L-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa

L-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija waħda mill-objettivi tal-Unjoni Ewropea. Maż-żmien, il-leġiżlazzjoni, il-każistika u t-tibdiliet li saru lit-Trattati għenu jikkonsolidaw dan il-prinċipju u l-implimentazzjoni tiegħu fl-UE. Il-Parlament Ewropew dejjem kien difensur ferventi tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa.

Il-bażi ġuridika

Il-prinċipju li l-irġiel u n-nisa għandhom jirċievu paga ugwali għal xogħol ugwali ilu mnaqqax fit-Trattati Ewropej sa mill-1957 (illum: l-Artikolu 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)). L-Artikolu 153 tat-TFUE jippermetti lill-UE taġixxi fil-qasam usa’ tal-opportunitajiet indaqs u tat-trattament ugwali fi kwistjonijiet ta’ impjiegi, u fi ħdan dan il-qafas, l-Artikolu 157 tat-TFUE jawtorizza azzjoni pożittiva biex tissaħħaħ il-pożizzjoni tan-nisa. Barra minn hekk, l-Artikolu 19 tat-TFUE jipprevedi li tiġi adottata leġiżlazzjoni biex tiġġieled kull tip ta’ diskriminazzjoni, inkluża dik fuq bażi ta’ sess. Il-leġiżlazzjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin, b’mod partikolari tan-nisa u t-tfal, ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikoli 79 u 83 tat-TFUE. Il-Programm Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza jiffinanzja, fost affarijiet oħra, miżuri li jikkontribwixxu għall-eradikazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa, abbażi tal-Artikolu 168 tat-TFUE.

L-objettivi

L-UE hija msejsa fuq ġabra ta’ valuri, li jinkludu l-ugwaljanza, u għaldaqstant tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa (l-Artikoli 2 u 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea). Dawn l-objettivi huma mnaqqxa wkoll fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Barra minn hekk, l-Artikolu 8 tat-TFUE jagħti lill-UE l-kompitu li teqred l-inugwaljanzi u tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-attivitajiet kollha tagħha (dan il-kunċett huwa magħruf ukoll bħala l-“integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri”). Fid-Dikjarazzjoni Nru 19 mehmuża mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adotta t-Trattat ta’ Liżbona, l-UE u l-Istati Membri impenjaw ruħhom biex jiġġieldu “kontra kull xorta ta’ vjolenza domestika [...], sabiex jipprevjenu u jikkastigaw dawn l-atti kriminali, kif ukoll sabiex jappoġġjaw u jipproteġu lill-vittmi”.

Il-kisbiet

A. Leġiżlazzjoni ewlenija

Il-leġiżlazzjoni tal-UE, adottata fil-parti l-kbira bil-proċedura leġiżlattiva ordinarja, tinkludi:

  • id-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali;
  • id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu;
  • id-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal-15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC.
  • Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali), li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi tal-oriġini razzjali jew etnika f’firxa wiesgħa ta’ oqsma, inklużi l-impjiegi, il-protezzjoni soċjali u l-vantaġġi soċjali, l-edukazzjoni, u l-oġġetti u s-servizzi disponibbli għall-pubbliku, bħall-akkomodazzjoni;
  • Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għat-trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol;
  • Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi;
  • id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol;
  • id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat-8 ta’ Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri, u li tħassar id-Direttiva 96/34/KE;
  • id-Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE;
  • id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI;
  • Id-Direttiva 2011/99/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-ordni Ewropea ta’ protezzjoni;
  • id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI;
  • Id-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE;
  • Id-Direttiva (UE) 2022/2381 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar it-titjib tal-bilanċ bejn il-ġeneri fost diretturi ta’ kumpaniji elenkati u miżuri relatati;
  • Id-Direttiva (UE) 2023/970 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li ssaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali bejn l-irġiel u n-nisa permezz ta’ trasparenza fil-pagi u mekkaniżmi ta’ infurzar.

