Il-ġestjoni tal-fruntieri esterni

Il-politika tal-ġestjoni tal-fruntieri tal-UE rat żviluppi konsiderevoli bil-wasla bla preċedent ta' rifuġjati u migranti irregolari, u b'mod partikolari minn nofs l-2015 meta kienu ġew esposti sensiela ta' nuqqasijiet fil-politiki tal-UE dwar il-fruntieri esterni u l-migrazzjoni. L-isfidi marbuta maż-żieda fil-flussi migratorji mħallta lejn l-UE u tħassib akbar dwar is-sigurtà wasslu għal perjodu ġdid ta' attività fil-qasam tal-protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-UE, li kellu wkoll impatt fuq il-fruntieri interni tagħha.

Il-bażi ġuridika

L-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

L-Artikoli 67 u 77 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

L-objettivi

Żona unika mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni — iż-Żona Schengen — teħtieġ ukoll politika komuni dwar il-ġestjoni tal-fruntieri esterni. L-Artikolu 3(2) tat-TUE jitlob li jkun hemm "miżuri xierqa f'dak li jirrigwarda l-kontroll tal-fruntieri esterni". Għaldaqstant, l-UE tistabbilixxi standards komuni fir-rigward tal-kontrolli fil-fruntieri esterni tagħha u ddaħħal fis-seħħ b'mod gradwali sistema integrata għall-ġestjoni ta' dawk il-fruntieri.

Il-kisbiet

L-ewwel pass lejn politika komuni għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni sar fl-14 ta' Ġunju 1985 meta ħamsa mill-għaxar Stati Membri ta' dak iż-żmien tal-Komunità Ekonomika Ewropea ffirmaw trattat internazzjonali, l-hekk imsejjaħ Ftehim ta' Schengen, qrib ir-raħal ta' Schengen mal-fruntiera Lussemburgiża, li ħames snin wara ġie supplimentat mill-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen[1]. Iż-Żona Schengen, żona mingħajr fruntieri li nħolqot permezz tal-acquis ta' Schengen (kif jissejħu flimkien il-ftehimiet u r-regoli), attwalment hija magħmula minn 26 pajjiż Ewropew[2].

A. L-acquis ta' Schengen dwar il-fruntieri esterni

Ir-regoli li jiffurmaw l-acquis ta' Schengen dwar il-fruntieri esterni tal-lum, li jibni fuq l-acquis oriġinali inkorporat fl-ordinament ġuridiku tal-UE mit-Trattat ta' Amsterdam (1.1.3), jinstabu f'firxa wiesgħa ta' miżuri, li bejn wieħed u ieħor jistgħu jinqasmu f'ħames oqsma.

1. Il-kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen huwa l-pilastru ċentrali tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni. Huwa jistabbilixxi regoli dwar il-qsim tal-fruntieri esterni u l-kundizzjonijiet li jirregolaw ir-riintroduzzjoni temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri interni.

2. Is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS)

Is-SIS hija sistema ta' kondiviżjoni ta' informazzjoni (bażi tad-data) li tgħin biex tinżamm is-sigurtà internazzjonali fiż-żona Schengen fejn ma jeżistux kontrolli fil-fruntieri interni. Hija l-aktar sistema tal-IT użata u effiċjenti li għandha l-UE fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja tagħha (AFSJ) (4.2.1). L-awtoritajiet madwar l-UE jużaw is-SIS biex jidħlu jew jikkonsultaw allerti dwar persuni u oġġetti mfittxija jew neqsin. Fiha aktar minn 80 miljun allert u ġiet ikkonsultata aktar minn 5 biljun darba mill-awtoritajiet fl-2017, li wassal għal aktar minn 240 000 hit dwar allerti barranin (allerti maħruġa minn pajjiż ieħor). Is-SIS reċentement ġiet imsaħħa permezz ta' regoli aġġornati li ser jindirizzaw lakuni potenzjali fis-sistema u jintroduċu diversi bidliet essenzjali dwar it-tipi ta' allerti li jiddaħħlu.

