Il-Parlament Ewropew
fl-azzjoni
Punti Prinċipali 1999-2004

 
Il-Parlament Ewropew
Riforma ta’ l-UE
Tkabbir
Id-drittijiet taċ-ċittadini
Il-Ġustizzja
u l-affarijiet ta’ l-intern
Relazzjonijiet barranin
Protezzjoni Ambjentali /
tal-Konsumatur
Ir-responsabilità ambjentali
It-tniġġis ta’ l-arja
Il-gassijiet tas-serra
Iż-żjut tal-karozzi II
L-iskart elettroniku
L-iskart ta’ l-ippakkjar
Is-sigurtà ta’ l-ikel
Il-GMOs
It-tabakk
It-tniġġis bil-ħsejjes
Il-kosmetici
It-tessuti u ċ-ċelloli umani
Trasport / Politika Reġjonali
Agrikoltura / Sajd
Il-politika ekonomika
u monetarja
Il-Politika ta’ l-Impjiegi
u Soċjali / Drittijiet tan-nisa
Suq intern / Industrija / Enerġija / Riċerka
 

EPP-ED PSE Group ELDR GUE/NGL The Greens| European Free Alliance UEN EDD/PDE


L-UE taġixxi dwar il-kummerċ ta’ l-emissjonijiet

L-Ewropa qiegħda tmexxi d-dinja fil-ġlieda kontra l-effett tas-serer. Minn Jannar ta’ l-2005, l-UE sejra jkollha l-ewwel sistema ta’ kummerċ bejn pajjiżi għall-konċessjonijiet għall-emissjoni tal-gass tas-serer – ħafna qabel l-iskema dinija li għandha titwaqqaf fl-2008 taħt il-Protokoll ta’ Kjoto. Il-pjan il-ġdid, li fih il-Parlament Ewropew kellu rwol importanti, sejjer jgħin lill-UE tilħaq l-impenn konġunt tagħha taħt il-Protokoll ta’ Kjoto li l-gassijiet li joħolqu l-effett tas-serer jitnaqqsu bi 8% sa l-2012 mil-livelli ta’ l-1990.

Il-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE kienu fil-periklu illi ma jilħqux l-impenn tagħhom tal-Protokoll ta’ Kjoto. Is-sistema l-ġdida ta’ kummerċ ta’ l-emissjonijiet mifruxa ma’ l-UE kollha sejra tgħin sabiex tiġi ffaċċjata din il-problema billi tbaxxi l-ispiża tat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet u b’hekk tigwida lill-kumpaniji Ewropej fid-direzzjoni t-tajba qabel ma tibda l-iskema globali ta’ Kjoto fl-2008.

Taħt l-iskema l-ġdida ta’ l-UE, madwar 10,000 kumpaniji Ewropej, mill-1 ta’ Jannar ta’ l-2005, sejrin ikunu jistgħu jixtru u jbiegħu permessi għall-emissjoni tad-dijossidu tal-karbonju. Il-kumpaniji sejrin ikunu mogħtija miri ta’ emissjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali u dawk illi jirnexxielhom jipproduċu livelli anqas mill-miri tagħhom sejrin ikunu jistgħu ibigħu il-kwoti żejda tagħhom. Fi kliem ieħor, jekk fabbrika tikser il-limitu tagħha, tkun tista’ tixtri “drittijiet għat-tniġġis” mingħand kumpaniji oħra fl-Ewropa li jkunu naqqsu l-emissjonijiet tagħhom.

Billi toħloq suq ta’ xerrejja u bejjiegħa ta’ dawn il-konċessjonijiet, l-UE tittama li tipprovdi inċentivi għat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet. Il-profitti li jistgħu isiru mill-bejgħ ta’ konċessjonijiet ta’ emissjoni għandu jħajjar lill-kumpaniji jiżviluppaw u jużaw teknoloġiji nodfa. Skema mifruxa ma’ l-UE kollha (minflok skemi nazzjonali) tevita wkoll li jkun hemm distorsjoni fil-kompetizzjoni fl-industrija. L-iskema hija mistennija illi tnaqqas l-ispiża ta’ l-UE sabiex tilħaq il-miri tal-Protokoll ta’ Kjoto b’1.3 billjun Euro fis-sena sa l-2010, jiġifieri 35% ta’ l-ispiża totali.

Is-sistema ser tidħol fis-seħħ f’żewġ stadji, b’fażi ta’ prova li tieħu mill-2005 sa l-2007 u t-tieni fażi mill-2008 sa l-2012. L-Istati Membri ta’ l-UE kellhom jfasslu l-pjanijiet nazzjonali tagħhom sa Marzu 2004.

Skema obbligatorja

Xi gvernijiet nazzjonali riedu li s-sistema tkun applikata fuq bażi volontarja iżda l-Parlament qabel mal-fehma tal-Kummissjoni illi din għandha tkun obbligatorja ma’ l-UE kollha, kemm għal raġunijiet ambjentali kif ukoll biex tevita distorsjoni tas-suq.

Il-gvernijiet ippressaw għal opt outs fl-iskema illi jippermettu lil industriji sħaħ ikunu eżentati. Iżda il-Parlament insista għal opt outs limitata li jkunu applikabbli biss għal impjanti u fabbriki fuq bażi individwali, bl-argument li eżenzjonijiet komprensivi fuq industrija sħiħa jnaqqsu l-effettività tas-sistema.