B. Progress permezz tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE)

Il-QĠUE żvolġiet rwol importanti fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa. Kien hemm numru ta’ sentenzi notevoli f’dan ir-rigward.

  • Is-sentenza Defrenne II tat-8 ta’ April 1976 (Kawża 43/75): il-QĠUE rrikonoxxiet l-effett dirett tal-prinċipju tal-paga ugwali għall-irġiel u n-nisa u ddeċidiet li l-prinċipju ma japplikax biss għall-azzjoni ta’ awtoritajiet pubbliċi iżda huwa wkoll estiż għall-ftehimiet kollha li huma maħsuba biex kollettivament jirregolaw ix-xogħol imħallas;
  • is-sentenza Bilka tat-13 ta’ Mejju 1986 (Kawża C-170/84): il-QĠUE ddeċidiet li miżura li teskludi lill-ħaddiema li jaħdmu fuq bażi part-time mill-iskema ta’ pensjoni okkupazzjonali tikkostitwixxi “diskriminazzjoni indiretta”, u li għalhekk din tmur kontra l-Artikolu 119 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea preċedenti jekk taffettwa ħafna iktar lin-nisa milli lill-irġiel, sakemm ma jistax jintwera li l-esklużjoni kienet ibbażata fuq fatturi ġġustifikati b’mod oġġettiv li mhumiex relatati ma’ xi tip ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess;
  • is-sentenza Barber tas-17 ta’ Mejju 1990 (Kawża C-262/88): il-QĠUE ddeċidiet li l-forom kollha ta’ pensjoni okkupazzjonali stabbilew ħlas għall-iskopijiet tal-ex Artikolu 119 u li l-prinċipju ta’ trattament ugwali għalhekk japplika għalihom. Il-QĠUE ddeċidiet li l-irġiel għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom għall-pensjoni jew id-drittijiet għall-pensjoni tas-superstiti fl-istess età bħall-kollegi nisa tagħhom;
  • is-sentenza Marschall tal-11 ta’ Novembru 1997 (Kawża C-409/95): il-QĠUE ddikjarat li norma nazzjonali li tirrikjedi li tingħata prijorità lill-promozzjoni ta’ kandidati nisa f’każijiet fejn hemm inqas nisa minn irġiel f’settur (“diskriminazzjoni pożittiva”) mhijiex prekluża mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, dment li dak il-vantaġġ ma jkunx awtomatiku u jiġi garantit li l-applikanti rġiel jiġu kkunsidrati u ma jkunux esklużi a priori milli japplikaw;
  • is-sentenza Test Achats tal-1 ta’ Marzu 2011 (Kawża C-236/09): il-QĠUE ddikjarat li l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE huwa invalidu abbażi tal-fatt li jmur kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għall-merkanzija u s-servizzi u fil-provvista tagħhom. Għandha tiġi applikata l-istess sistema ta’ kalkolu attwarju għall-irġiel u n-nisa fid-determinazzjoni tal-primjums u l-benefiċċji għall-finijiet ta’ assigurazzjoni;
  • is-sentenza Korwin-Mikke tal-31 ta’ Mejju 2018 (Każijiet T-770/16 u T-352/17): il-QĠUE ddeċidiet li jiġu annullati l-penali imposti mill-Parlament fuq il-Membru tal-PE Pollakk tal-lemin estrem Janusz Korwin-Mikke;
