Il-Parlament Ewropew: ir-relazzjonijiet mal-parlamenti nazzjonali

Il-progress tal-integrazzjoni Ewropea biddel ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali. Għadd ta’ strumenti ta’ kooperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali ġew introdotti bil-għan li jiggarantixxu skrutinju demokratiku effikaċi tal-leġiżlazzjoni Ewropea fil-livelli kollha. Din it-tendenza ssaħħet permezz tad-dispożizzjonijiet introdotti bit-Trattat ta’ Liżbona.

Il-bażi ġuridika

L-Artikolu 12 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), il-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea u l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità.

L-objettivi

A. Il-bażi loġika għall-kooperazzjoni

Il-proċess proprju tal-integrazzjoni Ewropea jinvolvi t-trasferiment tar-responsabbiltajiet li kienu jiġu eżerċitati mill-gvernijiet nazzjonali għal istituzzjonijiet konġunti b’poteri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, u b’hekk jiċkien ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali bħala leġiżlaturi, awtoritajiet baġitarji u korpi responsabbli għall-iskrutinju tal-eżekuttiv. Filwaqt li inizjalment il-Kunsill kellu bosta mir-responsabbiltajiet trasferiti mil-livell nazzjonali għal dak tal-UE, il-Parlament Ewropew progressivament kiseb rwol parlamentari sħiħ.

  • Il-parlamenti nazzjonali bdew iqisu l-iskrutinju aktar effikaċi fuq l-attivitajiet tal-UE tal-gvernijiet tagħhom u r-relazzjonijiet eqreb mal-Parlament Ewropew bħala mezz biex tiżdied l-influwenza tagħhom fuq it-tfassil tal-politika tal-UE u biex fl-istess ħin jiżguraw li l-UE tinbena fuq prinċipji demokratiċi.
  • Min-naħa tiegħu, il-Parlament Ewropew ġeneralment kien tal-opinjoni li r-relazzjonijiet mill-qrib mal-parlamenti nazzjonali jgħinuh isaħħaħ il-leġittimità tiegħu u jqarreb lill-UE lejn iċ-ċittadini tiegħu.

B. L-evoluzzjoni tal-kuntest tal-kooperazzjoni

Inizjalment ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali naqas hekk kif l-integrazzjoni Ewropea mxiet ’il quddiem: is-setgħat tal-UE żdiedu u l-oqsma ta’ kompetenza tagħha ġew estiżi, filwaqt li l-votazzjoni b’maġġoranza saret ir-regola fil-Kunsill u l-poteri leġiżlattivi tal-Parlament Ewropew żdiedu wkoll.

Sal-1979, il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali kellhom rabtiet organiċi, peress li l-Membri tal-PE kienu maħturin mill-parlamenti nazzjonali stess. L-elezzjonijiet diretti tal-Parlament kissru dawk ir-rabtiet u għal madwar għaxar snin prattikament ma kien hemm ebda relazzjoni. Il-bżonn li jerġgħu jiġu stabbiliti r-rabtiet inħass wara l-1989: saru taħditiet u bdew jiġu stabbiliti rabtiet ġodda biex jissostitwixxu r-rabtiet organiċi oriġinali. It-Trattat ta’ Maastricht għen billi inkluda żewġ dikjarazzjonijiet (Nru 13 u Nru 14) dwar is-suġġett, li pprevedew b’mod partikolari:

  • ir-rikonoxximent xieraq tar-rwol tal-parlamenti nazzjonali fil-funzjonament tal-Unjoni Ewropea (il-gvernijiet rispettivi tagħhom jeħtiġilhom jinfurmawhom “fil-ħin opportun” dwar il-proposti leġiżlattivi tal-UE u konferenzi konġunti jridu jsiru meta jkun hemm bżonn);
  • kooperazzjoni eqreb bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali, fis-sura ta’ rabta aktar sistematika, skambji ta’ informazzjoni, laqgħat regolari u possibbilment konċessjoni ta’ faċilitajiet reċiproċi.

