Is-sustanzi kimiċi u l-pestiċidi

Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi u l-pestiċidi għandha l-għan li tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, kif ukoll li tipprevjeni l-ostakli għall-kummerċ. Tikkonsisti minn regoli li jirregolaw il-kummerċjalizzazzjoni u l-użu ta’ kategoriji partikolari ta’ prodotti kimiċi, sett ta’ restrizzjonijiet armonizzati dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ sustanzi perikolużi, u protokolli għall-immaniġġjar ta’ inċidenti serji u l-esportazzjoni ta’ sustanzi perikolużi. L-aktar żewġ kisbiet importanti fil-livell tal-UE huma r-Regolament CLP (klassifikazzjoni, tikkettar u imballaġġ) u r-Regolament REACH (Reġistrazzjoni, Valutazzjoni, Awtorizzazzjoni u Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi). Fl-ambitu tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u b’mod partikolari l-istrateġiji “sustanzi kimiċi għas-sostenibbiltà”, “mill-għalqa sal-platt” u “bijodiversità”, il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar dawn il-kwistjonijiet bħalissa għaddejja minn proċess ta’ reviżjoni.

Il-bażi ġuridika

L-Artikoli 191 sa 193 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

L-objettivi u l-kisbiet

A. Ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH)

Sar tibdil radikali fil-politika tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi bl-introduzzjoni, fl-2006, tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ir-Regolament REACH). Ir-Regolament daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2007 u stabbilixxa qafas ġuridiku ġdid biex jirregola l-iżvilupp u l-ittestjar, il-produzzjoni, it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ sustanzi kimiċi, filwaqt li ssostitwixxa madwar 40 att leġiżlattiv preċedenti. Ir-Regolament REACH introduċa sistema unika għas-sustanzi kimiċi kollha u ttrasferixxa l-oneru tal-provi rigward il-valutazzjoni tar-riskju tas-sustanzi mill-awtoritajiet pubbliċi għall-kumpaniji. Barra minn hekk, talab li s-sustanzi kimiċi l-iktar perikolużi jiġu ssostitwiti b’alternattivi xierqa.

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), stabbilita skont dan ir-Regolament u bbażata f’Helsinki, hija responsabbli għall-ġestjoni tal-aspetti tekniċi, xjentifiċi u amministrattivi ta’ REACH, u biex tiżgura l-konsistenza fl-applikazzjoni tiegħu. Sa Novembru 2010, l-industriji kellhom jirreġistraw is-sustanzi kollha prodotti jew importati fi kwantitajiet ta’ aktar minn 1 000 tunnellata fis-sena, sustanzi tossiċi ħafna fi kwantitajiet ta’ aktar minn 100 tn/y, u sustanzi karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni (CMRs) perikolużi fi kwantitajiet ta’ aktar minn 1 tn/y. F’Ġunju 2013, l-obbligu ta’ reġistrazzjoni ġie estiż għas-sustanzi kollha prodotti jew importati fi kwantitajiet ta’ 100-1 000 tn/y, u fl-aħħar nett, f’Ġunju 2018, għas-sustanzi kollha fi kwantitajiet ta’ 1-100 tn/y.

Fi Frar 2013, il-Kummissjoni ppubblikat rieżami tar-Regolament REACH li fih ikkonkludiet li REACH ma kienx jeħtieġ bidliet fit-termini ta’ promulgazzjoni tiegħu, anke jekk jista’ jsir progress fit-tnaqqis tal-piż finanzjarju u amministrattiv fuq l-industriji u fis-sejba ta’ metodi alternattivi għall-ittestjar fuq l-annimali. Fl-2017, il-Kummissjoni wettqet it-tieni evalwazzjoni skont il-programm dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni (REFIT), li r-riżultati tagħha ġew ippubblikati fid-dokument COM(2018)0116. L-evalwazzjoni tikkonkludi b’mod ġenerali li REACH kien effettiv, iżda ġew identifikati opportunitajiet għal aktar titjib, simplifikazzjoni u tnaqqis tal-piż, li jistgħu jinkisbu bit-twettiq tal-azzjonijiet deskritti fir-rapport. Dawk għandhom jiġu implimentati bi qbil mal-istrateġija għall-politika industrijali, mal-pjan ta’ azzjoni għal ekonomija ċirkolari u mas-7 programm ta’ azzjoni ambjentali tal-UE.