  • Violeta Villar Láiz, sentenza tat-8 ta’ Mejju 2019 (C-161/18): il-QĠUE sabet li l-leġiżlazzjoni Spanjola dwar il-kalkolu tal-pensjonijiet tal-irtirar għall-ħaddiema part-time tmur kontra d-dritt tal-UE jekk jinstab li hija partikolarment ta’ żvantaġġ għall-ħaddiema nisa;
  • Praxair, sentenza tat-8 ta’ Mejju 2019 (C-486/18): il-QĠUE ddikjarat li l-kalkolu tal-pagamenti ta’ kumpens għat-tkeċċija u r-riallokazzjoni ta’ impjegat li jkun fuq leave tal-ġenituri part-time irid isir abbażi tas-salarju full-time. Liġijiet nazzjonali konfliġġenti jirriżultaw f’diskriminazzjoni indiretta abbażi tas-sess;
  • Safeway, sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2019 (C-171/18): il-QĠUE ddeċidiet dwar l-ugwalizzazzjoni tal-benefiċċji tal-pensjoni tal-irtirar skont skema ta’ pensjoni okkupazzjonali;
  • Ortiz Mesonero, sentenza tat-18 ta’ Settembru 2019 (C-366/18): missier ma jingħatax permess biex jaħdem xiftijiet fissi sabiex jieħu ħsieb aħjar lil uliedu. Il-QĠUE ddeċidiet li d-direttivi ma japplikawx hawnhekk u li ma fihomx dispożizzjoni li tirrikjedi li l-Istati Membri, fil-kuntest ta’ talba għal leave tal-ġenituri, jagħtu lill-impjegat id-dritt li jaħdem għal ħin tax-xogħol fiss meta r-ritmu normali tax-xogħol tiegħu jkun xogħol bix-xift b’sigħat varjabbli.
  • Hakelbracht, sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2019 (C-404/18): il-QĠUE ddeċidiet li meta persuna li allegatament tiġi diskriminata abbażi tal-ġeneru tagħha tniedi lment, l-impjegati, minbarra l-persuna diskriminata abbażi tal-ġeneru tagħha, għandhom jiġu protetti peress li jistgħu jkunu żvantaġġati mill-impjegatur tagħhom għall-appoġġ li jkunu taw formalment jew informalment lill-vittma tal-allegata diskriminazzjoni;
  • Tesco Stores, sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2021 (C-624/19): fis-sentenza, il-QĠUE l-ewwel fakkret fis-sentenza tagħha fi Praxair MRC (C-486/18), li fiha l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bejn il-ħaddiema rġiel u nisa tapplika wkoll għal ftehimiet kollettivi u individwali li għandhom l-għan li jirregolaw il-pagi, kif ukoll il-ġurisprudenza stabbilita l-oħra tagħha li tippermetti lill-qrati japprezzaw differenzi oħra bbażati fuq il-pagi tal-irġiel u n-nisa fit-trattament abbażi tar-regola kontenzjuża. Il-QĠUE kkonkludiet li l-Artikolu 157 tat-TFUE jrid jiġi interpretat bħala wieħed li għandu effett orizzontali dirett fi proċedimenti bejn individwi li fihom iseħħ nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal “xogħol tal-istess valur”;
  • L-Opinjoni tal-QĠUE 1/19 tas-6 ta’ Ottubru 2021 dwar l-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta’ Istanbul). L-opinjoni tal-QĠUE tiċċara l-modalitajiet tal-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta’ Istanbul u l-bażi ġuridika tagħha.