Barra minn hekk, il-parlamenti nazzjonali progressivament kisbu setgħat ta’ skrutinju fuq l-attivitajiet tal-UE tal-gvernijiet tagħhom bħala riżultat ta’ riformi kostituzzjonali, impenji governattivi, bidliet fil-metodi operattivi tagħhom stess u interpretazzjoni tar-regoli kostituzzjonali nazzjonali maħruġa mill-qrati kostituzzjonali ta’ xi Stati Membri. Il-kumitati tagħhom li jispeċjalizzaw fl-affarijiet tal-UE kellhom rwol kruċjali f’dan l-iżvilupp, b’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew.

Il-Protokoll dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali anness mat-Trattat ta’ Amsterdam ħeġġeġ involviment ikbar tal-parlamenti nazzjonali fl-attivitajiet tal-UE u talab li d-dokumenti ta’ konsultazzjoni u l-proposti jintbagħtu immedjatament biex il-parlamenti nazzjonali jkunu jistgħu jeżaminawhom qabel il-Kunsill jieħu deċiżjoni. Il-parlamenti nazzjonali żvolġew rwol importanti waqt id-dibattiti tal-Konvenzjoni dwar il-Futur tal-Ewropa (1.1.4), li matulha kienu wkoll is-suġġett ta’ wieħed mill-11-il grupp ta’ ħidma. F’Mejju 2006, il-Kummissjoni qablet li tgħaddi l-proposti l-ġodda kollha u d-dokumenti ta’ konsultazzjoni lill-parlamenti nazzjonali. Bit-Trattat ta’ Liżbona, dan id-“djalogu politiku” sar rekwiżit ġuridiku għall-Kummissjoni. It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jagħti d-dritt lill-parlamenti nazzjonali li jirċievu firxa usa’ ta’ informazzjoni mill-istituzzjonijiet tal-UE, li huma meħtieġa jgħaddu l-abbozzi tal-atti leġiżlattivi kollha u jinnotifikaw lill-parlamenti nazzjonali bl-applikazzjonijiet għall-adeżjoni mal-UE. It-Trattat ta’ Liżbona kompla jsaħħaħ ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali billi jinvolvihom fil-proċeduri għar-reviżjoni tat-Trattati kif ukoll fil-mekkaniżmi ta’ evalwazzjoni għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE fl-ispazji ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Huwa fformalizza wkoll il-kooperazzjoni interparlamentari bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew f’konformità mal-Protokoll dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-UE.