Wara l-aħħar riforma fl-2018, l-ambitu tas-SIS issa huwa definit fi tliet strumenti legali, li jieħdu l-forma ta' tliet regolamenti (li jissostitwixxu s-SIS II):

  • fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali[3];
  • fil-qasam tal-verifiki fuq il-fruntieri[4];
  • għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi b'soġġorn illegali[5].

Dawn it-tliet regolamenti jintroduċu kategoriji addizzjonali ta' allerti fis-sistema, bħal allerti dwar persuni suspettati jew imfittxija mhux magħrufa, allerti preventivi għal tfal f'riskju ta' ħtif mill-ġenituri, allerti għall-fini ta' ritorn, allert fir-rigward ta' deċiżjonijiet ta' ritorn maħruġa lil ċittadini ta' pajjiżi terzi b'residenza illegali, minbarra l-marki tal-pala tal-id, marki tas-swaba’, immaġnijiet tal-wiċċ u DNA dwar persuni neqsin sabiex tiġi kkonfermata l-identità tagħhom.

3. Il-Fond għas-Sigurtà Interna: Fruntieri u Viża (ISF)

Mhux l-Istati Membri kollha għandhom fruntieri esterni x'jikkontrollaw u mhux kollha huma affettwati bl-istess mod mill-flussi tat-traffiku fil-fruntieri. L-UE tuża l-fondi tagħha biex tipprova tagħmel tajjeb għal xi ftit mill-ispejjeż tal-Istati Membri li l-fruntieri tagħhom stess jikkoinċidu mal-fruntieri esterni tal-UE. Għall-perjodu finanzjarju 2014-2020, dan il-mekkaniżmu ta' kondiviżjoni tal-piżijiet ġie stabbilit għal total ta' EUR 3.8 biljun għal perjodu ta' seba' snin. L-għan ewlieni tal-ISF huwa li jikkontribwixxi biex jiżgura livell għoli ta' sigurtà fl-Unjoni filwaqt li jiffaċilita l-ivvjaġġar leġittimu. Il-benefiċjarji tal-programmi implimentati taħt dan il-fond jistgħu jkunu awtoritajiet statali u federali, korpi pubbliċi lokali, organizzazzjonijiet mhux governattivi, organizzazzjonijiet umanitarji, kumpaniji tal-liġi privata u pubblika, u organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni u r-riċerka.

4. Is-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES)

Is-sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES)[6] hija sistema ta' informazzjoni li tħaffef u ssaħħaħ il-kontrolli fuq il-fruntiera għal ċittadini mhux tal-UE li jivvjaġġaw lejn l-UE. L-EES tissostitwixxi l-ittimbrar manwali tal-passaporti fil-fruntiera b'reġistrazzjoni elettronika fil-bażi tad-data.

Adottata f'Novembru 2017, l-għanijiet ewlenin tal-EES huma:

  • biex tnaqqas id-dewmien tal-verifiki fuq il-fruntieri u ttejjeb il-kwalità tal-verifiki fuq il-fruntieri billi jiġi kkalkolat awtomatikament is-soġġorn awtorizzat ta' kull vjaġġatur;
  • biex tiżgura l-identifikazzjoni sistematika u affidabbli ta' min jaqbeż l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn;
  • biex issaħħaħ is-sigurtà interna u l-ġlieda kontra t-terroriżmu billi tippermetti li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jkollhom aċċess għal rekords tal-istorja tal-ivvjaġġar.

L-aċċess għall-EES huwa mogħti lill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi u lill-Europol, iżda mhux lill-awtoritajiet tal-asil. Il-possibbiltà li d-data tiġi trasferita għal skopijiet ta' infurzar tal-liġi jew ta' ritorn lejn pajjiżi terzi u lil Stati Membri tal-UE li ma jipparteċipawx fl-EES hija permessa iżda taħt ċerti kundizzjonijiet. L-EES se tirreġistra d-data tal-vjaġġaturi (l-isem, it-tip ta' dokument tal-ivvjaġġar, il-marki tas-swaba', l-immaġni viżiva, u d-data u l-post tad-dħul u l-ħruġ) meta dawn jaqsmu l-fruntieri esterni ta' Schengen. Se tapplika għaċ-ċittadini kollha li mhumiex tal-UE, kemm dawk li jeħtieġu viża kif ukoll dawk li huma eżentati. Dan se jintuża mill-awtoritajiet konsulari u tal-fruntieri.

