Il-Parlament Ewropew
fl-azzjoni
Punti Prinċipali 1999-2004

 
Il-Parlament Ewropew
Riforma ta’ l-UE
Tkabbir
Id-drittijiet taċ-ċittadini
Il-Ġustizzja
u l-affarijiet ta’ l-intern
Relazzjonijiet barranin
Protezzjoni Ambjentali /
tal-Konsumatur
Trasport / Politika Reġjonali
Agrikoltura / Sajd
Il-politika ekonomika
u monetarja
L-istrateġija ta’ Lisbona
Is-servizzi finanzjarji
L-iskrutinju demokratiku
tal-BCE
Il-pagamenti li jinvolvu aktar minn pajjiż wieħed
Il-Politika ta’ l-Impjiegi
u Soċjali / Drittijiet tan-nisa
Suq intern / Industrija / Enerġija / Riċerka
 

EPP-ED PSE Group ELDR GUE/NGL The Greens| European Free Alliance UEN EDD/PDE


L-istrateġija ta’ Lisbona: aktar kompetittiva, aktar impjiegi u ta' kwalità aħjar.

Fis-Summit ta’ Lisbona f’Marzu 2000, il-gvernijiet ftehmu dwar għan strateġiku ġdid għall-Unjoni Ewropea: li jagħmluha l-aktar ekonomija kompetittiva fid-dinja sa l-2010. Minn dak in-nhar, il-Parlament Ewropew approva numru ta’ leġislazzjonijiet fil-qasam ekonomiku, immirati primarjament biex jiftħu swieq tal-prodotti u servizzi varji. Iżda, l-MPE ssieltu biex jillimitaw il-liberalizzazzjoni b’miżuri li jipproteġu l-konsumatur, l-impjegati, l-ambjent u s-servizzi pubbliċi bażiċi.

L-għan iddikjarat mill-kapijiet tal-gvern f’Lisbona kien biex jagħmlu l-UE “l-aktar ekonomija kompetittiva u dinamika fi-dinja, bbażata fuq it-tagħrif, li tkun kapaċi issostni tkabbir ekonomiku b’aktar impieġi u ta' kwalità aħjar u aktar għaqda soċjali.” L-istrateġija ta’ Lisbona kellha bżonn bosta azzjonijiet fuq diversi livelli: is-suq intern, is-soċjetà ta’ l-informazzjoni, riċerka, edukazzjoni, riformi strutturali ekonomiċi, munita stabbli u politika ta’ ekonomija mħallta li twassal għal tkabbir ekonomiku u ssostni l-finanzi pubbliċi sostenibbli. Ħafna minn dawn l-oqsma huma kollha relatati ma’ xulxin: finanzi pubbliċi sostenibbli jġibu tkabbir ekonomiku u joħolqu x-xogħol, waqt li anqas qagħad ifisser anqas spejjeż għas-sigurtà soċjali u dan itejjeb il-finanzi pubbliċi.

Meta l-Parlament idibbatta għall-ewwel darba l-għanijiet ta' Lisbona, l-MPE ma qablux mill-ewwel fuq il-kwistjoni tal-liberalizzazzjoni. Ħafna riedu jaraw enfasi ikbar fuq il-ħolqien ta’ l-impjiegi, fatturi ambjentali u l-bżonnijiet tas-setturi fqar tal-popolazzjoni. Oħrajn argumentaw li t-tkabbir ekonomiku minnu innifsu joħloq l-impiegi u għalhekk ħeġġew ir-riformi strutturali, bil-fehma li ħafna protezzjoni lill-ħaddiem tista’ toħloq riżultati opposti. Fl-aħħar il-Parlament għażel it-triq tan-nofs, billi emenda l-proposti leġislattivi tal-Kummissjoni Ewropea biex joħloq bilanċ bejn l-interessi varji.

Ħafna mill-miżuri miftiehma f’Lisbona ma kenux leġislattivi iżda intergovernattivi, ibbażati fuq koordinament u benchmarking bejn Stati Membri, bil-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew bħala osservaturi. Iżda miżuri oħra kienu jeħtieġu leġislazzjoni komunitarja, bil-Parlament jilgħab parti importanti bħala leġislatur konġunt.

