Il-Parlament Ewropew
fl-azzjoni
Punti Prinċipali 1999-2004

 
Il-Parlament Ewropew
Riforma ta’ l-UE
Tkabbir
Id-drittijiet taċ-ċittadini
Il-Ġustizzja
u l-affarijiet ta’ l-intern
Relazzjonijiet barranin
Protezzjoni Ambjentali /
tal-Konsumatur
Ir-responsabilità ambjentali
It-tniġġis ta’ l-arja
Il-gassijiet tas-serra
Iż-żjut tal-karozzi II
L-iskart elettroniku
L-iskart ta’ l-ippakkjar
Is-sigurtà ta’ l-ikel
Il-GMOs
It-tabakk
It-tniġġis bil-ħsejjes
Il-kosmetici
It-tessuti u ċ-ċelloli umani
Trasport / Politika Reġjonali
Agrikoltura / Sajd
Il-politika ekonomika
u monetarja
Il-Politika ta’ l-Impjiegi
u Soċjali / Drittijiet tan-nisa
Suq intern / Industrija / Enerġija / Riċerka
 

EPP-ED PSE Group ELDR GUE/NGL The Greens| European Free Alliance UEN EDD/PDE


It-tniġġiż mill-vetturi qiegħed jiġi kkontrollat

L-imwiet f'inċidenti tat-triq m'humiex l-uniċi imwiet ikkawżati mit-traffiku. It-tniġġiż mill-vetturi joqtol ukoll - b'mod aktar insidjuż - u jista' jitqies bħala responsabbli għal eluf ta' mwiet fl-Unjoni Ewropea kull sena. Dan mingħajr ma nsemmu l-kontribut tiegħu lejn l-effett serra. Sa mill-bidu tas-snin disgħin, l-UE bdiet tnaqqas it-tniġġiż u l-Parlament Ewropew ta' spiss irnexxielu jimponi regoli stretti biex inaqqas il-ħsara li jagħmel il-fjuwil u jħeġġeġ l-iżvilupp ta' vetturi li jniġġsu inqas.

Fil-term leġislattiv li għadda, il-Parlament Ewropew kien diġà kellu influwenza qawwija fuq sensiela ta' miżuri addottati fl-1998 dwar il-Programm 'Auto-Oil' li l-għan tiegħu hu li jitnaqqsu l-emissjonijiet inkwinanti mill-vetturi b'mutur. L-iskop tal-MPE kien li r-regoli dwar il-kwalità tal-fjuwil u l-valuri ta' limitu għall-emissjonijiet inkwinanti jsiru jorbtu. Sabiex dan isir obbligatorju, huma aċċettaw livelli ftit inqas riġidi minn dawk proposti mill-gvernijiet ta' l-Istati Membri, bil-ftehim li ċerti punti għandhom jiġu riveduti fit term leġislattiv ta' wara skond l-impatt tagħhom.

Fjuwil aktar nadif

Fit-term leġislattiv li kien jmiss, il-Parlament kellu qabel kollox jaddotta regoli ġodda dwar il-kwalità tal-fjuwil. Huwa żgura li l-petrol u d-diesel għandhom ikunu kważi kompletament mingħajr kubrit sa l-2009. Fl-1998, il-Membri kienu diġà stabilixxew limitu ta' 50 ppm (parti għal kull miljun) ta' kubrit fil-fjuwil sa l-2005. Dan kien diġà tnaqqis drammatiku fit-tniġġiż mid-SO2. Id-direttiva l-ġdida naqqset dan il-limitu għal 10 ppm sa l-2009, jiġifieri sentejn qabel l-iskadenza mogħtija mill-Kummissjoni. Il-fjuwil mingħajr kubrit għandu jkun fis-suq sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2009. Dan it-tip ta' fjuwil jiffaċilita l-użu ta' teknoloġiji katalitiċi avvanzati u jnaqqas l-emissjonijiet partikulati. Il-petrol biċ-ċomb mhux se jkun jista' jinbiegħ wara l-1 ta' Jannar 2005.

Il-Parlament insista biex id-direttiva l-ġdida tkopri mhux biss il-vetturi tat-triq iżda wkoll makkinarju mhux għat-triq bħal gafef u tractors forestali u agrikoli, li fil-preżent huma spiss inkwinanti ħafna u li, għalkemm mhux fi żmien immedjat, se jkollom ikunu konformi ma' l-istess standards tal-vetturi l-oħra. Il-Parlament ukoll ra li l-Istati Membri jiġu mistiedna sabiex idaħħlu nċentivi fiskali biex iħeġġu l-użu ta' fjuwil aktar nadif.