5. L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex)

Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (EBCG) hija l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (EBCGA - Frontex) u l-awtoritajiet nazzjonali flimkien.[7]

Ir-regolament jestendi l-kamp ta' applikazzjoni tal-attivitajiet tal-Frontex biex jinkludu appoġġ imsaħħaħ lill-Istati Membri fil-qasam tal-ġestjoni tal-migrazzjoni, fil-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera u fl-operazzjonijiet ta' tfittxija u salvataġġ. Huwa jipprovdi rwol akbar għall-Frontex fit-treġġigħ lura ta' migranti lejn il-pajjiżi ta' oriġini tagħhom, skont id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali. Il-Kunsill, fuq il-bażi ta' proposta tal-Kummissjoni, jista' jitlob lill-aġenzija biex tintervjeni u tassisti lill-Istati Membri f'ċirkostanzi eċċezzjonali. Dan ikun il-każ jekk: 1) Stat Membru ma jikkonformax (f'limitu ta' żmien determinat) ma' deċiżjoni vinkolanti tal-bord ta' ġestjoni tal-aġenzija biex jindirizza l-vulnerabbiltajiet fil-ġestjoni tal-fruntieri tiegħu; u 2) ikun hemm pressjoni speċifika u sproporzjonata fuq il-fruntiera esterna li tpoġġi f'riskju l-funzjonament taż-żona Schengen. Jekk Stat Membru jopponi deċiżjoni tal-Kunsill biex jipprovdi assistenza, l-Istati Membri l-oħra jistgħu jintroduċu mill-ġdid kontrolli fil-fruntieri interni b'mod temporanju.

F'Settembru 2018, il-Kummissjoni ppreżentat proposta ġdida biex issaħħaħ l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta[8]. L-Aġenzija se tikseb mandat ġdid kif ukoll il-mezzi u s-setgħat tagħha stess biex tipproteġi l-fruntieri esterni, twettaq ritorni b'mod aktar effettiv u tikkoopera ma' pajjiżi li mhumiex fl-UE. Fl-1 ta' April 2019, il-Kunsill approva l-ftehim politiku li ntlaħaq u fit-2 ta' April 2019 il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE) tal-Parlament ivvota favur il-ftehim. It-timbru finali tal-approvazzjoni tpoġġa għall-votazzjoni fis-sessjoni plenarja ta' April tal-Parlament. Ir-Regolament hu mistenni li jidħol fis-seħħ sa tmiem l-2019.

Il-bażi ta' din l-aġenzija msaħħa se tkun korp permanenti ta' 10 000 gwardja tal-fruntiera b'setgħat eżekuttivi li jkunu lesti li jappoġġaw l-Istati Membri fi kwalunkwe ħin. L-Aġenzija se jkollha wkoll mandat aktar b'saħħtu dwar ir-ritorn tal-migranti lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom u se tikkoopera aktar mill-qrib ma' Stati Membri li mhumiex fl-UE, inklużi dawk li mhumiex il-ġirien immedjati tal-UE. Il-korp permanenti l-ġdid tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta se jkun disponibbli għall-mobilizzazzjoni mill-2021. Sal-2027, se jkun operattiv b'mod sħiħ u se jilħaq il-kapaċità sħiħa tiegħu ta' 10 000 gwardja tal-fruntiera.

B. Żviluppi fil-ġestjoni mill-UE tal-fruntieri esterni tagħha

1. Il-pass tal-bidla sar aktar mgħaġġel minħabba l-fatalitajiet fuq skala kbira fil-Mediterran f'dawn l-aħħar snin flimkien ma' influss enormi ta' rifuġjati u migranti minn Settembru 2015 'il hawn.