Il-Ħolqien ta’ l-Impjiegi

Il-Ħolqien ta’ l-impjiegi kien l-għan prinċipali ta' Lisbona - dan kien mistenni li jirrisulta minn tkabbir ekonomiku iġġenerat minn kompetizzjoni aħjar, riformi strutturali u anqas burokrazija. Il-gvernijiet Ewropej suppost kellhom jinkoraġixxu l-aħjar prattika u skambju ta’ idejat dwar il-ħolqien ta’ l-impjiegi. Iżda l-ebda leġislazzjoni mportanti ma kienet ippjanata f’dan ir-rigward.

Il-mira prinċipali kienet biex togħla r-rata ta’ l-impjiegi għal 70% tal-popolazzjoni sa l-2010, b’mira intermedja ta’ 67% sal-2005, għanijiet li bħalissa jidru diffiċli biex jintleħqu. Iżda, mill-1999 'l hawn aktar minn sitt miljun impjieg ġew maħluqa u r-rata ta’ l-impjiegi għoliet minn 62.5% fl-1999 għal 64.3% fl-2002. Il-qagħad niżel minn 4% fl-1999 ghal 3% fl-2002. Il-Parlament saħaq f’diversi riżoluzzjonijiet li aktar sforz hu meħtieġ, speċjalment biex jirrikonċilja x-xogħol mal-ħajja tal-familja u b'hekk jinkoraġixxu aktar nisa joħorġu jaħdmu. Għaldaqstant, saret mira sussidjarja f’Lisbona biex tgħolli l-persentaġġ ta’ nisa li jaħdmu minn 51% fl-1999 (imqabbla mal-61% ta’ l-irġiel) għal 60% fl-2010. Fil-fatt in-nisa sejrin aħjar fis-suq ta’ l-impjiegi. Il-mira tar-rata ta’ impjieg għal 2010 kienet ta’ 50% għal din il-kategorija tal-populazzjoni iżda fl-2002, 40.1% biss kienu qed jaħdmu.

Is-suq Uniku

Is-Suq Uniku Ewropew, komplut u effiċjenti kien element prinċipali ta’ l-istrateġija ta’ Lisbona. It-tneħħija ta’ ostakoli għall-kompetizzjoni u s-sehem ta’ kumpaniji minn Stati Membri oħra biex jidħlu fis-swieq nazzjonali fuq l-istess termini kienu meqjusa kruċjali għat-tkabbir ekonomiku. F’dawn l-aħħar ħames snin il-Parlament adotta leġislazzjoni biex jiftaħ diversi swieq fosthom: distribuzzjoni totalment liberalizzata ta’ elettriku u gass sa l-2007; is-servizzi postali gradwalment ser jiffaċċjaw aktar kompetizzjoni, għalkemm b’garanziji ta’ servizz universali għall-posta ta' l-ittri; u l-liberalizzazzjoni tal-ħlasijiet ta’ tagħbija għall-ferroviji, li jibdew fl-2006. F’dan il-perjodu parlamentari, ġew riveduti r-regoli dwar l-akkwist pubbliku biex b-hekk tiżdied il-kompetizzjoni. Għalhekk l-infiq f'xogħlijiet pubbliċi u kuntratti ta’ forniment huwa mistennija li jonqos. Kien hemm progress sabiex l-ajru spazzjali fl-Ewropa jkun immexxi minn entità waħda, li suppost naqqas id-dewmien fl-ivvjaġġar. Iżda, proposta biex jinfetħu s-servizzi tal-port għall-kompetizzjoni kienet rrifjutata mill-Parlament minħabba raġunijiet ta’ sigurtà u mpjiegi.