Il-Kummissjoni ppubblikat strateġija ġdida dwar is-sustanzi kimiċi għas-sostenibbiltà fl-14 ta’ Ottubru 2020. Hija parti mill-ambizzjoni ta’ tniġġis żero tal-UE, li hija impenn ewlieni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. L-istrateġija tinkludi reviżjoni tar-Regolament REACH, li tipprojbixxi l-użu tal-aktar sustanzi kimiċi ta’ ħsara fil-prodotti għall-konsumatur bħall-ġugarelli, l-oġġetti għall-indukrar tat-tfal, il-kożmetiċi, id-deterġenti, il-materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel u t-tessuti, sakemm ma jiġix ippruvat li huma essenzjali għas-soċjetà, u li tiżgura li s-sustanzi kimiċi kollha jintużaw b’mod aktar sikur u sostenibbli.

Fl-20 ta’ Jannar 2022, il-Kummissjoni varat konsultazzjoni pubblika dwar ir-reviżjoni ta’ REACH.

B. Il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u t-tikkettar

Sabiex jitjieb il-livell ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, l-istess kriterji għall-identifikazzjoni, u l-istess tikketti għad-deskrizzjoni, ta’ sustanzi perikolużi għandhom jintużaw fl-UE u fid-dinja kollha. Adottat fl-2008, ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 dwar il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (CLP) ġie introdott biex jallinja s-sistema tal-UE mas-Sistema Globalment Armonizzata (GHS) tan-NU. Id-direttivi preċedenti dwar is-sustanzi u t-taħlitiet perikolużi tħassru f’Ġunju 2015.

Fid-19 ta’ Diċembru 2022, il-Kummissjoni pproponiet regolament rivedut dwar il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi kimiċi (CLP) li jiffoka fuq il-komunikazzjoni tal-perikli, il-bejgħ online u n-notifiki taċ-ċentri għal kontra l-velenu. Fl-31 ta’ Marzu 2023 ġie adottat att delegat (ir-Regolament 2023/707) li jiddefinixxi l-klassijiet ta’ periklu, inklużi l-interferenti endokrinali.

C. L-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ sustanzi perikolużi

Ir-regoli tal-UE dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ sustanzi kimiċi perikolużi ġew definiti fir-Regolament (UE) Nru 649/2012, li kellu l-għan tal-promozzjoni tar-responsabbiltà kondiviża u l-isforzi ta’ kooperazzjoni fil-moviment internazzjonali ta’ sustanzi kimiċi perikolużi, u tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura ta’ Kunsens Infurmat minn Qabel (PIC) għal Ċerti Sustanzi Kimiċi u Pestiċidi Perikolużi fil-Kummerċ Internazzjonali. Il-proċedura tal-PIC tikkonsisti fil-qsim ta’ informazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi tossiċi u fl-istennija tal-ftehim espliċitu ta’ pajjiż qabel ma l-prodott inkwistjoni jiġi esportat. Fil-25 ta’ Awwissu 2023, il-Kummissjoni ħarġet ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1656 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 649/2012, u żiedet 35 sustanza kimika perikoluża addizzjonali mar-regolament PIC tal-UE.