Barra minn dan, it-Trattat ta’ Liżbona żied b’mod konsiderevoli r-rwol tal-parlamenti nazzjonali fil-proċess leġiżlattiv billi introduċa mekkaniżmu ta’ twissija bikrija, jiġifieri, sistema li tippermetti li l-parlamenti nazzjonali jiżguraw li l-proposti leġiżlattivi jkunu konsistenti mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà (il-Protokolli Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea u l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità). Fi żmien tmien ġimgħat mid-data tat-trażmissjoni ta’ proposta leġiżlattiva, il-parlamenti nazzjonali jistgħu jibagħtu opinjoni motivata lill-Presidenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni filwaqt li jiddikjaraw għaliex huma jqisu li l-abbozz inkwistjoni ma jikkonformax mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Il-proposti leġiżlattivi jistgħu jiġu mblukkati jekk ikun hemm kunsens fost maġġoranza tal-kmamar. Madankollu, id-deċiżjoni finali titħalla f’idejn l-awtoritajiet leġiżlattivi (il-Parlament Ewropew u l-Kunsill) (1.2.2). Dan il-mekkaniżmu ġie attivat tliet darbiet minn mindu daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Liżbona: f’Mejju 2012 fir-rigward ta’ proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-eżerċizzju tad-dritt li tittieħed azzjoni kollettiva fil-kuntest tal-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li tagħti servizz (“Monti II”)[1] u f’Ottubru 2013 fir-rigward ta’ proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew[2], u f’Mejju 2016 fir-rigward ta’ proposta għal rieżami tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema[3]. Il-parlamenti nazzjonali jistgħu jqajmu tħassib rigward is-sussidjarjetà u jattivaw il-karta oranġjo u s-safra meta jintlaħqu s-sollijiet neċessarji. Din il-verifika tas-sussidjarjetà hija kompetenza esklużiva tal-parlamenti nazzjonali. Ir-rwol tal- parlamenti reġjonali f’din il-proċedura jinsab fl-Artikolu 6 tal-Protokoll Nru 2 li jgħid: “Kull parlament nazzjonali jew kull kamra ta’ parlament nazzjonali jistgħu jikkonsultaw, fejn ikun xieraq, mal-parlamenti reġjonali li jkollhom setgħat leġiżlattivi.” Għalhekk, sottomissjonijiet diretti li jaslu mill-parlamenti reġjonali ma jitqisux, skont it-Trattati, bħala sottomissjonijiet tal-Parlamenti nazzjonali dwar is-sussidjarjetà. L-opinjonijiet tagħhom għandhom jaslu permezz tal-parlamenti nazzjonali. Madankollu, meta l-Parlament Ewropew jirċievi osservazzjoni mingħand parlament reġjonali, din tintbagħat għal skopijiet ta’ informazzjoni lis-servizzi kompetenti, inkluż il-kumitat responsabbli għall-kontenut, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli għar-relazzjonijiet mal-awtoritajiet reġjonali, u lis-servizzi ta’ riċerka u dokumentazzjoni. It-Trattat fih ukoll artikoli ġodda li jiċċaraw ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-istruttura istituzzjonali tal-UE (l-Artikoli 10 u 12 tat-TUE).

Sa mill-bidu tal-kriżi tad-dejn sovran fl-UE f’Marzu 2010, ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali taż-żona tal-euro fir-ratifika jew fir-reviżjoni tal-pakketti ta’ salvataġġ, enfasizza l-importanza ta’ kooperazzjoni mill-qrib u skambju kontinwu ta’ informazzjoni bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew. L-Artikolu 13 tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja, li daħal fis-seħħ f’Jannar 2013, jipprevedi kooperazzjoni speċifika bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew għal kontroll parlamentari fl-oqsma ta’ governanza ekonomika u finanzjarja.

Il-kisbiet: l-istrumenti tal-kooperazzjoni

A. Konferenzi tal-Presidenti tal-Assemblej Parlamentari tal-Unjoni Ewropea

Wara laqgħat li saru fl-1963 u fl-1973, il-konferenzi ġew formalment introdotti fl-1981. Filwaqt li jlaqqgħu l-presidenti tal-parlamenti nazzjonali u tal-Parlament Ewropew, il-konferenzi fil-bidu kienu jsiru kull sentejn. Dawn ikunu preparati minn laqgħat tas-Segretarji Ġenerali u jiddiskutu kwistjonijiet preċiżi rigward il-kooperazzjoni bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew. F’dawn l-aħħar snin, il-Presidenti ltaqgħu kull sena. Sa mill-1995, il-Parlament Ewropew żamm relazzjonijiet mill-qrib mal-parlamenti tal-pajjiżi assoċjati u applikanti. Il-presidenti tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti ta’ dawn il-pajjiżi ltaqgħu regolarment biex jiddiskutu l-istrateġiji ta’ adeżjoni u kwistjonijiet oħrajn ta’ attwalità.