Servizzi finanzjarji

Swieq finanzjarji trasparenti u effiċjenti joħolqu tkabbir ekonomiku permezz ta’ allokazzjoni aħjar ta’ kapital. F’Lisbona, kien hemm sejħa għal integrazzjoni akbar ta’ swieq nazzjonali finanzjarji ta’ l-UE. Minn dak in-nhar 'l hawn il-Parlament approva sensiela ta’ leġislazzjonijiet fuq suġġetti varji li jinkludu: passaport uniku għall-azzjonisti; żieda fil-kompetizzjoni bejn banek u Boroż fl-esekuzzjoni tan-negozju tax-shares; leġislazzjoni biex tirregola reati dwar insider dealing u abbuż mis-suq; eliminazzjoni ta’ ostakoli għall-investiment f’fondi tal-pensjonijiet; ftuħ tas-suq għall-medjazzjoni fl-assigurazzjoni; protezzjoni għall-azzjonisti f'minorita waqt takeover bid; u regoli ta' trasparenza għall-kumpaniji li huma nnegozjati f'Borża.

Ambjent li jiġġenera aktar negozju

Ambjent li jiġġenera aktar negozju, partikolarment għall-kumpaniji żgħar jew ta' daqs medju (SMEs), kien element ieħor fl-istrateġija ta’ Lisbona. L-Istati Membri kellhom jaqsmu ma’ xulxin idejat dwar l-aħjar prattika u jippruvaw jeliminaw il-burokrazija u l-ispejjeż li hemm bżonn biex jinħolqu kumpaniji ġodda. F’dan il-qasam ir-rwol tal-Parlament kien limitat. Iżda, l-MPE talbu biex kumpaniji żgħar jew ta' daqs mejdu jiġu mgħejjuna u ħeggew biex il-bżonnijiet tagħhom jiġu riflessi fil-leġislazzjoni relevanti, per eżempju biex jkun faċli għalihom jikkompetu għall-kuntratti ta’ l-awtoritajiet pubbliċi u biex ikollhom aċċess għall-fondi ta' riċerka ta’ l-UE. Ġie milħuq ftehim dwar liġi ta’ l-UE biex ikun aktar faċli li jiġu nfurzati d-drittijiet tal-proprjetà intelletwali. Qed issir ħidma biex titħejja liġi dwar il-possibilta li invenzjonijiet kompjuterizzati jkunu proteġġuti b'patenti, bl-għan li tinħoloq il-kreattività u l-innovazzjoni billi tiżdied iċ-ċertezza legali għall-kumpaniji li jinvestu f'invenzjonijiet ġodda bħal dawn.

Is-Soċjetà ta’ l-informazzjoni

Qasam ieħor fl-istrateġija ta’ Lisbona kien l-iżvilupp ta’ soċjetà ta’ l-informazzjoni, li għandha tgħin fil-bidla lejn ekonomija ibbażata fuq it-tagħrif kif ukoll l-ħolqien ta’ impjiegi f’oqsma b’potenzjal qawwi ta’ tkabbir ekonomiku. Il-Parlament t’issa adotta leġislazzjoni importanti li l-għan tagħha hu li jżżid il-kompetizzjoni fit-telekomunikazzjonijiet industrijali u jikber l-użu ta’ l-internet. Is-sitwazzjoni preżenti hija diġà raġonevolment favur, bil-produttività fl-industrija tat-telekomunikazzjoni Ewropea, skond studji tal-Kummissjoni, tilħaq kważi 15% aktar minn dik ta’ l-Amerika. Iżda swieq tat-telekomunikazzjonijiet totalment integrati u liberalizzati għandhom iwasslu għal spejjeż orħos, kif ukoll prezzijiet orħos kemm fl-użu personali kif ukoll fl-użu minn entitajiet kummerċjali u b'hekk titnaqqas l-ispiża għall-aċċess ta’ internet. Ġiet addotta leġislazzjoni oħra biex tkabbar l-użu ta’ l-internet, billi gie kkreat domain b’isem .eu, li ħadet ħsieb il-problema ta’ spamming b'e-mails u li għamlet ix-xiri bl-internet eħfef.