D. Aċċidenti kbar

Imsemmija għal muniċipalità Taljana li ġiet ikkontaminata b’rilaxx aċċidentali ta’ diossina minn sit industrijali fl-inħawi fl-1976, id-Direttiva Seveso (82/501/KEE) kellha l-għan li tipprevjeni aċċidenti kbar bħal nirien u splużjonijiet u li tillimita l-konsegwenzi ta’ dawk li jseħħu billi teżiġi rapporti dwar is-sikurezza, pjanijiet ta’ emerġenza u l-għoti ta’ informazzjoni lill-pubbliku. Fl-1996, id-Direttiva Seveso II (96/82/KE) dwar il-kontroll ta’ perikoli ta’ aċċidenti kbar fl-użu ta’ sustanzi perikolużi introduċiet rekwiżiti ġodda relatati mal-ġestjoni tas-sistemi ta’ sikurezza, l-ippjanar għall-emerġenzi u l-ippjanar għall-użu tal-art, u saħħet id-dispożizzjonijiet dwar l-ispezzjonijiet li jsiru mill-Istati Membri. Fid-dawl ta’ għadd ta’ aċċidenti industrijali serji (f’Toulouse, Franza; f’Baia Mare, ir-Rumanija; u f’Enschede, in-Netherlands), u abbażi ta’ studji dwar karċinoġeni u sustanzi perikolużi għall-ambjent, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva Seveso II ġie estiż bid-Direttiva 2003/105/KE. Id-Direttiva Seveso III (2012/18/UE) ġiet ippubblikata f’Lulju 2012 wara li ġiet approvata mill-Parlament u mill-Kunsill. Tqis il-klassifikazzjonijiet internazzjonali l-ġodda tas-sustanzi miftiehma min-NU li jippermettu evalwazzjoni tar-riskju u ġestjoni tas-sustanzi aħjar.

F’Settembru 2021, il-Kummissjoni ppubblikat rapport dwar l-implimentazzjoni u l-funzjonament effiċjenti tad-Direttiva Seveso III. Ir-rapport juri li bejn l-2015 u l-2018, l-għadd ta’ aċċidenti industrijali kbar fl-UE stabbilizza f’livell baxx: 25 fis-sena għal 12,000 stabbiliment.

E. L-użu sostenibbli tal-pestiċidi

Is-sustanzi użati biex jiġu mrażżna, eradikati u evitati organiżmi li jitqiesu li jagħmlu l-ħsara huma raggruppati fit-terminu “pestiċidi”. It-terminu jinkludi kemm il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (PPPs) użati fuq il-pjanti fl-agrikoltura, fl-ortikoltura, fil-parks u fil-ġonna, kif ukoll il-prodotti bijoċidali użati f’applikazzjonijiet oħra, pereżempju bħala diżinfettant jew għall-protezzjoni tal-materjali. Fl-2009, ġie adottat Pakkett dwar il-Pestiċidi, li jikkonsisti: mid-Direttiva 2009/128/KE dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi (SUD), bil-għan tat-tnaqqis tar-riskji ambjentali u għas-saħħa filwaqt li tinżamm il-produttività tal-għelejjel u filwaqt li jittejbu l-kontrolli dwar l-użu u d-distribuzzjoni tal-pestiċidi; mir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ PPPs; u mir-Regolament (KE) Nru 1185/2009 li jikkonċerna l-istatistika dwar il-pestiċidi, li jistabbilixxi regoli għall-ġbir ta’ informazzjoni dwar il-kwantitajiet annwali ta’ pestiċidi mqiegħda fis-suq u użati f’kull Stat Membru.

Id-Direttiva 2009/128/KE eżiġiet li l-Istati Membri jadottaw pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali (NAPs) għall-istabbiliment ta’ objettivi kwantitattivi, miri, miżuri u skedi sabiex jitnaqqsu r-riskji u l-impatt tal-użu tal-pestiċidi għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. Il-bexx tal-għelejjel mill-ajru bħala regola ġenerali huwa pprojbit, u mhu permess ebda tip ta’ bexx qrib żoni residenzjali. Ir-regolament li jittratta l-produzzjoni u l-liċenzjar tal-pestiċidi fih lista pożittiva ta’ “sustanzi attivi” approvati (l-ingredjenti kimiċi tal-pestiċidi), imfassla fil-livell tal-UE. Il-pestiċidi mbagħad jingħataw liċenzji fil-livell nazzjonali abbażi ta’ din il-lista.