Vetturi li jniġġżu inqas

Iż-żewġ proposti l-oħra għad-direttivi koperti mill-ftehim kienu mmirati biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gass ta' l-egżost mill-vetturi bil-mutur u vetturi kummerċjali l-ħfief. Grazzi għall-isforzi tal-Parlament, ġew addottati standards obbligatorji li kienu aktar stretti minn dawk ta' pajjiżi terzi. Barra minn dan, l-implimentazzjoni ta' dawn l-istandards ma kinitx limitata biss għall-vetturi ġodda, għax l-iskop tad-direttiva l-ġdida kien jinkludi l-magni petrol u diesel kollha li jkunu għadhom qed jiġu wżati. Issaħħaħ ukoll it-tagħmir li għandu jiżgura d-durabbiltà (sistemi djanjostiċi).

Fil-każ ta' vetturi tal-passiġġieri, il-Parlament tenna l-ħtieġa ta' l-installazzjoni ta' sistemi djanjostiċi fil-vetturi (sistemi OBD) sabiex tiġi kkontrollata l-medda ta' żmien tal-ħidma tat-tagħmir ta' kontra t-tniġġiż. Fuq talba tal-Parlament, mill-2005 t-tagħmir ta' kontra t-tniġġiż irid ikun effettiv għallinqas għal 100,000 km jew ħames snin. Il-ftehim kien jinkludi ukoll emenda mill-Parlament fuq l-introduzzjoni ta' proċedura ta' kontroll 'bil-magna mixgħula minn kiesħa' (cold test).
Il-Parlament huwa tal-fehma li għandu jintlaħaq ftehim volontarju ma' l-industrija tal-karozzi dwar it-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tad-CO2, iżda insista li l-Kummissjoni għandha taħseb biex tintroduċi leġiżlazzjoni obbligatorja jekk dawn in-negozjati jfallu.

It-tielet direttiva, li tikkonċerna t-tnaqqis ta' l-emissjonijiet mill-vetturi kummerċjali l-ħfief, tirrigwarda l-vetturi għat-tqassim tal-prodotti fl-ibliet, fejn hu partikolarment meħtieġ li titjieb il-kwalità ta' l-arja. Ħafna mid-dispożizzjonijiet tad-direttiva għat-trasport tal-passiġġieri jistgħu jiġu applikati għall-vetturi għat-tqassim tal-prodotti. Minkejja dan, il-fatt li l-magni ta' dawn il-vetturi huma ddisinjati b'mod differenti mill-oħrajn fisser li l-parametri kellhom jiġu modifikati.
Għall-futur, il-Kummissjoni ma tistax tagħmel proposti biex jinbidlu l-parametri mandatorji għall-2005, li jistgħu jiġu 'modifikati' biss fid-dawl ta' avvanz tekniku jew tas-sitwazzjoni tal-fornitura taż-żejt.

vetturi b'żewġ u tliet roti wkoll

Minkejja li l-vetturi b'żewġ u tliet roti huma biss it-2 jew it-3% tat-traffiku fl-Ewropa, dawn jiġġeneraw il-15% ta' l-emissjonijiet tat-tniġġiż tat-trasport. Il-muturi, bħall-karozzi, iridu jkunu aktar 'indaf' sa l-2006. Il-Parlament u l-Kunsill kellhom jidħlu f'negozjati qabel ma laħqu ftehim fuq sensiela ta' miżuri stretti f'Marzu ta' l-2002. Kif kien il-każ għall-karozzi, il-Parlament laħaq l-iskop tiegħu li jistabilixxi limiti ta' emissjonijiet li jorbtu għall-vetturi b'żewġ u tliet roti, u li għandhom jiġu applikati sa mill-2006. Il-Membri żguraw ukoll l-introduzzjoni ta' rekwiżiti stretti dwar it-tagħmir tal-kontroll ta' l-emissjonijiet, li għandu jaħdem sew għallinqas għal 30,000 km.