Il-Policy Mix

Kwistjoni kbira oħra tikkonċerna l-policy mix ekonomika, jiġifieri l-aqwa bilanċ ta' l-għodda tal-politika ekonomika biex jinkiseb it-tkabbir ekonomiku. Il-Parlament Ewropew appoġġja l-indipendenza tal-Bank Ċentrali Ewropew u l-għan ta’ l-istabbilità tal-prezz bħala bażi għal tkabbir ekonomiku sostenibbli. Iżda l-MPE ikkritikaw il-parti fiskali tal-policy mix, għax m'hemmx politika fiskali komuni ta’ l-UE u fil-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir, ir-regoli dwar l-infieq pubbliku, ma ġewx irrispettati eżattament kif suppost mill-gvernijiet ta’ l-UE. It-defiċit annwali tal-gvernijiet ta’ l-UE fl-2003 kien 2.7%, parti minħabba l-ekonomija dgħajfa. Id-dejn pubbliku wkoll qiegħed jiżdied, tant li jirrapreżenta 64.1% tal-Prodott Gross Domestiku. Skond il-Parlament, il-waqa’ fit-tkabbir tal-Prodott Gross Domestiku seħħet minħabba n-nuqqas ta’ riforma strutturali f’ħafna mill-iStati Membri. L-MPE kienu imħassba wkoll dwar il-fatt li l-infieq pubbliku ma kienx ikoppri aktar investiment produttiv, bħal ma kien deċiż f’Lisbona, u biex inaqqsu kemm jistgħu l-piż tat-taxxa fuq il-ħaddiem.

Il-Parlament dejjem appoġġa l-Patt ta’ Stabbilità u Tkabbir u l-MPE issuġġerew l-introduzzjoni ta’ sistema li tipprovdi alert minn kmieni, mhux biss meta d-defiċit jikber għax l-ekonomija tkun dgħajfa iżda anke meta pajjiż jonqos milli jakkumulaw surplus fil-baġit fil-perjodi ta’ tkabbir ekonomiku qawwi. Il-fehma tal-MPE dwar l-użu tar-“regola tad-deheb,” li biha ċertu tipi ta’ investimenti jkunu esklużi mill-kalkulazzjonijiet tad-defiċit fil-baġit, hija maqsuma. In fatti, reċentament huma għażlu, b’votazzjoni li għaddiet bi ftit voti biss, li ma jappoġġjawx din ir-regola.

Riċerka u edukazzjoni

L-edukazzjoni u r-riċerka għandhom impatt importanti fuq it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Kif qalu l-mexxejja ta’ l-UE f’Lisbona: “investiment fil-poplu u żvilupp attiv u dinamiku fis-sistema soċjali” huma kruċjali għall-ekonomija ta' l-informazzjoni. Dan ifisser li l-Istati Membri għandhom jaħdmu biex iżidu l-investiment għal kull ras fir-riżorsi umani u jagħtu prijorità akbar it-tagħlim kontinwu, għax kapaċitajiet aħjar jgħinu biex wieħed isib ix-xogħol. Iżda, dan il-qasam ma kienx suġġett għall-leġislazzjoni ta’ l-UE. Minflok sar eżerċizzju ta’ benchmarking – u r-riżultati li ħarġu minnu wrew li s-sitwazjoni ma tantx kienet tajba. L-UE tinvesti 1.1% tal-Prodott Gross Domestiku fl-edukazzjoni għolja, meta mqabbel ma’ 3% fl-Amerika. Din id-differenza hija minħabba n-nuqqas ta’ kapital privat, għax il-livelli ta’ investiment pubbliku huma simili. Il-proporzjon ta’ adulti b’edukazzjoni għolja qed tikber iżda d-differenza meta mqabbla ma’ l-Amerika baqgħet. U l-persentaġġ ta’ żgħażagħ li joħorġu mill-iskola qabel it-tmiem mingħajr ma jakkwistaw xi tip ta’ kwalifika (18.1% fl-2003) għadha aktar għolja mill-10% ipproġettata għall-2010.

Il-Parlament approva l-għan li qablu fuqu l-Istati Membri li jiddedika 3% tal-Prodott Gross Domestiku għar-riċerka u l-iżvilupp iżda l-MPE ma kellhom l-ebda saħħa biex jinfurzaw dan il-għan. Fil-fatt ftit sar fil-prattika: ir-riċerka tieħu biss 1.9% tal-PGD fl-UE, meta mqabbla mat-2.9% fl-Amerika u 3% fil-Ġappun.

