat aktar traffiku fuq in-network ferrovjarju filwaqt li jiġi żgurat il-kontribut tas-settur tat-trasport għad-dekarbonizzazzjoni.

Il-Kummissjoni qed tippjana wkoll li tadotta diversi regolamenti ta’ implimentazzjoni, inkluż wieħed dwar l-armonizzazzjoni tal-operazzjonijiet u l-ġestjoni tal-ferroviji biex tappoġġja l-effiċjenza u ttejjeb il-ferroviji transfruntiera biex tkompli tikkontribwixxi għall-ambizzjoni tal-UE li tiddekarbonizza t-trasport.

B. L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u s-sikurezza ferrovjarja

Biex jittejbu l-interoperabilità u s-sikurezza tas-sistema ferrovjarja tal-UE, ġiet stabbilita l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (ERA) – li għandha l-kwartieri tagħha f’Lille u f’Valenciennes, fi Franza – permezz tar-Regolament (KE) Nru 881/2004 tad-29 ta’ April 2004. L-aġenzija nnifisha ma għandha l-ebda setgħa ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, iżda tgħin lill-Kummissjoni tfassal il-proposti għal deċiżjonijiet fil-qasam tan-network ferrovjarju Ewropew u tistabbilixxi l-miri ta’ sikurezza komuni. Skont ir-Regolament (UE) 2016/796 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u ssostitwixxa r-Regolament (KE) Nru 881/2004, bil-għan li jikkontribwixxi għall-iżvilupp ulterjuri u għall-funzjonament effettiv taż-żona ferrovjarja unika Ewropea, billi jiggarantixxi livell għoli ta’ sikurezza u interoperabilità ferrovjarja, u billi jtejjeb il-kompetittività tal-ferroviji, l-ERA issa hija l-unika awtorità responsabbli għall-ħruġ tal-awtorizzazzjonijiet tal-vetturi (lokomottivi u vaguni) maħsuba għall-operazzjonijiet transfruntiera, kif ukoll għall-għoti ta’ ċertifikati uniċi tas-sikurezza tal-impriżi ferrovjarji li joperaw f’diversi Stati Membri.

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri rrappurtat li l-użu sħiħ tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) fuq in-network ewlieni bħalissa għadu lura u mhux se jitlesta sal-iskadenza tal-2030, l-aktar minħabba nuqqas ta’ koordinazzjoni fost l-Istati Membri. Konsegwentement, il-Qorti tal-Awdituri għamlet xi rakkomandazzjonijiet biex jiġu indirizzati l-problemi identifikati.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1693 tal-10 ta’ Awwissu 2023 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/773 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika ta’ interoperabbiltà relatata mas-subsistema ta’ “operat u ġestjoni tat-traffiku” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea.

C. L-armonizzazzjoni soċjali

Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/47/KE tat-18 ta’ Lulju 2005 tistabbilixxi l-kondizzjonijiet tax-xogħol ta’ ħaddiema mobbli assenjati għal servizzi transfruntiera interoperabbli fis-settur tal-ferroviji. Din hija bbażata fuq ftehim bejn is-sħab soċjali tal-UE fis-settur ferrovjarju. Barra minn hekk, id-Direttiva 2007/59/KE tat-23 ta’ Ottubru 2007 għandha l-għan li tarmonizza r-rekwiżiti minimi fil-qasam tal-kwalifika u ċ-ċertifikazzjoni tas-sewwieqa li joperaw lokomotivi u ferroviji fl-UE. Hija tipprevedi li s-sewwieqa kollha tal-ferroviji jeħtieġ li jkollhom liċenzja u ċertifikat ta’ taħriġ komplementari armonizzat.

Il-Kummissjoni qed tippjana li tirrevedi d-Direttiva 2007/59/KE dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ sewwieqa tal-ferroviji fl-UE. Wara li wettqet evalwazzjoni, hija identifikat ħafna oqsma għas-simplifikazzjoni u t-titjib tal-effettività tad-direttiva.

D. L-aċċess għall-infrastruttura għall-impriżi tat-trasport ferrovjarju

Id-Direttiva 2001/13/KE tas-26 ta’ Frar 2001 li emendat id-Direttiva 95/18/KE stabbiliet il-kundizzjonijiet operattivi (ta’ sikurezza, tekniċi, ekonomiċi u finanzjarji) għas-settur ferrovjarju applikabbli għat-territorju kollu tal-UE, u stabbiliet il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni li tippermetti t-tħaddim ta’ servizzi ferrovjarji tal-merkanzija fuq in-network transfruntier Ewropew.

Id-Direttiva 2012/34/UE tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea, ħassret u ssostitwiet id-Direttivi 95/18/KE u 2001/13/KE. Hija ġabret f’test wieħed il-prinċipji ewlenin li jirregolaw l-iżvilupp tas-settur ferrovjarju (iffukat, fost affarijiet oħra, fuq is-separazzjoni bejn il-ġestjoni tal-infrastruttura u l-attivitajiet tat-trasport), l-għoti ta’ liċenzji lill-impriżi ferrovjarji u l-impożizzjoni ta’ imposti għall-użu tal-infrastruttura.