C. L-aħħar żviluppi

Hawn taħt hawn deskrizzjoni qasira tal-azzjoni l-aktar reċenti li ħadet l-UE fil-qasam tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa.

Fil-21 ta’ Marzu 2023, il-Membri tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi kellhom skambju ta’ fehmiet mal-Kummissarju għall-Ugwaljanza Helena Dalli bħala parti mid-djalogu strutturat bejn il-Parlament u l-Kummissjoni. Huma koprew suġġetti dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi li jappartjenu għall-mandat tal-Kummissarju, inkluż aġġornament dwar l-inizjattivi leġiżlattivi li kienu ġew adottati reċentement mill-Kummissjoni u dawk li għad iridu jiġu adottati.

Matul it-tieni siegħa tal-laqgħa, il-Kummissarju Dalli ffokat fuq il-proposta għal direttiva dwar it-tisħiħ tar-rwol u l-indipendenza tal-korpi tal-ugwaljanza, li ġiet adottata mill-Kummissjoni f’Diċembru 2022.

Sadanittant, fit-12 ta’ April 2023, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija dwar l-ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020–2025. Il-Kummissjoni implimentat aktar minn 90 miżura fi ħdan din l-istrateġija, li jvarjaw minn kampanji ta’ komunikazzjoni għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza tal-LGBTIQ fil-leġiżlazzjoni u finanzjament iddedikat. Barra minn hekk, ir-rapport isemmi l-proċedura ta’ ksur reċenti kontra l-Ungerija għal-liġi tagħha dwar il-“propaganda kontra l-LGBT”, li ġiet adottata fl-2021. Il-liġi tipprojbixxi l-“promozzjoni” tal-omosesswalità u tal-identità trans fost il-minorenni.

Il-Kummissarju Dalli enfasizzat tliet proposti leġiżlattivi ċentrali għad-difiża tad-drittijiet tal-LGBTIQ fl-UE.

  • L-ewwel waħda hija l-introduzzjoni ta’ standards vinkolanti għall-korpi tal-ugwaljanza u l-estensjoni tal-mandat tagħhom għad-diskriminazzjoni tal-orjentazzjoni sesswali, speċjalment fil-qasam tal-impjiegi.
  • It-tieni tirrikjedi li l-Istati Membri jaħdmu biex tinkiseb l-unanimità meħtieġa biex il-lista tal-UE ta’ reati kriminali tiġi estiża biex tinkludi d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda (l-Artikolu 83 tat-TFUE). Dan jippermetti lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni li tikkriminalizza, fost affarijiet oħra, reati motivati mill-orjentazzjoni sesswali tal-vittma;
  • It-tielet waħda hija ċertifikat Ewropew tal-paternità, li għalih il-Kummissarju Dalli enfasizzat l-importanza li titwitta t-triq. Ir-rikonoxximent tal-paternità huwa partikolarment rilevanti għall-familji b’ġenituri tal-istess sess. Il-każ ta’ “baby Sara” ġie enfasizzat fil-media. L-awtoritajiet Bulgari rrifjutaw li joħorġu ċertifikat tat-twelid lill-wild, billi l-pajjiż ma jirrikonoxxix il-filjazzjoni taż-żewġ ommijiet, kif stabbilit fi Spanja. Fl-2021, il-QĠUE ddeċidiet li l-Bulgarija trid toħroġ passaport għall-wild. 

Il-Konvenzjoni ta’ Istanbul

Il-Konvenzjoni ta’ Istanbul hija l-ewwel strument fl-Ewropa li jistabbilixxi standards legalment vinkolanti speċifikament għall-prevenzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru, għall-protezzjoni tal-vittmi tal-vjolenza u għall-ikkastigar tal-awturi. Wara l-iffirmar tal-Konvenzjoni mill-UE f’Ġunju 2017, l-approvazzjoni tal-Parlament hija meħtieġa biex l-UE taderixxi għaliha.

Fil-21 ta’ Frar 2023, il-Kunsill talab l-approvazzjoni tal-Parlament biex jadotta ż-żewġ deċiżjonijiet dwar ir-ratifika tal-Konvenzjoni (għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara hawn taħt).

Korpi tal-ugwaljanza

Fit-8 ta’ Diċembru 2022, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal direttiva dwar standards għall-korpi tal-ugwaljanza.

Din tipproponi sett ta’ regoli vinkolanti biex jissaħħu r-rwol u l-indipendenza tal-korpi tal-ugwaljanza. L-għan tal-proposta huwa li jiġu stabbiliti standards għall-korpi tal-ugwaljanza fil-qasam tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika tagħhom, it-trattament ugwali fil-qasam tal-impjiegi u x-xogħol bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom, u t-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali u fl-aċċess għal oġġetti u servizzi u l-provvista tagħhom.

Direttiva dwar it-Trasparenza fil-Pagi

Il-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar it-trasparenza fil-pagi, adottata fl-4 ta’ Marzu 2021, tintroduċi miżuri biex jiġi żgurat li n-nisa u l-irġiel fl-UE jirċievu paga ugwali għal xogħol ugwali.