Għall-ewwel, l-iskema kienet maħsuba biex tapplika biss għat-tniġġis mid-dijossidu tal-karbonju u għall-industriji ta’ l-enerġija, tal-metalli li fihom il-ħadid, tal-karta u tal-minerali, li jammontaw għal madwar 46% ta’ l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju. Il-pjan kien illi l-Kummissjoni tiddeċiedi aktar tard, wara rapport ta' progress, jekk għandhiex tinkludi aktar industriji u gassijiet. Iżda l-MPE irnexxielhom jagħmlu pressjoni biex l-Istati Membri jitħallew jinkludu, fi stadji, industriji oħrajn fuq bażi volontarja. Barra minn hekk, ir-rapport ta' progress tal-Kummissjoni sejjer jiffoka partikolarment fuq jekk għandhomx jiġu inklużi l-industriji tal-kimiċi, ta’ l-aluminju u tat-trasport. Fl-aħħar nett, bis-saħħa tal-Parlament, kull Stat Membru issa jista’ japplika minn jeddu sabiex jinkludi gassijiet tas-serer oħra mill-2008 'il quddiem.

Min iniġġes iħallas

Kwestjoni oħra taħraq kienet kif l-awtoritajiet nazzjonali għandhom eżattament jallokaw il-konċessjonijiet ta’ l-emissjonijiet. Il-Kummissjoni pproponiet illi l-konċessjonijiet kellhom għall-ewwel jinħarġu bla ħlas lill-kumpaniji skond l-istorja tal-livell ta’ emissjonijiet tagħhom. Iżda l-MPE ħassew illi dan kien sejjer kontra l-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, li kien inġust ma’ kumpaniji ġodda li deħlin fis-suq u li jwassal għad-distorsjoni tas-suq. Għalhekk ssuġġerew sistema mħallta fejn ħafna mill-permessi jiġu allokati bla ħlas imma perċentwali minnhom jkunu mibjugħa bl-irkant. Intlaħaq kompromess li ħalla lill-gvernijiet jirkantaw 5% tal-permessi għal tlett snin mill-1 ta’ Jannar ta’ l-2005 u 10% fit-tieni fażi. Aktar irkanti jistgħu jiġu mdaħħla wara l-2012.

Il-Parlament sostna illi l-gvernijiet individwali ma għandhomx ikunu jistgħu joħorġu konċessjonijiet għal emissjonijiet bla limitu. Kull pajjiż ta’ l-UE issa sejjer ikollu jillimita l-kwoti li jalloka, u l-ammont totali għandu jikkonforma mal-limitu individwali tiegħu ta’ Kjoto.
Il-Protokoll ta’ Kjoto jippermetti illi pajjiżi industrijalizzati jużaw “mekkaniżmi ta’ flessibilità” sabiex jgħinuhom jilħqu il-miri tagħhom ta’ tnaqqis ta’ l-emissjonijiet, per eżempju, billi jinvestu fi proġetti ta’ tnaqqis tal-gass tas-serer f’pajjiżi oħra jew billi jittrasferixxu teknoloġiji nodfa għal pajjiżi lill-qegħdin jiżviluppaw. Madankollu, fuq insistenza tal-Parlament id-Direttiva tagħmilha ċara illi l-prijorità għandha tingħata għall-miżuri “domestiċi”.

Il-Protokoll ta’ Kjoto

It-temperaturi medji fl-Ewropa għolew b’madwar grad ċentigradu matul is-seklu għoxrin u din it-tendenza se tkompli tmur għall-agħar fil-mitt sena li ġejjin. Barra minn fenomeni naturali bħal varjazzjonijiet fl-attività solari, il-bnedmin huma responsabbli minn parti minn din il-bidla fil-klima minħabba t-tniġġis illi jipproduċu li jżomm is-sħana fl-atmosfera, b’hekk tinħoloq l-effett tas-serer. Id-dijossidu tal-karbonju (CO2) mill-industrija, mit-trasport u mis-sistemi li jipproduċu s-sħana huma l-kaġun prinċipali, flimkien ma’ xi gassijiet oħrajn bħall-metanu, ossidu nituż u l-fluworokarbonji.

L-Unjoni Ewropea għandha 5% tal-popolazzjoni tad-dinja iżda tipproduċi 15% tal-gassijiet tas-serer kollha. Konxji ta' dan il-fatt, l-UE ħadet ħsieb illi jkollha rwol kostruttiv fin-negozjati tal-protokoll ta’ Kjoto, li ġie miftiehem mill-komunità internazzjonali fl-1997 sabiex tissaħħaħ u tkun implimentata l-konvenzjoni ta' qafas tal-Ġnus Magħquda dwar it-tibdil fil-klima. Il-protokoll jistabbilixxi miri li jorbtu għat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet tal-gassijiet tas-serer.
L-introduzzjoni ta’ sistema ta’ kummerċ ta’ l-emissjonijiet tal-gass tas-serer bejn l-Istati Membri ta’ l-UE huwa pjan ta’ azzjoni aktar wiesgħa illi jfittex li jippromwovi enerġiji nodfa u rinnovabbli u, fit-tul, jipprepara l-infrastruttura ta’ l-Ewropa għall-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima.



  
Rapporteur:
  
Tniggis ta’ l-arja, emissjoni tal-gass tas-serer: Jorge Moreira da Silva (EPP-ED, P)
  
Gurnal Ufficjali - Atti Finali:
  
Tniggis ta’ l-arja, emissjoni tal-gass tas-serer – ghadu mhux disponibbli

 

 

 
  Publishing deadline: 2 April 2004