Ir-Raba’ Pakkett Ferrovjarju ġie mfassal biex jikkompleta ż-żona ferrovjarja unika Ewropea u jtejjeb l-interoperabilità. Fl-14 ta’ Diċembru 2016, ġiet adottata d-Direttiva (UE) 2016/2370 (id-Direttiva dwar il-Governanza), li temenda d-Direttiva 2012/34/UE fir-rigward tal-ftuħ tas-suq tas-servizzi tat-trasport domestiku tal-passiġġieri bil-ferrovija u l-governanza tal-infrastruttura ferrovjarja.

Id-Direttiva 95/18/KE tad-19 ta’ Ġunju 1995 dwar il-liċenzjar ta’ impriżi ferrovjarji ġiet ukoll emendata bid-Direttiva 2004/49/KE tad-29 ta’ April 2004, li tirrikjedi li kull impriża tal-linja tal-ferrovija takkwista ċertifikat tas-sigurtà sabiex din tikseb aċċess għall-infrastruttura. Id-Direttiva 2008/110/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008, magħrufa wkoll bħala d-Direttiva tas-Sigurtà Tal-Linji tal-Ferrovija, emendat id-Direttiva 2004/49/KE. Bħala parti mir-Raba’ Pakkett Ferrovjarju, id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar is-sikurezza ferrovjarja ħassret id-Direttiva 2008/110/KE.

F’Diċembru 2021, il-Kummissjoni adottat pjan ta’ azzjoni dwar it-tisħiħ tal-ferroviji tal-passiġġieri fuq distanzi twal u transfruntiera. L-għan huwa li tittejjeb l-infrastruttura ferrovjarja u tiżdied il-kapaċità ferrovjarja ta’ veloċità għolja u l-appoġġ għall-investiment għall-ferroviji sabiex jintlaħaq l-objettiv tal-UE li tirdoppja t-traffiku ferrovjarju ta’ veloċità għolja sal-2030 u tittriplikah sal-2050.

E. L-istorbju mill-ferroviji

Id-Direttiva 2002/49/KE tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali tipprovdi l-bażi għall-adozzjoni ta’ miżuri tal-UE intiżi biex inaqqsu l-ħsejjes ikkawżati mill-vetturi u l-infrastrutturi ferrovjarji, li wasslu għal linji gwida speċifiċi li ġew adottati fl-2003 u daħlu fis-seħħ f’Ġunju 2006. F’April 2011, deċiżjoni ulterjuri tal-Kummissjoni rrevediet l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ interoperabilità għall-vetturi ferrovjarji tas-sistema ferrovjarja. Fit-8 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni bit-titolu “Miżuri għat-tnaqqis tal-istorbju ferrovjarju maħsuba għall-flotta eżistenti” (COM(2008)0432), li fiha stabbiliet l-objettiv tal-modernizzazzjoni tal-vaguni kollha tal-merkanzija sal-2015. F’tentattiv biex tħeġġeġ lill-kumpaniji ferrovjarji jimmodernizzaw il-vaguni tagħhom bi brejkijiet li jagħmlu inqas storbju, id-Direttiva 2012/34/UE wkoll tipprevedi sistema ġdida ta’ ġbir ta’ imposti differenzjati skont l-istorbju (Sistema Ewropea għall-Kontroll tal-Ferroviji (ETCS)). F’dan il-kuntest, inħareġ ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/429 tal-Kummissjoni biex jgħin lill-pajjiżi tal-UE jistabbilixxu imposti għall-aċċess għal-linji ferrovjarji skont l-istorbju prodott mill-ferroviji tal-merkanzija, bil-possibbiltà li l-ferroviji “silenzjużi” jiġu ċċarġjati inqas.

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

Il-Parlament uża s-setgħat leġiżlattivi tiegħu biex jappoġġja l-maġġoranza tal-proposti għall-armonizzazzjoni tal-Kummissjoni, filwaqt li fl-istess ħin enfasizza ċerti aspetti speċifiċi fir-riżoluzzjonijiet tiegħu. Reċentement, ġie adottat dan li ġej:

  • Fil-15 ta’ Diċembru 2020, il-Parlament approva l-ftehim interistituzzjonali li jistabbilixxi s-Sena Ewropea tal-Ferroviji 2021. Skont din id-deċiżjoni, il-miżuri li għandhom jittieħdu bħala parti mis-Sena Ewropea se jinkludu inizjattivi biex jiġi enfasizzat ir-rwol essenzjali tal-ferroviji fit-trasport “mill-bieb sal-bieb” u biex jitħeġġu soluzzjonijiet bil-ferrovija “mix-xogħol għax-xogħol” u “mid-dar għax-xogħol”.
  • Fir-riżoluzzjoni tiegħu bit-titolu “Is-sikurezza u s-sinjalar ferrovjarji: valutazzjoni tas-sitwazzjoni attwali tal-użu tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS)”, adottata fis-7 ta’ Lulju 2021, il-Parlament jagħmel għadd ta’ rakkomandazzjonijiet biex jiġu indirizzati l-problemi ewlenin identifikati bl-użu tal-ERTMS u jitlob lill-Kummissjoni tintroduċi dispożizzjoni regolatorja biex tiżgura li l-pjanijiet ta’ implimentazzjoni nazzjonali tal-ERTMS ikunu allinjati legalment mal-miri vinkolanti għall-użu tal-ERTMS stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE.
  • F’Diċembru 2022, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar il-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni biex tingħata spinta lill-ferroviji tal-passiġġieri fuq distanzi twal u transfruntiera, b’segwitu tar-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu. Il-Parlament jappoġġja l-pjan ta’ azzjoni, iżda jitlob, fost affarijiet oħra, li titħaffef il-kostruzzjoni ta’ linji ferrovjarji ġodda u li tingħata prijorità lill-investiment fl-iżvilupp ta’ konnessjonijiet ferrovjarji ta’ veloċità għolja transfruntiera u fuq distanzi twal.

Ir-reazzjoni għat-tifqigħa tal-COVID-19

1. Qafas temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat

Fl-“Overview of the State aid rules applicable to the land transport sector during the COVID-19 outbreak” (Ħarsa ġenerali lejn ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat applikabbli għas-settur tat-trasport fuq l-art matul it-tifqigħa tal-COVID-19) tagħhom, is-servizzi tal-Kummissjoni rrakkomandaw li għat-trapsort tal-merkanzija bil-ferrovija, meta jkun meħtieġ li tittieħed azzjoni b’ħeffa, l-Istati Membri jikkonkludu kuntratti ta’ servizz pubbliku skont it-tifsira tad-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku. Barra minn hekk, japplikaw ir-regoli ġenerali dwar is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. Dawn jirregolaw il-kundizzjonijiet li taħthom jista’ jingħata kumpens għal servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali. Sakemm ir-rekwiżiti kollha kienu ġew irrispettati, ma kienet meħtieġa l-ebda notifika skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

Ir-Regolament (UE) 2020/1429 kellu l-għan li jħassar temporanjament ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva 2012/34/UE billi jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali u lill-partijiet ikkonċernati ferrovjarji jittrattaw b’mod aktar faċli għadd ta’ konsegwenzi negattivi tal-pandemija tal-COVID-19: l-eżenzjoni, it-tnaqqis jew id-differiment tal-imposti għall-aċċess għal-linji għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja, kif ukoll l-eżenzjoni tal-imposti ta’ riżerva. Ir-regolament kopra perjodu ta’ referenza sal-31 ta’ Diċembru 2020.

2. Estensjoni tal-iskadenzi tat-traspożizzjoni

Minħabba l-effetti severi tal-pandemija, l-impriżi u l-operaturi tat-trasport, u persuni oħra kkonċernati, jista’ jkun li ma setgħux ilestu l-formalitajiet jew il-proċeduri meħtieġa biex jikkonformaw ma’ ċerti dispożizzjonijiet tal-liġi tal-UE. Ir-Regolament (UE) 2020/698 huwa relatat mal-applikazzjoni ta’ 12-il test leġiżlattiv (direttivi u regolamenti) għall-modi kollha tat-trasport, inkluż bil-ferrovija, u jestendi l-limiti ta’ żmien stabbiliti għat-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċertifikati, liċenzji jew awtorizzazzjonijiet, u l-posponiment ta’ ċerti kontrolli u taħriġ perjodiċi. Dan it-test ġie adottat mill-Parlament f’Mejju 2020. Id-Direttiva (UE) 2020/700 estendiet bi tliet xhur (mis-16 ta’ Ġunju sas-16 ta’ Settembru 2020) il-perjodu finali tat-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/797 dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea u d-Direttiva (UE) 2016/798 dwar is-sikurezza ferrovjarja, peress li fl-2019 tmien Stati Membri biss kienu ttrasponew iż-żewġ direttivi. Id-Direttiva (UE) 2020/700 ġiet adottata mill-Parlament u mill-Kunsill f’Mejju 2020. F’Settembru 2020, il-Parlament adotta l-proposta għal regolament li jistabbilixxi miżuri għal suq ferrovjarju sostenibbli fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19, li kienet maħsuba biex tikkompleta l-qafas eżistenti relatat mas-settur ferrovjarju.

F’Mejju 2022, il-Kummissjoni adottat pjan ta’ kontinġenza għat-trasport biex tislet tagħlimiet mill-pandemija tal-COVID-19 u biex tipprovdi gwida lill-operaturi Ewropej tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija biex tħejji aħjar lill-industrija għal avvenimenti mhux mistennija u tippreserva s-suq uniku.

 

Davide Pernice