Fit-30 ta’ Marzu 2023, il-Parlament approva d-Direttiva dwar it-Trasparenza fil-Pagi. Ir-regoli l-ġodda se jipprevedu aktar trasparenza u infurzar effettiv tal-prinċipju ta’ paga ugwali bejn in-nisa u l-irġiel u jtejbu l-aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi ta’ diskriminazzjoni fil-pagi.

Din se tirrikjedi li l-avviżi ta’ pożizzjoni vakanti u t-titli tax-xogħol ikunu newtrali għall-ġeneru u l-proċessi ta’ reklutaġġ iridu jitmexxew b’mod mhux diskriminatorju.

Id-direttiva tistipula li, fost oħrajn, jekk ir-rappurtar dwar il-pagi juri differenza fil-pagi bejn il-ġeneri ta’ tal-anqas 5%, l-impjegaturi jkollhom iwettqu valutazzjoni konġunta tal-pagi b’kooperazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema tagħhom. L-Istati Membri se jkollhom idaħħlu penali effettivi, proporzjonati u skoraġġanti fis-seħħ, bħal multi, għal impjegaturi li jiksru r-regoli. Kwalunkwe ħaddiem li jkun ġarrab ħsara b’riżultat ta’ ksur se jkollu d-dritt li jitlob kumpens. Għall-ewwel darba, id-diskriminazzjoni intersezzjonali u d-drittijiet tal-persuni mhux binarji ġew inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli l-ġodda.

Il-qafas finanzjarju pluriennali tal-UE għall-2021-2027

Wara li, fis-17 ta’ Diċembru 2020, il-Parlament Ewropew ta l-approvazzjoni tiegħu, il-Kunsill adotta r-regolament li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) tal-UE għall-2021-2027. Il-QFP il-ġdid jagħti prijorità akbar lill-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-baġit tal-UE.

Flimkien mal-istrument għall-irkupru NextGenerationEU b’valur ta’ EUR 750 biljun, il-QFP se jippermetti lill-UE tipprovdi finanzjament bla preċedent ta’ EUR 1.8 triljun fis-snin li ġejjin biex tappoġġja l-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19 u tiffinanzja l-prijoritajiet fit-tul tal-UE f’oqsma ta’ politika differenti. Il-baġit fit-tul li jmiss se jkopri seba’ oqsma ta’ nfiq. Se jipprovdi l-qafas għall-finanzjament ta’ kważi 40 programm ta’ nfiq tal-UE fil-perjodu tas-seba’ snin li jmiss. NextGenerationEU jagħti attenzjoni speċifika wkoll lill-ugwaljanza bejn il-ġeneri. B’mod partikolari, il-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza għandhom jistabbilixxu kif l-investimenti u r-riformi ffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza huma mistennija li jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd.

F’April 2021, il-Kunsill u l-Parlament adottaw iż-żewġ programmi li jikkostitwixxu l-fond tal-UE għall-ġustizzja, id-drittijiet u l-valuri bħala parti mill-QFP għall-2021-2027. Il-programmi se jgħinu biex ikomplu jippromwovu, isaħħu u jħarsu l-ġustizzja, id-drittijiet u l-valuri tal-UE. Il-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri (CERV) għall-2021-2027 ikopri speċifikament l-allokazzjoni ta’ fondi lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet fl-UE. CERV se jkollu baġit globali ta’ massimu ta’ EUR 1.55 biljun (baġit ta’ EUR 641.7 miljun, b’allokazzjoni addizzjonali ta’ massimu ta’ EUR 912-il miljun). Il-Programm dwar il-Ġustizzja se jkollu baġit ta’ EUR 305 miljun.