Riċiklaġġ ta' vetturi għall-iskrapp

Il-vetturi ma jiġġenerawx tniġġiż biss meta jkunu fuq it-toroq. Il-karozzi għall-iskrapp ilaħħqu mad-disa' miljun tunnellata ta' skart akkumulat fl-Ewropa kull sena! Tabilħaqq, kważi tliet kwarti ta' dan l-iskart huwa rriċiklat f'forma ta' metall skrapp. Però xorta waħda jkun għad fadal il-plastik, il-lastku, iż-żejt u l-metalli tqal, li huma ta' periklu għall-ambjent. Kważi l-10% ta' l-iskart perikoluż fl-UE fis-sena jiġi mill-karozzi. X'jista' jsir dwar dan? Diġà fl-1992, il-PE kien talab lill-Kummissjoni biex tressaq proposta leġiżlattiva. Dik il-proposta tressqet lill-Parlament fl-1997 u fl-aħħar ġiet addottata fl-2000 wara proċedura ta' konċiljazzjoni mal-Kunsill.

Intlaħaq ftehim biss wara negozjati diffiċli. Sa mill-bidu, il-Membri tal-PE kellhom għanijiet ambizzjużi għall-ġbir u l-użu mill-ġdid ta' l-iskart li jiġi prodott. Riedu wkoll l-eliminazzjoni tal-metalli tqal, l-esklużjoni tal-vetturi antiki mill-oqsma koperti mid-direttiva u l-ħlas ta' l-ispejjeż tar-riċiklaġġ isir mill-produttur u mhux minn mill-utent aħħari. It-talbiet tal-PE fuq dawn il-punti kważi kollha intlaqgħu wara diskussjonijiet diffiċli mal-Kunsill. Fost ħwejjeġ oħra, il-kunsinna tal-vetturi għall-iskrapp se tkun mingħajr ħlas għas-sid aħħari ta' karozza li tkun tpoġġiet fuq is-suq wara l-1 ta' Lulju 2002. Fil-każ ta' vetturi eqdem, dawn l-obbligi se jaqgħu biss fuq il-produtturi mill-2007 'il quddiem.

L-użu ta' metalli tqal bħaċ-ċomb, il-merkurju, il-kadmju u il-kromju eżavalenti fil-produzzjoni tal-karozzi m'għadux permess sa mill-1 ta' Jannar 2003. Mill-1 ta' Jannar 2006 (il-Membri tal-PE riedu li jkun l-2005 iżda taw konċessjoni ta' sena lill-industrija biex taddatta ruħha), għallinqas 85% tal-piż tal-vettura jrid ikun jista' jiġi rkuprat u 80% jista' jerġa' jiġi wżat jew riċiklat. Dawn il-perċentwali għandhom jitilgħu sa 95% u 85% rispettivament mill-2015. Skond ix-xewqat tal-Parlament, il-vetturi antiki - jiġifieri l-vetturi storiċi jew il-vetturi li għandhom valur għall-kollezzjonisti jew li huma ddestinati għall-mużewijiet - m'humiex soġġetti għal din id-direttiva.



  
Rapporteurs:
  
It-tniggiz ta' l-arja: emissjonijiet minn vetturi bil-mutur, programm 'Auto-oil': Bernd Lange (PES, D)
It-tniggiz ta' l-Arja: emissjonijiet minn vetturi non-personali bil-mutur fl-2000: Bernd Lange (PES, D)
Il-kwalità ta' l-Arja: emissjonijiet minn vetturi b'zewg u tliet roti: Bernd Lange (PES, D)
Il-kwalità tal-petrol u d-diesel: Heidi Anneli Hautala (Greens/EFA, FIN) - m'ghadhiex Membru tal-PE
Il-kwalità tal-petrol u d-diesel: kontenut tal-kubrit: Heidi Anneli Hautala (Greens/EFA, FIN) - m'ghadhiex Membru tal-PE
Il-vetturi ghall-iskrapp: Karl-Heinz Florenz (EPP-ED, D)
  
Gurnal Ufficjali - Atti Finali:
  
It-tniggiz ta' l-arja: emissjonijiet minn vetturi bil-mutur, programm 'Auto-oil'
It-tniggiz ta' l-arja: emissjonijiet minn vetturi bil-mutur non-personali fl-2000
Il-kwalità ta' l-arja: emissjonijiet minn vetturi b'zewg u tliet roti
Il-kwalità tal-petrol u d-diesel
Il-kwalità tal-petrol u d-diesel: kontenut tal-kubrit
Il-vetturi ghall-iskrapp

 

 

 
  Publishing deadline: 2 April 2004