Iżda l-UE għandha programm ta’ riċerka li jammonta għal ftit inqas minn 4% tal-baġit kommunitarju. Il-Parlament jgħin biex jiġu stabbilit l-ammont ta’ fondi ta’ dan il-programm li hu mifrux fuq numru ta' snin u dejjem jipprova jżid l-ammont ta’ flus disponibbli. Il-Parlament Ewropew jiddeċiedi wkoll liema oqsma importanti tar-riċerka tal-programm għandhom ikunu nklużi. Il-MPE appoġġjaw inizjattivi biex iħeġġu il-moviment ta’ riċerkaturi u studenti permezz tal-programm Erasmus Mundus, u rranġaw il-leġislazzjoni ta’ l-EU għall-għarfien tal-kwalifiki professjonali, li l-għan tagħhom u li ssir aktar faċli għall-professjonijsti biex jaħdmu fi Stat Membru ieħor. L-isforzi li saru sabiex tiġi ntrodotta liċenzja validà għall-Komunità’ Ewropea kollha, li setgħet tħeġġeġ ir-riċerka billi tissimplifika l-proċeduri, għalissa sfaw fix-xejn.

Konklużjoni

Il-produttivà tal-ħaddiema għadha inqas minn dik fl-Amerika, għalkemm tista’ tgħid li dan iseħħ minħabba l-għażla li għamlu l-Ewropej biex ikollhom aktar ħin liberu u vaganzi itwal. Mill-banda l-oħra, id-differenza bejn l-UE u l-Amerika fir-rigward tal-produttività fis-siegħa hija inqas u dawn l-aħħar snin kienet taħt il-5%. Iżda l-kwistjoni l-aktar inkwetanti hija li l-produttività qegħda tikber iktar bil-mod minn dik fl-Amerika, u għalhekk id-differenza qed tikber. Skond il-Kummissjoni qed jiġri hekk minħabba inqas użu ta’ teknoloġija ġdida u livelli ta’ investiment mhux adegwati. Il-MPE kienu wkoll mħassba dwar ix-xejra nkwetanti tal-investiment: l-investiment privat niżel għal 17.2% tal-PGD fl-2002, minn 18.3% fl-2000. L-investiment pubbliku bħala persentaġġ tal-PGD (2.4% tal-PGD fl-2003) niżel ukoll (kien 3.8% fis-sebgħinijiet) u issa huwa ħafna inqas minn dak Amerikan (3.3% fl-2003).

F’riżoluzzjoni riċenti, il-Parlament ikkritika d-dewmien fl-istrateġija ta’ Lisbona u sejjaħ l-Istati Membri biex “iħaddnu strateġija koordinata għal riformi strutturali”. Il-MPE sejħu wkoll għal “ċaqliq urġenti fl-investiment mis-settur privat għar-Riċerka u Żvilupp, u għall-bażi soda ta riċerka pubblika b'rabtiet ma’ l-industrija. Lisbona, skond il-Parlament, għadha tirrapreżenta t-triq li biha l-Unjoni għandha timxi ’l quddiem.



  
Rapporteurs:
  
Kuntratti ta’ akkwist pubbliku, servizz u hidma: Stefano Zappala' (EPP-ED, I)
Drittijiet tal-propjetà intelletwali : Janelly Fourtou (EPP-ED, F)
Possibilita' ta' patenti ghall-invezjonijiet kompjuterizzati: Arlene McCarthy (PES, UK)
Gharfien reciproku tal-kwalifiki professjonali: Stefano Zappala' (EPP-ED, I)
Finanzi pubblici fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja fl-2003: Roberto Felice Bigliardo (UEN, I)
Linji ta’ gwida wesghin ghall-politika ekonomika: Christa Randzio-Plath (PES, D)
  
Gurnal Ufficjali – Atti Finali:
  
Kuntratti ta’ akkwist pubbliku, servizz u hidma – test adottat mill-Parlament
Drittijiet tal-propjetà intelletwali - test adottat mill-Parlament
Possibilita' ta' patenti ghall-invenzjonijiet kompjuterizzati - test adottat mill-Parlament
Gharfien reciproku tal-kwalifiki professjonali - test adottat mill-Parlament
Finanzi pubblici fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja fl-2003 - test adottat mill-Parlament
Linji ta’ gwida wesghin ghall-politika ekonomika - test adottat mill-Parlament

 

 

 
  Publishing deadline: 2 April 2004