L-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta’ Istanbul

Il-Konvenzjoni ta’ Istanbul, li daħlet fis-seħħ fl-2014, hija l-ewwel strument internazzjonali legalment vinkolanti dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet f’livell internazzjonali. Hija tistabbilixxi qafas komprensiv ta’ miżuri legali u politiċi għall-prevenzjoni ta’ tali vjolenza, filwaqt li tappoġġja lill-vittmi u tikkastiga lil dawk li jwettqu r-reat.

Il-Kunsill iddeċieda li l-abbozz ta’ deċiżjoni dwar l-iffirmar tal-Konvenzjoni għandu jinqasam f’żewġ deċiżjonijiet separati: waħda li tkopri l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, u l-oħra dwar l-ażil u n-non-refoulement. Dawn iż-żewġ deċiżjonijiet tal-Kunsill ġew adottati f’Mejju 2017, u mbagħad, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri ffirmat il-Konvenzjoni ta’ Istanbul f’isem l-UE fit-13 ta’ Ġunju 2017.

L-iffirmar huwa l-ewwel pass fil-proċess tal-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni, li issa jirrikjedi l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill biex jiġi konkluż il-proċess. Fil-Kunsill, il-proposti leġiżlattivi f’dan il-qasam huma diskussi fil-Grupp ta’ Ħidma dwar id-Drittijiet Fundamentali, id-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Moviment Liberu tal-Persuni. Id-diskussjonijiet tiegħu ffukaw fuq kodiċi ta’ kondotta li jiddefinixxi kif l-UE u l-Istati Membri tagħha se jikkooperaw dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni.

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ April 2019, il-Parlament talab opinjoni mill-QĠUE dwar il-kompatibbiltà tal-proposti għall-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta’ Istanbul mat-Trattati u dwar il-proċedura għal dik l-adeżjoni. Id-deċiżjoni tal-QĠUE kienet li “it-Trattati ma jipprekludux lill-Kunsill milli jistenna, qabel ma jadotta d-deċiżjoni dwar il-konklużjoni mill-Unjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, il-“qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri”. Ikkonkludiet ukoll li “l-att dwar il-konklużjoni jista’ jinqasam f’żewġ deċiżjonijiet distinti meta tkun ġiet stabbilita ħtieġa oġġettiva”.

Fil-21 ta’ Frar 2023, il-Kunsill iddeċieda li jipproċedi bit-talba tiegħu għall-approvazzjoni tal-Parlament biex l-UE taderixxi fil-Konvenzjoni ta’ Istanbul. Il-Kunsill qed jitlob li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu għal żewġ abbozzi ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni msemmija hawn fuq, kif ġej:

  1. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni;
  2. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward ta’ materji relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement.

L-aktar azzjonijiet reċenti tal-Parlament u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri

Rapporti leġislattivi

F’Lulju 2023, il-Parlament qabel dwar il-pożizzjoni komuni tiegħu rigward rapport imħejji mill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (FEMM) u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE) dwar il-proposta għal direttiva dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika. Il-pożizzjoni komuni tal-Parlament inkludiet definizzjoni bbażata fuq il-kunsens ta’ stupru, regoli aktar stretti dwar il-vjolenza ċibernetika u appoġġ aħjar għall-vittmi. Madankollu, il-Kunsill fetaħ battalja legali ta’ kompetenzi, li dewmet it-tentattivi kollha biex jintlaħaq qbil dwar id-direttiva. Fit-23 ta’ Novembru 2023, f’dibattitu li jfakkar il-jum internazzjonali għall-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa, il-Membri tal-PE ħeġġew bil-qawwa lill-Istati Membri biex jaħdmu mal-Parlament ħalli jilħqu ftehim dwar regoli robusti għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa li jinkludu definizzjoni ta’ stupru bbażata fuq nuqqas ta’ kunsens.

Il-Kumitat FEMM ippubblika wkoll rapport dwar il-proposta għal direttiva li temenda d-Direttiva Kontra t-Traffikar biex jissaħħu r-regoli tal-UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu. Ir-rapport jiffoka fuq it-tisħiħ tal-appoġġ u l-protezzjoni għall-vittmi.