B. L-ECPRD

Il-“konferenza importanti” ta’ Vjenna fl-1977 stabbiliet iċ-Ċentru Ewropew tar-Riċerka u tad-Dokumentazzjoni Parlamentari (ECPRD). Iċ-Ċentru huwa network ta’ servizzi ta’ dokumentazzjoni u riċerka li jikkooperaw mill-qrib biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-informazzjoni (inklużi bażijiet ta’ data nazzjonali u Ewropej) u jikkoordinaw ir-riċerka biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-ħidma. Huwa jiċċentralizza u jiċċirkola r-riżultati u ħoloq sit web biex jittejbu l-iskambji ta’ informazzjoni. Id-direttorju tiegħu jiffaċilita l-kuntatt bejn id-dipartimenti ta’ riċerka tal-parlamenti membri. Iċ-Ċentru huwa mmexxi b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa. Huwa jinkludi l-parlamenti mill-Istati Membri tal-UE u tal-Kunsill tal-Ewropa, u s-servizzi tiegħu jistgħu jintużaw ukoll mill-parlamenti tal-Istati li għandhom status ta’ osservatur fl-Assemblea Parlamentari.

C. Konferenza tal-parlamenti tal-Komunità

L-idea ta’ din il-konferenza ġiet ikkonkretizzata f’Ruma fl-1990 taħt l-isem “Seduta Ewropea”. Is-suġġett kien “il-futur tal-Komunità; l-implikazzjonijiet, għall-Komunità u għall-Istati Membri, tal-proposti li jikkonċernaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Unjoni Politika u, b’mod aktar partikolari, ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali u tal-Parlament Ewropew”, u kien hemm 258 parteċipant, 173 mill-parlamenti nazzjonali u 85 mill-Parlament Ewropew. Qatt ma reġgħet saret laqgħa oħra bħal din.

D. Konferenza tal-Kumitati Parlamenti għall-Affarijiet tal-Unjoni tal-Parlamenti tal-Unjoni Ewropea — COSAC

Oriġinarjament proposta tal-President tal-Assemblea Nazzjonali Franċiża, il-Konferenza ilha tiltaqa’ kull sitt xhur mill-1989, u tlaqqa’ flimkien lill-kumitati tal-affarijiet tal-UE tal-parlamenti nazzjonali kif ukoll lill-Membri tal-Parlament Ewropew. Fil-laqgħat tagħha, kull parlament huwa rappreżentat minn sitt Membri. Il-konferenza tissejjaħ mill-parlament tal-pajjiż li jkollu f’idejh il-presidenza tal-UE u t-tħejjija ssir b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew flimkien mal-parlamenti tat-Trojka, filwaqt li kull konferenza tiddiskuti s-suġġetti prinċipali tal-integrazzjoni Ewropea. Il-COSAC mhix korp ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, iżda pjuttost ta’ konsultazzjoni u ta’ koordinazzjoni parlamentari li tadotta d-deċiżjonijiet tagħha b’kunsens. Il-Protokoll dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea jiddikjara b’mod speċifiku li l-COSAC tista’ tagħmel kull kontribut li tqis xieraq għall-istituzzjonijiet tal-UE. Madankollu, il-kontributi li jsiru mill-COSAC bl-ebda mod ma jorbtu lill-parlamenti nazzjonali jew jippreġudikaw il-pożizzjoni tagħhom.

E. Laqgħat Parlamentari Konġunti

Abbażi tal-esperjenza tal-Konvenzjoni Ewropea, il-membri parlamentari kemm tal-Parlament Ewropew kif ukoll tal-parlamenti nazzjonali ħasbu li jkun loġiku li jiġi stabbilit forum permanenti għal kooperazzjoni politika sabiex jiġu indirizzati temi speċifiċi. Sa mill-2005, għaldaqstant, il-Membri tal-PE u l-membri parlamentari nazzjonali kellhom laqgħat parlamentari konġunti biex jindirizzaw kwistjonijiet importanti li jolqtu lill-parlamenti fil-kuntest tal-proċess tat-tfassil ta’ politiki u tal-bini tal-istituzzjonijiet tal-UE.

F. Strumenti oħra ta’ kooperazzjoni

Il-maġġoranza tal-kumitati permanenti tal-Parlament Ewropew jikkonsultaw lill-kontropartijiet tagħhom fil-livell nazzjonali, waqt il-laqgħat bilaterali jew multilaterali u żjarat minn presidenti u rapporteurs.