Fl-2015 inqalgħet kontroversja dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tal-glifosat, waħda mis-sustanzi attivi li jinsabu l-aktar komunement fl-erbiċidi ta’ spettru wiesa’ fid-dinja. Il-kontroversja bdiet minħabba valutazzjonijiet diverġenti tal-karċinoġeniċità tiegħu: l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer, fergħa tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, ikklassifikat il-glifosat bħala probabbilment karċinoġenu għall-bnedmin, filwaqt li l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) sabet li x’aktarx mhuwiex karċinoġenu għall-bnedmin. L-ECHA aktar ’il quddiem ikkonkludiet li l-glifosat ma jikkwalifikax bħala karċinoġenu. Diversi awtoritajiet nazzjonali barra l-UE waslu għall-istess konklużjoni wkoll. Il-Kummissjoni eventwalment ġeddet l-approvazzjoni tal-glifosat għal ħames snin f’Diċembru 2017 u fid-19 ta’ Settembru 2023, il-Kummissjoni introduċiet regolament propost biex testendi l-approvazzjoni tal-glifosat għal għaxar snin oħra.

Rapport ta’ implimentazzjoni dwar l-SUD tal-25 ta’ Mejju 2020 wera li għalkemm l-Istati Membri għamlu progress fl-implimentazzjoni tal-SUD, inqas minn wieħed minn kull tlieta lestew ir-rieżami tal-NAPs tagħhom sal-iskadenza legali ta’ ħames snin. Minn dawk li rrieżaminaw l-NAPs tagħhom, il-biċċa l-kbira naqsu milli jindirizzaw id-dgħufijiet identifikati mill-Kummissjoni fl-NAPs inizjali tagħhom.

Fl-ambitu tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u b’mod partikolari tal-istrateġiji tagħha ta’ Mill-Għalqa sal-Platt u tal-bijodiversità, il-Kummissjoni se tieħu azzjonijiet biex sal-2030 tnaqqas b’50% l-użu u r-riskju tal-pestiċidi kimiċi, inkluż l-użu tal-pestiċidi l-aktar perikolużi. Għal dan il-għan, fit-22 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni adottat il-proposta biex tirrevedi l-SUD u tippromwovi l-użu akbar ta’ modi alternattivi għall-protezzjoni tal-ħsad mill-pesti u l-mard.

F. Il-prodotti bijoċidali

Il-prodotti bijoċidali bħad-diżinfettanti antibatteriċi u l-isprejs tal-insetti huma essenzjali għall-ġestjoni tal-organiżmi ta’ ħsara li jaffettwaw is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali. Madankollu, dawn jistgħu joħolqu riskji għall-bnedmin, għall-annimali u għall-ambjent. Ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 daħal fis-seħħ fl-2013 sabiex jissimplifika l-mekkaniżmi ta’ awtorizzazzjoni u jsaħħaħ ir-rwol tal-ECHA fir-rieżami tad-dossiers ta’ approvazzjoni abbażi ta’ kundizzjonijiet aktar stretti. Il-leġiżlazzjoni tirrifletti dak li ġie stabbilit taħt ir-reġim preċedenti, b’kontrolli fuq il-kummerċjalizzazzjoni u l-użu tal-bijoċidi bil-għan li jiġu ġestiti r-riskji assoċjati mal-ambjent u mas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali. Dawn is-sustanzi huma awtorizzati biss jekk jidhru f’lista pożittiva, filwaqt li projbizzjoni tapplika għas-sustanzi kimiċi l-aktar tossiċi - speċjalment dawk li huma karċinoġeni jew ta’ ħsara għall-fertilità, jew jinterferixxu mal-ġeni jew l-ormoni (interferenti endokrinali). Skont il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, sustanza awtorizzata fi Stat Membru wieħed tista’ tintuża fl-UE kollha. Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 jistabbilixxi kriterji xjentifiċi għad-determinazzjoni tal-proprjetajiet tal-interferenti endokrinali tal-prodotti bijoċidali, kif ukoll tal-PPPs.