Qabel ma faqqgħet il-kriżi umanitarja Ewropea tar-rifuġjati, tliet pajjiżi biss iddeċidew li jibnu reċinti mal-fruntieri esterni tagħhom biex jimpedixxu lill-migranti u lir-rifuġjati milli jilħqu t-territorji tagħhom: Spanja (fejn ix-xogħlijiet tal-bini tlestew fl-2005 u ġew estiżi fl-2009), il-Greċja (li tlestew fl-2012) u l-Bulgarija (b'reazzjoni għall-Greċja, li tlestew fl-2014). Għall-kuntrarju tal-Artikolu 14(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, li jistabbilixxi li ''Id-dħul jista' jiġi miċħud biss b'deċiżjoni sostanzjata li tagħti r-raġunijiet preċiżi għaċ-ċaħda'', numru dejjem akbar ta' Stati Membri bdew gradwalment jibnu l-ħitan u r-reċinti mal-fruntieri bil-għan li jimpedixxu b'mod indiskriminat lill-migranti u lill-persuni li jfittxu ażil milli jidħlu fit-territorji nazzjonali tagħhom. Barra minn hekk, fl-assenza ta' regoli espliċiti tal-UE dwar il-bini ta' reċinti fil-fruntieri esterni ta' Schengen, l-Istati Membri bnew ukoll ħitan mal-fruntieri ma' pajjiżi terzi (b'mod partikolari l-Marokk u r-Russja), inklużi kandidati fil-fażi ta' qabel l-adeżjoni (ir-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq, is-Serbja u t-Turkija) u pajjiż kandidat għall-adeżjoni fiż-żona Schengen — il-Kroazja. Inbnew xi reċinti wkoll fiż-żona Schengen, bħar-reċint bejn l-Awstrija u s-Slovenja, filwaqt li l-prattiki Spanjoli f'Melilla jinsabu taħt skrutinju tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu.

2. F'Novembru 2016, il-Kummissjoni ressqet proposta leġiżlattiva biex titwaqqaf Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS).

L-għan ta' din is-sistema[9] ġdida ta' informazzjoni ċentralizzata huwa li tiġbor informazzjoni dwar ċittadini mhux tal-UE li ma jeħtiġux viża biex jidħlu fiż-żona Schengen, u li tidentifika kwalunkwe riskju potenzjali ta' sigurtà jew ta' migrazzjoni irregolari. Il-bażi tad-data se twettaq kontrolli minn qabel (ara l-infografika I) fuq vjaġġaturi eżenti mill-viża u tiċħadilhom awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar jekk jitqiesu li jippreżentaw riskju[10]. Il-bażi tad-data se tkun simili għal sistemi diġà eżistenti li huma fis-seħħ, pereżempju fl-Istati Uniti (ESTA), il-Kanada u l-Awstralja, fost oħrajn.

L-ETIAS se ġġib diversi benefiċċji bħal sigurtà interna mtejba, prevenzjoni aħjar tal-immigrazzjoni illegali, riskji ta' saħħa pubblika mnaqqsa u dewmien imnaqqas fil-fruntieri. Għalkemm is-sistema se twettaq kontrolli minn qabel, id-deċiżjoni finali dwar jekk għandux jingħata jew jiġi miċħud id-dħul, anki f'każijiet fejn il-persuna għandha awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida, se tittieħed mill-gwardji nazzjonali tal-fruntiera li jwettqu l-kontrolli tal-fruntieri, skont ir-regoli tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen. ETIAS se tkun żviluppata mill-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA). L-ETIAS se jkollha tliet funzjonijiet ewlenin:

  • il-verifika tal-informazzjoni mressqa online minn ċittadini ta' pajjiżi terzi eżentati mill-viża qabel il-vjaġġ tagħhom lejn l-UE;
  • l-ipproċessar ta' applikazzjonijiet permezz ta' verifika ma' sistemi ta' informazzjoni oħra tal-UE (bħas-SIS, il-VIS, il-bażi ta' data tal-Europol, il-bażi ta' data tal-Interpol, l-EES u l-Eurodac);
  • il-ħruġ ta' awtorizzazzjonijiet għall-ivvjaġġar f'każijiet fejn ma jiġu identifikati l-ebda hits jew elementi li jeħtieġu analiżi ulterjuri.