Kuntatti bejn il-gruppi politiċi tal-Parlament Ewropew u l-ekwivalenti fil-parlamenti nazzjonali żviluppaw sa livelli differenti, skont il-partiti politiċi jew il-pajjiżi involuti.

Il-kooperazzjoni amministrattiva qed tiżviluppa fil-forma ta’ traineeships fil-Parlament Ewropew u skambji ta’ uffiċjali. L-uffiċċji tal-biċċa l-kbira tar-rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali jinsabu fl-istess bini tal-Parlament Ewropew bħad-Direttorat għar-Relazzjonijiet mal-Parlamenti Nazzjonali. L-iskambju reċiproku tal-informazzjoni dwar il-ħidma parlamentari, speċjalment rigward il-leġiżlazzjoni, qed isir dejjem aktar importanti, u jibbaża fuq it-teknoloġija moderna tal-informazzjoni, bħan-network IPEX ibbażat fuq l-internet, li huwa msaħħaħ minn pjattaforma elettronika tal-iskambju tad-data u ta’ komunikazzjoni: il-Pjattaforma għal Skambju Interparlamentari tal-UE.

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

Fid-19 ta’ April 2018, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw il-parlamenti nazzjonali[4], li fiha jindika li l-parlamenti nazzjonali qed jitjiebu u jikkontribwixxu b’mod attiv għall-funzjonament kostituzzjonali tajjeb tal-Unjoni Ewropea, u b’hekk jissaħħu l-pluraliżmu u l-leġittimità demokratika. Huwa jirrikonoxxi wkoll li l-obbligu ta’ rendikont tal-gvernijiet nazzjonali lejn il-parlamenti nazzjonali jibqa’ l-“element ċentrali tar-rwol tal-kmamar parlamentari nazzjonali fl-Unjoni Ewropea”. Filwaqt li jfakkar li s-sistema ta’ twissija bikrija (STB) rarament intużat minn mindu daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Liżbona, il-Parlament Ewropew jemmen li tista’ tiġi riformata fil-qafas attwali tat-Trattat. F’dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea timplimenta “perjodu ta’ notifika teknika” sabiex tagħti aktar żmien bejn id-data li fiha l-parlamenti nazzjonali jirċievu l-abbozzi ta’ atti leġiżlattivi u d-data li fiha jibda l-perjodu ta’ tmien ġimgħat. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew jappoġġja l-possibbiltà li l-parlamenti nazzjonali jressqu proposti kostruttivi lill-Kummissjoni sabiex jinfluwenzaw b’mod pożittiv id-dibattitu Ewropew u s-setgħa ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, iressaq għadd ta’ suġġerimenti li għandhom l-għan li jsaħħu l-istrumenti eżistenti ta’ kooperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali.

Kull sena, id-Direttorat għar-Relazzjonijiet mal-Parlamenti Nazzjonali tal-Parlament Ewropew jippubblika rapport annwali dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali tal-UE. Ir-rapport jagħti ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet u l-iżviluppi kollha fil-kooperazzjoni interparlamentari mal-parlamenti nazzjonali, li tinvolvi 39 parlament u kamra nazzjonali fis-27 Stat Membru u l-Parlament Ewropew. Skont ir-Rapport Annwali 2022, is-suġġetti ewlenin diskussi fil-laqgħat interparlamentari matul dik is-sena kienu s-sigurtà u l-azzjoni esterna tal-UE b’rispons għall-gwerra fl-Ukrajna, l-irkupru wara l-pandemija tal-COVID-19, is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri, NextGenerationEU u l-pjanijiet ta’ rkupru ekonomiku, u l-eżitu tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.

 

[1]COM(2012)0130.
[4]Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ April 2018 dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw il-parlamenti nazzjonali (ĠU C 390, 18.11.2019, p. 121).

Eeva Pavy