L-MEPs 

Il-Parlament Ewropew hu magħmul minn 751 Membru eletti fil-28 Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea wara t-tkabbir. Sa mill-1979, il-Membri tal-PE jiġu eletti b'suffraġju universali dirett għall-perjodu ta' ħames snin.

       

Kull pajjiż jiddeċiedi dwar il-forma tal-elezzjoni tiegħu, iżda jrid jiggarantixxi ugwaljanza bejn il-ġeneri u votazzjoni sigrieta. L-età tal-votazzjoni hi 18, apparti l-Awstrija, fejn hi 16.

Is-siġġijiet jiġu allokati abbażi tal-popolazzjoni ta' kull Stat Membru. Ftit aktar minn terz tal-Membri tal-PE huma nisa. Il-Membri jiġu raggruppati skont l-affinità politika u mhux in-nazzjonalità.

Il-Membri jqattgħu ħinhom fil-kostitwenzi tagħhom, fi Strasburgu - fejn kull sena jsiru 12-il sessjoni plenarja - u fi Brussell, fejn jattendu seduti plenarji addizzjonali, kif ukoll laqgħat tal-kumitati u tal-gruppi politiċi.

It-termini u l-kundizzjonijiet għall-Membri huma stabbiliti fl-Istatut tal-2009.

Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-Parlament Ewropew 

Il-Kodiċi ta' Kondotta daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2012. Dan jispeċifika, bħala l-prinċipji ta’ gwida tiegħu, li l-Membri għandhom jaġixxu biss fl-interess pubbliku u jwettqu ħidmiethom b’diżinteress, integrità, trasparenza, diliġenza, onestà, responsabilità u rispett għar-reputazzjoni tal-Parlament.

Il-Kodiċi ta' Kondotta tiddefinixxi l-kunflitti ta' interess u l-mod kif il-Membri għandhom jindirizzawhom u tinkludi regoli dwar, pereżempju, ir-rigali uffiċjali lill-Membri u l-attivitajiet professjonali tal-ex Membri.

Il-Kodiċi ta' Kondotta tobbliga wkoll lill-Membri jressqu dikjarazzjoni dettaljata tal-interessi finanzjarji tagħhom. Il-Membri huma obbligati wkoll li jiddikjaraw l-attendenza tagħhom għal avvenimenti organizzati minn partijiet terzi meta r-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, tal-akkomodazzjoni u ta' sussistenza tal-Membri, jew il-ħlas dirett ta' dawn l-ispejjeż, ikun kopert minn parti terza. Dawn id-dikjarazzjonijiet jirriflettu r-regoli u l-istandards ta' trasparenza aktar impenjattivi stabbiliti fil-Kodiċi ta' Kondotta. L-informazzjoni fornuta mill-Membri fid-dikjarazzjonijiet tagħhom tista' tinstab fil-paġni tal-profil individwali tal-Membri.

Il-Membri jridu jiddikjaraw ukoll ir-rigali li jirċievu meta jirrappreżentaw il-Parlament f'kariga uffiċjali, skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-Miżuri ta' Implimentazzjoni għall-Kodiċi ta' Kondotta. Tali rigali jitniżżlu fir-reġistru tar-rigali.

Kwalunkwe Membru li jinsab ħati mill-ksur tal-Kodiċi ta' Kondotta jista' jingħata piena mill-President. Din il-piena titħabbar mill-President waqt is-sessjoni plenarja u tiġi ppubblikata b'mod prominenti fuq is-sit tal-internet tal-Parlament sa tmiem il-mandat parlamentari.

Kumitat Konsultattiv dwar l-Imġiba tal-Membri 

Il-Kumitat Konsultattiv dwar l-Imġiba tal-Membri Parlamentari huwa l-korp inkarigat sabiex jiggwida lill-Membri dwar l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta. Fuq talba tal-President, il-Kumitat Konsultattiv jevalwa wkoll il-każijiet ta' ksur allegat tal-Kodiċi ta' Kondotta u jagħti parir lill-President dwar il-miżuri eventwali li għandhom jittieħdu.

Il-Kumitat Konsultattiv huwa magħmul minn ħames Membri. Dawn jinħatru mill-President abbażi tal-esperjenza tagħhom u ta' bilanċ politiku bejn il-gruppi politiċi tal-Parlament. Kull wieħed mill-ħames Membri jieħu l-presidenza għal sitt xhur fuq bażi ta' rotazzjoni. Il-President jaħtar ukoll membru ta' riserva għal kull grupp politiku li nkella ma jkunx rappreżentat fil-Kumitat Konsultattiv.

Il-Kumitat Konsultattiv jippubblika rapport annwali dwar il-ħidma tiegħu.