G. Is-sustanzi niġġiesa organiċi persistenti (POPs)

Il-POPs huma sustanzi kimiċi li jippersistu fl-ambjent minħabba r-reżistenza tagħhom għal forom differenti ta’ degradazzjoni (kimika, bijoloġika, eċċ.). Huma soġġetti għal bijoakkumulazzjoni fil-katina tal-ikel kollha u jistgħu jikkaġunaw effetti avversi fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent. Dan il-grupp ta’ sustanzi niġġiesa ta’ prijorità jikkonsisti minn pestiċidi (bħad-DDT), sustanzi kimiċi industrijali (bħall-poliklorobifenili jew il-PCBs) u prodotti inċidentali mhux intenzjonati ta’ proċessi industrijali (bħad-diossini u l-furani). L-UE impenjat ruħha f’livell internazzjonali biex tikkontrolla l-ġestjoni, l-esportazzjoni u l-importazzjoni tal-POPs, skont il-Protokoll ta’ Aarhus dwar il-POPs tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar it-tniġġis transkonfini tal-arja fuq distanza twila (fis-seħħ mill-2003) u l-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar il-POPs (fis-seħħ mill-2004). L-UE għamlet progress addizzjonali bir-Regolament (KE) Nru 850/2004, li jikkomplementa leġiżlazzjoni preċedenti tal-UE dwar il-POPs u jallinjaha mad-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet internazzjonali.

Ir-Regolament (UE) 2019/1021 riformulat jinkorpora l-emendi u r-rettifiki kollha għar-Regolament dwar il-POPs sal-25 ta’ Ġunju 2019. Fost affarijiet oħra, jipprevedi li r-ritardant tal-fjammi decaBDE jiżdied fl-Annessi I u IV. Il-limitu ta’ “kontaminanti fi traċċi mhux intenzjonati” huwa stabbilit għal 10mg/kg fis-sustanzi. Eżenzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-użu tad-decaBDE ġew introdotti għal inġenji tal-ajru, vetturi bil-mutur u tagħmir elettriku u elettroniku, u ġew estiżi għall-importazzjonijiet. Fl-2021, il-Kummissjoni adottat il-proposta biex jiġu riveduti l-Annessi IV u V tar-Regolament dwar il-POPs, bl-għan li tindirizza l-konsegwenzi negattivi tal-preżenza ta’ ċerti sustanzi POPs fl-iskart u fi-materjal li jista’ jiġi rkuprat minnu. Bħala konsegwenza, immaniġġjar aħjar tal-iskart għandu jimminimizza wkoll l-emissjonijiet tal-POPs fl-arja, l-ilma u l-ħamrija.

H. L-asbestos

L-asbestos huwa mineral bi struttura fibruża, li hija perikoluża meta tiġi inalata. Intuża ħafna fil-passat għall-iżolament u għal skopijiet oħra, minħabba r-reżistenza tiegħu għan-nar u s-sħana. Id-Direttiva 1999/77/KE infurzat projbizzjoni fuq l-użu tal-asbestos li ilha fis-seħħ fl-UE mill-1 ta’ Jannar 2005. Barra minn hekk, l-estrazzjoni, il-manifattura u l-ipproċessar tal-prodotti tal-asbestos huma pprojbiti skont id-Direttiva 2003/18/KE, imħassra bid-Direttiva 2009/148/KE, li tistabbilixxi wkoll strateġiji dwar programmi ta’ tneħħija li għandhom jiġu implimentati mill-Istati Membri. Fit-28 ta’ Settembru 2022, il-Kummissjoni ppreżentat approċċ komprensiv biex tipproteġi aħjar lin-nies u lill-ambjent mill-asbestos. Il-pakkett jinkludi Komunikazzjoni dwar il-ħidma favur futur ħieles mill-asbestos u proposta biex tiġi emendata d-Direttiva dwar l-Asbestos Fuq il-Post tax-Xogħol.