Il-Kumitat FEMM ippubblika rapport dwar il-proposta għal direttiva biex tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali bejn l-irġiel u n-nisa permezz ta’ trasparenza fil-pagi u mekkaniżmi ta’ infurzar. Il-kumitat ippubblika wkoll rapport dwar il-proposta għal direttiva fuq l-istandards għall-korpi tal-ugwaljanza fil-qasam tat-trattament ugwali u l-opportunitajiet indaqs bejn in-nisa u l-irġiel fi kwistjonijiet ta’ impjieg u xogħol. Iż-żewġ rapporti jisħqu fuq il-ħtieġa ta’ perspettiva intersezzjonali biex jiġu indirizzati d-dimensjonijiet varji tad-diskriminazzjoni.

Rapporti mhux leġiżlattivi

Ir-rapporti mhux leġiżlattivi jinkludu rapporti dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-Parlament (rapport annwali 2020), dwar il-faqar tan-nisa fl-Ewropa, dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Ġeneru III, dwar azzjoni Ewropea komuni dwar il-kura, dwar l-iżgurar ta’ xogħlijiet ta’ trasport Ewropew għan-nisa, dwar il-fastidju sesswali fl-UE u l-evalwazzjoni MeToo, dwar l-ilħuq tal-indipendenza ekonomika tan-nisapermezz tal-intraprenditorija u l-impjieg indipendenti, rapport dwar ir-regolamentazzjoni tal-prostituzzjoni fl-UE u rapport dwar id-diskriminazzjoni intersezzjonali fl-UE.

Opinjonijiet leġiżlattivi

Il-Kumitat FEMM ta l-opinjoni tiegħu lill-Kumitat LIBE dwar il-proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva 2013/34/UE, id-Direttiva 2004/109/KE, id-Direttiva 2006/43/KE u r-Regolament (UE) Nru 537/2014, fir-rigward tar-rapportar korporattiv sostenibbli. Il-Kumitat FEMM enfasizza l-importanza li jiġi żgurat li s-sostenibbiltà soċjali u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri jiġu inkorporati b’mod adegwat fid-Direttiva.

Il-Kumitat FEMM ta l-opinjoni tiegħu lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija dwar il-proposta għal direttiva dwar l-effiċjenza enerġetika u enfasizza l-importanza li jitqiesu l-effetti mhux ugwali u bbażati fuq il-ġeneru tat-tibdil fil-klima u l-politiki relatati mal-klima.

Il-kumitat FEMM ta l-opinjoni tiegħu lill-kumitat LIBE dwar il-proposta għal regolament li jistabbilixxi leġiżlazzjoni għall-prevenzjoni u l-ġlieda tal-abbuż sesswali tat-tfal. Ir-rapporteur enfasizzat li l-abbuż sesswali tat-tfal huwa fil-biċċa l-kbira espressjoni ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru. Għalhekk, il-ġlieda kontra l-aspetti online ta’ dan ir-reat għandha tqis approċċi speċifiċi għall-ġeneru. Ir-rapporteur issuġġeriet kampanji ta’ sensibilizzazzjoni mfassla speċifikament skont l-età u l-ġeneru. Hija enfasizzat ukoll il-ħtieġa li jiġi pprovduti rispons speċjalizzat u appoġġ lill-vittmi u lis-superstiti permezz ta’ perspettiva integrata tal-ġeneru. Barra minn hekk, ir-rapporteur tixtieq issaħħaħ il-ġbir ġenerali tad-data diżaggregata skont l-età u l-ġeneru, u pproponiet kollaborazzjoni mill-qrib fir-riċerka u l-istatistika bejn iċ-Ċentru tal-UE u l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi.

Il-kumitat FEMM ta l-opinjoni tiegħu lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni ta’ strumenti awtentiċi fi kwistjonijiet tal-istat ta’ ġenitur u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tal-Istat ta’ Ġenitur, Il-Kumitat FEMM enfasizza li r-regolament irid jintuża mingħajr preġudizzju u li l-kunċett ta’ “politika pubblika” irid jiġi interpretat b’mod restrittiv jekk ser jintuża biex jiġġustifika deroga minn libertà fundamentali.