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-awtorizzazzjonijiet għall-ivvjaġġar għandhom jinkisbu fi ftit ħin. Se tiġi imposta tariffa ta' EUR 7 fuq l-applikazzjoni. F'Ġunju 2017, il-Kunsill kien iddeċieda li jaqsam il-proposta f'żewġ atti legali distinti[11], fuq il-bażi tal-fatt li l-bażi legali (Schengen) tal-proposta ma tistax tkopri emendi għar-Regolament tal-Europol. Fit-12 ta' Settembru 2019, ir-regolamenti li jistabbilixxu l-ETIAS ġew iffirmati mill-presidenti taż-żewġ istituzzjonijiet. Madankollu, l-ETIAS mhux ser tkun kompletament operattiva qabel l-2021.

3. Eu-LISA

Stabbilita fl-2011, l-Eu-LISA hija responsabbli għat-tmexxija operattiva ta' tliet sistemi ta' informazzjoni ċentralizzati tal-UE: SIS, VIS u Eurodac.[12]

F'Ġunju 2017, il-Kummissjoni ppreżentat proposta biex jiġi rivedut il-mandat tal-eu-LISA. Il-proposta hija parti mill-approċċ tal-Kummissjoni biex jitjiebu u jiġu estiżi s-sistemi ta' informazzjoni tal-UE fl-AFSJ u biex tinkiseb l-interoperabbiltà bejn dawn is-sistemi sal-2020.

4. Interoperabbiltà bejn is-sistemi ta' informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-fruntieri

L-UE qed tiżviluppa sistemi ċentralizzati tal-IT fuq skala kbira (SIS, VIS, Eurodac, EES u ETIAS) għall-ġbir, l-ipproċessar u l-qsim ta' informazzjoni li hija vitali għall-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà, u għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni u l-migrazzjoni. F'Diċembru 2017, il-Kummissjoni pproponiet li tagħmel dawn is-sistemi ta' informazzjoni interoperabbli fil-livell tal-UE — jiġifieri, kapaċi jiskambjaw data u jaqsmu l-informazzjoni sabiex l-awtoritajiet ikollhom l-informazzjoni kollha li jeħtieġu, meta u fejn ikunu jeħtiġuha. L-interoperabbiltà tirreferi għall-kapaċità tas-sistemi tat-teknoloġija tal-informatika u tal-proċessi tan-negozju li jappoġġaw l-iskambju ta' data u jippermettu l-qsim ta' informazzjoni u għarfien, sabiex jiġu evitati lakuni ta' informazzjoni kkawżati mill-kumplessità u l-frammentazzjoni ta' dawn is-sistemi[13].

F'Diċembru 2017, il-Kummissjoni ressqet żewġ proposti speċifiċi dwar l-interoperabbiltà: waħda għal regolament li jistabbilixxi qafas għall-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta' informazzjoni tal-UE dwar il-fruntieri u l-viżi u ieħor għal regolament li jistabbilixxi qafas għall-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta' informazzjoni tal-UE dwar il-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni.