Is-salarji u l-pensjonijiet 


Is-salarju tal-MPE 

Il-MPE, b'mod ġenerali, jirċievu l-istess salarju skont l-istatut uniku li daħal fis-seħħ fl-Lulju 2009.

Is-salarju ta’ kull xahar tal-MPE skont l-istatut uniku huwa €8,757.70 qabel ma tinqata' t-taxxa, u dan mill-1 ta' Lulju 2018. Is-salarju jitħallas mill-baġit tal-Parlament u huwa soġġett għal taxxa tal-UE u għal kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni; wara dan it-tnaqqis, is-salarju nett ikun €6,824.85. L-Istati Membri jistgħu wkoll jissoġġettaw dan is-salarju għat-taxxi nazzjonali tagħhom. Is-salarju bażiku huwa stabbilit fil-livell ta' 38.5% ta' dak ta' mħallef fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

Hemm xi eċċezzjonijiet: dawk il-MPE li kienu fil-Parlament qabel l-elezzjonijiet tal-2009 setgħu jagħżlu li jżommu s-sistema nazzjonali preċedenti għas-salarju, għall-allowance tranżizzjonali u għall-pensjonijiet.

Il-pensjonijiet 

Skont l-istatut, ex Membri huma intitolati għal pensjoni mill-età ta' 63. Il-pensjoni hija ugwali għal 3.5% tas-salarju għal kull sena sħiħa ta' eżerċizzju tal-mandat, imma ma tistax tkun aktar minn total ta' 70%. Dawn il-pensjonijiet jitħallsu mill-baġit tal-Unjoni Ewropea.

Skema ta’ pensjoni addizzjonali li kienet ġiet introdotta għall-MPE fl-1989, minn Lulju 2009 ma baqgħetx tilqa' membri ġodda, u qed titneħħa gradwalment.

Allokazzjonijiet li jitħallsu lill-Membri tal-Parlament Ewropew 


Bħall-Membri tal-parlamenti nazzjonali, il-Membri tal-Parlament Ewropew jirċievu numru ta’ allokazzjonijiet li huma intenzjonati biex ikopru l-infiq tagħhom waqt il-qadi tad-dmirijiet parlamentari tagħhom.

Allokazzjoni tal-infiq ġenerali 

Din l-allokazzjoni hija intenzjonata biex tkopri l-infiq fl-Istat Membru tal-elezzjoni, bħall-ispejjeż għall-immaniġġjar tal-uffiċċju tal-Membri, ħlasijiet tat-telefown u postali, u x-xiri, it-tħaddim u l-manutenzjoni ta’ tagħmir tal-kompjuter u tat-telematika. L-allokazzjoni tkun in-nofs li hi fil-każ ta’ Membri li, mingħajr ġustifikazzjoni xierqa, ma jattendux nofs in-numru tas-sessjonijiet plenarji f’sena parlamentari waħda (minn Settembru sa Awissu).

L-ammont ta’ din l-allokazzjoni fl-2019 huwa ta’ EUR 4 513 kull xahar.

Spejjeż tal-ivvjaġġar 

Ħafna laqgħat tal-Parlament Ewropew, bħas-sessjonijiet plenarji, laqgħat tal-kumitati u laqgħat tal-gruppi politiċi, isiru fi Brussell jew fi Strasburgu. L-MEPs jingħataw l-ispejjeż attwali tal-biljetti tal-ivvjaġġar tagħhom biex jattendu għal dawn il-laqgħat meta jippreżentaw l-irċevuti, sa massimu ta’ tariffa tal-ajru ‘business class’ D jew kategorija simili, tariffa tat-trenn ‘first class’ jew €0.53 għal kull kilometru (limitu ta' 1000 kilometru) ta’ vjaġġar bil-karozza, minbarra allokazzjonjijiet fissi bbażati fuq id-distanza u t-tul ta’ żmien tal-vjaġġ li jkopri l-ispejjeż l-oħra tal-ivvjaġġar (bħal pereżempju, in-nollijiet tal-motorways, l-ispejjeż ta’ piż eċċessiv tal-bagalji jew tal-ibbukkjar).

Spejjeż oħra għall-vjaġġi 

Il-Membri ta’ spiss ikollhom jivvjaġġaw barra jew ġewwa mill-Istat Membru ta’ elezzjoni tagħhom biex jaqdu dmirijiethom għal raġunijiet differenti minn laqgħat uffiċjali (pereżempju, biex jattendu konferenza jew biex jagħmlu żjara ta’ xogħol).

Għal dan l-għan, għall-attivitajiet barra l-Istat Membru ta' elezzjoni tagħhom, il-Membri jistgħu jibbenefikaw minn rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, ta' soġġorn u spejjeż oħra b'rabta ma' dan sa ammont massimu annwali ta' EUR 4 454. Għall-attivitajiet fl-Istat Membru ta' elezzjoni tagħhom, huma biss l-ispejjeż tat-trasport li jiġu rimborżati, b'ammont massimu annwali stabbilit skont il-pajjiż.