Il-kumitat FEMM ta l-opinjoni tiegħu lill-kumitat LIBE rigward l-estensjoni tal-lista tal-UE tar-reati għad-diskors ta’ mibgħeda kif ukoll għar-reati ta’ mibegħda. Il-prevalenza tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u tal-mibegħda, meqjusa bħala ostaklu għall-kisba ta’ ugwaljanza ġenwina bejn il-ġeneri fl-UE tinsab fil-qalba tat-tħassib tal-Kumitat. Diskors ta’ mibgħeda abbażi tal-ġeneru u reati jaffettwaw lin-nisa, lill-bniet u lill-komunità LGBTIQ+ b’mod sproporzjonat, filwaqt li jżidu l-inugwaljanzi soċjali bejn il-ġeneri. L-opinjoni tenfasizza l-ħtieġa għal rispons unifikat tal-UE biex tiġġieled id-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda, filwaqt li tenfasizza l-ħtieġa għal definizzjonijiet ċari, leġiżlazzjoni robusta, ġbir aħjar tad-data u strateġiji biex tiġi indirizzata l-vjolenza online u offline.

Opinjonijiet mhux leġiżlattivi

Minbarra diversi opinjonijiet fl-affarijiet baġitarji, il-Kumitat FEMM ta wkoll l-opinjoni tiegħu f’ħafna oqsma oħra:

  • opinjoni dwar l-implimentazzjoni tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni – rapport annwali 2022;
  • opinjoni dwar viżjoni fit-tul għaż-Żoni Rurali tal-UE – Lejn żoni rurali aktar b’saħħithom, konnessi, reżiljenti u prosperi sal-2040;
  • opinjoni dwar l-istrateġija tal-UE għal tessuti sostenibbli u ċirkolari;
  • opinjoni lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi u għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali fi żminijiet ta’ kriżi għat-tfal u l-familji tagħhom;
  • opinjoni lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni – rapport annwali 2023.

Missjonijiet

Sa mill-bidu tal-2022, seħħew tmien missjonijiet tal-kumitat FEMM, u hemm sitt rapporti ta’ dawn il-missjonijiet disponibbli. Fl-2022, il-kumitat FEMM bagħat Membri Parlamentari għal missjoni virtwali għas-66 sessjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa tan-NU fi New York, l-Istati Uniti, mill-14 sal-25 ta’ Marzu 2022 (Rapport tal-Missjoni 30.5.2022). F’Mejju intbagħtet delegazzjoni ġewwa The Hague, In-Netherlands, mit-23 sal-25 ta’ Mejju 2022 (Rapport tal-Missjoni 20.6.2022). Mill-20 sat-22 ta’ Settembru 2022, delegazzjoni żaret l-Etjopja (Rapport tal-Missjoni 21.4.2023). F’Novembru 2022, il-Membri tal-PE marru fuq missjoni f’Varsavja, il-Polonja, biex jorganizzaw laqgħat dwar id-drittijiet tan-nisa, kif ukoll dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati (Rapport tal-Missjoni 16.11.2022).

Fl-2023, il-kumitat FEMM bagħat Membri Parlamentari fi New York u Washington biex jieħdu sehem fis-67 sessjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa tan-Nazzjonijiet Uniti mis-6 sal-10 ta’ Marzu (Rapport tal-Missjoni 22.5.2023). F’Mejju intbagħtet delegazzjoni ġewwa Copenhagen, id-Danimarka, mill-15 sas-17 ta’ Mejju, rigward “l-intraprenditorija tan-nisa u biex ikollhom laqgħat mar-rappreżentanti tas-settur pubbliku u privat u mal-organizzazzjonijiet mhux governattivi” (Rapport tal-missjoni 12.9.2023).

 

Martina Schonard