I. Id-deterġenti

Id-deterġenti jirreferu għal kwalunkwe sustanza jew preparazzjoni li jkun fiha s-sapun u/jew aġenti tensjoattivi oħra maħsuba għall-proċessi tal-ħasil u tat-tindif. Ir-Regolament (KE) Nru 648/2004 jarmonizza r-regoli dwar il-bijodegradabbiltà tal-aġenti tensjoattivi, ir-restrizzjonijiet u l-projbizzjonijiet tal-aġenti tensjoattivi, l-informazzjoni li l-manifatturi għandhom jipprovdu u t-tikkettar ta’ ingredjenti tad-deterġenti. Sussegwentement, ġie emendat fl-2006 (ir-Regolament (KE) Nru 907/2006), fl-2009 (ir-Regolament (KE) Nru 551/2009) u fl-2012 (ir-Regolament (UE) Nru 259/2012), sabiex jiġu introdotti testijiet ġodda tal-bijodegradabbiltà biex jiġi pprovdut livell imtejjeb ta’ protezzjoni għall-ambjent akkwatiku. Barra minn hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tat-testijiet ġie estiż biex jinkludi l-klassijiet kollha ta’ aġenti tensjoattivi, u b’hekk ġew inklużi l-10% tal-aġenti tensjoattivi li sal-lum ma kinux koperti mil-leġiżlazzjoni. Fit-28 ta’ April 2023, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għat-tħassir tar-Regolament (KE) Nru 648/2004. Fir-rigward tat-tikkettar, ir-Regolament (KE) Nru 907/2006 jestendi wkoll ir-regoli biex jinkludu ingredjenti tal-fwieħa li jistgħu jikkawżaw l-allerġiji, u dan jirrikjedi lill-manifatturi jiżvelaw lista sħiħa ta’ ingredjenti lit-tobba li jittrattaw pazjenti li jbatu minn allerġiji. Mit-30 ta’ Ġunju 2013, l-użu tal-fosfati fid-deterġenti tal-ħasil tal-ħwejjeġ huwa pprojbit u l-kontenut ta’ komposti oħra li fihom il-fosfru huwa limitat.

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

Il-Parlament kellu rwol ewlieni fl-iżvilupp tar-Regolament REACH. Assigura li jiddaħħlu ċerti dispożizzjonijiet fl-ewwel qari – b’mod partikolari, fil-kapitolu dwar ir-reġistrazzjoni, approċċ immirat fir-rigward tar-rekwiżiti tad-data għal sustanzi eżistenti prodotti f’inqas tunnellaġġi (1-10 tunnellati), u l-approċċ “sustanza waħda, reġistrazzjoni waħda” (OSOR) maħsub biex jimminimizza l-kostijiet, filwaqt li introduċa esklużjoni fakultattiva taħt kundizzjonijiet speċifiċi. Sabiex l-ittestjar fuq l-annimali jiġi limitat kemm jista’ jkun, il-Parlament irnexxielu jdaħħal rekwiżit biex il-kumpaniji jaqsmu data minn testijiet imwettqa fuq l-annimali (b’kumpens raġonevoli), biex b’hekk tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-esperimenti. Fir-rigward tal-kapitolu dwar l-awtorizzazzjoni, il-Parlament appoġġa approċċ iktar b’saħħtu li permezz tiegħu s-sustanzi kollha ta’ preokkupazzjoni kbira ħafna jistgħu jiġu awtorizzati biss meta ma tkunx teżisti alternattiva jew teknoloġija xierqa.