Allowance għas-sussistenza 

  • Il-Parlament jagħti allowance ta' darba ta' EUR 320 għal kull jum, ammont li jkopri t-totalitàtal-ispejjeż l-oħra tal-Membri matul il-perjodi ta' attività parlamentari, bil-kundizzjoni li huma jagħtu prova tal-preżenza tagħhom billi jiffirmaw wieħed mir-reġistri uffiċjali miftuħa għal dan l-iskop.
  • L-allowance titnaqqas bin-nofs jekk il-Membri ma jieħdux sehem f'iktar minn nofs il-votazzjonijiet ta’ rassenja li jsiru fis-sessjonijiet parzjali, anke jekk ikunu preżenti. Għal-laqgħat organizzati barra l-Unjoni Ewropea, l-allowance hija ta' EUR 160 (dejjem bil-kundizzjoni tal-iffirmar ta' reġistru), u l-ispejjeż ta' soġġorn jiġu rimborżati b'mod separat.

Dispożizzjonijiet dwar il-persunal 


Il-Membri tal-Parlament Ewropew jistgħu jagħżlu huma stess lill-assistenti tagħhom fil-limiti ta' pakkett baġitarju ddefinit mill-Parlament u skont il-kundizzjonijiet iddefiniti mill-Kapitolu 5 tal-Miżuri ta' Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri.

Fl-2019, l-ammont massimu disponibbli fix-xahar hu ta' EUR 24 943 għal kull Membru. Dan l-ammont ma jingħatax lill-Membri iżda jitħallas bħala salarju lill-assistenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet u jkollhom kuntratt validu, u lill-entitajiet responsabbli biex jiġbru t-taxxa fuq is-salarji.

Il-Membri jistgħu jimpjegaw diversi tipi ta' assistenti.

L-assistenti akkreditati, imqabbda fi Brussell (jew fil-Lussemburgu/Strasburgu), jiddependu direttament fuq l-amministrazzjoni tal-Parlament. Il-Membri jistgħu jirreklutaw tliet assistenti akkreditati, jew saħansitra erbgħa taħt ċertu kundizzjonijiet. Minn tal-anqas, 25 % mill-pakkett għall-assistenza parlamentari hu rriżervat għall-assistenti akkreditati.

Assistenti lokali jassistu lill-Membri fl-Istat Membru tal-elezzjoni tagħhom. Dawn il-kuntratti jiġu amministrati minn aġent tal-ħlas rikonoxxut li jiggarantixxi r-rispett għad-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mas-sigurtà soċjali u l-iskema tat-taxxa. Il-kuntratti tal-assistenti lokali għandhom ikunu jew kuntratti ta' xogħol jew kuntratti għall-forniment ta' servizz.

Trainees jistgħu jwettqu traineeship jew fil-postijiet tax-xogħol tal-Parlament jew fl-Istat Membru tal-elezzjoni.

L-ispejjeż totali għall-assistenti lokali u t-trainees ma jistgħux jaqbżu l-75 % tal-pakkett għall-assistenza parlamentari. L-ispejjeż għall-fornituri ta' servizzi biss madankollu ma jistgħux jaqbżu l-25 % ta' dan il-pakkett.

Tista' ssib aktar informazzjoni dwar ir-remunerazzjonijiet hawnhekk.

Ġew stabbiliti limiti massimi paragunabbli għall-fornituri li jkunu persuni ġuridiċi jew l-aġenti tal-ħlas.

Diversi Membri jistgħu jingħaqdu biex jifformaw grupp għar-reklutaġġ ta' assistent jew assistenti akkreditati jew imqabbda fl-Istati Membri. Huma għandhom jiddefinixxu bejniethom il-koeffiċjenti ta' tqassim tal-ispejjeż.

Il-Membri ma jistgħux iqabbdu lil qraba stretti bħala assistenti. L-assistenti tagħhom għandhom jevitaw l-attivitajiet esterni li x'aktarx joħolqu kunflitt ta' interessi.

L-ismijiet jew l-ismijiet tal-kumpaniji tal-assistenti kollha għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit tal-Parlament fuq l-internet għat-tul tal-kuntratt tagħhom, sakemm ma jiksbux deroga li tingħata biss għal raġunijiet ta' sigurtà ġġustifikati kif dovut.

L-elezzjonijiet Ewropej u nazzjonali f'ċifri 


The publication focuses on the results of the European elections of May 2014, on the history of 40 years of direct elections to the European Parliament, as well as on different national elections. The updated edition incorporates all the changes occurred in the composition of the Parliament, and includes details of the national elections held since that date.