Il-Kummissjoni pproponiet erba' soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà:

  • Il-portal Ewropew ta' Tiftix (ESP) se jippermetti tiftix simultanju fuq sistemi ta' informazzjoni multipli tal-UE u jipprovdi "punt uniku ta' servizz" (fuq skrin tal-kompjuter wieħed) għar-riżultati kollha relatati mal-kontroll tad-dokument.
  • Is-servizz Kondiviż ta' Tqabbil Bijometriku (SBM) se jippermetti t-tfittxijiet u t-tqabbil tal-identitajiet multipli. Sabiex jiġi żgurat li l-gwardji tal-fruntiera u l-uffiċjali tal-pulizija jkollhom informazzjoni kompluta u preċiża disponibbli, se jiġu stabbiliti mekkaniżmi xierqa għall-kontroll tal-kwalità tad-data.
  • Ir-repożitorju Komuni ta' Informazzjoni dwar l-Identità (CIR) se jipprovdi informazzjoni bijografika u bijometrika, bħal ismijiet u dati ta' twelid ta' ċittadini mhux tal-UE, sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu identifikati b'mod effettiv.
  • Fl-aħħar nett, id-Detettur ta' Identitajiet Multipli (MID) se jgħin biex jiġi stabbilit li ismijiet differenti jappartjenu għall-istess identità u jallerta lill-gwardji tal-fruntiera u lill-pulizija dwar każijiet ta' attività frodulenti.

Fil-5 ta' Frar 2019, il-Presidenza tal-Kunsill u l-Parlament laħqu ftehim proviżorju dwar dawn iż-żewġ proposti.[14]

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

Il-Parlament Ewropew kellu reazzjonijiet diversi għall-iżvilupp tal-politika ta' ġestjoni tal-fruntieri esterni. Huwa appoġġa b'mod ġenerali r-rwol organizzattiv imtejjeb tal-Frontex, kif ukoll ta' aġenziji oħra rilevanti tal-Unjoni, u spiss appella biex dan ir-rwol tagħhom ikompli jissaħħaħ hekk kif l-UE qed titqabad mal-kriżi tal-migrazzjoni fil-Mediterran. Filwaqt li l-fehma tal-Parlament fir-rigward tal-iżvilupp tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta kienet fil-biċċa l-kbira pożittiva, il-pożizzjoni tiegħu dwar fruntieri intelliġenti kienet ferm aktar kawta. Wara l-proposta tal-Kummissjoni tal-2013, huwa esprima dubji dwar l-akkumulazzjoni teknoloġika vasta u l-ipproċessar tal-massa ta' data personali proposti għall-fruntieri esterni. Barra minn hekk, l-ispejjeż antiċipati għat-teknoloġija għall-Fruntieri Intelliġenti, flimkien ma' dubji rigward il-benefiċċji tagħha, ħallew lil Parlament b'għadd ta' punti ta' tħassib. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar it-tieni rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Sigurtà Interna, il-Parlament sostna li "sistemi ġodda tal-IT fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri, bħall-inizjattivi "Fruntieri Intelliġenti", għandhom jiġu analizzati b'attenzjoni, speċjalment fid-dawl tal-prinċipji ta' neċessità u proporzjonalità". Aktar reċentement ta segwitu għal dan b'mistoqsija orali lill-Kummissjoni u lill-Kunsill f'Settembru 2015, fejn talab il-pożizzjoni tagħhom dwar l-aċċess tal-korpi għall-infurzar tal-liġi għas-sistema u l-fehmiet tagħhom dwar ir-rilevanza tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea ta' April 2014 dwar id-Direttiva dwar iż-Żamma ta' Data (ara 4.2.8). Jekk ma jsirx progress rapidu fuq ir-riforma proposta tar-regolament Dublin III[15], il-Parlament jista' jiffriza n-negozjati li għaddejjin dwar il-fajls kollha li huma ta' interess għall-ministeri tal-ġustizzja u l-affarijiet interni, bħall-proposta dwar l-interoperabbiltà riċenti, ir-reviżjoni tas-sistema Eurodac u fajls rilevanti oħra. Fl-2012 diġà kien irnexxielu jadotta dan l-approċċ permezz tal-hekk imsejħa ''Sospensjoni ta' Schengen'', meta ddeċieda li jwaqqaf il-kooperazzjoni b'rabta mad-dossiers ĠAI li kienu qed jiġu nnegozjati b'reazzjoni għad-deċiżjoni tal-Kunsill li jbiddel il-bażi ġuridika għall-Pakkett ta' Governanza ta' Schengen. Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-rapport annwali dwar il-funzjonament taż-żona Schengen[16], il-Parlament kellu l-għan li jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li għad li l-UE kienet adottat bosta miżuri biex issaħħaħ il-fruntieri esterni tagħha, inklużi l-kontrolli mal-fruntieri, ma kien hemm ebda reazzjoni korrispondenti f'dak li jikkonċerna t-tneħħija tal-kontrolli mal-fruntieri.