Matul id-diskussjoni twila rigward il-pakkett dwar il-pestiċidi fl-2008, l-emendi tal-Parlament żguraw it-twaqqif ta’ żoni ta’ lqugħ ta’ daqs xieraq għall-protezzjoni tal-organiżmi akkwatiċi, flimkien mal-introduzzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni għall-iktar gruppi vulnerabbli, bl-inklużjoni tal-projbizzjoni tal-użu ta’ pestiċidi f’ġonna pubbliċi, postijiet fejn isir l-isport jew ta’ rikreazzjoni, artijiet tal-iskola u btieħi fejn jilagħbu t-tfal, u fil-viċin ħafna ta’ faċilitajiet tal-kura tas-saħħa. Fil-bidu tal-2013, wara l-pubblikazzjoni ta’ rapport tal-EFSA dwar l-effetti ta’ ħsara ta’ ċerti insettiċidi neonikotinojdi, il-Parlament stieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni determinata biex tiżgura l-ħarsien tal-popolazzjonijiet tan-naħal. F’Marzu 2013, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar l-asbestos relatata mat-theddid għas-saħħa okkupazzjonali u l-prospetti għall-eliminazzjoni tal-asbestos eżistenti kollu.

Id-deċiżjoni tal-Parlament tas-6 ta’ Frar 2018 dwar it-twaqqif ta’ kumitat speċjali dwar il-proċeduri tal-Unjoni għall-awtorizzazzjoni tal-pestiċidi (PEST) hija reazzjoni għat-tħassib li tqajjem dwar ir-riskji li jirriżultaw mis-sustanza erbiċida glifosat. Il-liċenzja ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-erbiċida ġġeddet mill-Kummissjoni għal ħames snin f’Diċembru 2017. Il-kumitat speċjali vvaluta: a) il-proċedura għall-awtorizzazzjoni tal-pestiċidi fl-UE; b) in-nuqqasijiet potenzjali fil-mod kif is-sustanzi jiġu evalwati u approvati xjentifikament; c) ir-rwol tal-Kummissjoni fit-tiġdid tal-liċenzja tal-glifosat; d) il-kunflitti ta’ interess possibbli fil-proċedura ta’ approvazzjoni; u (e) ir-rwol tal-aġenziji tal-UE, u jekk għandhomx biżżejjed persunal u finanzi biex ikunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom.

Fis-16 ta’ Jannar 2019, il-Parlament adotta r-rapport mill-kumitat speċjali PEST li, fost affarijiet oħra, ikkonkluda dan li ġej: il-pubbliku għandu jingħata aċċess għall-istudji użati fil-proċedura ta’ awtorizzazzjoni; il-qafas tal-UE għandu jistimola l-innovazzjoni u jippromwovi l-pestiċidi b’riskju baxx; l-esperti xjentifiċi għandhom jeżaminaw mill-ġdid l-istudji dwar il-karċinoġeniċità tal-glifosat; u r-rekwiżiti tad-data għall-PPPs għandhom jinkludu t-tossiċità fit-tul.

Fl-10 ta’ Lulju 2020, il-Parlament adotta riżoluzzjoni li tiddeskrivi l-prijoritajiet tiegħu fir-rigward tal-istrateġija li jmiss għas-sostenibbiltà tas-sustanzi kimiċi. Fost affarijiet oħra, il-Parlament talab li l-istrateġija tintuża biex jiġu żviluppati l-koerenza u s-sinerġiji bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, is-sikurezza u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol, u l-leġiżlazzjoni relatata tal-UE, inklużi l-leġiżlazzjoni speċifika u ġenerali dwar il-prodotti, il-leġiżlazzjoni dwar l-ilma, il-ħamrija u l-arja, il-leġiżlazzjoni dwar is-sorsi tat-tniġġis, inklużi l-installazzjonijiet industrijali, u l-leġiżlazzjoni dwar l-iskart. Issottolinja li l-istrateġija għandha tkun ibbażata fuq evidenza xjentifika robusta u aġġornata, b’kont meħud tar-riskji mill-interferenti endokrinali, is-sustanzi kimiċi perikolużi fil-prodotti importati, u l-effetti ta’ kombinazzjoni ta’ sustanzi kimiċi differenti u sustanzi kimiċi persistenti ħafna.

Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, ara s-sit web tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (ENVI).

 

Georgios Amanatidis / Maria-Mirela Curmei