Il-Parlament insista wkoll fuq il-ħtieġa li tittieħed azzjoni fir-rispett dovut tal-fruntieri tal-UE, l-acquis tal-ażil u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Għal xi żmien, il-Parlament ilu jappella għal proċeduri affidabbli u ġusti u għal approċċ olistiku għall-migrazzjoni fil-livell tal-UE.[17]

 

[1]L-acquis ta' Schengen – il-Konvenzjoni tad-19 ta' Ġunju 1990 li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen tal-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar l-abolizzjoni gradwali ta' kontrolli fuq il-fruntieri komuni tagħhom, ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19.
[2]Il-pajjiżi ma jinkludux ir-Renju Unit, l-Irlanda, il-Kroazja, il-Bulgarija u r-Rumanija. Madankollu, jinkludu tliet Stati Membri mhux tal-UE: l-Isvizzera, in-Norveġja u l-Liechtenstein.
[3]Ir-Regolament (UE) 2018/1862 tat-28 ta' Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS) fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali, li jemenda u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1986/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/261/UE ,ĠU L 312, 7.12.2018, p. 56).
[4]Ir-Regolament (UE) 2018/1861 tat-28 ta'Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS) fil-qasam tal-verifiki fuq il-fruntieri, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen, u li jemenda u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006, (ĠU L 312, 7.12.2018, p. 14–55).
[5]Ir-Regolament (UE) 2018/1860 tat-28 ta' Novembru 2018 dwar l-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, ĠU L 312 , 07.12.2018,
[6]Ir-Regolament (UE) 2017/2226 tat-30 ta' Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta' Dħul/Ħruġ biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta' infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) Nru 1077/2011, (ĠU L 327, 9.12.2017, p. 20).
[7]Ir-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (UE)2016/1624 tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE, ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1
[8]Proposta għal Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill Nru 98/700/ĠAI, ir-Regolament (UE) Nru 1052/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (UE) Nru 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill COM(2018)0631
[9]Ir-Regolament (UE) 2018/1240 tat-12 ta' Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226, ĠU L 236 , 19.09.2018, p. 1, kif ukoll ir-Regolament (UE) 2018/1241 tat-12 ta' Settembru 2018 – kompiti tal-Europol, ĠU L 236 , 19.09.2018, p. 72.
[10]ETIAS- Stqarrija għall-istampa tal-Kunsill, 05/09/2018): https://www.consilium.europa.eu/mt/infographics/schengen-border-controls/
[11]Ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226, (ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1). u r-Regolament (EU) 2018/1241 tat-12 ta' Settembru 2018 li jemenda r-Regolament (EU) 2016/794 bl-għan li tiġi stabbilita Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS)- Kompiti tal-Europol, ĠU L 236 19.9.2018, p. 72:
[12]Ir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-14 ta' Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta' Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 ĠU L 295, 21.11.2018, p. 99–137).
[13]Studju tal-PE dwar "L-interoperabbiltà tas-sistemi ta' informazzjoni dwar il-ġustizzja u l-affarijiet interni", 2018, PE604.947: http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2018/604947/IPOL_STU(2018)604947_EN.pdf
[15]Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilltal-4 ta' Mejju 2016 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna apolida (tfassil mill-ġdid).
[16]Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Mejju 2018 dwar ir-rapport annwali dwar il-funzjonament taż-żona Schengen (Testi adottati, P8_TA(2018)0228)
[17]Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' April 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni (2015/2095(INI)): http://www.europarl.europa.eu/doceo/document/TA-8-2016-0102_MT.html

Udo Bux